Language of document : ECLI:EU:C:2020:861

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fis‑27 ta’ Ottubru 2020 (1)

Kawża C481/19

DB

vs

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob),

fil-preżenza ta’

Presidenza del Consiglio dei Ministri

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali (l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni – Abbuż tas-suq – Direttiva 2003/6/KE – Artikolu 14(3) – Regolament (UE) Nru 596/2014 – Artikolu 30(1)(b) – Nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti – Sanzjonijiet amministrattivi u/jew miżuri amministrattivi oħra – Interpretazzjoni konformi mad-drittijiet fundamentali – Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt li wieħed jibqa’ sieket – Portata”






1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari mill-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) li tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (2) u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (3), li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ kooperazzjoni mal-awtorità responsabbli mis-sorveljanza tas-suq (iktar ’il quddiem l-“awtorità superviżorja”).

2.        B’mod partikolari, il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt li wieħed jibqa’ sieket (nemo tenetur se detegere), kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u jekk ikun il-każ, dwar il-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta lil dan id-dritt.

3.        Fil-qosor, fis-sentenza li ser tagħti, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar ċertu numru ta’ kwistjonijiet ġuridiċi delikati, b’mod partikolari l-applikabbiltà tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali, kif ukoll dwar il-portata eżatta ta’ tali dritt, li d-determinazzjoni tagħha ssir problematika minħabba l-eżistenza ta’ allegata diverġenza f’dan ir-rigward bejn il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-KEDB

4.        L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jiddisponi:

“1.      Fid-deċiżjoni […] ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi.

[…]

2.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skond il-liġi.

[…]”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

5.        L-Artikolu 47(2) tal-Karta jaqra kif ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]”.

6.        Konformement mal-Artikolu 48(1) tal-Karta:

“Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi”.

2.      Id-Direttiva 2003/6

7.        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/6 jipprevedi:

“1.      L-awtorità kompetenti għandha tingġata l-poteri ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni kollha li huma neċesarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha

(a)      direttament; jew

(b)      f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew ma’ l-intrapriżi tas-suq; jew

(ċ)      taħt ir-responsabbiltà tagħha b’delegazzjoni lil dawn l-awtoritajiet jew lill-intrapriżi tas-suq

(d)      permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarja kompetenti.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(7), il-poteri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu eżerċitati in konformità mal-liġi nazzjonali u għandhom jinkludu mill-inqas id-dritt:

[…]

(b)      li jiddomandaw informazzjoni minn kwalunkwe persuna, inklużi dawk li huma involuti suċċessivament fit-trasmissjoni ta’ ordnijiet jew fil-kondotta ta’ l-operazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u jekk neċessarju, li jsejħu u jisimgħu lil kwalunkwe tali persuna;

[…]”

8.        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.      Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha, għall-informazzjoni, tfassal lista tal-miżuri u s-sanzjonijiet amminsitrattivi msemmija fil-paragrafu 1.

3.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati għal nuqqas ta’ kooperazzjoni f’investigazzjoni koperta bl-Artikolu 12.

4.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtorità kompetenti tista’ tiżvela lill-pubbliku kull miżura jew sanzjoni li tiġi imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, sakemm dan l-iżvelar ma jipperikolax b’mod serju s-swieq finanzjarji jew jikkawża ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti”.

3.      Ir-Regolament Nru 596/2014

9.        L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 596/2014, intitolat “Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti”, jistabbilixxi:

“1.      L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom kif ġej:

(a)      direttament;

(b)      f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew mal-impriżi tas-suq;

(c)      taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lil dawn l-awtoritajiet jew impriżi tas-suq; jew

(d)      b’applikazzjoni għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.      Sabiex jaqdu d-dmirjiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigatorji li ġejjin:

[…]

(b)      li jitolbu jew jesiġu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna, inklużi dawk li huma involuti suċċessivament fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet jew fit-twettiq tal-operazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u jekk meħtieġ, isejħu u jistaqsu lil kwalunkwe persuna bħal din bil-għan li jiksbu informazzjoni;

[…]”

10.      L-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn”, jiddisponi:

“1.      Bla ħsara għal sanzjonijiet kriminali u bla ħsara għas-setgħat superviżorji ta’ awtoritajiet kompetenti taħt l-Artikolu 23, l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi xierqa u jieħdu miżuri amministrattivi oħrajn fir-rigward ta’ mill-inqas il-ksur li ġej:

[…]

(b)      nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità ma’investigazzjoni jew ma’ spezzjoni jew talba kif jingħad fl-Artikolu 23(2).

[…]”

C.      Id-dritt Taljan

11.      Ir-Repubblika Taljana ttrasponiet id-Direttiva 2003/6 permezz tal-Artikolu 9 tal-legge n. 62 – Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee, Legge comunitaria 2004 (il-Liġi Nru 62 dwar id-Dispożizzjonijiet Intiżi għall-Eżekuzzjoni tal-Obbligi li Jirriżultaw mill-Appartenenza tal-Italja fil-Komunitajiet Ewropej – il-Liġi Komunitarja tal‑2004), tat‑18 ta’ April 2005 (GURI Nru 96, tas‑27 ta’ April 2005 – suppliment ordinarju għall-GURI Nru 76). Dan l-artikolu integra fit-Testo unico delle disposizioni in materia di intermediazione finanziaria, ai sensi degli articoli 8 e 21 della legge n. 52 (it-Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet fil-Qasam tal-Intermedjazzjoni Finanzjarja skont l-Artikoli 8 u 21 tal-Liġi Nru 52), tas‑6 ta’ Frar 1996 (iktar ’il quddiem it-“Test Uniku”), li jinsab fid-decreto legislativo n. 58 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58), tal‑24 ta’ Frar 1998 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 71, tas‑26 ta’ Marzu 1998), diversi dispożizzjonijiet, fosthom l-Artikolu 187a, relattiv għall-ksur amministrattiv tal-insider dealing, u l-Artikolu 187n, relattiv għas-sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni.

12.      L-Artikolu 187a tat-Test Uniku, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, kien intitolat “Insider Dealing” u kien ifformulat kif ġej:

“1.      Bla ħsara għas-sanzjonijiet kriminali meta l-fatt jikkostitwixxi reat, hija punibbli b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn EUR 20 000 u EUR 3 000 000, kull persuna li waqt li tkun fil-pussess ta’ informazzjoni minn ġewwa minħabba l-kwalità tagħha ta’ membru ta’ korpi amministrattivi, ta’ direttur jew ta’ superviżur tal-emittent, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-kapital tal-emittent jew fl-eżerċizzju ta’ xogħol, minħabba professjoni jew funzjoni, inkluż pubblika, jew pożizzjoni:

a)      takkwista, tbigħ jew twettaq tranżazzjonijiet oħra, direttament jew indirettament, għan-nom tagħha stess jew għan-nom ta’ terz, fuq strumenti finanzjarji, billi tuża l-imsemmija informazzjoni;

b)      tikkomunika informazzjoni lil persuni oħra, lil hinn mill-kuntest normali tal-eżerċizzju tal-impjieg, tal-professjoni, tal-funzjoni jew tal-pożizzjoni tagħha;

c)      tirrakkomanda lil persuni oħra, abbażi ta’ din l-informazzjoni, iwettqu waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew tinkoraġġihom.

2.      Is-sanzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għal kull persuna li, waqt li tkun fil-pussess ta’ informazzjoni minn ġewwa minħabba l-preparazzjoni jew it-twettiq ta’ att kriminali, twettaq waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-imsemmi paragrafu 1.

[…]

4.      Is-sanzjoni prevista fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għal kull persuna li waqt li tkun fil-pussess ta’ informazzjoni minn ġewwa u tkun taf jew tista’ tkun taf, billi tuża diliġenza normali, in-natura ta’ ġewwa tagħha, twettaq waħda mill-fatti deskritti fl-imsemmi paragrafu.

5.      Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji previsti fil-paragrafi 1, 2 u 4, jiżdiedu sa tliet darbiet tal-ammont tagħhom jew sa ammont ikbar li jikkorrispondi għal għaxar darbiet tal-prodott jew tal-profitt magħmul mill-ksur, meta minħabba l-personalità tal-awtur tal-ksur jew tal-importanza tal-prodott jew tal-profitt tal-ksur, dawn jidhru insuffiċjenti anki jekk jiġi applikat l-ammont massimu.

[…]”

13.      Fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 187n tat-Test Uniku kien intitolat “Protezzjoni tal-attività ta’ sorveljanza tal-Consob” u kien jiddisponi:

“1.      Lil hinn mill-każijiet previsti mill-Artikolu 2638 tal-codice civile [il-Kodiċi Ċivili], kull persuna li ma tikkonformax ruħha fit-termini mogħtija mat-talbiet tal-Consob jew li tittardjaha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha hija suġġetta għal sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn EUR 10 000 u EUR 200 000.”

14.      Fil-verżjoni attwalment fis-seħħ, dan l-istess Artikolu 187n tat-Test Uniku intitolat “Protezzjoni tal-attività ta’ sorveljanza tal-Bank tal-Italja u tal-Consob” jaqra kif ġej:

“1.      Lil hinn mill-każijiet previsti mill-Artikolu 2638 tal-codice civile [il-Kodiċi Ċivili], huwa punibbli skont dan l-artikolu kull min ma jikkonformax ruħu fit-termini mogħtija mat-talbiet tal-Banca d’Italia [il-Bank tal-Italja] u tal-Consob, jew ma jikkooperax ma’ dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza tagħhom, jew jittardja l-eżerċizzju tagħhom.

1a.      Jekk il-ksur jitwettaq minn persuna fiżika, din hija punibbli b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn EUR 10 000 u EUR 5 000 000.

1b.      Jekk il-ksur jitwettaq minn kumpannija jew istituzzjoni, din hija punibbli b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn EUR 10 000 u EUR 5 000 000, jew tista’ tkun ta’ għaxra fil-mija tad-dħul mill-bejgħ meta dan l-ammont ikun ikbar minn EUR 5 000 000 u d-dħul mill-bejgħ jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 195(1a). Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti għall-kumpanniji u l-istituzzjonijiet li jiġi kkonstatat il-ksur fil-konfront tagħhom, is-sanzjoni amministrattiva pekunjarja msemmija fil-paragrafu 1a tapplika għar-rappreżentanti jew għall-persunal tal-kumpannija jew tal-istituzzjoni fil-każijiet previsti mill-punt a tal-Artikolu 190a(1).

