Language of document : ECLI:EU:C:2024:129

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑8 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C598/22

Società Italiana Imprese Balneari Srl

vs

Comune di Rosignano Marittimo,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Agenzia del demanio – Direzione regionale Toscana e Umbria,

Regione Toscana

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Kuntratti pubbliċi u libertà ta’ stabbiliment – Konċessjonijiet għall-okkupazzjoni ta’ proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku – Skadenza u tiġdid – Regolamenti nazzjonali li jipprevedu, fl-iskadenza tal-konċessjoni, għat-trasferiment lill-Istat, mingħajr ħlas, ta’ xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona tad-dominju pubbliku – Karatteristiċi oħrajn ta’ tali regolament – Kunċett ta’ ‘restrizzjoni’”






I.      Introduzzjoni

1.        Ix-xatt tal-baħar Taljan, inkluż il-bajjiet tiegħu, huma proprjetà pubblika. Il-ġestjoni ta’ negozju f’bajja Taljana, għalhekk, teħtieġ konċessjoni.

2.        Regola nazzjonali li tirregola dawn il-konċessjonijiet tipprevedi li xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fuq bajja pubblika huma awtomatikament vestiti lill-Istat wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ konċessjoni, mingħajr ma ebda kumpens ikun dovut lill-konċessjonarju li jkun bnihom.

3.        Din ir-regola tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, kif previst fl-Artikolu 49 TFUE?

II.    Lisfond għattilwima filkawża prinċipali, iddomandi preliminari magħmula u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

4.        Sa mill‑1928, is-Società Italiana Imprese Balneari Srl (iktar ’il quddiem “SIIB”) ilha tamministra l-istabbiliment tal-għawm “Bagni Ausonia” fil-Comune di Rosignano Marittimo (il-Muniċipalità ta’ Rosignano Marittimo, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Muniċipalità”). Dan iċ-ċentru jinsab fil-parti l-kbira tiegħu fuq art li tappartjeni lill-proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku, li għalih SIIB kienet ingħatat konċessjonijiet konsekuttivi.

5.        Matul is-snin, din il-kumpannija bniet kostruzzjonijiet differenti fuq din l-art fiż-żona tad-dominju pubbliku.

6.        L-aħħar inventorju tax-xogħlijiet inkorporati fuq dik il-proprjetà kien twettaq mill-Muniċipalità fl‑1958.

7.        Fl‑20 ta’ Novembru 2007, matul il-konċessjoni ta’ SIIB Nru 27/2003, li saret fil-perijodu bejn l‑2003 sal-aħħar tal‑2008, il-Muniċipalità adottat deċiżjoni li biha kkalkolat mill-ġdid il-miżati pagabbli għal din il-konċessjoni. Iż-żieda tal-miżati kienet ir-riżultat ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ xi xogħlijiet fil-bajja b’konċessjoni bħala wieħed li huwa diffiċli li jitneħħa u li kklassifikathom bħala aċċessorju fiż-żona tad-dominju pubbliku. Dawn ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew diġà kienu jeżistu fiż-żona tad-dominju pubbliku fid-data tal-iskadenza tal-konċessjoni preċedenti Nru 36/2002, favur l-istess konċessjonarja, SIIB, fil-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 1999 sal‑31 ta’ Diċembru 2002.

8.        Id-Deċiżjoni Nru 31787 tal‑20 ta’ Novembru 2007, hija bbażata fuq l-Artikolu 49 tal-Codice della navigazione (il-Kodiċi tan-Navigazzjoni). Din tal-aħħar tipprevedi:

“Sakemm huwa stabbilit mod ieħor fl-istrument tal-konċessjoni, meta l-konċessjoni tasal fi tmiemha, ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona tad-dominju pubbliku għandhom jibqgħu f’idejn l-Istat, bla ebda kumpens jew rimbors, bla preġudizzju għad-dritt tal-awtorità tal-għoti sabiex tordna t-twaqqigħ tagħhom, bl-assi fiż-żona tad-dominju pubbliku għalhekk li jiġu rritornati fil-kundizzjoni oriġinali tagħhom.”

9.        Fl‑2008, il-Muniċipalità fetħet proċedura amministrattiva sabiex isir il-vestiment tal-aċċessorji assenjati lill-Istat fuq proprjetà marittima wara l‑1958. Bi tweġiba għal mistoqsijiet bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkjarifikat li din il-proċedura qatt ma ġiet kompluta. Madankollu, il-qorti tar-rinviju spjegat fit-tweġiba tagħha li dikjarazzjoni amministrattiva dwar it-trasferiment ta’ proprjetà lill-Istat fi kwalunkwe każ tkun biss dikjaratorja, għaliex l-akkwist ta’ proprjetà mill-Istat isir ex lege fl-iskadenza tal-perijodu ta’ konċessjoni, permezz tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.

10.      F’Mejju 2009, il-Muniċipalità ħarġet konċessjoni ġdida lil SIIB (Nru 181/2009) (2) għall-istess post. Matul il-proċedura tal-għoti ta’ din il-konċessjoni, SIIB iddikjarat li l-bini kollu fuq id-dominju kien faċli li jitneħħa (3). Wara spezzjoni fuq is-sit, il-Muniċipalità fl-aħħar ċaħdet din id-deskrizzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2014. Hija kkunsidrat li ż-żona ta’ proprjetà tad-dominju pubbliku b’konċessjoni kien fiha xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li kienu diġà ġew akkwistati mill-Istat skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.

11.      Il-Muniċipalità kkonfermat mill-ġdid din il-konstatazzjoni f’deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2015 (4). Fuq din il-bażi, hija żiedet ukoll il-miżati pagabbli minn SIIB b’effett mill-2009.

12.      SIIB ikkontestat id-deċiżjonijiet tas‑26 ta’ Novembru 2014 u tas‑16 ta’ April 2015 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Toscana, l-Italja). Hija ddikjarat li peress li l-konċessjoni ġiet imġedda, kien impossibbli li l-proprjetà tingħata lill-Istat. Din il-qorti għaqdet dawn il-kawżi u ċaħdet it-talbiet kollha fl-intier tagħhom permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021.

