Language of document : ECLI:EU:C:2024:105

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fl‑1 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C70/23 P

Westfälische Drahtindustrie GmbH,

Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG,

Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-azzar għall-prestressing – Każ COMP/38.344 – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni u li tiffissa multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa imposta inizjalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ tal-multa li kien għadu dovut – Data ta’ eżiġibbiltà ta’ multa li l-ammont tagħha jkun ġie ffissat mill-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tagħhom, Westfälische Drahtindustrie GmbH (iktar ’il quddiem “WDI”), Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “WDV”) u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Pampus”) u, flimkien, ir-“rikorrenti”, jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Novembru 2022, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑275/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:723), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, fl-ewwel lok, għall-annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tal-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tat‑2 ta’ Marzu 2020 li permezz tagħha din tal-aħħar intimathom iħallsuha s-somma ta’ EUR 12 236 931.69 li tikkorrispondi, fil-fehma tagħha, għall-bilanċ li kien għadu dovut tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom fit‑30 ta’ Settembru 2010, fit-tieni lok, għall-konstatazzjoni tal-ħlas totali tal-multa fis‑17 ta’ Ottubru 2019 permezz tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 18 149 636.24 u, fit-tielet lok, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas lil WDI s-somma ta’ EUR 1 633 085.17, miżjuda bl-interessi minn din l-aħħar data, minħabba arrikkiment indebitu, kif ukoll, sussidjarjament, għall-kundanna, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, tal-Kummissjoni sabiex tħallashom is-somma ta’ EUR 12 236 931.69, mitluba mill-Kummissjoni lil WDI, u somma ekwivalenti għall-ammont tal-ħlas żejjed irċevut minn din l-istituzzjoni, fl-ammont ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tas-somma dovuta.

2.        Din it-tilwima tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015”, EU:T:2015:515), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat parzjalment, b’mod partikolari, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn din kienet imponiet multa fuq ir-rikorrenti, minħabba li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji meta evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, u, min-naħa l-oħra, meta eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ikkundannat lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom f’din id-deċiżjoni. Wara li ngħatat din is-sentenza, dehru diverġenzi ta’ opinjoni dwar id-data li minnha kellhom jiddekorru l-interessi dovuti fuq din il-multa. Fil-fatt, ir-rikorrenti qiesu li l-interessi kellhom jibdew jiddekorru mid-data tal-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat ex tunc il-multa imposta mill-Kummissjoni u ffissat multa distinta ġdida, filwaqt li, skont il-Kummissjoni, dawn l-interessi kienu dovuti mid-data stabbilita fl-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri, kważi ħames snin qabel l-għoti ta’ din is-sentenza.

3.        Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu ffokati fuq l-analiżi tal-ewwel aggravju, li essenzjalment jirrigwarda fuq il-kwistjoni dwar jekk, f’każ bħal f’din il-kawża, jiġifieri, fejn il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn din kienet tiffissa l-ammont tal-multa imposta u, sussegwentement, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iffissat l-ammont ta’ din il-multa fuq l-istess livell, l-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, ta’ din il-ġurisdizzjoni jagħtix lok għal multa li għandha tiġi kkaratterizzata bħala ġdida u ġuridikament distinta mill-multa imposta mill-Kummissjoni, b’tali mod li din issir eżiġibbli fid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiffissa l-ammont tal-multa.

4.        Din il-kawża toffri għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità, minn naħa, li tiċċara n-natura ġuridika tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) u, min-naħa l-oħra, li tippreċiża l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn annullament jew minn riformulazzjoni ta’ multa imposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, meta l-qorti tal-Unjoni teżerċita tali ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-eżiġibbiltà ta’ din il-multa u, inċidentalment, tal-interessi moratorji dovuti.

II.    Ilkuntest ġuridiku

5.        L‑Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Multi”, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, jistabbilixxi:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE]; […]

[…]

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

6.        L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reviżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprevedi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

7.        Il-punt 35 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3), taħt it-titolu “Kapaċità ta’ ħlas”, jiddisponi:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew defiċitarja. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi tal-provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-preżenti linji gwida, tipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex iċċaħħad l-assi tagħha minn kwalunkwe valur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III. Ilfatti li wasslu għall-kawża

8.        Il-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża huma esposti fil-punti 2 sa 26 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.      Ilproċedura amministrattiva

9.        Permezz tad-Deċiżjoni C(2010) 4387 final tat‑30 ta’ Ġunju 2010 li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni APS”), il-Kummissjoni ssanzjonat diversi impriżi, fosthom lir-rikorrenti – fornituri tal-azzar għall-prestressing – għall-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-suq tal-azzar għall-prestressing. Il-Kummissjoni imponiet multa ta’ ammont ta’ EUR 56 050 000 fuq WDI. WDV u Pampus inżammu responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 45 600 000 u EUR 15 485 000 rispettivament. Din is-sanzjoni ġiet imposta fil-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni APS.

10.      Matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kienu talbu li jibbenefikaw minn tnaqqis eċċezzjonali tal-multa minħabba assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas, abbażi tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006.

11.      Fid-Deċiżjoni APS, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

12.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament u għar-riforma tad-Deċiżjoni APS. Il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑393/10.

13.      Permezz tad-Deċiżjoni C(2010) 6676 final tat‑30 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010”), il-Kummissjoni kkorreġiet ċerti żbalji fil-kalkolu tal-multi (4) u emendat id-Deċiżjoni APS, b’mod partikolari l-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, sabiex hekk tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq ċerti impriżi (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjoni kontenzjuża”) (5). Il-multa imposta fuq WDI ġiet għalhekk iffissata għal EUR 46 550 000. WDV u Pampus inżammu responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 38 855 000 u EUR 15 485 000 rispettivament.

14.      Id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010 stabbilixxiet li l-ħlas tal-multi imsemmija fil-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża kellu jsir f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010 u li, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, ikunu awtomatikament dovuti interessi skont ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid fl-ewwel jum tax-xahar li matulu kienet ġiet adottata d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali. Kien previst ukoll li, fil-każ ta’ preżentata ta’ rikors minn impriża ssanzjonata, din tal-aħħar setgħet tkopri l-multa fl-iskadenza jew ukoll billi tipprovdi garanzija bankarja, jew billi tipproċedi għall-ħlas provviżorju tal-multa, skont l-Artikolu 85a(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (6).

