Language of document : ECLI:EU:C:2024:144

Kawża C283/21

VA

vs

Deutsche Rentenversicherung Bund

(talba għal deċiżjoni preliminari, mressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat22 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 44(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Pensjoni għal inkapaċità totali għax-xogħol – Kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stat Membru ieħor – Applikabbiltà – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu taċ-ċittadini – Rabta suffiċjenti bejn dawn il-perijodi għat-trobbija u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Istat Membru responsabbli għall-ħlas tal-pensjoni”

1.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domanda intiża għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 – Inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali – Assenza ta’ neċessità tal-interpretazzjoni mitluba għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 87(3), u Nru 987/2009, Artikoli 44(2) u 93)

(ara l-punti 33, 36 sa 38)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Pensjoni għal inkapaċità totali għax-xogħol – Obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-għoti ta’ tali pensjoni, tal-perijodi ddedikati għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stat Membru ieħor – Persuna li tkun wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni esklużivament fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni – Assenza, f’dan l-aħħar Stat Membru, ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet qabel u immedjatament wara dawn il-perijodi ta’ trobbija tat-tfal – Assenza ta’ effett fuq l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija perijodi

(Artikolu 21 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 1(t))

(ara l-punti 46 sa 49, 52 sa 55, u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE f’kawża prinċipali dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-organu ta’ assigurazzjoni għall-irtirar, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni għall-inkapaċità totali għax-xogħol, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mill-benefiċjarju ta’ din il-pensjoni fi Stat Membru ieħor.

VA hija ċittadina Ġermaniża li, mis-sena 1962 sas-sena 2010, għexet fil-Pajjiżi l-Baxxi, qrib il-fruntiera Ġermaniża.

Wara li segwiet taħriġ professjonali fil-Ġermanja, li ntemm f’Lulju 1980, hija ma eżerċitat attività professjonali la f’dan l-aħħar Stat Membru u lanqas fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Bejn il‑15 ta’ Novembru 1986 u l‑31 ta’ Marzu 1999, VA wettqet perijodi għat-trobbija taż-żewġt itfal tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma eżerċitat attività professjonali (iktar ’il quddiem il-“perijodi kontenzjużi”). F’dak iż-żmien, hija ma kinitx ħallset kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja.

Bejn April 1999 u Ottubru 2012, hija kellha fil-Ġermanja impjieg mhux suġġett għall-assigurazzjoni obbligatorja. Minn Ottubru 2012, hija eżerċitat attività bi ħlas f’dan l-Istat Membru, fejn marret tgħix fl‑2010, u, f’dan il-kuntest, ħallset kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja.

Minn Marzu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċeviet mingħand id-Deutsche Rentenversicherung Bund (l-Organu Federali ta’ Assigurazzjoni għall-Irtirar, il-Ġermanja) pensjoni għall-inkapaċità totali għax-xogħol. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ din il-pensjoni, minbarra l-perijodi li matulhom VA kkontribwixxiet għall-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja, dan l-organu ħa inkunsiderazzjoni dawk li matulhom hija segwiet taħriġ professjonali u perijodu ta’ impjieg ta’ xahrejn imwettaq fl‑1999, iżda rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi kontenzjużi.

VA kkontestat dan ir-rifjut fil-qorti. Peress li r-rikors tagħha ġie miċħud fl-ewwel istanza, hija appellat quddiem il-qorti tar-rinviju.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni fejn benefiċjarju tal-pensjoni ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha imposta mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 (1), l-Artikolu 21 TFUE, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Reichel-Albert (2), jobbligax lill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stat Membru ieħor li fih il-benefiċjarju rrisjeda għal diversi snin, anki jekk dan il-benefiċjarju ma jkunx ħallas kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-ewwel Stat Membru la qabel u lanqas immedjatament wara l-imsemmija perijodi ta’ trobbija.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Wara li kkonfermat l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li t-tagħlim tas-sentenza Reichel-Albert jista’ jiġi traspost għal dan il-każ.

