Language of document : ECLI:EU:C:2024:122

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(d) u Artikolu 40(2) u (3) – Applikazzjoni sussegwenti – Kundizzjonijiet għaċ-ċaħda ta’ tali applikazzjoni bħala inammissibbli – Kunċett ta’ ‘element jew fatt ġdid’ – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ tali applikazzjoni fil-każ ta’ illegalità tad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli – Garanziji proċedurali – Artikolu 14(2)”

Fil-Kawża C‑216/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Qorti Amministrattiva, Sigmaringen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

A. A.

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, T. von Danwitz u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot (Relatur), P. G. Xuereb, L.S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Wahl u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u V.-S. Strasser, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d), tal-Artikolu 40(2) u (3) u tal-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A. A., ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), dwar iċ-ċaħda bħala inammissibbli tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu għall-istatus ta’ refuġjat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 18 u 36 tad-Direttiva 2013/32 huma fformulati kif ġej:

“ (18)      Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[...]

(36)      Fejn sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jwettqu proċedura sħiħa ġdida ta’ eżami. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jirrifjutaw applikazzjoni bħala inamissibbli taħt il-prinċipju ta’ res judicata.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

f)      “awtorità determinanti” tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet;

[...]

q)      “applikazzjoni sussegwenti” tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1).”

5        L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Intervista personali”, jipprevedi:

“ 1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ma’ persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista. L-intervisti personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom isiru mill-persunal tal-awtorità determinanti. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 42(2)(b).

[...]

2.      L-intervista personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni tista’ titneħħa meta:

a)      l-awtorità determinanti tkun kapaċi li tieħu deċiżjoni pożittiva fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat abbażi tal-evidenza disponibbli [...]

[...]”.

6        L-Artikolu 33 tal-istess direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprovdi:

“ 1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, bir-rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[...]

d)      l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet [fatti] ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant

[...]”.

7        L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 sa 5 tiegħu:

“ 2.      Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

3.      Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

4.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni tiġi eżaminata ulterjorament biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 46.

5.      Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d).”

8        L-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

ii)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2);

[...]

3.      Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

9        L-Artikolu 71 tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

Jekk, wara l-irtirar jew iċ-ċaħda inkontestabbli ta’ applikazzjoni preċedenti għall-ażil, iċ-ċittadin barrani jippreżenta applikazzjoni ġdida għall-ażil (applikazzjoni sussegwenti), proċedura ġdida għall-ażil għandha titwettaq biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3) tal-[Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva), kif ippubblikata fit‑23 ta’ Jannar 2003 (BGBl. 2003 I, p. 102)]; [...]”.

10      L-Artikolu 51 tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva”), jipprevedi:

“ (1)      Korp amministrattiv għandu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jiddeċiedi li miżura amministrattiva li ma tkunx iktar tista’ tiġi kkonstatata tiġi annullata jew modifikata, jekk:

1.      Is-sitwazzjoni fattwali jew legali li fuqha kienet ibbażata l-miżura sussegwentement inbidlet favur l-individwu kkonċernat;

2.      tkun ħarġet evidenza ġdida li kienet twassal għal deċiżjoni iktar favorevoli għall-individwu kkonċernat;

3.      skont l-Artikolu 580 [taż-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)] ikunu jeżistu raġunijiet sabiex terġa’ tinfetaħ il-proċedura.

(2)      It-talba hija ammissibbli biss jekk, mingħajr ma wettqet żball serju, il-persuna kkonċernata ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-raġuni għal eżami mill-ġdid fil-kuntest tal-proċedura preċedenti, inkluż billi tappella mill-miżura amministrattiva.

(3)      It-talba għandha ssir fi żmien tliet xhur. Dan it-terminu jibda jiddekorri mill-jum li fih il-persuna kkonċernata saret taf bir-raġuni għal eżami mill-ġdid.

[...]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Sirjan. Fis-26 ta’ Lulju 2017, huwa ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fil-Ġermanja wara li, skont l-indikazzjonijiet tiegħu stess, telaq mis-Sirja fl-2012, irrisjeda fil-Libja sal-2017 u wara qasam l-Italja kif ukoll l-Awstrija sabiex jidħol fil-Ġermanja.