13.      Fir-rigward tal-klassifika ta’ kostruzzjonijiet bħala aċċessorji fiż-żona tad-dominju pubbliku skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, it-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Toscana) ikkunsidrat li dan it-trasferiment sar bħala riżultat ta’ rikonoxximent maqbul fl-istrument tal-konċessjoni ffirmat miż-żewġ partijiet, iktar milli riżultat ta’ deċiżjoni unilaterali tal-Muniċipalità. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, it-trasferiment ta’ proprjetà mingħajr kumpens finanzjarju huwa, skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, ir-riżultat tan-nuqqas ta’ qbil mill-partijiet għall-kuntrarju. Minħabba li l-partijiet ma pprovdewx b’mod espliċitu għal sistema legali differenti għal aċċessorji marittimi fiż-żona tad-dominju pubbliku fil-ftehim tal-konċessjoni, huma kienu meqjusa li taw il-kunsens tagħhom għas-sistema dispożittiva prevista fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.

14.      SIIB appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

15.      Fl-appell, SIIB issostni inter alia li l-effett tat-trasferiment mingħajr kumpens għax-xogħlijiet li huma diffiċli li jitneħħew imur kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jikkonċerna r-restrizzjonijiet tal-libertajiet tas-swieq sanċit fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Laezza (5).

16.      Peress li kellu dubji dwar jekk l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 49 u 56 TFUE u l-prinċipji li jistgħu jinsiltu mis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C-375/14, EU:C:2016:60), sa fejn jitqiesu applikabbli, jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 49 [Kodiċi tan-Navigazzjoni] fis-sens li tipprevedi, mal-iskadenza tal-konċessjoni, meta din tiġġedded, mingħajr interruzzjoni, anki bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġdida, it-trasferiment mill-konċessjonarju, mingħajr ħlas u mingħajr kumpens, tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mwettqa fiż-żona tad-dominju pubbliku li hija parti mill-assi kollha organizzati għall-operazzjoni tal-istabbiliment ta’ għawm, peress li dan l-effett ta’ inkorporazzjoni immedjata jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan effettivament segwit mil-leġiżlatur nazzjonali u li għaldaqstant huwa sproporzjonat meta mqabbel ma’ dan l-għan?”

17.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn SIIB, mill-Muniċipalità, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea.

18.      Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet numru ta’ kjarifiki ulterjuri lill-qorti tar-rinviju, u l-qorti tar-rinviju weġbithom fit‑8 ta’ Settembru 2023.

III. Analiżi

A.      Ammissibbiltà

19.      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan iddiskutew l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

20.      Il-Kummissjoni indikat li s-sitwazzjoni fil-kawża preżenti hija purament interna. Konċessjonarju Taljan qiegħed jikkontesta r-regoli Taljani dwar konċessjonijiet fuq proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-domanda preliminari hija ammissibbli, billi tikkwota Ullens de Schooten, li kkjarifikat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistabbilixxi ġurisdizzjoni f’kawżi purament interni jekk il-validità tar-regoli nazzjonali li hija inkwistjoni, tista’ potenzjalment taffettwa ċittadini jew kumpanniji minn Stati Membri oħrajn (6).

21.      Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni. L-ewwel, ir-regoli Taljani dwar konċessjonijiet japplikaw ugwalment għal kull konċessjonarju, kemm jekk huwa ta’ nazzjonalità Taljana kif ukoll jekk huwa ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor. It-tieni, l-attrazzjoni ekonomika ta’ twaqqif ta’ negozju f’żoni marittimi (jew ħdejn xmajjar) Taljani tikkonferma l-eżistenza ta’ ċertu interess transkonfinali, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat fis-sentenza Promoimpresa (7). Barra minn hekk, tali effett transkonfinali potenzjali kien ikkonfermat mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika ulterjuri.

22.      Għalhekk, anki mingħajr ebda indikazzjoni ċara għal dan il-għan fid-deċiżjoni tar-rinviju (8), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonkludi f’din il-kawża li r-regola nazzjonali inkwistjoni hija ta’ interess transkonfinali (9).

23.      L-argument imressaq mill-Gvern Taljan dwar il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà huwa ta’ tip differenti. Dan il-Gvern jikkunsidra li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula ma hijiex ta’ għajnuna għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tagħha, anki jekk ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta fin-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, dan ma jkollu l-ebda effett quddiem il-qorti tar-rinviju.

24.      Madankollu, fit-tweġiba tiegħu għall-kjarifika, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) spjega li SIIB għandha interess ġuridiku personali, speċifiku u kurrenti fil-kontestazzjoni tal-validità tat-trasferiment tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li hija bniet, bħala proprjetà fiż-żona tad-dominju pubbliku. Jekk dawn ix-xogħlijiet huma vestiti b’mod validu lill-Istat, dan jinfluwenza l-ispiża tal-miżati pagabbli għall-okkupazzjoni fiż-żona tad-dominju pubbliku inkwistjoni.

25.      Fi proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, bħala prinċipju, tiddetermina jekk ir-risposta għad-domanda ta’ interpretazzjoni jew validità tad-dritt tal-Unjoni hijiex meħtieġa għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (10). Minħabba l-kjarifika mill-qorti tar-rinviju, ma hemm l-ebda raġuni għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddubita mill-ġurisdizzjoni tagħha f’din il-kawża.

26.      Jiena għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B.      Iddritt talUnjoni applikabbli

27.      Ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw konċessjonijiet rigward riżorsi naturali skarsi jaqgħu fil-portata tad-Direttiva dwar is-Servizzi (11). Madankollu, il-perijodu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva skada fit‑28 ta’ Diċembru 2009 (12), filwaqt li l-fatti rilevanti ta’ din il-kawża saru f’data preċedenti (13).

28.      Minħabba li d-Direttiva dwar is-servizzi ma hijiex applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ratione temporis, id-domanda preliminari magħmula teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dritt primarju (14).

29.      Il-qorti tar-rinviju ssemmi kemm l-Artikolu 49, li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll l-Artikolu 56 TFUE, li jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkjarifikat li konċessjonijiet bħal dawk f’din il-kawża, li jippermettu li jitwettqu attivitajiet tan-negozju turistiċi u orjentati mad-divertiment, jaqgħu fil-portata tad-dritt ta’ stabbiliment fiż-żona tad-dominju pubbliku (15).

31.      Isegwi li d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata risposta fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE.

C.      Mertu

32.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa li tirrispondi dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix regola nazzjonali li skontha x-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew faċilment, mibnija minn konċessjonarju fuq art pubblika jsirux, fl-iskadenza tal-konċessjoni, il-proprjetà tal-Istat, mingħajr kunsiderazzjoni jew kumpens, anki jekk il-konċessjoni kienet iġġeddet.

