Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social nº 3 de Pamplona (Spanja) fis-6 ta’ Ottubru 2023 – UV vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

(Kawża C-623/23, Melbán 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social nº 3 de Pamplona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UV

Konvenut: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

Partijiet oħra: OP u Ministerio Fiscal

Domandi preliminari

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali 1 , għandha tiġi interpretata fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 60 tal-Ley General de Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem il-“LGSS”) ma tosservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, stabbilit fl-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva, fejn din il-leġiżlazzjoni, taħt it-titolu “Suppliment għall-pensjonijiet kontributtivi sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa”, tirrikonoxxi d-dritt għal suppliment għall-pensjonijiet kontributtivi tal-irtirar u tal-invalidità permanenti lin-nisa li kellhom tfal bijoloġiċi jew adottati u li jirċievu l-imsemmija pensjonijiet, mingħajr ebda rekwiżit ieħor u irrispettivament mill-ammont tal-pensjonijiet tagħhom, u ma tirrikonoxxix dan id-dritt taħt l-istess kundizzjonijiet lill-irġiel f’sitwazzjoni identika billi teżiġi, sabiex huma jkollhom aċċess għas-suppliment għall-pensjoni tagħhom tal-irtirar jew tal-invalidità permanenti, ċerti perijodi mingħajr kontribuzzjoni jew b’kontribuzzjonijiet imnaqqsa wara t-twelid tat-tfal jew wara l-adozzjoni tagħhom u, b’mod konkret, fil-każ ta’ tfal imwielda jew adottati sal-31 ta’ Diċembru 1994, iktar minn 120 jum mingħajr kontribuzzjoni bejn id-disa’ xhur qabel it-twelid u t-tliet snin ta’ wara l-imsemmija data jew, fil-każ ta’ adozzjoni, bejn id-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ adozzjoni u t-tliet snin sussegwenti, sakemm is-somma tal-ammonti tal-pensjonijiet irrikonoxxuti tkun inqas mis-somma tal-pensjonijiet dovuti lill-mara, u fil-każ ta’ tfal imwielda jew adottati mill-1 ta’ Jannar 1995, sakemm is-somma tal-bażijiet ta’ kontribuzzjoni tal-24 xahar wara t-twelid jew wara d-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ adozzjoni tkun inqas, b’iktar minn 15 %, minn dik tal-24 xahar immedjatament preċedenti, sakemm l-ammont tas-somom tal-pensjonijiet irrikonoxxuti jkun inqas mis-somma tal-pensjonijiet dovuti lill-mara?

Fil-każ li tiġi osservata diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess:

Id-Direttiva 79/7 timponi, bħala konsegwenza tad-diskriminazzjoni li tirriżulta mill-esklużjoni tal-pensjonant ta’ sess maskili, li huwa għandu jingħata s-suppliment għall-pensjoni tal-irtirar, anki jekk l-Artikolu 60 tal-LGSS jistabbilixxi li s-suppliment jista’ jingħata biss lil wieħed mill-ġenituri u, fl-istess ħin, huwa neċessarju li r-rikonoxximent tas-suppliment lill-pensjonant maskili ma jkollux bħala effett tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tan-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva, it-tneħħija tas-suppliment irrikonoxxut lill-mara li tirċievi pensjoni tal-irtirar meta hija tkun tissodisfa r-rekwiżiti legali li tkun omm ta’ wild wieħed jew iktar?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.