12      Waqt l-intervista tiegħu mal-Uffiċċju, huwa ddikjara li kien wettaq is-servizz militari tiegħu fis-Sirja bejn is-sena 2003 u s-sena 2005, u li kien telaq minn dan il-pajjiż minħabba l-biża’ li jissejjaħ lura għas-servizz militari jew li jiġi arrestat jekk jirrifjuta li jaqdi l-obbligi militari tiegħu. Wara t-tluq tiegħu mis-Sirja, missieru kien għarrfu li l-awtoritajiet militari kienu ħarġu konvokazzjoni fil-konfront tiegħu.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2017, l-Uffiċċju tah il-protezzjoni sussidjarja, iżda rrifjuta li jagħtih l-istatus ta’ refuġjat.

14      Sabiex jiġġustifika dan ir-rifjut, l-Uffiċċju qies li ma kienx hemm lok li jiġi preżunt li l-Istat Sirjan kellu jinterpreta l-emigrazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala manifestazzjoni ta’ oppożizzjoni għar-reġim. Fil-fatt, minn naħa, huwa joriġina minn reġjun li, fil-mument tat-tluq tiegħu, kien jinsab fil-qalba tal-kontestazzjoni bejn l-armata Sirjana, l-Armata Sirjana libera u l-Istat Iżlamiku. Min-naħa l-oħra, peress li, skont dak li qal huwa stess, telaq mis-Sirja qabel ma ġie msejjaħ sabiex jingħaqad mill-ġdid mal-armata Sirjana, ma hemmx raġuni sabiex wieħed jaħseb li huwa ser jitqies, f’pajjiżu, bħala deżertur jew opponent għar-reġim. Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma stabbilixxiex li l-konskrizzjoni kienet ir-raġuni tat-tluq tiegħu. B’mod ġenerali, huwa invoka biss is-sitwazzjoni ta’ periklu minħabba l-gwerra fis-Sirja.

15      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ressaqx rikors kontra din id-deċiżjoni, li saret definittiva.

16      Fil-15 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni ġdida għall-ażil, jiġifieri “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, quddiem l-Uffiċċju. Huwa essenzjalment ibbaża l-applikazzjoni tiegħu fuq is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz Militari u Ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945). Huwa sostna essenzjalment li dik is-sentenza kienet tikkostitwixxi “bidla fl-istat tad-dritt”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, u li, konsegwentement, l-Uffiċċju kien obbligat jeżamina l-applikazzjoni sussegwenti tiegħu fuq il-mertu. Din il-bidla tinsab fil-fatt li s-sentenza invokata tipprevedi interpretazzjoni tar-regoli dwar l-oneru tal-prova li hija iktar favorevoli għall-applikanti għall-ażil minn dik adottata mill-ġurisprudenza nazzjonali fir-rigward ta’ tali applikanti li jkunu ħarbu minn pajjiżhom sabiex jaħarbu mill-obbligi militari tagħhom. L-imsemmija bidla tirriżulta mill-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li, f’ċerti ċirkustanzi, teżisti “preżunzjoni qawwija” li r-rifjut tas-servizz militari jkun marbut ma’ waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021, l-Uffiċċju ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni sussegwenti għall-ażil tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Huwa mmotiva din id-deċiżjoni billi indika, essenzjalment, li s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge, (Servizz Militari u Ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945), ma kinitx timplika li huwa għandu jeżamina din l-applikazzjoni fuq il-mertu. Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali llimita ruħu li jinvoka din is-sentenza insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, il-kundizzjonijiet stabbiliti kemm mid-dispożizzjonijiet nazzjonali kif ukoll minn dawk tal-Unjoni Ewropea għal eżami ġdid tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, ma ġewx issodisfatti.

18      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Qorti Amministrattiva, Sigmaringen, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tat-22 ta’ Marzu 2021 u għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat.

19      Dik il-qorti tosserva li, skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 71(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u l-punt 1 tal-Artikolu 51(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva, jekk, wara ċ-ċaħda definittiva tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta applikazzjoni sussegwenti, l-awtorità determinanti għandha tiftaħ mill-ġdid il-proċedura jekk is-sitwazzjoni fattwali jew legali li tat lok għall-att amministrattiv tkun sussegwentement inbidlet favur il-persuna kkonċernata. Fir-rigward ta’ bidla fis-“sitwazzjoni legali”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija tinnota li, skont l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza nazzjonali dominanti, hija biss emenda tad-dispożizzjonijiet applikabbli li tista’, bħala prinċipju, taqa’ taħt dan il-kunċett, u mhux deċiżjoni ġudizzjarja, bħal ma hija deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja tillimita ruħha li tinterpreta u li tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti, mingħajr ma temendahom. Il-qorti tar-rinviju madankollu tindika li d-deċiżjonijiet tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) dwar il-portata tad-dritt fundamentali għall-ażil jistgħu b’mod eċċezzjonali jikkostitwixxu emendi tas-“sitwazzjoni legali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

