Language of document : ECLI:EU:C:2024:139

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Differenza fit-trattament fil-każ ta’ tkeċċija – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat – Assenza ta’ obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet għal xoljiment – Stħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑715/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Nowa Huta fi Kraków, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

K.L.

vs

X Sp. z o.o.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, F. Biltgen, N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, A. Kumin (Relatur), N. Wahl, I. Ziemele, J. Passer u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, J. Lachowicz u A. Siwek-Ślusarek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, D. Recchia u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn K.L., ħaddiem li kien is-suġġett ta’ tkeċċija, u X sp. z o.o., kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Pollakk u li kienet timpjega lil K.L., dwar ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat li kien jorbot lil dan il-ħaddiem ma’ din il-kumpannija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 1999/70/KE

3        Skont kliem il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70:

“[i]l-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi;

[…]”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70 jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva hu li jġib fis-seħħ il-[Ftehim qafas].”

 IlFtehim qafas

5        It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas huwa fformulat kif ġej:

“Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

6        Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

7        L-ewwel punt tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-Iskop [kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprevedi:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.”

8        Il-klawżola 3 tal-imsemmi Ftehim qafas hija redatta kif ġej:

“1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem      ‘ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit [indeterminat], fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

9        Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni”, tipprevedi:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

 Iddritt Pollakk

10      Skont l-Artikolu 8 tal-ustawa – Kodeks pracy (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tax-Xogħol), tas‑26 ta’ Ġunju 1974 (Dz. U. Nru 24, Pożizzjoni 141), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal-2020, Pożizzjoni 1320, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”), dritt ma jistax jiġi eżerċitat b’mod kontradittorju għall-għan soċjoekonomiku tiegħu jew bi ksur tal-prinċipji tal-ħajja fis-soċjetà.

11      L-Artikolu 183a (1) u (2) tal-Kodiċi tax-Xogħol jistipula:

“1.      Il-ħaddiema għandhom jibbenefikaw minn ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment u t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ progressjoni tal-karriera kif ukoll l-aċċess għat-taħriġ bil-għan li jittejbu l-kompetenzi professjonali, mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, ta’ sess, età, diżabbiltà, razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjonijiet politiċi, appartenenza sindakali, oriġini etnika, konfessjoni, orjentazzjoni sesswali kif ukoll indipendentement mill-ingaġġ għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat jew full-time jew part-time.

2.      L-ugwaljanza fit-trattament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tfisser l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.”

12      L-Artikolu 183b (1) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

“Jitqies bħala ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol, bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 4, id-distinzjoni li ssir mill-persuna li timpjega fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal raġuni waħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 183a(1), li jkollha bħala effett, b’mod partikolari:

1)      ir-rifjut li tiġi konkluża r-relazzjoni ta’ xogħol jew it-terminazzjoni tagħha,

2)      l-iffissar ta’ kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni jew ta’ kundizzjonijiet oħra tax-xogħol żvantaġġużi jew l-ommissjoni minn promozzjoni jew mill-għoti ta’ benefiċċji oħra marbutin max-xogħol,

3)      […]

–        sakemm il-persuna li timpjega ma turix li bbażat ruħha fuq raġunijiet oġġettivi.

[…]”

13      L-Artikolu 30 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“1.      Ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol iseħħ:

1)      bil-kunsens reċiproku tal-partijiet;

2)      wara dikjarazzjoni minn waħda mill-partijiet, bl-osservanza tat-terminu ta’ preavviż (xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol bi preavviż);

3)      wara dikjarazzjoni ta’ waħda mill-partijiet, mingħajr ma jiġi osservat terminu ta’ preavviż (xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol mingħajr preavviż);

4)      mal-iskadenza tat-terminu previst fil-kuntratt.

[…]

3.      Id-dikjarazzjoni ta’ kull waħda mill-partijiet dwar ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol bi preavviż jew mingħajru għandha ssir bil-miktub.

