Language of document : ECLI:EU:C:2024:128

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑8 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C174/23

HJ,

IK,

LM

vs

Twenty First Capital SAS

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) — Direttiva 2011/61/UE — Kundizzjonijiet operattivi — Artikolu 13 — Linji politiċi u prattiki ta’ remunerazzjoni tal-AIFMs — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis”






1.        Id-Direttiva 2011/61/UE (2) tistabbilixxi qafas armonizzat u rigoruż għar-regolamentazzjoni u għas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (iktar ’il quddiem l-“AIFMs”) fi ħdan l-Unjoni.

2.        Fost il-miżuri msemmija, id-Direttiva 2011/61 teħtieġ li l-Istati Membri jimponu fuq l-AIFMs l-obbligu li jistabbilixxu u jżommu, fir-rigward ta’ xi kategoriji ta’ impjegati, il-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni xierqa għal immaniġġar effikaċi u soda tar-riskji (l-Artikolu 13).

3.        Dan l-obbligu huwa estiż għall-impjegati li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-fondi ta’ investiment alternattivi (iktar ’il quddiem l-“AIFs”) li huma jimmaniġġaw.

4.        It-tilwima li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija bejn AIFM u bosta kollaboraturi tiegħu, fir-rigward tar-remunerazzjonijiet miftiehma f’kuntratt tas‑27 ta’ Ġunju 2014. Il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell Franċiżi ddikjaraw dan il-kuntratt null, minħabba li ma rrispettax ir-rekwiżiti stabbiliti fir-regolamenti nazzjonali li jinkorporaw id-Direttiva 2011/61.

5.        Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li għandha finalment issolvi l-kontroversja, tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-applikabbiltà ratione temporis ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/61, fir-rigward tal-kuntratt li huwa s-suġġett tat-tilwima.

6.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għalhekk, jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tinterpreta d-Direttiva 2011/61 sabiex tiddetermina minn meta jibda l-obbligu tal-AIFMs li jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ remunerazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 13 tagħha.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni Ewropea

1.      IdDirettiva 2011/61

7.        Skont il-premessa 24:

“Sabiex jiġi indirizzat l-effett detrimentali potenzjali ta’ strutturi ta’ rimunerazzjoni mfassla ħażin fuq l-ġestjoni tajba tar-riskji u l-kontroll tal-imġiba tat-teħid tar-riskju minn individwi, għandu jkun hemm obbligu ċar għall-AIFM biex jistabbilixxu u jżommu, għal dawk il-kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-AIF li ser jimmaniġġaw, linji politiċi u prattiċi ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ ġestjoni tajba u effikaċi tar-riskju. Dawn il-kategoriji ta’ persunal għandhom mill-inqas jinkludu kapijiet fl-amministrazzjoni, persuni li jieħdu r-riskju u funzjonijiet ta’ kontroll u kwalunkwe impjegati li jirċievu rimunerazzjoni totali li tpoġġihom fl-istess ammonti ta’ rimunerazzjoni bħall-kapijiet fl-amministrazzjoni u l-persuni li jieħdu r-riskju”.

8.        L-Artikolu 1 (“Suġġett”) jippreskrivi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni, l-operat kontinwu u t-trasparenza tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) li jimmaniġġaw u/jew jikkummerċjalizzaw fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs) fl-Unjoni”.

9.        Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet”):

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, […] (b) ‘AIFMs’ tfisser persuni ġuridiċi li n-negozju regolari tagħhom ikun l-immaniġġar ta’ AIF wieħed jew iżjed”.

10.      Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 6 (“Kundizzjonijiet għall-bidu tal-attivitajiet bħala AIFM”), jistipula:

“L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-ebda AIFMs ma jimmaniġġaw AIFs sakemm ma jkunux ġew awtorizzati skont din id-Direttiva.

AIFMs awtorizzati skont din id-Direttiva għandhom jikkonformaw dejjem mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stabbilita f’din id-Direttiva”.

11.      Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 7 (“Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni”), jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFM japplikaw għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju”.

12.      L-Artikolu 12 (“Prinċipji ġenerali”), inkorporat fit-Taqsima 1 (“Rekwiżiti ġenerali”) tal-Kapitolu III (“Kundizzjonijiet operattivi għall-AIFMs”), jippreskrivi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, l-AIFMs f’ kull ħin:

(a)      jaġixxu onestament, bil-kapaċità, attenzjoni u diliġenza dovuta u f’mod ġust fit-tmexxija tal-attivitajiet tagħhom;

[…]

(e)      jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ regolamentazzjoni kollha applikabbli għat-tmexxija tal-attivitajiet tan-negozju tagħhom sabiex jippromwovu l-aħjar interessi tal-AIF jew tal-investituri tal-AIF li huma jimmaniġġaw u tal-integrità tas-suq;

[…]”.

13.      L-Artikolu 13 (“Rimunerazzjoni”) jindika:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFMs ikollhom linji politiċi u prattiċi ta’ rimunerazzjoni għal dawk il-kategoriji ta’ persunal, inkluż il-kapijiet fl-amministrazzjoni, il-persuni li jieħdu r-riskju, funzjonijiet ta’ kontroll, u kwalunkwe impjegat li jirċievi rimunerazzjoni totali li jpoġġihom fl-istess ammonti ta’ rimunerazzjoni bħall-kapijiet fl-amministrazzjoni u l-persuni li jieħdu r-riskju, li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-AIFMs jew tal-AIFs li huma jimmaniġġaw, li jkunu konsistenti ma’ u jippromwovu mmaniġġar effikaċi u soda tar-riskji u li ma jħeġġux it-teħid ta’ riskji li ma jkunx konsistenti mal-profili tar-riskju, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIFs li huma jimmaniġġaw.

L-AIFMs għandhom jiddeterminaw il-linji politiċi u l-prattiċi ta’ rimunerazzjoni f’konformità ma’ dak li hemm stabbilit fl-Anness II.