1c.      Jekk il-profitt magħmul mill-awtur tal-ksur b’konsegwenza tal-ksur huwa ikbar mil-limiti stabbiliti minn dan l-artikolu, is-sanzjoni amministrattiva pekunjarja tiżdied għad-doppju tal-ammont tal-vantaġġ miksub, taħt il-kundizzjoni li dan l-ammont ikun determinabbli”.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 18199 tat‑18 ta’ Mejju 2012, il-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob) (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, l-Italja) imponiet fuq DB sanzjonijiet pekunjarji għall-ksur amministrattiv ta’ inside dealing, li jinkludi żewġ aspetti: it-tranżazzjonijiet ta’ inside dealing u l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa mwettqa bejn id‑19 u s‑26 ta’ Frar 2009. Hija imponietilha wkoll sanzjoni pekunjarja tal-ammont ta’ EUR 50 000 fir-rigward tal-ksur amministrattiv previst fl-Artikolu 187n tat-Test Uniku talli kienet iddeferiet diversi drabi d-data tas-smigħ li għalih kienet ġiet imsejħa fil-kwalità tagħha ta’ persuna informata bil-fatti u talli rrifjutat li twieġeb għall-mistoqsijiet li sarulha meta ppreżentat ruħha. Barra minn hekk, il-Consob imponiet fuq DB is-sanzjoni ta’ telf ta’ reputazzjoni temporanja prevista fl-Artikolu 187c(1) tat-Test Uniku għal 18-il xahar u ordnat il-konfiska tal-ekwivalenti tal-profitt jew tal-mezzi użati sabiex jinkiseb skont l-Artikolu 187e tat-Test Uniku.

16.      Fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali li tat lok għal dan ir-rinviju, DB qabel kollox għamlet oppożizzjoni quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja), billi qajmet, fost affarijiet oħra, l-illegalità tas-sanzjoni li kienet ġiet imposta fuqha skont l-Artikolu 187n tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 58 tal‑24 ta’ Frar 1998. Wara li din l-oppożizzjoni ġiet miċħuda, DB ippreżentat appell ta’ kassazzjoni. Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Frar 2018, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) qajmet żewġ kwistjonijiet inċidentali ta’ kostituzzjonalità li għandhom jiġu eżaminati mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali).

17.      L-ewwel minn dawn il-kwistjonijiet tirrigwarda l-Artikolu 187n tat-Test Uniku, kif imdaħħal permezz tal-Artikolu 9 fil-Liġi Nru 62 tat‑18 ta’ April 2005, sa fejn din id-dispożizzjoni tissanzjona n-nuqqas ta’ konformità fit-termini mogħtija mat-talbiet tal-Consob jew il-fatt li jiġi ttardjat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, inkluż għal dak li jirrigwarda l-persuna li fil-konfront tagħha, il-Consob, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ sorveljanza, tallega inside dealing.

18.      Fid-deċiżjoni tagħha għal rinviju preliminari, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tosserva li l-Artikolu 187n imur kontra diversi prinċipji, uħud kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali (id-dritt tad-difiża u l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet fil-proċess, previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, rispettivament), u oħrajn kwistjonijiet tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni (id-dritt għal smigħ xieraq, previst fl-Artikolu 6 KEDB, fl-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiki u fl-Artikolu 47 tal-Karta), bil-ksur ta’ dawn tal-aħħar jista’ jwassal għal nuqqas ta’ kostituzzjonalità tad-dispożizzjoni kkonċernata, skont l-Artikolu 11 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Taljana.

19.      Skont il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), ma jidhirx li d-“dritt li wieħed jibqa’ sieket”, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali invokati, jista’ jiġġustifika, waħdu, ir-rifjut ta’ persuna li tippreżenta ruħha għas-smigħ ordnat mill-Consob, u lanqas l-ittardjar tagħha li tippreżenta ruħha għal dan is-smigħ, sabiex jiġi żgurat, għall-kuntrarju ta’ dak li kien ikun il-każ f’dan il-każ, id-dritt tagħha li ma tweġibx għall-mistoqsijiet li jsirulha waqt dan is-smigħ.

20.      Fil-fatt, skont il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), il-formulazzjoni tal-Artikolu 187n tat-Test Uniku, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti bħal dik fis-seħħ attwalment, kienet tkopri wkoll l-ipoteżi li fiha s-smigħ personali huwa ordnat fir-rigward ta’ persuna li l-Consob diġà identifikat, abbażi ta’ informazzjoni fil-pussess tagħha, bħala l-awtur possibbli ta’ ksur li l-konstatazzjoni tiegħu taqa’ fil-kompetenza tagħha. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dritt li wieħed jibqa’ sieket japplikax mhux biss fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, iżda wkoll waqt smigħ ordnat mill-Consob fil-kuntest tal-attività ta’ sorveljanza tagħha. Issa, l-argumenti bbażati kemm fuq l-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Taljana kif ukoll fuq l-Artikolu 6 KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB, jimmilitaw favur tweġiba affermattiva għal din il-kwistjoni.

21.      Konklużjoni opposta tinvolvi r-riskju li minħabba l-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, l-awtur preżunt ta’ ksur amministrattiv li jista’ jwassal għal sanzjoni ta’ natura “punittiva” jista’ jikkontribwixxi wkoll, fil-fatt, għall-formulazzjoni ta’ akkuża kriminali fil-konfront tiegħu. Fil-fatt, fid-dritt Taljan, inside dealing tikkostitwixxi kemm ksur amministrattiv (Artikolu 187a tat-Test Uniku) kif ukoll reat kriminali (Artikolu 184 tat-Test Uniku). Il-proċeduri applikabbli fil-qasam jistgħu jiġu implimentati u mmexxija b’mod parallel, kif kien effettivament il-każ ta’ DB, sakemm dan ikun kompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem (4).

22.      Barra minn hekk, il-Qorti costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) targumenta li d-dubji hekk imqajma jkunu kkorroborati wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fir-rigward tal-Artikolu 6 KEDB.

23.      Skont il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), ladarba l-Artikolu 187n tat-Test Uniku kien introdott fl-ordinament ġuridiku Taljan b’eżekuzzjoni ta’ obbligu speċifiku impost mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u llum jikkostitwixxi l-implimentazzjoni preċiża tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, u peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet donnhom jimponu wkoll lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri d-dmir li jissanzjonaw is-skiet miżmum waqt smigħ mill-persuna li twettaq tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu ksur li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn l-awtoritajiet, eventwali dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-Artikolu 187n jirriskja li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, wieħed jista’ jiddubita l-kompatibbiltà ta’ tali dmir ta’ sanzjoni mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li donnhom jirrikonoxxu wkoll dritt fundamentali tal-individwu li ma jikkontribwixxix għall-inkriminazzjoni tiegħu stess u li ma jkunx kostrett jagħmel dikjarazzjonijiet li għandhom natura ta’ konfessjoni, fl-istess limiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 KEDB u mill-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Taljana.

24.      F’dan ir-rigward, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tindika konoxxenza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relattiva għad-dritt li wieħed jibqa’ sieket fil-qasam tal-aġir antikompetittiv li billi tobbliga lil dak li jwettaq il-ksur jwieġeb għall-mistoqsijiet purament fattwali, twassal madankollu għal-limitazzjoni sinjifikattiva tal-portata tal-prinċipju nemo tenetur se detegere, sa fejn dan tal-aħħar jimplika, fil-qasam kriminali, id-dritt għall-persuna kkonċernata li ma tikkontribwixxix permezz tad-dikjarazzjonijiet tagħha, anki indirettament, għall-inkriminazzjoni tagħha stess. Hija tirrileva li din il-ġurisprudenza – li saret għal dak li jirrigwarda persuni ġuridiċi u mhux fiżiċi, u fil-biċċa l-kbira qabel l-adozzjoni tal-Karta u l-attribuzzjoni lilha tal-istess valur ġuridiku bħat-Trattati – tidher li hija diffiċli li tirrikonċilja man-natura “punittiva”, irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha fis-sentenza Di Puma u Zecca (5), lis-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-ordinament ġuridiku Taljan fil-qasam tal-inside dealings. Din in-natura donnha tissuġġerixxi, skont din il-qorti, in-neċessità li l-allegat awtur tal-ksur jiġi rrikonoxxut garanzija analoga għal dik irrikonoxxuta fil-qasam kriminali.

25.      Barra minn hekk, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma hijiex kompletament fil-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li għall-kuntrarju donnha, tirrikonoxxi portata iktar wiesgħa għad-dritt li wieħed jibqa’ sieket li minnu jibbenefika l-akkużat, inkluż fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi fid-dawl tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li għandhom natura “punittiva”.

26.      Peress li sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja u l-leġiżlatur tal-Unjoni għadhom ma indirizzawx il-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jimponux, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6 KEDB, li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ dan id-dritt anki fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ta’ natura “punittiva”, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju, qabel ma tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-kostituzzjonalità li għandha quddiemha, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kjarifika dwar l-interpretazzjoni, u jekk ikun il-każ, dwar il-validità, fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 kif applikabbli ratione temporis, kif ukoll tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014. B’mod partikolari, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jippermettux lil Stat Membru li ma jissanzjonax lil min jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet tal-awtorità superviżorja li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tiegħu għall-ksur punibbli b’sanzjonijiet kriminali jew b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura “punittiva”.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE, sa fejn dan huwa applikabbli ratione temporis, u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom jiġu interpetati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li ma jissanzjonawx lil min jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-awtorità kompetenti, li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tiegħu għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura ‘punittiva’?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE, sa fejn dan huwa applikabbli ratione temporis, u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 huma kompatibbli mal-Artikoli 47 u 48 tal-[Karta], inkluż fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti [EDB] inkonnessjoni mal-Artikolu 6 tal-KEDB u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni fost l-Istati Membri, sa fejn dawn jistabbilixxu li għandu jiġi ssanzjonat ukoll kull min jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-awtorità kompetenti, li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tiegħu għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura ‘punittiva’?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Dawn id-domandi kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa ta’ DB, tal-Gvern Taljan, tal-Gvern Spanjol, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea.

29.      Dawn l-istess partijiet ikkonċernati għamlu sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2020.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

30.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill josserva li l-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) stess tindika, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li hija biss id-Direttiva 2003/6 li tapplika ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li r-Regolament Nru 596/2014, li ħassar u ssostitwixxa din id-direttiva, jirregola attwalment il-qasam mingħajr madankollu ma huwa marbut mod ieħor mas-sitwazzjoni li wasslet għall-proċedura nazzjonali inkwistjoni.

31.      Billi tenfasizza li l-unika dispożizzjoni rilevanti għall-kawża prinċipali hija l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) donnha tirrikonoxxi b’mod impliċitu, skont il-Kunsill, li r-risposti għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 ma humiex neċessarji sabiex tiġi deċiża t-tilwima li wasslet għall-kawża, iżda li huma essenzjalment intiżi sabiex jikkjarifikaw is-sitwazzjoni leġiżlattiva għall-futur.

32.      Għalhekk, preliminarjament, għandha titqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 huwiex rilevanti wkoll sabiex jippermetti lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tiddeċiedi dwar ir-rinviju tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni).