4.      Id-dikjarazzjoni tal-persuna li timpjega dwar ix-xoljiment bi preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew it-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol mingħajr preavviż għandha tindika r-raġunijiet li jiġġustifikaw dan.”

14      L-Artikolu 44 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“Il-ħaddiem jista’ jikkontesta x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol quddiem il-qorti industrijali […].”

15      L-Artikolu 45(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol jistipula:

“Jekk jiġi stabbilit li x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma huwiex iġġustifikat jew li jmur kontra d-dispożizzjonijiet dwar ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol, il-qorti industrijali għandha tiddeċiedi, fuq talba tal-ħaddiem, in-nullità tax-xoljiment jew, jekk dan il-kuntratt ta’ xogħol ikun diġà ġie xolt, ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiem fl-impjieg tiegħu taħt il-kundizzjonijiet preċedenti, jew il-kumpens ta’ dan tal-aħħar.”

16      L-Artikolu 50(3) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“Jekk kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi xolt bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xoljiment ta’ tali kuntratt, il-ħaddiem għandu dritt biss għall-ħlas ta’ kumpens.”

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

17      K.L. u X ikkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat part-time għall-perijodu mill‑1 ta’ Novembru 2019 sal‑31 ta’ Lulju 2022.

18      Fil‑15 ta’ Lulju 2020, X innotifikat lil K.L., li huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’dikjarazzjoni ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt ta’ xogħol filwaqt li osservat terminu ta’ preavviż ta’ xahar. Dan ix-xoljiment għalhekk daħal fis-seħħ fil‑31 ta’ Awwissu 2020, madankollu dan sar mingħajr il-komunikazzjoni lil K.L. tal-motivi għal dan ix-xoljiment.

19      Wara t-tkeċċija tiegħu, K.L. adixxa lis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Nowa Huta fi Kraków, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba għal kumpens abbażi tal-Artikolu 50(3) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li fiha invoka n-natura illegali tat-tkeċċija tiegħu.

20      F’din it-talba, K.L. sostna li, minn naħa, id-dikjarazzjoni ta’ X kienet tinkludi żbalji formali li jwasslu għal irregolarità li tagħti dritt għal kumpens, skont l-Artikolu 50(3) tal-Kodiċi tax-Xogħol. Min-naħa l-oħra, huwa sostna li, anki jekk il-Kodiċi tax-Xogħol ma jimponix fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jindikaw ir-raġunijiet għax-xoljiment fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien determinat, l-assenza ta’ tali indikazzjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit kemm fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt Pollakk, minħabba li dan l-obbligu jeżisti fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien indeterminat.

21      X, min-naħa l-oħra, invokat li kienet wettqet it-tkeċċija tar-rikorrent fil-kawża prinċipali konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt industrijali Pollakk fis-seħħ, punt li ma huwiex ikkontestat minn dan ir-rikorrent.

22      Il-qorti tar-rinviju tikkonferma, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li, fid-dritt Pollakk, fil-każ ta’ rikors ta’ ħaddiem kontra x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat, il-qorti kompetenti ma teżaminax ir-raġuni għat-tkeċċija u l-ħaddiem ikkonċernat ma għandu dritt għal ebda kumpens minħabba l-assenza ta’ ġustifikazzjoni ta’ din it-tkeċċija. Tali ħaddiem jiġi għalhekk imċaħħad mill-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 30 tal-Karta, li jipprovdi li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.

23      Il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward tosserva li, matul is-sena 2008, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) tat sentenza li kienet tirrigwarda l-konformità tal-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol mal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja), tat-2 ta April 1997 (Dz. U. tal-1997, n° 78, pożizzjoni 483) (iktar il-quddiem il-”Kostituzzjoni”), fid-dawl tad-differenzi previsti f’din id-dispożizzjoni f’termini ta’ rekwiżiti fil-qasam tax-xoljiment, skont it-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol li jkun hemm inkwistjoni.