15.      Fit‑3 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali talba għal miżuri provviżorji fil-kuntest tal-Kawża T‑393/10 intiża, essenzjalment, għall-kisba tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sal-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq ir-rikors prinċipali.

16.      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni ċaħad talba ġdida mressqa mir-rikorrenti intiża għat-tnaqqis tal-multa minħabba l-kapaċità ta’ ħlas tagħhom (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑14 ta’ Frar 2011”).

17.      Permezz tad-digriet tat‑13 ta’ April 2011, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10 R, iktar ’il quddiem id-“digriet għal miżuri provviżorji”, EU:T:2011:178), il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti, filwaqt li ordna s-sospensjoni tal-obbligu impost fuqhom li jipprovdu garanzija bankarja favur il‑Kummissjoni sabiex jiġi evitat l-irkupru immedjat tal-multi, bil-kundizzjoni li huma jagħtu lil din l-istituzzjoni, provviżorjament, minn naħa, is-somma ta’ EUR 2 000 000 qabel it‑30 ta’ Ġunju 2011 u, min-naħa l-oħra, pagamenti mensili ta’ ammont ta’ EUR 300 000 fil-ħmistax‑il jum ta’ kull xahar, b’effett mill‑15 ta’ Lulju 2011 u sakemm tingħata ordni oħra, iżda mhux iktar tard mill-għoti tas-sentenza fil-kawża prinċipali.

18.      Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta hija kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża, fir-rigward tar-rikorrenti, l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Madankollu, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet timponi multa fuq ir-rikorrenti kif ukoll l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, minħabba li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji meta evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tagħhom. Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali kkundannat lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni kontenzjuża, hekk kif jirriżulta mid-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 (7).

19.      Konformement mad-digriet għal miżuri provviżorji, WDI kienet ħallset provviżorjament lill-Kummissjoni somma totali ta’ EUR 16 400 000 matul il-perijodu bejn d‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015.

20.      Wara li ngħatat is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-konsulenti tar-rikorrenti kkuntattjaw lid-DĠ “Baġit” tal-Kummissjoni sabiex jiftiehmu bonarjament dwar skeda ta’ ħlas tal-multi ffissati fil-punti 4 sa 6 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza. Għalhekk, dehru opinjonijiet differenti fir-rigward tad-data li minnha kellhom jiddekorru l-interessi dovuti fuq dawn il-multi. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienu jqisu li l-interessi kellhom jibdew jiddekorru mid-data tal-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, filwaqt li, skont id-DĠ “Baġit”, l-interessi kienu dovuti mid-data li tirriżulta mit-tieni u mit-tielet paragrafi tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni, jiġifieri, għal dak li kien jirrigwarda r-rikorrenti, f’terminu ta’ tliet xhur min-notifika tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2010. Dan it-teħid ta’ pożizzjoni kien rifless f’posta elettronika tad-DĠ “Baġit” tat‑12 ta’ Awwissu 2015, bi tweġiba għal posta elettronika tar-rappreżentant tar-rikorrenti tal‑5 ta’ Awwissu 2015, u ġie mtenni waqt laqgħa li nżammet fl‑4 ta’ Settembru 2015 bejn il-Kummissjoni u WDI.

21.      Is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 kienet is-suġġett ta’ appell ippreżentat mir-rikorrenti, li kienu b’mod partikolari kkontestaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fl‑2015, u mhux fl‑2010. Dan l-appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il‑Kummissjoni (C‑523/15 P, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja”, EU:C:2016:541).

22.      Wara ċ-ċaħda tal-appell tagħhom, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tinterpreta s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 fis-sens li l-interessi applikati għall-ammont tal-multa imposta f’din is-sentenza kienu dovuti mid-data tal-għoti ta’ din tal-aħħar. Sussidjarjament, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tirrettifika jew tikkompleta din is-sentenza billi tippreċiża mil-liema data jibdew jiddekorru l-interessi.

23.      Permezz tad-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10 INTP, EU:T:2018:293), il-Qorti Ġenerali ddikjarat dawn it-talbiet inammissibbli. Fir-rigward tat-talba għal interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex tkun ammissibbli, din kellha tirrigwarda punt deċiż fis-sentenza li għandha tiġi interpretata. Issa, il-kwistjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-interessi moratorji dovuti fil-każ ta’ posponiment tal-ħlas tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti ma kinitx ġiet indirizzata fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. Skont il-Qorti Ġenerali, it-talba tar-rikorrenti kienet intiża sabiex tikseb opinjoni dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li ma kinitx taqa’ taħt talba għal interpretazzjoni mressqa abbażi tal-Artikolu 168(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fir-rigward taż-żewġ talbiet l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkunsidrathom tardivi.

24.      Fis‑16 ta’ Ottubru 2019, WDI informat lill-Kummissjoni, minn naħa, li hija kienet diġà ħallset is-somma ta’ EUR 31 700 000 u, min-naħa l-oħra, li hija diġà kellha l-intenzjoni li tħallas il-bilanċ tal-multa dovuta, f’kapital u interessi, li hija kienet qed tistma f’EUR 18 149 636.24. Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, WDI ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi dovuti mill‑15 ta’ Ottubru 2015, jiġifieri tliet xhur wara li ngħatat is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, u applikat rata ta’ interessi ta’ 3.48 %.

25.      Fis‑17 ta’ Ottubru 2019, WDI ħallset din is-somma ta’ EUR 18 149 636.24 fil-kont bankarju tal-Kummissjoni, u b’hekk naqqset l-ammont totali tal-ħlasijiet magħmula mid‑29 ta’ Ġunju 2011, bħala ħlas tal-multa, għal EUR 49 849 636.24.

26.      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”), il-Kummissjoni esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni espressa minn WDI fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2019. Il-Kummissjoni indikat li, konformement mal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni (T‑275/94, iktar ’il quddiem is-“sentenza CB”, EU:T:1995:141), l-interessi ma kinux bdew jiddekorru mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, iżda mid-data prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri mill‑4 ta’ Jannar 2011, u bir-rata ta’ 4.5 %. Konsegwentement, il-Kummissjoni intimat lil WDI sabiex tħallasha s-somma ta’ EUR 12 236 931.69 li tikkorrispondi mal-bilanċ li kien għadu dovut, billi ħadet inkunsiderazzjoni d-data tal-valur tal‑31 ta’ Marzu 2020.

