Language of document : ECLI:EU:F:2014:51

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

10 ta’ April 2014

Kawża F‑16/13

Ivo Camacho-Fernandes

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal – Mard ikkaġunat mix-xogħol – Espożizzjoni għall-asbestos u għal sustanzi oħra – Kumitat Mediku – Rifjut li jiġi rrikonoxxut l-oriġini tal-marda kkaġunata mix-xogħol li waslet għall-mewt tal-uffiċjal – Regolarità tal-opinjoni tal-Kumitat Mediku – Prinċipju ta’ kolleġjalità – Mandat – Motivazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu I. Camacho-Fernandes ippreżenta dan ir-rikors essenzjalment intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2012 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtortià tal-Ħatra”) tal-Kummissjoni Ewropea għalqet il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u kkonfermat kliem l-abbozz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1995 dwar iċ-ċaħda tar-rikonoxximent li l-marda li minħabba fiha mietet martu hija kkaġunata mix-xogħol.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. I. Camacho-Fernandes għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.


Sommarju

1.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Kumitat Mediku – Organizzazzjoni – Obbligu li jiġi adottat regolament intern – Assenza – Obbligu li jsir vot formali – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22(3))

2.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Perizja medika – Obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kumitat Mediku – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22(3))

3.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Perizja medika – Funzjonament kolleġjali tal-Kumitat Mediku – Eżami ta’ kawża u formulazzjoni tar-rapport finali skont il-maġġoranza – Validità – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22(3))

1.      Fil-kuntest ta’ talba għal rikonoxximent ta’ marda kkaġunata mix-xogħol ta’ uffiċjal, l-inkarigu tal-Kumitat Mediku li jevalwa b’kull oġġettività u indipendenza l-kwistjonijiet mediċi jeżiġi li l-libertà ta’ evalwazzjoni tiegħu tkun sħiħa. Issa, din il-libertà tkun ivvizzjata jekk dan il-kumitat, li huwa barra minn hekk ikkostitwit ad hoc għal kull każ partikolari mressaq għall-evalwazzjoni tiegħu u għalhekk ma huwiex għal dejjem fiż-żmien, ikun obbligat jadotta fil-każijiet kollha regolament intern. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kumitat Mediku għandu jkollu d-dritt li jiddeċiedi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ imressaq quddiemu, huwa jqis li jinsab f’pożizzjoni li jissodisfa l-inkarigu tiegħu mingħajr il-ħtieġa li jkollu jadotta regoli formali u ddettaljati dwar il-funzjonament tiegħu, fatt li barra minn hekk ma huwiex rikjest mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament komuni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni minn dan ir-regolament ma jobbliga lill-Kumitat Mediku biex jipproċedi b’vot formali qabel ma jadotta d-deċiżjoni tiegħu.

(ara l-punti 74, 79 u 98)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il-Qorti tal-Awdituri, 2/87, punt 16

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Diċembru 2012, BS vs Il-Kummissjoni, F‑90/11, punti 38, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑83/13 P

2.      Fil-kuntest ta’ talba għal rikonoxximent ta’ mard kkaġunat mix-xogħol ta’ uffiċjal, fid-dawl tal-inkarigu tal-Kumitat Mediku, li huwa li jipprovdi opinjoni fuq kwistjonijiet ta’ natura medika, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqu jimplika biss li huwa jispjega l-azzjoni li wasslet, fuq il-bażi tal-elementi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, għall-konklużjoni medika li hemm fir-rapport finali tiegħu. Mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament komuni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, ma jirriżulta l-ebda obbligu li jiġu kkwotati dokumenti xjentifiki insostenn tal-argumenti sostnuti mill-maġġoranza tal-membri tal-Kumitat Mediku. L-uniku punt importanti f’dan ir-rigward huwa li r-rapport finali jinkludi motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-konklużjonijiet li jinsabu fih huma bbażati u li fih tiġi stabbilita rabta li tinftiehem b’mod suffiċjenti bejn il-fatti mediċi li jinsabu fih u l-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Kumitat Mediku.

(ara l-punti 88 u 120)

3.      Fil-kuntest ta’ talba għar-rikonoxximent ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, ir-rapport finali tal-Kumitat Mediku huwa ffinalizzat biss wara li ż-żewġ firmatarji tiegħu jkun kellhom l-okkażjoni li jqisu l-opinjoni minoritarja. Is-sempliċi fatt li, wara li jkunu studjaw il-punti mqajma mill-opinjoni minoritarja, il-membri l-oħra tal-Kumitat Mediku ma jkunux konvinti li hemm lok li jbiddlu l-konklużjonijiet tagħhom li jinsabu fir-rapport stabbilit f’isem il-Kumitat Mediku, ma jikkostitwixxix ksur tat-termini tal-mandat tal-Kumitat Mediku.

(ara l-punt 108)