Language of document : ECLI:EU:C:2024:143

Kawża C491/21

WA

vs

Direcția pentru Evidența Persoanelor și Administrarea Bazelor de Date din Ministerul Afacerilor Interne

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casație și Justiție)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat22 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21(1) TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 4 – Ħruġ ta’ karta ta’ residenza – Kundizzjoni ta’ domiċilju fl-Istat Membru emittenti tad-dokument – Rifjut tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru li joħorġu karta tal-identità lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu residenti fi Stat Membru ieħor – Ugwaljanza fit-trattament – Restrizzjonijiet – Ġustifikazzjoni”

Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ħruġ ta’ karta tal-identità li għandha valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Unjoni – Ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza – Rifjut tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu li joħorġulu karta tal-identità minħabba l-istabbiliment tad-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Assenza

(Artikolu 21(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 45(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, premessa 1 sa 4 u Artikolu 4(3))

(ara l-punti 25 sa 27, 33, 34, 36 sa 44, 46 sa 53, 58 sa 61, u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, stipulat fl-Artikolu 21 TFUE u fl-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u ppreċiżat, fil-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tiegħu, bid-Direttiva 2004/38 (1), jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha ċittadin tal-Unjoni Ewropea, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ karta tal-identità li jkollha valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Unjoni Ewropea, sempliċement għaliex huwa jkun stabbilixxa d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Rumen, iddomiċiljat fi Franza sa mis-sena 2014, li jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu ta’ avukat kemm fi Franza kif ukoll fir-Rumanija. L-awtoritajiet Rumeni ħarġulu passaport sempliċi elettroniku, li jikkostitwixxi dokument tal-ivvjaġġar li jippermettilu jivvjaġġa barra mill-pajjiż, li jindika l-fatt li huwa ddomiċiljat fi Franza, kif ukoll karta tal-identità provviżorja. Din tal-aħħar tinħareġ liċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor li jirrisjedu temporanjament fir-Rumanija u għandha tiġi mġedda kull sena. Din ma tikkostitwixxix dokument tal-ivvjaġġar.

F’Settembru 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab il-ħruġ ta’ karta tal-identità, sempliċi jew elettronika, li tikkostitwixxi dokument tal-ivvjaġġar li jippermettilu jivvjaġġa lejn Franza. Din it-talba ġiet miċħuda essenzjalment minħabba d-domiċilju tiegħu barra mill-pajjiż.

F’Diċembru 2017, huwa għalhekk ippreżenta rikors quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), fejn talab lil din il-qorti tordna li jinħariġlu d-dokument mitlub. Permezz ta’ sentenza mogħtija f’Marzu 2018, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni Rumena ma kinitx tipprevedi tali ħruġ fil-każ ta’ domiċilju barra mill-pajjiż, li barra minn hekk dan ma kienx kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. B’żieda ma’ dan, dik il-qorti qieset li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx ġie ddiskriminat, sa fejn l-awtoritajiet Rumeni kienu ħarġulu passaport sempliċi elettroniku.

Adita b’appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza, l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dan ir-rifjut li tinħareġ lir-rikorrent fil-kawża prinċipali din il-karta tal-identità li għandha l-valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Unjoni, minħabba li dan tal-aħħar stabbilixxa d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-leġiżlazzjoni Rumena fil-qasam tal-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fir-Rumanija u dawk iddomiċiljati barra mill-pajjiż. Dawk tal-ewwel jista’ jinħarġilhom dokument jew żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar li jippermettulhom jivvjaġġaw fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri karta tal-identità u/jew passaport, filwaqt li tat-tieni jista’ jinħarġilhom biss passaport bħala dokument tal-ivvjaġġar.

Fl-eżami għalhekk tal-konformità ta’ tali differenza fit-trattament mad-dritt tal-Unjoni, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, minn naħa, li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38 (2) iħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla tat-tip ta’ dokument tal-ivvjaġġar, jiġifieri karta tal-identità jew passaport, li huma obbligati joħorġu liċ-ċittadini tagħhom stess. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret madankollu li l-għan tad-Direttiva 2004/38 huwa li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE. Għalhekk, l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-ħruġ tal-karti tal-identità, għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tagħhom kif previst minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sa fejn teżiġi miċ-ċittadini Rumeni residenti fi Stati Membri oħra u li jixtiequ jiksbu kemm passaport kif ukoll karta tal-identità li jkunu stabbilixxew id-domiċilju tagħhom fir-Rumanija, twassal għal trattament inqas favorevoli tal-imsemmija ċittadini u tiżvantaġġahom minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom. Barra minn hekk, abbażi tal-prinċipju li l-opportunitajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jkun jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom, minħabba l-ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, sa fejn leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu tippenalizzah minħabba s-sempliċi fatt li huwa jkun eżerċitahom, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiddiswadi liċ-ċittadini Rumeni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, iċ-ċittadini Rumeni li jinsabu f’tali sitwazzjoni għandhom ibatu piżijiet amministrattivi ogħla miċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fir-Rumanija f’dak li jirrigwarda l-proċedura għall-ħruġ tal-karti tal-identità u/jew tal-passaporti. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera previst kemm fl-Artikolu 21(1) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, sa fejn din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirrifletti dik preċedenti.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u jekk din tkun proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżura tkun proporzjonata meta, filwaqt li tkun adattata sabiex tilħaq l-għan imfittex, ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan. F’dan ir-rigward, il-Gvern Rumen ressaq ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bbażata fuq l-eżistenza ta’ ċerti kunsiderazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, relatati prinċipalment man-neċessità li jingħata valur probatorju lill-indirizz tad-domiċilju indikat fuq il-karta tal-identità u mal-effikaċja tal-identifikazzjoni u tal-kontroll ta’ dan l-indirizz mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti. Fl-eżami ta’ dawn id-diversi argumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa, li l-Gvern Rumen ma weriex ir-rabta bejn l-indikazzjoni ta’ indirizz fuq il-karta tal-identità u l-obbligu li jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ karta tal-identità liċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, hija fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ma jistgħux jiġġustifikaw deroga, minn Stat Membru, mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Gvern Rumen ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi ħdan l-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 45(1) tal-Karta, fir-rigward taċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor.


1      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). Din id-direttiva timplimenta d-dritt fundamentali għall-moviment liberu stipulat fl-Artikoli 21 TFUE u 45(1) tal-Karta u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu.


2      Skont din id-dispożizzjoni: “Skond il-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom joħorġu jew iġeddu għaċ-ċittadini tagħhom karta ta’ l-identità jew passaport li jiddikjara ċ-ċittadinanza tagħhom.”