B.      Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali

27.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali, prinċipalment, fl-ewwel lok, l-annullament tal-att ikkontestat, fit-tieni lok, il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kellha timputa l-ħlasijiet magħmula minn WDI matul il-perijodu mid‑29 ta’ Ġunju 2011 sas‑16 ta’ Ġunju 2015, flimkien mal-interessi relatati ma’ dan l-ammont matul dan il-perijodu, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 17 820 610, fuq il-multa imposta mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, b’effett minn din id-data, u li din il-multa kienet, minħabba f’hekk, tħallset totalment permezz tal-ħlas magħmul minn WDI fis‑17 ta’ Ottubru 2019 fl-ammont ta’ EUR 18 149 636.24 u, fit-tielet lok, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas lil WDI s-somma ta’ EUR 1 633 085.17, miżjuda bl-interessi mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tas-somma dovuta, abbażi ta’ arrikkiment indebitu. Sussidjarjament, ir-rikorrenti talbu l-kundanna tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, minn naħa, sabiex tħallashom kumpens ugwali għall-ammont mitlub fl-att ikkontestat, jiġifieri EUR 12 236 931.69, u, min-naħa l-oħra, sabiex tħallas lil WDI s-somma ekwivalenti għall-ammont tal-ħlas żejjed lil din l-istituzzjoni fis‑17 ta’ Ottubru 2019, fl-ammont ta’ EUR 1 633 085.17, flimkien mal-interessi minn din id-data sar-rimbors sħiħ tas-somma dovuta.

28.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok eżaminat ir-raba’ kap tat-talbiet, dwar talba għad-danni bbażata fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma eżegwietx korrettament is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, u b’hekk kisret l-obbligi tagħha taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE (8). Insostenn ta’ din it-talba għad-danni, ir-rikorrenti ressqu, essenzjalment, erba’ motivi. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ksur kollu lmentat kien jitlaq mill-premessa li l-multa imposta fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx “inżammet” jew “ikkonfermata” permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, iżda kienet ġiet annullata ex tunc u ssostitwita b’multa ġdida, li r-rikorrenti jsejħu “multa ġudizzjarja”, dovuta biss mill-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza (9).

29.      Wara li ddikjarat it-talba għal kumpens ammissibbli (10), il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ikkonstatat li, peress li l-kwistjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-interessi moratorji dovuti fuq l-ammont tal-multa li ma kienet is-suġġett ta’ ebda skambju bejn il-partijiet matul il-proċedura ġudizzjarja u ma kinitx espliċitament indirizzata fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, kemm fil-motivi kif ukoll fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza (11), kellu jiġi ddeterminat jekk minn din is-sentenza setax jiġi dedott li l-multa ffissata mill-Qorti Ġenerali kienet ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża (12). F’dan ir-rigward, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza CB mogħtija minnha, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni hija relatata u hija limitata għall-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni u li, għalhekk, il-multa li l-qorti tal-Unjoni tistabbilixxi ma tikkostitwixxix multa ġdida, ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni (13). Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, meta l-qorti tal-Unjoni tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u tnaqqas l-ammont tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija tissostitwixxi, fi ħdan id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-ammont inizjalment iffissat f’din id-deċiżjoni b’dak li jirriżulta mill-evalwazzjoni tagħha stess, u għalhekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni titqies, minħabba l-effett sostituttiv tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni, li dejjem kienet dik li tirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar (14).

30.      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret, filwaqt li rreferiet għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li, għalkemm l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża kien wassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn fiha ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti mill-Kummissjoni, dan il-fatt bl-ebda mod ma kien jimplika li l-Qorti Ġenerali kienet, għal din ir-raġuni, imċaħħda mis-setgħa li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet finalment qieset opportun li tadotta f’dan il-każ ammont ta’ multa identiku għal dak stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kellux effett fuq ir-regolarità tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (15). Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li, peress li l-multa ffissata mill-Qorti Ġenerali ma kinitx multa ġdida, din kienet dovuta mid-data prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża (16).

31.      Skont il-Qorti Ġenerali, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti bbażati, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet annullat il-multa inizjalment imposta qabel ma ffissat ammont ġdid abbażi ta’ elementi sussegwenti għad-deċiżjoni kontenzjuża (17) u li l-President tal-Qorti Ġenerali kien ordna, permezz tad-digriet għal miżuri provviżorji tiegħu, is-sospensjoni tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija bankarja. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li l-adozzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji ma implikatx is-sospensjoni tal-eżiġibbiltà tad-dejn, li kompla jipproduċi interessi moratorji matul il-proċedura ġudizzjarja (18).

32.      Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, barra minn hekk, li, meta l-qorti tal-Unjoni żżomm parti jew l-ammont sħiħ tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji ab initio ma jikkostitwixxix sanzjoni li tiżdied mal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, kemm l-assenza ta’ differenza ta’ natura ġuridika tal-multa riveduta mill-qorti tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ assenza ta’ effett sospensiv tar-rikorsi jipprekludu lill-Kummissjoni milli teħles lill-impriża li ma ħallsitx immedjatament din il-multa u li r-rikors tagħha ntlaqa’ parzjalment mill-obbligu tagħha li tħallas, mid-data tal-eżiġibbiltà tal-multa imposta mill-Kummissjoni, interessi fuq l-ammont tal-multa ffissat mill-qorti tal-Unjoni (19).

33.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm ksur suffiċjentement serju tal-obbligi tal-Kummissjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u ċaħdet it-talba għad-danni tar-rikorrenti. Fid-dawl tal-fatt li l-kapijiet tat-talbiet l-oħra mressqa mir-rikorrenti kienu, essenzjalment, ibbażati wkoll fuq il-premessa ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu (20).

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

34.      Permezz tal-appell tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u jtennu, essenzjalment, it-talbiet tagħhom ippreżentati fl-ewwel istanza (21). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell, u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

V.      Analiżi

35.      Insostenn tal-appell tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi minħabba nuqqas ta’ osservanza tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 kif ukoll fuq motivazzjoni żbaljata u kontradittorja tas-sentenza appellata, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE minħabba n-nuqqas ta’ rispett tad-dispożizzjoni legali li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-effett ta’ kassazzjoni u tan-natura ġuridika sostituttiva u, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu ffokati fuq l-analiżi tal-ewwel aggravju.

