Language of document : ECLI:EU:C:2024:122

Kawża C216/22

A. A.

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(d) u Artikolu 40(2) u (3) – Applikazzjoni sussegwenti – Kundizzjonijiet għaċ-ċaħda ta’ tali applikazzjoni bħala inammissibbli – Kunċett ta’ “element jew fatt ġdid” – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ tali applikazzjoni fil-każ ta’ illegalità tad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli – Garanziji proċedurali – Artikolu 14(2)”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ titqies bħala inammissibbli mill-Istati Membri – Raġuni – Applikazzjoni sussegwenti li ma ssemmix element jew fatti ġdid – Kunċett ta’ element ġdid – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex persuna tkun tista’ tikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Sentenza inkwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti – Inklużjoni – Data tas-sentenza – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 2(f), 33(2)(d) u 40(2) u (3))

(ara l-punti 38, 40, 44, 49, 54 u d-dispożittiv 1)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Rikors kontra deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Dritt għal rimedju effettiv – Annullament tad-deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni sussegwenti bħala inammissibbli – Obbligu li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jintbagħat lura quddiem l-awtorità determinanti – Assenza – Possibbiltà, mogħtija lill-Istati Membri, li jawtorizzaw lill-qrati tagħhom jiddeċiedu huma stess dwar din l-applikazzjoni – Kundizzjoni – Osservanza tal-garanziji previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 40(3), u 46(1)(a)(ii) u (3))

(ara l-punti 58 sa 65, 67 u d-dispożittiv 2)


Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sigmaringen, il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kompożizzjoni ta’ Awla Manja, tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkostitwixxix element ġdid li jimplika li applikazzjoni sussegwenti għall-ażil għandha tiġi eżaminata fuq il-mertu u mhux miċħuda bħala inammissibbli.

Fis-26 ta’ Lulju 2017, ċittadin Sirjan ippreżenta applikazzjoni għall-ażil fil-Ġermanja. Waqt l-intervista tiegħu quddiem l-awtorità kompetenti Ġermaniża, huwa espona li kien wettaq is-servizz militari tiegħu fis-Sirja bejn is-sena 2003 u s-sena 2005 u li huwa kien telaq minn dan il-pajjiż minħabba l-biża’ li jissejjaħ lura għas-servizz militari jew li jiġi arrestat jekk jirrifjuta li jaqdi l-obbligi militari tiegħu.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2017, l-awtorità kompetenti Ġermaniża tat lill-applikant il-protezzjoni sussidjarja, iżda rrifjutat li tagħtih l-istatus ta’ refuġjat. Hija qieset b’mod partikolari li ma kienx hemm lok li jiġi preżunt li, peress li telaq mis-Sirja qabel ma ġie msejjaħ sabiex jingħaqad mal-armata Sirjana, l-applikant kien ser jitqies, f’pajjiżu, bħala deżertur jew opponent għar-reġim. Barra minn hekk, huwa ma stabbilixxiex li l-konskrizzjoni kienet ir-raġuni tat-tluq tiegħu. Fil-fatt, huwa invoka biss, b’mod ġenerali, is-sitwazzjoni ta’ periklu minħabba l-gwerra fis-Sirja.

Huwa ma ppreżentax rikors kontra din id-deċiżjoni, li għalhekk saret definittiva. Madankollu, fil-15 ta’ Jannar 2021, huwa ppreżenta applikazzjoni ġdida għall-ażil (“applikazzjoni sussegwenti għal ażil”) li fiha huwa invoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz Militari u Ażil) (1). Huwa sostna li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet indikat li, f’ċerti ċirkustanzi, teżisti “preżunzjoni qawwija” li r-rifjut tas-servizz militari jkun marbut ma’ waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95 (2).

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2021, l-awtorità kompetenti Ġermaniża ċaħdet bħala inammissibbli l-applikazzjoni sussegwenti għal ażil tal-applikant għar-raġuni li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata ma kinitx timplika li hija kellha teżamina din l-applikazzjoni fuq il-mertu.

Adita b’rikors tal-applikant kontra din id-deċiżjoni, il-Qorti Amministrattiva ta’ Sigmaringen, li hija l-qorti tar-rinviju, għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li sempliċement tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti, tistax tikkostitwixxi “element jew fatt ġdid”, li jeskludi l-possibbiltà li applikazzjoni sussegwenti għall-ażil tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabelxejn, li mill-formulazzjoni u mill-għan tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll mill-istruttura ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-possibbiltà li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli prevista f’din id-dispożizzjoni tidderoga mill-obbligu li tali applikazzjoni tiġi eżaminata fuq il-mertu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk diġà kkonstatat li kemm min-natura eżawrjenti tal-elenku li jinsab fl-imsemmija dispożizzjoni, kif ukoll min-natura derogatorja tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà jirriżulta li dan l-elenkar ifisser l-imsemmija raġunijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (3). Għaldaqstant, il-każijiet li fihom id-Direttiva 2013/32 timponi li applikazzjoni sussegwenti titqies ammissibbli għandhom, bil-kontra ta’ dan, jiġu interpretati b’mod wiesa’.

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 u, b’mod partikolari, mill-użu tal-espressjoni “element jew fatt ġdid” jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment biss għal bidla fattwali, li sseħħ fis-sitwazzjoni personali ta’ applikant jew f’dik tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda wkoll għal punti ta’ liġi ġodda.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta, b’mod partikolari, li applikazzjoni sussegwenti ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 (4), meta l-awtorità determinanti, fis-sens ta’ din id-direttiva (5), tikkonstata li ċ-ċaħda definittiva tal-applikazzjoni preċedenti tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-awtorità determinanti għandha neċessarjament tagħmel tali konstatazzjoni meta din il-kuntrarjetà tkun tirriżulta minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tkun ġiet ikkonstatata, b’mod inċidentali, minn qorti nazzjonali (6).

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest partikolari tad-Direttiva 2013/32, kull sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun koperta mill-kunċett ta’ element ġdid, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) ta’ din id-direttiva (7). Din il-konstatazzjoni hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk din is-sentenza ngħatatx qabel jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti jew jekk l-imsemmija sentenza tikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali li fuqha din id-deċiżjoni ġiet ibbażata hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jew tillimita ruħha li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, inkluż dak diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

Madankollu, sabiex applikazzjoni sussegwenti tkun ammissibbli, jeħtieġ ukoll, konformement mal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, li l-elementi jew il-fatti ġodda “jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”.

Minn dan isegwi li kull sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża sentenza li tillimita ruħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni diġà fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti, tikkostitwixxi element ġdid, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) tad- Direttiva 2013/32, irrispettivament mid-data li fiha ngħatat, jekk iżżid b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali.


1      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz Militari u Ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945).


2      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jinkludi lista ta’ elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-raġunijiet għall-persekuzzjoni.


3      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra l-Istat ospitanti), C‑720/20, EU:C:2022:603, punti 49 u 51).


4      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60). Skont kliem l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jqisu bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sussegwenti, li fiha l-applikant ma jindika jew jipproduċi ebda element jew fatt ġdid relatat mal-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali abbażi tad-Direttiva 2011/95/UE.


5      L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-“awtorità determinanti” bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonijiet f’tali każijiet”.


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 198 u 203).


7      L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-eżami ta’ applikazzjonijiet sussegwenti.