33.      Għal dan il-għan, infakkar qabel kollox, li skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Dan jista’ jiġi eskluż biss f’każijiet eċċezzjonali, meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni jew l-eżami tal-validità ma jkollhom ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew inkella meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha kif ukoll sabiex tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-qorti nazzjonali tqis li għandha bżonn risposti għal dawn id-domandi sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha (6).

34.      F’dan il-każ, jidhirli li l-argument magħmul mill-Kunsill huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li, min-naħa, din id-deċiżjoni ma tesponix ir-raġunijiet li wasslu lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tistaqsi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tar-Regolament Nru 596/2014, u min-naħa l-oħra, ma tistabbilixxix ir-rabta bejn dan ir-regolament u l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali. Dawn il-lakuni għandhom l-effett, skont il-Kunsill, li jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti opinjoni konsultattiva dwar kwistjonijiet ipotetiċi u għalhekk, iwasslu għall-inammissibbiltà parzjali ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

35.      Jiena ma nistax naqbel ma’ din il-pożizzjoni għar-raġunijiet segwenti.

36.      Fir-rigward tal-ewwel parti relatata mar-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli ta’ Proċedura, ninnota li, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tistabbilixxi b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba hija ġġustifikata mill-fatt li eventwali dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-Artikolu 187n tat-Test Uniku tirriskja wkoll li tmur kontra l-obbligu ta’ sanzjoni li attwalment jirriżulta mill-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014. B’hekk, jidhirli li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tirrikonoxxi b’mod impliċitu, li d-deċiżjoni tagħha ser tkun tirrigwarda mhux biss l-Artikolu 187n tat-Test Uniku fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-epoka tal-fatti tal-kawża prinċipali, iżda wkoll dwar l-istess dispożizzjoni fil-verżjoni tagħha fis-seħħ attwalment. Fil-fatt, kif tikkonstata l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mill-Artikolu 27 tal-legge n. 87 – Norme sulla costituzione e sul funzionamento della Corte Costituzionale (il-Liġi Nru 87 li Tirrigwarda Dispożizzjonijiet dwar il-Kostituzzjoni u dwar il-Funzjonament tal-Qorti Kostituzzjonali) tal‑11 ta’ Marzu 1953 (GURI Nru 62, tal‑14 ta’ Marzu 1953) jirriżulta li, meta l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tilqa’ talba jew rikors li jirrigwarda l-kostituzzjonalità ta’ liġi jew att b’saħħa ta’ liġi, hija tiddeċiedi, fil-limiti tal-għan tar-rikors, mhux biss dwar id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li ma humiex kostituzzjonali, iżda wkoll dwar dawk li n-nuqqas ta’ kostituzzjonalità tagħhom hija l-konsegwenza tad-deċiżjoni adottata. Issa, l-assenza ta’ referenza espressa fid-deċiżjoni tar-rinviju għal din id-dispożizzjoni, li tillimita l-portata ta’ deċiżjonijiet li jilqgħu t-talba jew r-rikors dwar il-kostituzzjonalità b’mod li ċertament ma huwiex barrani għal dak ta’ qrati kostituzzjonali oħra fl-Unjoni, jidher li huwa insuffiċjenti sabiex jiġġustifika l-konklużjoni li l-ewwel parti tal-imsemmija rekwiżit ma hijiex issodisfatta.

37.      Fir-rigward tat-tieni parti, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tesponi li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 187n tat-Test Uniku, kienet tittrasponi, fl-epoka tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6, u tittrasponi, attwalment, l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014. Issa, jekk huwa minnu li l-“leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali” hija l-Artikolu 187n tat-Test Uniku, fil-verżjoni tiegħu li kienet tittrasponi d-Direttiva 2003/6, huwa minnu wkoll li, ikkunsidrata l-koerenza eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/6 u dawk tar-Regolament Nru 596/2014, ir-rabta bejn dan tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi kkunsidrata stabbilita.

38.      Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-domandi ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

1.      Riformulazzjoni tad-domandi preliminari

39.      Mill-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tfittex li tikseb, fost oħrajn, kjarifiki dwar il-portata li hija għandha tirrikonoxxi lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi, minħabba l-allegata diverġenza dwar dan il-punt bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja (7).

40.      Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domandi preliminari, kif ukoll tar-relazzjoni ta’ dipendenza bejn ir-risposta għall-ewwel domanda u l-eżami tat-tieni waħda, din il-problema tirriskja, fil-fehma tiegħi, li tibqa’ barra mill-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li ser tagħti.

41.      Għalhekk jidhirli li huwa neċessarju, bil-għan li l-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha tiżviluppa l-kontenut tas-sentenza tagħha ta’ kostituzzjonalità, li ssir riformulazzjoni tad-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

42.      Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-fakultà li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li tirriformula d-domandi li jkunu ġew issottomessi lilha hija ġġustifikata mill-fatt li hija għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li għandha quddiemha (8).

43.      Min-naħa l-oħra, nindika li r-riformulazzjoni tad-domandi preliminari jidhirli li hija, b’mod ġenerali, eżerċizzju delikat li jeħtieġ livell għoli ta’ kawtela min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevita kwalunkwe intrużjoni fuq il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha tevalwa r-rilevanza tal-kwistjonijiet ta’ liġi mqajma mit-tilwima li għandha quddiemha kif ukoll in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti sentenza (9).

44.      F’dan il-każ, uħud mill-partijiet ikkonċernati pproponew riformulazzjoni tal-ewwel domanda b’tali mod li hija intiża sabiex tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri ma jissanzjonawx lil min jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-awtorità superviżorja li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tiegħu għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali.

45.      Fil-fehma tiegħi, tali riformulazzjoni twassal għall-iżnaturament tas-suġġett tal-ewwel domanda, li tirrigwarda il-possibbiltà nnifisha li l-Istati Membri, waqt l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni jew ta’ eżekuzzjoni, jinterpretaw l-imsemmija dispożizzjonijiet b’konformità mad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, u jevitaw de facto l-problema marbuta mal-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li hija s-suġġett tat-tieni domanda.

46.      Sabiex jiġi evitat tali riżultat, inqis li r-riformulazzjoni għandha tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jiġu interpretati b’konformità mad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari, mad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, jew inkella jekk tali interpretazzjoni tkunx mill-banda l-oħra contra legem. Huwa ċar li jekk ir-risposta tkun pożittiva, kull dubju dwar il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-imsemmija artikoli tal-Karta jkun eskluż. Barra minn hekk, din ir-riformulazzjoni għandha tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar il-problema relattiva għall-portata eżatta tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, kif esposta fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

47.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula ż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ġej:

Liema portata għandha tingħata lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi, kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-aġir antikompetittiv, fl-ipoteżi fejn l-ifformular tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 jippermettu l-interpretazzjoni tagħhom konformi mal-imsemmi dritt?

2.      Eżami tad-domanda riformulata

48.      Konformement mal-loġika interna tad-domanda riformulata, ser nivverifika jekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikoli inkwistjoni, hijiex possibbli interpretazzjoni konformi mad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, f’liema każ il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tkunx tista’ tiġi kkontestata. Dan jiddependi mill-punt dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jinftehmu fis-sens li ma jimponux li l-Istati Membri jissanzjonaw il-persuni li jirrifjutaw li jwieġbu għal mistoqsijiet tal-awtorità superviżorja li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħhom għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali (10) (Taqsima b). Madankollu, għandu jiġi nnotat li din id-domanda tippreżumi risposta affermattiva għall-kwistjoni dwar jekk id-dritt li wieħed jibqa’ sieket huwiex applikabbli mhux biss fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, iżda wkoll fil-proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni tal-imsemmija sanzjonijiet. Minkejja li tressaq diversi argumenti li jimmilitaw favur tali risposta, il-qorti tar-rinviju donnha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tneħħi kull dubju residwali f’dan ir-rigward. Għalhekk, l-ewwel ser nindirizza dan il-punt (Taqsima a). Finalment, ser nieħu pożizzjoni dwar il-portata li għandha tingħata f’dan il-kuntest lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (Taqsima c).

a)      Fuq ir-rikonoxximent tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket fil-proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li għandhom natura kriminali

49.      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li la l-Artikolu 47(2) (dritt għal smigħ xieraq) u lanqas l-Artikolu 48(2) (preżunzjoni ta’ innoċenza) tal-Karta ma jistabbilixxi espressament dritt li wieħed jibqa’ sieket.

50.      Madankollu, konformement mal-klawżola ta’ uniformità li tinsab fl-Artikolu 52(3) tal-Karta, li tipprovdi li s-sens u l-portata tad-drittijiet stabbiliti minnha li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom ikunu “l-istess bħal dawk stabbiliti” mill-Artikolu korrelattiv tal-KEDB, l-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Karta jistabbilixxu, fir-rigward tal-Artikolu 47(2) tagħha, li l-garanziji li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) KEDB “japplikaw b’mod simili fl-Unjoni”, u fir-rigward tal-Artikolu 48(2) tagħha li dan id-dritt għandu “l-istess sens u l-istess portata” bħal dak stabbilit fl-Artikolu 6(2) KEDB (11).

51.      Minkejja li huwa minnu li t-test tal-Artikolu 6 KEDB huwa nieqes ukoll minn kull referenza għad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, għandu jitfakkar li l-Qorti EDB iddeċidiet diversi drabi li minkejja l-assenza ta’ tali rikonoxximent espress, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt li ma jikkontribwixxix għall-inkriminazzjoni tiegħu stess, bħala parti mid-dritt li wieħed jibqa’ sieket, huma “standards internazzjonali ġeneralment irrikonoxxuti li huma l-qalba tal-kunċett ta’ smigħ xieraq stabbilit mill-Artikolu 6 KEDB” (12).

52.      Għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 6 KEDB, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-aspett kriminali ta’ din id-dispożizzjoni japplika kull darba li jkun hemm “akkuża kriminali”.

53.      Madankollu, huwa magħruf li l-kunċett ta’ “qasam kriminali” kien is-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa mill-Qorti EDB, bil-għan li jkopri mhux biss proċeduri li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ikklassifikati fl-isfera kriminali mil-leġiżlatur nazzjonali, iżda wkoll dawk, li minkejja li huma kklassifikati minnu bħala amministrattivi, fiskali jew dixxiplinari, għandhom natura essenzjalment kriminali. Tali interpretazzjoni awtonoma hija bbażata fuq il-kriterji żviluppati wara s-sentenza Engel (13), u li sussegwentement kienu sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bonda (14), jiġifieri l-klassifikazzjoni tal-ksur fid-dritt nazzjonali, in-natura ta’ dan il-ksur u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (iktar ’il quddiem il-“kriterji tas-sentenza Bonda”).

54.      Għandna nirrevedu fil-qosor dawn il-kriterji, kif kienu kkaratterizzati fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (15).