36.      Mid-deskrizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża jirriżulta li, bħar-rikors fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari l-ewwel aggravju, huwa kkonċentrat, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fil-kuntest tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, tax lok għal multa li għandha tiġi kkaratterizzata bħala ġdida u legalment distinta meta mqabbla mal-multa imposta mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

37.      B’mod iktar preċiż, fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju, l-argument tar-rikorrenti huwa, essenzjalment, li, permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat ex tunc il-multa imposta mill-Kummissjoni, peress li dan l-annullament wassal għal kreditu favur tagħhom, li jikkorrispondi mas-somma mħallsa minnhom, b’mod provviżorju, fl-eżekuzzjoni tad-digriet għal miżuri provviżorji, flimkien mal-interessi, u min-naħa l-oħra, iffissat multa ġdida distinta, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li huma jindikaw bħala l-“multa ġudizzjarja”, b’kuntrast mal-“multa annullata” imposta mill-Kummissjoni fl‑2010.

38.      Sa fejn id-diversi lmenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel aggravju kollha jitilqu mill-premessa li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-multa imposta mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma tikkostitwixxix multa ġdida, ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni flimkien mad-deċiżjoni kontenzjuża, inqis li huwa utli, fl-ewwel lok, li jsiru osservazzjonijiet preliminari dwar in-natura tal-ġurisdizzjoni sħiħa, u b’mod partikolari, il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħha (A) u, sussegwentement, fit-tieni lok, li jiġi analizzat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata filwaqt li jiġu eżaminati d-diversi lmenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħhom (B).

A.      Fuq ilġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lillqorti talUnjoni filqasam talapplikazzjoni tarregoli talkompetizzjoni

39.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 (22), u fuq talba tar-rikorrenti, fl-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (23). Il-ġurisdizzjoni sħiħa għalhekk tista’ tiġi eżerċitata biss, b’mod komplementari, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, u ma tikkostitwixxix rimedju awtonomu fis-sens tar-rikorsi msemmija fl-Artikolu 256 TFUE (24).

40.      F’dan ir-rigward, inqis li l-portata ta’ dan l-istħarriġ tal-legalità testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fil-fond tagħhom, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrent u fid-dawl tal-elementi kollha prodotti minn dan tal-aħħar. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qrati tal-Unjoni, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jissostitwixxu l-motivazzjoni tal-awtur tal-att inkwistjoni b’tagħhom stess (25).

41.      Min-naħa l-oħra, meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess, għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din is-sanzjoni, għal dik tal-Kummissjoni, awtriċi tal-att li fih dan l-ammont ġie inizjalment stabbilit. Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni tista’ tirriforma l-att ikkontestat, anki fl-assenza ta’ annullament, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta, peress li din il-ġurisdizzjoni tiġi eżerċitata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha (stħarriġ de novo) (26).

42.      Minn dan jirriżulta li għalkemm il-portata ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa hija strettament limitata, b’differenza mill-istħarriġ tal-legalità, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (27), il-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta l-kwistjoni tal-ammont tal-multa tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (28), peress li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni jwassal għat-trasferiment definittiv lil din tal-aħħar tas-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet (29).

43.      Minn punt metodoloġiku, huwa għalhekk biss wara li l-qorti tal-Unjoni tkun lestiet l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li tkun tressqet quddiemha, fid-dawl tal-motivi li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, li hija għandha, fl-assenza ta’ annullament totali ta’ din id-deċiżjoni, teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex, minn naħa, tislet il-konsegwenzi tas-sentenza tagħha dwar il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, skont l-elementi li jkunu saru għall-eżami tagħha, tiddetermina, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk hemmx lok li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-ammont tal-multa jkun xieraq (30).

44.      Fit-tieni lok, infakkar li l-qorti tal-Unjoni, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-multa, hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina u tirriforma kull ilment, ta’ dritt jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (31). Fil-fatt, huwa permezz ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa li l-istħarriġ ġudizzjarju previst mit-Trattati jikkonforma mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (32). Dan l-eżerċizzju jippreżupponi għalhekk, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, il-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll it-tul tiegħu, b’osservanza tal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni tkun marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida tagħha, anki jekk dawn tal-aħħar jistgħu jiggwidaw lill-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom (33).

45.      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċedura tibqa’ kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (34) huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (35). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi invokati u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (36). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni tista’ tikkonstata wkoll li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-partijiet ma jiġġustifika li hija tuża l-imsemmija ġurisdizzjoni sabiex tnaqqas l-ammont tal-multi (37).

46.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ġenerali li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju tar-rikorrenti.

B.      Fuq lewwel aggravju

47.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom – li huwa maqsum f’sensiela ta’ lmenti, li jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom u li jirrigwardaw il-punti 98, 99, 102, 105, 107, 111, 113, 115, 117, 118, 125 u 127 tas-sentenza appellata – ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi billi ma osservatx is-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2015 u billi fformulat motivazzjoni żbaljata u kontradittorja fir-rigward tagħha, li b’hekk tikser l-awtorità ta’ res judicata.

48.      Sa fejn l-argumenti kollha tar-rikorrenti jitilqu mill-premessa li, permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali imponiet multa ġdida, ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, inqis li, għal finijiet ta’ ċarezza u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandu jiġi eżaminat jekk din il-premessa hijiex korretta. Jekk dan ma huwiex il-każ, l-ilmenti kollha mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel aggravju għalhekk ikunu infondati u miċħuda, sa fejn ma tkun teżisti ebda kontradizzjoni bejn is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 u s-sentenza appellata.

1.      Fuq innatura fondata talpremessa talewwel motiv

49.      Qabel kollox, inqis li għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament, fil-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata, irrilevat li peress li l-kwistjoni tal-bidu tal-interessi moratorji dovuti fuq l-ammont tal-multa ma kinitx espliċitament indirizzata fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, kellu jiġi ddeterminat jekk mill-motivi ta’ din is-sentenza setax jiġi dedott li l-multa ffissata mill-Qorti Ġenerali kienet ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża (38).

50.      F’dan ir-rigward, nosserva li l-punt tat-tluq tal-analiżi ta’ kontradizzjoni eventwali bejn is-sentenza appellata u s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, għandu neċessarjament ikun il-kontenut u, b’mod iktar konkret il-motivi u d-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, moqrija wkoll fid-dawl tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, is-sunt tal-kontenut tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 li l-Qorti Ġenerali esponiet fil-punti 95 u 100 tas-sentenza appellata u li jservi bħala bażi għall-analiżi tagħha, huwa preċiż kif ukoll konformi mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mid-digriet tagħha(39).

