Language of document : ECLI:EU:C:2024:123

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 25 – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru – Attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt – Element barrani”

Fil-Kawża C‑566/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura

Inkreal s.r.o.

vs

Dúha reality s.r.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Dúha reality s.r.o., minn J. Mráz, advokát,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, A. Edelmannová u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn M. Kähr u L. Lanzrein, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u K. Walkerová, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn., minn naħa, Inkreal s.r.o. u, min-naħa l-oħra, Dúha reality s.r.o. dwar l-identifikazzjoni tal-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal ħlas imressqa abbażi ta’ żewġ krediti miżmuma minn FD fil-konfront ta’ Dúha reality, li ġew ittrasferiti lil Inkreal b’titolu ta’ surroga.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Skont il-premessi 3, 15, 19, 21, 13 u 26 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“3)      L-Unjoni [Ewropea] stabbilixxiet għaliha nfisha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, inter alia billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

[...]

15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. [...]

[...]

19)      L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn kuntratt ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur jew ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skont ir-raġunijiet esklużivi ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament.

[...]

21)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u jkun assigurat li ma jiġux mogħtija deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati, u biex jiġu eliminati problemi li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. [...]

22)      Madankollu, sabiex titjieb l-effettività ta’ ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal-qorti u sabiex jiġu evitati tattiċi abbużivi ta’ tilwim, hu neċessarju li tkun prevista eċċezzjoni għar-regola ġenerali lis pendens sabiex tiġi trattata b’mod sodisfaċenti s-sitwazzjoni partikulari li fiha jistgħu jinqalgħu proċedimenti konkurrenti. Din hi s-sitwazzjoni meta qorti mhux magħżula fi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti tkun ġiet invokata bil-proċedimenti, u l-qorti magħżula tiġi invokata sussegwentement bi proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet. [...]

[...]

26)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni tiġġustifika l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa għal proċedura speċjali. Barra minn hekk, l-għan li t-tilwim transkonfinali jirriżulta f’inqas ħela ta’ ħin u spejjeż jiġġustifika l-abolizzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru indirizzat. Bħala riżultat, sentenza li tingħata mill-qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata daqs li kieku kienet ingħatat fl-Istat Membru indirizzat.”

4        L-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. Il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

c)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li dwarha l-partijiet huma jew li kellhom ikunu konxji u li f’dak in-negozju jew kummerċ tkun magħrufa sewwa, u regolarment osservata minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari kkonċernat.”

 Iddritt Ċek

5        L-Artikolu 11(3) taż-zákon č. 99/1963 Sb., občanský soudní řád (il-Liġi Nru 99/1963 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”) huwa fformulat kif ġej:

“F’każ ta’ kawża li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ċeki u meta l-kundizzjonijiet għal ġurisdizzjoni territorjali jkunu nieqsa jew ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti, in-Nejvyšší soud [il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka] għandha tagħżel il-qorti li għandha teżamina u taqta’ l-kawża.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

6        FD, li jirrisjedi fis-Slovakkja, u Dúha reality, kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk u stabbilita fis-Slovakkja, wieħed bħala l-persuna li ssellef u l-oħra bħala l-persuna li tissellef, ikkonkludew żewġ kuntratti ta’ self ta’ flus, fid‑29 ta’ Ġunju 2016 u fil‑11 ta’ Marzu 2017 rispettivament.

7        Kull wieħed minn dawn iż-żewġ kuntratti jinkludi ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni b’kontenut identiku li jipprovdi li, fil-każ li tinqala’ tilwima li ma tkunx tista’ tiġi solvuta permezz ta’ negozjati, din “għandha tkun solvuta fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qorti Ċeka li għandha ġurisdizzjoni ratione materiae u territorjali”.

8        Permezz ta’ ftehim ta’ trasferiment ta’ krediti tat‑8 ta’ Diċembru 2021, FD ittrasferixxa l-krediti tiegħu li jirriżultaw minn dawn iż-żewġ kuntratti ta’ self ta’ flus, b’ammont totali ta’ EUR 153 740, lil Inkreal, kumpannija rregolata bid-dritt Slovakk u stabbilita fis-Slovakkja.

9        Peress li Dúha reality ma ħallsitx lura l-flus mislufa, Inkreal adixxiet, fit‑30 ta’ Diċembru 2021, lin-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża sabiex tikseb, minn naħa, il-ħlas tal-krediti dovuti minn Dúha reality u, min-naħa l-oħra, l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti Ċeka biex tiddeċiedi fuq il-mertu skont l-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fuq il-bażi tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li jinsab fiż-żewġ kuntratti ta’ self ta’ flus.