55.      L-ewwel kriterju, relattiv għall-klassifikazzjoni tal-ksur skont id-dritt nazzjonali, ma huwiex rilevanti fir-rigward ta’ sanzjoni kklassifikata bħala amministrattiva (16). F’dak il-każ, huwa neċessarju li ngħaddu għall-eżami taż-żewġ kriterji l-oħra.

56.      It-tieni kriterju, intiż sabiex tinftiehem in-natura reali tal-ksur, jiġi evalwat abbażi ta’ numru ta’ fatturi, bl-intiża li ksur ikun ta’ natura kriminali b’mod partikolari meta s-sanzjoni prevista mid-dritt nazzjonali tirrigwarda l-pubbliku ġenerali u mhux grupp ta’ destinatarji stabbilit sewwa (17), meta l-karatterizzazzjoni ta’ din is-sanzjoni tkun konformi mal-iskopijiet ta’ prevenzjoni u ta’ repressjoni (18), minflok tikkumpensa biss danni materjali (19), u meta d-dispożizzjoni nazzjonali ta’ sanzjoni tipproteġi interess ġuridiku li l-protezzjoni tiegħu huwa normalment żgurat mid-dritt kriminali (20).

57.      It-tielet kriterju jirrigwarda b’mod partikolari l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab, li jiġi ddeterminat b’riferiment għas-sanzjoni li hija punibbli a priori għall-persuna kkonċernata, u mhux dik effettivament imposta (21). Il-pieni li jċaħħdu l-libertà huma, bid-definizzjoni, ta’ natura kriminali (22), l-istess bħas-sanzjonijiet pekunjarji li jistgħu jinbidlu f’piena sussidjarja ta’ priġunerija f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq jew li jwasslu għal reġistrazzjoni fuq ir-rekords kriminali (23).

58.      It-tieni u t-tielet kriterju huma, bħala prinċipju, alternattivi. Madankollu, jista’ jiġi adottat approċċ kumulattiv meta analiżi distinta ta’ kull kriterju ma twassalx għal konklużjoni ċara dwar l-eżistenza ta’ akkuża kriminali (24).

59.      Issa, meta l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kriterji turi li l-proċedura amministrattiva inkwistjoni tista’ tagħti lok għal sanzjoni li taqa’ taħt il-“qasam kriminali”, tapplika l-firxa kollha tal-garanziji marbuta mal-aspett kriminali tal-Artikolu 6 KEDB, inkluż għalhekk, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket. Fil-fatt, meta l-Qorti EDB tistabbilixxi li s-sanzjoni li tista’ tiġi imposta fl-aħħar tal-proċedura taħt eżami għandha natura kriminali, hija ma tagħmel ebda mistoqsija addizzjonali dwar l-applikabbiltà tad-dritt speċifiku inkwistjoni, peress li din l-applikabbiltà tikkostitwixxi l-konsegwenza inevitabbli ta’ tali klassifikazzjoni tas-sanzjoni (25).

60.      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġustament tosserva l-qorti tar-rinviju, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket diġà ġie rrikonoxxut diversi drabi lil persuni li ma wieġbux għal mistoqsijiet tal-awtoritajiet amministrattivi fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ konstatazzjoni ta’ ksur amministrattiv. F’dawn l-okkażjonijiet, kienet in-natura kriminali tas-sanzjonijiet applikabbli mill-awtorità amministrattiva għall-ksur li kien is-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa minnha li kienet ikkunsidrata bħala determinanti mill-Qorti EDB (26).

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li meta s-sanzjonijiet eżaminati huma kklassifikati kriminali fid-dawl tal-kriterji tas-sentenza Bonda, ir-rikonoxximent tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket ikollu natura awtomatika.

b)      Fuq il-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiġu interpretati b’konformità mad-dritt għas-silenzju

62.      F’dan l-istadju, għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli li fid-dawl tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, jiġifieri fis-sens li ma jimponix li l-Istati Membri jissanzjonaw lil min jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-awtorità superviżorja li jistgħu jirriżultaw fir-responsabbiltà tiegħu għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali. Fil-fatt, huwa biss fl-ipoteżi li tali possibbiltà tiġi kkonfermata li l-kwistjoni dwar il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tkun tista’ tingħata risposta fl-affermattiv.

63.      Għal dan il-għan, qabel kollox, għandu jiġi ddefinit fil-qosor il-kuntest ġuridiku li fihom jinsabu d-dispożizzjonijiet suġġett ta’ din il-kwistjoni.

64.      Id-Direttiva 2003/6 hija intiża għall-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq. Kif jirriżulta mill-premessi 2 u 12 tagħha, hija tipprojbixxi l-insider dealings kif ukoll tranżazzjonijiet għal manipulazzjoni tas-suq sabiex tiżgura l-integrità tas-swieq finanzjarji u ssaħħaħ il-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq, fiduċja bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li dawn l-investituri ser jitpoġġew f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u ser ikunu protetti kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa (27).

65.      Sabiex dan il-qafas leġiżlattiv jiġi żgurat effettività xierqa, kull ksur tal-projbizzjonijiet adottati skont id-Direttiva 2003/6 għandu jiġi ntraċċat fil-pront u ssanzjonat (28). F’din il-perspettiva, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi r-rekwiżiti li magħhom l-Istati Membri għandhom jikkonformaw is-sistema nazzjonali tagħhom ta’ sanzjonijiet.

66.      Filwaqt li jfittex l-istess għanijiet bħad-Direttiva 2003/6 (29), ir-Regolament Nru 596/2014 huwa intiż sabiex jistabbilixxi kuntest ġuridiku iktar uniformi u b’saħħtu, b’mod partikolari billi jsaħħaħ is-setgħat ta’ sorveljanza, ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-awtorità superviżorja (30). Fil-qasam tas-sanzjonijiet, l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament jwessa’ l-firxa ta’ rekwiżiti li magħhom l-Istati Membri għandhom jikkonformaw is-sistema nazzjonali tagħhom.

67.      Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta f’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-awtorità superviżorja. Issa, ir-referenza espressa magħmula f’dan l-artikolu għall-Artikolu 12 tal-istess direttiva teħtieġ li jsir qari magħqud tad-dispożizzjoni inkwistjoni u l-Artikolu 12 li, għal dak li huwa l-kontenut minimu tas-setgħat tal-awtorità superviżorja, jipprovdi, fil-paragrafu (2)(b) tiegħu, li dawn is-setgħat għandhom jinkludu d-dritt “li jiddomandaw informazzjoni minn kwalunkwe persuna, inklużi dawk li huma involuti suċċessivament fit-trasmissjoni ta’ ordnijiet jew fil-kondotta ta’ l-operazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u jekk neċessarju, li jsejħu u jisimgħu lil kwalunkwe tali persuna” (31). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/6 jindika li l-estensjoni tal-kategorija ta’ persuni li fil-konfront tagħhom jista’ jiġi eżerċitat dan id-dritt tal-awtorità superviżorja, bħala prinċipju, ma għandha ebda limitu.

68.      Fir-rigward tal-Artikolu 30(1)(b), dan essenzjalment jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jaraw li l-awtorità superviżorja jkollha s-setgħa li timponi sanzjonijiet u miżuri amministrattivi għal dak li jirrigwarda n-“nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità ma’investigazzjoni jew ma’ spezzjoni jew talba”. Peress li dan l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 596/2014 jirreferi espressament għall-Artikolu 23 ta’ dan l-istess regolament, huwa jeħtieġ neċessarjament qari magħqud ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, li fil-paragrafu 2 tagħha, tiddetermina l-kontenut minimu tas-setgħat ta’ sorveljanza u investigazzjoni tal-awtorità superviżorja fis-sens li dawn is-setgħat jinkludu b’mod partikolari dik “li jitolbu jew jesiġu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna, inklużi dawk li huma involuti suċċessivament fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet jew fit-twettiq tal-operazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u jekk meħtieġ, isejħu u jistaqsu lil kwalunkwe persuna bħal din bil-għan li jiksbu informazzjoni” (32).

69.      Is-saħħa semantika tal-aġġettivi “kwalunkwe” u “kwalunkwe”, flimkien mal-fatt li ma huwiex espressament eskluż li l-Istati Membri jistgħu jissanzjonaw minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni l-persuni li t-tweġibiet tagħhom jistgħu jirriżultaw fir-responsabbiltà tagħhom għal ksur li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità superviżorja, jistgħu, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan, jiġġustifikaw interpretazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6, kif ukoll tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, fis-sens li l-Istati Membri għandhom jissanzjonaw ukoll lill-imsemmija persuni b’mezzi amministrattivi.

70.      Madankollu, jiena persważ li tali konklużjoni hija żbaljata.

71.      F’dan ir-rigward, irrid nenfasizza, minn naħa, li l-aġġettivi “kwalunkwe” u “kwalunkwe” jirreferu, fiż-żewġ atti legali inkwistjoni, għall-persuni li mingħandhom l-awtorità superviżorja għandha dritt titlob informazzjoni jew li din l-awtorità għandha dritt issejjaħ għall-interrogazzjoni, u mhux direttament għall-persuni li hija għandha tissanzjona minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni mwettqa minn din l-awtorità, li għandu effett fuq is-solidità ta’ din l-interpretazzjoni letterali. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, nikkunsidra li interpretazzjoni li tagħti valur lill-assenza ta’ esklużjoni espressa tal-possibbiltà li jiġu ssanzjonati l-persuni li t-tweġibiet tagħhom jistgħu jirriżultaw fir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità superviżorja titlaq neċessarjament mill-premessa li kemm l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 jimponu lill-Istati Membri li jiżguraw li n-nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imwettqa minn din l-awtorità jiġi punit b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali. Fil-fatt, kif muri hawn fuq, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket japplika biss fil-proċeduri kriminali jew fil-proċeduri amministrattivi li jistgħu jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li għandhom tali natura.