51.      Fil-fatt, bħala tfakkira, insostenn tar-rikors tagħhom kontra d-deċiżjoni kontenzjuża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti kienu qajmu disa’ motivi, li s-sitt wieħed u d-disa’ wieħed biss huma rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell. Minn naħa, is-sitt motiv kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħhom fid-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, id-disa’ motiv kien ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom fl-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, li r-rikorrenti talbu wkoll l-annullament tagħha.

52.      Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali, billi laqgħet dawn iż-żewġ motivi, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din kienet timponi multa fuq ir-rikorrenti, kif ukoll l-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, minħabba li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji meta hija kienet evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, fis-sens tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006. B’mod iktar preċiż, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 285 sa 332 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti, u li dawn l-iżbalji kienu ta’ natura, minn naħa, li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti kif ukoll tal-ittra tal‑14 ta’ Frar 2011, u, min-naħa l-oħra, li jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (40).

53.      Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali, madankollu, ikkunsidrat li r-rikorrenti ma kellhomx bażi sabiex jippretendu li kellhom jingħataw tnaqqis tal-multa minħabba l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħhom u, għaldaqstant, iffissat il-multa f’ammont identiku għal dak li kienet ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod iktar preċiż, fil-punti 333 sa 358 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali, billi applikat hija stess il-Linji Gwida tal‑2006, qieset, abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, kif kienet evolviet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li dawn tal-aħħar ma kinux fondati biex isostnu li kellu jingħatalhom tnaqqis tal-multa minħabba l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħhom, għal raġunijiet analogi għal dawk imsemmija fil-punt 35 tal-imsemmija Linji Gwida tal‑2006, u li, għaldaqstant, ir-rikorrenti kellhom jiġu kkundannati għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak impost fid-deċiżjoni kontenzjuża (41).

54.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li għalkemm il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tilqa’ l-motivi għal annullament relatati mal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti, min-naħa l-oħra, il-motivi kollha relatati mal-legalità tal-ksur u mal-ammont tal-multa imposta konsegwentement ġew miċħuda. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali ma kienet sabet ebda raġuni sabiex tikkunsidra bħala mhux xieraq l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, kif jirriżulta mill-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża (42), abbażi tal-ewwel erba’ motivi tar-rikors, li l-eżami tagħhom ma kien żvela ebda żball ta’ natura li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li l-Qorti Ġenerali ffissat multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa li l-Kummissjoni kienet preċedentement imponiet fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006 tikkostitwixxi l-aħħar element meħud inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (43).

55.      Fir-rigward tad-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, huwa minnu li, fil-punt 2 tiegħu, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat il-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jimponi multa fuq ir-rikorrenti, u li, min-naħa l-oħra, hija ffissat l-ammonti tal-multa, li jikkorrispondu ma’ dawk tad-deċiżjoni kontenzjuża, fil-punti 4 sa 6 ta’ dan id-dispożittiv. Madankollu, li jiġi kkunsidrat li din l-għażla turi rieda tal-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi multa ġdida ġuridikament distinta minn dik iffissata mill-Kummissjoni iwassal għal eċċess ta’ formaliżmu u jostakola, fil-fehma tiegħi, ir-regola fundamentali, li tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li d-dispożittiv ta’ sentenza għandu jinqara fid-dawl tal-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha (44). Barra minn hekk, huma ħafna eżempji li fihom il-Qorti Ġenerali annullat id-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-multa, filwaqt li ffissat sussegwentement l-ammont il-ġdid fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (45). Fil-fatt, kif tosserva l-Kummissjoni, f’ċerti każijiet, bħal fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali tannulla l-ewwel nett l-artikolu tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiffissa l-multa, imbagħad tiddetermina mill-ġdid il-multa fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza (46). F’każijiet oħra, il-Qorti Ġenerali sempliċement tirriforma l-multa mingħajr ma tannulla l-artikolu kkonċernat tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (47). Għalkemm dan in-nuqqas ta’ koerenza fil-prattika tal-Qorti Ġenerali huwa ta’ ħasra u jista’ jikkostitwixxi, fuq livell purament formali, sors ta’ konfużjoni, fir-realtà, peress li l-ġurisdizzjoni sħiħa, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza CB, “hija relatata mal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni” (48), ma jkollux, bħala prinċipju, effett fuq il-livell tal-konsegwenzi legali (49).

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-premessa ta’ tluq tal-argument tar-rikorrenti żviluppat fil-kuntest tal-ewwel aggravju, li permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali imponiet multa ġdida ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma tirriżultax mill-motivi ta’ din is-sentenza u hija fundamentalment żbaljata.

57.      Din il-konklużjoni hija suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex l-argumenti kollha tar-rikorrenti jiġu miċħuda bħala infondati, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir eżami iktar fil-fond tal-ilmenti differenti tal-ewwel aggravju.

58.      Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis neċessarju li tittratta d-diversi argumenti mressqa mir-rikorrenti, sussidjarjament, u għall-finijiet ta’ kompletezza, nipproponi li dawn jiġu miċħuda abbażi tal-analiżi li ġejja.

2.      Fuq iddiversi lmenti talewwel aggravju

59.      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fformulat il-konstatazzjoni żbaljata li l-“multa li tiffissa l-qorti tal-Unjoni ma tikkostitwixxix multa ġdida, ġuridikament distinta minn dik imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, [is-sentenza CB], punti 58 u 60)”. Din il-konstatazzjoni hija żbaljata peress li ma tagħtix risposta għad-domanda dwar fiex jikkonsisti l-effett riformatur u sostituttiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 fir-rigward tal-multa annullata mid-deċiżjoni kontenzjuża.

60.      Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rreferiet għall-punti 58 u 60 tas-sentenza CB, peress li din tal-aħħar hija distinta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. Fil-fatt, kuntrarjament għas-sentenza CB, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ipproċediet għall-kundanna għall-ħlas tal-“multa ġudizzjarja” abbażi ta’ “fatti ġodda” u, min-naħa l-oħra, l-ewwel nett neħħiet il-multa imposta kollha kemm hi u dan sa mill-bidu (tnaqqis ex tunc) qabel ma ġiet stabbilita l-“multa ġudizzjarja” u għalhekk ma għażlitx li tikkonferma jew sempliċement tnaqqas (retroattivament) il-multa imposta abbażi tad-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni.