24      F’dik is-sentenza, dik il-qorti kostituzzjonali ddeċidiet li l-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol, sa fejn ma jipprevedix l-obbligu li tiġi indikata r-raġuni għax-xoljiment fid-dikjarazzjoni tal-persuna li timpjega dwar ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, u l-Artikolu 50(3) ta’ dan il-kodiċi, sa fejn ma jipprevedix id-dritt tal-ħaddiem għal kumpens għal xoljiment mhux iġġustifikat ta’ tali kuntratt ta’ xogħol, huma kompatibbli kemm mal-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni, li jissanċixxi l-prinċipju tal-Istat tad-dritt demokratiku, kif ukoll mal-Artikolu 32 tagħha, li jipprevedi l-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-ħajja politika, soċjali jew ekonomika għal kwalunkwe raġuni.

25      It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonkludiet li lanqas ma kien hemm xi ħaġa li tippermetti li jitqies li d-differenzjazzjoni stabbilita, ibbażata fuq il-karatteristika tat-tul tal-impjieg, ma saritx skont kriterju rilevanti fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni.

26      Il-qorti tar-rinviju tesponi f’dan il-kuntest li, f’sentenza mogħtija matul is-sena 2019, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), min-naħa l-oħra, esprimiet dubji dwar l-implimentazzjoni korretta tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fid-dritt Pollakk u, konsegwentement, dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tax-Xogħol mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dik il-qorti suprema indikat li entità li ma tikkostitwixxix emanazzjoni tal-Istat, bħal persuna li timpjega privata, ma tistax tinżamm responsabbli għall-illegalità relatata mat-traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva 1999/70 fid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti suprema ma setgħetx teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, sa fejn anki dispożizzjoni ċara, preċiża u mingħajr kundizzjonijiet ta’ direttiva intiża sabiex tagħti drittijiet jew sabiex timponi obbligi fuq l-individwi ma tistax tiġi applikata fil-kuntest ta’ tilwima li fiha huma involuti esklużivament individwi.

27      Il-qorti tar-rinviju żżid li, f’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43), u tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278). Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-kriterji li l-applikazzjoni tagħhom hija pprojbita għall-finijiet ta’ distinzjoni bejn ħaddiema, kriterji li kienu s-suġġett ta’ dawn iż-żewġ sentenzi, jiġifieri r-reliġjon fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43), u l-età, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278), huma espressament imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta, filwaqt li relazzjoni ta’ impjieg fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma tinsabx fost il-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 21(1) tal-Karta jistipula l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni peress li l-lista ta’ kriterji li huwa jsemmi ma hijiex eżawrjenti, kif juri l-użu tal-avverbju “[b’mod partikolari]” f’din id-dispożizzjoni.

28      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Ftehim qafas fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma tiċċara l-kwistjoni tal-effett dirett orizzontali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba, fid-dritt Pollakk ikunu japplikaw żewġ sistemi distinti ta’ xoljiment tal-kuntratti għal żmien determinat, skont jekk il-persuna li timpjega hijiex jew ma hijiex emanazzjoni tal-Istat.

29      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Nowa Huta fi Kraków) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 1 tad-Direttiva [1999/70], kif ukoll il-Klawżoli Nru 1 u 4 tal-[Ftehim qafas], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi obbligu fuq il-persuna li timpjega li tipprovdi, bil-miktub, il-motivazzjoni għad-deċiżjoni li tittermina [xxolji] l-kuntratt tax-xogħol biss fir-rigward ta’ kuntratti tax-xogħol konklużi għal żmien indeterminat, u għaldaqstant jissuġġettaw għal stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tat-terminazzjoni tal-kuntratti konklużi għal żmien indeterminat, filwaqt li ma jipprevedux tali obbligu fuq il-persuna li timpjega (jiġifieri l-indikazzjoni tal-motivazzjoni għat-terminazzjoni) fir-rigward ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien determinat (u konsegwentement l-istħarriġ ġudizzjarju jkopri biss il-kwistjoni ta’ jekk it-terminazzjoni hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni ta’ kuntratti)?