2.      L-AETS [l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, iktar ’il quddiem l-“ESMA”] għandha tiżgura l-eżistenza ta’ linji gwida dwar linji politiċi ta’ rimunerazzjoni sodi li jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. […]”.

14.      Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 61 (“Dispożizzjonijiet tranżizzjonali”):

“AIFMs li jkunu bdew joperaw skont id-Direttiva qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva u għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi żmien sena minn dik id-data”.

15.      L-Artikolu 66 (“Traspożizzjoni”) jippreskrivi:

“1.      Sat‑22 ta’ Lulju 2013, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-disposizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-disposizzjonijiet ma’ din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 mit‑22 ta’ Lulju 2013.

[…]”.

16.      Skont l-Artikolu 70 (“Dħul fis-seħħ”), id-Direttiva 2011/61 daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li kien fl‑1 ta’ Lulju 2011.

2.      IlLinji Gwida talESMA

17.      F’konformità mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2011/61, l-ESMA adottat “Linji Gwida dwar politiki ta’ remunerazzjoni għaqlija skont l-AIFMD” (ESMA/2013/232), ippubblikati fit‑3 ta’ Lulju 2013 u kkoreġuti fit‑30 ta’ Jannar 2014 (3).

B.      Iddritt nazzjonali. Code monétaire et financier (4)

18.      L-ordonnance nº 2013‑676 du 25 juillet 2013 modifiant le cadre juridique de la gestion d’actifs (5), li inkorporat id-Direttiva 2011/61 fid-dritt Franċiż, daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Lulju 2013.

19.      B’mod partikolari, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 2013‑676 emenda l-code monétaire et financier, billi introduċa l-Artikolu L. 533‑22‑2 bil-kontenut li ġej:

–        Il-paragrafu I jirriproduċi, essenzjalment, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/61, li jobbliga lill-AIFMs jiddeterminaw il-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni, fost persuni oħra, tad-diretturi u tal-membri tal-bord tad-diretturi tagħhom jew tal-kumitat eżekuttiv tagħhom, meta l-attivitajiet professjonali tagħhom jaffettwaw il-profili tar-riskju tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-assi jew tal-AIFs li huma jimmaniġġjaw.

–        L-aħħar subparagrafu tal-paragrafu II, jispeċifika li l-kundizzjonijiet tal-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni tal-AIFMs ser jiġu stabbiliti permezz ta’ regolament tal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (iktar ’il quddiem l-“AMF”).

20.      L-Artikolu 33(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 2013‑676 fih dispożizzjoni tranżitorja skont liema “l-kumpanniji tal-immaniġġjar li, fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, iwettqu attivitajiet koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, għandhom japplikaw għal awtorizzazzjoni bħala kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi […] qabel it‑22 ta’ Lulju 2014”.

21.      Id-décret nº 2013‑687 du 25 juillet 2013 pris pour l’application de l’ordonnance nº 2013‑676 (6) f’nota ta’ spjegazzjoni jindika dan li ġej:

“Dħul fis-seħħ: il-kumpanniji tal-immaniġġjar li jwettqu attivitajiet koperti mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan id-Digriet fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tiegħu u għandhom jissottomettu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni xierqa mhux iktar tard mit‑22 ta’ Lulju 2014 […]”.

II.    Ilfatti, ittilwima u ddomandi preliminari

22.      Il-kumpannija Twenty First Capital SAS immaniġġjat impriżi ta’ investiment kollettiv u, mill-inqas, AIF wieħed.

23.      Fis‑27 ta’ Ġunju 2014, Twenty First Capital ikkonkludiet kuntratt ta’ kollaborazzjoni (7) li pprovda diversi remunerazzjonijiet għal IK, HJ u LM (8).

24.      Fit‑18 ta’ Awwissu 2014, Twenty First Capital kisbet awtorizzazzjoni bħala AIFM skont id-Direttiva 2011/61.

25.      Fit‑12 ta’ Novembru 2015, Twenty First Capital informat lil IK, HJ u LM bir-rifjut tagħha li tikkonforma mal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni (9), billi allegat li l-eżekuzzjoni tiegħu jpoġġiha f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità regolatorja.

26.      Fl‑24 ta’ Diċembru 2015 u fis‑6 ta’ Jannar 2016, HJ u IK (10) fetħu kawża kontra Twenty First Capital quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza), u talbu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni u l-ħlas ta’ kumpens għad-danni. Twenty First Capital talbet, f’kontrotalba, l-annullament ta’ dan il-kuntratt.

27.      It-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi), fis-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, annullat il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, minħabba li ma kienx konformi mar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2011/61, u ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti (11).

28.      Is-sentenza tal-ewwel istanza ġiet ikkontestata fl-appell, u l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ikkonfermatha fit‑8 ta’ Frar 2021 (12).

29.      IK, HJ u LM ippreżentaw appell kontra s-sentenza tal-appell quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni).

30.      Din il-qorti tqis li għandu jiġi ddeterminat, permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 61(1) tad-Direttiva 2011/61, jekk l-Artikolu L. 533‑22‑2 tal-Kodiċi monetarju u finanzjarju, li daħal fis-seħħ fit‑28 ta’ Lulju 2013, kienx applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni (is‑27 ta’ Ġunju 2014) jew le.

31.      Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li hemm tliet dokumenti, maħruġa rispettivament mill-Kummissjoni Ewropea (13), l-ESMA (14) u l-AMF (15), li jistgħu jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/61 u tar-regolamenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

32.      Minn dawn id-dokumenti, madankollu, jinħarġu konklużjonijiet inkonsistenti fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/61:

–        Id-dokument tal-Kummissjoni jidher li ppermetta l-eżistenza ta’ perijodu tranżitorju ta’ sena, li ntemm fil‑21 ta’ Lulju 2014, li matulu l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/61 ma kinux legalment vinkolanti (16).

–        Mid-dokumenti tal-ESMA u tal-AMF, madankollu, jidher illi AIFM huwa suġġett għar-regoli (nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni) dwar ir-remunerazzjoni mid-data li fiha jkun kiseb l-awtorizzazzjoni.