61.      Dawn l-argumenti, fil-fehma tiegħi, ma jistgħux jintlaqgħu.

62.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif ġie kkonstatat fil-punti 52 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-qorti tal-Unjoni ma imponietx multa minflok il-multa imposta mill-Kummissjoni, li barra minn hekk ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel, iżda sempliċement “irriformat” il-multa inizjalment iffissata fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fi kliem ieħor, teżisti identiċità fattwali u legali bejn il-multa imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u dik stabbilita fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 wara l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali.

63.      Fit-tieni lok infakkar li, fil-punti 58 sa 60 tas-sentenza CB, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni “hija relatata mal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni” (punt 58), li din il-qorti “ma għandhiex is-setgħa li timponi multa”, iżda tista’ “tiddeċiedi biss fuq il-multi ffissati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni” (punt 59) u li, għalhekk, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex “tissostitwixxi l-multa imposta mill-Kummissjoni b’multa ġdida, ġuridikament distinta minnha” (punt 60). Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali, li ġew ifformulati fl‑1995 mill-Qorti Ġenerali, għalkemm qatt ma ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li għadhom validi llum (50).

64.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li, fis-sentenza CB, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-parti tal-multa inkwistjoni wara li evalwat mill-ġdid l-istess fatti bħal dawk li taw lok għad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tikkonferma l-istess multa billi tibbaża ruħha wkoll fuq eżami ta’ fatti ġodda, id-differenzazzjoni magħmula mir-rikorrenti hija irrilevanti fuq il-livell ġuridiku. Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-qorti ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għandha, bħala prinċipju u bla ħsara għall-eżami tal-elementi sottomessi lilha mill-partijiet, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dritt u ta’ fatt prevalenti fid-data li fiha hija tiddeċiedi meta tqis li huwa ġġustifikat li teżerċita s-setgħa tagħha ta’ riforma (51). A fortiori, dan ifisser li l-qorti ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tista’ tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss elementi preċedenti li ma jidhrux fl-att ikkontestat (52), iżda, skont il-każ u eċċezzjonalment, ukoll elementi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi kkompletat l-eżerċizzju tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-qorti tal-Unjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li hija tqis rilevanti, kemm jekk dawn ikunu seħħew qabel jew wara d-deċiżjoni meħuda (53). Dan japplika wkoll, u iktar u iktar, meta, bħal f’din il-kawża, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa jirrigwarda l-eżami tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-qorti tal-Unjoni ma setgħetx tevalwa din il-kapaċità billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali prevalenti fil-mument meta hija tiddeċiedi, hija tista’ tkun obbligata tirrifjuta jew tagħti tnaqqis jew tneħħija ta’ multa dovuta jew indebita, ta’ natura li tikkawża jew li tagħti lil din l-impriża żvantaġġ jew vantaġġ kompetittiv inġustifikat (54). Barra minn hekk, nixtieq infakkar li l-kontroll tal-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006, jinvolvi l-analiżi tal-“kuntest soċjali u ekonomiku partikolari” fil-mument tal-impożizzjoni tal-multa sabiex tiġi evalwata jekk dan “[j]ipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika” tal-kumpannija inkwistjoni. Tali kontroll huwa għalhekk, min-natura tiegħu u mill-għan tiegħu, prospettiv u jista’ jeħtieġ, eċċezzjonalment, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi sussegwenti għad-deċiżjoni li timponi l-multa.

65.      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja f’dak li jirrigwarda l-effett ta’ sostituzzjoni tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. B’mod iktar preċiż, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[m]eta l-qorti tal-Unjoni tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Kummissjoni u tnaqqas l-ammont tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija tissostitwixxi, fi ħdan id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-ammont inizjalment iffissat f’dik id-deċiżjoni b’dak li jirriżulta mill-evalwazzjoni tagħha stess”. Skont ir-rikorrenti, għalkemm din il-kunsiderazzjoni setgħet tidher li hija punt ta’ tluq korrett, il-Qorti Ġenerali madankollu kellha tislet il-konklużjonijiet li ġejjin minnha: i) fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet kompletament l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni; ii) fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, hija naqqset l-ammont tal-multa annullata fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha permezz ta’ annullament u ta’ kumpens espliċitu tal-ħlasijiet li diġà saru; u iii) il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-multa annullata bil-multa ġudizzjarja hekk emendata. Issa, minflok ma siltet dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fl-istess punt 99 tas-sentenza appellata, li “[i]d-deċiżjoni tal-Kummissjoni titqies għalhekk, minħabba l-effett sostituttiv tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni, li kienet dejjem dik li tirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CB, punti 60 sa 65 u 85 sa 87”.

66.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, annullat, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-akkordju sa fejn din kienet tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u, iffissat, fit-tieni lok, l-ammont tal-multa fl-istess livell, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għar-raġunijiet indikati fil-punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u kif qieset ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 38 u 40 tad-digriet tagħha, li għalihom jirreferi l-punt 101 tas-sentenza appellata, ma kienx hemm riforma radikali u lanqas “novazzjoni” tal-multa f’din l-okkażjoni.

67.      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-modifika tal-multa tipprekludi l-eżiġibbiltà retroattiva tagħha mill‑4 ta’ Jannar 2011. Huma jikkontestaw għalhekk l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li jinsab fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li “[f]’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha raġun tqis li, peress li l-multa ffissata mill-Qorti Ġenerali ma kinitx multa ġdida, din kienet dovuta mill‑4 ta’ Jannar 2011”. Fil-fehma tagħhom, it-tneħħija kompleta u l-għibien tal-multa pprekludew l-eżiġibbiltà retroattiva tagħha, peress li l-posponiment tal-eżiġibbiltà tal-multa ġudizzjarja jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-punti 302 u 356 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. Fil-fatt, matul il-perijodu bejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt ta’ kreditu korrispondenti.

68.      Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jibnu argument li, madankollu, jirriżulta li huwa ineffettiv peress li bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015. B’hekk, ir-rikorrenti jsostnu, b’mod żbaljat, li, f’dan il-każ, l-effett ta’ sostituzzjoni tal-multa ffissata mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza appellata għandu effett ex nunc u li b’hekk il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-qasam tas-sanzjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fid-digriet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-multa imposta mill-Qorti Ġenerali ma kinitx multa ġdida (55). Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx bħala mhux xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kif jirriżulta mill-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tal-ewwel erba’ motivi tar-rikors, li l-eżami tagħhom ma żvela ebda żball ta’ natura li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kontenzjuża, li ġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak tal-multa li l-Kummissjoni kienet preċedentement imponiet fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kontenzjuża.

