Language of document : ECLI:EU:T:2016:320

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

26 ta’ Mejju 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Tiftix għaż-żejt — Garanzija impliċita u illimitata tal-Istat mogħtija lill-Institut français du pétrole (IFP) permezz tal-għoti tal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (EPIC) — Vantaġġ — Preżunzjoni ta’ vantaġġ”

Fil-Kawżi magħquda T‑479/11 u T‑157/12,

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn E. Belliard, G. de Bergues, B. Beaupère-Manokha u J. Gstalter, sussegwentement minn E. Belliard u G. de Bergues, J. Gstalter u S. Menez, sussegwentement minn G. de Bergues, S. Menez, D. Colas u J. Bousin, u finalment minn G. de Bergues, D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża T‑479/11,

IFP Énergies nouvelles, stabbilit f’Rueil-Malmaison (Franza), inizjalment irrappreżentat minn É. Morgan de Rivery u A. Noël-Baron, sussegwentement minn É. Morgan de Rivery u E. Lagathu, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑157/12,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, D. Grespan u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE, tad‑29 ta’ Ġunju 2011, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (eks-NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole” (ĠU 2012, L 14, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti, ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles (iktar ’il quddiem l-“IFPEN”), li qabel it-13 ta’ Lulju 2010 kien jissejjaħ Institut français du pétrole, jitolbu l-annullament totali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE, tad-29 ta’ Ġunju 2011, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (eks‑NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole” (ĠU 2012, L 14, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

2        L-IFPEN huwa stabbiliment pubbliku ta’ riċerka inkarigat bi tliet missjonijiet ta’ interess ġenerali, jiġifieri, missjoni ta’ riċerka u ta’ żvilupp fl-oqsma tat-tħaffir għaż-żejt u l-gass, tat-teknoloġiji tar-raffinar u tal-industriji petrokimiċi, missjoni ta’ taħriġ għall-inġiniera u t‑teknixins u missjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumentazzjoni tas‑setturi (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Barra minn hekk, l-IFPEN għandu direttament u indirettament il‑kontroll ta’ tliet kumpanniji kummerċjali, Axens, Beicip-Franlab u Prosernat, li magħhom ikkonkluda ftehimiet esklużivi ta’ riċerka u ta’ liċenzjar.

4        Sal-2006, l-IFPEN kien ikkostitwit fil-forma ta’ persuna ġuridika rregolata mid‑dritt privat, imqiegħda, skont id-dispożizzjonijiet interni Franċiżi, taħt il-kontroll ekonomiku u finanzjarju tal-Gvern Franċiż. Skont il-Liġi Nru 2005‑781, tat-13 ta’ Lulju 2005, dwar il-programm li jistabbilixxi l‑linji gwida tal-politika tal-enerġija (JORF tal-14 ta’ Lulju 2005, p. 11570), l-IFPEN inbidel, b’effett mis-6 ta’ Lulju 2006, f’persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, b’mod iktar preċiż fi stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (EPIC) (premessi 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Mill-proċess jirriżulta, minn naħa, li din il-bidla kienet immotivata mix-xewqa tal-awtoritajiet Franċiżi li n-natura u l-mod ta’ funzjonament tal-IFPEN isiru koerenti mal-mod ta’ finanzjament tiegħu. Fil-fatt, sa fejn l-IFPEN kien prinċipalment iffinanzjat minn allokazzjoni baġitarja, il-bidla kellha l-għan li tnaqqas id‑diskrepanza bejn l-istatus privat ta’ dan l-istabbiliment u l‑provenjenza pubblika ta’ parti sinjifikattiva mir-riżorsi tiegħu. Min‑naħa l-oħra, din il-bidla kienet tifforma parti mill-proċess sabiex l-istatus tal‑istabbilimenti Franċiżi ta’ riċerka jsir uniformi.

6        F’dak li jirrigwarda l-istatus ġuridiku tal-EPIC fid-dritt Franċiż, għandu jiġi speċifikat li dawn l-istabbilimenti jikkostitwixxu kategorija ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li jeżerċitaw attivitajiet ta’ natura ekonomika. Huma għandhom personalità ġuridika separata mill-Istat u awtonomija finanzjarja kif ukoll kompetenzi speċjali mogħtija lilhom, li ġeneralment jinkludu l-eżerċizzju ta’ funzjoni waħda jew iktar ta’ servizz pubbliku. Skont id-dritt Franċiż, il-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku ma jaqgħux taħt id-dritt komuni tal-proċeduri ta’ insolvenza skont il-prinċipju ġenerali ta’ immunità mis-sekwestru ta’ beni pubbliċi. L‑inapplikabbiltà tal-proċeduri ta’ insolvenza għall-EPIC ġiet ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża fformulata abbażi tal-Liġi Nru 85-98, tal-25 ta’ Jannar 1985, dwar l-amministrazzjoni u l-likwidazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà (JORF tas-26 ta’ Jannar 1985, p. 1097).

7        Il-karatteristiċi speċifiċi tal-istatus ġuridiku tal-EPIC ġibdu l-attenzjoni tal‑Kummissjoni Ewropea, li, fid-Deċiżjoni 2010/605/UE, tas-26 ta’ Jannar 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/07 (eks E 15/05) mogħtija minn Franza lil La Poste (ĠU 2010, L 274, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni La Poste”), għall-ewwel darba eżaminat dan l-istatus fid-dawl tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat fl-Unjoni Ewropea. F’din id‑deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minħabba l-istatus tagħhom, l-EPIC kienu jibbenefikaw minn garanzija impliċita u illimitata tal‑Istat fuq l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom li jinvolvu riżorsi pubbliċi. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-punti li ġejjin (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata u premessi 20 sa 37 tad‑deċiżjoni La Poste):

–        il-proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni ma humiex applikabbli għall-EPIC;

–        għall-kuntrarju, l-EPIC huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal‑Liġi Nru 80‑539, tas-16 ta’ Lulju 1980, dwar il-pagamenti perijodiċi ta’ penali imposti fi proċeduri amministrattivi u l‑infurzar tas-sentenzi mill-korporazzjonijiet pubbliċi (JORF tas‑17 ta’ Lulju 1980, p. 1799), u tal-atti ta’ implementazzjoni tagħha. Issa, dawn jaħtru espressament lill-Istat bħala l-awtorità kompetenti għall-irkupru tad-djun tal‑istabbilimenti pubbliċi, billi jagħtuh poteri importanti bħalma huma l-poter li jinħareġ ordni għall-ħlas ex officio u l-ħolqien ta’ riżorsi suffiċjenti, u jistabbilixxu prinċipju ta’ responsabbiltà bħala l-aħħar alternattiva tal‑Istat għad-djun tal-persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt pubbliku;

–        fl-ipoteżi ta’ xoljiment ta’ EPIC, il-prinċipju tat-trasferiment tad‑djun lill-Istat jew lil xi entità pubblika oħra huwa ġeneralment applikabbli, b’tali mod li kull kreditur ta’ EPIC ikun żgurat li qatt ma jitlef il-kreditu li jkollu ma’ dan it-tip ta’ stabbiliment;

–        l-EPIC jista’ jkollhom aċċess privileġġat għall-“kontijiet ta’ self tat-Teżor”.

8        Fid-Deċiżjoni La Poste, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-garanzija impliċita u illimitata inerenti fl-istatus ta’ EPIC ta’ La Poste kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu kienet tippermetti lil La Poste tikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li kienet tikseb kieku kellha tkun ikkunsidrata fuq il-merti tagħha biss (premessi 256 sa 300 tad-Deċiżjoni La Poste).

9        Kien fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad‑Deċiżjoni La Poste li, matul is-sena 2006, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni dwar il-bidla tal-IFPEN f’EPIC. Din l‑informazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa fl-2005 u li kienet tirrigwarda l-eżami, fid-dawl tar-regoli tal‑għajnuna mill-Istat, ta’ finanzjament pubbliku mogħti lill-IFPEN mill-awtoritajiet Franċiżi (premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tifred l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-bidla tal-IFPEN f’EPIC setgħetx tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE mill-eżami tal-finanzjament pubbliku tal-IFPEN. B’hekk, fis-16 ta’ Lulju 2008, hija għalqet l-eżami tal‑finanzjament pubbliku mogħti lill-IFPEN bl-adozzjoni tad‑Deċiżjoni 2009/157/KE, dwar il-miżura ta’ għajnuna implimentata minn Franza favur il-grupp IFP [C 51/05 (ex NN 84/05)] (ĠU 2009, L 53, p. 13). Fl-istess jum, permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 259, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali”), hija ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali relatata mal-garanzija illimitata tal‑Istat favur l-IFPEN u stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet.

11      Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, li l-IFPEN ħa vantaġġ mill-bidla tiegħu f’EPIC prinċipalment permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament meqjusa iktar favorevoli li minnhom kien jibbenefika fuq is-swieq finanzjarji. Dan il-vantaġġ, iffinanzjat permezz tar-riżorsi tal-Istati, jikkostitwixxi, skont il-Kummissjoni, għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Avviż tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-garanziji”).

12      L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ottubru 2008. Sussegwentement, huma rrispondew ukoll għal mistoqsijiet addizzjonali tal-Kummissjoni u taw informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u gruppi differenti ta’ kredituri. Saret ukoll laqgħa bejn il-Kummissjoni u l‑awtoritajiet Franċiżi fl-20 ta’ Mejju 2010.

13      Barra minn hekk, kompetitur ta’ Axens, UOP Limited, li hija kumpannija Ingliża stabbilita f’Guilford (ir-Renju Unit), ippreżentat il‑kummenti tagħha b’risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali. L-awtoritajiet Franċiżi setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn il-kummenti.

14      Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

15      Fl-ewwel lok, billi applikat l-istess raġunament bħal dak żviluppat fid‑deċiżjoni La Poste, u, barra minn hekk, billi rreferiet diversi drabi għall-imsemmija deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 98 et seq tad‑deċiżjoni kkontestata), fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-bidla tal-IFPEN f’EPIC, f’Lulju 2006, tatu l-benefiċċju ta’ garanzija illimitata u impliċita tal-Istat. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni kkunsidrat li l-imsemmija garanzija wasslet għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-punt 2.1 tal-Avviż dwar il‑garanziji inkwantu l-IFPEN ma kien iħallas l-ebda primjum għal din il‑garanzija. B’dan il-mod, skont il-Kummissjoni, kien hemm kemm vantaġġ għall-impriża kif ukoll piż fuq ir-riżorsi pubbliċi, peress li l‑Istat irrinunzja għar-remunerazzjoni li normalment tkun marbuta mal‑garanziji. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-garanzija toħloq riskju ta’ impenn potenzjali u futur fuq ir-riżorsi tal-Istat, li jista’ jsib ruħu obbligat iħallas id-dejn tal-IFPEN (premessi 134 u 135 tad‑deċiżjoni kkontestata).

16      Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji sussidjarji tal-IFPEN, il-Kummissjoni osservat li, bħala kumpanniji kummerċjali, huma kienu suġġetti għall-proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni u li, barra minn hekk, il-kredituri tagħhom ma setgħux jirrikorru awtomatikament għar‑responsabbiltà tal-azzjonist prinċipali tagħhom. Minn dan hija kkonkludiet li dawn is-sussidjarji ma kinux koperti mill-garanzija illimitata tal-Istat li kien jibbenefika minnha l-IFPEN minħabba l-istatus tiegħu ta’ EPIC (premessi 176 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni spjegat li l-garanzija illimitata tal-Istat li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIC tal-IFPEN setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sa fejn kienet tkopri attivitajiet ekonomiċi tiegħu. Hija għalhekk iddeċidiet li tillimita l-portata tal-eżami tagħha tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat biss għall-attivitajiet li għandhom natura ekonomika li jsiru mill-IFPEN, b’kuntrast, minn naħa, mal-attivitajiet tas-sussidjarji tiegħu, li ma kinux koperti bl-imsemmija garanzija, u, min-naħa l-oħra, mal-attivitajiet mhux ekonomiċi tal‑IFPEN. Il-Kummissjoni indikat li l-attivitajiet ekonomiċi tal-IFPEN kienu limitati għall-attivitajiet ta’ riċerka kuntrattwali li huwa kien iwettaq għan-nom tas-sussidjarji tiegħu u għan-nom ta’ terzi, għall‑attivitajiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji fl-oqsma ta’ attività esklużivi tas-sussidjarji Axens, Prosernat u Beicip-Franlab kif ukoll għall-attivitajiet ta’ kiri ta’ bini, ta’ provvista ta’ persunal u ta’ provvista ta’ servizzi ġuridiċi għas-sussidjarji tiegħu (premessi 187 u 189 sa 191 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-garanzija impliċita u illimitata inkwistjoni tatx vantaġġ selettiv lill-“grupp IFPEN”.

19      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddeċidiet, qabel xejn, li teżamina l‑kwistjoni dwar jekk l-IFPEN setax huwa stess jieħu vantaġġ mill‑garanzija impliċita u illimitata tal-Istat u, sussegwentement, li tivverifika jekk setax jittrasferixxi dan il-vantaġġ lis-sussidjarji tiegħu (premessa 192 tad‑deċiżjoni kkontestata).

20      F’dak li jirrigwarda l-vantaġġ li minnu kien ibbenefika l-IFPEN, il‑Kummissjoni ddeċidiet li teżamina r-relazzjonijiet ta’ dan l-EPIC mal‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, mal-fornituri u mal-klijenti (premessi 193 u 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fi tmiem l-eżami tagħha, minn naħa, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-IFPEN ma ħa l-ebda vantaġġ ekonomiku reali mill‑garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus tiegħu ta’ EPIC fir-rigward tar-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji matul il-perijodu bejn il-bidla tiegħu f’EPIC f’Lulju 2006 sal‑aħħar tal-2010 (premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l‑oħra, hija kkonstatat li l-IFPEN ħa vantaġġ ekonomiku reali minħabba l-imsemmija garanzija fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti (premessi 203 sa 238 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, il‑Kummissjoni kkunsidrat li dan il-vantaġġ ekonomiku kien selettiv, sa fejn il-kompetituri tal-IFPEN, suġġetti għall-proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni, ma kinux jibbenefikaw minn garanzija tal-Istat komparabbli.

22      F’dak li jirrigwarda eventwali trasferiment tal-vantaġġ maħluq għall‑IFPEN lis-sussidjarji tiegħu rregolati mid-dritt privat, filwaqt li rreferiet għall-analiżi tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u dawn is-sussidjarji magħmula fid-Deċiżjoni 2009/157, il-Kummissjoni kkonkludiet li s‑sussidjarji Axens u Prosernat setgħu, sa ċertu punt, jibbenefikaw mill‑vantaġġ ekonomiku maħluq għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal‑klijenti. Hija kkwalifikat dan il-vantaġġ bħala selettiv minħabba li l-kompetituri ta’ Axens u ta’ Prosernat ma kellhomx aċċess għat‑teknoloġiji u għar-riżorsi umani u materjali tal-IFPEN f’kundizzjonijiet daqstant favorevoli (premessi 226 u 243 sa 250 tad‑deċiżjoni kkontestata).

23      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà ta’ din l‑għajnuna mill-Istat billi kkunsidrat ir-regoli esposti fil-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU 2006, C 323, p. 1). Hija kkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-“grupp IFPEN” kienet kompatibbli mas-suq intern, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, spjegati fid-deċiżjoni kkontestata.

24      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa kumpless. Għall-finijiet ta’ din il‑kawża ser jiġu riprodotti biss il-punti essenzjali segwenti:

Artikolu 1

1.      L-għotja minn Franza tal-istatut ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali lil [IFPEN] ta lil dan tal-aħħar, mis-7 ta’ Lulju 2006, garanzija pubblika illimitata (minn hawn ’il quddiem ‘garanzija [ta]l-Istat’) għall-attivitajiet kollha tiegħu.

