Language of document : ECLI:EU:C:2024:104

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑1 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C53/23

Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”,

Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”

vs

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell, Piteşti, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-ġudikatura – Artikolu 2 TUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU – Artikoli 12 u 47 tal-Karta – Ordni li taħtar prosekuturi li jinvestigaw allegazzjonijiet kriminali u ta’ korruzzjoni u jressqu proċeduri kontra l-imħallfin u l-prosekuturi – Azzjoni mill-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin u tal-prosekuturi għal annullament parzjali ta’ ordni – Locus standi ta’ assoċjazzjonijiet biex iressqu proċeduri – Rekwiżit taħt id-dritt nazzjonali ta’ dritt sostantiv jew interess privat leġittimu”






 Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem punt ġdid tad-dritt tal-Unjoni. L-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin u prosekuturi stabbiliti bil-għan li jippromwovu sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u effiċjenti (2) jistgħu jinvokaw l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), biex jistabbilixxu l-locus standi tagħhom sabiex iressqu azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali intiża għal dan l-għanijiet?

 Ilkuntest ġuridiku – illeġiżlazzjoni nazzjonali

2.        L-Artikolu 8(11) tal-Legea a nr. 554/2004 contenciosului administrativ (il-Liġi Nru 554/2004 dwar Proċeduri Amministrattivi) tat‑2 ta’ Diċembru 2004 (3) jipprovdi li:

“Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi tad-dritt privat ma jistgħux jifformulaw talbiet li bihom jinvokaw id-difiża ta’ interess pubbliku leġittimu b’mod sussidjarju biss, inkwantu l-ħsara lill-interess pubbliku leġittimu toħroġ loġikament minn ksur ta’ dritt suġġettiv jew ta’ interess privat leġittimu”.

3.        F’Marzu 2022, daħlet fis-seħħ il-Legea nr. 49/2022 privind desființarea Secției pentru investigarea infracțiunilor din justiție, precum și pentru modificarea Legii nr. 135/2010 privind Codul de procedură penală (il-Liġi Nru 49/2022 dwar it-Tneħħija tas-Sezzjoni għall-Investigazzjoni ta’ Reati Mwettqa mill-Ġudikatura u l-Modifika tal-Liġi Nru 135/2010 li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) (4). Din neħħiet is-Secția pentru investigarea infracțiunilor din justiție (is-Sezzjoni għall-Investigazzjoni ta’ Reati Mwettqa mill-Ġudikatura; iktar ’il quddiem is-“SIIJ”) fil-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni anness mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija; iktar ’il quddiem il-“PÎCCJ”). Il-Liġi Nru 49/2022 ittrasferiet ukoll ir-responsabbiltà għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kollha, inkluż il-korruzzjoni, allegatament imwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi lis-sezzjoni għall-investigazzjoni kriminali tal-PÎCCJ jew lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku annessi mal-Qrati tal-Appell, skont il-mument li fih iservu tali mħallfin u prosekuturi.

4.        Skont l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 49/2022, il-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României (il-Prosekutur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni anness mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem il-“konvenut”), filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-assemblea plenarja tal-Consiliul Superior al Magistraturii (il-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem is-“KSĠ”), jaħtar il-prosekuturi biex iressqu l-proċeduri kriminali fir-rigward ta’ dawn ir-reati. Il-Ministru tal-Ġustizzja huwa membru tal-KSĠ. Il-konvenut adotta l-Ordni Nru 108/2022 tat‑3 ta’ Ġunju 2022 biex Jaħtar Diversi Prosekuturi biex Iressqu Proċeduri Kriminali skont il-Liġi Nru 49/2022 (iktar ’il quddiem l-“ordni kkontestata”). Dik l-ordni kienet adottata fuq proposta tal-assemblea plenarja tas-KSĠ (5).

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

5.        Ir-rikorrenti huma persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru, mhux governattivi u apolitiċi rregolati mid-dritt privat. L-istatus tagħhom jafferma li huma stabbiliti, inter alia, sabiex jiżguraw sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u effiċjenti u biex jistabbilixxu, jappoġġjaw, jikkoordinaw u jimplimentaw proġetti biex itejbu, jimmodernizzaw u jirriformaw is-sistema ġudizzjarja.

6.        Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-Curtea de Apel Pitești (il-Qorti tal-Appell, Pitești, ir-Rumanija) fil‑5 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrenti ressqu azzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju fejn talbu l-annullament parzjali tal-ordni kkontestata. Huma jikkontestaw il-ħatra għal, inter alia, il-PÎCCJ, ta’ diversi prosekuturi responsabbli għall-investigazzjoni u prosekuzzjoni tar-reati kriminali kollha allegatament imwettqa mill-imħallfin u prosekuturi. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Liġi Nru 49/2022, li tipprovdi l-bażi legali għall-ordni kkontestata, tmur kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Anness IX tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni (6) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE (7) kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Asociaţia “Forumul Judecătorilor” din România (8).