20      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, madankollu, dwar kemm din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija tirrifjuta b’mod ġenerali li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja titqies li tista’ tbiddel “is-sitwazzjoni legali” u għalhekk tista’ tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-każ fejn titressaq applikazzjoni sussegwenti, filwaqt li, fis-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tikkostitwixxi element ġdid, fis-sens tal-Artikolu 33(2) (d) tad-Direttiva 2013/32.

21      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari dubji dwar jekk deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita ruħha li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li kienet diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti, tistax tikkostitwixxi “element jew fatt ġdid” fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32. B’mod partikolari, hija għandha dubji dwar jekk is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge, (Servizz Militari u Ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945), invokata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix, f’dan il-każ, tali “element jew fatt ġdid”, fid-dawl tal-fatt li din tinvolvi preċiżazzjonijiet importanti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(b) u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95 fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-Sirjani li joġġezzjonaw minħabba raġunijiet ta’ kuxjenza.

22      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, meta tiġi adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-Uffiċċju li tiċħad applikazzjoni sussegwenti bħala inammissibbli, hija tista’ tiddeċiedi biss fuq il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ din l-applikazzjoni kif previsti fl-Artikolu 71(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u fl-Artikolu 51(1) sa (3) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva. Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-Uffiċċju ma kienx iġġustifikat meta ċaħad l-applikazzjoni sussegwenti, hija tista’ biss tannulla d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà u tibgħat lura l-eżami ta’ din l-applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju sabiex dan jagħti deċiżjoni ġdida.

23      Dik il-qorti għandha dubji, madankollu, dwar jekk dawn ir-regoli proċedurali nazzjonali humiex kompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 u mal-għan tal-imsemmija direttiva, stipulat fil-premessa 18 tagħha, li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jkunu s-suġġett ta’ l-iktar deċiżjoni rapida possibbli. Fil-każ li minn dan l-Artikolu 46 jirriżulta li hija tista’, jew saħansitra li hija għandha, tiddeċiedi hija stess fuq il-mertu tal-applikazzjoni sussegwenti u tagħti, jekk ikun il-każ, l-istatus ta’ refuġjat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, hija għandha wkoll dubji dwar jekk dan ir-rikorrent għandux għalhekk jibbenefika mill-garanziji proċedurali previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Qorti Amministrattiva, Sigmaringen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1      a)      Dispożizzjoni nazzjonali li tqis li applikazzjoni sussegwenti hija ammissibbli biss jekk il-fatti jew il-liġi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni inizjali ta’ ċaħda nbidlu sussegwentement favur l-applikant hija kompatibbli mal-Artikolu 33(2)(d) u mal- 40(2) tad-Direttiva [2013/32] [...]?

b)      L-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li ma tqisx deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (f’dan il-każ fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE) bħala “element ġdid”, “ċirkustanza ġdida” jew “fatt ġdid” meta din id-deċiżjoni ma tikkonstatax l-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni iżda sempliċement tinterpreta d-dritt tal-Unjoni? Jekk ikun il-każ, liema huma l-kundizzjonijiet sabiex sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li sempliċement tinterpreta d-dritt tal-Unjoni jkollha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala “element ġdid”, “ċirkustanza ġdida” jew “fatt ġdid”?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda: l-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet li teżisti preżunzjoni b’saħħitha li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva [2011/95] huwa marbut ma’ waħda mill-ħames raġunijiet elenkati fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ‘element ġdid’, ‘ċirkustanza ġdida’ jew ‘fatt ġdid’?