2.      Il-kopertura mill-garanzija [ta]l-Istat tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-[IFPEN], partikolarment tal-attivitajiet tiegħu ta’ taħriġ bil-ħsieb li jkollu riżorsi umani akbar u aktar ikkwalifikati, l‑attivitajiet tiegħu ta’ [riċerka u ta’ żvilupp] indipendenti għal għarfien aktar estensiv u għal fehim aħjar, u l-attivitajiet tiegħu ta’ tixrid tar-riżultati ta’ riċerka, ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

3.      Il-kopertura mill-garanzija [ta]l-Istat tal-attivitajiet ta’ trasferimenti teknoloġiċi mwettqa mill-[IFPEN] fl-oqmsa stipulati mill-ftehim esklussiv ta’ żvilupp, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ użu ffirmat mas‑sussidjarja tiegħu Beicip-Franlab ma tikkostitwix għajnuna mill‑Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

4.      Il-kopertura mill-garanzija [ta]l-Istat tal-attivitajiet ta’ trasferimenti teknoloġiċi mwettqa mill-[IFPEN] fl-oqsma stabbiliti mill-ftehimiet esklussivi ffirmati mas-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni [2009/157] tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

5.      Il-kopertura mill-garanzija [ta]l-Istat tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali u tas-servizzi mwettqa mill-[IFPEN], kemm għal parti terza kif ukoll għas-sussidjarji tiegħu, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

[…]

Artikolu 3

Għall-perjodu bejn is-7 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2009, il‑kopertura mill-garanzija [ta]l-Istat tal-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1 (4 u 5) ta’ din id-Deċiżjoni, kienet tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

Mill-1 ta’ Jannar 2010, u sat-tmiem tal-ftehimiet esklussivi bejn l‑[IFPEN u] s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat imsemmija fl‑Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni [2009/157], il-kopertura mill‑garanzija [ta]l-Istat tal-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ din id‑Deċiżjoni, tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq intern, sakemm ikunu rispettati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.      Ir-rapport finanzjarju annwali msemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni [2009/157] għandu jinkludi, minbarra l-elementi diġà msemmija fl‑Artikolu 5 (1) ta’ din id-Deċiżjoni, l-elementi elenkati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Ir-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi l-ammont, ir-rata tal‑interess u l-kundizzjonijiet kuntrattwali tas-self irreġistrat mill‑[IFPEN] matul il-perjodu annwali kkunsidrat, kif ukoll stima tal‑ammont gross ekwivalenti għal sussidju taż-żieda possibbli fl‑interessi marbuta mal-garanzija [ta]l-Istat, ħlief biex tingħata l-prova li dawn il-kuntratti ta’ self huma konformi mal-kundizzjonjiet normali tas-suq, kemm billi jitqabblu l-kundizzjonijiet tagħhom ma’ dawk miksuba mill-[IFPEN] qabel ma bidel l-istatut tiegħu, kemm abbażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.

3.      Ir-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi t-total tal-assi u s‑servizzi miksuba mill-[IFPEN] mingħand fornituri biex iwettaq is‑servizzi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(4) u (5) ta’ din id‑Deċiżjoni, matul il-perjodu annwali meqjus, kif ukoll stima massima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju tal-għajnuna li jirriżulta minn apprezzament aktar favorevoli mill-fornituri tar-riskju ta’ falliment tal-intrapriża. Din l-istima għandha titwettaq kemm bl‑applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 2.5 % fuq it-total tal-akkwisti mwettqa, kif ukoll fuq il-bażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.

4.      Ir-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi t-total tal-attivitajiet ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 1(4) u (5) ta’ din id-Deċiżjoni, imwettqa mill-[IFPEN] matul il-perjodu annwali meqjus, kif ukoll stima massima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju tal-għajnuna li tirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni, jew tal-anqas ta’ sforz aqwa, offruta lill-benefiċjarji tas‑servizzi ekonomiċi msemmija. Din l-istima għandha titwettaq kemm bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 5 % fuq it-total tas-servizzi mwettqa, kif ukoll fuq il-bażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

1.      L-ammont totali tal-fondi pubbliċi allokati għall-attivitajiet tal‑[IFPEN] fl-oqsma tal-attività esklussivi ta’ Axens u ta’ Prosernat, inkluż l-impatt massimu tal-garanzija [ta]l-Istat hekk kif stmata fl‑Artikolu 5(2), (3) u (4) ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jkun inqas mill‑intensità massima awtorizzata mill-Qafas Komunitarju dwar l‑għajnuna mill-Istat għar‑riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

2.      F’każ li jinqabeż il-limitu msemmi fil-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jekk ikun meħtieġ l-għajnuna żejda għandha titħallas lura mis‑sussidjarja kkonċernata Axens jew Prosernat lill-[IFPEN].

Artikolu 7

Mill-1 ta’ Jannar 2010, il-kopertura mill-garanzija [ta]l-Istat tal‑attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(5) tikkostitwixi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern sakemm jiġu rispettati l‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

1.      L-attivitajiet ta’ riċerka kuntrattwali u tal-għotja ta’ servizzi mwettqa mill-[IFPEN], imsemmija fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu kumplementari għall-attività prinċipali tiegħu ta’ riċerka pubblika indipendenti.

[…]

3.      Kull sena, Franza għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport dwar l‑attivitajiet ta’ riċerka kuntrattwali u ta’ għotja ta’ servizzi mwettqa mill-[IFPEN], li jispeċifika l-proporzjon tat-total tagħhom fil-baġit iddedikat mill-[IFPEN] għall-attivitajiet ta’ riċerka pubblika indipendenti tiegħu.

Artikolu 9

1.      L-awtoritajiet Franċiżi u l-[IFPEN] għandhom jinkludu n-nota li ġejja, għal kull operazzjoni, fil-kuntratt ta’ finanzjament (għal kull strument kopert minn kuntratt):

‘Il-ħruġ / il-programm / is-self ma jibbenefika mill-ebda garanzija tal‑ebda tip, diretta jew indiretta, min-naħa tal-Istat. F’każ ta’ insolvenza, l-Istat ma jkunx obbligat li jassisti finanzjarjament lill‑[IFPEN] għall-ħlas tad-dejn.’

2.      L-awtoritajiet Franċiżi għandhom idaħħlu klawżola simili, li tneħħi r‑responsabbiltà tal-Istat, f’kull kuntratt relatat mas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali jew tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 1(5) ta’ din id‑Deċiżjoni.

3.      L-awtoritajiet Franċiżi għandhom idaħħlu klawżola simili, li tneħħi r‑responsabbiltà tal-[IFPEN] u tal-Istat, f’kull kuntratt li jinvolvi dejn iffirmat mill-kumpaniji b’responsabbiltà limitata Axens, Beicip-Franlab, u Prosernat.

4.      L-[IFPEN] għandu jastjeni milli jagħti xi forma ta’ garanzija, ittra ta’ intenzjoni jew ta’ konfort għall-benefiċċju tal-kumpaniji b'responsabbiltà limitata Axens, Beicip-Franlab, u Prosernat li ma tkunx konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat rikors kontra d‑deċiżjoni kkontestata, irreġistrat bin-numru T‑479/11.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Diċembru, UOP talbet, fit-terminu previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

27      Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha relatati ma’ din it-talba għal intervent permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Jannar 2012. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet.

28      B’digriet tal‑25 ta’ Jannar 2012, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla) ċaħdet it‑talba għal intervent ta’ UOP.

29      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2012, l‑IFPEN ippreżentat rikors irreġistrat bin-numru T‑157/12.

30      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Lulju 2012, UOP talbet, fit-terminu previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal‑Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, sabiex tintervjeni f’din il-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

31      L-IFPEN u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom relatati ma’ din it-talba għal intervent permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2012.

32      B’digriet tat-23 ta’ Novembru 2012, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Sitt Awla) ċaħdet it‑talba għal intervent ta’ UOP.

33      Peress li nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, u konsegwentement, il‑Kawżi T‑479/11 u T‑157/12, ġew assenjati lil din l-awla.

34      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Diċembru 2013, wara li sema’ lill-partijiet, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-proċedura fil-Kawżi T‑479/11 u T‑157/12 sakemm tingħata d-deċiżjoni finali mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑559/12 P, Franza vs Il‑Kummissjoni.

35      Wara l-għoti tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, iktar ’il quddiem is-sentenza “La Poste”, EU:C:2014:217), il-Qorti Ġenerali talbet, minn naħa, lir‑Repubblika Franċiża u lill-Kummissjoni sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu minn dik is-sentenza għar-rikors fil-Kawża T‑479/11 u, min-naħa l‑oħra, lill‑IFPEN u lill-Kummissjoni sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu minnha għar-rikors fil-Kawża T‑157/12.

36      Ir-Repubblika Franċiża, l-IFPEN u l-Kummissjoni ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Mejju 2014.

37      Fit-8 ta’ Settembru 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T‑479/11 u T‑157/12.

38      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2015, wara li sema’ lill‑partijiet, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali għaqqad il‑Kawżi T‑479/11 u T‑157/12 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni finali.

39      Is-sottomissjonijiet orali u r-risposti tal-partijiet fil-kawżi magħquda għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta li nżammet fit-8 ta’ Ottubru 2015.

40      Ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

41      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

42      Fil-Kawża T‑479/11, ir-Repubblika Franċiża tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors.

43      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Franċiża tiffoka fuq il-kwistjonijiet tal-oneru u tal-livell ta’ prova mitluba fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tressaq argumenti, maqsuma fi tliet partijiet, li permezz tagħhom issostni, qabelxejn, li l‑Kummissjoni ma pprovatx b’mod pożittiv l-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIC, imbagħad, li l‑Kummissjoni ma pproduċietx provi biżżejjed sabiex tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN u, finalment, li l-Kummissjoni ma pprovatx it‑trasferiment tar-riżorsi tal-Istat relatati mal-imsemmi vantaġġ.

44      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l‑Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt billi kkunsidrat li l‑IFPEN, minħabba l-istatus ta’ EPIC tiegħu, kien jibbenefika minn garanzija impliċita u illimitata tal-Istat.

45      Finalment, it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ vantaġġ selettiv. Permezz ta’ dan il-motiv, maqsum f’żewġ partijiet, minn naħa, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l‑eżistenza ta’ garanzija, anki kieku kellu jitqies li teżisti, toħloq vantaġġ favur l-IFPEN, kemm fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, kif ukoll fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Min-naħa l-oħra, u b’mod sussidjarju, hija tikkontesta t‑talbiet tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment tal-imsemmi vantaġġ lis‑sussidjarji rregolati mid-dritt privat ta’ IFPEN, Axens u Prosernat.

46      Fil-Kawża T‑157/12, l-IFPEN jinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tiegħu.

47      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ kompetenza limitata stabbiliti bl-Artikolu 5 TUE u bl-Artikolu 2 TFUE. Permezz ta’ dan il-motiv, l-IFPEN jikkontesta, essenzjalment, it-talba tal-Kummissjoni li, fid-dritt Franċiż, teżisti garanzija impliċita u illimitata tal-Istat, inerenti fil-kunċett ta’ EPIC.

48      It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku reali għall-IFPEN u għas-sussidjarji tagħha. Permezz ta’ dan il-motiv, maqsum fi tliet partijiet, qabelxejn l-IFPEN isostni li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova, skont l-istandard ta’ prova mitlub mill‑ġurisprudenza, l-eżistenza favur tiegħu ta’ vantaġġ reali minħabba l‑garanzija inkwistjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r‑relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu mal‑klijenti. Imbagħad, huwa jsostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt it-trasferiment tal-imsemmi vantaġġ ekonomiku lejn is-sussidjarji tagħha rregolati mid-dritt privat Axens u Prosernat. Finalment, huwa jikkunsidra li ma teżistix rabta suffiċjenti bejn l-imsemmi vantaġġ ekonomiku u t-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat li ġejjin mill‑garanzija inkwistjoni.

49      It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-garanziji jew, b’mod sussidjarju, tal-Artikolu 107(1) TFUE. Permezz ta’ dan il-motiv, l-IFPEN isostni, essenzjalment, li l-punt 1.2 tal-Avviż dwar il-garanziji ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jivvalida l-eżistenza ta’ awtomatiċità bejn, minn naħa, l-impossibbiltà legali u ġuridika li entità tkun suġġetta għal proċedura ta’ falliment u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġ ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament iktar favorevoli fis-swieq, li jikkostitwixxi vantaġġ selettiv.

50      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal‑iffissar tal-ammont tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN. Permezz ta’ dan il-motiv, maqsum f’żewġ partijiet, l-IFPEN jikkontesta r-rilevanza tal‑użu tal-fatturazzjoni u tal-garanziji ta’ prestazzjoni jew tal-garanziji ta’ sforz aqwa sabiex jiġi stmat l-ammont tal-vantaġġ li huwa ħa mill‑garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal‑klijenti. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod żbaljat l-intensità tal-għajnuna mill-Istat allegatament identifikata kemm għalih kif ukoll għas-sussidjarji tiegħu.

51      Fl-aħħar nett, il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz ta’ dan il-motiv, l-IFPEN isostni, essenzjalment, li l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur EPIC li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-obbligu ta’ notifika minn qabel u obbligi oħra imposti fuqu u fuq ir-Repubblika Franċiża, huma sproporzjonati.

52      L-eżami tal-motivi ppreżentati mir-Repubblika Franċiża u mill-IFPEN, kif ukoll tar-risposta mogħtija lilhom mill-Kummissjoni, jippermetti li jinsiltu żewġ kwistjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn ir-rikorsi.

53      Fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk fid-dritt nazzjonali Franċiż teżistix garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur l-EPIC li hija inerenti fl-istatus ta’ dawn l-istabbilimenti u li tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li ma humiex suġġetti għall-proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni.

54      Madankollu, ikkonsultati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal‑konsegwenzi li għandhom jinsiltu għar-rikorsi tagħhom mis‑sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), permezz tal-ittri tagħhom tal-5 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti rrinunzjaw għall-motivi relatati mal-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fil-kunċett ta’ EPIC.

55      Fit-tieni lok, peress li l-eżistenza tal-garanzija impliċita u illimitata tal‑Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kkonkludietx b’mod korrett li din il-garanzija kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata, prinċipalment, il-kwistjoni dwar jekk din il-garanzija nisslitx, għall-IFPEN, vantaġġ selettiv li huwa wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Filwaqt li teżamina din il-kwistjoni, il‑Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra l-possibbiltà, li tirriżulta mis‑sentenza tat‑3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali vantaġġ permezz ta’ preżunzjoni.

56      Il-kwistjonijiet l-oħra kollha msemmija mir-rikorrenti fir-rikorsi, jiġifieri, l-ewwel nett, it-trasferiment tal-vantaġġ li tnissel għall-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu rregolati mid-dritt privat, imbagħad, ir-rabta ta’ konnessjoni bejn l‑imsemmi vantaġġ u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jirriżultaw mill‑garanzija inkwistjoni u, finalment, in-natura proporzjonata tal‑obbligi imposti mill-Kummissjoni fuq ir‑Repubblika Franċiża, għandhom bħala premessa l-eżistenza ta’ vantaġġ li l-IFPEN stess ħa mill-garanzija tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivi li jirrigwardaw il-kwistjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma sussidjarji meta mqabbla ma’ dawk li jirrigwardaw l‑eżistenza tal-vantaġġ favur l-IFPEN.

 Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u relatati mal‑eżistenza u mal-kalkolu tal-vantaġġ għall-IFPEN

57      L-ewwel parti tat-tieni motiv u r-raba’ motiv tar-rikors fil-Kawża T‑157/12, kif ukoll it-tieni parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat‑tielet motiv tar-rikors fil-Kawża T‑479/11, jirrigwardaw essenzjalment l-eżistenza tal-vantaġġ li l-IFPEN ħa mill-garanzija tal‑Istat inerenti fl-istatus tiegħu ta’ EPIC u, sa ċertu punt, l-istima tal-ammont ta’ dan il-vantaġġ.