7.        Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tan-natura speċifika tagħhom, l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra l-imħallfin u l-prosekuturi għandhom jiġu investigati u ssir prosekuzzjoni għalihom minn prosekuturi speċjalizzati, li huma esperti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li għandhom riżorsi adegwati biex iwettqu dak il-kompitu b’mod korrett. Ir-rikorrenti joġġezzjonaw għall-parteċipazzjoni tal-assemblea plenarja tal-KSĠ fil-proċedura li twassal għall-ħatra tal-persuni inkarigati biex iwettqu dan il-kompitu. Barra minn hekk huma jsostnu li l-proċedura ma tiżgurax li l-prosekuturi jinħatru abbażi tal-mertu jew li huma jkunu indipendenti. Huma jsostnu finalment li d-Direcția Națională Anticorupție (id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem id-“DNA”) – li jispeċjalizza fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija u huwa strutturalment awtonomu mill-PÎCCJ (9) – għandu jkun inkarigat bir-responsabbiltà ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni għal tali reati.

8.        Il-konvenut oġġezzjona għall-ammissibbiltà tar-rikors fuq il-bażi li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi biex jitolbu l-istħarriġ ġudizzjarju tal-ordni kkontestata. Skont il-konvenut, din l-azzjoni hija bbażata fuq interess pubbliku leġittimu iktar milli fuq dritt suġġettiv jew interess privat leġittimu kif jeżiġi d-dritt nazzjonali. Peress li l-ordni kkontestata la taffettwa lir-rikorrenti u lanqas lill-għanijiet tagħhom, imma pjuttost lill-prosekuturi maħtura taħtu, ir-rikorrenti ma għandhomx dritt suġġettiv jew interess privat leġittimu biex jikkontestaw il-validità tiegħu u għaldaqstant ma jistgħux jinvokaw interess pubbliku leġittimu biex jagħmlu dan.

9.        Ir-rikorrenti jasserixxu l-locus standi tagħhom fuq il-bażi li l-attività prinċipali tagħhom hija li jiddefendu l-istatus tal-imħallfin u tal-prosekuturi, li jippromwovu d-drittijiet u l-valuri ta’ dawn il-professjonijiet u li “jiddefendu l-indipendenza tal-ġudikatura fi Stat rregolat mill-Istat tad-dritt”. L-istatuti tal-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” jikkontemplaw il-ftuħ ta’ ċerti proċeduri legali intiżi li jfittxu dawn l-għanijiet.

10.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li, skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 554/2004, kull persuna tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qorti kompetenti biex titlob l-annullament ta’ att amministrattiv ta’ xi awtorità pubblika li taffettwa b’mod negattiv l-interessi leġittimi tagħhom. L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 554/2004 jipprovdi li l-interess leġittimu jista’ jkun ta’ natura privata jew pubblika. L-Artikolu 8(11) tal-Liġi Nru 554/2004 jipprovdi, essenzjalment, li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi rregolati mid-dritt privat jistgħu jinvokaw interess pubbliku biex iressqu proċeduri biss jekk dak l-interess ikun marbut direttament ma’ dritt suġġettiv jew interess privat leġittimu li huma għandhom. Hija tosserva li, fl‑2016 u fl‑2017, il-qrati Rumeni rrikonoxxew li r-rikorrenti kellhom locus standi sabiex tittejjeb l-indipendenza tal-ġudikatura u biex jiġi ppriżervat l-istatus tal-professjonijiet tal-imħallfin jew tal-prosekuturi (10).

11.      Fis-sentenza Nru 8, l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) (11) iddeċidiet li:

“Għall-iskopijiet ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(1)(a), (r) u (s) u tal-Artikolu 8(11) u (12) tal-Liġi Nru 554/2004, kif emendata u ssupplimentata ulterjorment, tiddeċiedi:

Fid-dawl tal-eżerċizzju tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti amministrattivi fuq talba tal-assoċjazzjonijiet, bħala organi soċjali kkonċernati, l-interess pubbliku leġittimu jista’ jiġi invokat biss b’mod sussidjarju meta mqabbel mal-interess leġittimu privat, peress li dan tal-aħħar jirriżulta mir-rabta diretta bejn l-att amministrattiv suġġett għall-istħarriġ tal-legalità u l-għan dirett kif ukoll l-għanijiet tal-assoċjazzjoni, skont l-istatuti”.

12.      Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li l-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin u/jew tal-prosekuturi ma kellhomx locus standi biex iressqu proċeduri li jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-KSĠ li jikkonċernaw, inter alia, il-ħatra tal-imħallfin, l-imħallfin assistenti u l-Kap Spettur tal-Inspecţia Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija) (12). Hija waslet għal din il-konklużjoni fuq il-bażi li, f’dawn il-proċeduri, ir-rikorrenti kienu pprovaw jinvokaw interess leġittimu pubbliku, iktar milli privat.

13.      B’interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ interess privat leġittimu ddefinit fis-sentenza Nru 8, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, peress li r-rikorrenti jsostnu li l-ordni kkontestata timplimenta leġiżlazzjoni li tippreġudika l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u tikser għaldaqstant l-impenji tar-Rumanija lejn l-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm rabta suffiċjenti bejn l-għanijiet tar-rikorrenti, kif indikati fl-istatuti tagħhom, u l-ordni kkontestata tali li tiġġeneralhom l-interess leġittimu privat meħtieġ biex iressqu l-azzjoni tagħhom. B’interpretazzjoni restrittiva tas-sentenza Nru 8, madankollu, ir-rikorrenti jkollhom biss interess leġittimu pubbliku u għaldaqstant ma jkollhomx locus standi biex iressqu dawn il-proċeduri.

