Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Awwissu 2008 - Ligny Pesca di Guaiana Francesco et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-330/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ligny Pesca di Guaiana Francesco e C. Snc (Trapani, l-Italja), Macaluso Gaetano (Palermo, l-Italja), Gallo (Salerno, l-Italja), Severino Pesca (Salerno, l-Italja), Gallo Pesca (Salerno, l-Italja), Fulvia di Pappalardo Luigi Matteo (Cetara, l-Italja), Federazione Nazionale delle Imprese di Pesca (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: A. Clarizia u P. Ziotti, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa' t-talbiet magħmula fil-parti introduttiva tar-rikors u konsegwentement tannulla r-Regolament li pprojbixxa, mis-16 ta' Ġunju 2008, is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti bil-purse seines użati għas-sajd tat-tonn li jtajru l-bandiera ta' l-Italja (Artikolu 1 tar-Regolament), u li pprojbixxa wkoll, mis-16 ta' Ġunju 2008, lill-operaturi Komunitarji milli jaċċettaw il-ħatt l-art, it-tqegħid f'gaġeġ għat-trobbija jew għat-tismin u t-trażbord f'ilmijiet jew f'portijiet tal-Komunità ta' tonn maqbud fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran mill-imsemmija bastimenti (Artikolu 3(1) tar-Regolament).

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' din il-kawża skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, inklużi l-ispejjeż għall-assistenza legali tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-motivi u l-argumenti prinċipali huma simili għal dawk imressqa fil-Kawżi T-305/08, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni u T-313/08, Veromar di Tudisco Alfio & Salvatore S.n.c. vs Il-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jsostnu, b'mod partikolari, l-iżball fir-rigward tal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, inkwantu l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta' Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, p. 59) ma huwiex xieraq għall-adozzjoni tal-miżuri inklużi fih, li kienu jitolbu li jsir użu minn dak diversament previst fl-Artikolu 26(2) u (3) tal-istess regolament.

____________