58      L-argumenti li r-rikorrenti jressqu fil-kuntest tal-motivi msemmija iktar ’il fuq, irrigwardaw, kważi b’mod totali, il-vantaġġ selettiv li l-IFPEN ħa mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u l‑klijenti u, b’mod iktar partikolari, il-metodu magħżul mill‑Kummissjoni sabiex tistabbilixxi dan il-vantaġġ u l-prova prodotta sabiex turi l-eżistenza tiegħu. Madankollu, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta wkoll, minkejja li b’mod limitat, ċerti osservazzjonijiet tal‑Kummissjoni relatati mal-vantaġġ li jista’ jimmaterjalizza fir‑relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

59      B’hekk, skont dan ir-raġunament, il-Qorti Ġenerali ser teżamina, fl‑ewwel lok, l-argumenti relatati mal-vantaġġ imnissel fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu u, fit-tieni lok, il-vantaġġ li jista’ jitnissel fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

 Fuq il-vantaġġ fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu

60      Fl-ewwel lok, l-IFPEN u r-Repubblika Franċiża jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova, skont l-istandard tal-prova mitlub mill-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku li l‑IFPEN ħa mill-garanzija inkwistjoni.

61      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, f’dak li jirrigwarda l-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tal-inqas turi li l-miżura eżaminata tipproduċi jew tista’ tipproduċi effetti fuq il‑kompetizzjoni. Huma jiddikjaraw li, għalkemm l-analiżi tal-Kummissjoni tista’ tkun prospettiva, hija ma tistax tkun kompletament ipotetika, iżda għandha, għall-kuntrarju, tippermetti li jiġi ddefinit vantaġġ u li jiġi żgurat li dan tal-aħħar jipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

62      Il-prova tal-eżistenza tal-vantaġġ fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal‑fornituri u l-klijenti hija bbażata fuq ipoteżijiet mhux sostnuti minn provi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda xhieda ta’ fornitur jew ta’ klijent u, a fortiori, ma pprovatx in-natura abitwali u sistematika tal-antiċipazzjoni, mill-fornituri u mill-klijenti, tal‑impossibbiltà li jissuġġettaw EPIC għal proċedura ta’ insolvenza. Barra minn hekk, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti, ir-rikorrenti jirrilevaw in-natura konfuża, jekk mhux saħansitra inkomprensibbli, ta’ ċerti siltiet mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

63      Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li l-Kummissjoni ma osservatx l‑obbligi tagħha fir-rigward ta’ investigazzjoni meta argumentat abbażi ta’ preżunzjoni minflok ma fittxet mingħand fornituri u klijenti tal-IFPEN eventwali provi tanġibbli ta’ imġieba li tista’ tiġi attribwita lilhom.

64      B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li, skont il-ġurisprudenza, b’mod partikolari, skont is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), hija ma kellhiex tipprova l-effetti konkreti jew reali tal-miżura sabiex tipprova l‑eżistenza tal-għajnuna. Imbagħad, hija tiddikjara, li, fil-każ tal-iskemi ta’ għajnuna, hija tista’, skont il-ġurisprudenza, tillimita ruħha sabiex tanalizza l-karatteristiċi ġenerali ta’ skema sabiex tivverifika jekk fihiex elementi ta’ għajnuna, mingħajr ma jkollha tikkaratterizza l‑vantaġġ f’kull każ partikolari. Finalment, hija ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija għamlet il-kalkolu u mhux il-prova tal-vantaġġ.

65      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-metodu magħżul mill‑Kummissjoni sabiex tikkalkola l-ammont tal-vantaġġ mogħti lill‑IFPEN mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal‑fornituri u mal-klijenti. B’mod partikolari, huma jsostnu li l‑fatturazzjoni u l-garanziji ta’ prestazzjoni jew ta’ sforz aqwa, li l‑Kummissjoni għażlet bħala indikaturi ta’ paragun, ma humiex rilevanti sabiex issir tali evalwazzjoni.

66      F’dak li jirrigwarda, minn naħa, ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li billi użat il‑fatturazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk il-fornituri jevalwax b’mod iktar favorevoli r-riskju ta’ inadempjenza ta’ EPIC, u b’mod iktar partikolari tal-IFPEN stess, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat in-natura u l‑funzjonament tas-servizzi tal-fatturazzjoni kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom l-impriżi jistgħu jużawhom. Skont ir-rikorrenti, il‑konklużjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata huma kontradittorji u, barra minn hekk, kontradetti minn data oġġetiva, imressqa lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi matul il-proċedura formali. Finalment, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tikkonstata fid-deċiżjoni kkontestata, il-prezzijiet użati mill-fornituri tal-IFPEN żdiedu matul il-perijodu kkonċernat.

67      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l‑klijenti, ir-rikorrenti jindikaw, essenzjalment, li l-garanzija ta’ prestazzjoni ma tintużax fis-settur tar-riċerka u li, barra minn hekk, hija timplika obbligu ta’ riżultat u, minħabba f’hekk, ma tistax tkun ipparagunata ma’ garanzija ta’ sforz aqwa li timplika obbligu tal-aħjar sforz. Barra minn hekk, fil-każ tar-relazzjonijiet kuntrattwali tiegħu, l‑IFPEN huwa diġà marbut b’tali obbligu tal-aħjar sforz li huwa kuntrattwalment limitat u, għalhekk, ma għandux ikun hemm primjum supplimentari li jikkorrispondi għal garanzija tal-Istat integrata fl‑ispiża li sservi bħala bażi sabiex jiġi kkalkolat il-prezz tas-servizzi tiegħu fil‑konfront tal-klijenti tiegħu. Finalment, skont ir-rikorrenti, ir‑raġunament magħżul mill-Kummissjoni neċessarjament iwassalha għall-konklużjoni, manifestament distorta, li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż mill-IFPEN ma’ wieħed mill-klijenti tiegħu, l-Istat jikkumpensa lill-klijent għal dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, anki jekk in-nuqqas ma jkunx ġie kkawżat mill-insolvenza tal-IFPEN.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi tinvoka l‑argumenti li jirriproduċu, essenzjalment, l-osservazzjonijiet ippreżentati fid-deċiżjoni kkontestata. Waqt is-seduta, hija insistiet fuq il-fatt li l-użu tar-“raġunament f’termini ta’ spiża ta’ kopertura tar-riskju ekwivalenti” sabiex jiġi stmat il-valur tal-vantaġġ li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija inkwistjoni kien iġġustifikat mid-diffikultajiet li hija kellha tegħleb meta kienet qiegħda twettaq din l-istima, diffikultajiet li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-assenza fis-suq ta’ servizz komparabbli ma’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza mibjugħa bħala tali.

69      Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-argumenti, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, skont l‑Artikolu 107(1) TFUE, ta’ miżura meħuda fir-rigward ta’ impriża tirrikjedi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, hija għandha tagħti vantaġġ esklużivament favur ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attività. Ir-raba’ nett, hija għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni, T‑55/99, EU:T:2000:223, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, EU:C:2006:197, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda wkoll l-interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment ikunu ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, mingħajr ma huma sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. Huma wkoll ikkunsidrati bħala għajnuna l-interventi kollha mill-Istat li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il‑prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 34). F’dan ir-rigward, skont il‑ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas‑suq, il‑Kummissjoni għandha tagħmel analiżi kompleta tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni kkontestata u tal-kuntest tagħha, inkluż tas‑sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 251, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni, T‑163/05, EU:T:2010:59, punt 37).

72      F’dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill‑Istat, ġurisprudenza stabbilita tobbliga lill-Kummissjoni twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminanti b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi biex adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli biex tagħmel dan (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Finalment, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit f’din id‑dispożizzjoni, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola, u fid-dawl tal-elementi konkreti tat-tilwima mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal‑evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa. Madankollu, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 101 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom isiru fil-kuntest tal-Unjoni, dan ma jfissirx li l‑qorti tal-Unjoni għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil‑fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 102 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

76      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata d‑deċiżjoni kkontestata.

77      L-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw l-analiżi ppreżentata mill‑Kummissjoni fil-Kapitolu 7.1.4 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “L-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għall-grupp [IFPEN]”, li fih il‑Kummissjoni eżaminat, minn naħa, il-kwistjoni tal-eventwali vantaġġi b’riżultat tal-garanzija inkwistjoni għall-IFPEN stess u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tat-trasferiment possibbli ta’ dawn l-eventwali vantaġġi lill-kumpanniji sussidjarji tiegħu (premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata).

78      F’dak li jirrigwarda l-vantaġġ selettiv li l-IFPEN ħa mill-garanzija inkwistjoni għalih stess, fil-premessi 193 u 194 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni spjegat qabelxejn l-approċċ li hija kienet ser issegwi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu. Il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, hija kienet indikat li l-IFPEN seta’ jikseb vantaġġ mill-istatus tiegħu ta’ EPIC, prinċipalment permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament iktar favorevoli fis-swieq tal-kapital. Madankollu, peress li, “f’każ ta’ falliment tal-IFPEN, il-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus tiegħu ta’ EPIC tirrigwarda d-djun kollha tiegħu, jiġifieri mhux biss id-djun finanzjarji li huwa jista’ jkollu fil-konfront ta’ kredituri istituzzjonali, iżda wkoll [...] id-djun kummerċjali jew anki ta’ xi natura oħra, b’mod partikolari d-djun dovuti lill-fornituri (li l-fatturi tagħhom għadhom ma tħallsux), jew lill-klijenti (li jkunu għadhom ma ngħatawx is-servizzi)”, l-eżistenza tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN bl‑istatus tiegħu ta’ EPIC kellha tiġi analizzata kemm fir-rigward tar‑relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu (premessi 193 u 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      Fil-partijiet sussegwenti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat, l‑ewwel nett, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, li minkejja li l-IFPEN ma huwiex suġġett għal klassifikazzjoni finanzjarja minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu esterna, il-finanzjamenti li ngħatawlu kienu neċessarjament suġġetti għal evalwazzjoni tar-riskju ta’ inadempjenza mill‑kredituri tiegħu. Peress li, skont il-Kummissjoni, l-IFPEN kien irrikorra għas-suq tal-kreditu biex jiffinanzja d-dejn tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li kien jibbenefika minn vantaġġ ekonomiku marbut mat‑teħid inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tas-swieq finanzjarji, tar‑rwol tal-Istat bħala garanti finali għad-dejn tiegħu. Madankollu, wara li eżaminat il-kundizzjonijiet tas-self meħud mill-IFPEN kif ukoll l-offerti ta’ linji ta’ kreditu proposti lilu matul il-perijodu mill-bidla tiegħu f’EPIC sa tmiem l-2010, hija kkonstatat li dawn il‑kundizzjonijiet kienu jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet tas-suq. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li, matul il-perijodu mill-2006 sal-2010, l-IFPEN ma kien ħa l-ebda vantaġġ ekonomiku reali mill‑istatus tiegħu ta’ EPIC fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Madankollu, hija ma eskludietx il-possibbiltà li tali vantaġġ jista’ jimmaterjalizza fil-futur (premessi 195 sa 200 tad‑deċiżjoni kkontestata).

80      It-tieni nett, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri, qabelxejn, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien jeżisti fenomenu ta’ tnaqqis tal-prezzijiet applikati mill-fornituri ta’ EPIC li kien jirriżulta mill‑evalwazzjoni iktar favorevoli mill-imsemmija fornituri tar-riskju ta’ inadempjenza ta’ dan l-istabbiliment, peress li kienu jafu li kien protett mir-riskju ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja. Imbagħad, il‑Kummissjoni ppruvat tistma l-ammont ta’ dan it-tnaqqis tal-prezzijiet għall-IFPEN permezz ta’ indikatur ta’ paragun, jiġifieri l-użu tal‑fatturazzjoni. L‑għażla tal-fatturazzjoni kienet immotivata mill-fatt li, skont il-Kummissjoni, fl-assenza ta’ garanzija tal-Istat, fornitur tal‑IFPEN li jixtieq jibbenefika minn garanzija komparabbli (jiġifieri jkopri lilu nnifsu kompletament mir-riskju ta’ inadempjenza tal-kokuntrattur tiegħu) jista’ jirrikorri għas-servizzi ta’ stabbiliment ta’ kreditu jew ta’ assigurazzjoni speċjalizzat, jew juża s-servizzi ta’ waħda mill-kumpanniji ta’ fatturazzjoni li jipproponu, fost is-servizzi tagħhom, l-aċċettazzjoni tar-riskju ta’ inadempjenza. Il-Kummissjoni vverifikat x’kienet, normalment, ir-remunerazzjoni tas-servizz ta’ fatturazzjoni u użat il-primjum globali massimu normalment mitlub mill-kumpanniji ta’ fatturazzjoni sabiex tagħti stima tal-ammont tal-vantaġġ għall‑IFPEN. Finalment, wara li għamlet, fuq din il-bażi, il-kalkolu tal‑valur tat-tnaqqis tal-prezz li kien offrut lill-IFPEN mill-fornituri tiegħu, il‑Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 214 tad-deċiżjoni kkontestata, li, matul il-perijodu mill-bidla tiegħu f’EPIC sal-2009, dan it-tnaqqis tal-prezz ma setax jaqbeż somma ta’ [informazzjoni kunfidenzjali moħbija] euro fis-sena. Il-Kummissjoni kklassifikat dan it-tnaqqis ta’ prezz bħala vantaġġ ekonomiku reali li minnu bbenefika l‑IFPEN minħabba l-garanzija tal-Istat inkwistjoni (premessi 203 sa 215 tad‑deċiżjoni kkontestata).

81      It-tielet nett, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti, qabelxejn, il-Kummissjoni indikat li, bis-saħħa tal-garanzija mogħtija mill-Istat lill-IFPEN, il-klijenti tiegħu kienu żgurati li dan tal-aħħar ma kien ser ikun qatt f’sitwazzjoni ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja u ser ikun għalhekk dejjem f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu jew, jekk ma jagħmilx dan, li huma jirċievu kumpens għal dan in‑nuqqas. Skont il-Kummissjoni, fin-nuqqas tal-garanzija mogħtija lill‑IFPEN mill-Istat, klijent li jixtieq jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni jkollu jirreġistra ma’ intermedjarju finanzjarju għal garanzija ta’ prestazzjoni biex ikun żgurat il-ħlas tal-kuntratt li jorbtu mal-IFPEN (premessi 220 u 221 tad-deċiżjoni kkontestata). Imbagħad, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ispiża ta’ tali garanzija tirrappreżenta massimu ta’ 5 % tad-dħul iġġenerat mis-servizz kopert u hija ppruvat tidentifika, fost l-attivitajiet tal-IFPEN, is-servizzi li huma koperti b’din il-garanzija (premessi 223 sa 225 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, hija kkonkludiet li matul il-perijodu mill-bidla tiegħu f’EPIC sal-2009, l-IFPEN ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fin‑nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni, tal-inqas, għal sforz aqwa, li huwa seta’ joffri lill-klijenti tiegħu fuq l-attivitajiet ta’ riċerka tiegħu, inklużi fir-rigward tas‑sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fil-qasam esklużiv tagħhom. Il‑Kummissjoni ppreżentat il-kalkolu tal-ammont stmat ta’ dan il‑vantaġġ fit-tabella Nru 5 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 216 sa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Fid-dawl tas-siltiet mid-deċiżjoni kkontestata ċċitati iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu li l-Kummissjoni għażlet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza, għall-IFPEN, ta’ vantaġġ ekonomiku li minnu bbenefika minħabba l-istatus tiegħu ta’ EPIC kien jikkonsisti fl-eżami tal-vantaġġ imnissel fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-kredituri tiegħu, f’dan il-każ l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-fornituri u l‑klijenti. Tali metodu jippreżupponi l-eżami tal-influwenza li l‑imsemmija garanzija teżerċita fuq dawn ir-relazzjonijiet u d‑determinazzjoni tal-aġir li dawn il-kredituri, li għandhom id-dritt li jinvokaw il-garanzija fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ somma flus jew ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ servizz ieħor, jistgħu jadottaw meta jkunu jafu b’din il-garanzija.