14.      Peress li r-rikorrenti jasserixxu li kien hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huma qegħdin jitolbu protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni. Hija tixtieq tkun taf jekk l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ interess privat leġittimu li tkun tillimita l-firxa ta’ azzjonijiet li l-assoċjazzjonijiet, bħalma huma r-rikorrenti, jistgħu jressqu, tiksirx l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju, tixtieq tiċċara jekk, wara t-tneħħija tas-SIIJ, in-nuqqas biex ir-responsabbiltà għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mill-imħallfin u l-prosekuturi terġa’ tiġi assenjata lid-DNA jiksirx l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Anness IX tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni u d-Deċiżjoni MKV.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Pitești (il-Qorti tal-Appell ta’ Pitești) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 12 u mal-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludu t-tqegħid ta’ limiti fuq it-tressiq ta’ azzjonijiet ġudizzjarji mill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-membri tal-ġudikatura, intiżi sabiex jippromwovu u jiddefendu l-indipendenza tal-ġudikatura u l-Istat tad-dritt, kif ukoll sabiex jissalvagwardjaw l-istatus tal-professjoni, bl-introduzzjoni tal-kundizzjoni eċċessivament restrittiva tal-eżistenza ta’ interess privat leġittimu, abbażi ta’ deċiżjoni vinkolanti tal-Înalta Curțe de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), segwita minn prassi ġurisprudenzjali nazzjonali, f’kawżi simili għal dik fil-kawża prinċipali li fiha tressqet din it-talba, li timponi rabta diretta bejn l-att amministrattiv suġġett għall-istħarriġ tal-legalità mill-qrati u l-iskop dirett u l-għanijiet tal-assoċjazzjonijiet professjonali tal-membri tal-ġudikatura, previsti fl-istatuti tagħhom, f’sitwazzjonijiet fejn l-assoċjazzjonijiet ifittxu li jiksbu protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’oqsma rregolati mid-dritt tal-Unjoni konformement mal-iskop u mal-għanijiet ġenerali tal-istatut tal-assoċjazzjonijiet?

2)      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Anness IX tal-[Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni] u d-[Deċiżjoni MKV] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-kompetenza tad-[DNA] billi tassenja l-kompetenza esklużiva ta’ investigazzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni (lato sensu) imwettqa minn membri tal-ġudikatura u minn prosekuturi lil prosekuturi maħtura speċifikament (mill-Procurorul General al României (il-Prosekutur Ġenerali tar-Rumanija), fuq proposta tal-assemblea plenarja tal-[KSĠ] fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku anness mal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) jew fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku anness mal-qrati tal-appell, fejn dawn tal-aħħar għandhom ukoll ġurisdizzjoni fuq il-kategoriji l-oħra ta’ reati mwettqa mill-membri tal-ġudikatura u mill-prosekuturi?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

16.      L-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, il-konvenut, ir-Rumanija u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

17.      Jien ser nittratta l-oġġezzjonijiet li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula qabel ma nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-talba tagħha, kif hija għandha tirrispondi għall-ewwel domanda.

 Evalwazzjoni

 Ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja u lammissibbiltà talewwel domanda

 Sottomissjonijiet

18.      Il-konvenut isostni li peress li r-rikorrenti ma invokawx xi dritt protett mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari. Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju u d-domandi li hija staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja it-tnejn jirrigwardaw esklużivament l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u huma ta’ natura ipotetika (13). L-azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju hija “każ pilota” jew “mezz” intiż li jikseb talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

19.      Ir-Rumanija ssostni li l-ewwel domanda hija inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju naqset milli tispjega b’mod ċar il-fatti fil-każ quddiemha u, b’mod partikolari, milli tindika kif u fuq liema bażi d-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti għall-qorti huwa ristrett. Ma huwiex ċar jekk ir-restrizzjoni potenzjali toriġinax mil-Liġi Nru 554/2004, mis-sentenza Nru 8 jew minn interpretazzjoni restrittiva ta’ din is-sentenza. Peress li l-qorti tar-rinviju stess tikkunsidra li hemm rabta diretta bejn l-ordni kkontestata u l-għanijiet tar-rikorrenti, jidher li jsegwi li l-azzjoni tar-rikorrenti hija ammissibbli bħala kwistjoni tad-dritt nazzjonali, b’mod li r-risposta għall-ewwel domanda ma tkun isservi għal ebda skop utli (14).

 Analiżi

20.      Mis-sunt tal-argumenti tar-rikorrenti li jinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta b’mod ċar li, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-konvenut, l-azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrenti invokaw, u talbu interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta, l-Anness IX tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni u d-Deċiżjoni MKV. Ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tressaq it-talba għal deċiżjoni preliminari u d-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriflettu r-rilevanza tad-dritt tal-Unjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiemha. Lanqas ma hemm xejn fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija b’xi mod artifiċjali jew ipotetika (15).