3)      a)      L-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà meħuda mill-awtorità determinanti fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(1)(c) tad-Direttiva 2013/32 għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta jekk l-awtorità determinanti qisitx ġustament li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex l-applikazzjoni sussegwenti għall-ażil tkun tista’ titqies li hija inammissibbli konformement mal-Artikolu 33(2)(d) u mal-Artikolu 40(2) u (5) tad-Direttiva 2013/32?

b)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (a) tat-tielet domanda: l-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikors ġudizzjarja kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà għandu jinkludi wkoll l-eżami tal-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2011/95 humiex issodisfatti meta l-qorti tikkonstata, wara eżami mwettaq minnha stess, li l-kundizzjonijiet għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni sussegwenti għall-ażil minħabba inammissibbiltà ma humiex issodisfatti?

c)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (b) tat-tielet domanda: sabiex qorti tieħu tali deċiżjoni huwa meħtieġ li l-applikant kien ibbenefika minn qabel mill-garanziji proċedurali speċjali previsti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, [moqrija] flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tagħha? Il-qorti tista’ tipproċedi b’din il-proċedura hija stess jew għandha tiddelegaha lill-awtorità determinanti, jekk ikun il-każ wara li tissospendi l-proċedura ġudizzjarja? L-applikant jista’ jirrinunzja għall-osservanza ta’ dawn il-garanziji proċedurali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel żewġ domandi

25      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi taħt liema kundizzjonijiet sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkostitwixxi “element jew fatt ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 76).

27      L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jistgħu jqisu li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta “l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet [fatti] ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant”.

28      Il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 u jirrigwarda applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali mressqa wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti.

29      Il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet sussegwenti hija speċifikata fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, li jipprevedi, f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ tali applikazzjonijiet, eżami f’żewġ stadji (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punti 34 u 35).

30      Għalhekk, għall-ewwel, il-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, applikazzjoni sussegwenti għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunux instabu, jew ġewx ippreżentati mill-applikant, elementi jew fatti ġodda dwar l-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95.

31      Huwa biss jekk effettivament jeżistu tali elementi jew fatti ġodda meta mqabbla mal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li, fit-tieni lok, l-eżami tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni sussegwenti jitkompla, b’applikazzjoni tal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn l-elementi u fatti ġodda jżidux b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għal dan l-istatus (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 37).

32      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-eżami fuq il-mertu tal-applikazzjoni jitkompla biss jekk ma kienx possibbli li l-applikant ikkonċernat, mingħajr ebda ħtija min-naħa tiegħu, isostni, matul il-proċedura preċedenti, tali elementi jew fatti ġodda.

33      Meta l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti jkunu ssodisfatti, din l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata fuq il-mertu, u dan, kif ippreċiżat fl-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, konformement mal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, li jinkludi l-prinċipji bażiċi u l-garanziji fundamentali applikabbli għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 38).

34      Sabiex tiġi evalwata l-portata tal-kunċett ta’ “element jew fatt ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 33(2), b’mod partikolari mit-terminu “biss” li jinstab qabel l-elenku tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà, u mill-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni kif ukoll mill-istruttura ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-possibbiltà li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, tidderoga mill-obbligu li tali applikazzjoni tiġi eżaminata fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra l-Istat ospitanti), C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 49).

35      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li kemm min-natura eżawrjenti tal-elenku li jinsab f’dan l-Artikolu 33(2) kif ukoll min-natura derogatorja tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà jirriżulta li dan l-elenkar ifisser l-imsemmija raġunijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra l-Istat ospitanti), C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 51).

36      Għaldaqstant, il-każijiet li fihom id-Direttiva 2013/32 timponi li applikazzjoni sussegwenti titqies ammissibbli għandhom, bil-kontra ta’ dan, jiġu interpretati b’mod wiesa’.

37      Barra minn hekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 u, b’mod partikolari, mill-użu tal-espressjoni “element jew fatt ġdid” jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment biss għal bidla fattwali, li sseħħ fis-sitwazzjoni personali ta’ applikant jew f’dik tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda wkoll għal punti ta’ liġi ġodda.

38      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari, li applikazzjoni sussegwenti ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, meta l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva, tikkonstata li ċ-ċaħda definittiva tal-applikazzjoni preċedenti tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-awtorità determinanti għandha neċessarjament tagħmel tali konstatazzjoni meta din il-kuntrarjetà tkun tirriżulta, bħal f’dan il-każ, minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tkun ġiet ikkonstatata, b’mod inċidentali, minn qorti nazzjonali (ara b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C-925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 198 u 203).

39      Din il-konklużjoni hija mmotivata mill-fatt li l-effett utli tad-dritt irrikonoxxut lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, kif sanċit fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u kkonkretizzat bid-Direttivi 2011/95 u 2013/32, li jikseb l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jkunu ssodisfatti, ikun serjament kompromess jekk applikazzjoni sussegwenti tkun tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, meta ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tkun seħħet bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun li l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni tista’ tirriproduċi ruħha għal kull applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma jkun possibbli li l-applikant jiġi offrut il-benefiċċju ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu li ma jkunx ivvizzjat mill-ksur ta’ dan id-dritt. Tali ostaklu għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ma jistax raġonevolment jiġi ġġustifikat mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara. f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 92, 196 u 197).