83      Dan il-metodu ma huwiex żbaljat fid-dritt.

84      Fil-fatt, minn naħa, garanzija hija impenn anċillari li ma għandux jiġi eżaminat billi jiġi sseparat mill-obbligu li fuqu huwa bbażat. Minħabba din in-natura, l-impenn tal-Istat li jieħu l-forma ta’ garanzija ma jistax jitqies li huwa għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE fih innifsu, iżda biss flimkien mal-obbligu li jsostnih. Minn dan jirriżulta li, kif il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet matul is-seduta, garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat minħabba s-sempliċi fatt li tingħata b’xejn.

85      Min-naħa l-oħra, il-partikolarità tal-garanzija li hija s-suġġett tad‑deċiżjoni kkontestata hija li hija inerenti fl-istatus tal-impriża li hija l-benefiċjarja tagħha. Għalhekk ma hijiex marbuta ma’ obbligu partikolari, iżda tkopri l-obbligi kollha ta’ din l-impriża.

86      Minħabba din il-partikolarità, il-garanzija li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tinfluwenza l-perċezzjoni li għandhom il-kredituri tal‑impriża li hija l-benefiċjarja tagħha. Fil-fatt, għalkemm il-kredituri ta’ din l‑impriża ma għandhomx il-possibbiltà li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tal‑garanzija, huma jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tagħha billi jinnegozjaw ma’ din l-impriża l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tagħhom stess.

87      B’hekk, il-vantaġġ, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 69 sa 71 iktar ’il fuq, li jirriżulta minn garanzija [ta]l-Istat inerenti fl-istatus tal‑impriża li hija l‑benefiċjarja tagħha jimmaterjalizza ruħu fir-relazzjoni li torbot lil din l-impriża mal-kredituri tagħha, f’dan il-każ l‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-fornituri u l-klijenti. Huwa jikkonsisti fi trattament iktar favorevoli li dawn il-kredituri, peress li jistgħu jużaw il-garanzija f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ somma flus jew tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ servizz ieħor, jagħtu lill-impriża benefiċjarja, filwaqt li b’hekk inaqqsu l-ispejjeż li normalment ikunu ta’ piż fuq il‑kontijiet tagħha jew jimmassimizzaw il-prodotti li minnhom tibbenefika.

88      Finalment, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti vantaġġ f’każ partikolari, jeħtieġ li t-trattament iktar favorevoli li l-kredituri jagħtu lill-impriża benefiċjarja tal-garanzija kif ukoll l-ispejjeż u l-prodotti ta’ din l‑impriża li jitnaqqsu jew jiżdiedu b’dan it-trattament jiġu stabbiliti billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tat‑tranżazzjoni kkontestata u tal-kuntest tagħha, inkluż tas-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat.

89      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jikkonfermaw li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-premessi 193 u 194 tad‑deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi l-eżistenza tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN mill-garanzija inkwistjoni f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tiegħu ma’ tliet gruppi tal-kredituri tiegħu: l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-fornituri u l-klijenti.

90      Għall-kuntrarju, il-mod li bih il-Kummissjoni applikat dan il-metodu f’dan il-każ fih nuqqasijiet kbar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-vantaġġ li minnu l-IFPEN allegatament ibbenefikat fir-relazzjonijiet tagħha mal-fornituri u mal-klijenti.

91      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-Kummissjoni ddefinixxiet il‑vantaġġ li minnu seta’ jibbenefika l-IFPEN minħabba l-garanzija inkwistjoni bħala li jikkonsisti f’kundizzjonijiet ta’ finanzjament iktar favorevoli li minnhom l-IFPEN jista’ jibbenefika fis-swieq finanzjarji.

92      Din id-definizzjoni tal-vantaġġ ma għandhiex tiġbed kritika sa fejn kemm il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Avviż dwar il‑garanziji jirrikonoxxu li, fil-preżenza ta’ garanzija tal-Istat, inkluża garanzija li tirriżulta mill-istatus tal-impriża li ma hijiex suġġetta għall‑proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni, il-kredituri bħall-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji jistgħu jagħtu trattament iktar favorevoli lill-impriża benefiċjarja ta’ din il-garanzija li jieħu l-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament iktar vantaġġużi. Huwa f’dan is-sens li l-eżistenza tal-garanzija tal-Istat tista’ twassal għal tnaqqis tal-ispejjeż li normalment ikunu ta’ piż fuq il-kontijiet tal-impriża benefiċjarja tal‑garanzija.

93      Madankollu hemm lok li jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni espliċitament eskludiet l-eżistenza ta’ tali vantaġġ, peress li kkonstatat, fi tmiem l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ self meħud mill-IFPEN jew tal-offerti ta’ self magħmula lil dan tal-aħħar, qabel u wara l-bidla tiegħu f’EPIC, li, matul il-perijodu bejn din il-bidla u l-aħħar tal-2010, dawn il-kundizzjonijiet kienu jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet tas‑suq (premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata).

94      Għall-kuntrarju ta’ dak li hija kkonstatat fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanzija inkwistjoni tat lil IFPEN “vantaġġ ekonomiku reali”. Din il-konklużjoni ma tgħaddix mill‑iskrutinju. Fil-fatt, kif ser jintwera iktar ’il quddiem, hija bbażata fuq raġunament purament ipotetiku li, barra minn hekk, ma huwiex ċar u koerenti, sal-punt li d-deċiżjoni kkontestata hija, parzjalment, ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

95      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddefinixxiet il-vantaġġ li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija tal-Istat inerenti fl-istatus tiegħu ta’ EPIC bħala tnaqqis tal-prezzijiet li l-fornituri tiegħu tawh minħabba l-fatt li dan l-istatus kien jikkostitwixxi garanzija illimitata tal-Istat kontra riskju ta’ inadempjenza li jirriżulta mill-insolvenza.

96      Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, jeżisti fenomenu ta’ “tnaqqis fil‑prezz li jirriżulta minn evalwazzjoni iktar favorevoli mill‑kokuntratturi tiegħu tar-riskju ta’ falliment minn entità li huma jafu li hija protetta mir-riskju ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja minħabba l‑istatut tagħha ta’ stabbiliment pubbliku”.

97      Min-naħa l-oħra, fil-premessa 214 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “għat-twettiq tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, l-[IFPEN] ibbenefika minn vantaġġ ekonomku reali, li jikkonsisti fi tnaqqis fil-prezzijiet mitluba mill-fornituri tiegħu, u li jirriżulta minn evalwazzjoni aktar favorevoli minn dawn tal-aħħar tar-riskju tal-falliment tal-intrapriża”.

98      Kif korrettament jirrileva l-IFPEN, mill-osservazzjonijiet magħmula fil-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mid-definizzjoni tal-vantaġġ mogħtija fil-premessa 214 tal-imsemmija deċiżjoni, jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, b’mod ġenerali, fil-preżenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat li tirriżulta mill-impossibbiltà legali li entità tkun suġġett għal proċedura ta’ insolvenza tad-dritt komuni, il-fornituri jevalwaw b’mod iktar favorevoli r-riskju ta’ falliment tal-istabbiliment li jgawdi din il-garanzija, li huma jirriflettu din l-evalwazzjoni iktar favorevoli fuq il-prezzijiet mogħtija lil dan l-istabbiliment u li t-tnaqqis tal-prezz hekk osservat huwa neċessarjament imputabbli lil din l-evalwazzjoni iktar favorevoli.

99      Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tinvoka ebda element li jista’ juri l-fondatezza tat-tliet ipoteżijiet li jifformaw dan l-argument. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda riferiment għal element li juri l-eżistenza, fis-suq ikkonċernat jew fil‑kummerċ b’mod ġenerali, ta’ fenomenu ta’ tnaqqis ta’ prezz mogħti, mill-fornituri tagħhom, lill-istabbilimenti li jgawdu garanzija tal-Istat kontra r-riskju ta’ insolvenza.

100    Barra minn hekk, il-fatti esposti fid-deċiżjoni kkontestata jikkontradixxu l-ipoteżijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-premessa 70 tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li impriża li pparteċipat fil‑proċedura amministrattiva bħala terz ikkonċernat, jiġifieri l‑kumpannija UOP, li hija kompetitur ta’ Axens, kienet iddikjarat li “jistgħu jingħataw termini preferenzjali lill-entità ‘IFP/Axens’ meta mqabbla mal-kompetituri tagħha”. Il-Kummissjoni żżid li, “għal dan, [l-imsemmija impriża] tirreferi għall-kuntratti ffirmati b’mod konġunt minn IFP u minn Axens imsemmija fid‑Deċiżjoni tal-ftuħ” u li l-eżistenza tagħhom kienet ikkonfermata mill-awtoritajiet Franċiżi.

101    Madankollu, fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fil‑parti tagħha ddedikata għall-analiżi tal-vantaġġi ttrasferiti lis‑sussidjarji rregolati mid-dritt privat tal-IFPEN, filwaqt li tirreferi għall‑kuntratti ffirmati b’mod konġunt mill-IFPEN u mis-sussidjarji tagħha, imsemmija fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, u filwaqt li tispeċifika li dawn kienu kuntratti ta’ forniment ta’ servizzi ta’ trasport għall-ivvjaġġar professjonali tal-persunal ta’ entitajiet differenti tal‑“grupp IFPEN”, il-Kummissjoni tirrileva li t-tnaqqis fil-prezzijiet li l-“grupp IFPEN” seta’ akkwista fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti ngħata għaliex inxtraw flimkien. Għalhekk, anki kieku kellu jitqies li l-fornituri setgħu jnaqqsu l-prezzijiet tas-servizzi tagħhom mibjugħa lill‑IFPEN u lis-sussidjarji tiegħu, l-elementi miġbura mill-Kummissjoni waqt il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali indikaw li dan it-tnaqqis fil-prezz seta’ kellu spjegazzjoni oħra minbarra l-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal‑Istat favur l-IFPEN.

102    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, is-sitwazzjoni tal‑IFPEN, ma hemm xejn fid-deċiżjoni kkontestata li jindika li l‑Kummissjoni eżaminat, jew saħansitra li kkunsidrat, il-kwistjoni jekk il‑perċezzjoni tal-IFPEN mill-fornituri tiegħu setgħetx kienet influwenzata b’xi mod mill-bidla ta’ dan l-istabbiliment f’EPIC jew jekk il-fornituri tiegħu applikawx trattament iktar favorevoli għall‑IFPEN wara l-bidla tiegħu f’EPIC. Id-deċiżjoni kkontestata saħansitra lanqas tinkludi argumenti li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni fittxet li ssir taf jekk il-fornituri tal-IFPEN kinux jafu dwar il-fatt li l‑istatus tiegħu tal-EPIC seta’ jiġi interpretat bħala garanzija tal-Istat kontra r-riskju ta’ insolvenza.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-awtoritajiet Franċiżi kkontestaw, waqt il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari fl‑ittri tagħhom tat-13 ta’ Ottubru 2008 u tal-25 ta’ Novembru 2010, in‑natura teoretika u konġetturali tar-raġunament tal-Kummissjoni relatat mal-allegat tnaqqis tal-prezz marbut mal-evalwazzjoni iktar favorevoli mill-fornituri tar-riskju ta’ falliment tal-IFPEN. L-awtoritajiet Franċiżi informaw ukoll lill-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ xiri tal‑IFPEN ma kinux affettwati mill-bidla ta’ dan tal-aħħar f’EPIC u li l‑perijodu medju sabiex l-IFPEN iħallas id-djun tal-fornituri baqa’ inqas mir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kodiċi kummerċjali Franċiż. Finalment, huma ddikjaraw li l-eżistenza tal-vantaġġ fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri kienet eskluża minħabba l‑obbligu ta’ kompetizzjoni li għalih l-IFPEN kien suġġett.

104    Huwa b’risposta għal dawn l-argumenti li, fil-premessa 203 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li kellha ssir distinzjoni bejn it-tnaqqis tal‑prezz li seta’ jirriżulta mill-kompetizzjoni tal-fornituri tal‑IFPEN u t-tnaqqis tal-prezz li jirriżulta mill-evalwazzjoni iktar favorevoli mill-fornituri tar-riskju ta’ falliment ta’ din l-impriża. Fil‑premessa ta’ wara, il-Kummissjoni immedjatament daħlet fl‑evalwazzjoni ta’ dan it-tnaqqis tal-prezz, billi indikat dan li ġej:

“Biex tqis it-tnaqqis fil-prezz li jirriżulta mill-evalwazzjoni aktar favorevoli tar-riskju ta’ falliment ta’ IPIK mill-fornituri tiegħu, il‑Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel il-kalkoli f’termini tal-ispiża tal-kopertura għal riskju ekwivalenti. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ garanzija mil-Istat, fornitur tal-IFPEN li jixtieq jibbenefika minn garanzija komparabbli (jiġifieri, ikopri lilu nnifsu kompletament mir-riskju ta’ falliment tal-kokuntrattur tiegħu) ikun jista’ jirrikorri għas-servizzi ta’ stabbiliment tal-kreditu jew tal-assigurazzjoni speċjalizzat. Din l-aċċettazzjoni tar-riskju ta’ falliment hija partikolarment proposta bħalissa mill-kumpaniji speċjalizzati fil‑fatturazzjoni.”

105    L-osservazzjonijiet magħmula fil-premessi 203 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessa 214 tal-imsemmija deċiżjoni, jesponu l-iżball loġiku li bih huwa vvizzjat ir-raġunament tal‑Kummissjoni.

106    Fil-fatt, minn dawn il-premessi jirriżulta li, fir-realtà, kulma għamlet il-Kummissjoni kien li ppermettiet l-eżistenza ta’ tnaqqis tal-prezz dovut għal evalwazzjoni iktar favorevoli, mill-fornituri, tar-riskju ta’ falliment tal-IFPEN, mingħajr ma vverifikat il-fondatezza ta’ din il-premessa. Imbagħad, hija kompliet tevalwa l-portata ta’ dan it-tnaqqis tal-prezz permezz ta’ indikatur li ma kienx ikejjel it-tnaqqis tal-prezz stess, iżda biss il-valur ta’ garanzija li hija qieset komparabbli għal dik li minnha kien jibbenefika l-IFPEN. Huwa dan l-aħħar valur li l‑Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 214 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala vantaġġ reali maħluq għall-IFPEN mill-fatt tal-garanzija inkwistjoni. B’hekk, minflok ma pprovat l-eżistenza ta’ vantaġġ, sabiex, wara, tikkalkola l-ammont tiegħu, il-Kummissjoni adottat raġunament kuntrarju billi ddeduċiet l-eżistenza tal-vantaġġ sempliċement mill-fatt li hija setgħet, billi tuża l-paragun, twettaq l-istima tagħha.

107    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ magħżul mill‑Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-vantaġġ li ħa l-IFPEN mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri huwa kompletament differenti minn dak adottat sabiex jiġi stabbilit il-vantaġġ fir-relazzjonijiet ta’ dan l-istabbiliment mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Fil-fatt, fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, il‑Kummissjoni wettqet riċerka tal-effetti reali tal-garanzija billi eżaminat, wieħed wieħed, is‑self meħud mill-IFPEN kif ukoll l-offerti ta’ linji ta’ kreditu li kienu proposti lilu wara l-bidla tiegħu f’EPIC, u billi pparagunat il‑kundizzjonijiet tagħhom mal-kundizzjonijiet ta’ self meħud qabel din il-bidla. Għall-kuntrarju, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mal‑fornituri, hija llimitat ruħha sabiex tapplika raġunament purament ipotetiku, filwaqt li naqset milli tivverifika l-ipoteżijiet tagħha permezz ta’ eżami tas-suq ikkonċernat.

108    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l‑eżistenza ta’ vantaġġ li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l‑oneru tal-prova, kif iddefinit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma pprovatx li, fil-preżenza ta’ garanzija bħall-garanzija inkwistjoni, il-fornituri tal-impriża benefiċjarja ta’ din il-garanzija setgħu jagħtuha trattament iktar favorevoli, b’mod partikolari billi jnaqqsu l-prezzijiet tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom u b’hekk jesprimu l-evalwazzjoni iktar favorevoli tagħhom tar-riskju ta’ falliment tal-imsemmija impriża. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-premessa 214 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-IFPEN ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fi tnaqqis tal-prezzijiet applikati mill-fornituri tiegħu u li jirriżultaw minn evalwazzjoni iktar favorevoli minn dawn tal-aħħar tar-riskju ta’ falliment tiegħu.