69.      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni tas-sentenza Trioplast (punti 15 u 56 sa 62) meta tirreferi għal din tal-aħħar, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, insostenn tal-konklużjoni li: “[e]ffett sostituttiv analogu għal dak imsemmi fil-punt 99 iktar ’il fuq diġà ġie rrikonoxxut b’dispożittiv li fih il-Qorti Ġenerali kienet l-ewwel annullat l-ammont li fir-rigward tiegħu kumpannija omm kienet responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa imposta mill-Kummissjoni sabiex sussegwentement tiffissa mill-ġdid dan l-ammont fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha”. Fil-fehma tagħhom, din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti u turi li ma kienx hemm sentenza li tista’ titqies bħala preċedent irrikonoxxut mill-qrati tal-Unjoni li permezz tiegħu l-punt tat-tluq retroattiv tar-rata tal-interessi kien diġà ġie ppreċiżat b’mod definittiv fil-każ ta’ kombinazzjoni ta’ annullament u ta’ dispożittiv ta’ kundanna.

70.      Madankollu, bħall-Kummissjoni, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li s-sentenza Trioplast hija rilevanti fir-rigward tal-bidu tar-rata tal-interessi. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett, b’mod analogu għall-mod kif għamlet f’dan il-każ, annullat fid-dispożittiv tas-sentenza l-ammont tal-multa li għalih kumpannija omm kienet miżmuma responsabbli in solidum, qabel ma stabbilixxietu mill-ġdid fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Il-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni kienet għalhekk issostitwita b’mod ċar ex tunc. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża Trioplast huma għaldaqstant kompletament paragunabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża, dan ir-raba’ lment jista’ wkoll jiġi miċħud.

71.      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-kapaċità l-ġdida ta’ ħlas tar-rikorrenti stabbilita fl‑2015 u tal-konsegwenzi tagħha fuq l-ammont tal-“multa ġudizzjarja”. B’mod iktar preċiż, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li “[f]il-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji meta evalwat il-kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti, iżda mingħajr ma indikat li ebda multa ma setgħet tiġi imposta fuqhom fl‑2010 u fl‑2011”, filwaqt li żiedet tgħid, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li “[l]-eżistenza ta’ ċerta kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti fl‑2010 u fl‑2011 ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, kuntrarjament għal dak li jallegaw”. Skont ir-rikorrenti, xejn ma jindika li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minħabba ċerta kapaċità ta’ ħlas, li żżomm id-deċiżjoni inizjali tagħha ta’ multa u li tikkonferma għalhekk l-ammont mhux xieraq tal-multa annullata.

72.      Madankollu, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, nirrileva li, fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat sempliċement, bi tweġiba għal wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti u b’riferiment għall-punt 346 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, li, f’dik is-sentenza, hija kienet ikkonstatat li, abbażi tal-pjan ta’ ħlas provviżorju stabbilit fid-digriet għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti kienu diġà f’pożizzjoni li jħallsu somma ta’ iktar minn EUR 15 000 000 mis-sena 2011, li ppermetta li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “ċerta kapaċità ta’ ħlas” tar-rikorrenti matul is-snin 2010 u 2011.

73.      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jikkritikaw l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-“kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti […] hija spjegata mill-annullament tal-punt 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni”. Skont ir-rikorrenti, id-dispożittiv tal-ispejjeż adottat “jenfasizza d-deċiżjoni materjalment favorevoli tal-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-multa sostanzjalment immodifikata [favurihom] permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015”.

74.      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata ta’ rabta bejn l-allegata riforma (fil-forma ta’ tnaqqis) b’suċċess tal-multa annullata inizjalment imposta u l-intaxxar tal-ispejjeż u, għalhekk, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

75.      Fis-seba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni li tinsab fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li tgħid li “l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji ab initio ma jikkostitwixxix sanzjoni, li tiżdied mal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni, li tikkostitwixxi ostakolu għad-dritt għal azzjoni legali”.

76.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ multa fit-termini huwa konsegwenza diretta tas-saħħa eżekuttiva tal-atti tal-Kummissjoni li jinkludu obbligu pekunjarju, kif iddefinit fl-Artikolu 299 TFUE. L-eżekuzzjoni forzata ta’ dawn l-atti tista’ tiġi sospiża biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-obbligu li jitħallsu l-interessi moratorji huwa għalhekk intiż sabiex jiggarantixxi l-effikaċja tal-multi imposti mill-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u sabiex jinkoraġġixxi lid-destinatarji tagħhom iħallsuhom fit-termini stabbiliti. L-obbligu li jitħallsu l-interessi moratorji ab initio ma jikkostitwixxix għalhekk sanzjoni li tiżdied mal-multa inizjalment imposta mill-Kummissjoni.

77.      Min-naħa l-oħra, permezz tas-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali la annullat id-dispożizzjonijiet dwar l-interessi moratorji li jinsabu fid-deċiżjoni dwar l-akkordju, u lanqas ma ffissat terminu ġdid għall-ħlas jew rata ġdida ta’ interessi moratorji. Fid-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018 Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (56), il-Qorti Ġenerali, għall-kuntrarju, ikkonfermat espressament li s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 ma kellha ebda effett fuq il-kwistjoni tal-interessi moratorji. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fl-appell ma jistgħux isostnu b’mod validu li ebda interessi moratorji ma kienu dovuti mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

C.      Konklużjoni

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u sa fejn dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw biss l-ewwel aggravju, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad dan l-aggravju bħala infondat.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


3      ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linja Gwida tal-2006”.


4      Ara l-punt 7 tas-sunt tad-Deċiżjoni APC, li tista’ tiġi kkonsultata fl-indirizz li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/FR/TXT/HTML/?uri=CELEX:52011XC1119(01).


5      Il-verżjoni kkonsolidata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C(2010) 4387 final) (disponibbli bil-lingwa Ingliża biss) tista’ tiġi kkonsultata fl-indirizz li ġej: https://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/38344/38344_5856_3.pdf


6      Regolament tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).


7      Id-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 huwa fformulat kif ġej:


      “1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors għal tnaqqis tal-multa imposta fuq [WDI] u fuq [WDV] fid-deċiżjoni […] tat‑30 ta’ Settembru 2010.


      2)      Il-punt 8 tal-[ewwel paragrafu] tal-Artikolu 2 tad-[deċiżjoni inkwistjoni] huwa annullat.


      3)      L-ittra […] tal‑14 ta’ Frar 2011 hija annullata.