2)      Il-partijiet f’tilwima quddiem qorti, li fiha hemm persuni privati fuq iż-żewġ naħat tat-tilwima, jistgħu jinvokaw il-Klawżola 4 tal-[Ftehim qafas] u l-prinċipju bażiku tad-dritt tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 21 tal-[Karta]), u għaldaqstant ir-regoli msemmija hawn fuq għandhom effett orizzontali?”

 Fuq iddomandi preliminari

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat, minn perspettiva formali, domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemha, indipendentement minn jekk tkunx jew ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nordic Info, C‑128/22, EU:C:2023:951, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju u f’dak tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni, hemm lok, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata elementi utli ta’ interpretazzjoni, li d-domandi magħmula jiġu fformulati mill-ġdid.

32      Għalhekk, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li persuna li timpjega ma hijiex obbligata timmotiva bil-miktub ix-xoljiment bi preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat filwaqt li l-istess persuna hija obbligata tagħmel dan fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u jekk din il-klawżola tistax tiġi invokata fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi.

33      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Ftehim qafas huwa applikabbli għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi bi ħlas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Comunidad de Castilla y León (C‑192/21, EU:C:2022:513, punti 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ma’ X, kien meqjus bħala ħaddiem impjegat fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat, fis-sens tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas, moqrija flimkien mal-klawżola 3(1) tiegħu, b’tali mod li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas.

35      Fit-tieni lok, il-projbizzjoni ta’ trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbel ma’ dak irriżervat għall-ħaddiema għal żmien indeterminat, imsemmija fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas, tirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tirregola x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol, taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

36      Mill-formulazzjoni u mill-għan ta’ din il-klawżola jirriżulta li din ma tirrigwardax l-għażla stess li jiġu konklużi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat minflok kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, iżda l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema li kkonkludew l-ewwel tip ta’ kuntratt meta mqabbla ma’ dawk tal-ħaddiema impjegati bis-saħħa tat-tieni tip ta’ kuntratt (sentenza tat‑8 ta Ottubru 2020, Universitatea “Lucian Blaga” Sibiu et, C‑644/19, EU:C:2020:810, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tal-impjieg” fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (digriet tat‑18 ta Mejju 2022, Ministero dell’istruzione (Karta Elettronika), C‑450/21, EU:C:2022:411, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li jaqgħu taħt dan il-kunċett, b’mod partikolari, il-protezzjoni mogħtija lil ħaddiem fil-każ ta’ tkeċċija illegali (sentenza tas‑17 ta Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-perijodu ta’ preavviż applikabbli fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll ir-regoli dwar il-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah, sa fejn tali kumpens jitħallas minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li kien hemm bejniethom (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fil-fatt, interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat twassal sabiex jiġi limitat, bi ksur tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra trattamenti inqas favorevoli (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ għalhekk taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tipprevedi s-sistema ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-każ ta’ tkeċċija, peress li l-għan prinċipali ta’ din is-sistema hija r-relazzjoni ta’ xogħol li ġiet stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah.

41      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont il-punt a tal-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-Ftehim qafas jispeċifika li dan “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Għal dan l-għan, il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika li l-għan tal-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, it-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jkunu ta’ natura li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li japplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li l-persuna li timpjega tuża r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Servicio Aragonés de Salud, C‑942/19, EU:C:2021:440, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jaqa’ taħt il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, din il-klawżola għandha tinftiehem bħala li hija l-espressjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Konformement mal-għan ta’ eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, l-imsemmija klawżola, li għandha effett dirett, tistipula, fil-punt 1 tagħha, projbizzjoni li, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli milli l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn “raġunijiet oġġettivi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 56 u 64, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 42).

46      B’mod iktar konkret, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassalx, fir-rigward ta’ din is-sistema ta’ xoljiment, għal differenza fit-trattament li tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, qabel ma jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk tali differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata minn “raġunijiet oġġettivi”.