109    Barra minn hekk, fid-dawl tad-definizzjoni stess tal-vantaġġ li l‑IFPEN seta’ jislet mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal‑fornituri (ara l-punti 95 sa 97 hawn fuq), il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta, sabiex tagħti stima ta’ dan il-vantaġġ, hija għażlet li tirrikorri għall-fatturazzjoni skont “[i]l-ħsieb li tagħmel il‑kalkoli f’termini tal-ispiża tal-kopertura għal riskju ekwivalenti”, minflok ma eżaminat il-livelli tal-prezzijiet applikati mill-fornituri fir-rigward tal-IFPEN.

110    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti li bihom ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura rilevanti tal-użu tal-fatturazzjoni sabiex tingħata stima tal-vantaġġ miksub mill-IFPEN bil-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq l‑istima ta’ vantaġġ li l-eżistenza tiegħu ma ġiet ipprovata bl-ebda mod.

111    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l‑klijenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddefinixxiet il-vantaġġ li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija tal-Istat inerenti fl-istatus tiegħu ta’ EPIC bħala n-nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni jew, tal-inqas, ta’ sforz aqwa li huwa seta’ joffri lill-klijenti tiegħu.

112    Din id-definizzjoni hija bbażata fuq konstatazzjoni stabbilita minn xhud wieħed ta’ UOP, li skontu, fil-qasam ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji, ix-xerrejja kienu partikolarment sensittivi għall-garanziji li l-fornituri tagħhom setgħu jipprovdulhom, f’termini ta’ kopertura ta’ responsabbiltà kuntrattwali u extrakuntrattwali (premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li titlaq minn din il-konstatazzjoni, u wara li eskludiet bħala mhux rilevanti l-kwistjoni tal-kopertura mill-garanzija inkwistjoni tar‑responsabbiltà extrakuntrattwali tal-IFPEN, fil-premessi 220 u 221 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“(220)  […] b’kunsiderazzjoni għall-garanzija mogħtija mill-Istat lill-[IFPEN], il-klijenti tiegħu huma assigurati li dan tal‑aħħar qatt mhu ser ikun f’pożizzjoni ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, u għalhekk dejjem ser ikun f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, jew, fl-ipoteżi li ma jkunx jista’, li huma jirċievu kumpens għal dan in-nuqqas […]

(221)  Bħalma għamlet fir-raġunament [espost] fil-Punti 204 u sussegwenti f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mal‑fornituri, il-Kummissjoni tqis li fin-nuqqas ta’ garanzija mill-Istat, klijent li jkun jixtieq jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni jkollu jirreġistra ma’ intermedjarju finanzjarju (pereżempju stabbiliment bankarju jew kumpanija tal-assigurazzjoni) għal garanzija ta’ prestazzjoni (bl-Ingliż, ‘performance bond’) biex ikun assigurat il-ħlas tal-kuntratt li jorbtu mal-[IFPEN]. L-għan ta’ tali protezzjoni huwa li jiggarantixxi kumpens finanzjarju lil dak il-klijent f'każ ta’ preġudizzju minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni (totali jew parzjali) tal-kuntratt.”

113    Fil-premessi sussegwenti, il-Kummissjoni wettqet l-istima tal-ispiża ta’ garanzija ta’ prestazzjoni jew ta’ garanzija ta’ sforz aqwa u kkunsidrat li tali garanzija timplika rata massima ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mis-servizz kopert (premessi 223 sa 225 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ppruvat tistabbilixxi wkoll, fost l-attivitajiet ekonomiċi tal-IFPEN, servizzi li huma koperti minn “garanzija bħal din” (premessi 226 sa 235). Fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

“[…] biex iwettaq l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, l-[IFPEN] ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni [jew], tal‑anqas, għal sforz aqwa, li huwa seta’ joffri lill-klijenti tiegħu fuq l‑attivitajiet ta’ riċerka tiegħu, inklużi s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fil-qasam esklussiv tagħhom. Mingħajr ma hija fil-pożizzjoni li tikkwantifika l‑ammont eżatt ta’ dan il-vantaġġ, b’kunsiderazzjoni tal‑ispeċifiċità tar‑riskju kopert, il-Kummissjoni tqis li fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jinqabżu, għal kull servizz, sena wara sena, is-somom murija fit-Tabella 5 li tidher f’dan il-punt [...]”

114    F’dan ir-rigward, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, ir-raġunament applikat mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-vantaġġ li minnu bbenefika l‑IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu jippreżupponi li, fil‑kundizzjonijiet normali tas-suq, il-klijenti tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka bħall-IFPEN jirrikorru għall-garanziji ta’ prestazzjoni jew għal garanziji ta’ sforz aqwa sabiex jipproteġu ruħhom kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-kokuntrattur tagħhom u li, fil-preżenza ta’ garanzija bħal dik li minnha jibbenefika l-IFPEN, il-klijenti ta’ dan tal-aħħar ma għandhomx għalfejn jieħdu tali garanzija jew jitolbuh jipprovdi tali garanzija tali. Ir-raġunament tal-Kummissjoni jimplika wkoll li l‑abbandun tal-garanzija ta’ prestazzjoni jew, tal-inqas, ta’ sforz aqwa mill-klijenti tal-IFPEN huwa neċessarjament attribwit għall-eżistenza tal-garanzija tal-Istat marbuta mal-istatus tiegħu ta’ EPIC.

115    Madankollu, bħall-osservazzjonijiet tagħha relatati mal-vantaġġ fir‑relazzjonijiet mal-fornituri (ara l-punt 99 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda prova li tista’ turi n-natura bbażata, jew anki jekk biss verosimili, tal-ipoteżijiet li jifformaw dan ir-raġunament. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferi għall‑ebda prova li tista’ tikkonferma li l-klijenti tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka jantiċipaw ir-riskju ta’ insolvenza tal-kokuntrattur tagħhom filwaqt li jirrikorru għal garanzija ta’ prestazzjoni jew għal garanzija ta’ sforz aqwa. Il‑Kummissjoni lanqas ma tinvoka xi element oġġettiv li jista’ jikkonferma li, fil-preżenza ta’ garanzija bħall-garanzija marbuta mal‑istatus ta’ EPIC, il-klijenti ta’ tali stabbiliment għandhom tendenza li ma jitolbux garanziji ta’ prestazzjoni jew ta’ sforz aqwa minn din l‑impriża jew li ma jeħduhomx mingħand assiguratur. Fl-aħħar nett, ma hemm xejn fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li jindika li l‑Kummissjoni ppruvat issir taf jekk il-perċezzjoni tal-IFPEN mill‑klijenti tiegħu setgħetx tkun influwenzata mill-bidla tiegħu f’EPIC jew li dawn il-klijenti kienu interpretaw dan l-istatus l-ġdid tal-IFPEN bħala garanzija tal-Istat kontra r-riskju ta’ insolvenza.

116    L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-vantaġġ li l-IFPEN allegatament silet mill-garanzija inerenti fl-istatus tiegħu ta’ EPIC fir‑relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti kif ukoll id-definizzjoni ta’ dan il‑vantaġġ ifformulat fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata jippreżentaw nuqqasijiet ħafna iktar gravi. Minn naħa, huma ma jippermettux li jinftiehem x’inhu t-trattament iktar favorevoli li l‑klijenti tal-IFPEN, bħala l-kredituri tiegħu, setgħu jadottaw fir-rigward tiegħu fil-preżenza tal-imsemmija garanzija. Min-naħa l-oħra, peress li huma konfużi u huma kkaratterizzati minn nuqqas ta’ koerenza, huma jqajmu dubji rigward id-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta’ din il-garanzija.

117    Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 86 sa 89 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-każijiet ta’ garanziji bħall-garanzija inkwistjoni, il-vantaġġ ekonomiku għall-impriża benefiċjarja jimmaterjalizza ruħu b’mod partikolari fir-relazzjoni li torbotha mal-kredituri tagħha, f’dan il-każ il-klijenti tiegħu, u jikkonsisti fi trattament iktar favorevoli li dawn il-kredituri, peress li jistgħu jużaw din il-garanzija f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ servizz, jagħtu lill-imsemmija impriża, billi jnaqqsu għalhekk l-ispejjeż tagħha jew iżidu l-prodotti tagħha.

118    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 82 sa 89 iktar ’il fuq, hija preċiżament id-determinazzjoni ta’ dan it-trattament iktar favorevoli li ssostni l-metodu magħżul mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-vantaġġ li l-IFPEN silet mill-garanzija inkwistjoni.

119    Issa, il-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata tindika biss li, bis-saħħa tal-garanzija inkwistjoni, l-IFPEN seta’ joffri lill-klijenti tiegħu n‑“nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni, [jew] tal-anqas, għal sforz aqwa” mingħajr ma tispeċifika kif dan in-nuqqas ta’ ħlas tal-primjum seta’ influwenza r-relazzjoni bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tispjegax jekk, fil-preżenza ta’ din il-garanzija, il-klijenti jkunux iktar miġbuda lejn dan l-istabbiliment milli lejn istituzzjonijiet oħra ta’ riċerka jew jekk ikunux lesti li jħallsu prezzijiet ogħla għas-servizzi tal‑IFPEN, sabiex b’hekk jesprimu l-evalwazzjoni iktar favorevoli tagħhom għar-riskju ta’ falliment tiegħu. B’hekk, il-Kummissjoni ma tagħtix definizzjoni tal-vantaġġ li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti.

120    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma tistax ma tikkondividix il-perplessità tal‑IFPEN, li fir-rikors jirrileva n-natura partikolarment konfuża tar‑raġunament relatat mad-definizzjoni tal-vantaġġ li huwa allegatament ibbenefika minnu mill-fatt tal-garanzija inkwistjoni f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti. Fil-fatt, huwa diffiċli li jinftiehem min, skont il-Kummissjoni — jekk humiex il-klijenti tal‑IFPEN jew l-IFPEN stess –, jirreġistra l-garanzija ta’ prestazzjoni u min, finalment, jibbenefika mit-tnaqqis ta’ spejjeż li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tal-primjum korrispondenti għall-imsemmija garanzija.

121    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotta fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tiddikjara li “klijent li jkun jixtieq jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni jkollu jirreġistra ma’ intermedjarju finanzjarju [...] għal garanzija ta’ prestazzjoni […]”, li tagħti l-impressjoni li huma l-klijenti tal‑IFPEN jew tal-kompetituri tiegħu li għandhom jieħdu l-garanzija ta’ prestazzjoni u jħallsu l-primjum korrispondenti.

122    Għall-kuntrarju, siltiet oħra mid-deċiżjoni kkontestata jagħtu l-impressjoni li huwa l-IFPEN li għandu jħallas l-primjum għall-garanzija ta’ prestazzjoni. Pereżempju, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotta fil-punt 113 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat li “l-[IFPEN] ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni [jew], tal-anqas, għal sforz aqwa, li huwa seta’ joffri lill-klijenti tiegħu”. Bl‑istess mod, fil-premessa 246, li tinsab fil-parti relatata mat‑trasferiment tal-vantaġġi maħluqa għall-IFPEN lis-sussidjarji tiegħu rregolati mid‑dritt privat, il-Kummissjoni rrilevat li “l-eżaminazzjoni tal-kontijiet ta[l-IFPEN] [kien juri li] l-primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni, jew tal-anqas ta’ sforz aqwa, billi ma tħallasx lill-Istat, l‑anqas ma seta’ jitniżżel bħala ħlas għas-servizzi mogħtija lis‑sussidjarji”.

123    Hemm lok li dawn is-siltiet jiġu interpretati fis-sens li, skont il‑Kummissjoni, f’sitwazzjoni normali tas-suq, klijenti tal‑istituzzjonijiet ta’ riċerka jissottoskrivu għal assigurazzjonijiet ta’ prestazzjoni jew ta’ sforz aqwa sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskju ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, inkluż għal raġunijiet marbuta mal‑insolvenza tal-kokuntrattur tagħhom. Madankollu, jekk jiddeċiedu li jsiru klijenti tal-IFPEN, huma ma għandhomx jissottoskrivu iktar għal tali assigurazzjoni peress li l‑IFPEN jista’ joffrilhom garanzija tal-Istat li tista’ tintuża fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt minħabba insolvenza. Sa fejn l‑IFPEN jikseb il-garanzija tiegħu b’xejn, jista’ wkoll joffriha b’xejn lill-klijenti tiegħu.

124    Għalkemm l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata proposta fil-punt 123 iktar ’il fuq tippermetti li jiġu rrikkonċiljati l-premessi 221 u 236 tagħha, hija għandha ċerti limitazzjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, jekk jiġi ammess li l-ispiża tal-primjum tal-garanzija ta’ prestazzjoni hija normalment sostnuta mill-klijenti tal-IFPEN, il-garanzija tal-Istat li minnha jibbenefika l-IFPEN għandha pjuttost tiġi interpretata fis-sens li tagħti vantaġġ lill-imsemmija klijenti. Fil-fatt, kif irrilevaw ġustament ir-rikorrenti waqt is-seduta, f’tali każ, il‑garanzija li minnha jibbenefika l-IFPEN tneħħi minn fuq il-klijenti tiegħu l-ispiża tal‑primjum tal-garanzija ta’ prestazzjoni li huma kien ikollhom normalment iħallsu fin-nuqqas ta’ din l-ewwel garanzija. Min-naħa l‑oħra, din l-interpretazzjoni ma twassalx sabiex jiġi kkjarifikat is-sens tal-premessa 246 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnha jirriżulta li l‑IFPEN kellu jħallas il-primjum tal-garanzija ta’ prestazzjoni lill-Istat.

125    Sabiex tirrispondi għad-dubji espressi mill-IFPEN, il-Kummissjoni ddikjarat fir-risposta li l-użu tal-garanzija ta’ prestazzjoni kienet taqa’ fil-qafas ta’ miżura indiretta tal-prezz tal-garanzija impliċita u illimitata li minnha jibbenefika l-IFPEN. Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, huwa irrilevanti jekk il-garanzija ta’ prestazzjoni tiġix sottoskritta mill-bejjiegħ jew mill-klijent tiegħu, peress li l-element rilevanti huwa l-prezz tal‑garanzija ta’ prestazzjoni. Ġeneralment, din il-garanzija tiġi sottoskritta mill-klijent u dan l-eżempju huwa dak ikkunsidrat fid‑deċiżjoni kkontestata.

126    Dawn l-ispjegazzjonijiet, li jistgħu jiġu eżaminati biss bla ħsara għall-ġurisprudenza stabbilita li skontha deċiżjoni għandha tkun biżżejjed fiha nnifisha u l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta minn spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija wara, meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 287 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma humiex biżżejjed sabiex jikkjarifikaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li n-natura konfuża tagħha ġiet irrilevata mill-IFPEN.

127    Fil-fatt, jekk, kif tiddikjara l-Kummissjoni, ma kinitx tagħmel differenza li jiġi stabbilit fuq min kienet imposta l-ispiża tal-primjum tal-garanzija ta’ prestazzjoni, peress li dak li kien importanti li jintwera kien il-prezz ta’ din il-garanzija ta’ prestazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, dak li l‑Kummissjoni fittxet li tistabbilixxi, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata relatata mar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, kien l‑ammont tal-primjum li jista’ jintalab lill-IFPEN fis-suq għal garanzija simili għal dik marbuta mal-istatus tiegħu ta’ EPIC. Huwa n-nuqqas ta’ ħlas ta’ dan il-primjum li jikkostitwixxi l-vantaġġ li minnu bbenefika l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu.