33.      SIIB tikkunsidra li tali trasferiment awtomatiku mingħajr kumpens imur kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità tar-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tas-suq sanċiti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenza Laezza.

34.      L-analiżi tar-restrizzjonijiet allegati tal-libertajiet tas-suq iggarantiti mit-Trattati titwettaq f’żewġ stadji. L-ewwel, qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi jekk ir-regola nazzjonali inkwistjoni taqax fil-portata tal-projbizzjoni tat-Trattat rilevanti, f’din il-kawża, projbizzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Jekk ir-regola nazzjonali taqa’ fil-portata tal-Artikolu 49 TFUE, it-tieni stadju huwa li jiġi evalwat jekk tistax tkun iġġustifikata. Sabiex tintlaħaq din l-aħħar konklużjoni, il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi l-interess pubbliku li jista’ jiġġustifika b’mod leġittimu r-regola, u jekk ir-regola hijiex xierqa u neċessarja sabiex jinkiseb dan l-interess pubbliku.

35.      Jiena għalhekk, l-ewwel ser nevalwa jekk regola nazzjonali bħall-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE. Jiena tal-fehma li tali regola nazzjonali tista’ tkun eskluża mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 49 TFUE (1). Fl-alternattiva, ser nevalwa jekk tali regola nazzjonali tistax tkun iġġustifikata (2).

1.      Ilmiżura nazzjonali inkwistjoni hija restrizzjoni fuq illibertà ta’ stabbiliment?

36.      L-Artikolu 49 TFUE jipprojbixxi miżuri li jillimitaw l-istabbiliment ta’ ċittadini minn Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

37.      Skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, tipprojbixxi, timpedixxi jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju minn ċittadini tal-Unjoni tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat, tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE (16).

38.      Hemm żewġ approċċi possibbli li jistgħu jiġu segwiti sabiex tingħata tweġiba għad-domanda dwar x’tip ta’ miżuri jagħmlu inqas attraenti l-libertà ta’ stabbiliment għal ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn: jew kull regolament ta’ Stat għandu jitqies li jirrappreżenta tal-inqas xi ostakolu għat-twaqqif ta’ negozju; jew, ċerti tipi ta’ regolament tas-suq rilevanti jistgħu jkunu esklużi mill-portata ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, l-għażla bejn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli ma saritx b’mod ċar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39.      Minn naħa, hemm sentenzi li jispjegaw li kull restrizzjoni, tkun kemm tkun minuri, tiskatta l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat li jimponu l-projbizzjonijiet fuq il-libertajiet tas-suq, inkluż il-libertà ta’ stabbiliment (17).

40.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tadotta tali approċċ f’din il-kawża, ir-regola bħal dik inkwistjoni tiġi awtomatikament ikklassifikata bħala restrizzjoni. Dan, madankollu, ma jfissirx li tali regola hija pprojbita. Xorta waħda tista’ tkun iġġustifikata.

41.      Min-naħa l-oħra, linja ġurisprudenzjali oħra teskludi mill-applikazzjoni tat-Trattat dawk il-miżuri nazzjonali li ma jirrappreżentawx ostakolu konkret għall-aċċess tas-suq (18).

42.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tadotta dan l-approċċ f’din il-kawża, hija kien ikollha tevalwa jekk miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni, fil-fatt hijiex ser ixxekkel imprenditur milli jiftaħ negozju fuq bajja Taljana. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li ma hijiex ser tagħmel dan, tali regola nazzjonali ma kelliex titqiesx restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment, u għalhekk ma jkunx hemm il-ħtieġa li tiġi ġġustifikata.

43.      Wieħed mill-eżamijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat fil-ġurisprudenza tagħha huwa l-eżami ta’ “effett wisq inċert u wisq indirett”. Jekk “l-effett” ta’ regola nazzjonali fuq l-eżerċizzju ta’ libertà tas-suq kienet ikkunsidrata li għandha “effett wisq inċert u wisq indirett”, dik ir-regola kienet tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat.

44.      Dan l-eżami kien applikat fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-libertajiet tas-suq kollha (19), inkluż il-libertà ta’ stabbiliment (20).

a)      Trasferiment mingħajr kumpens fliskadenza talperijodu ta’ konċessjoni

45.      Imprenditur ikun imxekkel milli jiftaħ negozju f’bajja Taljana jekk huwa jkun jaf li fl-aħħar tal-perijodu tal-konċessjoni, ma huwiex ser ikun ikkumpensat għax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li huwa jkun bena, li awtomatikament ikunu vestiti lill-Istat?

46.      Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ssuġġerew li l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni ma jikkostitwixxix neċessarjament restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Skont il-Kummissjoni, it-trasferiment lejn l-Istat ta’ xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew huwa inerenti għall-kunċett ta’ art fiż-żona tad-dominju pubbliku. L-użu disponibbli ta’ tali żona mill-pubbliku jkun imnaqqas b’mod sinjifikattiv jekk il-konċessjonarji kienu jibqgħu sidien ta’ xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li huma mibnija fuq tali art.

47.      Jiena naqbel ma’ dan l-argument. Din hija l-essenza tal-inaljenabbiltà taż-żona tad-dominju pubbliku (21).

48.      Skont id-dritt Taljan, kif spjegat mill-Gvern Taljan, drittijiet li konċessjonarju jikseb fuq art b’konċessjoni huma paragunabbli ma’ drittijiet ta’ servitù (22). Il-konċessjonarju huwa d-detentur ta’ tali drittijiet għal matul il-konċessjoni biss (23)

49.      Jekk xi konċessjonarju kien permess li jżomm drittijiet fuq xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona tad-dominju pubbliku, in-natura pubblika u disponibbiltà prattika ta’ dan id-dominju lill-Istat ikunu mnaqqsa b’mod kunsiderevoli.

50.      Din il-kawża ma tqajjimx xi kwistjoni ta’ possibbiltà li l-Italja żżomm il-bajjiet tagħha fiż-żona tad-dominju pubbliku. Tali deċiżjoni hija ta’ kompetenza tal-Istati Membri. Ir-riżultat ta’ tali politika huwa li kull operatur ekonomiku li jixtieq imexxi stabbiliment tal-għawm fuq bajja Taljana huwa meħtieġ li jikseb konċessjoni, li n-natura tagħha hija li fl-iskadenza tal-perijodu tal-konċessjoni, l-art u kull ma huwa dak li ma jitneħħiex fuq din l-art jiġi vestit lill-Istat.