21.      L-argument tal-konvenut li r-rikorrenti ma invokawx dritt protett mid-dritt tal-Unjoni jolqot is-sustanza tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju dwar il-locus standi. In-natura ta’ din l-oġġezzjoni tirrendiha inkapaċi li tiġġustifika konstatazzjoni li l-ewwel domanda hija inammissibbli (16). Għall-kuntrarju tal-argument tar-Rumanija, nikkunsidra li l-qorti tar-rinviju indikat fid-dettall il-fatti kontenzjużi quddiemha li wassluha biex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari, u għaldaqstant biex tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

22.      Għal dak li jirrigwarda l-asserzjoni tar-Rumanija li ma hemm l-ebda għan utli biex il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda, huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-rikorrenti għandhom locus standi f’dan il-każ u tosserva li qrati Rumeni oħra rrikonoxxew il-locus standi tagħhom f’każijiet mibdija bil-għan li tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura (17). Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, madankollu, li hemm istanzi wkoll fejn is-sentenza Nru 8 ġiet interpretata tant b’mod restrittiv li ċċaħħad lir-rikorrenti mil-locus standi biex iressqu tali talbiet (18). Huwa suffiċjenti li jiġi osservat li quddiem il-qorti tar-rinviju l-konvenut bbaża ruħu fuq is-sentenza Nru 8 insostenn tal-argument tiegħu li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi.

23.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad id-diversi eċċezzjonijiet imressqa kontra l-ġurisdizzjoni tagħha u kontra l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda.

 Sustanza

24.      L-ewwel domanda tikkonċerna r-relazzjoni bejn id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem il-qrati nazzjonali taħt id-dritt tal-Unjoni u r-regoli nazzjonali dwar il-locus standi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta, jipprekludux ir-regoli nazzjonali dwar il-locus standi li jeżiġu li l-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin juru li huma għandhom interess privat leġittimu (19) f’azzjonijiet intiżi li jannullaw atti li huma jallegaw li huma inkompatibbli mal-indipendenza tal-ġudikatura u l-Istat tad-dritt (20).

25.      La t-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas l-osservazzjonijiet tal-partijiet ma jiċċaraw jekk, u fil-każ affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet, ir-rikorrenti jkollhom locus standi taħt id-dritt nazzjonali biex iressqu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati tar-Rumanija. L-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” u r-Rumanija jsostnu li, bħala kwistjoni tad-dritt Rumen, ir-rikorrenti għandhom locus standi biex iressqu l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont is-sentenza Nru 8, ir-rikorrenti għandhom interess privat leġittimu f’din l-azzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju tal-ordni kkontestata, peress li hemm rabta bejn din l-azzjoni u l-għanijiet tar-rikorrenti kif stabbiliti fl-istatuti tagħhom. Il-konvenut isostni li l-ġurisprudenza Rumena timponi l-kundizzjoni addizzjonali li l-assoċjazzjonijiet iridu juru li l-att mistħarreġ jaffettwa l-eżistenza tagħhom bħala persuni ġuridiċi, il-proprjetà tagħhom, il-kundizzjonijiet operattivi tagħhom jew il-ksib tal-għanijiet tagħhom.

26.      Ir-rikorrenti ressqu numru ta’ azzjonijiet quddiem il-qrati Rumeni bil-għan li jsaltan l-Istat tad-dritt, li xi wħud minnhom kienu s-suġġett ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari (21). Ma huwiex ċar għaliex il-konvenut jikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti taħt id-dritt nazzjonali f’dan il-każ meta quddiem il-qrati Rumeni ġie deċiż li r-rikorrenti għandhom locus standi. L-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” tosserva, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma oġġezzjonatx għall-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li wassal għas-sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”.

27.      Huwa biżżejjed li jingħad li, bħala prinċipju, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li toġġezzjona għall-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari kemm-il darba din it-talba titqies li hija konformi mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma preżunti rilevanti. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv, inkluż l-ammissibbiltà tal-azzjoni quddiemha, bħala li huwa kwistjoni tad-dritt nazzjonali (22).

 Ilprotezzjoni ġudizzjarja effettiva taddrittijiet talindividwi taħt iddritt talUnjoni u lawtonomija proċedurali talIstati Membri

28.      L-osservanza tal-Istat tad-dritt hija waħda mill-valuri komuni sanċiti fl-Artikolu 2 TUE. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, huwa manifestazzjoni konkreta ta’ dan il-valur. Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u li ġie affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha, għalhekk, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (23). Taħt l-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal smigħ xieraq, pubbliku u fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi (24).

29.      Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sistema ta’ rimedji u proċeduri legali biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Huma l-Istati Membri li għandhom jindikaw il-qrati u/jew l-istituzzjonijiet kompetenti għall-istħarriġ tal-validità ta’ dispożizzjoni nazzjonali u jipprevedu r-rimedji proċeduri ġudizzjarji li jippermettu l-kontestazzjoni ta’ din il-validità, u, meta r-rikors ikun fondat, jannullaw l-imsemmija dispożizzjoni u jiddeterminaw l-effetti ta’ tali annullament (25).