128    Interpretata f’dan is-sens, il-motivazzjoni relatata mal-vantaġġ fir‑relazzjonijiet mal-klijenti hija inkompatibbli mal-metodoloġija magħżula mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-vantaġġ għall-IFPEN, spjegata fil-punt 82 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-approċċ li l‑Kummissjoni tippreżenta fir-risposta tagħha ma jwassalx għad‑determinazzjoni tal-aġir iktar favorevoli li l-klijenti tal-IFPEN, bħala kredituri tiegħu, jistgħu jadottaw fir-rigward tiegħu fil-preżenza tal-garanzija inkwistjoni. Dan l-approċċ huwa għalhekk kompletament oppost għall-approċċi adottati sabiex jiġi stabbilit il-vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija inkwistjoni għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji u mal-fornituri. Għandu jitfakkar, f’dak li jikkonċerna l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, li l‑Kummissjoni eżaminat il-kundizzjonijiet ta’ self li huma kienu taw jew ipproponew lill-IFPEN. Biex għamlet dan, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-garanzija inkwistjoni eżerċitatx influwenza reali fuq l-aġir ta’ dawn l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-IFPEN. F’dak li jikkonċerna l‑fornituri, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, stabbilixxiet l-aġir iktar favorevoli li huma setgħu jadottaw fir-rigward tal-IFPEN fil-preżenza tal-garanzija inkwistjoni. Hija kkunsidrat, b’mod żbaljat (ara l-punt 106 iktar ’il fuq), li dan l-aġir ikun jikkonsisti fi tnaqqis tal-prezz ta’ prodotti u servizzi pprovduti lill-IFPEN. It-tieni nett, il-Kummissjoni ppruvat tikkalkola l-valur ta’ dan it-tnaqqis tal-prezz, billi użat il-fatturazzjoni.

129    Interpretata fis-sens indikat fil-punt 127 hawn fuq, il-motivazzjoni relatata mal-vantaġġ fir-relazzjonijiet mal-klijenti hija wkoll żbaljata fid-dritt. Fil-fatt, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tressaq fir-risposta tagħha titqassar f’konstatazzjoni a priori li l-garanzija inkwistjoni tikkostitwixxi neċessarjament għajnuna mill-Istat minħabba s-sempliċi fatt li hija bla ħlas u li għalhekk ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata l‑influwenza ta’ din il-garanzija fuq ir-relazzjoni li ssostniha, f’dan il-każ ir-relazzjoni bejn l-IFPEN u grupp ta’ kredituri tiegħu fformat mill-klijenti tiegħu. Issa, kif diġà ġie espost fil-punt 84 iktar ’il fuq, tali konstatazzjoni ma hijiex konformi man-natura stess ta’ garanzija, li, bħala impenn anċillari, ma tistax tiġi eżaminata billi jitneħħa l-obbligu li fuqu hija bbażata. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi statali skont l-effetti tagħhom. Għalhekk ma humiex il-forma ta’ miżura statali, il-kawżi tagħha jew l-għanijiet tagħha, iżda l‑effett li hija tipproduċi li jiddetermina l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li, sabiex miżura statali tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija l‑Kummissjoni li għandha teżamina l-effetti li din il-miżura tista’ tipproduċi, f’dan il-każ l-influwenza tagħha fuq ir‑relazzjonijiet bejn l‑IFPEN u l-klijenti tagħha. Issa, mill-argument żviluppat fir‑risposta, il‑Kummissjoni tfittex li teħles kompletament mill-eżami tal-effetti, anki jekk huma biss potenzjali, tal-garanzija inkwistjoni.

130    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, apparti n-nuqqas imsemmi fil-punt 115 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni ppreżentata mill‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l‑eżistenza tal‑vantaġġ li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti hija oskura u inkoerenti. Motivazzjoni tali ma tissodisfax l‑istandard rikjest mill-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, biex tkun konformi ma’ din id-dispożizzjoni, il-motivazzjoni għandha, minn naħa, turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal‑att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l‑ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-22 ta’ Ottubru 2008, TV2 vs Id‑Danimarka et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457, punt 178 u l‑ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, tkun loġika u, b’mod partikolari, ma tippreżentax kontradizzjoni interna li tostakola li r‑raġunijiet li fuqhom l-att ikkonċernat huwa bbażat jinftiehmu tajjeb (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u tad-29 ta’ Settembru 2001, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 151).

131    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jikkonċerna l-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill‑garanzija inkwistjoni għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal‑klijenti, il-Kummissjoni la ssodisfat l-oneru tal-prova, kif iddefinit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, u lanqas l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, kif interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq. Għalhekk il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, li, bis-saħħa tal‑garanzija inkwistjoni, l-IFPEN ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni jew, tal-inqas, għal sforz aqwa, li huwa seta’ joffri lill-klijenti tiegħu fuq l-attivitajiet ta’ riċerka tiegħu, inklużi s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fil-qasam esklużiv tagħhom.

132    Minn dan isegwi li ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti li bihom ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura rilevanti tal-użu tal-garanziji ta’ prestazzjoni jew tal-garanziji ta’ sforz aqwa sabiex jiġi stmat l‑ammont tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN bil-garanzija inkwistjoni fir‑relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti.

133    L-argumenti invokati mill-Kummissjoni fin-noti tagħha quddiem il‑Qorti Ġenerali, żviluppati waqt is-seduta, ma humiex ta’ natura li jibdlu l-konklużjonijiet ifformulati fil-punti 108 u 131 iktar ’il fuq.

134    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiddikjara li, skont il-punt 99 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-vantaġġ mogħti permezz ta’ garanzija [ta]l-Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC, hija ma għandhiex bżonn tipprova l-effetti reali prodotti b’din il-garanzija. Sa fejn, skont is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ tista’ tkun preżunta, huwa biżżejjed li hija tistabbilixxi l-eżistenza tal-garanzija tal-Istat sabiex l-eżistenza tal‑vantaġġ tiġi stabbilita.

135    Barra minn hekk, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑301/87, EU:C:1990:67), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811), hija tiddikjara li, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, huwa biżżejjed li l-miżura tkun tista’ tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk jeżistix il-vantaġġ jew il-portata tiegħu. Hija żżid li, li kieku kien mod ieħor, l-Istati Membri li ma jinnotifikawx l-għajnuna jkunu vvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li jinnotifikawha.

136    Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà li tintuża preżunzjoni bħala mezz ta’ prova tiddependi mill-plawżibbiltà tal-ipoteżijiet li fuqhom din tkun ibbażata. B’hekk, fis‑sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna li tidħol għal self iggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru normalment tikseb vantaġġ, sa fejn l-ispiża finanzjarja li hija tbati hija inqas minn dik li kienet tbati fil-każ li kellha tikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija bil-prezz tas-suq (sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 96). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li l-Avviż dwar il-garanziji kien jirrileva espressament, fil-punti 1.2. 2.1 u 2.2 tiegħu, li garanzija illimitata tal‑Istat favur impriża li l-forma legali tagħha kienet teskludi l‑possibbiltà ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ insolvenza kienet tagħti vantaġġ immedjat lil din l-impriża u kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, inkwantu ngħatat mingħajr ma l-benefiċjarju tagħha jħallas il-primjum xieraq għat-teħid ta’ riskju sostnut mill-Istat u għalhekk kienet tippermetti “li jikseb kondizzjonijiet finanzjarji aħjar għal self minn dawk [li kienu] normalment disponibbli fuq is-swieq finanzjarji” (sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 97). Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet teżisti preżunzjoni sempliċi li l-għoti ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur impriża li ma kinitx suġġetta għall-proċeduri ordinarji ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ kien iwassal għal titjib fil-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, kienu imposti fuq il-baġit tagħha (sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 98).

137    Minn dan isegwi li l-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), hija bbażata fuq il‑premessa doppja, li l-plawżibbiltà tagħha hija aċċettata mill-Qorti tal‑Ġustizzja, li skontha, minn naħa, l-eżistenza ta’ garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru għandha influwenza favorevoli fuq l-evalwazzjoni mill-kredituri tar-riskju ta’ inadempjenza tal-benefiċjarju ta’ din il-garanzija u, min-naħa l-oħra, din l-influwenza favorevoli tfisser tnaqqis tal-prezz tal-kreditu.

138    F’dan il-każ, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu, il-Kummissjoni ssostni li l-influwenza favorevoli tal-eżistenza ta’ garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru fuq l-evalwazzjoni mill-kredituri tar-riskju ta’ inadempjenza tal-benefiċjarju ta’ din il‑garanzija tfisser tnaqqis tal-prezzijiet mogħtija lill-imsemmi benefiċjarju mill-fornituri tiegħu.

139    Issa, il-plawżibbiltà ta’ tali ipoteżi ma tapplikax minnha nnifisha. Fil‑fatt, fil-kummerċ, meta tnaqqis ta’ prezz jirriżulta mir-relazzjoni bejn fornitur u klijent, dan huwa marbut ma’ numru ta’ fatturi, b’mod partikolari mal-volum tal-ordnijiet magħmula mill-klijent (ara l‑punti 100 u 101 iktar ’il fuq), mat-termini ta’ ħlas mogħtija lilu mill-fornitur, jew mal-perijodu li jkunu ilhom fis-seħħ ir-relazzjonijiet kuntrattwali.

140    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tikkonstata li n-nuqqas ta’ plawżibbiltà ta’ din l-ipoteżi jipprekludi l-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li l-garanzija inkwistjoni tista’ tagħti lill-IFPN vantaġġ ekonomiku li jieħu forma ta’ tnaqqis tal-prezzijiet mogħtija mill-fornituri tal-IFPN lil dan tal-aħħar jew li l-prova tal-eżistenza ta’ din il-garanzija hija biżżejjed għall‑Kummissjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ tali vantaġġ.

141    Barra minn hekk, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, saħansitra ma ddefinixxietx il-vantaġġ li jirriżulta għall‑IFPEN mill-eżistenza tal-garanzija, il-preżunzjoni li hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuqha, f’dan ir-rigward, ma għandhiex skop.

142    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni sempliċi stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 98 u 99 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn, minn naħa, l-IFPEN u, min-naħa l-oħra, il-fornituri u l-klijenti, sa fejn din il-preżunzjoni tippermetti biss li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ li jieħu forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli.

143    Fil-fatt, il-preżunzjoni stabbilita fil-punti 98 u 99 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), għandha, qabelxejn, tiġi ssostitwita fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali u tal‑motivazzjoni tad-deċiżjoni La Poste. Barra minn hekk, hija ma tistax tiġi interpretata mingħajr ma jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jippreċedu l‑punti 98 u 99, b’mod partikolari dawk esposti fil-punti 96 u 97 tal-imsemmija sentenza. Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil‑punti 102 sa 108 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall‑argumenti tar-Repubblika Franċiża, jikkonfermaw ukoll il‑limitazzjoni tal-portata tal-imsemmija preżunzjoni.

144    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntest fattwali u tal-motivazzjoni tad‑deċiżjoni La Poste, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li, skont il‑Kummissjoni, il-vantaġġ selettiv li minnu kienet tibbenefika La Poste bis‑saħħa tal-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat, inerenti fl-istatus ta’ EPIC tagħha, kien magħmula minn kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli li hija kienet akkwistat fis-suq. Din il-konklużjoni tal‑Kummissjoni kienet ibbażata fuq konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ kreditu huma stabbiliti b’mod partikolari abbażi tal-evalwazzjoni finanzjarja. Issa, minn ċertu numru ta’ analiżi u ta’ metodoloġiji tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jirriżulta li l-garanzija inkwistjoni, bħala element essenzjali tas-sostenn tal-Istat favur La Poste, kienet tinfluwenza b’mod pożittiv l-evalwazzjoni finanzjarja tagħha, u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ kreditu li hija setgħet takkwista [premessi 256 sa 300 tad-deċiżjoni La Poste u sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 18)].

145    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mid-deċiżjoni kkontestata, fid-deċiżjoni La Poste, il-Kummissjoni eżaminat l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv unikament f’dak li jikkonċerna r‑relazzjonijiet tal-benefiċjarju mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji u ma ppruvatx tivverifika jekk tali vantaġġ kienx jeżisti wkoll fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ kredituri oħra, b’mod partikolari l‑fornituri u l-klijenti.

146    Barra minn hekk, għandha tiġi rrilevata n-natura empirika tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għal La Poste. Fil-fatt, il‑konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ huma bbażati fuq osservazzjoni tal-aġir tal-operaturi fis-suq tal-kreditu li wasslet lill-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ rabta każwali bejn, minn naħa, il-garanzija tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC ta’ La Poste u, min-naħa l-oħra, ir-reazzjoni tal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji għall-evalwazzjonijiet ipprovduti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, li tirriżulta fl-għoti ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli lil La Poste. Kif jirriżulta mill-punti 99 sa 107 u 115 sa 129 iktar ’il fuq, tali eżami empiriku huwa manifestament nieqes mid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri u mal-klijenti.

147    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punti 106 u 107 tas‑sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), li l-eżami tal-metodoloġiji tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kellhom biss valur konfermattiv. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżami ta’ dawn il-metodoloġiji huwa ta’ natura superfluwa meta mqabbel mal-prova, magħmula permezz ta’ preżunzjoni, tal‑eżistenza ta’ vantaġġ iddefinit minn qabel b’mod korrett. Issa, f’dan il-każ, hija d-definizzjoni stess tal-vantaġġ li minnu l-IFPEN allegatament ibbenefika fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal‑klijenti li toħloq problema, inkwantu, sa fejn hija preżenti, hija bbażata fuq raġunament inkoerenti u purament ipotetiku. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punti 91 u 92 iktar ’il fuq, id-definizzjoni tal-vantaġġ maħluq għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji ma tirċievi ebda kritika.

148    It-tieni nett, fir-rigward tal-punti 96 u 97 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), li jiġu direttament qabel il-punti li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat il-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, għandu jiġi rrilevat li huma jinkludu riferimenti, minn naħa, għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), u, min-naħa l-oħra, għall-punti 1.2, 2.1 u 2.2 tal-Avviż dwar il-garanziji.

149    Fis-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari tal‑Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, il‑Pajjiżi l-Baxxi), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, essenzjalment, li l‑qrati nazzjonali kellhom ġurisdizzjoni sabiex jannullaw, abbażi tal‑Artikolu 108(3) TFUE, garanzija pubblika f’sitwazzjoni li fiha għajnuna illegali kienet ġiet implementata permezz ta’ din il-garanzija, li kienet ingħatat minn awtorità pubblika bil-għan li tkopri self mogħti minn kumpannija finanzjarja favur impriża li ma setgħetx takkwista tali finanzjament f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

150    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), il‑klassifikazzjoni tal-garanzija pprovduta mill-awtorità pubblika inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat favur il-persuna li ssellfet ma kinitx toħloq dubju, peress li kien paċifiku li, fil-mument meta ngħatat, il‑persuna li ssellfet kienet diġà tinsab f’diffikultà, b’tali mod li, mingħajr din il‑garanzija, hija ma setgħetx tkun f’pożizzjoni li tikseb finanzjament fis-suq tal-kapital (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punti 39 sa 42).

151    Huwa preċiżament f’dan il-kuntest li għandha titqiegħed il‑konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja magħmula fil-punt 39 tas‑sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), li, “meta s-self mogħti minn istituzzjoni ta’ kreditu lil min jissellef huwa ggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, min isellef normalment jikseb vantaġġ finanzjarju u jibbenefika b’hekk minn għajnuna fis-sens tal-Artikolu [107](1) [TFUE], sa fejn l-ispiża finanzjarja li jsostni huwa inferjuri għal dak li kien isostni li kieku kien ikollu jikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija għall-prezzijiet tas-suq,” li għaliha tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punt 96 tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217).

152    Konsegwentement, ir-riferiment għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814) li sar fil-punt 96 tas‑sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), jillimita l-applikazzjoni tal-preżunzjoni stabbilita fis‑sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), għal relazzjonijiet bejn l-impriża benefiċjarja ta’ garanzija tal-Istat, bħal EPIC, u l-kredituri li jipprovdulha self, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, u għal vantaġġ li jieħu forma ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament iktar favorevoli.