51.      L-unika possibbiltà li jitmexxa stabbiliment tal-għawm fuq il-bajjiet Taljani, hija għalhekk, billi tiġi konkluża konċessjoni mal-Istat. Ir-regola Taljana inkwistjoni tapplika ugwalment għall-konċessjonarji potenzjali kollha (24). Għalhekk, l-operaturi ekonomiċi kollha huma affaċċjati bl-istess mistoqsija jekk hijiex ekonomikament vijabbli li jikkompetu għal konċessjoni meta jafu li mal-iskadenza tagħha x-xogħlijiet mibnija li ma jistgħux jitneħħew ser ikunu assenjati bħala proprjetà tal-Istat. Din ir-regola għalhekk issir sempliċement waħda mill-elementi li jridu jitqiesu meta jsiru kalkoli ekonomiċi li jiddeterminaw jekk wieħed jidħolx f’attività ekonomika tat-tmexxija ta’ stabbiliment tal-għawm fuq bajja Taljana.

52.      Ċertament, jekk l-Istat ikun obbligat li jikkumpensa lill-konċessjonarju għal xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li jibqgħu fuq l-art, wara li l-konċessjoni tkun skadiet, dan jista’ jagħmel l-investiment iktar attraenti. Madankollu, jekk l-investitur ikun jaf minn qabel li mhux ser ikun hemm dan il-kumpens, dan waħdu ma huwiex ser ixekklu milli jissottometti offerta għall-għoti tal-konċessjoni.

53.      Għalhekk, naqbel mal-Kummissjoni li jekk it-tul tal-konċessjoni hija twila b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti l-ħlas ta’ investiment, u jekk il-konċessjonarju jaf minn qabel li xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li huwa jibni fuq proprjetà marittima ser ikunu vestiti lill-Istat meta l-konċessjoni tispiċċa, tali regola ma hijiex ser tiddisswadi lill-investitur milli jistabbilixxi n-negozju tiegħu fuq bajja Taljana.

54.      Wieħed għandu jsemmi żewġ aspetti addizzjonali tal-Artikolu tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni. L-ewwel, huwa jipprevedi għall-fakultà li jiġi stipulat kumpens finanzjarju fil-ftehim ta’ konċessjoni. Għalhekk, jekk il-perijodu ta’ konċessjoni jista’ jiġi pprovat li huwa insuffiċjenti sabiex jipproduċi dħul mill-investiment, ċertu ammont ta’ kumpens jista’ jkun maqbul mal-Istat.

55.      It-tieni, l-assenza ta’ xi kumpens finanzjarju għax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li huma assenjati għandha tkun evalwata fid-dawl tal-possibbiltà tal-Muniċipalità li tobbliga lill-konċessjonarju li jirritornahom, bi spejjeż tiegħu, liż-żona tad-dominju pubbliku, fil-kundizzjoni oriġinali tagħhom.

56.      Huwa, għalhekk, possibbli li tiġi kkaratterizzata regola bħal dik fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni bħala li għandha effetti wisq indiretti u inċerti sabiex tkun kapaċi li xxekkel operatur milli jistabbilixxi negozju f’bajja Taljana. Għalhekk, hija ma tiskattax l-applikazzjoni tal-projbizzjoni fl-Artikolu 49 TFUE.

57.      Madankollu, tali regola għandha tkun trasparenti u ċara b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jiddeċiedu jekk jinvestux jew le sabiex jistabbilixxu negozju f’bajja Taljana. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni huwiex trasparenti b’mod suffiċjenti.

b)      Tagħmel differenza jekk ilkonċessjoni tiġġedded?

58.      SIIB tikkunsidra li l-fatt li l-konċessjoni tagħha kienet iġġeddet tfisser li ma setax isir it-trasferiment lill-proprjetà tal-Istat.

59.      Fil-fehma tiegħi, dan il-fattur ma jagħmel l-ebda differenza fil-konklużjoni preċedenti li r-regola inkwistjoni ma hijiex restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment.

60.      Għall-kuntrarju, regola li tittratta operaturi ekonomiċi li jidħlu f’konċessjoni għall-ewwel darba b’mod differenti minn dawk li jkomplu n-negozju tagħhom fuq il-bażi tal-konċessjoni li ġġeddet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

61.      Tali regoli jpoġġu lill-konċessjonarji eżistenti f’pożizzjoni iktar vantaġġuża minn konċessjonarji ġodda. Jekk ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew ma setgħux ikunu assenjati fi proprjetà tal-Istat meta l-istess operatur ekonomiku jingħata konċessjoni li ġġeddet fuq l-istess art, dan ma jinfluwenzax il-valur tal-konċessjoni u għalhekk, il-miżati pagabbli. Madankollu, parteċipant ġdid għal tali konċessjoni jkollu jħallas miżati ogħla, peress li t-trasferiment ta’ proprjetà jseħħ f’tali każ u għalhekk iżid il-valur tal-konċessjoni.

62.      Minħabba li huwa iktar probabbli li l-konċessjonarji eżistenti huma ta’ nazzjonalità Taljana, tali regola tirrappreżenta diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ nazzjonalità, ipprojbita mill-Artikolu 49 TFUE(25).

63.      Għalhekk, regola li skontha xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona tad-dominju pubbliku jiġu vestiti fl-Istat fl-iskadenza ta’ perijodu ta’ konċessjoni, anki jekk l-istess operatur ekonomiku jingħata konċessjoni ġdida fuq l-istess art, ma hijiex restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

c)      Ilprotezzzjoni talaspettattivi leġittimi

64.      SIIB invokat ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma inkluditux fid-domanda preliminari kif magħmula, jiena ser nittratta dan l-argument fil-qosor.

65.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżumi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu lill-persuna kkonċernata assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjoni, u konsistenti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Dan id-dritt japplika għal kull individwu f’sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet, billi jagħtu lil din il-persuna assigurazzjonijiet preċiżi, iwassluha sabiex ikollha aspettattivi fondati (26).

66.      Madankollu, operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jpoġġu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tiġi mibdula fil-qafas tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (27).

67.      Kif spjegat mill-Gvern Taljan, jidher li l-leġiżlazzjoni Taljana, kif eżistiet dak iż-żmien, tat preferenza lill-konċessjonarji eżistenti meta bdew jingħataw konċessjonijiet ġodda. Din il-leġiżlazzjoni ġiet emendata biss fl‑2011, fid-dawl tal-proċedura ta’ ksur li nbdiet mill-Kummissjoni minħabba n-nuqqas tal-Italja milli tittrasponi d-Direttiva dwar is-Servizzi (28).

