Language of document : ECLI:EU:T:2020:557

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2020 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti Messikani dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-protezzjoni ta’ appellazzjonijiet ta’ spirti alkoħoliċi – Dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-Kumitat Konġunt – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi”

Fil-Kawża T‑166/19,

Marco Bronckers, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn P. Kreijger, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ehrbar u A. Spina, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 150 final tal‑10 ta’ Jannar 2019 li tiċħad it-talba konfermattiva għal aċċess għad-dokumenti: “Tequila cases found by the Tequila Regulatory Council to be informed to the European Commission (Ares(2018) 4023479)” u “Verification Reports in the European Market (Reportes de Verificación en el Mercado Europeo) (Ares(2018) 4023509)”,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, N. Półtorak (Relatur) u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑8 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrent, Marco Bronckers, talab, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43), sabiex ikollu aċċess għall-minuti tal-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt ta’ Spirti Alkoħoliċi (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konġunt”), stabbilit fil-kuntest tal-Ftehim tal‑1997 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Messiku dwar il-għarfien bejn xulxin (xilxieni) u l-protezzjoni ta’ ismijiet għal xorb spirituż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 21, p. 107, iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1997”). Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti lir-rikorrent aċċess parzjali għal żewġ minuti ta’ laqgħat tal-Kumitat Konġunt, jiġifieri l-laqgħat tat‑30 ta’ Marzu 2011 u tat‑3 ta’ Ġunju 2013.

2        Fit‑3 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrent ikkonferma li rċieva d-dokumenti żvelati, fejn ma kkontestax it-tħassir ta’ ċerti partijiet, iżda biss il-kompletezza tad-dokumenti magħżula mill-Kummissjoni. Fl-istess ħin, huwa ressaq quddiem id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Agrikoltura” tal-Kummissjoni talba ġdida għal aċċess għal ċerti dokumenti msemmija fid-dokumenti żvelati. Ir-rikorrent indika dan li ġej:

–        “Il-minuti tal-laqgħa tat‑30 ta’ Marzu 2011 isemmu (fil-punt 2) diskussjoni dwar ksur identifikat mill-Messiku b’rabta mal-użu tal-isem Tequila fis-suq Ewropew; din id-diskussjoni kienet ibbażata fuq lista (imsemmija fil-punt 4 tal-minuti tal-laqgħa tat‑3 ta’ Ġunju 2013).

–        Il-minuti tal-laqgħa tat‑3 ta’ Ġunju 2013 isemmu (fil-punt 4) id-dokumenti ppreżentati mill-Consejo Regulador de Tequila dwar prodotti mmanifatturati fl-Unjoni Ewropea, ikkunsidrati mill-Messiku bħala ksur manifest tal-indikazzjoni ġeografika Tequila.”

3        Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni identifikat żewġ dokumenti rilevanti, jiġifieri d-dokumenti Ares(2018) 4023479 u Ares(2018) 4023509 (iktar ’il quddiem id-“dokumenti mitluba”). Peress li d-dokumenti mitluba kienu ġejjin, skont il-Kummissjoni, mill-awtoritajiet Messikani, dawn tal-aħħar ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal aċċess għal dawn id-dokumenti abbażi tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika u l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

4        Fil‑5 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent ippreżenta talba konfermattiva li permezz tagħha stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha. Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni estendiet it-terminu għal tweġiba tat-talba konfermattiva bi ħmistax‑il jum ta’ xogħol, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi risposta qabel l-iskadenza tat-terminu estiż.

5        Permezz ta’ posta elettronika tal‑14 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li, skont l-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kien ikkonsulta mill-ġdid lill-awtoritajiet Messikani dwar il-possibbiltà li jiġu żvelati (parzjalment) id-dokumenti inkwistjoni.

6        Fl‑10 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba konfermattiva ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba mressqa mir-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

8        Fid‑19 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali tilqa’ miżura istruttorja sabiex tivverifika l-kontenut tad-dokumenti mitluba kif ukoll in-natura privata tagħhom.

9        Fil‑31 ta’ Marzu 2020, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, staqsiet lill-partijiet jekk xtaqux li jinstemgħu waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali minkejja l-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID-19. Huma wieġbu fit-terminu stabbilit.