72.      Issa, kif diġà għidt qabel, l-użu ta’ metodi oħra eżeġetiċi tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal dak tal-interpretazzjoni sistematika u storika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, turi b’mod evidenti, fil-fehma tiegħi, in-natura żbaljata ta’ dan il-qari tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

73.      Interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 timplika qabel kollox li jittieħed inkunsiderazzjoni l-paragrafu 1 ta’ din l-istess dispożizzjoni, li jipprovdi “[m]ingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Issa minn dan il-paragrafu jirriżulta li fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miżuri intiżi sabiex jippenalizzaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2003/6, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. B’mod ġenerali, mhux biss ma humiex espressament obbligati jipprovdu, apparti l-eventwali sanzjonijiet kriminali, sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali, iżda għandhom ukoll id-dritt li jagħżlu li jimponu sempliċi “miżuri amministrattivi approprjati” minflok sanzjonijiet amministrattivi proprja. Fi kliem ieħor, anki jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom “sanzjonijiet amministrattivi”, is-setgħa diskrezzjonali li għandhom fir-rigward ta’ dawn is-sanzjonijiet hija limitata biss bl-obbligu li jiżguraw li dawn ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi” (33). Dan l-obbligu ma jimplikax neċessarjament, fil-fehma tiegħi, dak li jiġu previsti sanzjonijiet li għandhom natura kriminali, peress li sanzjonijiet li ma għandhomx tali natura jistgħu, bħala prinċipju, ikunu wkoll effettivi, proporzjonati u dissważivi (34). Fil-fatt, jiena ma narax kif jista’ jiġi eskluż li sanzjoni li ma tissodisfax it-tieni kriterju tas-sentenza Bonda minħabba l-iskop tagħha esklużivament preventiv jew reparatorju, jew li ma tissodisfax it-tielet kriterju tas-sentenza Bonda minħabba l-ammont imnaqqas tagħha, tista’ tissodisfa l-imsemmija karatteristiċi.

74.      Barra minn hekk, jidhirli li dan il-qari huwa fl-istess linja tal-passaġġ ta’ konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Spector Photo Group u Van Raemdonck (35). Wara li indika li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/6 jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jistabbilixxu “regoli minimi” u li “l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw dispożizzjonijiet iktar ħorox”, l-Avukat Ġenerali ddikjara fil-fatt li dan l-artikolu “jillimita ruħu li jipprovdi li Stati Membri għandhom jipprovdu għall-miżuri amministrattivi li huma effettivi u dissważivi” u li konsegwentement, għal dak li jirrigwarda l-mod ta’ impożizzjoni tas-sanzjonijiet, id-Direttiva 2003/6 tinvolvi biss “armonizzazzjoni minima” (36).

75.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, inqis li hija lanqas tawtorizza konklużjoni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li timponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali. Huwa minnu li l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri billi jipprovdi, essenzjalment, li dawn tal-aħħar għandhom jintroduċu kemm miżuri amministrattivi kif ukoll sanzjonijiet amministrattivi għall-finijiet tar-repressjoni tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu, mingħajr ma jħallilhom għażla bejn dawn iż-żewġ mekkaniżmi ta’ sanzjoni. Madankollu, għandu jiġi nnotat li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ kooperazzjoni huwa eżenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2) tal-imsemmi regolament, li jinkludi, fost il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li l-awtoritajiet superviżorji għandhom tal-inqas ikunu jistgħu jimponu apparti sanzjonijiet kriminali, ċerti sanzjonijiet li għandhom verament natura kriminali skont il-kriterji tas-sentenza Bonda (37).

76.      Għalhekk, dawn huma l-kriterji li l-awtorità superviżorja għandha tapplika, skont id-dritt nazzjonali, sabiex tiddetermina t-tip u l-livell ta’ sanzjoni, fil-limiti previsti fl-Artikolu 31(1)(a) sa (g) (38) tar-Regolament Nru 596/2014, kif ukoll il-piżijiet differenti li skont dan l-istess dritt, din l-awtorità għandha tattribwixxi lil dawn il-kriterji, li huma determinanti, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi konkluża eventwali natura kriminali tas-sanzjoni.

77.      Interpretazzjoni storika tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 turi wkoll, fil-fehma tiegħi, li waqt l-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti legali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu ta’ soppressjoni tal-ksur ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/6 jew tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 596/2014 b’sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi li għandhom natura kriminali, peress li din id-direttiva u dan ir-regolament huma intiżi għal sempliċi armonizzazzjoni minima tas-sistemi nazzjonali tas-sanzjonijiet. Dan jirriżulta, b’mod evidenti, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2003/6, mill-Proposta tad-Direttiva li fiha l-Kummissjoni tispeċifika li “[ir-regoli fil-qasam tas-sanzjonijiet] fihom innifishom jibqgħu fil-kompetenza tal-Istat Membri” u li “[s]-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Madankollu kull Stat Membru huwa liberu li jistabbilixxi huwa stess is-sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ ksur ta’ dawn il-miżuri, jew għal nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet previsti fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva” (39). Fir-rigward tar-Regolament Nru 596/2014, l-intenzjoni li tilħaq l-istess livell ta’ armonizzazzjoni huwa manifest ukoll fil-parti tal-Proposta tar-Regolament li fiha l-Kummissjoni tindika li “r-Regolament jistabbilixxi regoli minimi fil-qasam tal-miżuri amministrattivi, tas-sanzjonijiet u tal-multi. Għalhekk, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu regoli iktar stretti” (40).

78.      Ikkunsidrata s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mħollija lill-Istati Membri għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-obbligi li għandhom skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, fil-kuntest tat-tfittxija ta’ livell minimu ta’ armonizzazzjoni, ma huwiex sorprendenti, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħassx li għandu jispeċifika li, jekk sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali jiġu adottati f’livell nazzjonali, dawn ma jistgħux jiġu applikati għall-persuni li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni rigward ksur punibbli b’tali sanzjonijiet, jirrifjutaw li jwieġbu għal mistoqsijiet tal-awtorità superviżorja li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħhom għall-ksur inkwistjoni. Fil-fatt, billi ħalla lill-Istati Membri l-libertà li jistabbilixxu n-natura u l-portata tas-sanzjonijiet previsti f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, il-leġiżlatur ammetta neċessarjament, fil-fehma tiegħi, li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni tista’ tiġi eskluża b’konsegwenza tar-rikonoxximent tad-drittijiet fundamentali tal-Karta assoċjati mas-sanzjonijiet li jippreżentaw natura kriminali. Fi kliem ieħor, kif jargumenta l-Kunsill fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-fatt li kemm l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 huma fformulati f’termini ġenerali u inkundizzjonati ma jfissirx li eċċezzjonijiet marbuta mar-rispett ta’ dritt fundamentali ma jistgħux jiġi introdotti b’mezzi interpretattivi.

79.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-premessa 44 tad-Direttiva 2003/6 (41) u l-premessa 77 tar-Regolament Nru 596/2014 (42) jikkodifikaw il-prinċipju li d-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali (43). F’dan il-każ, dan il-prinċipju jimponi li l-obbligu li jiġi ssanzjonat nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja jiġi interpretat b’konformità mad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li għandu jiġi rrikonoxxut meta proċedura tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li għandhom natura kriminali.

80.      Mill-banda l-oħra, għandu jiġi speċifikat li, għall-kuntrarju ta’ dak li donnha tipprevedi l-qorti tar-rinviju, il-prinċipju msemmi iktar ’il fuq ma jeħtieġx li tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-obbligu li jiġi ssanzjonat nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, in-neċessità li jiġu osservati l-istandards ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurati mid-drittijiet tal-Istati Membri, fil-każ fejn dawn tal-aħħar ikunu ogħla minn dawk iggarantiti fil-livell tad-dritt tal-Unjoni.

81.      Qabel kollox, tali qari ma huwiex ikkorroborat, kif jidher li tippretendi l-qorti tar-rinviju, mill-frażi “in konformità mal-liġi nazzjonali” u “f’konformità mal-liġi nazzjonali” li jinsabu fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 u fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 596/2014 rispettivament, li jirrigwardaw l-obbligu ta’ sanzjoni imposta fuq l-Istati Membri. Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ dawn il-frażijiet jidhirli li hija intiża sempliċement sabiex tenfasizza l-fatt li r-regoli fil-qasam ta’ sanzjonijiet jeħtieġu implimentazzjoni mil-leġiżlatur nazzjonali (44).

82.      Fi kwalunkwe każ, tali qari diġà ġie rrifjutat, fuq livell ġenerali, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Melloni (45). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, it-tielet domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) kienet tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 53 tal-Karta (46) jawtorizzax Stat Membru japplika livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali iktar għoli, iggarantit mill-Kostituzzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv, minħabba l-fatt li tali interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 53 tippreġudika s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (47).

83.      Bl-istess mod, tali qari jippreġudika, f’din il-kawża, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn jippermetti Stat Membru jostakola l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni konformi bis-sħiħ mal-Karta, jiġifieri l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 596/2014, għar-raġuni li ma josservawx id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat. Barra minn hekk, jippreġudika applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn jikkontesta l-uniformità tal-livell ta’ protezzjoni tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket f’każ ta’ sanzjoni għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, u jista’ jostakola l-armonizzazzjoni tas-setgħat ta’ sanzjoni tal-awtoritajiet superviżorji fir-rigward tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq.

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, nikkunsidra li l-ifformular tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 jippermettu interpretazzjoni konformi mad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, u li għalhekk ma hemmx dubju dwar il-validità tagħhom fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, huwa possibbli li tiġi indirizzata l-problema marbuta mad-dritt inkwistjoni.

c)      Fuq il-portata tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket fis-sens tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta

85.      Kif issemma fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi, kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi mwettqa għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li għandhom natura kriminali, bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali intiża għas-soppressjoni tal-abbuż tas-suq (48). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB relattivi għall-Artikolu 6 KEDB donnha tagħti lil dan id-dritt portata iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-aġir antikompetittiv.

86.      Din il-problema ser tiġi eżaminata fil-punti segwenti. B’mod partikolari, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk id-dritt li wieħed jibqa’ sieket, kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandux jingħata f’dan il-każ l-istess portata bħal dik irrikonoxxuta lilu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ser inwieġeb fin-negattiv (Taqsima 1). Ser nipprova imbagħad, skont il-klawżola ta’ uniformità li tinsab fl-Artikolu 52(3) tal-Karta u fl-ispjegazzjonijiet relattivi (49), niddefinixxi l-portata ta’ dan id-dritt f’dan il-każ b’referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB relattiva għall-Artikolu 6 KEDB (Taqsima 2).

87.      Qabel nibda din l-analiżi, għandha ssir preċiżjoni. Il-qorti tar-rinviju diġà eskludiet, fil-fehma tiegħi ġustament, li d-dritt li wieħed jibqa’ sieket jista’ fih innifsu jiġġustifika r-rifjut ta’ persuna li tippreżenta ruħha għas-smigħ ordnat mill-awtorità superviżorja jew l-ittardjar indebitu li tippreżenta ruħha għal tali smigħ, bla ħsara għall-possibbiltà li din il-qorti tevalwa jekk u sa fejn dan ir-rifjut jista’ jkun motivat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ma rċevietx il-garanzija li d-dritt li wieħed jibqa’ sieket tagħha ser ikun irrispettat. Din hija r-raġuni għaliex l-analiżi tiegħi ser tirrigwarda biss l-ipoteżi fattwali ta’ rifjut ta’ tweġiba għall-mistoqsijiet tal-imsemmija awtorità.

1)      Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

88.      Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-portata tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni biss.

89.      Il-punt tat-tluq ta’ kull eżami ta’ din il-ġurisprudenza huwa s-sentenza ta’ prinċipju Orkem vs Il‑Kummissjoni (50).