68.      Tali leġiżlazzjoni, li hija stess tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (29), setgħet forsi toħloq ċertu preżunzjoni li l-konċessjonarju preċedenti ser jirbaħ fil-kompetizzjoni għall-konċessjoni l-ġdida. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa meta tiddeċiedi t-tilwima li biha tkun adita.

69.      Madankollu, din it-tip ta’ preżunzjoni ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża. Jiġifieri, ma hijiex importanti li SIIB setgħet tiddikjara li kellha aspettattiva leġittima għall-konċessjoni tagħha sabiex tiġġedded; li huwa importanti huwa li hija ma setax ikollha aspettattiva leġittima li wara t-tiġdid, ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew ma jsirux vestiti lill-Istat u jinfluwenzaw il-valur tal-konċessjoni.

70.      Meta l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew, l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni kien diġà interpretat u applikat fil-prattika bħala li jwassal, mal-iskadenza tal-perijodu tal-konċessjoni, għat-trasferiment tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mingħajr kumpens lill-proprjetà tal-Istat.

71.      Għalhekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jaffettwa l-konklużjoni f’din il-kawża li r-regola nazzjonali li tipprevedi għat-trasferiment tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li jsiru vestiti lill-Istat mingħajr kumpens, anki jekk l-istess konċessjonarju jkun ingħata konċessjoni ġdida, ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

d)      Irrilevanza tassentenza f’Laezza

72.      Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Laezza.

73.      Dik il-kawża kkonċernat regola Taljana li kienet tirregola l-liċenzji għall-ġestjoni u l-ġbir ta’ mħatri. Ir-regola imponiet obbligu fuq id-detenturi tal-liċenzja sabiex jassenjaw mingħajr ħlas, fil-mument tal-iskadenza tal-perijodu ta’ validità tal-liċenzja, id-drittijiet li jintużaw assi tanġibbli u mhux tanġibbli li huma kellhom u li kkostitwixxew in-network tagħhom għall-ġestjoni u l-ġbir ta’ mħatri.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ikkonkludiet li r-regola inkwistjoni f’dik il-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE (30), u sussegwentement ikkonstatat li hija sproporzjonata mal-aspettattiva leġittima li riedet tilħaq (31).

75.      Is-sitwazzjoni f’dik il-kawża hija differenti b’mod sinjifikattiv minn din li preżentement hija adita biha l-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, għall-ewwel, ir-regola li kienet inkwistjoni f’Laezza tista’ tidher simili għal dik inkwistjoni f’din il-kawża. Simili għall-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, ir-regola f’Laezza teħtieġ li l-assi maħluqa matul il-perijodu tal-liċenzja jiġu assenjati mingħajr ħlas lill-awtoritajiet pubbliċi mal-iskadenza tal-liċenzja. Madankollu, huwa immedjatament ċar li teżisti differenza importanti bejn dawn iż-żewġ regoli. Filwaqt li r-regola f’din il-kawża tirrigwarda biss xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew, ir-regola inkwistjoni f’Laezza tikkonċerna l-assi kollha, tanġibbli u mhux tanġibbli, maħluqa matul il-validità tal-liċenzja. Dan jista’ fil-fatt ikun suffiċjenti sabiex wieħed jiddistingwi dawn iż-żewġ kawżi.

76.      Madankollu, il-fattur li jiddistingwi, fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġ kawżi, b’mod iktar importanti, huwa l-kuntest li fih jitpoġġew ir-regoli inkwistjoni.

77.      Minn naħa,  Laezza kienet tikkonċerna kawża li fiha liċenzja kienet meħtieġa sabiex tikkontrolla attività ekonomika f’suq li kien meqjus li huwa problematiku mil-lat soċjali, li kienet ir-raġuni proprja għall-impożizzjoni tal-liċenzja. Bħala prinċipju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi rekwiżit għal liċenzja sabiex tmexxi negozju bħala restrizzjoni fuq il-libertajiet tas-suq. Fil-fatt, f’Laezza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement għamlet riferiment għal kawżi preċedenti dwar liċenzji, mingħajr ma elaborat dwar ir-raġuni għalfejn ir-rekwiżit tal-liċenzja inkwistjoni rrappreżentat restrizzjoni (32).

78.      Min-naħa l-oħra, deċiżjoni ta’ Stat li tinżamm ċertu tip ta’ art fi proprjetà pubblika, li tirriżulta fil-ħtieġa għal konċessjoni għal kull attività ekonomika privata fuq din l-art, taqa’ f’kuntest differenti minn dak ta’ Laezza. Id-deċiżjoni ta’ politika għal dawn ir-regoli hija l-idea li ċerti żoni ta’ artijiet għandhom jinżammu għat-tgawdija tal-pubbliku, u li għalhekk jibqgħu proprjetà tal-Istat.

79.      Hemm tipi differenti ta’ konċessjonijiet, li jistgħu għaldaqstant ikunu kkategorizzati b’mod differenti skont id-dritt tal-Unjoni. Pereżempju, il-konċessjoni mogħtija f’din il-kawża hija differenti minn konċessjonijiet ta’ servizz mogħtija lil investituri privati, li bihom Stat jissodisfa ċertu ħtiġiet tal-pubbliku permezz ta’ konċessjonijiet (bħal li tinbena triq, jew li jinbena ajruport) (33). In-natura u l-għan għal konċessjoni għandhom jiddeterminaw it-trattament ġuridiku tagħha.

80.      Il-konċessjonijiet li jirrigwardaw deċiżjoni li tinżamm ċerta art fiż-żona tad-dominju pubbliku għandhom xi karatteristiċi inerenti. Karatteristika waħda hija li l-attività ekonomika li għaliha tingħata l-konċessjoni hija inseparabbli mill-art li qiegħda fi proprjetà pubblika. Filwaqt li l-imħatri jistgħu jiġu organizzati fuq proprjetà privata, jew anki b’mod virtwali, il-konċessjoni f’din il-kawża hija marbuta direttament mal-użu ta’ biċċa art li tkun proprjetà tal-Istat.

81.      Għal din ir-raġuni, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat regola li teħtieġ trasferiment tal-proprjetà miksuba fir-rigward tal-imħatri lill-awtoritajiet pubbliċi bħala restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, ma huwiex, minnu nnifsu, ekwivalenti għal sitwazzjoni fejn xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona tad-dominju pubbliku jkunu awtomatikament ittrasferiti mal-iskadenza tal-konċessjoni mogħtija.