30.      Filwaqt li fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, l-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li l-Istati Membri jadottaw sistema speċifika ta’ rimedji jew modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni (26), sakemm ir-rimedji u proċeduri disponibbli għal dan il-għan ikunu konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Il-modalitajiet proċedurali ddettaljati li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx, għaldaqstant, ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività). Dawn ir-rekwiżiti huma bbażati wkoll fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (27).

31.      Salv għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, peress li l-Liġi Nru 554/2004 u s-sentenza Nru 8  japplikaw ugwalment għall-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali u għall-azzjonijiet bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati Rumeni, jidher li huwa biss il-prinċipju ta’ effettività li għandu jiġi analizzat f’dan il-każ. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, huwa stabbilit li l-Istati Membri għandhom jipproteġu b’mod effettiv ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmija drittijiet lil-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (28). Dan ir-rekwiżit jirrifletti u jirrikonċilja l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità fl-Artikolu 5 TUE, l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (29) u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (30).

 Iddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jkun marbut ma’ dritt mogħti middritt talUnjoni

32.      Fis-sentenza Inuit (31), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li la t-TFUE u lanqas l-Artikolu 19 TUE ma jeżiġi l-ħolqien ta’ rimedji differenti minn dawk diġà stabbiliti mid-dritt nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali. Ikun mod ieħor biss jekk ikun jirriżulta mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni li ma jeżisti l-ebda rimedju ġudizzjarju li tippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (32). F’tali każijiet, il-qrati nazzjonali għandhom jasserixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom biex jiddeċiedu kawża mressqa minn persuna kkonċernata bl-iskop li tiddefendi drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxu lilu jew lilha (33).

33.      Fis-sentenza tagħha Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-dritt għal qorti” ma huwiex assolut (34) u huwa suġġett għal, pereżempju, regoli li jistabbilixxu termini li fiha tkun trid tinbeda l-azzjoni. Dawn ir-regoli, madankollu, ma għandhomx jillimitaw l-aċċess miftuħ ta’ individwu b’mod jew sa tali punt li d-dritt tiegħu jew tagħha għal qorti jiġi ppreġudikat fis-sustanza nnifisha tiegħu. Tali regoli għandhom ikollhom għan leġittimu u r-rabta bejn il-mezzi użati u l-għan li huma jfittxu għandha tkun raġonevoli u proporzjonata (35). Dwar il-locus standi quddiem il-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[b]’hekk, fil-prinċipju, hija l-liġi nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-locus standi u l-interess ġuridiku tal-individwu, madankollu d-dritt tal-UE jirrikjedi, minbarra r-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma ddgħajjifx id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva […]” (36).

34.      Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt l-Artikolu 47 tal-Karta ma jeżistix f’vakum u għandu jiġi marbut ma’ dritt li jagħti d-dritt tal-Unjoni, jew ma libertà ggarantita minnu. L-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jiġi invokat minn kwalunkwe persuna bil-għan li quddiem il-qorti nazzjonali tikkontesta att li Stat Membru jkun adotta fl-implimentazzjoni tiegħu tad-dritt tal-Unjoni li jikkawżalha preġudizzju (37). Huwa f’dan il-kuntest li l-Istati Membri jgawdu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeterminaw dak li jkun jikkostitwixxi indebboliment ta’ dritt jew libertà, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi u l-organi li quddiemhom dawn jistgħu jiġu eżerċitati (38).

35.      Fl-azzjoni tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti jinvokaw tliet argumenti sabiex jistabbilixxu l-locus standi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni. L-ewwel nett, huma jinvokaw, b’analoġija, id-dritt li l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni tagħti lill-assoċjazzjonijiet ambjentali jew mhux ambjentali biex iressqu proċeduri. It-tieni, huma jsostnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li għandu jkun hemm possibbiltà ta’ azzjoni taħt id-dritt nazzjonali sabiex ikun protett l-Istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura. It-tielet, ir-rikorrenti jasserixxu li huma għandhom dritt ta’ azzjoni bbażat fuq l-Artikolu 12 tal-Karta.

36.      F’ċerti ċirkustanzi, id-dritt sekondarju tal-Unjoni jagħti speċifikament lill-assoċjazzjonijiet locus standi biex iressqu rikorsi quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jilħqu l-għanijiet imfittxija minn dan id-dritt sekondarju. Fi kwistjonijiet ambjentali, l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jagħti lill-organizzazzjonijiet ambjentali aċċess għal proċedura biex jiġu mistħarrġa ċerti atti jew ommissjonijiet speċifiċi (39). F’tali istanzi, dawk l-organizzazzjonijiet jitqiesu li għandhom interess suffiċjenti jew li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ksur tali li jippermettulhom iressqu tali rikorsi. L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadottaw liġijiet li joffru locus standi usa, jew anki mhux ristretta biex jinfetħu ċerti tipi ta’ azzjonijiet ambjentali: madankollu huwa ma jimponi ebda obbligu biex jiġu adottati tali regoli (40).