153    L-istess konklużjoni tapplika f’dak li jirrigwarda r-riferiment magħmul mill‑Qorti tal‑Ġustizzja għall-Avviż dwar il-garanziji.

154    Skont il-punt 1.2 tal-Avviż dwar il-garanziji:

“Fil-forma l-aktar komuni tagħhom, il-garanziji huma assoċjati ma’ self jew obbligu finanzjarju ieħor aċċettat minn min jissellef fil-konfront ta’ min jisilfu; dawn jistgħu jingħataw bħala garanziji individwali jew fi ħdan skemi ta’ garanzija.

Madankollu, jista’ jkun hemm diversi forom ta’ garanzija, skond il-bażi legali tagħhom, it-tip ta’ tranżazzjoni koperta, it-tul ta’ żmien, eċċ. Għalkemm din il-lista mhix waħda eżawrjenti, jistgħu jiġu identifikati l‑forom ta’ garanzija li ġejjin:

[…]

–        garanziji mhux limitati għall-kuntrarju ta’ garanziji limitati fl‑ammont u/jew fiż-żmien. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll bħala għajnuna fil-forma ta’ garanzija t-termini ta’ finanzjament aktar favorevoli akkwistati minn intrapriżi li l-forma legali tagħhom teskludi proċeduri ta’ falliment jew proċeduri oħra ta’ insolvenza jew tipprovdi b’mod espliċitu garanzija jew kopertura tat-telf mill-Istat. L-istess japplika għall-akkwist minn Stat ta’ holding f’intrapriża jekk ikun hemm aċċettazzjoni ta’ responsabbiltà mhux limitata minflok ir-responsabbiltà limitata normali,

[…]”

155    Skont il-punt 2.2 tal-Avviż dwar il-garanzija, li jikkonċerna l‑għajnuna lil min jissellef:

“Normalment, il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna huwa min jissellef. Kif indikat taħt il-punt 2.1, normalment it-teħid ta’ riskju għandu jitħallas permezz ta’ primjum xieraq. Fejn min jissellef mhuwiex meħtieġ li jħallas il-primjum jew iħallas primjum baxx, dan jikseb vantaġġ. F’paragun ma’ sitwazzjoni mingħajr garanzija, il-garanzija mill-Istat tippermetti lil min jissellef li jikseb termini finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Ġeneralment, bil-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat, min jissellef jista’ jikseb rati aktar baxxi u/jew joffri inqas sigurtà. F’xi każi, min jissellef ma jsibx, mingħajr garanzija mill-Istat, istituzzjoni finanzjarja li tkun lesta ssellef bi kwalunkwe termini. […]”

156    Għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ punti tal-Avviż dwar il‑garanziji magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala bażi tal-preżunzjoni tal‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, stabbilita fil-punti 98 u 99 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), jirreferu għall-vantaġġ fil-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar vantaġġużi, bħal rata ta’ self iktar baxxa jew rekwiżiti inqas stretti f’termini ta’ sigurtà, li takkwista fis-suq impriża benefiċjarja ta’ garanzija tal-Istat.

157    B’hekk, ir-riferiment għal dawn iż-żewġ punti tal-Avviż dwar il‑garanziji, magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 97 tas‑sentenza tagħha tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), jillimita wkoll l-applikazzjoni tal-preżunzjoni stabbilita fl-imsemmija sentenza għal relazzjonijiet bejn l-impriża benefiċjarja ta’ garanzija tal‑Istat u l-kredituri li jipprovdulha self, b’mod partikolari l‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

158    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi wkoll għall-punt 2.1 tal-Avviż dwar il-garanziji. Sa fejn dan il-punt jikkonċerna l-kwistjoni tat-trasferiment tar-riżorsi statali, huwa ma jinfluwenzax il-kunsiderazzjonijiet ippreżentati iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 84 iktar ’il fuq, minn dan il-punt ma jistax jiġi dedott li garanzija illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC tista’ titqies li tagħti vantaġġ lil tali stabbiliment bis-sempliċi fatt li hija b’xejn.

159    Finalment, it-tielet nett, l-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja b’risposta għall-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża, b’mod partikolari fil-punt 104 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), jikkonfermaw li l‑mezz ta’ prova attenwata aċċettat mill-qorti tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit jekk garanzija impliċita u illimitata tal-Istat, inerenti fl-istatus ta’ EPIC, tikkostitwixxix vantaġġ ekonomiku hija applikabbli fil-każ ta’ persuna li tissellef li, bis-saħħa tal-imsemmija garanzija, tibbenefika minn rata ta’ interessi iktar baxxa jew tista’ tipprovdi inqas sigurtà.

160    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-applikazzjoni tal‑preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), hija limitata għar-relazzjonijiet li jinvolvu tranżazzjoni ta’ finanzjament, self jew, b’mod iktar wiesa’, kreditu min-naħa tal-kreditur ta’ EPIC, b’mod partikolari r-relazzjonijiet bejn dan l-EPIC u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

161    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, waqt is-seduta, il‑Kummissjoni aċċettat li l-vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn EPIC u l‑fornituri tiegħu jista’ jiġi eskluż jekk jiġi stabbilit li tali stabbiliment iħallas lill-fornituri tiegħu bi flus kontanti, ħaġa li ma ġietx ipprovata fil-każ tal‑IFPEN. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni fittxet li ssir taf liema kienu, fil-każ tal-IFPEN, il-kundizzjonijiet tal-ħlas tad-dejn tiegħu fil-konfront tal-fornituri (ara l-punt 103 iktar ’il fuq). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda riferiment għal raġunament f’termini ta’ kreditu li jista’ jippermetti, jekk ikun il-każ, li tkun prevista l-applikazzjoni tal-preżunzjoni stabbilita fis‑sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), għar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu.

162    Fit-tieni lok, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑66/02, EU:C:2005:768, punti 91 u 92), tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 91), tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 114), u tat‑12 ta’ Settembru 2007, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑239/04 u T‑323/04, EU:T:2007:260, punti 142 sa 144), il-Kummissjoni ssostni li, meta hija tevalwa, bħal f’dan il-każ, skema ta’ għajnuna, hija ma għandhiex għalfejn tipprova jekk jeżistix il-vantaġġ jew il-portata tiegħu, iżda tista’ tillimita ruħha sabiex tevalwa l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, bil-għan li tivverifika jekk din l-iskema tinkludix elementi ta’ għajnuna.

163    L-IFPEN u r-Repubblika Franċiża jqajmu l-inammissibbiltà ta’ dan l‑argument billi jargumentaw li d-deċiżjoni kkontestata ma tikklassifikax il-garanzija kkontestata bħala skema ta’ għajnuna.

164    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma speċifikatx b’mod espliċitu jekk id-deċiżjoni tagħha kinitx tirrigwarda għajnuna individwali jew skema ta’ għajnuna. Madankollu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argument tal-Kummissjoni, hemm lok li dan jiġi miċħud bħala infondat.

165    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal‑Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li ġie ssostitwit b’effett mill-14 ta’ Ottubru 2015 bir‑Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p, 9), skema ta’ għajnuna hija ddefinita, minn naħa, bħala kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implementazzjoni oħra, tista’ tingħata għajnuna individwali lill-impriżi ddefiniti fl-att b’mod ġenerali u astratt, u min‑naħa l-oħra, kull att li abbażi tiegħu għajnuna li ma tkunx marbuta ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew lil ħafna impriżi għal perijodu ta’ żmien indefinit jew għal ammont indefinit. Fl-Artikolu 1(e) tiegħu, l‑istess regolament jiddefinixxi għajnuna individwali bħala għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna u għoti ta’ għajnuna notifikabbli abbażi ta’ skema ta’ għajnuna.

166    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 659/1999 jaqsam l‑għajnuna individwali u l-iskemi ta’ għajnuna f’għajnuna eżistenti u f’għajnuna ġdida. Skont l-Artikolu 1(b), l-għajnuna eżistenti tfisser, essenzjalment, l-għajnuna li kienet diġà s-suġġett ta’ eżami mill‑Kummissjoni jew meqjusa li kienet is-suġġett ta’ tali eżami jew l‑għajnuna li ġiet implementata fl-Istati Membri tal-Unjoni qabel l-adeżjoni tagħhom magħha u baqgħet applikabbli wara l-imsemmija adeżjoni. L‑għajnuna ġdida hija ddefinita b’mod residwali, bħala kull għajnuna, jiġifieri kull skema ta’ għajnuna jew kull għajnuna individwali, li ma hijiex għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti.

167    Finalment, hemm lok li jitfakkar li, fl-Artikolu 2(1) tiegħu, ir‑Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi obbligu ta’ prinċipju ta’ notifika lill-Kummissjoni ta’ kull abbozz ta’ għajnuna ġdida. Għalhekk, l-għajnuna “notifikati [notifikabbli]” skont l-Artikolu 1(b) tar‑Regolament Nru 659/1999 (ara l-punt 165 iktar ’il fuq) għandha tinftiehem bħala kull għajnuna ġdida. Barra minn hekk, għajnuna implementata bi ksur tal-obbligu ta’ notifika titqies li hija għajnuna illegali, iddefinita fl-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999.

168    Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn il-garanzija marbuta mal‑istatus ta’ EPIC tista’ titqies li hija għajnuna mill-Istat fis‑sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hemm lok li tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna fis-sens tat-tieni parti tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999.

169    Madankollu, minn naħa, il-miżura li hija eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex il-garanzija marbuta mal-istatus ta’ EPIC b’mod ġenerali, iżda l-bidla tal-IFPEN f’EPIC, li twassal għall-għoti lil din l‑impriża tal-garanzija [ta]l-Istat marbuta ma’ dan l-istatus.

170    Min-naħa l-oħra, din il-bidla toħloq sitwazzjoni fattwali ġdida li fiha l-IFPEN isir benefiċjarju ta’ garanzija tal-Istat marbuta mal-istatus ġdid tiegħu u li tista’ tagħti lok għall-għoti lill-IFPEN ta’ vantaġġ li jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE. Din is-sitwazzjoni ġdida taqa’ taħt l‑obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

171    L-analiżi ppreżentata fil-punti 169 u 170 iktar ’il fuq tikkorrispondi għad‑deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari għall-premessi 256 sa 259, li fihom il-Kummissjoni indikat li l-bidla tal-IFPEN f’EPIC kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar‑Regolament Nru 659/1999, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika. Hija kkunsidrat ukoll li, sa fejn il-bidla fl-istatus tal-IFPEN ma kinitx ġiet formalment innotifikata lilha, iżda kienet ġiet indikata biss b’mod inċidentali fil‑kuntest ta’ proċedura oħra, dan l-obbligu ma kienx ġie osservat mill‑awtoritajiet Franċiżi u li l-bidla tal-IFPEN f’EPIC kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali.

172    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn il-bidla tal-IFPEN f’EPIC tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, hija tikkostitwixxi għajnuna mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li għandha tiġi nnotifikata, jiġifieri għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nru 659/1999.

173    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiżbalja meta, fir-risposta, tikklassifika din il-miżura bħala skema ta’ għajnuna. Bl-istess mod, il‑Kummissjoni ma għandhiex raġun tafferma, abbażi tal‑ġurisprudenza invokata fil-punt 162 iktar ’il fuq relatata mal-iskemi ta’ għajnuna ġenerali msemmija fl-ewwel parti tal-Artikolu 1(d) tar‑Regolament Nru 659/1999, li, peress li l-bidla tal-IFPEN f’EPIC tikkostitwixxi skema, sabiex tkun tista’ tikklassifikaha bħala għajnuna mill‑Istat fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE, hija ma għandhiex għalfejn tipprova jekk jeżistix il-vantaġġ jew il‑portata tal-vantaġġ meħud mill‑IFPEN mill-garanzija marbuta mal-istatus ta’ EPIC, iżda tista’ tillimita ruħha li tevalwa l-karatteristiċi ġenerali ta’ din il-garanzija.

174    Fit-tielet lok, billi tinsisti dwar il-bżonn li ssir distinzjoni bejn il‑prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ u l-kalkolu ta’ dan il-vantaġġ, il‑Kummissjoni tiddikjara li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija wettqet l‑istima ta’ “valur tas-suq” tal-garanzija mogħtija lill-IFPEN, mhux biex tistabbilixxi l-eżistenza tal-vantaġġ, li kienet diġà ġiet ipprovata, iżda sabiex tipprova tikkwantifikah sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tiegħu mas‑suq intern. L-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata jikkonsisti għalhekk f’li tipprovdi bl-iktar mod eżatt id-daqs tal-effetti li l-garanzija tal-Istat inkwistjoni diġà pproduċiet kemm fis-swieq tal-kapital kif ukoll fir‑relazzjonijiet ma’ kredituri oħra tal-IFPEN, billi twettaq stima ta’ “spiża tal-kopertura tar-riskju ekwivalenti” għal dak li jikkorrispondi għal nuqqas ta’ ħlas ta’ persuna li tissellef.

175    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li hija wettqet din l-istima abbażi ta’ għodod ta’ paragun disponibbli, bħal, għar-relazzjonijiet tal‑IFPEN mal-fornituri, il-kuntratti ta’ fatturazzjoni u, għar‑relazzjonijiet mal-klijenti, l-użu tal-garanzija ta’ prestazzjoni, bil‑għan li tkun tista’ tikkonstata l-kompatibbiltà tal-garanzija inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, fil-preżenza ta’ garanzija illimitata li l-valur tagħha ma jistax jitkejjel, hija ma jkollha l-ebda għażla ħlief li tikklassifika din il-garanzija [ta]l-għajnuna bħala inkompatibbli.

176    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tispeċifikax dak li hija trid tfisser bil-“vantaġġ li diġà ġie pprovat” u bl-“effetti li l-garanzija tal-Istat inkwistjoni diġà pproduċiet”. Jidher, madankollu, li dan huwa vantaġġ differenti minn dak li l-eżistenza tiegħu kienet diġà ikkonstatata fil-premessi 214 u 236 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, bl‑argument tagħha, il-Kummissjoni tidher qiegħda tiddikjara li l-vantaġġ li minnu bbenefika l-IFPEN minħabba l-garanzija inerenti fl-istatus ta’ EPIC kien jirriżulta mill-fatt li din il-garanzija kienet b’xejn u li dak li hija ppruvat tistabbilixxi, meta stmat il-“valur tas-suq” ta’ din il‑garanzija, kien l-ammont tal-primjum li kellu jitħallas mill-IFPEN lill-Istat.

177    Dan l-argument ma għandux jintlaqa’, minn naħa, sa fejn huwa kontradett mit-test stess tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill‑premessi 214 u 236, li fihom il-Kummissjoni tiddefinixxi l-vantaġġ ekonomiku reali li l-IFPEN allegatament ibbenefika minnu fir‑relazzjonijiet mal-fornituri u l-klijenti tiegħu.

178    Barra minn hekk, mill-premessi 192, 193 u 194 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li hija ssostni fir‑risposta, fid‑deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil‑kapitolu 7.1.4 tagħha, intitolat “L-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għall‑grupp [IFPEN]”, il‑Kummissjoni effettivament involviet ruħha fil-prova u fil-kalkolu tal‑vantaġġ maħluq għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-kredituri tiegħu, f’dan il-każ l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-fornituri u l‑klijenti tiegħu, li jistgħu jagħmlu użu mill-garanzija tal‑Istat f’każ ta’ falliment, u mhux f’evalwazzjoni tal-valur tas-suq tal‑garanzija mogħtija b’xejn lill-IFPEN jew tal-ammont tal-primjum li huwa kellu jħallas lill-Istat għal din il-garanzija. L-argument żviluppat mill-Kummissjoni fin-noti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqbilx mal-motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, sempliċement japprofondixxi l-konfużjoni fir‑rigward tal-metodoloġija magħżula mill‑Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-vantaġġ ekonomiku li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija inkwistjoni.