90.      Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-kumpannija rikorrenti kienet qajmet motiv ibbażat fuq l-argument li t-talba għal informazzjoni li kienet saritilha mill-Kummissjoni wara verifika mwettqa minn din tal-aħħar dwar l-eventwali parteċipazzjoni tal-imsemmija kumpannija fi ftehimiet jew prattiki miftiehma kellha l-effett li tobbligaha tinkrimina ruħha billi tammetti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Bi tweġiba għal dan l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox irrilevat, minn naħa, l-ineżistenza ta’ tali dritt fl-ordinament ġuridiku Komunitarju, u min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ “obbligu ta’ kooperazzjoni attiva” li għandhom l-impriżi suġġett ta’ investigazzjoni intiża għad-determinazzjoni dwar jekk kinux wettqu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat li ċerti limitazzjonijiet għas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni jistgħu madankollu jiġu rrikonoxxuti minħabba n-neċessità li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, sabiex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu kompromessi irrimedjabbilment fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni preliminari li jista’ jkollha natura determinanti għall-istabbiliment tal-prova tal-aġir illegali ta’ dawn l-impriżi (51). Dawn il-limitazzjonijiet huma ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-mod segwenti: “minkejja li […] il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lill-impriża sabiex tipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha dwar fatti li hija jista’ jkollha għarfien u tikkomunikalha, meta jkun hemm bżonn, id-dokumenti relatati li huma fil-pussess tagħha, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex jiġi stabbilit, kontra tagħha jew kontra impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, hija ma tistax madankollu […] timponi fuq l-impriża l-obbligu li tipprovdi tweġibiet li permezz tagħhom hija tasal sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur li għandu jiġi pprovat mill-Kummissjoni” (52).

91.      Issa, mis-sentenzi mogħtija sussegwentement, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, jirriżulta li d-definizzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet ma kinitx essenzjalment mibdula mill-Qorti tal-Ġustizzja (53). Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat li l-portata hekk mogħtija lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket hija konformi mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta minħabba l-fatt li r-rekwiżit li tiżgura l-effettività tad-dritt għall-kompetizzjoni jimponi li jinstab bilanċ bejn id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u l-interess pubbliku wara l-prosekuzzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (54). Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ dritt li wieħed jibqa’ sieket li jkopri wkoll l-kwistjonijiet kollha purament fattwali (“dritt li wieħed jibqa’ sieket assolut”) imorru, skont din il-ġurisprudenza, lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-preservazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi u jikkostitwixxi ostakolu mhux iġġustifikat għat-twettiq mill-Kummissjoni tal-missjoni fdata lilha sabiex tiżgura osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni fis-suq intern. Dejjem skont din il-ġurisprudenza, xejn ma jipprekludi l-impriża li wieġbet għal mistoqsijiet purament fattwali li turi, iktar tard fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew waqt proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, li l-fatti esposti fit-tweġibiet tagħha għandhom sinjifikat differenti minn dak sostnut mill-Kummissjoni.

92.      Fil-qosor, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li wieħed jibqa’ sieket ma jkoprix it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jirrigwardaw il-fatti, sa fejn dawn ma kellhomx l-għan li jiksbu l-ammissjoni tal-impriża kkonċernata fir-rigward tat-twettiq tal-ksur investigat mill-Kummissjoni. Fi kliem ieħor, kif speċifikat il-Kummissjoni fis-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, il-protezzjoni żgurata minn dan id-dritt timplika li jiġi ddeterminat jekk tweġiba tal-impriża destinatarja tal-imsemmija mistoqsijiet hijiex essenzjalment ekwivalenti għall-ammissjoni ta’ ksur (55).

93.      Jekk dan ma huwiex il-każ, il-mistoqsija hija kkunsidrata bħala “purament fattwali” (56) jew “ta’ natura ta’ fatt” (57), u minħabba f’hekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, anki jekk it-tweġiba tal-impriża kkonċernata tista’ tintuża sabiex tiġi stabbilita, fil-konfront tagħha, l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni.

94.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan isostni, essenzjalment, li din il-ġurisprudenza tista’ tapplika b’analoġija fir-rigward tal-istabbiliment tal-portata tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi intiżi sabiex jaqbdu abbużi tas-suq. B’mod iktar partikolari, ir-rekwiżit li tiġi żgurata l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat li jimponu s-soppressjoni ta’ tali abbużi, bħall-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 596/2014 jeħtieġ, skont dan il-gvern, li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket permezz ta’ bilanċ bejn dan id-dritt u l-interess pubbliku li tiġi żgurata l-integrità tas-swieq finanzjarji u tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq (58).

95.      Ma nistax naqbel ma din il-pożizzjoni.

96.      Mogħtija b’referenza għall-impriżi suġġett ta’ investigazzjonijiet dwar ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, din il-ġurisprudenza tirrigwarda manifestament biss il-persuni ġuridiċi, kif barra minn hekk tinnota l-qorti tar-rinviju. L-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi huma, fil-fatt, l-uniċi suġġetti għad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll l-uniċi entitajiet li l-Kummissjoni tista’ timponi fuqhom multi għall-ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (59). Mill-banda l-oħra, il-kwistjoni li tirrigwarda l-portata tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi ma jidhirlix li ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum.

2)      Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB

97.      Bid-differenza għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti EDB qatt ma ddeċidiet, jekk ma iniex sejjer żball, dwar il-possibbiltà li persuna ġuridika tipprevalixxi ruħha mid-dritt li wieħed jibqa’ sieket fil-kuntest ta’ proċedura kriminali jew amministrattiva għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li għandhom natura kriminali, meħuda fil-konfront tagħha. Fi kliem ieħor, il-portata ta’ dan id-dritt, kif iddefinit fil-linji wisgħin tiegħu fil-punti segwenti, sal-lum ġiet irrikonoxxuta biss fir-rigward ta’ persuni fiżiċi (60).

98.      Dan jirriżulta b’mod ċar mill-mod kif il-Qorti EDB ikkaratterizzat ir-raġunament tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket u tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, b’dan tal-aħħar ikun element tal-ewwel. Fil-fatt, skont il-Qorti EDB, dan ir-raġunament jirrigwarda l-protezzjoni tal-persuni suġġetti għal “akkuża fil-qasam kriminali” kontra infurzar abbużiv min-naħa tal-awtoritajiet. Skont din il-qorti, tali protezzjoni hija intiża sabiex tevita l-iżbalji ġuridiċi u tiggarantixxi r-riżultat imfittex mill-Artikolu 6 KEDB (61), u b’mod iktar partikolari, tiżgura li, f’kawża kriminali, l-akkuża tfittex li tibbaża l-argumenti tagħha mingħajr ma tirrikorri għal elementi ta’ prova miksuba bil-forza jew pressjoni, kontra l-volontà tal-akkużat. Dan l-aħħar element huwa msaħħaħ mill-preċiżjoni li d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu “jirrigwarda fl-ewwel lok ir-rispett tad-determinazzjoni ta’ akkużat li jibqa’ sieket” (62).

99.      Fi kliem ieħor, kif esprimiet tajjeb il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rispett tal-persuna u tal-libertà ta’ determinazzjoni tagħha, permezz tal-prevenzjoni tal-forza fuq il-formazzjoni tal-volontà tagħha eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi, hija fil-qalba tal-iskopijiet tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket kif previst mill-Qorti EDB. Għalhekk, id-dritt inkwistjoni jinftiehem minn din il-qorti bħala element tad-dinjità umana, kif ġustament osserva l-Imħallef Martens fl-opinjoni dissidenti tiegħu annessa mas-sentenza Saunders vs Ir‑Renju Unit, li tispeċifika li l-Qorti EDB donnha taqbel mal-perspettiva li “ir-rispett tad-dinjità u tal-libertà tal-bniedem teħtieġ li kull suspettat ikun totalment liberu li jiddeċiedi l-attitudni li jrid jadotta quddiem akkużi magħmula kontra tiegħu” (63) (64). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-portata mogħtija lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket minn din il-ġurisprudenza ma tidhirx trasponibbli, kif inhi, għall-persuni ġuridiċi (65).

100. Fir-rigward tal-portata li l-Qorti EDB irrikonoxxiet lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi, qabel kollox, għandu jitfakkar li skont din il-qorti, dan id-dritt jirrigwarda l-protezzjoni ta’ persuni suġġett ta’ akkuża fil-qasam kriminali kontra infurzar abbużiv min-naħa tal-awtoritajiet.

101. Minn dan isegwi li fil-kuntest tal-eżami intiż għad-determinazzjoni dwar jekk inkisirx l-Artikolu 6 KEDB, il-Qorti EDB tistaqsi qabel kollox dwar il-prova ta’ eżerċizzju ta’ forza sabiex jinkisbu elementi ta’ prova u tivverifika mbagħad jekk tali forza għandhiex tiġi kklassifikata bħala abbużiva. Fil-ġurisprudenza tagħha, hija identifikat diversi sitwazzjonijiet ta’ natura li jistgħu juru l-eżistenza ta’ forza abbużiva, bl-ewwel waħda kienet “dik ta’ suspettat li, mhedded b’sanzjonijiet jekk ma jixhidx, jew jixhed jew jiġi punit għax jirrifjuta li jixhed” (66). Sabiex jiġi stabbilit jekk din il-biża’ kinitx realtà, il-Qorti EDB tevalwa n-natura u l-grad ta’ forza, kif tirriżulta mit-tip u mis-severità tas-sanzjoni assoċjata mar-rifjut ta’ tweġiba (67) u l-eżistenza ta’ garanziji xierqa fil-proċedura inkwistjoni (68).

102. Madankollu, il-Qorti EDB indikat diversi drabi li l-forom kollha ta’ forza diretta fir-rigward ta’ akkużat sabiex iwassluh jifformola dikjarazzjonijiet inkriminattivi kontra l-volontà tiegħu ma humiex ta’ natura li jwasslu għal ksur tal-Artikolu 6 KEDB. Fil-fatt, peress li d-dritt li wieħed jibqa’ sieket ma għandux, skont din il-qorti, natura assoluta (69), il-grad ta’ forza applikata mill-awtoritajiet hija inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni jekk ikollu l-effett li jċaħħad lil dan id-dritt mis-sustanza tiegħu stess (70). Skont il-Qorti EDB, dak li huwa kruċjali fil-kuntest ta’ tali interpretazzjoni huwa l-użu magħmul matul proċedura kriminali ta’ elementi miksuba bil-forza (71), kemm fil-kuntest tal-proċedura nnifisha kif ukoll barra minn tali kuntest (72).