33.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll interpretazzjoni oħra possibbli, skont jekk ir-remunerazzjoni kinitx miftiehma qabel jew wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/61 fid-dritt Franċiż.

–        Fl-ewwel xenarju (kuntratti konklużi qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/61 fid-dritt nazzjonali), “jista’ jiġi ammess li huwa diffiċli li l-AIFM jintalab immedjatament iqajjem dubji dwar remunerazzjoni li ma kisret l-ebda regola meta ġiet miftiehma”. Bħala massimu, matul dan il-perijodu tranżitorju, jista’ jkun mitlub li jaġixxi bl-ikbar diliġenza possibbli sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti l-ġodda ta’ remunerazzjoni.

–        Fit-tieni xenarju (kuntratti konklużi wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/61 fid-dritt nazzjonali), jista’ jiġi argumentat li “d-dħul fis-seħħ tar-regola nazzjonali li biha tiġi trasposta d-Direttiva AIFM jipprojbixxi immedjatament lill-AIFM milli jiftiehem, għall-futur, dwar remunerazzjonijiet li jmorru kontra r-regoli stabbiliti minn din id-Direttiva, ladarba tkun diġà daħlet fis-seħħ”.

34.      Peress li l-ebda waħda minn dawn is-soluzzjonijiet ma hija ovvja, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      a)      L-Artikoli 13 u 61(1) tad-[Direttiva 2011/61] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-maniġers li kienu jeżerċitaw attivitajiet koperti [minn din id-Direttiva] qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 huma obbligati li josservaw l-obbligi relatati mal-linji politiċi u mal-prattiki ta’ remunerazzjoni:

i)      wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva,

ii)      fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali;

iii)      b’effett mill-iskadenza tat-terminu ta’ sena, li skada fil‑21 ta’ Lulju 2014, previst fl-Artikolu 61(1), jew

iv)      b’effett mill-ksib tal-awtorizzazzjoni bħala maniġer abbażi tagħha?

b)      Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk ir-remunerazzjoni mħallsa mill-maniġer tal-fondi ta’ investiment alternattivi lill-impjegat jew lil direttur ta’ kumpannija ġietx miftiehma qabel jew wara:

i)      l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva;

ii)      fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali;

iii)      l-iskadenza, fil‑21 ta’ Lulju 2014, tat-terminu previst fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva;

iv)      id-data tal-ksib tal-awtorizzazzjoni tiegħu mill-maniġer tal-fondi ta’ investiment alternattivi?

2)      Jekk mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali, il-maniġer tal-fondi ta’ investiment alternattivi huwa, għal ċertu perijodu, obbligat biss li jagħmel l-aħjar sforzi sabiex josserva l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn din id-direttiva, l-imsemmi maniġer ikun qiegħed josserva dan l-obbligu jekk, matul dan it-terminu, jimpjega impjegat jew jaħtar direttur ta’ kumpannija b’kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li ma josservawx ir-rekwiżiti tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 13 tad-Direttiva?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

35.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Marzu 2023.

36.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn HJ, IK u LM (flimkien), minn Twenty First Capital, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni.

37.      Ma ġiex ikkunsidrat essenzjali li ssir seduta.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Applikabbiltà tadDirettiva 2011/61

38.      Skont HJ, IK u LM, it-tilwima ma taqax ratione materiae fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/61, peress li tirrigwarda remunerazzjoni li taqa’ barra mill-attività ta’ immaniġġjar ta’ AIF (17).

39.      Kif inhu magħruf, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Barra minn hekk, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tiddefinixxi, taħt ir-responsabbiltà tagħha, il-qafas fattwali u regolatorju, u ma hijiex ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu. Din il-qorti nazzjonali tista’ tastjeni milli tiddeċiedi fuq waħda minn dawk it-talbiet f’każijiet eċċezzjonali biss, speċifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja (18).

40.      Madankollu, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tindika li r-remunerazzjoni inkwistjoni kienet taqa’, skont is-suġġett tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/61 u tar-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni (19).

41.      Abbażi ta’ din il-premessa, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispettaha, ma teżisti l-ebda ċirkustanza li tippermetti li tiġi eskluża l-applikabbiltà tad-Direttiva li tirreferi għaliha t-talba għal deċiżjoni preliminari.

B.      Osservazzjoni preliminari

42.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, Direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

43.      Id-direttivi huma diretti (u jobbligaw) l-Istati Membri u, bħala prinċipju, ma humiex kapaċi jimponu direttament obbligi eżegwibbli minn individwi, jew li jiġu invokati kontrihom (20).

44.      Id-Direttiva 2011/61 għandha l-partikolarità li tistabbilixxi obbligu fuq l-AIFMs li wettqu attivitajiet (skont din id-Direttiva) qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 (21). L-Artikolu 61(1) tagħha jobbligahom jadottaw “il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva” u, fejn xieraq, jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi żmien sena minn dik id-data.

45.      B’mod koerenti man-natura partikolari tad-direttivi, li rreferejt għaliha iktar ’il fuq, għandu jiġi mifhum li huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-AIFMs jikkonformaw mad-Direttiva 2011/61 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tagħhom, l-eżerċizzju tal-attività tagħhom u trasparenza fl-immaniġġjar tagħhom tal-AIFs.

C.      Ilpunt a) talewwel domanda preliminari

46.      Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika minn liema data “l-maniġers li kienu jeżerċitaw attivitajiet koperti [minn din id-Direttiva] qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 huma obbligati li josservaw l-obbligi relatati mal-linji politiċi u mal-prattiki ta’ remunerazzjoni”.

47.      Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/61, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFMs japplikaw, għal ċerti kategoriji ta’ impjegati, linji politiċi u prattiki ta’ remunerazzjoni (22) li huma konsistenti ma’ u jippromwovu mmaniġġjar effikaċi u soda tar-riskji. Dawn il-linji politiċi u l-prattiki huma mistennija “li ma jħeġġux it-teħid ta’ riskji li ma jkunx konsistenti mal-profili tar-riskju, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIFs li huma jimmaniġġaw”.