47      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-istess ftehim, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Ġunju 2018 Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Issa, fid-dawl tan-natura ġenerali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirregola l-informazzjoni lill-ħaddiema li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiġi xolt fir-rigward tar-raġunijiet li jiġġustifikaw dan ix-xoljiment, jidher li din il-leġiżlazzjoni tapplika għal ħaddiema impjegati fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat li jistgħu jkunu komparabbli ma’ ħaddiema impjegati fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

49      Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienx jinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat minn X matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 54).

50      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-eżistenza ta’ trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbel ma’ dak li minnu jibbenefikaw il-ħaddiema għal żmien indeterminat, huwa paċifiku li, fil-każ ta’ xoljiment bi preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, il-persuna li timpjega ma hijiex obbligata li tikkomunika minn qabel lill-ħaddiem, bil-miktub, ir-raġuni jew ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dan ix-xoljiment, filwaqt li huwa obbligat li jagħmel dan fil-każ ta’ xoljiment bi preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-eżistenza ta’ trattament inqas favorevoli, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandha tiġi evalwata oġġettivament. Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ħaddiem għal żmien determinat li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jiġi xolt bi preavviż, peress li ma jiġix informat, kuntrarjament għal ħaddiem għal żmien indeterminat li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jiġi xolt, bir-raġuni jew bir-raġunijiet għal din it-tkeċċija, jiġi mċaħħad minn informazzjoni importanti biex jevalwa n-natura mhux iġġustifikata tat-tkeċċija u jipprevedi eventwali tressiq ta’ kawża quddiem qorti. Għalhekk teżisti differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

52      Min-naħa l-oħra, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Pollakk jissuġġerixxu li l-assenza ta’ rekwiżit ta’ tali informazzjoni ma teskludix il-possibbiltà mogħtija lill-ħaddiem ikkonċernat li jadixxi lit-tribunal industrijali kompetenti, sabiex dan ikun f’pożizzjoni li jivverifika jekk it-tkeċċija kkonċernata hijiex eventwalment diskriminatorja jew tikkostitwixxix abbuż ta’ dritt minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mal-għan soċjoekonomiku tad-dritt ikkonċernat jew minħabba ksur tal-prinċipji tal-ħajja fis-soċjetà, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Kodiċi tax-Xogħol.

53      Issa, għandu jiġi rrilevat li tali sitwazzjoni tista’ toħloq konsegwenzi sfavorevoli għal ħaddiem għal żmien determinat sa fejn dan il-ħaddiem, anki jekk jitqies li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza tar-raġunijiet ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu huwa ggarantit u li għalhekk hija żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna kkonċernata, ma għandux, minn qabel, informazzjoni li tista’ tkun determinanti għall-finijiet tal-għażla li jressaq jew li ma jressaqx azzjoni ġudizzjarja kontra x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

54      Għalhekk, jekk il-ħaddiem ikkonċernat ikollu dubju dwar il-leġittimità tar-raġunijiet tat-tkeċċija tiegħu, huwa għandu biss l-għażla, fl-assenza ta’ komunikazzjoni volontarja ta’ din ir-raġuni mill-persuna li timpjega, li jressaq rikors quddiem il-qorti industrijali kompetenti intiż sabiex jikkontesta din it-tkeċċija. Huwa biss fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li dan il-ħaddiem jista’ jikseb li dik il-qorti tordna lill-persuna li timpjegah tikkomunika r-raġuni jew ir-raġunijiet inkwistjoni, mingħajr ma jkun jista’ jevalwa a priori l-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-imsemmi rikors. Issa, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja matul is-seduta, l-imsemmi ħaddiem għandu jsostni prima facie, f’dan ir-rikors, l-argument tiegħu intiż li juri n-natura diskriminatorja jew abbużiva tat-tkeċċija li tagħha huwa kien is-suġġett, u dan minkejja l-fatt li huwa ma jafx ir-raġunijiet għal din it-tkeċċija. Ma’ dan jiżdied li, għalkemm il-preżentata ta’ tali rikors, minn ħaddiem għal żmien determinat, quddiem din il-qorti industrijali hija mingħajr ħlas, konformement ma’ dak li indikat ukoll ir-Repubblika tal-Polonja matul is-seduta, il-preparazzjoni u s-segwitu tal-proċedura relatati mal-eżami ta’ dan ir-rikors jistgħu jkunu jinvolvu spejjeż għall-imsemmi ħaddiem, jew saħansitra spejjeż li jiġu sostnuti fil-każ li dan ir-rikors jiġi miċħud.