10      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2020.

11      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

13      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

14      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u/jew tal-Artikolu 296 TFUE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 u tal-Artikolu 296 TFUE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba minħabba interess pubbliku superjuri fil-każ li d-dokumenti kollha jew parti minnhom li għalihom jintalab l-aċċess ikunu jikkonċernaw interessi kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) u (7) tar-Regolament Nru 1049/2001 u/jew tal-Artikolu 296 TFUE.

15      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina l-ilmenti dwar il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE qabel ma teżamina l-ilmenti u l-motivi l-oħra.

 Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE

16      Ir-rikorrent iqajjem ilmenti dwar ksur tal-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-eċċezzjonijiet ibbażati fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba.

17      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

18      Il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, imqajjem fil-kuntest tal-ewwel motiv, minħabba li l-argument imressaq mir-rikorrent f’dan ir-rigward ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit li abbażi tiegħu, skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jkun fih, b’mod partikolari, is-suġġett tat-tilwima u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati jimplika li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex il-konvenut ikun jista’ jippreżenta d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tiegħu (sentenza tad‑29 ta’ April 2020, Intercontact Budapest vs Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, T‑640/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:167, punt 24).

20      F’dan il-każ, l-Artikolu 296 TFUE huwa msemmi fl-ewwel motiv tar-rikors. Barra minn hekk, ir-rikorrent iressaq numru ta’ argumenti li jikkontestaw, minbarra l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tagħha. Dawn l-elementi jippermettu lill-Qorti Ġenerali tifhem ir-raġunament tar-rikorrent u lill-Kummissjoni tinvoka l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward.

21      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa ammissibbli.

22      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dak li jirrigwarda talba għal aċċess għad-dokumenti, meta l-istituzzjoni inkwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f’kull każ, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li għalihom ikun qiegħed jintalab l-aċċess effettivament jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il-Kummissjoni, T‑42/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:325, punt 95, u tas‑7 ta’ Lulju 2011, Valero Jordana vs Il-Kummissjoni, T‑161/04, mhux ippubblikata, EU:T:2011:337, punt 49).

24      Għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata li tesponi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, hija ma hijiex obbligata li tipprovdi informazzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex il-persuna li titlob l-aċċess tifhem ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni tagħha u għall-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-legalità ta’ din tal-aħħar (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il-Kummissjoni, T‑380/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:19, punt 119).

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata huma esposti b’mod ċar fiha.

26      B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat l-eċċezzjonijiet li fuqhom hija bbażat ir-rifjut tagħha, jiġifieri l-eċċezzjonijiet dwar l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-interessi kummerċjali, imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

27      B’mod partikolari, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li, bir-rifjut tal-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, minn naħa, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Messikani għall-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni, inklużi l-argumenti tagħhom dwar il-kontenut tad-dokumenti mitluba, u, min-naħa l-oħra, kienet ikkonkludiet li l-iżvelar tagħhom seta’ jikkomprometti l-funzjonament tal-Kumitat Konġunt. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li d-dokumenti mitluba kienu ġew ippreżentati lilha mill-awtoritajiet Messikani fil-kuntest tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti mitluba kienu jelenkaw każijiet ta’ frodi preżunta, kif ukoll entitajiet li jużaw jew ibigħu l-“psewdo-Tequila” fl-Unjoni. Uħud minn dawn l-użi frawdolenti potenzjali diġà huma s-suġġett ta’ kawżi ppreżentati mill-awtoritajiet Messikani kontra l-Istati Membri tal-Unjoni għall-“piraterija tat-Tequila”. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, l-Unjoni u l-awtoritajiet Messikani jikkooperaw mill-qrib. Barra minn hekk, iż-żewġ partijiet jeżaminaw azzjonijiet possibbli dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-ispirti.

28      Il-Kummissjoni kkonstatat li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, kontra l-opinjoni tal-pajjiż terz sieħeb, jista’ jiġi kkunsidrat minn dan tal-aħħar bħala abbuż ta’ fiduċja u jista’ jwassal għal rifjut li tingħatalha ċerta informazzjoni, b’mod partikolari lill-Kumitat Konġunt, fil-futur. Konsegwentement, dan ikollu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-Kumitat Konġunt u fuq kull kooperazzjoni futura dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom fl-Unjoni.