37.      Skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78/KE (41), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet li, skont il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali, għandhom interess leġittimu biex jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jistgħu jibdew, jew għan-nom jew bħala sostenn ta’ min għamel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, xi proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva prevista għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi li joħorġu minn din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-assoċjazzjonijiet locus standi sabiex jibdew proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi meta ebda persuna leża ma tkun identifikabbli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti fid-Direttiva 2000/78. Għaldaqstant l-Istat Membru jista’ jagħti d-dritt għall-assoċjazzjonijiet li jressqu proċeduri għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi riżultanti mid-Direttiva 2000/78 fl-assenza ta’ lanjant identifikabbli (42).

38.      Ebda dritt sekondarju tal-Unjoni ma jagħti locus standi lill-assoċjazzjonijiet tal-membri tal-ġudikatura u prosekuturi f’azzjonijiet li jistgħu jitressqu quddiem il-qrati nazzjonali għall-iskopijiet li fl-interess pubbliku jsaltan l-Istat tad-dritt. Id-dritt tal-Unjoni la jeżiġi u lanqas jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli dwar il-locus standi biex jippermettu lil tali assoċjazzjonijiet iressqu azzjonijiet ta’ interess pubbliku jew jippreżentaw actio popularis fl-interess tal-Istat tad-dritt u/jew indipendenza tal-ġudikatura (43). Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni (44), tali assoċjazzjonijiet għandhom, bħala prinċipju, jibbażaw ruħhom fuq regoli nazzjonali dwar il-locus standi u kwalunkwe dritt li huma jista’ għandhom biex iressqu tali azzjonijiet.

39.      Ir-rikorrenti jsostnu li, skont is-sentenza A.B., huma għandhom locus standi biex jinvokaw l-Istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura billi jkomplu bil-proċeduri li huma bdew quddiem il-qorti tar-rinviju. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, inter alia, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi li jiġi emendat id-dritt nazzjonali li jċaħħad lill-qrati nazzjonali mill-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq rikorsi mressqa minn kandidati li ma jkollhomx suċċess għal pożizzjonijiet fil-ġudikatura meta dawn l-emendi huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura (45).

40.      B’differenza miċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza A.B., il-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-ħatra tal-prosekuturi inkarigati mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-imħallfin iktar milli l-ħatra tal-imħallfin. Il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità li d-dritt tal-Unjoni jitlob mingħand l-imħallfin jipprekludu regoli nazzjonali li jistgħu jinfluwenzaw direttament jew indirettament id-deċiżjonijiet tal-imħallfin, u b’hekk iwasslu għal “assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt” (46). Id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-prosekuzzjoni tal-imħallfin ikkonċernati għandhom ikunu adottati jew mistħarrġa minn istanza li hija stess tissodisfa l-garanziji inerenti fi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik tal-indipendenza. Is-sempliċi prospett għall-imħallfin, li jinkorru r-riskju li awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontrihom tista’ tintalab u tinkiseb minn istanza li l-indipendenza tagħha ma tkunx iggarantita tista’ taffettwa l-indipendenza tal-ġudikatura tagħhom (47).

41.      Ma hemmx indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kandidati li ma jkollhomx suċċess għall-kariga ta’ prosekutur, inter alia, fit-taqsima ta’ investigazzjoni tal-PÎCCJ, ma għandhomx interess privat leġittimu u għaldaqstant locus standi taħt id-dritt nazzjonali biex jikkontestaw l-ordni kkontestata u l-Liġi Nru 49/2022 li fuqha hija bbażata din l-ordni. X’aktarx ta’ importanza ikbar huwa l-fatt li, filwaqt li s-sentenza A.B. tikkonferma li f’ċerti istanzi, limitati, il-kandidati li ma jkollhomx suċċess għal karigi ġudizzjarji li l-interessi tagħhom ġew ippreġudikati jista’ jkollhom dritt taħt id-dritt tal-Unjoni biex iressqu azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali biex jinvokaw l-Istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura, hija ma tagħtix dan id-dritt lill-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin jew prosekuturi bħalma huma r-rikorrenti.

42.      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 12 tal-Karta u l-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza Assoċjattiva) (48) li l-assoċjazzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr indħil mhux iġġustifikat mill-Istat. Il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindikax li r-rikorrenti jew kwalunkwe assoċjazzjoni oħra huma suġġetti għal regoli differenti jew iktar stretti fuq il-locus standi minn dawk ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra. Kif jindika l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt għal qorti ma huwiex assolut. Salv għall-verifika li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, ma jidher li hemm ebda evidenza li r-regoli dwar il-locus standi fir-Rumanija jippreġudikaw is-sustanza stess tad-dritt għal qorti li għandhom ir-rikorrenti, li l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa illeġittimu, jew li l-mezzi użati biex jintlaħaq dan l-għan huma sproporzjonati. Il-fatt li l-istatuti tal-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” jikkontemplaw il-ftuħ ta’ ċerti proċeduri legali biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha ma jbiddilx din l-evalwazzjoni. L-attivitajiet ta’ assoċjazzjoni għandhom, bħala prinċipju, jitwettqu skont il-liġi, inklużi r-regoli dwar il-locus standi.