82.      Tali regola ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment għar-raġunijiet tagħha oħrajn, li huma differenti minn dawk li jikkaratterizzaw il-liċenzja għas-servizzi ta’ mħatri bħala restrizzjoni. Jiena żviluppajt l-argumenti għalfejn ir-regola inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex restrizzjoni fil-punti 45 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

83.      Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, nikkunsidra li Laezza hija wisq distanti miċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali sabiex tkun applikabbli f’din il-kawża mutatis mutandis.

 Konklużjoni interim

84.      Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet indikati iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li regola nazzjonali bħall-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment, u huwa għalhekk li l-projbizzjoni tal-Artikolu 49 TFUE ma tapplikax.

2.      Tista’ lmiżura nazzjonali inkwistjoni tkun iġġustifikata?

85.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi madankollu li tikklassifika regola bħall-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni bħala restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, huwa neċessarju li tevalwa jekk tali restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

86.      Restrizzjonijiet nondiskriminatorji fuq il-libertà ta’ stabbiliment ma humiex ipprojbiti jekk huma jissodisfaw raġuni superjuri fl-interess pubbliku b’mod proporzjonat. Ir-restrizzjoni ser tkun proporzjonata meta tkun adattata sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan li hija tfittex li tilħaq b’mod koerenti u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiksbu (34).

87.      Il-Gvern Taljan ippreżenta raġunijiet diversi ta’ interess pubbliku bħala ġustifikazzjonijiet għall-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, fil-każ li din id-dispożizzjoni tkun ikkaratterizzata bħala restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment: il-protezzjoni ta’ proprjetà pubblika, il-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll it-turiżmu, il-kultura u l-ambjent. Dawn ir-raġunijiet kollha jistgħu fil-fatt iservu aspettattivi leġittimi aċċettabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni (35).

88.      Fid-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali fil-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari, jappartjeni għal din tal-aħħar sabiex tivverifika jekk miżura nazzjonali li tikser waħda mil-libertajiet tas-suq hijiex fil-fatt xierqa u neċessarja għall-kisba tal-għanijiet pubbliċi ddikjarati.

89.      Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax hija nnifisha twettaq reviżjoni ta’ proporzjonalità ta’ miżuri nazzjonali, tista’ tagħti gwida dwar il-metodi neċessarji meta tevalwa l-proporzjonalità tar-regola. F’dan ir-rigward, huwa utli li jiġi rrepetut li l-evalwazzjoni tal-adegwatezza u n-neċessità għandha ssir fir-rigward ta’ kull raġuni mogħtija b’mod separat. Il-qorti nazzjonali għandha tistaqsi l-ewwel, jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni effettivament tikkontribwixxi għall-iskop mixtieq, u t-tieni, jekk dan l-istess skop setax jinkiseb b’dispożizzjoni differenti, waħda li hija inqas restrittiva fuq il-libertà ta’ stabbiliment?

90.      Fir-rigward tal-protezzjoni tal-proprjetà pubblika bħala ġustifikazzjoni, il-Gvern Taljan jiddikjara li r-regola inkwistjoni tillimita żona milli ma tibqax disponibbli għall-benefiċċju tat-tgawdija pubblika ġenerali minħabba l-konverżjoni ta’ parti minn din l-art fi proprjetà privata. Kif diġà sostnejt, tali regola hija inerenti għall-kunċett taż-żona tad-dominju pubbliku (punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Huwa kemm xieraq kif ukoll neċessarju li xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fuq art pubblika jmorru lura għal proprjetà tal-Istat wara l-iskadenza ta’ konċessjoni. Għalhekk fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni ma huwiex restrizzjoni. Madankollu, jekk dan ma huwiex aċċettat, l-istess argumenti jistgħu jintużaw għall-għan li jiġġustifikaw din ir-regola.

91.      Wieħed jista’ jżid li r-regola Taljana tikkonċerna biss xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew faċilment. Għalhekk, għall-kuntrarju tar-regola li kienet inkwistjoni f’Laezza, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta l-proprjetà pubblika.

92.      Madankollu, il-protezzjoni tal-proprjetà pubblika ma tiġġustifikax neċessarjament it-trasferiment mingħajr kumpens. Trasferiment tal-proprjetà lill-Istat tista’ tinkiseb ukoll jekk l-Istat kellu jikkumpensa lill-konċessjonarju għax-xogħlijiet li huwa kien diġà bena, iżda li ser jibqgħu fuq art fiż-żona tad-dominju pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan invoka l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi bħala ġustifikazzjoni.

93.      Ir-regola inkwistjoni hija mingħajr dubju xierqa għall-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi, għaliex l-ebda ħlas ma huwa ser isir mill-but tal-pubbliku. Madankollu, teżisti alternattiva inqas restrittiva sabiex tikseb l-istess skop?

94.      Fil-fehma tiegħi, it-termini ta’ konċessjoni għandhom joħolqu l-possibbiltà għall-imprenditur sabiex jagħmel profitt raġonevoli fuq l-investiment tiegħu matul il-perijodu ta’ konċessjoni. Ir-ratio legis għall-kumpens jista’ jeżisti jekk dan jiġi pprovat li huwa impossibbli. Dan jista’ jkun il-każ jekk xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew (bħal taraġ li jwassal għall-baħar, postijiet ta’ ħażna, jew bini ta’ ristoranti) huma neċessarji sabiex jipprovdu s-servizz fuq il-bajja, iżda li l-kostruzzjoni tagħhom teċċedi l-profitti matul il-perijodu ta’ konċessjoni.

95.      Tali tħassib ekonomiku kien importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja f’Laezza, sabiex tikkonstata li l-miżura inkwistjoni f’din il-kawża, kienet restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-riskju li impriża jista’ jkun li jkollha tassenja, mingħajr ħlas, id-drittijiet li jintużaw l-assi fil-pussess tagħha, jista’ jżommha milli tikseb qliegħ mill-investiment tagħha (36).

96.      Madankollu, l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni jipprevedi li l-proprjetà hija assenjata mingħajr kumpens sakemm ma jintlaħaqx ftehim differenti bejn l-Istat u l-konċessjonarju. Din ir-regola tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib ekonomiku ta’ konċessjonarji potenzjali li n-negozju tagħhom ma jiġġenerax profitt, jew iġarrab telf, jekk ix-xogħlijiet li jkunu investew fihom ma humiex ikkumpensati fl-iskadenza tal-konċessjoni.