29      Fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni, barra minn hekk, iddikjarat li d-dokumenti mitluba kienu jinkludu informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali li tikkonċerna l-produtturi Messikani ta’ Tequila. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmija dokumenti jinkludu b’mod partikolari l-lista ta’ tilwimiet fl-Unjoni bejn l-awtoritajiet Messikani, il-produtturi Messikani tat-Tequila u l-impriżi tal-Unjoni li jbigħu t-Tequila fis-suq intern tal-Unjoni mingħajr ebda ċertifikazzjoni jew awtorizzazzjoni, kif ukoll l-ismijiet tal-prodotti, tat-trade marks mhux iċċertifikati mill-awtoritajiet Messikani sabiex ibigħu bħala Tequila fl-Unjoni, iż-żoni ġeografiċi li fihom huma jistgħu jinstabu, informazzjoni dwar il-produtturi tagħhom, il-kumpanniji tal-Unjoni li jbigħu dawn il-prodotti, u l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet Messikani fir-rigward tagħhom, inklużi l-kawżi proposti. Il-Kummissjoni żiedet li din l-informazzjoni kellha tiġi kklassifikata bħala kummerċjalment sensittiva u li, konsegwentement, kien possibbli li jiġi preżunt li l-awtoritajiet Messikani kienu pprovdewlha dawn id-dokumenti li fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva bl-istennija leġittima li dawn ma jsirux pubbliċi. Skont il-Kummissjoni, jeżisti riskju prevedibbli u mhux ipotetiku li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni kummerċjali sensittiva jippreġudika l-interessi kummerċjali u l-attivitajiet tal-kumpanniji kkonċernati fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

30      Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba. Madankollu, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, ebda aċċess parzjali sinjifikattiv ma huwa possibbli mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-interessi deskritti iktar ’il fuq.

31      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjentement iddettaljat il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet kollha li wassluha biex tadotta din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent isir jaf il-ġustifikazzjonijiet tagħha sabiex jiddefendi d-drittijiet tiegħu u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

32      Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

33      Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, bħalma jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar estensiv possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 61, u tas‑27 ta’ Novembru 2019, Izuzquiza u Semsrott vs Frontex, T‑31/18, EU:T:2019:815, punt 58).

34      Madankollu, in-natura partikolarment sensittiva u essenzjali tal-interessi mħarsa bl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, flimkien man-natura mandatorja tar-rifjut ta’ aċċess li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-istituzzjoni għandha tagħti meta l-iżvelar ta’ dokument ikun jippreġudika dawn l-interessi, tagħti lid-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata li titlob eżerċizzju ta’ attenzjoni partikolari (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 35).

35      Dan huwa kkorroborat mill-fatt li l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma fformulati f’termini imperattivi sa fejn l-istituzzjonijiet huma obbligati jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet obbligatorji meta tiġi prodotta l-prova taċ-ċirkustanzi msemmija mill-imsemmija eċċezzjonijiet, mingħajr ma huwa neċessarju li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tiġi bbilanċjata ma’ interessi oħrajn (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, T‑644/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:429, punt 23).

36      Barra minn hekk, minn naħa, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 63, u tas‑7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T‑851/16, EU:T:2018:69, punt 36) b’tali mod li s-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64, u tas‑7 ta’ Frar 2018, Access Info Europe vs Il-Kummissjoni, T‑851/16, EU:T:2018:69, punt 36).

37      Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprekludix li, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet relatati mal-interess pubbliku previsti fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, l-istituzzjoni kkonċernata jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudikax l-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni u, korrelattivament, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument abbażi ta’ waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 64, u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il-Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 34).

