Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2021 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie, Tribunalul Bihor - ir-Rumanija) – proċeduri kriminali kontra PM (C-357/19) RO (C-357/19), SP (C-357/19), TQ (C-357/19), KI (C-379/19), LJ (C-379/19), JH (C-379/19), IG (C-379/19), FQ (C-811/19), GP (C-811/19), HO (C-811/19), IN (C-811/19), NC (C-840/19)

(Kawżi Magħquda C-357/19, C-379/19, C-547/19, C-811/19 u C-840/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress li sar mir-Rumanija sabiex tikseb ċerti punti ta’ riferiment speċifiċi fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Natura u effetti legali – Natura obbligatorja għar-Rumanija – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-korruzzjoni – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Artikolu 325(1) TFUE – Konvenzjoni ‘PIF’ – Proċeduri kriminali – Sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) dwar il-legalità tal-produzzjoni ta’ ċerti provi u l-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti fi kwistjonijiet ta’ korruzzjoni gravi – Obbligu għall-imħallfin nazzjonali li jagħtu effett sħiħ lid-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) – Responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet – Setgħa li jitħallew mhux applikati deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie, Tribunalul Bihor

Partijiet fil-kawża prinċipali

PM (C-357/19), RO (C-357/19), SP (C-357/19), TQ (C-357/19), KI (C-379/19), LJ (C-379/19), JH (C-379/19), IG (C-379/19), FQ (C-811/19), GP (C-811/19), HO (C-811/19), IN (C-811/19), NC (C-840/19)

Fil-preżenza ta’: Ministerul Public – Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie (C-357/19, C-811/19 u C-840/19), QN (C-357/19), UR (C-357/19), VS (C-357/19), WT (C-357/19), Autoritatea Naţională pentru Turism (C-357/19), Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (C-357/19), SC Euro Box Promotion SRL (C-357/19), Direcţia Naţională Anticorupţie – Serviciul Teritorial Oradea (C-379/19), JM (C-811/19)

kif ukoll fil-proċedura

CY, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” vs Inspecţia Judiciară, Consiliul Superior al Magistraturii, Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (C-547/19)

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, għandha, sakemm ma tkunx tħassret, torbot fl-intier tagħha għar-Rumanija. Il-punti ta’ riferiment stabbiliti fl-anness tagħha għandhom l-għan li jiżguraw li dan l-Istat Membru jħares l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE u għandhom natura vinkolanti għall-imsemmi Stat Membru, fis-sens li dan tal-aħħar huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri xierqa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li jitqiesu debitament, taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi tad-deċiżjoni msemmija, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti msemmija.

L-Artikolu 325(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Lulju 1995, kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, skont liema s-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ korruzzjoni u ta’ frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li ma jkunux ingħataw, fl-ewwel istanza, minn kulleġġi ġudikanti speċjalizzati f’din il-materja jew, fl-appell, minn kulleġġi ġudikanti li l-membri kollha tagħhom inħatru bix-xorti, huma assolutament nulli b’mod li l-kawżi ta’ korruzzjoni u ta’ frodi tal-VAT ikkonċernati għandhom, jekk meħtieġ wara rikors straordinarju kontra sentenzi finali, jiġu eżaminati mill-ġdid fl-ewwel u/jew fit-tieni istanza, sa fejn l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni jew ta’ din il-prattika nazzjonali hija ta’ natura li toħloq riskju sistemiku ta’ impunità għal fatti li jikkostitwixxu reati serji ta’ frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew ta’ korruzzjoni b’mod ġenerali. L-obbligu li jiġi żgurat li tali reati jkunu s-suġġett ta’ sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva ma jeżentax lill-qorti tar-rinviju milli tivverifika r-rispett meħtieġ tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma din il-qorti tkun tista’ tapplika standard nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jinvolvi tali riskju sistemiku ta’ impunità.

L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali fejn id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali nazzjonali jorbtu lill-qrati ordinarji, sakemm id-dritt nazzjonali jiggarantixxi l-indipendenza tal-Qorti Kostituzzjonali msemmija fir-rigward b’mod partikolari tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi, kif jeħtiġilha minn dawn id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u d-deċiżjoni msemmija għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali fejn kull nuqqas ta’ applikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali nazzjonali mill-imħallfin nazzjonali tad-dritt ordinarju huwa ta’ natura li joħloq ir-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali fejn il-qrati ordinarji nazzjonali huma marbuta b’deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali nazzjonali u ma jistgħux, minħabba f’hekk u bil-konsegwenza ta’ ksur dixxiplinari, iħallu mhux applikati, bl-awtorità tagħhom stess, il-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet, meta jikkonsidraw li, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ġurisprudenza tmur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 325(1) TFUE jew id-Deċiżjoni 2006/928.

____________

1 ĠU C 288, 26.8.2019.

ĠU C 246, 22.7.2019.

ĠU C 372, 4.11.2019.

ĠU C 54, 17.2.2019.

ĠU C 201, 15.6.2020.