10      Inkreal issostni li dan huwa ftehim validu li jattribwixxi ġurisdizzjoni, konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u li ma teżisti, barra minn hekk, l-ebda ġurisdizzjoni oħra, speċjali jew esklużiva, ta’ qorti skont dan ir-regolament.

11      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 hija suġġetta għall-eżistenza ta’ element barrani. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk dan ir-regolament huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-element barrani huwa limitat għal ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li jirrigwarda l-qrati ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih huma stabbiliti l-partijiet kontraenti. Kemm id-duttrina kif ukoll il-ġurisprudenza nazzjonali tal-Istati Membri adottaw soluzzjonijiet diverġenti f’dan ir-rigward.

12      Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, min-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tiegħu u mir-rieda, espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li tiġi osservata l-awtonomija kuntrattwali tal-partijiet, xorta jibqa’ l-fatt li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala purament interna minħabba li s-sempliċi rieda tal-partijiet ma hijiex biżżejjed sabiex tagħti natura internazzjonali lir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom.

13      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 1215/2012] tista’ tkun ibbażata, mill-perspettiva tal-eżistenza ta’ element barrani, meħtieġ għall-applikabbiltà tal-imsemmi regolament, fuq il-fatt biss li ż-żewġ partijiet, li t-tnejn jirrisjedu fl-istess Stat Membru, jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?”

 Fuq iddomanda preliminari

14      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li permezz tiegħu l-partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, anki jekk l-imsemmi kuntratt ma jkollu ebda rabta oħra ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor, jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

15      Sabiex tingħata risposta għal din id-d-domanda, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-iskopijiet imfittxija mill-att li tagħmel parti minnu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S , C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, qabelxejn, li jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Sussegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li din il-ġurisdizzjoni hija esklużiva, sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Fl-aħħar nett, din l-istess dispożizzjoni tippreċiża, fil-punti (a) sa (c) tagħha, il-mod kif il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni għandu jiġi konkluż.

17      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma tipprekludix li ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li permezz tiegħu l-partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, anki jekk l-imsemmi kuntratt ma jkun jinkludi ebda rabta oħra ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

18      Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan ir-regolament teħtieġ l-eżistenza ta’ element barrani (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C‑281/02, EU:C:2005:120, punt 25, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova, C‑399/21, EU:C:2022:648, punti 27 u 29).

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1215/2012, filwaqt li juża rispettivament, fil-premessi 3 u 26 tiegħu, il-kunċetti ta’ “materji ċivili li għandhom effett transkonfinali” u “tilwim transkonfinali”, ma jinkludi ebda definizzjoni tal-element barrani li l-eżistenza tiegħu tikkundizzjona l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria, C‑280/20, EU:C:2021:443, punt 30).

20      Issa, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), jiddefinixxi l-kunċett ekwivalenti ta’ “tilwima transkonfinali” bħala tilwima “fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti” (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria, C‑280/20, EU:C:2021:443, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Sa fejn dawn iż-żewġ regolamenti jaqgħu t-tnejn li huma fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom effett transkonfinali, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ekwivalenti użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dawn ir-regolamenti għandha tiġi armonizzata (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria, C‑280/20, EU:C:2021:443, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għandu jiġi rrilevat ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li element barrani jeżisti, barra minn hekk, meta s-sitwazzjoni tat-tilwima kkonċernata tkun ta’ natura li tqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-ordinament internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova, C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-kawża prinċipali tissodisfa d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tilwima transkonfinali”, kif indikat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, peress li l-partijiet f’din il-kawża huma stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tal-qorti li ġiet adita abbażi tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni inkwistjoni.

24      Min-naħa l-oħra, kif sostnew il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea, il-kawża prinċipali tqajjem kwistjoni dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, b’mod iktar preċiż dik dwar jekk il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża humiex dawk tar-Repubblika Ċeka, jew dawk tar-Repubblika Slovakka bħala Stat Membru li fih iż-żewġ partijiet kontraenti huma stabbiliti.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sitwazzjoni legali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreżenta element barrani fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, peress li l-eżistenza ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih huma stabbiliti l-partijiet kontraenti turi, fiha nnifisha, l-effett transkonfinali tal-kawża prinċipali.

26      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha, barra minn hekk, issir fid-dawl tal-għanijiet ta’ osservanza tal-awtonomija tal-partijiet u ta’ tisħiħ tal-effikaċja tal-ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal-qorti, imsemmija fil-premessi 15, 19 u 22 ta’ dan ir-regolament.

