Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2009 - Alstom vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-517/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Alstom (Levallois Perret, Franza) (rappreżentanti: J. Derenne u A. Müller-Rappard, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2009 fil-Każ COMP/F/39.129 - Transformers tal-Elettriku; u

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2009;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors Alstom titlob, minn naħa waħda, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 7601 finali mogħtija fis-7 ta' Ottubru 2009 - Transformers tal-Elettriku dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (issa Artikolu 101 TFUE) u l-Artikolu 53 ŻEE, dwar akkordju fis-suq Ewropew tat-transformers tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2009 li tiċħad it-talba ta' Alstom sabiex tagħti garanzija finanzjarja matul il-proċeduri mibdija permezz ta' dan ir-rikors.

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2009, ir-rikorrenti tissolleva tliet motivi bbażati fuq:

ksur tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għas-solidarjetà inkwantu l-Kummissjoni iddikjarat bħala responsabbli in solidum għall-istess ksur żewġ impriżi, li l-Kummissjoni ma setgħetx, individwalment u b'mod awtonomu, iżomm bħala direttament u formalment responsabbli tal-ksur;

-    ksur tal-Artikolu 296 TFUE inkwantu d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata:

-    b'motivazzjoni insuffiċjenti dwar l-eżistenza ta' influwenza fuq il-kummerċ bejn Stati Membri;

-    b'nuqqas ta' motivazzjoni dwar l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li Alstom ma kkonfutatx il-preżunzjoni ta' responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja u ma wrietx l-awtonomija tas-sussidjarja;

-    b'kuntradizzjoni tal-motivi fir-rigward tar-responsabbiltà kumulattiva ta' Alstom u ta' Alstom T&D SA;

ksur tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tar-regoli dwar l-imputabbiltà tal-kumpanniji parent fir-rigward ta' ksur kommess mis-sussidjarji tagħhom inkwantu l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ġurisprudenza li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea u li għalhekk ma għandhiex tiġi applikata peress li ħolqot, permezz ta' deċiżjoni ġudizzjarja, prinċipju ta' preżunzjoni inkonfutabbli, ibbażata mhux fuq l-awtonomija jew l-aġir fis-suq iżda fuq ir-rabtiet ekonomiċi, legali u organizzattivi, karatteristiċi ġeneriċi inerenti għal kull grupp ta' kumpanniji.

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2009, ir-rikorrenti tissolleva s-segwenti motivi bbażati fuq:

nuqqas ta' bażi legali inkwantu d-deċiżjoni li tiċħad it-talba sabiex tagħti garanzija finanzjarja matul il-proċeduri ta' annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2009 ma hijiex legalment ibbażata, la fuq ir-Regolament finanzjarju tal-Kunsill Nru 1605/20021, u lanqas fuq ir-regolament ta' implementazzjoni tiegħu Nru 2342/2002, emendat bir-Regolament Nru 1248/20062;

ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi inkwantu d-deċiżjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà interpretat b'mod żbaljat l-aspettattivi leġittimi li l-prassi preċedenti tal-Kummissjoni kienet żviluppat;

ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza inkwantu l-approċċ il-ġdid tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, mingħajr miżura ta' pubbliċità preċedenti jew miżuri tranżitorji, poġġa lil Alstom f'pożizzjoni inugwali meta mqabbla mad-debituri ta' ammendi li setgħu jagħtu garanzija finanzjarja qabel il-bdil ta' dan l-approċċ;

ksur tal-obbligu li żball ta' interpretazzjoni jiġi kkorreġut pubblikament f'każ meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-prassi preċedenti tal-Kummissjoni ma kinitx konformi mar-regolament finanzjarju applikabbli.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006, tas-7 ta' Awwissu 2006, li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 227, p. 3)