48.      L-Artikolu 66 tad-Direttiva 2011/61 jispjega fid-dettall kif il-kontenut tagħha għandu jiġi inkorporat fid-dritt nazzjonali:

–        Skont il-paragrafu 1 tiegħu, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux iktar tard mit‑22 ta’ Lulju 2013, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva (23).

–        Skont il-paragrafu 2, “[l]-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 mit‑22 ta’ Lulju 2013”.

49.      Il-qari flimkien tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 66(1) u (2) tad-Direttiva 2011/61 jenfasizza li l-Istati Membri kienu obbligati jeħtieġu li l-AIFMs ikollhom il-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni kompatibbli ma’ immaniġġjar effikaċi u soda tar-riskji u f’konformità mal-Anness II ta’ din id-Direttiva mit‑22 ta’ Lulju 2013.

50.      Din is-sistema ġenerali hija, madankollu, akkumpanjata minn dispożizzjoni tranżitorja għal “maniġers [AIFMs] li jeżerċitaw attivitajiet koperti mid-Direttiva [2011/61] qabel it‑22 ta’ Lulju 2013”. Dawn l-AIFMs “għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva u għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi żmien sena minn dik id-data” (24).

51.      L-introduzzjoni tas-sistema tranżitorja għall-AIFMs li diġà kienu qiegħdin jeżerċitaw (qabel it‑22 ta’ Lulju 2013) attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/61 hija partikolarment rilevanti f’din it-tilwima. Dan jimplika, bir-riżerva li se ngħid, li dawn l-AIFMs ma kinux immedjatament obbligati josservaw, bl-iktar mod sħiħ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/61 dwar ir-remunerazzjoni tal-ogħla impjegati tagħhom.

52.      Minn din il-premessa niddeduċi li l-ewwel żewġ ipoteżi li tistaqsi dwarhom il-qorti tar-rinviju għandhom jiġu esklużi: il-bidu tal-obbligi ta’ remunerazzjoni tal-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 ma seħħx “wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva” [l-ipoteżi i)] u lanqas “fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali” [l-ipoteżi ii)].

53.      Nirrikonoxxi li l-kliem tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 ma huwiex ħieles minn ambigwità: l-espressjoni “fi żmien sena minn dik id-data [it‑22 ta’ Lulju 2013]” tista’ tiġi interpretata fi kwalunkwe waħda miż-żewġ tifsiriet imsemmija fl-ipoteżijiet iii) u iv) ippreżentati mill-qorti tar-rinviju.

54.      Għalhekk dak li għandu jiġi ddeterminat huwa jekk l-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 kinux obbligati, minn dik id-data sat‑22 ta’ Lulju 2014, li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom u li jissottomettu talba għal awtorizzazzjoni; jew biss li jissottomettu dik it-talba.

55.      L-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih hija stabbilita u l-għanijiet u l-iskop segwiti mill-att li tifforma parti minnu (25).

56.      L-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 għandu jkun marbut mal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 66(1) u (2) ta’ din l-istess direttiva. Il-qari flimkien tagħhom jiżvela, kif diġà stqarrejt, li l-Istati Membri kienu obbligati jirrikjedu mill-AIFMS il-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni kompatibbli ma’ immaniġġjar effikaċi u soda tar-riskji mit‑22 ta’ Lulju 2013.

57.      Madankollu, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jirrikonoxxi sistema tranżitorja għall-AIFMs li diġà wettqu attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/61. Il-perijodu tranżitorju kellu jippermetti lil din il-kategorija ta’ AIFMs sabiex jaġġustaw progressivament għar-rekwiżiti tad-Direttiva nnifisha.

58.      L-analiżi tal-kuntest li fih huwa inkwadrat l-Artikolu 61 tad-Direttiva 2011/61 tenfasizza l-importanza tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni implimentata fih. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, preċiżament, jekk tistax tiġi stabbilita rabta “bejn il-ksib ta’ awtorizzazzjoni u s-sottomissjoni għar-regoli derivati mid-Direttiva” (26).

59.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda AIFM ma jimmaniġġja AIF mingħajr ma jkun ġie awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61. L-AIFMs awtorizzati taħt din tal-aħħar għandhom jikkonformaw dejjem mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stabbilita f’din id-direttiva (27).

60.      Fost l-informazzjoni li l-AIFMs għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiksbu l-awtorizzazzjoni tagħhom hemm, ġustament, dik dwar “il-linji politiċi u l-prattiċi ta’ rimunerazzjoni skont l-Artikolu 13” (28).

61.      Tali awtorizzazzjoni tiġi miċħuda “ħlief jekk […] [l-awtoritajiet] jkunu sodisfatti li l-AIFM jkun jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva” (29). Ladarba jingħataw l-awtorizzazzjoni, l-AIFMs jingħataw is-setgħa li jimmaniġġjaw l-AIFs billi japplikaw l-istrateġiji ta’ investiment imsemmijin fl-applikazzjoni tagħhom għall-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom (30).

62.      L-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 jobbliga wkoll lill-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 sabiex jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, taħt il-kundizzjonijiet deskritti f’dik id-direttiva, fi żmien sena minn dik id-data.

63.      Mill-Artikoli 7, 8 u 61 tad-Direttiva 2011/61, jirriżulta li l-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 ma kinux obbligati, qabel ma kisbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa, li jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi ta’ remunerazzjoni li jimponi dan it-test.

64.      Għall-kuntrarju, dawn l-obbligi huma meħtieġa minnhom ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara li tiġi evalwata l-kapaċità tal-AIFMs li jikkonformaw pro futuro mad-dispożizzjonijiet derivati mid-Direttiva 2011/61. U jekk, kif spjegajt iktar ’il fuq, l-awtorizzazzjoni tkun essenzjali sabiex jaġixxu bħala AIFMs, jirriżulta koerenti li l-politika ta’ remunerazzjoni qabel id-data tal-awtorizzazzjoni ma tikkonformax mal-istess kundizzjonijiet stretti bħal dik ta’ wara dik id-data.