I.      Konklużjoni

43.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda magħmula mill-Curtea de Apel Pitești (il-Qorti tal-Appell, Pitești, ir-Rumanija) bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Anness IX tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ma jipprekludux ir-regoli nazzjonali dwar il-locus standi li jeżiġu li l-assoċjazzjonijiet tal-imħallfin u tal-prosekuturi juru li huma għandhom interess privat leġittimu, kif iddefinit mid-dritt nazzjonali, f’azzjonijiet intiżi li jannullaw atti li huma jallegaw li huma inkompatibbli mal-indipendenza tal-ġudikatura u mal-Istat tad-dritt.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      L-assoċjazzjonijiet huma l-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (l-Assoċjazzjoni “Forum tal-Membri tal-Ġudikatura Rumeni”) u l-Asociația “Mișcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor” (l-Assoċjazzjoni “Moviment għad-Difiża tal-Istatus tal-Prosekuturi”) (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”).


3      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1154 tas‑7 ta’ Diċembru 2004 (“Liġi Nru 554/2004”).


4      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 244 tal‑11 ta’ Marzu 2022 (“Liġi Nru 49/2022”).


5      Hotârărea nr. 63/3 mai 2022 (id-Deċiżjoni Nru 63 tat‑3 ta’ Mejju 2022).


6      Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005 L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni”).


7      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007 L 142M, p. 825, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MKV”). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (EU) 2023/1786 tal‑15 ta’ Settembru 2023 li tħassar id-Decision 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2023 L 229, p. 94), ħassret id-Deċiżjoni MKV b’effett mit‑8 ta’ Ottubru 2023. Id-Deċiżjoni MKV applikat rationae temporis għat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju.


8      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393; iktar ’il quddiem is-“sentenza Asociaţia ‘Forumul Judecătorilor din România’”).


9      Ara l-Artikolu 93(1) tal-Legea nr. 304/2022 privind organizarea judiciară (il-Liġi Nru 304/2022 dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja), ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1104 tas‑16 ta’ Novembru 2022.


10      Ara, pereżempju, is-sentenzi ċivili Nru 1475 tad‑29 ta’ April 2016, Nru 2949 tal‑14 ta’ Lulju 2017 u Nru 3192 tal‑24 ta’ Ottubru 2016 tal-Curtea de Apel București – Secția a VIII‑a de contencios administrativ și fiscal (il-Qorti tal-Appell, Bukarest, ir-Rumanija – it-Tmien Diviżjoni għal Kwistjonijiet Amministrattivi u Fiskali) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi Nru 1475, Nru 2949 u Nru 3192”). Fis-sentenza tagħha fil-kawża Societatea Civilă Profesională de Avocaţi AB & CD (C‑252/22, EU:C:2024:13, punti 44 sa 48), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-Artikoli 1, 2 u 8 tal-Liġi Nru 554/2004 fil-kuntest ta’ uffiċċju tal-avukati li asserixxa locus standi biex iressqu azzjoni biex jannullaw deċiżjoni li approvat pjan għat-tqassim f’żoni u permess tal-iżvilupp għal landfill. B’differenza minn dan il-każ, li jikkonċerna l-Istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura, dik is-sentenza titratta primarjament il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005 L 124, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).


11      Sentenza Nru 8 tal-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) tat‑2 ta’ Marzu 2020, ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 580 tat‑2 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 8”). Il-qorti tar-rinviju indikat li s-sentenza Nru 8 ingħatat wara appell fl-interess tal-liġi li tirriżulta mill-Artikolu 517 tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Salv għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li s-sentenza Nru 8 torbot kemm lill-qrati inferjuri u kif ukoll lill-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja).


12      Ara, pereżempju, is-sentenzi Nru 4524 tas‑7 ta’ Ottubru 2021 u Nru 4462 tas‑6 ta’ Ottubru 2021 tal-Awla Amministrattiva u Fiskali tal-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, iktar ’il quddiem is-“sentenzi Nru 4524 u Nru 4462”).


13      Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, EU:C:1980:73, punt 11).


14      Ir-Rumanija tagħmel riferiment għall-punti 47 u 51 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fejn il-qorti tar-rinviju tidher li tikkonstata li r-rekwiżit ta’ rabta diretta bejn l-ordni kkontestata u l-għanijiet tar-rikorrenti kif indikati fl-istatuti tagħhom huwa ssodisfatt.


15      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, EU:C:1980:73).


16      Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, pereżempju, is-sentenzi Nru 1475, Nru 2949 u Nru 3192.


18      Ara, pereżempju, is-sentenzi Nru 4524 u Nru 4462.


19      L-interess pubbliku leġittimu jista’ jiġi invokat ukoll jekk dan ikun marbut direttament ma’ dritt suġġettiv jew ma’ interess privat leġittimu.


20      L-ewwel domanda tgħid li r-rekwiżit ta’ interess privat leġittimu kien suġġett għall-“introduzzjoni tal-kundizzjoni eċċessivament restrittiva”.


