Language of document : ECLI:EU:T:2018:820

Kawża T603/16

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Zoher Brahma

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali bi prova – Perijodu ta’ prova – Estensjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prova – Tkeċċija ma’ tmiem il-perijodu ta’ prova – Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Dritt għal smigħ – Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà – Rekwiżiti formali – Regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment – Ammissibbiltà – Dannu materjali – Dannu morali – Rabta kawżali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Novembru 2018

Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Il-perijodu taż-żmien legali  – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova lil hinn minn ħmistax-il xahar – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1))

Skont il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tul totali tal-perijodu ta’ prova fl-ebda ċirkustanza ma għandu jaqbeż il-ħmistax-il xahar. Skont interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni, l-ebda impediment tal-uffiċjal bi prova sabiex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu matul il-perijodu ta’ prova tiegħu ma jiġġustifika estensjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prova tiegħu li jmur lil hinn minn ħmistax-il xahar mid-data tal-bidu tal-perijodu ta’ prova. La l-kuntest u lanqas l-għanijiet imfittxija mir-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jinvalidaw din l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fir-rigward tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, l-istabbiliment ta’ tul massimu tal-perijodu ta’ prova għandu l-għan, minn naħa, li jillimita, fl-interess tal-amministrazzjoni kif ukoll tal-uffiċjal bi prova, il-perijodu li matulu r-relazzjoni ta’ xogħol tintlaqat minn ċerta prekarjetà u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat il-perijodu li fuqu l-Awtorità tal-Ħatra għandha tevalwa l-mod ta’ kif l-uffiċjal jaqdi dmirijietu. Dan l-għan jikkonferma l-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, billi jistabbilixxu, indipendentement mill-impedimenti tal-uffiċjal bi prova, it-tul massimu tal-perijodu ta’ prova tiegħu għal ħmistax-il xahar – mill-bidu tiegħu –, ir-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu limitazzjoni ratione temporis, b’mod assolut, fl-interess taċ-ċertezza legali, għar-relazzjoni ta’ xogħol prekarju bejn il-membru tal-persunal bi prova u l-amministrazzjoni u jiddeterminaw il-perijodu massimu li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tevalwa l-mod ta’ kif l-uffiċjal jaqdi dmirijietu.

(ara l-punti 189-192)