40      Fil-kuntest partikolari tad-Direttiva 2013/32, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ element ġdid, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) ta’ din id-direttiva, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din is-sentenza ngħatatx qabel jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti jew jekk l-imsemmija sentenza tikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali li fuqha din id-deċiżjoni ġiet ibbażata hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jew tillimita ruħha li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, inkluż dik diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

41      Għalhekk, il-fatt, invokat mill-Gvern Ġermaniż u minn dak Awstrijak, li l-effetti ta’ sentenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tinterpreta regola tad-dritt tal-Unjoni li tmur lura, bħala prinċipju, għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata, huwa irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 194 u 203 tas-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367), li l-eżistenza ta’ sentenza li tikkonstata li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha ġiet miċħuda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi element ġdid relatat mal-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi rrilevat li, b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma qieset li huma biss is-sentenzi li jinvolvu tali konstatazzjoni li jistgħu jikkostitwixxu tali element ġdid.

43      Fil-fatt, interpretazzjoni li tgħid li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkostitwixxi element ġdid, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, biss bil-kundizzjoni li jiġi kkonstatat li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li abbażi tagħha tkun ġiet adottata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tkun tikkomprometti mhux biss l-effett utli tad-dritt irrikonoxxut lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta u mfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, iżda tkun tinjora kemm l-effett erga omnes tas-sentenzi preliminari kif ukoll in-natura tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE u l-għan tagħha li tiżgura l-uniformità tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

44      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li kull sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkostitwixxi element ġdid, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32.

45      Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ element ġdid hija kkorroborata mill-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32, li minnha jirriżulta li, insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, l-applikant għandu jkun jista’ jippreżenta “argumenti ġodda”.

46      Fil-fatt, l-imsemmija interpretazzjoni tippermetti li l-applikant isostni, insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, l-argument li l-applikazzjoni preċedenti tiegħu ġiet miċħuda bi ksur ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li tali argument ma setax, ipotetikament, jitqajjem matul l-eżami ta’ din l-applikazzjoni preċedenti.

47      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll il-fatt li, matul l-eżami tal-applikazzjoni preċedenti, l-applikant ma kienx invoka sentenza diġà mogħtija tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi ekwiparat għal ħtija min-naħa tal-applikant fis-sens tal-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, konformement għal dak li ġie indikat fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, dan il-kunċett ta’ ħtija għandu jiġi interpretat b’mod strett, jekk l-imsemmi kunċett li jiġi applikat b’mod iktar wiesgħa dan iwassal għal ripetizzjoni ta’ applikazzjoni mhux korretta tad-dritt tal-Unjoni, anki meta huma l-awtorità determinanti u l-qrati kompetenti li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’mod konformi ma dan id-dritt billi japplikaw is-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkostitwixxi element ġdid, fis-sens tal-Artikolu 33(2) u tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, anki fl-assenza ta’ riferiment, magħmul mill-applikant fil-kuntest tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, għall-eżistenza ta’ din is-sentenza (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 195).

49      Madankollu, għandu jitfakkar li, kif ġie osservat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, sabiex applikazzjoni sussegwenti tkun ammissibbli, jeħtieġ ukoll, konformement mal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, li l-elementi jew il-fatti ġodda “jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”.

50      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li jkun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jeżaminaw fuq il-mertu kull applikazzjoni sussegwenti. Issa, dan ikun il-każ li kieku, sabiex jostakola ċ-ċaħda, mill-awtorità kompetenti tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, ikun biżżejjed li l-applikant jinvoka kwalunkwe element jew fatt ġdid, indipendentement mir-rilevanza tiegħu fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali.

51      Meta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi invokata mill-applikant bħala element ġdid, fis-sens tal-Artikolu 33(2) u tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, tali kundizzjoni tillimita għalhekk l-obbligu li applikazzjoni sussegwenti tiġi eżaminata fuq il-mertu biss għall-każijiet fejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija f’din is-sentenza tidher rilevanti għall-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ din l-applikazzjoni.

52      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945), invokata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, tikkostitwixxix element ġdid ta’ natura li jżid b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat.