97.      Jekk il-konċessjonarju jkun jaf ir-regoli applikabbli minn qabel, huwa jista’ jinnegozja kumpens xieraq fil-każ li l-investiment neċessarju huwa wisq kbir sabiex jiġi rritornat matul il-perijodu tal-konċessjoni.

98.      Finalment, jekk xi kumpens addizzjonali kellu jitħallas lill-konċessjonarju li ser jitlaq, dan ipoġġi lil kompetituri ġodda li qed jikkompetu għall-konċessjoni l-ġdida fuq l-istess art, f’pożizzjoni inqas vantaġġuża. Din l-għażla tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li jeħtieġ li Stati Membri jippermettu kompetizzjoni transkonfinali ġusta jekk jiddeċiedu li joffru żoni tad-dominju pubbliku għal attivitajiet ekonomiċi privati (37).

99.      Għalhekk, li jiġi kkumpensat konċessjonarju li ser jitlaq f’ammont li jeċċedi l-investiment fl-oġġett li ġie assenjat bħala proprjetà lill-Istat ma hijiex għażla skont id-dritt tal-Unjoni.

100. Fid-dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, jidhirli li alternattiva inqas restrittiva għall-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi minn dik prevista fil-Kodiċi tan-Navigazzjoni ma teżistix. Din ir-regola tippermetti l-kumpens fejn huwa neċessarju sabiex jiġi indirizzat l-iżbilanċ ekonomiku, iżda mill-bqija, kif fil-fatt meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, tipprevjeni l-ħlas mill-baġit pubbliku, li kienet twassal għal diskriminazzjoni fil-konfront ta’ kompetituri ġodda għall-istess żona tad-dominju pubbliku.

101. Ċertament, il-qorti tar-rinviju, li għandha l-informazzjoni kollha dwar l-effett u l-konnessjoni tar-regoli Taljani applikabbli, għandha tevalwa jekk l-analiżi proposta tistax fil-fatt tkun applikata fis-sitwazzjoni speċifika tal-konċessjonijiet fil-bajjiet Taljani. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti li għandha tiddeċiedi jekk l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, imqiegħed fil-kuntest proprju tiegħu, huwiex xieraq u neċessarju għall-protezzjoni tad-dominji pubbliċi u tal-finanzi pubbliċi.

102. Fir-rigward ta’ ġustifikazzjonijiet addizzjonali – fejn il-protezzjoni tal-ambjent, tal-kultura u tat-turiżmu – hija kkonċernata, il-Gvern Taljan ma spjegax ir-rabta bejn ir-regola partikolari tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni u l-protezzjoni ta’ dan it-tħassib. Anki jekk id-deċiżjoni li jinżammu l-bajjiet bħala parti miż-żona tad-dominju pubbliku tista’ tkun iġġustifikata b’raġunijiet ambjentali jew kulturali, il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi pubbliċi tista’ tinkiseb aħjar permezz ta’ miżuri li jeħtieġu lill-konċessjonarji sabiex jieħdu, jew jevitaw milli jieħdu, azzjoni speċifika. Pereżempju, jistgħu jkunu meħtieġa li josservaw regoli sabiex jibnu skont ċerti standards, jew sabiex jieħdu ħsieb oġġetti storiċi jew proprjetà kulturali fiż-żona taħt konċessjoni. Madankollu, il-Muniċipalità tista’ telabora dwar dawn il-ġustifikazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali u tistabbilixxi konnessjoni iktar ċara għalfejn dawn ir-raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.

103. SIIB invokat ukoll il-ksur possibbli tad-dritt li jitwettaq negozju u d-dritt għall-proprjetà. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, ma talbitx għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta dwar id-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw dawn id-drittijiet. Madankollu, jista’ jkun utli li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet spjegat li l-eżami tar-restrizzjoni rrappreżentata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-perspettiva tal-Artikolu 49 TFUE jkopri wkoll limiti possibbli fl-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’dana li eżami separat tad-dritt għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma huwiex neċessarju (38).

 Konklużjoni interim

104. Jekk ir-regola nazzjonali f’din il-kawża hija kkaratterizzata bħala restrizzjoni nondiskriminatorja fuq id-dritt ta’ stabbiliment, insibha, suġġetta għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, proporzjonata għall-għan ta’ protezzjoni tal-proprjetà pubblika u tal-finanzi pubbliċi.

IV.    Konklużjoni

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:

Dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 49 tal-Codice della navigazione (il-Kodiċi tan-Navigazzjoni), li tipprevedi li mal-iskadenza tal-konċessjoni isir it-trasferiment tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew imwettqa fuq il-proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku mingħajr kumpens, ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment kif ipprojbit mill-Artikolu 49 TFUE, jekk il-perijodu tal-konċessjoni huwa suffiċjenti għad-dħul mill-investiment mill-konċessjonarju. Dan huwa minnu anki jekk l-istess konċessjonarju jingħata konċessjoni ġdida fuq l-istess art.

B’mod alternattiv, jekk regola nazzjonali bħall-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni hija kkaratterizzata bħala restrizzjoni nondiskriminatorja fuq id-dritt ta’ stabbiliment, tali restrizzjoni ma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 49 TFUE, sa fejn hija proporzjonata għall-iskopijiet leġittimi tal-protezzjoni tal-proprjetà pubblika u tal-finanzi pubbliċi, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Concessione demaniale marittima n. 181/2009 (il-Konċessjoni ta’ Proprjetà Marittima fiż-Żona tad-Dominju Pubbliku Nru 181/2009).


3      SIIB invokat id-Decreto del Presidente della Giunta Regionale 24 settembre 2013 n. 52/R (id-Digriet tal-President tal-Kunsill Reġjonali Nru 52/R tal‑24 ta’ Settembru 2013) li jemenda d-Decreto del Presidente della Giunta Regionale n. 18/2001/R (id-Digriet tal-President tal-Kunsill Reġjonali Nru 18/2001/R) – li daħħal fid-Digriet tal-President tal-Kunsill Reġjonali Nru 18/2001/R l-Artikolu 44-bis). L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jgħid kif ġej:


      “Oġġetti għandhom ikunu kklassifikati bħala faċli li jitneħħew u ċari fejn hemm kostruzzjonijiet u strutturi użati għall-finijiet ta’ tħaddim ta’ attivitajiet turistiċi u ta’ rekreazzjoni, mibnija kemm fuq kif ukoll taħt l-art ta’ proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku skont konċessjoni li […] jistgħu jitneħħew kompletament bl-użu ta’ metodi normali tal-inġinerija, konsegwentement bis-siti li jiġu rrestawrati għall-kundizzjoni oriġinali tagħhom, fi żmien ta’ mhux iktar minn 90 ġurnata”.