65.      Għalhekk, naqbel ma’ IK, HJ, LM u mal-Gvern Franċiż li l-obbligi kollha tal-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 kienu dovuti mill-jum li fih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti awtorizzaw l-attività tagħhom (31). Minn dak il-mument, kull AIFM (sew jekk kien attiv qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 jew jekk beda l-attività tiegħu wara dik id-data) ikun suġġett, fl-estensjoni sħiħa tiegħu, għas-sistema tad-dritt komuni tad-Direttiva 2011/61.

66.      Tali interpretazzjoni ma tipperikolax il-ksib tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2011/61.

67.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dawn l-għanijiet jikkonsistu “fil-protezzjoni tal-investituri, b’mod partikolari meta l-interessi tagħhom jistgħu jidħlu f’kunflitt ma’ dawk tal-maniġers ta’ fondi kemm mill-perspettiva tar-riskju kif ukoll tas-sostenibbiltà tad-deċiżjonijiet ta’ investiment, kif ukoll f’li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja” (32).

68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li “il-politiki u l-prattiki ta’ remunerazzjoni ddefiniti mid-Direttiva […] 2011/61 huma intiżi, f’dan il-kuntest, sabiex jiffavorixxu l-ġestjoni tajba u effettiva tar-riskji, kif ukoll li ma jiġix imħeġġeġ teħid ta’ riskju inkompatibbli mal-profili ta’ riskju, mar-regolazzjoni jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni […] tal-AIFs” (33).

69.      Ma nemminx li dawn l-għanijiet ser isofru minħabba r-rikonoxximent, favur l-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013, ta’ perijodu tranżitorju ta’ adattament, estiż sakemm jirċievu l-awtorizzazzjoni mandatorja tagħhom. Il-possibbiltà li wieħed igawdi minn dan il-perijodu tranżitorju jippermetti wkoll li jiġi rrikonċiljat il-ksib ta’ dawn l-għanijiet mal-eżiġenza taċ-ċertezza legali.

70.      Hemm mill-inqas żewġ argumenti insostenn ta’ din il-pożizzjoni:

–        Minn naħa, matul il-perijodu tranżitorju ta’ adattament, l-AIFMs ma kienu eżenti minn ebda obbligu dderivat mid-Direttiva 2011/61. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, huma kellhom jagħmlu ħilithom sabiex jieħdu miżuri li ma kinux inkompatibbli mar-regolamenti nazzjonali dderivati minn din id-direttiva (34).

–        Min-naħa l-oħra, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-għan tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 kien li jagħti ftit żmien lill-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013, sabiex ikunu jistgħu jippreparaw sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti (ġodda) introdotti minn din id-direttiva, sabiex tkun tista’ tinkiseb awtorizzazzjoni.

71.      Fil-qosor, l-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 kienu obbligati li jikkonformaw, fl-intier tagħhom, mal-obbligi dderivati minn din id-direttiva biss wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni (obbligatorja) li kellhom jitolbu fi żmien sena wara dik id-data. Ir-remunerazzjoni mħallsa wara l-ksib tal-awtorizzazzjoni kellha tikkonforma mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2011/61.

72.      Din l-istess interpretazzjoni hija sostnuta mill-ESMA, awtorità li skont id-Direttiva 2011/61 għandha “rwol ta’ koordinament ġenerali” (35). L-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jagħtiha l-kompitu li tiżviluppa “linji gwida dwar linji politiċi ta’ rimunerazzjoni sodi li jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II” (36).

73.      L-ESMA tindika li, ladarba jikseb l-awtorizzazzjoni, l-AIFM għandu jkun suġġett għar-regoli tad-Direttiva 2011/61 u l-Linji Gwida dwar ir-remunerazzjoni, li japplikaw mill-mument tal-ksib tal-awtorizzazzjoni (37).

74.      Ma’ dan il-kriterju għandu jingħad ukoll li, għall-ESMA, fir-rigward tar-remunerazzjoni varjabbli, ir-regoli tad-Direttiva 2011/61 għandhom saħħa vinkolanti għas-sena ta’ wara d-data li fiha tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni (38).

D.      Ilpunt b) talewwel domanda preliminari

75.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf x’impatt jista’ jkun hemm fuq it-tilwima kieku r-remunerazzjoni mħallsa mill-AIFM kienet ġiet miftiehma qabel jew wara xi waħda mid-dati li hija tippreżenta bħala ipoteżi [li jikkoinċidu ma’ dawk fil-punt a) tal-ewwel domanda].

76.      Fil-fehma tiegħi, id-data li fiha ġiet miftiehma r-remunerazzjoni hija indifferenti għall-finijiet ta’ din il-kawża (39). L-espressjoni tar-rieda kuntrattwali ma tipprevalix fuq id-disinn leġiżlattiv, b’tali mod li l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2011/61 ma tistax issir dipendenti minn dan l-element suġġettiv.

77.      Għal darba oħra naqbel mal-ESMA f’din l-evalwazzjoni: id-data tal-ftehim li fih ġiet miftiehma r-remunerazzjoni ma hijiex il-fattur determinanti. Fil-fehma tal-ESMA, ir-regoli relatati mar-remunerazzjoni varjabbli li jinsabu fil-Linji Gwida tagħha (40) ġew applikati ladarba nkisbet l-awtorizzazzjoni mill-AIFM (41).

78.      It-teżi li nsostni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, espressa f’dawn it-termini:

–        “[B]ħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha. Għalkemm hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew definittivament konklużi taħt il-liġi l-qadima, hija tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Ikun mod ieħor, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali, biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha” (42).

–        “[B]’mod iktar partikolari, id-direttivi, huma biss, bħala regola ġenerali, is-sitwazzjonijiet legali konklużi wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva li jistgħu jkunu marbutin mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva” (43).