      4)      [WDI], [WDV] u Pampus […] huma kkundannati in solidum għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 15 485 000.


      5)      [WDI] u [WDV] huma kkundannati in solidum għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 23 370 000.


      6)      [WDI] hija kkundannata għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 7 695 000.


      7)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.


      8)      [WDI], [WDV] u Pampus […] għandhom ibatu n-nofs tal-ispejjeż tagħhom stess, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u nofs l-ispejjeż ta’ [WDI], [WDV] u ta’ Pampus […], inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.”


8      Sentenza appellata, punti 67 sa 131.


9      Sentenza appellata, punt 75.


10      Sentenza appellata, punt 64.


11      Sentenza appellata, punt 96.


12      Sentenza appellata, punt 96 u 97.


13      Sentenza appellata, punt 98, li tirreferi, “f’dan is-sens”, għas-sentenza CB, punti 58 u 60.


14      Sentenza appellata, punt 99, li tirreferi, “f’dan is-sens”, għas-sentenza CB, punti 60 sa 65 u 85 sa 87.


15      Sentenza appellata, punt 101, li tirreferi għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punti 38 u 40.


16      Sentenza appellata, punt 102.


17      Sentenza appellata, punt 116.


18      Sentenza appellata, punt 124.


19      Sentenza appellata, punt 127, li tirreferi, “f’dan is-sens” għas-sentenza CB, punti 86 u 87.


20      Sentenza appellata, punti 135 u 141.


21      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet. B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha: – tannulla l-att ikkontestat; – konsegwentement, tiddikjara li l-Kummissjoni għandha timputa l-ħlasijiet li saru minn WDI lill-Kummissjoni matul il-perijodu bejn id‑29 ta’ Ġunju 2011 u s‑16 ta’ Ġunju 2015 għal ammont ta’ EUR 16 400 000 flimkien mal-interessi kumpensatorji b’ammont totali ta’ EUR 1 420 610, jiġifieri total ta’ EUR 17 820 610, fuq il-multa imposta b’mod indipendenti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, b’effett mill‑15 ta’ Lulju 2015, u li din il-multa ġiet estinta kollha kemm hi bil-ħlas tas‑17 ta’ Ottubru 2019 ta’ ammont ta’ EUR 18 149 636.24; – tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil WDI l-ammont ta’ EUR 1 633 085.17 flimkien mal-interessi kumpensatorji mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tal-ammont korrispondenti dovut; – sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lit-(tliet) rikorrenti danni fl-ammont ta’ EUR 12 236 931.69 bħala kumpens mad-dejn invokat mill-Kummissjoni kontra WDI, permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Marzu 2020, fl-ammont ta’ EUR 12 236 931.36, u tħallas l-ammont tal-ħlas żejjed ta’ EUR 1 633 085.17 flimkien mal-interessi kumpensatorji lil WDI mis‑17 ta’ Ottubru 2019 sar-rimbors sħiħ tal-ammont dovut; – sussidjarjament għat-talbiet taħt l-inċiżi 1 sa 5, li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi; u, fi kwalunkwe każ, – tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fil-proċedura tal-appell.


22      Il-ġurisdizzjoni sħiħa fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni kienet inizjalment irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962 l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). Għal lista sħiħa tar-regolamenti li jagħtu setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa lill-Qorti tal-Ġustizzja, ara Lenaerts, K., Gutman, K., Nowak, J.T., EU Procedural Law, it‑2 edizzjoni, Oxford, 2023, p. 633, b’mod iktar preċiż, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


23      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni (C‑123/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Orange Polska”, EU:C:2018:590, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2022:537, punti 148 sa 162).


24      Ara, madankollu, l-Artikolu 36 tat-Trattat KEFA. Għal ħarsa ġenerali storika tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, ara Muguet-Poullennec, G., Berghe, P., Article 31 - Review by the Court of Justice – Commentary, dans Regulation 1/2003 and EU Antitrust Enforcement – A Systematic Guide, Wolters Kluwer, 2023, p. 679.


25      Ara s-sentenza Orange Polska (punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara s-sentenza Orange Polska (punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 75 sa 77, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 34.


29      Ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 34.


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni (T‑486/11, EU:T:2015:1002, punti 65 u 67, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), tal‑25 ta’ Jannar 2023, GEA Group vs Il‑Kummissjoni (T‑640/16 RENV, EU:T:2023:18, punt 263).


31      Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 195 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punti 96 u 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punti 66 u 67), u tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 63).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90).


34      Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni (C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 138).


35      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punti 33 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Tokin vs Il‑Kummissjoni (T‑343/18, EU:T:2021:636, punt 181).


38      Sentenza appellata, punti 96 u 97.


39      Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punti 17, 35 u 36.


40      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, punt 332.


41      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, punti 357 u 358.


42      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, punt 334.


43      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, punt 297.


44      Ara s-sentenza CB (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Trioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni (T‑669/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Trioplast”, EU:T:2016:285, punti 15 u 56 sa 62).


46      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni (T‑325/01, EU:T:2005:322), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑851/14, EU:T:2018:929).


47      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑13/89, EU:T:1992:35); tal‑15 ta’ Lulju 2015, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (T‑47/10, EU:T:2015:506); tad‑9 ta’ Settembru 2015 Panasonic u MT Picture Display vs Il‑Kummissjoni (T‑82/13, EU:T:2015:612); kif ukoll tat‑18 ta’ Novembru 2020, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni (T‑814/17, EU:T:2020:545).


48      Ara s-sentenza CB, punt 58.


49      Ara, pereżempju, id-dispożittiv tas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni (T‑587/08, EU:T:2013:129).


50      Ara l-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015 (punt 302 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata).


52      Sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (T‑236/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, EU:T:2004:118, punt 165) u tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni (T‑11/06, EU:T:2011:560, punti 280 sa 284).


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punti 51 u 52); tat‑22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punt 49); tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni (C‑679/11 P, EU:C:2013:606, punt 107); kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il‑Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 41).


54      Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punti 44 u 45. Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2015, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża fir-rigward tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, il-Qorti Ġenerali għandha, meta jkollha l-intenzjoni teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tevalwa s-sitwazzjoni li tipprevali fid-data li fiha tadotta d-deċiżjoni tagħha, fid-dawl tad-dokumenti li l-partijiet jistgħu jippreżentawlha, bla ħsara għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal‑4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, L 105, p. 1).


55      Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punti 39 u 40.


56      T‑393/10 INTP, EU:T:2018:293.