55      Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest għandu jitfakkar li kuntratt għal żmien determinat ma jibqax jipproduċi l-effetti tiegħu fil-futur mal-iskadenza tat-terminu assenjat lilu, terminu li jista’ jkun ikkostitwit b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, mill-fatt li tintlaħaq data preċiża. Għalhekk, il-partijiet għal kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jafu, sa mill-konklużjoni tiegħu, id-data li tiddetermina t-tmiem tiegħu. Dan it-terminu jillimita t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-partijiet jesprimu r-rieda tagħhom f’dan ir-rigward wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ xogħol (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 57). Ix-xoljiment antiċipat ta’ tali kuntratt ta’ xogħol, fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega, b’konsegwenza tal-materjalizzazzjoni ta’ ċirkustanzi li ma kinux previsti fid-data tal-konklużjoni tiegħu u li għalhekk ifixklu l-iżvolġiment normali tar-relazzjoni ta’ xogħol, jista’ f’dan is-sens, minħabba n-natura imprevista tiegħu, jaffettwa ħaddiem għal żmien determinat minn tal-inqas bl-istess mod bħalma jiġi affettwat ħaddiem għal żmien indeterminat korrispondenti minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

56      Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament li timplika trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat, li tirriżulta mill-fatt li dawn tal-aħħar ma humiex suġġetti għal-limitazzjoni inkwistjoni li tikkonċerna l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija.

57      It-tielet nett, bla ħsara għall-verifika li l-qorti tar-rinviju hija mistiedna twettaq fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, għand fadal li jiġi ddeterminat jekk id-differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, li hija s-suġġett tad-dubji tal-qorti tar-rinviju, tistax tkun iġġustifikata minn “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem fis-sens li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata abbażi tal-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal ma hija liġi jew ftehim kollettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għall-kuntrarju, dan il-kunċett jeżiġi li d-differenza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg ikkonċernata, fil-kuntest partikolari li minnu tifforma parti u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament tissodisfax ħtieġa reali, hijiex ta’ natura li tiżgura l-ilħuq tal-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan l-għan. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, il-Gvern Pollakk, filwaqt li jibbaża ruħu fuq ir-raġunament segwit mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenza msemmija fil-punti 23 sa 25 ta’ din is-sentenza, jinvoka d-differenza bejn il-funzjoni soċjali u ekonomika ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u dik ta’ kuntratt għal żmien indeterminat.

61      Skont il-Gvern Pollakk, id-distinzjoni magħmula fid-dritt Pollakk f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ motivazzjoni, skont jekk inkwistjoni jkunx hemm ix-xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat jew dak ta’ kuntratt għal żmien determinat, tagħmel parti mit-tfittxija tal-għan leġittimu ta’ “politika soċjali nazzjonali intiża għall-impjieg sħiħ produttiv”. It-tfittxija tal-ilħuq ta’ dan l-għan teħtieġ flessibbiltà kbira fis-suq tax-xogħol. Issa, il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jikkontribwixxi għal din il-flessibbiltà, minn naħa, billi jagħti lil ikbar numru possibbli ta’ persuni l-opportunità li jsibu xogħol filwaqt li jipprevedi protezzjoni xierqa għall-ħaddiema kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, billi jippermetti li l-persuni li jimpjegaw jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom fil-każ ta’ żieda fl-attività tagħhom, mingħajr madankollu ma jkunu marbuta mal-ħaddiem ikkonċernat b’mod permanenti.