–        “Dan jgħodd ukoll, a fortiori, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew definittivament konklużi taħt ir-regola l-qadima li jkomplu jipproduċu l-effetti tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-atti nazzjonali meħuda għat-traspożizzjoni ta’ direttiva wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha” (44).

79.      Il-ħlas ta’ remunerazzjoni derivata minn ftehim konkluż meta AIFM attiv qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 kien għadu ma kellux l-awtorizzazzjoni meħtieġa jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, wieħed mill-effetti futuri possibbli ta’ sitwazzjoni li tirriżulta taħt il-validità ta’ regola preċedenti. Ma hemm l-ebda problema, għalhekk, li r-regola l-ġdida (id-Direttiva 2011/61) tiġi estiża għar-remunerazzjonijiet li jakkumulaw mill-mument li fih din id-direttiva jkollha applikazzjoni sħiħa, irrispettivament mid-data tal-ftehim inter partes preċedenti.

E.      Konklużjoni intermedja

80.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nifhem li, skont l-Artikoli 13 u 61(1) tad-Direttiva 2011/61, l-Istati Membri kienu obbligati li jeħtieġu li l-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi relatati mal-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni, mid-data tal-ksib tal-awtorizzazzjoni sabiex jaġixxu bħala AIFMs.

F.      Ittieni domanda preliminari

81.      Il-qorti tar-rinviju tifformula d-domanda tagħha fil-każ li “mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali, il-maniġer tal-fondi ta’ investiment alternattivi huwa, għal ċertu perijodu, obbligat biss li jagħmel l-aħjar sforzi sabiex josserva l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn din id-direttiva”.

82.      Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, id-domanda ssir f’dawn it-termini: “[L-AIFM] ikun qiegħed josserva dan l-obbligu jekk, matul dan it-terminu, jimpjega impjegat jew jaħtar direttur ta’ kumpannija b’kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li ma josservawx ir-rekwiżiti tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 13 tad-Direttiva [2011/61]?”

83.      Kif għadni kif spjegajt, l-Istati Membri kienu obbligati jeżiġu li l-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 jikkonformaw bis-sħiħ, mid-data tal-ksib tal-awtorizzazzjoni meħtieġa, mal-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni li din id-direttiva, u r-regolamenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni, jimponu.

84.      Innotajt ukoll li l-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 jistabbilixxi sistema tranżitorja, li tapplika għall-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013. Matul dan il-perijodu tranżitorju, l-AIFMs kienu obbligati jadottaw “il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva [2011/61]”.

85.      Id-dubji jirrigwardaw is-sinjifikat ta’ din l-aħħar espressjoni (jadottaw l-miżuri kollha neċessarji), fir-rigward tal-osservanza tal-obbligi relatati mal-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni.

86.      B’mod partikolari, qiegħed jiġi diskuss jekk aġir kuntrarju għall-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/61, iżda adottat qabel ma ngħatat l-awtorizzazzjoni, jikkonformax jew le mal-Artikolu 61(1) ta’ din id-Direttiva.

87.      Fil-fehma tiegħi, mit‑22 ta’ Lulju 2013, l-AIFMs diġà attivi f’dak iż-żmien kellhom obbligu (f’termini tal-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni) li n-natura vinkolanti tiegħu kien ta’ intensità inqas minn dik imposta fuqhom mill-ksib tal-awtorizzazzjoni.

88.      Is-sistema tranżitorja fl-Artikolu 61(1), flimkien mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/61, taqa’ bejn eżenzjoni sħiħa mir-rispett tal-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/61 u r-rekwiżit sħiħ ta’ konformità stretta ma’ dawn l-istess linji politiċi u prattiki.

89.      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jista’ jiġi stabbilit il-bilanċ bejn is-sottomissjoni sħiħa u l-eżenzjoni totali (45), billi jiġi aċċettat li, matul dan il-perijodu tranżitorju, l-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 jopera bħala klawżola ta’ “l-ikbar diliġenza” (“best efforts”). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss li jsiru sforzi f’dan ir-rigward, u mhux li jiġu stabbiliti r-riżultati speċifiċi li għandhom jinkisbu (46).

90.      Jiena nemmen li din l-interpretazzjoni, minn naħa, tirrispetta n-natura eċċezzjonali tas-sistema tranżitorja (billi tirrikonċiljaha mal-eżiġenzi taċ-ċertezza legali) u, min-naħa l-oħra, hija konsistenti mal-għan imfittex mid-Direttiva 2011/61.

91.      Għalhekk, is-sistema tranżitorja msemmija għandha tiġi interpretata fis-sens li l-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 kienu obbligati jadattaw progressivament il-prattiki tagħhom skont ir-regoli tad-Direttiva 2011/61. Dawn ir-regoli, għall-kuntrarju, kienu jorbtu bis-sħiħ lill-AIFMs li ma wettqu l-ebda attività suġġetta għad-Direttiva 2011/61 f’dik id-data.

92.      Hija biss imġiba li tiddevja manifestament minn dawn ir-regoli, fil-perijodu bejn it‑22 ta’ Lulju 2013 u d-data tal-awtorizzazzjoni, li tista’ tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-Artikolu 61(1) flimkien mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/61.

93.      Jiena nemmen li din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda koerenti, fil-kuntest li fih dawn id-dispożizzjonijiet u dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2011/61 huma inkwadrati. B’mod partikolari, kif jallega l-Gvern Franċiż:

–        Fost il-prinċipji ġenerali relatati mar-rekwiżiti operattivi applikabbli għall-AIFMs, l-ewwel wieħed huwa li dawn “jaġixxu onestament, bil-kapaċità, attenzjoni u diliġenza dovuta u f’mod ġust fit-tmexxija tal-attivitajiet tagħhom” (47).

–        Għalkemm l-AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 kellhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi dderivati mid-Direttiva 2011/61 mal-ksib tal-awtorizzazzjoni, ma tħallewx iwettqu azzjonijiet li kienu jirriskjaw li jdgħajfu l-applikazzjoni tal-qafas regolatorju stabbilit minn dik l-istess direttiva. Inkella, l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-investituri jkun imminat.