38      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata deċiżjoni, f’dan il-każ, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett l-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

 Fuq l-ewwel parti

39      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrent isostni li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma joħloqx kwistjonijiet fundamentali ta’ tħassib. F’dan ir-rigward, huwa jikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata tissuġġerixxi li l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Messikani hija bbażata fuq il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dokumenti jikkostitwixxux sigrieti kummerċjali li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrent jinnota li, għall-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li gvern barrani jopponi l-iżvelar ta’ dokumenti, tkun xi tkun in-natura tad-dokumenti jew il-fondatezza tal-oġġezzjonijiet, huwa suffiċjenti bħala tali sabiex jiġi konkluż li l-iżvelar jippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, l-awtoritajiet Messikani ma jistgħux jingħataw dritt li jipprekludu l-iżvelar tal-ilmenti kollha ta’ organizzazzjonijiet privati Messikani dwar l-aġir ta’ ċittadini tal-Unjoni, mingħajr ma jkollhom għalfejn juru li l-imsemmija lmenti jinkludu sigrieti kummerċjali ta’ impriżi jew ta’ ċittadini Messikani. Ir-rikorrent jinvoka b’mod partikolari l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi dawk li jinkludu allegazzjonijiet ta’ ċittadini mhux Ewropej li jikkonċernaw ċittadini tal-Unjoni. L-unika spjegazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Messikani tinsab fil-fatt li l-iżvelar jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ persuni privati, jiġifieri l-produtturi Messikani tat-Tequila, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrent iżid li l-pożizzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali hija suffiċjentement solida sabiex tkun tista’ tiflaħ għal ċertu nuqqas ta’ qbil mal-imsieħba kummerċjali tagħha dwar in-neċessità ta’ protezzjoni ta’ valuri daqstant importanti għall-Unjoni bħat-trasparenza u l-obbligu li jingħata rendikont liċ-ċittadini.

40      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

41      Kif jirriżulta mill-punt 1 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tat lir-rikorrent aċċess parzjali għal żewġ minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma awtorizzatx l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

42      Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-każ ta’ dokumenti ta’ terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta lit-terzi sabiex tiddetermina jekk għandhiex tapplika eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2), sakemm ma jkunx ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat.

43      F’dan il-każ, id-dokumenti mitluba ġew imħejjija mill-Consejo Regulador de Tequila. Din l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru ġiet akkreditata mill-Gvern Messikan sabiex tissorvelja u tiċċertifika li l-produzzjoni, l-ibbottiljar u l-ittikkettjar tat-Tequila jsiru skont ir-regoli uffiċjali Messikani tat-Tequila. Hija għandha ssegwi u tissorvelja wkoll l-applikazzjoni tal-Ftehim tal‑1997. Għaldaqstant, id-dokumenti mitluba, minkejja li kienu mħejjija mill-Consejo Regulador de Tequila u fihom informazzjoni dwar ksur ta’ interessi privati relatat mal-isem Tequila, kienu intiżi esklużivament sabiex jiġu ppreżentati lill-Unjoni mill-awtoritajiet Messikani fil-kuntest tal-Kumitat Konġunt li jiffunzjona fuq il-bażi tal-Ftehim tal‑1997. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Messikani qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata.

44      Fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet, l-awtoritajiet Messikani invokaw il-possibbiltà ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali, minħabba l-iżvelar eventwali tad-dokumenti mitluba.

45      F’dan ir-rigward, għandu wkoll jitfakkar li l-konsultazzjoni ta’ terz li ma huwiex Stat Membru, prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma torbotx lill-istituzzjoni, iżda għandha tippermettilha li tevalwa jekk eċċezzjoni prevista fil-paragrafu (1) jew (2) ta’ dan l-artikolu għandhiex tiġi applikata (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T‑380/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:19, punt 60).

46      Għaldaqstant, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terz, għalkemm il-konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija, ċertament, obbligatorja, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa r-riskji li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti. B’mod partikolari, hija ma tistax tikkunsidra l-oppożizzjoni ta’ dan it-terz bħala li tfisser awtomatikament li l-iżvelar ma jistax iseħħ minħabba riskju għar-relazzjonijiet internazzjonali, iżda għandha tanalizza b’mod indipendenti ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u tieħu deċiżjoni fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha.

47      Barra minn hekk, id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-istituzzjoni skont id-dispożizzjoni inkwistjoni hija ta’ natura kumplessa u delikata li titlob eżerċizzju ta’ attenzjoni partikolari, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura eċċezzjonalment sensittiva u essenzjali tal-interess protett (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2012, In’t Veld vs Il-Kunsill, T‑529/09, EU:T:2012:215, punt 24).