62      Il-Gvern Pollakk jenfasizza għalhekk li r-realizzazzjoni tal-imsemmi għan tkun kompromessa jekk il-ħaddiema għal żmien determinat jingħataw l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak li minnu jibbenefikaw l-ħaddiema għal żmien indeterminat kontra x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol bi preavviż. Dan ġie kkonfermat mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) meta ddikjarat li tali differenza fl-iskemi kienet leġittima fid-dawl tal-Artikoli 2 u 32 tal-Kostituzzjoni, li jistabbilixxu, rispettivament, il-prinċipju tal-Istat tad-dritt demokratiku u l-prinċipji ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi kif ukoll il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fil-ħajja politika, soċjali jew ekonomika.

63      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi invokati mill-Gvern Pollakk sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernata, kif teżiġi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, iżda huma pjuttost simili għal kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jagħmel riferiment esklużivament għat-tul innifsu tal-impjieg. Dawn l-elementi, għalhekk, ma jippermettux li jiġi żgurat li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa ħtieġa reali, fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza.

64      F’dan ir-rigward, l-aċċettazzjoni tal-argument li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ xogħol hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat iġġib fix-xejn l-għanijiet tal-Ftehim qafas u tipperpetwa l-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica Italiana (Statut tal-Giudici di Pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’kull każ, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, minbarra li tali differenza fit-trattament għandha tissodisfa ħtieġa reali, din għandha tkun ta’ natura li tippermetti li l-għan imfittex jintlaħaq u tkun neċessarja għal dan l-għan. Barra minn hekk, l-ilħuq ta dan l-għan għandu jiġi mfittex b’mod koerenti u sistematiku, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija ġurisprudenza (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Issa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija neċessarja fid-dawl tal-għan invokat mill-Gvern Pollakk.

67      Fil-fatt, anki jekk il-persuni li jimpjegaw ikunu obbligati jindikaw ir-raġunijiet tax-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt għal żmien determinat, dawn ma jkunux, minħabba f’hekk, imċaħħda mill-flessibbiltà inerenti għal din il-forma ta’ kuntratt ta’ xogħol, li tista’ tikkontribwixxi għall-impjieg sħiħ fis-suq tax-xogħol. Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernata ma tirrigwardax il-possibbiltà stess li persuna li timpjega għandha li xxolji kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat bi preavviż iżda tirrigwarda l-komunikazzjoni lill-ħaddiem, bil-miktub, tar-raġuni jew tar-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija tiegħu, b’tali mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li din il-kundizzjoni tista’ tkun ta’ natura li tbiddel b’mod sinjifikattiv din il-flessibbiltà.

68      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk qorti nazzjonali għandhiex l-obbligu, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi, li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li, meta l-qrati nazzjonali jkollhom jiddeċiedu tali tilwima, li fil-kuntest tagħha jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, huma dawn il-qrati li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’kawża esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa suġġett għal ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol, tistax tiġi interpretata b’mod konformi mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

72      Meta ma jkunx possibbli li dispożizzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan tal-aħħar jeżiġi li l-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt, teskludi l-applikazzjoni ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom effett dirett.

73      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li direttiva ma tistax fiha nnifisha toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront tal-imsemmi individwu quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva, li fuqha hija bbażata l-possibbiltà li din tiġi invokata, teżisti biss fil-konfront tal-“Istati Membri”, u l-Unjoni għandha biss s-setgħa li tistabbilixxi, b’mod ġenerali u astratt, b’effett immedjat, obbligi fuq iċ-ċittadini biss fejn hija ngħatat is-setgħa li tadotta regolamenti. Għaldaqstant, anki jekk tkun ċara, preċiża u mingħajr kundizzjonijiet, dispożizzjoni ta’ direttiva ma tippermettix li qorti nazzjonali twarrab dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontriha, jekk, b’dan il-mod, ikun hemm obbligu addizzjonali li jiġi impost fuq individwu (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 65 sa 67 kif ukoll u tat‑18 ta Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Għalhekk, qorti nazzjonali ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk din l-aħħar dispożizzjoni ma jkollhiex effett dirett, bla ħsara madankollu għall-possibbiltà, għal dik il-qorti, kif ukoll għal kull awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti, li teskludi, abbażi tad-dritt nazzjonali, kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun nieqsa minn tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 33).