94.      Fil-qosor, l-AIFMs li wettqu attivitajiet taħt id-Direttiva 2011/61 qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 ma setgħux, wara dik id-data u qabel dik tal-ksib tal-awtorizzazzjoni, jaġixxu b’mod li jiddevja manifestament mill-imġiba diliġenti li kellu jkun mistenni minnhom matul dak il-perijodu.

V.      Konklużjoni

95.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li tingħata risposta għad-domandi tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) fit-termini li ġejjin:

“L-Artikoli 13 u 61(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

–        L-Istati Membri kienu obbligati li jeħtieġu li l-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi li wettqu attivitajiet skont id-Direttiva 2011/61 qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi relatati mal-linji politiċi u l-prattiki ta’ remunerazzjoni li jirriżultaw minn din id-Direttiva, mid-data tal-ksib tal-awtorizzazzjoni li kellhom jitolbu fi żmien sena mit‑22 ta’ Lulju 2013.

–        L-imġiba tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi imsemmija (li wettqu attivitajiet skont id-Direttiva 2011/61 qabel it‑22 ta’ Lulju 2013), adottata wara t‑22 ta’ Lulju 2013, iżda qabel il-ksib tal-awtorizzazzjoni, tista’ titqies li tmur kontra l-Artikoli 13 u 61(1) ta’ dik id-direttiva jekk din tinvolvi manifestament ir-riskju li tiddgħajjef l-applikazzjoni tal-qafas regolatorju stabbilit minn din l-istess direttiva”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1). Iktar ’il quddiem ser nirreferi għaliha bħala d-“Direttiva 2011/61” jew id-“Direttiva AIFM”.


3      L-ebda waħda minnhom, sakemm ma inix qiegħed niżbalja, ma tirreferi għall-kwistjoni speċifika diskussa f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, problema li l-ESMA ser tindirizza meta tirrispondi ċerti domandi mill-operaturi ekonomiċi. Il-Linji Gwida huma disponibbli fuq https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/2015/11/esma_2013_00060000_es_cor.pdf.


4      Kodiċi monetarju u finanzjarju.


5      Digriet Leġiżlattiv Nru 2013‑676 tal‑25 ta’ Lulju 2013 li jemenda l-qafas legali għall-ġestjoni tal-assi (JORF Nru 173, tas‑27 ta’ Lulju 2013). Iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 2013‑676”.


6      Digriet Nru 2013‑687 tal‑25 ta’ Lulju 2013 adottat għall-applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 2013‑676. Ippubblikat fit‑30 ta’ Lulju 2013.


7      Il-kuntratt kien ippreċedut minn sensiela ta’ tranżazzjonijiet tal-kumpanniji: f’Marzu 2014, il-kumpannija R Participations, stabbilita minn HJ u li LM u IK kienu msieħba fiha, ittrasferiet lill-kumpanija T, permezz ta’ trasferiment ta’ avvjament, tliet organizzazzjonijiet ta’ investiment kollettiv li jispeċjalizzaw. f’investimenti fi swieq emerġenti (“Fondi R”). HJ sar impjegat tal-kumpanija T. Sabiex jiġi organizzat it-trasferiment ta’ din l-attività lill-kumpanija Twenty First Capital, ġew iffirmati diversi kuntratti, inkluż dak li jagħti lok għall-kawża, bid-data tas‑27 ta’ Ġunju 2014. Sussegwentement, fl‑24 ta’ Ottubru 2014, il-kumpannija T ittrasferiet lil Twenty First Capital parti mill-avvjament tagħha, li kienet tinkludi l-Fondi R. Fil‑11 ta’ Diċembru 2014, HJ ingħaqad ma’ Twenty First Capital bħala membru tal-kumitat eżekuttiv, direttur ġenerali u t-tieni direttur ta’ din il-kumpannija.


8      Id-digriet tar-rinviju huwa bbażat fuq il-premessa li dawn in-nies kienu impjegati u li l-attivitajiet professjonali tagħhom seta’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq il-profil tar-riskju tal-fondi li huma mmaniġġjaw. Ir-remunerazzjoni prevista fil-kuntratt ta’ kollaborazzjoni kienet tinkludi parti fissa li titħallas f’erba’ pagamenti annwali (l-Artikolu 2) u parti oħra varjabbli, skont il-profitti operattivi (l-Artikolu 3).


9      Skont IK, HJ u LM, din il-komunikazzjoni seħħet ftit jiem qabel l-iskadenza sabiex isir l-ewwel ħlas u fiha Twenty First Capital indikat li tirrifjuta li tħallashom l-ammonti dovuti lilhom skont l-Artikoli 2 u 3 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni.


10      LM intervjena bħala intervenjent volontarju f’din il-proċedura.


11      It-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi) ddikjarat li Twenty First Capital kienet AIFM li amministra mill-inqas AIF wieħed u li, għalhekk, ir-remunerazzjoni prevista fil-kuntratt ta’ kollaborazzjoni kellha tikkonforma mal-Artikolu L. 533‑22‑2 tal-Kodiċi monetarju u finanzjarju u l-Artikolu 319‑10 tar-Regolament Ġenerali tal-AMF. Dawn id-dispożizzjonijiet, żiedet tgħid, jifformaw parti minn “ordni pubbliku ta’ ġestjoni” (il-punt 4 tad-digriet tar-rinviju).


12      Skont il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), “ir-remunerazzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni ma humiex konformi mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva AIFM, peress li, b’mod partikolari, huma varjabbli, skonnettjati mir-riżultati. u, barra minn hekk, ir-remunerazzjoni varjabbli stabbilita fl-Artikolu 3 ma kinitx limitata għall-ewwel sena. Minn dan jirriżulta li l-għan tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni huwa illeċitu, kemm fir-rigward tar-regoli imposti mid-dritt finanzjarju kif ukoll mill-Artikolu 1128 tal-Kodiċi Ċivili ta’ qabel”.