4      Provvedimento n. 17432 del 16 aprile 2015 (id-Digriet Nru 17432 tas‑16 ta’ April 2015).


5      Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60; iktar ’il quddiem “Laezza”).


6      Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 50 u 52). Ara wkoll, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Comune di Bernareggio (C‑465/18, EU:C:2019:1125, punt 33).


7      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, iktar ’il quddiem “Promoimpresa”, punti 66 u 67).


8      Mis-sentenza Ullens de Schooten, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li qiegħda tinsisti li l-qorti tar-rinviju għandha tindika b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda preliminari li tirriżulta f’sitwazzjoni purament interna (ara Ullens de Schooten, punt 55, u Promoimpresa, punt 68). Fil-fehma tiegħi, f’sitwazzjoni fejn hemm effett transkonfinali potenzjali ċar, bħal f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistabbilixxi ġurisdizzjoni anki jekk il-qorti tar-rinviju ma spjegatx għalfejn dan l-interess transkonfinali jista’ jeżisti.


9      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED (C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 22).


10      Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punt 29) u tas‑7 ta’ Diċembru 2023, Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (Trobbija organika tan-naħal) (C‑329/22, EU:C:2023:968, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”). Fi Promoimpresa (punt 41), il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li konċessjonijiet jistgħu jitqiesu bħala awtorizzazzjonijiet irregolati mill-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-servizzi.


12      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi.


13      Kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, fuq il-bażi tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, li l-qorti tar-rinviju hija inċerta dwar il-konformità magħha fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, kien hemm trasferiment ta’ proprjetà lill-Istat f’din il-kawża fl-aħħar tal‑2008.


14      Ara, għal dan il-għan, Promoimpresa, punti 59 u 62. Ara, wkoll, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Comune di Ginosa) (C‑348/22, EU:C:2023:301, punti 36 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara, għal dan il-għan, Promoimpresa, punt 63.


16      Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 11); tal‑21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑140/03, EU:C:2005:242, punti 27 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 22); u tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia (C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Corsica Ferries (Franza) (C‑49/89, EU:C:1989:649, punt 8), u tat‑2 ta’ Marzu 2023, PrivatBank et (C‑78/21, EU:C:2023:137, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Dan l-iżvilupp segwa s-sentenza importanti tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, ara, b’mod partikolari, punti 13 u 17).


19      Fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 1990, Krantz (C‑69/88, EU:C:1990:97, punti 11 u 12). Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ara s-sentenzi tas‑27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland, C‑674/20, EU:C:2022:303, punt 42), u tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Instituto do Cinema e do Audiovisual, (C‑411/21, EU:C:2022:836, punt 29). Fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Finanzamt G (Proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp) (C‑15/22, EU:C:2023:636, punt 50).


20      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 1996, Semeraro Casa Uno et (C‑418/93 sa C‑421/93, C‑460/93 sa C‑462/93, C‑464/93, C‑9/94 sa C-11/94, C‑14/94, C‑15/94, C‑23/94, C‑24/94 u C‑332/94, EU:C:1996:242, punt 32).


21      L-Artikolu 823 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jittratta l-inaljenabbiltà taż-żona tad-dominju pubbliku, filwaqt li l-Artikolu 822(1) jinkludi bajjiet fost it-tipi ta’ proprjetajiet li jappartjenu lil tali dominju. Għal diskussjoni ġenerali dwar il-komuni, ara D’Alberti, M., Caporale, F., De Nitto, S., “Meeting the Challenge of the Commons in Italy”, f’Mattei, U., Quarta, A., Valguarnera, F., Fisher, R. J., Property Meeting the Challenge of the Commons, Springer, l-Isvizzera, 2023, p. 195 sa 221, b’mod partikolari p. 201.


22      Schmid, C. U., Hertel, C., Real Property Law and Procedure in the European Union, Rapport Ġenerali, European University Institute (EUI) Firenze/European Private Law Forum/Deutsches Notarinstitut (DNotI) Würzburg, 2005, p. 16.


23      Bħala nota sekondarja, mill-mument tal-għoti tal-konċessjoni, huwa dubjuż jekk hemmx xi drittijiet miksuba mat-twaqqif tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew fi proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku. Fil-fatt, dan il-bini huwa ġeneralment suġġett għal awtorizzazzjoni addizzjonali minn awtoritajiet lokali. Dan jista’ ma jkunx neċessarjament il-każ għal xogħlijiet li jitneħħew faċilment.


24      Fil-każijiet kollha li fihom hija applikat it-test “wisq indirett u wisq inċert”, il-Qorti tal-Ġustizzja għaqdet il-possibbiltà li jiġu esklużi l-projbizzjonijiet tat-Trattat mar-rekwiżit li r-regola inkwistjoni tittratta lill-operaturi ekonomiċi kollha b’mod ugwali. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 45).


25      Ara, b’analoġija, Promoimpressa, punt 65.


26      Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et (C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Admiral Gaming Network et (C‑475/20 sa C‑482/20, EU:C:2022:714, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Proċedura ta’ ksur Nru 2008/4908. Din il-proċedura kienet sussegwentement ingħalqet. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Muniċipalità ta’ Ginosa) (C‑348/22, EU:C:2023:301, punti 23 u 24).


29      Promoimpresa, punt 65, liema prinċipji ġew irrepetuti reċentement fis-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Comune di Ginosa) (C‑348/22, EU:C:2023:301).


30      Laezza, punti 22 sa 24.


31      Laezza, punt 44.


32      Laezza, punt 22.


33      Ara, għal dan il-għan, Promoimpresa, punt 47.


34      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37), u s-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat il-protezzjoni tal-ambjent jew it-turiżmu bħala raġunijiet superjuri ta’ politika pubblika. Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige u Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 50), rispettivament. Skopijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġġustifikaw restrizzjoni fuq il-libertajiet tas-suq. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li r-riskju ta’ kompromess serju tal-bilanċ ta’ riżorsi pubbliċi jista’ jikkostitwixxi raġuni superjuri fl-interess ġenerali. Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 41).


36      Laezza, punt 23. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Laezza (C‑375/14, EU:C:2015:788, punt 62).


37      Ara, għal dan il-għan, Promoimpresa, punti 64 u 65.


38      Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 56).