75      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrikonoxxiet l-effett dirett tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas meta ddeċidiet li, mill-perspettiva tal-kontenut tagħha, din id-dispożizzjoni jidher li hija mingħajr kundizzjonijiet u preċiża biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali kontra l-Istat f’sens wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 68, u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 28; ara, ukoll, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Madankollu, f’dan il-każ, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn individwi, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jimponi fuq il-qorti nazzjonali li ma tapplikax l-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol biss abbażi tal-konstatazzjoni li din id-dispożizzjoni tmur kontra l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

77      Dan espost, meta jadotta leġiżlazzjoni li tispeċifika u tikkonkretizza l-kundizzjonijiet tal-impjieg li huma b’mod partikolari rregolati mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u għandu għalhekk jiggarantixxi l-osservanza, b’mod partikolari, tad-dritt għal rimedju effettiv, sanċit fl-Artikolu 47 tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Issa, minn dak li ġie espost fil-punti 47 sa 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi li ħaddiem għal żmien determinat li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jiġi xolt bi preavviż, ma jiġix immedjatament informat bil-miktub bir-raġunijiet għal din it-tkeċċija, u dan kuntrarjament għal ħaddiem għal żmien indeterminat, tillimita l-aċċess ta’ tali ħaddiem għal żmien determinat għal rikors ġudizzjarja, li l-garanzija tiegħu hija sanċita b’mod partikolari fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, dan il-ħaddiem huwa, b’dan il-mod, imċaħħad minn informazzjoni importanti sabiex jevalwa l-eventwali natura inġustifikata tat-tkeċċija tiegħu u, jekk ikun il-każ, sabiex jipprepara rikors ġudizzjarju intiż li jikkontestaha.

79      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament stabbilita fid-dritt nazzjonali applikabbli, kif ikkonstatata fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, tippreġudika d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-ħaddiem għal żmien determinat jiġi mċaħħad mill-possibbiltà, li minnha jibbenefika madankollu l-ħaddiem għal żmien indeterminat, li jevalwa minn qabel jekk għandhiex tittieħed azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u, jekk ikun il-każ, li jippreżenta rikors li jikkontesta b’mod preċiż ir-raġunijiet ta’ tali xoljiment. Mill-kumplament, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 60 sa 67 ta’ din is-sentenza, l-elementi invokati mill-Gvern Pollakk ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw tali limitazzjoni ta’ dan id-dritt, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

80      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78).

81      Għaldaqstant, fil-każ imsemmi fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, il-qorti nazzjonali tkun obbligata li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġudizzjarja li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mill-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv, li jinkludi l-aċċess għall-ġustizzja, u għalhekk li ma tapplikax l-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi ggarantit l-effett sħiħ ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 79, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 57).

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li persuna li timpjega ma hijiex obbligata timmotiva bil-miktub ix-xoljiment bi preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat filwaqt li l-istess persuna hija obbligata tagħmel dan fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn individwi, hija marbuta, meta hija ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi ma din il-klawżola, li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli filwaqt li tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

 Fuq l-ispejjeż

83      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li persuna li timpjega ma hijiex obbligata timmotiva bil-miktub ix-xoljiment bi preavviż ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat filwaqt li l-istess persuna hija obbligata tagħmel dan fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn individwi, hija marbuta, meta hija ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi ma din il-klawżola, li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli filwaqt li tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.