13      AIFMD Q&As from the European Commission (AIFMD, Domandi u Risposti), disponibbli fuq https://finance.ec.europa.eu/system/files/2017-05/aifmd-commission-questions-answers_en.pdf.


14      Domandi u risposti relatati mad-Direttiva 2011/61, ippubblikati mill-ESMA, disponibbli fuq https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/esma34-32-352_qa_aifmd.pdf.


15      Guide AIFM — Rémunération des gestionnaires de fonds d'investissement alternatif (Gwida tal-AIFM — Remunerazzjoni tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi), disponibbli fuq https://www.amf-france.org/fr/actualites-publications/publications/guides/guides-professionnels/guide-aifm-remuneration-des-gestionnaires-de-fonds-dinvestissement-alternatif.


16      Matul dan il-perijodu tranżitorju, l-AIFMs kienu mistennija biss li jaġixxu bl-ikbar diliġenza sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2011/61.


17      Fl-opinjoni tagħhom, ir-remunerazzjoni inkwistjoni kienet dovuta lilhom minħabba l-bejgħ u l-ġestjoni sussegwenti ta’ tipi oħra ta’ fondi, iżda mhux l-FIA, u għalhekk ir-regoli tad-Direttiva 2011/61 isiru inapplikabbli.


18      Jiġifieri, meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha mill-qorti tar-rinviju. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, TGSS (Rifjut tas-suppliment għall-maternità) (C‑113/22, EU:C:2023:665), punti 30 u 31.


19      It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi espressament, f’dan ir-rigward, għall-evalwazzjonijiet magħmula mill-qrati nazzjonali ġenerali u tal-appell. Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 11 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata.


21      Iktar ’il quddiem, għas-sempliċità, ser nirreferi għall-“AIFMs li jkunu bdew joperaw skont id-Direttiva qabel it‑22 ta’ Lulju 2013” (terminu użat fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61) bħala l-“AIFMs attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013”.


22      Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan l-obbligu, nirreferi għall-punti 47 et seq. tas-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, HOLD Alapkezelő (C‑352/20, EU:C:2022:606); iktar ’il quddiem is-“sentenza HOLD Alapkezelő”.


23      Dan huwa kkonfermat mill-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2013 tal‑15 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi l-proċedura għall-AIFMs li jagħżlu li jipparteċipaw skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 132, p. 1).


24      L-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61.


25      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza HOLD Alapkezelő, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


26      Il-punt 26 tad-digriet tar-rinviju.


27      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/61.


28      L-Artikolu 7(2)(d) tad-Direttiva 2011/61.


29      Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 2011/61. Korsiv miżjud.


30      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2011/61. Huwa possibbli li l-ġestjoni tal-AIF tista’ tibda iktar kmieni, taħt il-kundizzjonijiet deskritti f’din l-istess dispożizzjoni.


31      Skont il-Kummissjoni, il-perijodu tranżitorju jestendi sal-aħħar jum tas-sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2011/61, kemm jekk kien hemm awtorizzazzjoni lill-AIFM jew le. Għall-bqija, hija tirrakkomanda, għall-perijodu kollu, l-istess soluzzjoni: l-obbligi derivati mid-Direttiva jkunu vinkolanti biss meta jintemm. Ara, għal dan il-għan, il-kontenut tar-risposta tal-Kummissjoni traskritta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Sentenza HOLD Alapkezelő punt 52, fir-rigward tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2009, L 302, p. 32), kif emendata bid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 257, p. 186, u r-rettifika fil-ĠU 2016, L 52, p. 37), u d-Direttiva 2011/61.


33      Sentenza HOLD Alapkezelő, punt 54. Skont il-premessa 24 tad-Direttiva 2011/61, l-għan huwa li jiġi evitat “l-effett detrimentali potenzjali ta’ strutturi ta’ rimunerazzjoni mfassla ħażin fuq l-ġestjoni tajba tar-riskji u l-kontroll tal-imġiba tat-teħid tar-riskju minn individwi”.


34      Ser nirreferi għalihom fir-riflessjonijiet tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari.


35      Il-premessa 73 tad-Direttiva 2011/61.


36      Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Risposta numru 1a għall-ewwel domanda tat-Taqsima I (“Remunerazzjoni”) tad-dokument tal-ESMA ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet: “According to Article 61(1) of the AIFMD, AIFMs performing activities under the AIFMD before 22 July 2013 have one year from that date to submit an application for authorisation. Once a firm becomes authorized under the AIFMD, it becomes subject to the AIFMD remuneration rules and the Remuneration Guidelines. Therefore, the relevant rules should start applying as of the date of authorization”.


38      Skont l-istess risposta, “AIFMD regime on variable remuneration should apply only to full performance periods and should first apply to the first full performance period after the AIFM becomes authorized”.


39      Huwa differenti jekk l-intenzjoni kuntrattwali, riflessa fil-ftehimiet korrispondenti, ikollha effettività inter partes mill-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet. Dak li qed jiġi diskuss ma huwiex l-interpretazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali, iżda s-suġġettazzjoni tar-remunerazzjoni tal-AIFM għall-qafas regolatorju f’ħin jew ieħor.


40      B’mod partikolari, fit-taqsimiet XI u XII ta’ dawn il-Linji Gwida.


41      Fir-risposta Nru 1a għall-ewwel domanda tat-Taqsima I tad-dokument iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ESMA tafferma dan il-kriterju mill-ġdid, billi tapplikah għal żewġ “eżempji”, li jikkorrispondu għal diversi dati ta’ tmiem is-sena ta’ kontabbiltà u tal-ksib tal-awtorizzazzjoni.


42      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494), punt 32.


43      Ibidem, punt 33.


44      Ibidem, punt 34.


45      Id-dokument “domandi u risposti” tal-Kummissjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jaqra: “During the one year transitional period, AIFMs are expected to comply, on a best efforts basis, with the requirements of the national law transposing the AIFMD”.


46      Dwar id-distinzjoni bejn obbligi ta’ mezzi u obbligi ta’ riżultat, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Beobank (C‑351/21, EU:C:2023:215), punt 53.


47      L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/61.