Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 2009 - Toshiba vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-519/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Toshiba Corp. (rappreżentanti: J. MacLennan, Solicitor, A. Schulz, J. Jourdan u P. Berghe, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar proċediment skont l-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) u l-Artikolu 53 ŻEE fil-Każ COMP/39.129 - Transformers tal-Elettriku, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti;

tannulla l-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

sussidjarjament, jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi kkonfermata fl-intier tagħha jew in parti, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti;

tieħu kull miżura li tista' tiġi kkunisdrata bħala neċessarja sabiex tiġi implementata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2009 (Każ COMP/39.129 - Transformers tal-Elettriku) sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 ŻEE meta pparteċipat fit-tqassim tas-swieq permezz ta' Gentlemen's Agreement bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi tat-transformers tal-elettriku sabiex dawn jirrispettaw is-swieq domestiċi rispettivi u sabiex jastjenu milli jbiegħu f'dawn is-swieq. Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob it-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

Ir-rikorrenti tressaq erba' motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx b'mod suffiċjenti skont il-liġi l-eżistenza u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f'Gentlemen's Agreement jew inkella fi kwalunkwe akkordju jew prattika miftehma bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta' transformers tal-elettriku.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina l-kompetenza fir-rigward tal-allegat Gentlemen's Agreement, anki jekk dan kien, quod non, ipprovat. Hija ssostni li, fid-dawl tal-ostakoli għad-dħul għoljin ħafna, akkordju bħal dan ma setax ikollu effett immedjat u sostanzjali fuq il-kompetizzjoni fl-UE jew influwenza fuq il-mudell tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Fit-tielet motiv tagħha, imressaq sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball fid-deċiżjoni tagħha dwar it-tul tal-ksur u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fih. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx li ċerti laqgħat kellhom l-inqas għan jew effett antikompetittiv u li bil-parteċipazzjoni tagħha fihom, ir-rikorrenti kisret id-dritt Komunitarju.

B'mod iktar sussidjarju, fir-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u ta' fatt meta ffissat l-ammont bażi tal-multa. L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta għażlet is-sena ta' referenza fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti, u b'hekk injorat il-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta injorat l-ostakoli għad-dħul għoljin ħafna fis-suq Ewropew u meta assumiet li Toshiba setgħet tikseb fis-suq ŻEE l-istess sehem mis-suq bħal fis-suq dinji. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-punt 18 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi sabiex tiġġustifika l-istima tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti fiż-ŻEE fuq il-bażi tal-bejgħ dinji tagħha pjuttost milli teżamina biss l-uniċi swieq milquta mill-allegat ksur. Konsegwentement, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-multa li ġiet imposta fuqa hija sproporzjonata.

____________