53      Sa fejn din l-evalwazzjoni tiddependi mill-interpretazzjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945), b’mod partikolari sa fejn din ikkonstatat, fil-punt 61 tagħha, li teżisti “preżunzjoni qawwija” li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 huwa marbut ma’ waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju li, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, magħmula wkoll fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat biss li, fil-kundizzjonijiet imsemmija iktar’ il fuq, huwa “probabbli ħafna” li din ir-rabta teżisti u li la kellha l-intenzjoni li timponi preżunzjoni inkonfutabbli u lanqas li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bl-evalwazzjoni tagħha fuq dan il-punt. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fl-aħħar sentenza tal-punt 61 tas-sentenza inkwistjoni, li huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jivverifikaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, in-natura plawżibbli ta’ din ir-rabta.

54      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet esposti iktar il fuq’, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li kull sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża sentenza li tillimita ruħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti, tikkostitwixxi element ġdid, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, irrispettivament mid-data li fiha ngħata, jekk iżżid b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali.

 Fuq it-tielet domanda

55      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, jew anki jeżiġi, li l-qorti nazzjonali kompetenti, meta tannulla deċiżjoni li tiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni sussegwenti, tista’ tiddeċiedi hija stess fuq din l-applikazzjoni, mingħajr ma jkollha tibgħat lura l-eżami tagħha quddiem l-awtorità determinanti. Hija tistaqsi wkoll jekk, f’dan il-każ, l-applikant għandux jibbenefika mill-garanziji proċedurali previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32.

56      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet sussegwenti tagħhom, meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva.

57      Abbażi tal-Artikolu 46(3) tal-imsemmija direttiva, dan ir-rimedju għandu, sabiex ikun effettiv, jinkludi eżami sħiħ u ex nunc mill-qorti nazzjonali kompetenti kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi, inkluż, fejn ikun il-każ, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali abbażi tad-Direttiva 2011/95.

58      Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati, abbażi tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li l-ipproċessar tar-rikorsi previsti jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni, b’tali mod li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi ttrattata b’mod eżawrjenti mingħajr il-bżonn li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità determinanti. Tali interpretazzjoni tiffavorixxi l-għan, imfittex mid-Direttiva 2013/32, li jiġi ggarantit li tali applikazzjonijiet ikunu s-suġġett ta’ pproċessar kemm jista’ jkun malajr, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u eżawrjenti (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 53).

59      Madankollu, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda biss l-eżami tar-rikors u għaldaqstant ma jirrigwardax l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 145 u tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 54).

60      Għandu għalhekk jiġi osservat li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jintroduċi regola komuni li tipprovdi li l-awtorità determinanti għandha titlef il-kompetenza tagħha wara l-annullament tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li jibqa’ possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu li l-fajl għandu, wara tali annullament, jintbagħat lura lil din l-awtorità sabiex din tadotta deċiżjoni ġdida (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 145, u tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 54).

61      Għalkemm id-Direttiva 2013/32 tirrikonoxxi lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ manuvrar, b’mod partikolari, sabiex jiddeterminaw ir-regoli dwar l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta deċiżjoni preċedenti dwar din l-applikazzjoni tkun ġiet annullata minn qorti, għandu madankollu jiġi osservat li, minkejja tali marġni ta’ manuvrar, l-Istati Membri huma obbligati, fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, li josservaw l-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxi, favur kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Il-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom għalhekk jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta. Minn dan isegwi li kull Stat Membru marbut minn din id-direttiva għandu jorganizza d-dritt nazzjonali tiegħu b’tali mod li, wara annullament ta’ din id-deċiżjoni preċedenti u fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità determinanti, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 55 u 59).

62      Barra minn hekk, billi jipprovdi, fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha teżamina, jekk ikun il-każ, il-“bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali” tal-applikant, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lill-imsemmija qorti, meta din tqis li għandha l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji f’dan ir-rigward, is-setgħa li tiddeċiedi b’mod vinkolanti, wara eżami sħiħ u ex nunc, jiġifieri eżawrjenti u aġġornat, ta’ dawn l-elementi, dwar il-kwistjoni ta’ jekk dan l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/95 sabiex jingħata protezzjoni internazzjonali. Minn dan isegwi li, meta, fi tmiem tali eżami, l-imsemmija qorti tkun konvinta li l-imsemmi applikant għandu jingħata, skont il-kriterji previsti mid-Direttiva 2011/95, l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja għar-raġunijiet li huwa jinvoka insostenn tal-applikazzjoni tiegħu u meta l-istess qorti tordna l-annullament tad-deċiżjoni li kienet ċaħdet din l-applikazzjoni u li l-fajl jintbagħat lura quddiem l-awtorità responsabbli għall-ipproċessar, din tal-aħħar hija, bla ħsara għas-seħħ ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jeħtieġu oġġettivament evalwazzjoni aġġornata ġdida, marbuta b’din id-deċiżjoni ġudizzjarja u bil-motivi li fuqhom hija bbażata u ma għandhiex iktar setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk tingħatax jew le l-protezzjoni mitluba fid-dawl tal-istess motivi bħal dawk li ġew ippreżentati quddiem l-imsemmija qorti (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 65 u 66).