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Artikolu 21 TFUE jobbliga lill-Istat Membru debitur tal-pensjoni inkwistjoni jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ din il-pensjoni, il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor meta jiġi stabbilit li teżisti rabta suffiċjenti bejn l-imsemmija perijodi għat-trobbija tat-tfal u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minn din il-persuna minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fl-ewwel Stat Membru.

L-eżistenza ta’ tali “rabta suffiċjenti” għandha titqies li hija stabbilita meta l-persuna kkonċernata tkun wettqet esklużivament perijodi ta’ assigurazzjoni, bħala perijodi ta’ taħriġ jew ta’ attività professjonali, fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tagħha, kemm qabel kif ukoll wara t-twettiq tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal tagħha fi Stat Membru ieħor.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet mill-Artikolu 1(t) tar-Regolament Nru 883/2004 (3), li huwa wkoll rilevanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, li ċerti perijodi tal-ħajja ta’ persuna, li matulhom hija ma tkunx eżerċitat attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja u għalhekk ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet, għandhom jiġu assimilati ma’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” mwettqa fl-Istat Membru kkonċernat.

F’każ bħal dan, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet f’dan l-Istat Membru matul il-perijodi hekk assimilati, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, ma’ tali perijodi ta’ assigurazzjoni ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minn din il-persuna fi Stat Membru ieħor u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-ewwel Stat Membru.

F’dan ir-rigward, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li fil-kawża prinċipali teżisti rabta suffiċjenti bejn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minn VA fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija wettqet esklużivament fil-Ġermanja kemm qabel dawn il-perijodi għat-trobbija, jiġifieri l-perijodi ta’ taħriġ assimilati mid-dritt Ġermaniż ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni, kif ukoll wara dawn l-istess perijodi, jiġifieri l-perijodi ta’ impjieg, u dan minkejja l-fatt li din il-persuna ma ħallsitx kontribuzzjonijiet f’dan l-aħħar Stat Membru la qabel u lanqas immedjatament wara l-imsemmija perijodi għat-trobbija.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tul tal-perijodu ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru li fih hija ddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha huwa irrilevanti.

Konsegwentement, f’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru debitur tal-pensjoni inkwistjoni ma jistax, mingħajr ma jiżvantaġġa ċ-ċittadini nazzjonali tiegħu li għamlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom u mingħajr ma jikser l-Artikolu 21 TFUE, jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal għas-sempliċi raġuni li dawn twettqu fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, l-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni huwa obbligat, skont din id-dispożizzjoni, li jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ din il-pensjoni, dawn il-perijodi għat-trobbija minkejja l-fatt li din il-persuna ma ħallsitx kontribuzzjonijiet f’dan l-ewwel Stat Membru la qabel u lanqas immedjatament wara l-imsemmija perijodi għat-trobbija.


1      L-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).


2      Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn persuna tkun temporanjament stabbilixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat ta’ oriġini tagħha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, il-perijodi ddedikati għat-trobbija ta’ tfal, imwettqa fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawk il-perijodi kienu twettqu fit-territorju nazzjonali tiegħu, minn persuna li eżerċitat attivitajiet professjonali biss f’dan l-ewwel Stat Membru u li, fil-mument tat-twelid ta’ wliedha, kienet temporanjament waqfet taħdem u kienet stabbilixxiet ir-residenza tagħha, għal raġunijiet strettament familjari, fit-territorju tat-tieni Stat Membru.


3      L-Artikolu 1(t) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), jiddefinixxi l-frażi “perijodu ta’ assigurazzjoni” bħala l-perijodi ta’ kontribuzzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha kif iddefiniti jew irrikonoxxuti bħala perijodi ta’ assigurazzjoni mil-leġislazzjoni li taħthom ikunu twettqu jew meqjusin bħala li twettqu, kif ukoll il-perijodi kollha meqjusin bħala tali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tqishom bħala ekwivalenti għal perijodi ta’ assigurazzjoni.