Language of document : ECLI:EU:C:2024:139

Kawża C-715/20

K.L.

vs

X Sp. z o.o.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Differenza fit-trattament fil-każ ta’ tkeċċija – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat – Assenza ta’ obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet għal xoljiment – Stħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

1.        Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Kundizzjonijiet tal-impjieg – Kunċett – Sistema ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-każ ta’ tkeċċija – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, il-punt 1 tal-klawżola 4)

(ara l-punti 35 sa 40)

2.        Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-persuna li timpjega l-obbligu li tindika r-raġunijiet għax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, iżda mhux għal kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, il-punt 1 tal-klawżola 4)

(ara l-punti 51 sa 56, 63 sa 67, 82, u d-dispożittiv)

3.        Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Effett dirett – Possibbiltà li l-imsemmija projbizzjoni tiġi invokata f’tilwima bejn individwi – Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, il-punt 1 tal-klawżola 4)

(ara l-punti 75, 76)

4.        Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Rabta mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Natura invokabbli tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; – Tilwima bejn żewġ individwi – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni – Obbligu li kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għall-imsemmi Artikolu 47 titħalla inapplikat

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47, 51(1) u 52(1); Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4(1))

(ara l-punti 77 sa 82 u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tippreċiża l-portata tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol, kif ukoll tal-obbligi tal-qrati nazzjonali fil-każ ta’ ksur tal-imsemmi prinċipju f’tilwima bejn individwi.

K.L., ħaddiem, u X sp. z o.o., kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk, ikkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat part-time, għall-perijodu mill-1 ta’ Novembru 2019 sal-31 ta’ Lulju 2022. Fil-15 ta’ Lulju 2020, X innotifikat lil K.L. b’dikjarazzjoni ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt ta’ xogħol bi preavviż, mingħajr ma indikat ir-raġunijiet għal dan ix-xoljiment. Fil-fatt, abbażi tal-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk (1), il-persuna li timpjega għandha tindika r-raġuni biss fil-każ ta’ xoljiment bi preavviż tal-kuntratti għal żmien indeterminat (2).

K.L. adixxa lis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Nowa Huta fi Kraków, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba għal kumpens minħabba n-natura illegali tat-tkeċċija tiegħu. Huwa invoka b’mod partikolari ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, previst mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat (3).

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, anki jekk it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) kienet diġà ddeċidiet li l-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol kien kompatibbli mal-prinċipji kostituzzjonali tal-Istat tad-dritt demokratiku u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kienet esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, din l-aħħar qorti ma setgħetx teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, minħabba li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat ma għandux effett dirett f’tilwima bejn individwi.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk din il-klawżola tistax tiġi invokata fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Wara li ppreċiżat li s-sistema ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni dwar jekk din is-sistema tistabbilixxix differenza fit-trattament li tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, qabel ma tevalwa, jekk ikun il-każ, jekk tali differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata minn “raġunijiet oġġettivi”.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas (4), billi tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tal-impjieg.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bla ħsara għal verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju, l-eżistenza ta’ trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat tirriżulta mill-fatt li dawn tal-aħħar ma humiex suġġetti għal-limitazzjoni inkwistjoni fir-rigward tal-informazzjoni dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija. Anki jekk jitqies li, wara azzjoni ġudizzjarja mressqa minn ħaddiem għal żmien determinat kontra x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza tar-raġunijiet ta’ xoljiment tal-imsemmi kuntratt huwa iggarantit u li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna kkonċernata hija żgurata, dan il-ħaddiem ma għandux, minn qabel, informazzjoni li tista’ tkun determinanti għall-finijiet tal-għażla li jressaq jew li ma jressaqx tali azzjoni.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, il-Gvern Pollakk jinvoka, billi jibbaża ruħu fuq is-sentenza msemmija iktar’ il fuq tal-Qorti Kostituzzjonali, l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ impjieg sħiħ, li teħtieġ flessibbiltà kbira tas-suq tax-xogħol li għaliha jikkontribwixxi l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-elementi huma pjuttost simili għal kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jagħmel esklużivament riferiment għat-tul stess tal-impjieg u għalhekk ma jippermettux li jiġi żgurat li d-differenza fit-trattament inkwistjoni tissodisfa bżonn reali. Din lanqas ma tidher li hija neċessarja fid-dawl tal-għan invokat mill-Gvern Pollakk. Fil-fatt, il-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernata ma tirrigwardax il-possibbiltà stess li l-persuna li timpjega għandha li ttemm kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat bi preavviż, iżda tirrigwarda l-komunikazzjoni lill-ħaddiem, bil-miktub, tar-raġuni jew tar-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija tiegħu. Għalhekk, anki jekk il-persuni li jimpjegaw ikunu obbligati jindikaw ir-raġunijiet tax-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt għal żmien determinat, dawn ma jkunux, minħabba f’hekk, imċaħħda mill-flessibbiltà inerenti għal din il-forma ta’ kuntratt ta’ xogħol.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-Artikolu 30(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol jistax jiġi interpretat b’mod konformi mal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Fin-nuqqas ta’ dan, dik il-qorti ma hijiex, bħala prinċipju, marbuta, biss abbażi tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax id-dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontra l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li ma għandhiex effett dirett bejn individwi.

Dan espost, meta jadotta leġiżlazzjoni li tippreċiża u tikkonkretizza l-kundizzjonijiet tal-impjieg li huma b’mod partikolari rregolati mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni (5) u għandu għalhekk jiggarantixxi l-osservanza, fost l-oħrajn, tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni għandha effett dirett. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-differenza fit-trattament stabbilita fid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tippreġudika l-imsemmi dritt, peress li l-ħaddiem għal żmien determinat jiġi mċaħħad mill-possibbiltà, li minnha jibbenefika madankollu l-ħaddiem għal żmien indeterminat, li jevalwa minn qabel jekk għandhiex tittieħed azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u, jekk ikun il-każ, li jippreżenta rikors li jikkontesta b’mod preċiż ir-raġunijiet ta’ tali xoljiment.

Għaldaqstant, f’tilwima bejn individwi, il-qorti nazzjonali hija obbligata, meta ma jkunx possibbli għaliha li tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li tiggarantixxi l-effett sħiħ tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi, sa fejn ikun neċessarju, ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.


1      Ustawa - Kodeks pracy (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tax-Xogħol), tas-26 ta’ Ġunju 1974 (Dz. U. Nru 24, Pożizzjoni 141), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali) Dz. U. tal-2020, Pożizzjoni 1320, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”).


2      Jew fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol mingħajr preavviż, irrispettivament minn jekk ikunx għal żmien determinat jew indeterminat.


3       Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss konkluż fit 18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat 28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368, iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”).


4      Ara l-klawżola 3(2) u l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas.


5      Fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.