63      Minn dan isegwi li għalkemm huwa kull Stat Membru li għandu jiddeċiedi jekk il-qorti li annullat id-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti tistax tilqa’ din l-applikazzjoni jew tiċħadha għal raġuni oħra jew jekk, għall-kuntrarju, din il-qorti għandhiex tittrasferixxi l-imsemmija applikazzjoni lill-awtorità determinanti sabiex teżaminaha mill-ġdid, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan l-aħħar każ, din l-awtorità hija obbligata tosserva tali deċiżjoni ġudizzjarja u l-motivi li fuqhom hija bbażata.

64      Barra minn hekk, l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 jimponi fuq l-awtorità li teżamina applikazzjoni sussegwenti li tkun tqieset ammissibbli, l-obbligu li tkompli bl-eżami ta’ din l-applikazzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

65      Konsegwentement, meta, wara li tkun annullat id-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni sussegwenti bħala inammissibbli, il-qorti kompetenti tiddeċiedi, taħt il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li tagħti sentenza fuq il-mertu ta’ din l-applikazzjoni, l-imsemmija qorti għandha, mutatis mutandis, tiżgura l-osservanza tal-prinċipji bażiċi u tal-garanziji fundamentali stipulati fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32. Dan jgħodd ukoll meta, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, l-imsemmija qorti ma għandhiex il-possibbiltà li tiċħad din l-applikazzjoni u li tagħti lill-applikant il-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali, peress li l-awtorità determinanti li lilha jintbagħat lura l-fajl sabiex hija tilqa’ jew tiċħad din l-applikazzjoni hija marbuta mid-deċiżjoni ġudizzjarja u mill-motivi li fuqhom hija bbażata.

66      Għandu jiġi espost ukoll, meqjusa d-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward li, fl-assenza ta’ intervista personali quddiem l-awtorità determinanti, kif previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/32, huwa biss meta tali intervista titwettaq quddiem il-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà adottata minn din l-awtorità u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha previsti mid-Direttiva 2013/32, li huwa possibbli li tiġi żgurata n-natura effettiva tad-dritt għal smigħ f’dan l-istadju ulterjuri tal-proċedura (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Addis, C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 71). Dan espost, mill-Artikolu 14(2) (a) ta’ din id-direttiva jirriżulta wkoll li jista’ jkun hemm rinunzja għal tali intervista meta din il-qorti tkun f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni pożittiva dwar l-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-provi disponibbli.

67      Fid-dawl tar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, mingħajr madankollu ma jeżiġi dan, li l-Istati Membri jawtorizzaw lill-qrati tagħhom, meta dawn jannullaw deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni sussegwenti bħala inammissibbli, li jiddeċiedu huma stess fuq din l-applikazzjoni, mingħajr ma jkollhom għalfejn jibagħtu l-eżami tagħha quddiem l-awtorità determinanti, bil-kundizzjoni li dawn il-qrati josservaw il-garanziji previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 40(2) u (3) tad- Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

kull sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluża sentenza li tillimita ruħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti, tikkostitwixxi element ġdid, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, irrispettivament mid-data li fiha ngħata, jekk iżżid b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali.

2)      L-Artikolu 46(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2013/32/UE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jippermetti, mingħajr madankollu ma jeżiġi dan, li l-Istati Membri jawtorizzaw lill-qrati tagħhom, meta dawn jannullaw deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni sussegwenti bħala inammissibbli, li jiddeċiedu huma stess fuq din l-applikazzjoni, mingħajr ma jkollhom għalfejn jibgħatu l-eżami tagħha quddiem l-awtorità determinanti, bil-kundizzjoni li dawn il-qrati josservaw il-garanziji previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.