179    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 129 iktar ’il fuq, dan l-argument huwa wkoll żbaljat fid-dritt, inkwantu huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-garanzija inkwistjoni tikkostitwixxi neċessarjament għajnuna mill‑Istat minħabba s-sempliċi fatt li kienet b’xejn u li għalhekk ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata l-influwenza ta’ din il-garanzija fuq ir‑relazzjonijiet li huma bbażati fuqha.

180    L-argument imressaq mill-Kummissjoni waqt is-seduta lanqas ma jikkonvinċi lill-Qorti Ġenerali, inkwantu jinġabar fil-qosor f’konstatazzjoni, manifestament żbaljata, li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi dwar in‑natura kompatibbli ta’ miżura anki qabel ma tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna.

181    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l‑eżistenza ta’ vantaġġ li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l‑oneru tal-prova, kif iddefinit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq. F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ tali vantaġġ fir‑relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni la ssodisfat l-oneru tal-prova u lanqas l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, kif interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq.

 Dwar il-vantaġġ f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet tal-IFPEN mal‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji

182    Fil-punt 79 iktar ’il fuq diġà ġie rrilevat li, f’dak li jikkonċerna r‑relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il‑Kummissjoni kkonkludiet li, matul il-perijodu bejn l-2006 u l-2010, l‑IFPEN ma ħax vantaġġ ekonomiku reali mill-istatus tiegħu ta’ EPIC. Fi kliem ieħor, skont il-Kummissjoni, il-vantaġġ potenzjali li l-impriża setgħet tieħu mill-garanzija illimitata fil-forma ta’ rata ta’ interessi ta’ self iktar favorevoli mill-kundizzjonijiet tas-suq ma seħħx matul il‑perijodu kkunsidrat (premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata).

183    Madankollu, skont il-Kummissjoni, din il-konklużjoni kienet tgħodd biss għall-passat, inkwantu l-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi l‑aġir futur tal-operaturi tas-suq, u lanqas l-iżvilupp tal-perċezzjoni tagħhom tal-impatt tal-garanzija tal-Istat fuq ir-riskju ta’ falliment tal-IFPEN. Huwa għalhekk li hija imponiet fuq ir-Repubblika Franċiża obbligu li tibagħtilha, fil-qafas tar-rapporti annwali, informazzjoni relatata mal-livell u mal-kundizzjonijiet tad-dejn tal‑IFPEN u li tipprovdi l-prova li l-imsemmija kundizzjonijiet kienu konformi mal‑kundizzjonijiet tas-suq (premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata).

184    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-possibbiltà li l-garanzija inkwistjoni tnissel vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l‑kredituri istituzzjonali kienet tirriżulta minn artikolu tal-att kostituttiv tal-IFPEN li jawtorizza lil dan tal-aħħar li jieħu self. Peress li, fil-mument tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-artikolu kien għadu jeżisti fl-att kostituttiv tal-IFPEN, ma setax jiġi eskluż li fil-futur seta’ jirriżulta vantaġġ.

185    Fl-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors fil-Kawża T-479/11, ir‑Repubblika Franċiża tikkontesta li vantaġġ, li ġej mill-garanzija [tal‑]Istat, jista’ javvera ruħu għall-IFPEN fil-futur. Konsegwentement, hija tikkunsidra li l-obbligu li lill-Kummissjoni tintbagħtilha informazzjoni relatata mal-livell u mal-kundizzjonijiet tad-dejn tal‑IFPEN ma huwiex iġġustifikat.

186    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostnew ukoll li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 2010/1645, tat-28 ta’ Diċembru 2010, ta’ programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi għas-snin 2011 sa 2014 (JORF tad-29 ta’ Diċembru 2010, p. 22868), l-IFPEN ma jistax jieħu self b’terminu ta’ iktar minn tnax-il xahar mingħand stabbiliment ta’ kreditu. Il-Kummissjoni eċċepiet l-inammissibbiltà ta’ dan l‑argument, billi sostniet li l-awtoritajiet Franċiżi ma invokawx it-test ta’ din il-liġi waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

187    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku bejn il-partijiet, li, minn naħa, f’dan il-każ, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji li jipprovdulu self, il‑Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni sempliċi stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punti 98 u 99), li l-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC għandha bħala konsegwenza titjib fil-pożizzjoni finanzjarja tal‑impriża benefiċjarja permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma imposti fuq il-baġit tagħha.

188    Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li, fil-każ tal-IFPEN, il-preżunzjoni sempliċi fis-sens tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), ġiet ikkonfutata.

189    Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, mill‑bidla tal-IFPEN f’EPIC, f’Lulju 2006, sa tmiem il‑perijodu eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri tmiem is-sena 2010, l‑IFPEN, mill-istatus tiegħu ta’ EPIC, ma ħa ebda vantaġġ ekonomiku reali li jieħu l-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli mogħtija lilu minn istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. F’dan ir‑rigward, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, f’dak li jikkonċerna l‑iskadenzi ta’ iktar minn sena, l-IFPEN ma għamilx użu mis-self minn stabbilimenti ta’ kreditu wara l-bidla fl-istatus tiegħu sa tmiem l-2009. Fl-2009, il-Kummissjoni indikat biss self wieħed ta’ skadenza ta’ inqas minn sena, għal ammont negliġibbli u li r‑rata tiegħu kienet ogħla mir-rata ta’ self komparabbli konkluż mill-IFPEN fl-2005, jiġifieri fl-epoka fejn huwa ma kienx kopert mill-garanzija [tal-]Istat. F’dak li jikkonċerna s-sena 2010, il-Kummissjoni kkonstatat li l-IFPEN irċieva erba’ proposti ta’ linji ta’ kreditu li l-kundizzjonijiet tagħhom kienu ekwivalenti għal dawk li l-IFPEN kien innegozja qabel il-bidla fl-istatus tiegħu fl-2006 (premessi 196 sa 198).

190    Għalhekk mill-eżami tal-Kummissjoni jirriżulta li l-bidla tal-IFPEN f’EPIC ma kellha l-ebda effett fuq ir-relazzjonijiet tiegħu mal‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji matul il-perijodu suġġett għall‑imsemmi eżami.

191    Konsegwentement, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji matul il-perijodu bejn l-2006 u l-2010, il-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ EPIC tal-IFPEN, peress li ma tatx vantaġġ għall-benefiċċju esklużiv ta’ din l-impriża, ma jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

192    Fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, xejn ma jiġġustifika l-impożizzjoni fuq ir-Repubblika Franċiża ta’ obbligu li tibgħat lill-Kummissjoni informazzjoni relatata mal-livell u mal‑kundizzjonijiet tad-dejn tal-IFPEN jew li tipproduċi l-prova li l‑imsemmija kundizzjonijiet huma konformi mal-kundizzjonijiet tas‑suq.

193    F’dak li jikkonċerna l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tinvoka l‑preżunzjoni sempliċi fis-sens tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sabiex tikkunsidra li l-garanzija inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE favur l-IFPEN, inkwantu hija tista’ tagħtih vantaġġ fil-futur, li jiġġustifika l-obbligu, impost fuq ir-Repubblika Franċiża, li tibgħat lill-Kummissjoni informazzjoni relatata mal-livell u mal-kundizzjonijiet tad-dejn tal-IFPEN u li tipproduċi l-prova li l‑imsemmija kundizzjonijiet huma konformi mal-kundizzjonijiet tas‑suq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, ladarba kkonfutata, preżunzjoni sempliċi, bħall-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), ma tistax tiġi invokata mill-ġdid mingħajr bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi li fihom hija kienet ikkonfutata.

194    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, il‑possibbiltà li l-garanzija inkwistjoni nisslet vantaġġ għall-IFPEN kienet tirriżulta mill-fatt li dan l-istabbiliment seta’ jirrikorri għas-suq tal-kreditu u jieħu self sabiex jiffinanzja ruħu. Hija din il-possibbiltà li jkollu dejn li kienet tiġġustifika l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal‑eżistenza tal-vantaġġ.

195    Madankollu, l-eżami eżawrjenti tal-kundizzjonijiet tas-self konkluż minn jew offrut lill-IFPEN wera, minn naħa, li matul il-perijodu kopert mill-eżami, dan l-istabbiliment kważi ma kellu ebda dejn, peress li ma ħa l-ebda self ħlief wieħed bi skadenza qasira u għal ammont negliġibbli. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill‑premessi 197 u 198 tad‑deċiżjoni kkontestata, kemm il-kundizzjonijiet ta’ dan is-self kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-linji ta’ kreditu offerti lill-IFPEN kienu jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq, li juri li l-bidla f’EPIC ma kellha l‑ebda effett fuq ir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq is‑sempliċi possibbiltà skont l-att kostituttiv li tieħu self sabiex tikkunsidra li l‑vantaġġ futur għall-IFPEN jista’ jiġi stabbilit permezz tal-preżunzjoni.

196    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argument imressaq mir-rikorrenti waqt is‑seduta, ibbażat fuq il-projbizzjoni legali li tiddejjen imposta fuq l‑IFPEN, jirriżulta li, billi imponiet fuq ir-Repubblika Franċiża obbligu li tintbagħtilha informazzjoni relatata mal-livell u mal-kundizzjonijiet tad‑dejn tal-IFPEN jew li tipproduċi l-prova li l-imsemmija kundizzjonijiet kienu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, il‑Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE.

197    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha ppreżentati iktar ’il fuq jirriżulta li, fid‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ li l-IFPEN seta’ jieħu mill-garanzija tal-Istat marbuta mal‑istatus tiegħu ta’ EPIC. Minn naħa, f’dak li jikkonċerna r‑relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, hija eskludiet b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ vantaġġ reali matul il-perijodu mill-bidla ta’ din l-impriża f’EPIC sal-2010 u, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il‑każ, hija ma tistax tinvoka l-preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ fil‑futur. Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l‑IFPEN u l-fornituri u l-klijenti, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 95 sa 131 iktar ’il fuq jirriżulta li l-garanzija inkwistjoni ma tistax tagħti lill‑IFPEN il-vantaġġ li l-Kummissjoni ddefinixxiet fil-premessi 214 u 236 tad-deċiżjoni kkontestata.

198    Minn dan isegwi li hemm lok li jintlaqgħu l-ewwel parti tat-tieni motiv u r-raba’ motiv tar-rikors fil-Kawża T‑157/12, kif ukoll it-tieni parti tal‑ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors fil-Kawża T‑479/11, sa fejn jikkonċernaw l-eżistenza tal-vantaġġ maħluq għall-IFPEN bil-garanzija inkwistjoni u, mingħajr ma jkun hemm il‑bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra ppreżentati mir‑rikorrenti, li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni żbaljat meta kklassifikat l‑imsemmija garanzija bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE.

 Dwar il-portata tal-annullament

199    Mill-konklużjoni mogħtija fil-punt 198 iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, peress li d‑dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa kumpless, għandha tiġi eżaminata l-portata ta’ dan l-annullament.

200    Qabelxejn, fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għoti lill-IFPEN tal-istatus ta’ EPIC ta lil dan tal-aħħar garanzija pubblika illimitata fuq l-attivitajiet tiegħu kollha. Barra minn hekk, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li siltet il‑konsegwenzi mill-osservazzjonijiet tagħha esposti fil-premessa 190 ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kopertura minn din il‑garanzija tal‑attivitajiet mhux ekonomiċi tal-IFPEN ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

201    Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward il‑kopertura, mill-garanzija inkwistjoni, tal-attivitajiet ekonomiċi tal‑IFPEN, jiġifieri, minn naħa, it-trasferimenti tat-teknoloġiji fl‑oqsma ta’ attività esklużivi tal-kumpanniji sussidjarji Axens, Prosernat u Beicip-Franlab u, min-naħa l-oħra, is-servizzi tagħha ta’ riċerka kuntrattwali u servizzi oħra mwettqa għan-nom ta’ terzi u għan-nom tas-sussidjarji. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kopertura ta’ dawn l-attivitajiet mill-garanzija inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (Artikolu 1(4) u (5) tad‑deċiżjoni kkontestata), bl-esklużjoni tal-attività ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji abbażi tal-ftehim konkluż bejn l-IFPEN u Beicip-Franlab (Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 243, 247 u 250 tagħha, jirriżulta li din l-esklużjoni hija dovuta, essenzjalment, għall-fatt li n-natura tar-relazzjonijiet eżistenti bejn l-IFPEN u Beicip‑Franlab kienet tipprekludi eventwali trasferiment tal-vantaġġ li minnu kien jibbenefika l-IFPEN mill-garanzija inkwistjoni lil din il‑kumpannija sussidjarja.

202    F’dak li jikkonċerna l-attivitajiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, l-Artikoli 4 sa 12 tad‑deċiżjoni kkontestata jelenkaw, essenzjalment, serje ta’ kundizzjonijiet li r-Repubblika Franċiża u l-IFPEN għandhom jissodisfaw bil-għan li l-għajnuna mill-Istat tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern. F’dak li jikkonċerna l-attività ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji abbażi tal-ftehim li jorbot lill-IFPEN u lil Beicip-Franlab, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lir‑Repubblika Franċiża tinnotifika lill-Kummissjoni bidliet f’dan il‑ftehim, ħlief jekk dawn jeskludu l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

203    Fir-rikorsi, l-IFPEN u r-Repubblika Franċiża jitolbu l-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

204    Madankollu, fl-ittri tagħhom tal-5 ta’ Mejju 2014, imsemmija fil‑punt 36 iktar ’il fuq, li fihom huma ddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, La Poste (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), ir-rikorrenti rrinunzjaw għall-motivi relatati mal-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fil-kunċett ta’ EPIC (ara l‑punti 36 sa 54 iktar ’il fuq).

205    Barra minn hekk, il-motivi li r-rikorrenti jqajmu fir-rikorsi tagħhom iwasslu biss għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, fejn hija tikkonstata li l-kopertura mill-garanzija inkwistjoni tal‑attivitajiet ekonomiċi tal-IFPEN tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għajnuna li ġiet ukoll ittrasferita lill-kumpanniji sussidjarji tal-IFPEN, u, min-naħa l-oħra, inkwantu tislet il-konsegwenzi minn din il‑konstatazzjoni billi timponi fuq ir-Repubblika Franċiża u fuq l-IFPEN diversi obbligi ta’ notifika (ara l-punti 43, 45 u 48 sa 51 iktar ’il fuq).

206    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kif ukoll tar-riżultat tal‑eżami ta’ dawn ir-rikorsi, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu tikklassifika l-garanzija li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIC tal-IFPEN bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll inkwantu tistabbilixxi l-konsegwenzi ta’ din il-klassifikazzjoni u li l-kumplament tar-rikorsi jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

207    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, jekk il‑partijiet jitilfu rispettivament waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l‑ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l‑oħra.

208    F’dan il-każ, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni, parzjalment, tilfu t-talbiet tagħhom, sa fejn il-Qorti Ġenerali tannulla parzjalment id‑deċiżjoni kkontestata u tiċħad il-kumplament tar-rikors. Għalhekk hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati żewġ terzi tal‑ispejjeż tagħha f’kull waħda mill-kawżi kif ukoll żewġ terzi tal‑ispejjeż ta’ kull wieħed mir-rikorrenti fiż-żewġ kawżi magħquda. Ir‑Repubblika Franċiża għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal‑ispejjeż tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑479/11. Bl-istess mod, l‑IFPEN għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu u terz tal-ispejjeż tal‑Kummissjoni fil-Kawża T‑157/12.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(3) sa (5) u l-Artikoli 2 sa 12 tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2012/26/UE, tad-29 ta’ Ġunju 2011, dwar l‑Għajnuna mill-Istat C 35/08 (eks-NN11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole”, huma annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha fil-Kawżi T‑479/11 u T‑157/12 u żewġ terzi tal-ispejjeż tar-Repubblika Franċiża u ta’ IFP Énergies nouvelles.

4)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑479/11.

5)      IFP Énergies nouvelles għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑157/12.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u relatati mal‑eżistenza u mal-kalkolu tal-vantaġġ għall-IFPEN

Fuq il-vantaġġ fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu

Dwar il-vantaġġ f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet tal-IFPEN mal‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji

Dwar il-portata tal-annullament

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.