48      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, waqt l-implimentazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif indikat fil-punt 27 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss l-oppożizzjoni motivata tal-awtoritajiet Messikani, iżda wkoll il-kontenut tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti mitluba, kif ukoll l-argument tal-awtoritajiet Messikani li jiddikjaraw f’dan ir-rigward li l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti kienet tikkonċerna interessi kummerċjali, il-kuntest partikolari li fih hija kienet kisbithom u tal-konsegwenzi negattivi possibbli marbuta mal-iżvelar tagħhom.

49      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-elementi indikati fil-punt 48 iktar ’il fuq, ikkonkludiet, kif indikat fil-punt 28 iktar ’il fuq, li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba seta’ jitqies mill-awtoritajiet Messikani bħala abbuż ta’ fiduċja u seta’ jwassal għal rifjut ta’ trażmissjoni ta’ ċerta informazzjoni, b’mod partikolari lill-Kumitat Konġunt, fil-futur, li jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament ta’ dan il-kumitat u fuq kull kooperazzjoni futura dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Messikani ma wasslitx awtomatikament lill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta li tiżvela d-dokumenti mitluba.

50      Għalhekk, l-argument tar-rikorrent li l-Kummissjoni kkonkludiet li s-sempliċi fatt li l-awtoritajiet Messikani kienu qegħdin jopponu l-iżvelar ta’ dokumenti, irrispettivament min-natura tad-dokumenti jew mill-fondatezza tal-oġġezzjonijiet, huwa suffiċjenti bħala tali sabiex jiġi konkluż li l-iżvelar jippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali għandu jiġi miċħud.

51      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrent li l-kwistjoni fundamentali f’dan il-każ hija l-leġittimità tal-ġustifikazzjoni tal-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Messikani li tinsab fil-fatt li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ persuni privati fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent u mill-pożizzjoni tiegħu espressa waqt is-seduta, minn dan l-argument jirriżulta, essenzjalment, li l-Kummissjoni setgħet tirrifjuta li tiżvela d-dokumenti mitluba biss jekk l-eċċezzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Messikani, kienet applikabbli.

52      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 waqt l-eżami tal-applikabbiltà tal-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, il-ġustifikazzjoni tal-oppożizzjoni ta’ pajjiż terz tikkostitwixxi waħda miċ-ċirkustanzi li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-eżami f’dan il-każ. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ żvelar għar-relazzjonijiet internazzjonali mwettqa mill-Kummissjoni ma hijiex ibbażata biss fuq evalwazzjoni tal-motiv tal-oppożizzjoni għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba invokat minn pajjiż terz, iżda hija bbażata fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha marbuta ma’ żvelar eventwali ta’ dawn id-dokumenti.

53      Fit-tieni lok, kif irrikonoxxa r-rikorrent waqt is-seduta, il-Kummissjoni eżaminat il-motivi tal-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Messikani dwar il-kontenut tad-dokumenti mitluba bħala waħda miċ-ċirkustanzi li hija ħadet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-preġudizzju eventwali għall-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat li d-dokumenti mitluba kienu jinkludu informazzjoni sensittiva. Din il-konstatazzjoni hija fondata peress li dawn id-dokumenti jinkludu, kif jirriżulta mill-punt 27 iktar ’il fuq, informazzjoni dwar każijiet ta’ frodi preżunta, kif ukoll dwar entitajiet li jużaw jew ibigħu l-“psewdo-Tequila” fl-Unjoni u dwar proċeduri legali possibbli li jirrigwardaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-ispirti.

54      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrent li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta li tiżvela d-dokumenti mitluba mingħajr ma tistabbilixxi li l-oppożizzjoni tal-awtoritajiet Messikani kienet iġġustifikata, għandu jiġi miċħud.