21      Ara, pereżempju, il-kawżi li wasslu għas-sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” u s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (C‑216/21, EU:C:2023:628).


22      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 12 u 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 89).


24      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 122). Filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Karta jgħin biex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ individwu li jinvoka, f’xi każ partikolari, dritt li huwa jew hija tislet mid-dritt tal-Unjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li jiżgura li s-sistema ta’ rimedji legali f’kull Stat Membru tiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni indipendentement minn jekk Stat Membru jkunx qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta: sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C896/19, EU:C:2021:311, punti 36, 4552). Kemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom effett dirett u jagħtu drittijiet lill-individwi li huma jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali: sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C824/18, EU:C:2021:153, punti 145146) (iktar ’il quddiem is-“sentenza A.B.”).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality and Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 34).


26      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2010, Club Hotel Loutraki et(C‑145/08 u C‑149/08, EU:C:2010:247, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Salv fejn jgħid mod ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda mudell ġudizzjarju partikolari fuq l-Istati Membri: sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 130).


28      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 115) u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1998, ICO. N. GE.’90 et (C‑10/97 sa C‑22/97, EU:C:1998:498, punt 14). Minkejja li l-applikazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ effettività jikkoinċidi b’mod konsiderevoli mad-dritt ta’ rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta, dawn huma kwistjonijiet distinti li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu konformi magħhom. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara, Éire agus an tArd-Aighne (C‑64/20, EU:C:2021:14, punt 42). Ara wkoll is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 46 sa 48); tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs IlParlament u IlKunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 103 u 104; iktar ’il quddiem is-“sentenza Inuit”); u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punti 26 sa 30).


29      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 42).


30      Is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punti 13 sa 21) hija eżempju bikri li kkonfermat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minkejja l-eżistenza ta’ regoli proċedurali nazzjonali li pprekludew tali protezzjoni.


31      Punti 103 sa 104.


32      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Skeyes (C‑353/20, EU:C:2022:423, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Il-konvenut jikkunsidra li r-regoli Rumeni dwar il-locus standi f’dan il-każ, kif interpretati mill-ġurisprudenza nazzjonali, huma simili għar-regoli ta’ locus standi taħt l-Artikolu 263 TFUE. Fil-fehma tiegħi, dan il-paragun ma huwiex ta’ rilevanza partikolari għal dan il-każ. Ir-regoli ta’ locus standi u r-rekwiżiti, inter alia, dwar il-fatt li l-att irid ikun jirrigwarda persuna direttament u individwalment skont l-Artikolu 263 TFUE huma speċifiċi għal azzjonijiet għall-annullament ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-UE quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Bħala prinċipju, l-azzjonijiet f’oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali huma suġġetti għall-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. F’dan il-kuntest, nirreferi għall-Kawżi T‑530/22, T‑531/22, T‑532/22 u T‑533/22 pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.


34      Digriet tas‑16 ta‘ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni (C‑73/10 P, EU:C:2010:684, punt 53). Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Review of Arango Jaramillo et vs BEI  (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 43), u s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), 23 ta’ Ġunju 2016, Baka vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2016:0623JUD002026112, punt 120.


35      Ara QEDB, 28 ta’ Ottubru 1998, Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja (CE:ECHR:1998:1028JUD002809095, punt 44).


36      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade (C‑510/13, EU:C:2015:189, punt 50). Ara wkoll is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10, punti 18 sa 21); tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 36 et seq); u tas‑6 ta’ Mejju 2010, Club Hotel Loutraki and Others (C‑145/08 u C‑149/08, EU:C:2010:247, punti 74 sa 80).


37      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II (C‑852/19, EU:C:2021:902, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 55), u tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punti 60 sa 65).


39      Sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u huma parti mill-“pubbliku kkonċernat” li għalih tagħmel riferiment din id-dispożizzjoni: sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C243/15, EU:C:2016:838, punt 55).


40      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 49).


41      Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79).


42      Sentenza tat‑23 ta’ April 2020,  Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punti 61 sa 63). Din tista’ tiġi deskritta bħala li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu forma ta’ actio popularis fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom. Ara wkoll l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.


43      Ara, b’analo[ija, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311). Repubblika, assoċjazzjoni rreġistrata bħala persuna ġuridika f’Malta biex tippromwovi l-protezzjoni tal-ġustizzja u l-Istat tad-dritt, ressqet actio popularis kontra l-Prim Ministru ta’ Malta li tikkonċerna, inter alia, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jirregolaw il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punti 29 sa 41). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li f’rinviju taħt l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-partijiet, inklużi l-intervenjenti, fil-proċeduri quddiemha b’riferiment għar-regoli ta’ proċedura nazzjonali.


44      La l-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni u lanqas id-Deċiżjoni MKV ma jikkontemplaw l-għoti ta’ tali locus standi. Ara b’mod partikolari, l-Artikolu 39 ta’ dan l-att u l-Anness IX tiegħu.


45      Punt 150.


46      Sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, punt 197).


47      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, IlKummissjoni vs IlPolonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 100 u 101).


48      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, IlKummissjoni vs LUngerija (Trasparenza Assoċjattiva), (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 112 u 113).