27      Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan huwa intiż li jiġbor ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbiltà u għalhekk isegwi għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, billi jippermetti kemm lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jadixxi kif ukoll lill-konvenut jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jiġi mħarrek (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, EXTÉRIA, C‑393/22, EU:C:2023:675, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest l-għan ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-qorti nazzjonali li jkollha l-kawża quddiemha tkun tista’ faċilment tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina l-kawża fil-mertu (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li abbażi tagħha ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kopert minn din id-dispożizzjoni, tissodisfa l-għan ta’ ċertezza legali mfittex minn dan ir-regolament.

29      Fil-fatt, minn naħa, sa fejn partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru jistgħu jiftiehmu b’mod validu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, u dan mingħajr ma jkun neċessarju li l-imsemmi kuntratt ikollu rabtiet supplimentari ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor, tali possibbiltà tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat li r-rikorrent jidentifika il-qorti li jista’ jadixxi u lill-konvenut jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jiġi mħarrek, u li l-qorti adita tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi faċilment dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess.

30      Min-naħa l-oħra, l-applikabbiltà tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għal ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jnaqqas il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u jevita li jingħataw sentenzi irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti, kif jeżiġi l-għan ta’ funzjonament armonjuż tal-ġustizzja, imsemmi fil-premessa 21 ta’ dan ir-regolament.

31      Fil-fatt, li kieku, f’dan il-każ, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma kinitx iddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda skont ir-regoli nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri kkonċernati, ikun hemm riskju ikbar ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jippreġudikaw iċ-ċertezza legali, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli nazzjonali tista’ twassal għal soluzzjonijiet diverġenti.

32      Għandu jingħad ukoll li l-għan ta’ ċertezza legali jkun kompromess ukoll jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ikun applikabbli biss sakemm ikunu jeżistu, lil hinn mill-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni lil qrati ta’ Stat Membru ieħor, elementi addizzjonali ta’ natura li juru l-effett transkonfinali tat-tilwima kkonċernata.

33      Fil-fatt, peress li tali kundizzjoni timplika li l-qorti adita għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali elementi addizzjonali f’dan il-każ u tevalwa r-rilevanza tagħhom, mhux biss titnaqqas il-prevedibbiltà għall-partijiet kontraenti tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża tagħhom, iżda l-eżami, mill-qorti adita, tal-ġurisdizzjoni tagħha stess isir iktar kumpless.

34      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan il-kuntest, li l-għażla tal-qorti indikata fi ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet li huma marbuta mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li kunsiderazzjonijiet dwar ir-rabtiet bejn il-qorti magħżula u r-relazzjoni kontenzjuża jew dwar il-fondatezza tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni ma humiex relatati ma’ dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 5 tad-dispożittiv).

35      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-applikabbiltà tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għal ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrifletti l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, imsemmija fil-premessa 26 ta’ dan ir-regolament, u b’hekk tikkontribwixxi għaż-żamma u għall-iżvilupp ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fost l-oħrajn billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, fis-sens tal-premessa 3 tal-imsemmi regolament.

36      Fl-aħħar nett, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehim dwar l-Għażla tal-Forum, li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/397/KE tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Ftehim dwar l-Għażla tal-Forum (ĠU 2009, L 133, p. 1), u approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/887/UE tal‑4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, Vol. 353, p. 5), ma tinvalidax din l-interpretazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, “każ huwa internazzjonali sakemm il-partijiet ma jkunux residenti fl-istess Stat Kontraenti u r-relazzjoni tal-partijiet u l-elementi l-oħra kollha relevanti għad-disputa, independentement mis-sede tal-Qorti magħżula, huma konnessi ma’ dak l-Istat biss”.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif sostniet il-Kummissjoni, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta’ din il-konvenzjoni tirrifletti għażla proprja tal-awturi tagħha, magħmula fid-dawl tal-ħtieġa li tinstab soluzzjoni li tista’ twassal għal adeżjoni wiesgħa fuq livell internazzjonali.

38      Issa, b’differenza mill-awturi tal-imsemmija konvenzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jinkludix regola simili fir-Regolament Nru 1215/2012, filwaqt li enfasizza, fil-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, l-għan li jinżamm u jiġi żviluppat spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bl-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom effett transkonfinali.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li permezz tiegħu l-partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, anki jekk l-imsemmi kuntratt ma jkollu ebda rabta oħra ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor, jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

 Fuq lispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li permezz tiegħu l-partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, anki jekk l-imsemmi kuntratt ma jkollu ebda rabta oħra ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor, jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.