55      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti

56      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrent isostni li r-riskju li l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jista’ jippreġudika l-protezzjoni tar-relazzjonijiet mas-sieħeb kummerċjali internazzjonali huwa ipotetiku, jew saħansitra improbabbli. F’dan ir-rigward, huwa iktar probabbli li għarfien aħjar tar-rispons tal-Istati Membri tal-Unjoni għall-ilmenti tal-Messiku dwar il-ksur tal-Ftehim tal‑1997 itejjeb ir-reputazzjoni tal-Unjoni bħala sieħeb affidabbli fir-relazzjonijiet internazzjonali.

57      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

58      Għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdietx spjegazzjonijiet plawżibbli dwar kif l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u jekk, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-allegat preġudizzju jistax jitqies li huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Jurašinović vs Il-Kunsill, C‑576/12 P, EU:C:2013:777, punt 45).

59      F’dan ir-rigward, adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, li insostenn tiegħu r-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma wrietx li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika l-interess pubbliku protett mill-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, il-qorti għandha tivverifika, fil-limiti tal-motivi invokati quddiemha, jekk il-Kummissjoni effettivament ipprovdietx fid-deċiżjoni tagħha l-ispjegazzjonijiet meħtieġa u stabbilixxietx l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ tali preġudizzju (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑612/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:223, punt 33).

60      F’dan il-każ, kif jenfasizza r-rikorrent, il-Kummissjoni, billi għamlet użu tal-kundizzjonal, qieset li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba seta’ jwassal għal degradazzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali, mingħajr ma stabbilixxiet in-natura ċerta ta’ dan ir-riskju. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma kisritx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq, hija ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju ċert ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, iżda biss l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

61      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-mod kif l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jipperċepixxu d-deċiżjonijiet tal-Unjoni kien komponent tar-relazzjonijiet stabbiliti ma’ dak il-pajjiż terz. Fil-fatt, minn dan l-aspett jiddependu t-tkomplija u l-kwalità ta’ dawn ir-relazzjonijiet (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, CEE Bankwatch Network vs Il-Kummissjoni, T‑307/16, EU:T:2018:97, punt 90).

62      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddetermina jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudikax l-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni.

63      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għan tal-Kumitat Konġunt huwa l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkunsidra, waqt l-eżami tal-eċċezzjoni inkwistjoni, li, fil-każ li d-dokumenti mitluba li ġew mgħarrfa lil dan il-kumitat mill-awtoritajiet Messikani, u li huma direttament marbuta max-xogħol ta’ dan il-kumitat u mal-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, jiġu żvelati, minkejja l-oppożizzjoni espressa darbtejn mill-imsemmija awtoritajiet, dawn setgħu jikkunsidraw tali att bħala abbuż ta’ fiduċja. Il-Kummissjoni setgħet ukoll validament tqis li, konsegwentement, il-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ma’ dan il-pajjiż terz tirriskja li ssib ruħha mhedda, li jista’ jwassal għal rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Messikani li jittrażmettu ċerta informazzjoni, b’mod partikolari lill-Kumitat Konġunt, fil-futur. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 27 iktar ’il fuq, id-dokumenti mitluba jelenkaw każijiet ta’ frodi preżunta, isemmu entitajiet li jużaw jew ibigħu l-“psewdo-Tequila” fl-Unjoni u jinkludu l-informazzjoni li tipprovdi li wħud minn dawn l-użi frawdolenti potenzjali huma diġà s-suġġett ta’ kawżi li fil-kuntest tagħhom l-Unjoni u l-awtoritajiet Messikani jikkooperaw mill-qrib. Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-Kumitat Konġunt, li l-għan tiegħu huwa l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti, kif ukoll fuq kull kooperazzjoni futura li tikkonċerna l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom fl-Unjoni.

64      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kif indikati fil-punt 63 iktar ’il fuq, huma plawżibbli u juru, kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riskju prevedibbli, u mhux purament ipotetiku, għar-relazzjonijiet internazzjonali. L-eżistenza ta’ dan ir-riskju hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-użu tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokumenti mitluba kollha u fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.

65      Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

66      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miż-żewġ argumenti addizzjonali mressqa mir-rikorrent.

67      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jenfasizza li d-dokumenti li għalihom huwa jitlob l-aċċess ma jikkonċernawx in-negozjati ta’ ftehim internazzjonali li fil-kuntest tiegħu l-pożizzjonijiet tal-partijiet jevolvu. Id-dokumenti inkwistjoni jikkonċernaw, minflok, l-applikazzjoni effettiva ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u l-Messiku. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ regoli ġuridiċi, bħal trattat, hija kwistjoni ta’ ċertezza legali. L-aspettattivi fil-qasam taċ-ċertezza legali jsaħħu l-importanza tal-prinċipju ta’ trasparenza matul il-fażi ta’ applikazzjoni.

68      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

69      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “relazzjonijiet internazzjonali”, li għalih jagħmel riferiment it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament 1049/2001, huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punt 62).

70      F’dan ir-rigward, la l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas il-ġurisprudenza ma jindikaw li, a priori, livell ta’ protezzjoni differenti japplika għad-dokumenti li joriġinaw mill-fażijiet ta’ “negozjati” u ta’ “applikazzjoni” ta’ ftehim internazzjonali partikolari.

71      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tar-riskju li jiġi kompromess il-funzjonament tal-Kumitat Konġunt u, sussegwentement, il-kollaborazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tista’ tikkostitwixxi standard adegwat sabiex jiġi eżaminat ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti marbuta mal-applikazzjoni tal-Ftehim tal‑1997.

72      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-applikazzjoni tal-Ftehim tal‑1997 tibqa’ rilevanti għall-operaturi privati tal-Unjoni, li l-ebda wieħed minnhom ma ġie mistieden jattendi għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt. It-trasparenza tad-dokumenti diskussi fi ħdan dan il-kumitat hija għalhekk partikolarment importanti.

73      Għaldaqstant dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

74      Fil-fatt, mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-eventwali eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri ma għandhiex tiġi eżaminata meta tiġi invokata l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, CEE Bankwatch Network vs Il-Kummissjoni, T‑307/16, EU:T:2018:97, punt 124). Għandu jingħad ukoll li l-istess japplika għal interess privat.

75      Issa, għalkemm dan l-argument ġie invokat sabiex jikkorrobora l-argumenti l-oħra dwar l-ewwel motiv, dan ma jistax jikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikat l-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

76      Għaldaqstant, l-argumenti addizzjonali għandhom jiġu miċħuda.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

78      Konsegwentement, ma huwiex utli li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni u tat-tielet motiv, sa fejn dawn huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jew fuq l-invokazzjoni ta’ interess pubbliku superjuri marbut ma’ din l-istess dispożizzjoni, peress li, sabiex id-deċiżjoni kkontestata tkun fondata fid-dritt, huwa biżżejjed li waħda mill-eċċezzjonijiet li l-Kummissjoni tkun invokat sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba tkun ġiet ġustament invokata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, T‑644/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:429, punt 78).

79      Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ir-rifjut li jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba, għandu wkoll jiġi miċħud. Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 64 iktar ’il fuq, billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, ikkonkludiet li l-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet tapplika għal dawn id-dokumenti fl-intier tagħhom.

 Fuq it-talba għal miżura istruttorja

80      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali tilqa’ miżura istruttorja sabiex tivverifika l-kontenut tad-dokumenti mitluba u n-natura privata tagħhom.

81      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija bbażata fuq il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba minkejja l-oppożizzjoni espressa mill-awtoritajiet Messikani darbtejn. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent, li ma jikkontestax il-possibbiltà, fiha nnifisha, tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, isostni li l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tar-riskju ta’ preġudizzju għal dan l-interess tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dokumenti jinkludux sigrieti kummerċjali li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, dan l-argument huwa infondat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tinsab f’pożizzjoni li tevalwa in concreto jekk l-aċċess għal dan id-dokument setax validament jiġi rrifjutat mill-imsemmija istituzzjoni abbażi tal-eċċezzjoni invokata u, konsegwentement, li tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-imsemmi dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Jurašinović vs Il-Kunsill, C‑576/12 P, EU:C:2013:777, punti 26 sa 30, u tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 73).

82      Għalhekk, it-talba għal miżura istruttorja għandha tiġi miċħuda.

83      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

85      F’dan il-każ, peress li r-rikorrent tilef, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Marco Bronckers huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Półtorak

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Novembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.