103. Dan l-aħħar kriterju jippermetti b’mod partikolari li tiġi identifikata n-natura eventwalment abbużiva tal-forza meta l-mistoqsijiet magħmula lill-akkużata jirrigwardaw fatti. Din il-problema kienet indirizzata għall-ewwel darba mill-Qorti EDB fil-kawża Saunders vs Ir‑Renju Unit. Bi tweġiba għall-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li d-dritt li wieħed ma jikkontribwixxix għall-inkriminazzjoni tiegħu stess ma kienx applikabbli fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża minħabba l-fatt li r-rikorrent ma kienx obbligat jagħti tweġibiet ta’ natura li jinkriminaw lilu stess, il-Qorti EDB iddikjarat preliminarjament li d-dritt li wieħed jibqa’ sieket “ma jistax jiġi raġonevolment limitat għall-ammissjonijiet tal-ksur jew għall-kummenti li jqiegħduh direttament inkwistjoni” u imbagħad speċifikat li “[x]hieda miksuba bil-forza, li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher nieqsa min-natura inkriminatorja – bħal kummenti li jiskolpixxu lill-awtur jew sempliċi informazzjoni dwar kwistjonijiet fattwali  tista’ sussegwentement tintuża fi proċedura kriminali insostenn tat-teżi tal-akkuża” (73) (74).

104. F’dan ir-rigward saru preċiżjonijiet essenzjali sussegwentement fis-sentenza Corbet vs Franza. Fil-fatt, wara li kkonstatat l-eżistenza ta’ forza kif ukoll l-assenza ta’ natura awto-inkriminattiva tad-dikjarazzjonijiet tal-akkużati, il-Qorti EDB ikkunsidrat, fir-rigward tal-użu tad-dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw il-fatti miġbura bil-forza, li l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 6 KEDB jippreżumi li dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom “impatt fuq il-verdett ta’ kundanna jew il-piena” (75). Jidhirli li ladarba l-lingwaġġ proprju fil-qasam kriminali huwa ġġustifikat mill-ispeċifiċità tal-kuntest fattwali ta’ din il-kawża, dan il-prinċipju għandu jiġi kkunsidrat applikabbli meta dawn id-dikjarazzjonijiet ikollhom impatt fuq il-kundanna jew is-sanzjoni imposta fl-aħħar ta’ proċedura amministrattiva li taqa’ fil-qasam kriminali fis-sens tal-Artikolu 6 KEDB.

105. Barra minn hekk, il-Qorti EDB speċifikat li l-portata tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket ma tistax titnaqqas permezz tal-ibbilanċjar tagħha ma’ interess ta’ natura pubblika. Din l-orjentazzjoni kienet sostnuta wara s-sentenza Sanders vs Ir‑Renju Unit, li fiha l-Qorti EDB ċaħdet it-teżi tal-Gvern li l-interess pubbliku essenzjali għall-prosekuzzjoni ta’ frodi fil-qasam tal-kumpanniji u s-sanzjoni ta’ dawk responsabbli jista’ jiġġustifika li d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu ma jiġi rrikonoxxut lill-persuna akkużata (76).

106. Għalhekk, il-portata tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni li għandha natura kriminali, bħal dawk fil-kawża prinċipali, tkopri wkoll it-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar il-fatti li ma jiimplikawx neċessarjament ammissjoni ta’ ħtija, bil-kundizzjoni li dawn kellhom impatt fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni adottata jew tas-sanzjoni imposta fl-aħħar ta’ din il-proċedura. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ din il-portata, l-interess pubbliku wara l-prosekuzzjoni tal-ksur inkwistjoni ma huwiex rilevanti.

107. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li tittieħed pożizzjoni dwar l-argument magħmul mill-Kummissjoni, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, li l-prinċipju li jirriżulta mis-sentenza mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti EDB fil-kawża Jussila vs Il‑Finlandja (iktar ’il quddiem is-“sentenza Jussila”) (77) (78), li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea applikat fis-sentenza Schindler Ltd et vs Il‑Kummissjoni (79), jawtorizza applikazzjoni “moderata” tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket f’oqsma bħal dak tas-soppressjoni tal-abbuż tas-suq, b’tali mod li dan id-dritt ikollu portata mnaqqsa bħal dik irrikonoxxuta lill-persuni ġuridiċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-aġir antikompetittiv.

108. Għandu jitfakkar li f’din il-kawża, il-Qorti EDB kienet adita mill-kompatibbiltà mal-Artikolu 6 KEDB ta’ omissjoni ta’ smigħ fi proċedura ta’ appell li tirrigwarda żieda ta’ taxxa deċiża mill-awtorità fiskali Finlandiża. F’din l-okkażjoni, il-Qorti EDB ikkonsolidat il-prinċipju li fost il-proċeduri kollha li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala kriminali skont l-Artikolu 6 KEDB, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċeduri li jaqgħu taħt “il-qalba tad-dritt kriminali”, li għandhom “natura infami” minħabba dak li jipprevedu, u dawk li jinsabu lil hinn minnhom. Fil-fatt, wara li fakkret li l-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett “akkuża kriminali” adottata mill-Qorti EDB kienet wasslet għal estensjoni progressiva tal-applikazzjoni tal-aspett kriminali tal-Artikolu 6 KEDB għal oqsma li ma jaqgħux formalment taħt kategoriji tradizzjonali tad-dritt kriminali, il-Qorti EDB speċifikat li għal dak li jirrigwarda l-kategoriji li ma jagħmlux parti mill-qalba tad-dritt kriminali, il-garanziji marbuta mal-aspett kriminali tal-Artikolu 6 KEDB “ma għandhomx japplikaw neċessarjament fis-saħħa kollha tagħhom” (80).

109. Peress li d-dritt li wieħed jibqa’ sieket jagħmel parti minn dawn il-garanziji, jista’ fil-fatt jiġi argumentat li l-estensjoni tal-portata rrikonoxxuta mill-Qorti EDB lil dan id-dritt tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 KEDB jaqax taħt il-qalba tad-dritt kriminali, b’tali mod li, fin-negattiv, din il-portata għandha tiġi kkunsidrata bħala mnaqqsa iktar u tikkorrispondi għalhekk għal dik irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-aġir antikompetittiv.

110. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma jistax jirnexxi f’din il-kawża, sa fejn il-Qorti EDB diġà kkunsidrat, fis-sentenza Grande Stevens et vs L‑Italja, li s-sanzjonijiet adottati mil-leġiżlatur Taljan sabiex jittrasponi d-Direttiva 2003/6 jaqgħu taħt il-qalba tad-dritt kriminali, peress li n-natura infami tagħhom tirriżulta mill-fatt li dawn setgħu jippreġudikaw ir-reputazzjoni professjonali u l-kreditu tal-persuni kkonċernati (81).

111. Fi kwalunkwe każ, għandi dubji dwar il-possibbiltà nnifisha li jiġi invokat il-prinċipju li jirriżulta mis-sentenza Jussila sabiex tiġi ġġustifikata interpretazzjoni iktar stretta tal-portata tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket.

112. Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li minkejja li l-Qorti Ġenerali applikat effettivament dan il-prinċipju f’xi okkażjonijiet (82), il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma għamlet użu minnu, għalkemm kienet mistiedna tagħmel dan tliet darbiet mill-avukati ġenerali tagħha (83).

113. Barra minn hekk, ma rridux ninsew li l-applikazzjoni tiegħu għandha għan doppju. Fl-ewwel lok, minkejja li huwa minnu li l-punt 43 ta’ din is-sentenza tagħmel referenza b’mod ġenerali għall-“garanziji offruti mill-aspett kriminali tal-Artikolu 6”, għandu jiġi nnotat ukoll li l-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti EDB tat x’jifhem b’mod ċar li din l-applikazzjoni inqas rigoruża tal-aspett kriminali tal-Artikolu 6 KEDB tirrigwarda biss uħud minn dawn il-garanziji. Bħala eżempju, fis-sentenza Kammerer vs L‑Awstrija, din il-qorti kkunsidrat li l-approċċ adottat fis-sentenza Jussila “ma huwiex limitat għall-kwistjoni tal-omissjoni ta’ seduta iżda jista’ jiġi estiż għal garanziji proċedurali oħra koperti mill-Artikolu 6, bħal, f’din il-kawża, il-preżenza tal-akkużat waqt is-seduta” (84) (85). Fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni, jidhirli li hemm dubju dwar jekk wieħed jistax jaċċetta applikazzjoni inqas rigoruża ta’ garanzija bħal dik tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tinsab “fil-qalba tal-kunċett tas-smigħ xieraq”. Fit-tieni lok, naqbel b’mod sħiħ mal-interpretazzjoni li l-prinċipju li jirriżulta mis-sentenza Jussila ma jimplikax soppressjoni jew limitazzjoni tal-portata tal-garanzija taħt eżami, iżda sempliċement is-sostituzzjoni tagħha b’modalitajiet alternattivi ta’ protezzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq (86) (87). Fil-fatt, din is-sentenza kkonkludiet assenza ta’ ksur tal-Artikolu 6 KEDB wara evalwazzjoni kuntestwali li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-problemi ġuridiċi li l-qorti kellha quddiemha kinux ta’ natura li jawtorizzaw b’mod eċċezzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali jiċħdu t-talba sabiex tinżamm seduta.

114. Minn dan isegwi li l-prinċipju introdott mis-sentenza Jussila jista’ jiġġustifika biss it-tweġibiet għal mistoqsijiet tal-awtorità superviżorja li jirrigwardaw il-fatti li jservu sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur, u huma koperti mid-dritt li wieħed jibqa’ sieket biss jekk modalitajiet alternattivi ta’ protezzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq jiġu applikati f’tali każ, li għandu jiġi vverifikat permezz ta’ evalwazzjoni ta’ natura kuntestwali.

115. Din it-tieni kunsiderazzjoni tapplika wkoll, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi eskluża r-rilevanza tas-sentenza A. Menarini Diagnostics s.r.l. vs L‑Italja (iktar ’il quddiem is-“sentenza Menarini”) (88), invokata hija wkoll mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest minħabba l-prinċipju viċin espress fiha u li jipprovdi li “[m]inkejja li [d-differenzi bejn proċedura amministrattiva u proċedura kriminali fis-sens strett tat-terminu] ma jistgħux jeżentaw lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom li josservaw il-garanziji kollha offruti mill-aspett kriminali tal-Artikolu 6, huma jistgħu madankollu jinfluwenzaw il-modalitajiet tal-applikazzjoni tagħhom” (89). F’din is-sentenza, it-tweġiba negattiva mogħtija mill-Qorti EDB dwar l-eventwali ksur tad-dritt ta’ kull persuna li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod xieraq minn korp li jgawdi s-saħħa ta’ qorti, fl-okkażjoni tal-istħarriġ magħmula mill-qorti amministrattiva Taljana dwar id-deċiżjonijiet tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, kienet essenzjalment motivata mill-fatt li, anki jekk il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza Taljana jinkoraġġixxu l-qorti amministrattiva twettaq biss sempliċi stħarriġ tal-legalità, il-Kunsill tal-Istat kien wettaq, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (90).

116. Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li la l-prinċipju li jirriżulta mis-sentenza Jussila u lanqas dak li joħroġ mis-sentenza Menarini ma jista’ jiġi mressaq sabiex isostni l-argument li d-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni li għandha natura kriminali għandu jkollu portata mnaqqsa bħal dik li jkollu fir-rigward ta’ persuna ġuridika, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-aġir antikompetittiv.

117. Bħala konklużjoni, inqis li fid-dawl tal-klawżola ta’ uniformità li tinsab fl-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi, kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tagħha, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali, għandha tikkorrispondi għal dik stabbilita mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB, u b’mod partikolari, fir-rigward ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet dwar il-fatti, mis-sentenza Corbet et vs Franza (91).

V.      Konklużjoni

118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), kif irriformulati:

L-ifformular tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE jippermettu l-interpretazzjoni tagħhom mad-dritt li wieħed jibqa’ sieket, kif jirriżulta mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li dawn l-artikoli għandhom jinftiehmu fis-sens li ma jimponux li l-Istati Membri jissanzjonaw il-persuni li jirrifjutaw li jwieġbu għal mistoqsijiet tal-awtorità superviżorja li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħhom għall-ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali. Il-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta lid-dritt li wieħed jibqa’ sieket tal-persuni fiżiċi fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni li għandha natura kriminali hija, skont il-klawżola ta’ uniformità li tinsab fl-Artikolu 52(3) tal-Karta, dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tipprovdi li dan id-dritt ikopri, b’mod partikolari, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar il-fatti bil-kundizzjoni li dawn ikollhom impatt fuq il-kundanna jew s-sanzjoni imposta fl-aħħar tal-imsemmija proċeduri.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367.


3      ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320.


4      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 42 sa 63).


5      Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018 (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192).


6      Ara, ex multis, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne (C‑376/18, EU:C:2019:1068, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara l-punt 9.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


8      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, T‑Systems Magyarország (C‑263/19, EU:C:2020:373, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Kubota (UK) u EP Barrus (C‑545/16, EU:C:2018:101, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Issostitwixxejt l-espressjoni “natura punittiva”, li għaliha tirreferi d-domanda preliminari, bl-espressjoni “natura kriminali”, għaliex id-deċiżjoni tar-rinviju turi li dik tal-ewwel hija kkunsidrata bħala li tirriżulta mill-fatt li l-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C 489/10, EU:C:2012:319) huma ssodisfatti.


11      ĠU 2007, C 303, p. 17.


12      Ara Qorti EDB, 25 ta’ Frar 1993, Funke vs Franza (CE:ECHR:1993:0225JUD001082884, punt 44); u Qorti EDB, 28 ta’ Ottubru 1994, Murray vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:0208JUD001873191, punt 45).


13      Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:EHCR:1976:0608JUD000510071, punt 82).


14      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012 (C‑489/10, EU:C:2012:319, punti 37 sa 43). Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 35).


15      Għal espożizzjoni eżawrjenti ta’ dawn l-elementi, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda (C‑489/10, EU:C:2011:845, punti 47 sa 50), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Menci (C‑524/15, EU:C:2017:667, punti 44 sa 48).


16      Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:EHCR:1976:0608JUD000510071, punt 82).


17      Qorti EDB, 2 ta’ Settembru 1998, Lauko vs Is‑Slovakkja (CE:ECHR:1998:0902JUD002613895, punt 58).


18      Qorti EDB, 25 ta’ Ġunju 2009, Maresti vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2009:0625JUD005575907, punt 59).


19      Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 38).


20      Qorti EDB, 4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L‑Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, punt 90).


21      Qorti EDB, 4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L‑Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, punt 98).


22      Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:EHCR:1976:0608JUD000510071, punt 82).


23      Qorti EDB, 31 ta’ Mejju 2011, Zugic vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2011:0531JUD000369908, punt 68).


24      Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punti 30 u 31).


25      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L‑Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, punt 101), li fiha l-Qorti EDB tikkonkludi l-evalwazzjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 6 KEDB kif ġej: “Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-multi imposti lir-rikorrenti għandhom natura kriminali, b’tali mod li l-Artikolu 6(1) japplika, f’dan il-każ, taħt l-aspett kriminali tiegħu” (enfasi miżjuda minni).


26      Ara Qorti EDB, 3 ta’ Mejju 2001, J.B. vs L‑Isvizzera (CE:EHCR:2001:0503JUD003182796) (proċedura ta’ investigazzjoni għal evażjoni fiskali); Qorti EDB, 4 ta’ Ottubru 2005, Shannon vs Ir‑Renju Unit (CE:EHCR:2005:1004JUD000656303) (proċedura għal kontabbiltà ħażina u akkordju frawdolenti), kif ukoll Qorti EDB, 5 ta’ April 2012, Chambaz vs L‑Isvizzera (CE:EHCR:2012:0405JUD001166304) (proċedura ta’ investigazzjoni għal evażjoni fiskali).


27      Sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 47); tas‑7 ta’ Lulju 2011, IMC Securities (C‑445/09, EU:C:2011:459, punt 27); tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397, punt 33), kif ukoll tal‑11 ta’ Marzu 2015, Lafonta (C‑628/13, EU:C:2015:162, punt 21).


28      Ara l-premessa 38 tad-Direttiva 2003/6.


29      Ara l-premessa 24 tar-Regolament Nru 596/2014.


30      Ara l-premessa 4 tar-Regolament Nru 596/2014.


31      Enfasi miżjuda minni.


32      Enfasi miżjuda minni.


33      Xi preċiżjonijiet żgħar li jirrigwardaw id-definizzjoni ta’ tali limitu jirriżultaw mill-aħħar sentenza tal-premessa 38 tad-Direttiva 2003/6, li tipprovdi: “Għal dan l-iskop, sanzjonijiet għandhom ikunu dissważivi biżżejjed u proporzjonati għall-gravità tal-ksur u għall-gwadanni realizzati u għandhom ikunu applikati b’mod konsistenti”.


34      Mill-banda l-oħra, il-klassifikazzjoni kriminali ta’ dawn is-sanzjonijiet tista’ tirriżulta stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tiġi evalwata n-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva. Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 71), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li “l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 ma jistabbilixxi l-ebda kriterju sabiex jiġi evalwat kemm sanzjoni hija effettiva, proporzjonata u dissważiva. Hija l-liġi nazzjonali li tiddefinixxi dawn il-kriterji”.


35      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:534).


36      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:534, punt 77 tal-konklużjonijiet.


37      Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2017:668, punt 46). Bħall-Avukat Ġenerali, nirreferi b’mod partikolari għas-sanzjonijiet amministrattivi segwenti: l-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ impriża ta’ investiment; il-projbizzjoni provviżorja jew permanenti li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ ġestjoni fi ħdan impriża ta’ investiment; il-projbizzjoni provviżorja ta’ negozjar f’isimha proprju; sanzjonijiet amministrattivi ta’ ammont massimu tal-inqas ta’ tliet darbiet tal-ammont tal-vantaġġ magħmul mill-ksur jew tat-telf li dan ippermetta li jiġi evitat, jekk dawn jistgħu jiġu ddeterminati; sanzjonijiet amministrattivi ta’ ammont li jista’ jilħaq EUR 5 000 000, fir-rigward ta’ persuna fiżika, jew EUR 15 000 000, fir-rigward ta’ persuna ġuridika. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li apparti dawn is-sanzjonijiet, il-lista li tinsab fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 596/2014 tinkludi kemm miżuri amministrattivi sempliċi (ordni lill-persuna responsabbli għall-ksur sabiex twaqqaf l-aġir inkwistjoni u ma tirrepetihx kif ukoll twissija pubblika li tindika l-persuna u n-natura tal-ksur imwettaq) kif ukoll sanzjoni li għandha natura purament amministrattiva li ma jidhirlix li tista’ tiġi kkontestata (il-ħlas lura tal-profitti magħmula jew tat-telf evitat minħabba dan il-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati).


38      Dawn jirrigwardaw is-serjetà u t-tul tal-ksur, kif ukoll serje ta’ ċirkustanzi oħra marbuta mal-persuna responsabbli tal-ksur, jiġifieri l-grad tar-responsabbiltà ta’ din il-persuna, is-saħħa finanzjarji tagħha, l-importanza tal-profitti li hija kisbet jew it-telf li hija evitat sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati, il-livell ta’ kooperazzjoni tagħha mal-awtorità superviżorja, il-ksur li hija wettqet preċedentement u l-miżuri li hija ħadet sabiex tevita r-repetizzjoni tal-ksur.


39      Proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (COM (2001) 281 final - 2001/0118 COD) (ĠU 2001, C 240E, p. 265).


40      Proposta tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar inside dealing u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (COM/2011/651 final - 2011/0295 (COD)).


41      Din il-premessa hija fformulata kif ġej: “Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]”.


42      Fir-rigward ta’ din il-premessa: “Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-[Karta]. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun interpretat u applikat bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji […]”.


43      Ara ex multis, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      F’dan ir-rigward, għandha tinġibed l-attenzjoni wkoll għall-Proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inside dealings u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (COM (2001) 281 final - 2001/0118 (COD)) (ĠU 2001, C 240E, p. 265), Artikolu 14, fejn, f’epoka fejn il-Karta kienet għadha ma ġietx stabbilita, il-Kummissjoni tispeċifika li “[g]ħad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet u l-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ sanzjoni, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji stabbiliti mill-[KEDB]”, mingħajr ma ssemmi d-drittijiet kif stabbiliti fil-livell nazzjonali.


45      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2013 (C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 56 sa 64).


46      L-Artikolu 53 tal-Karta jiddisponi: “Xejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari l-[KEDB], u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri” (enfasi miżjuda minni).


47      Ara, ukoll, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29); tal‑11 ta’ Settembru 2014, A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 44); tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et (C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 80), kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 19).


48      Ġustament il-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet ikkonċernati jfakkru li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet fl-affermattiv għad-domanda dwar jekk il-proċeduri li għalihom hija suġġetta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u s-sanzjoni prevista għall-ksur tal-Artikolu 187a tat-Test Uniku għandhomx natura kriminali fis-sens tal-ġurisprudenza Bonda. Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018 Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punt 38).


49      Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1989 (374/87, EU:C:1989:387).


51      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1989, (374/87, EU:C:1989:387, punti 27 sa 33).


52      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni (374/87, EU:C:1989:387, punti 34 u 35).


53      Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni (T‑112/98, EU:T:2001:61, punt 65); tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 273); tad‑29 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs SGL Carbon (C‑301/04 P, EU:C:2006:432, punt 41); tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni (C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 271), kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni (C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 34).


54      Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni (T‑112/98, EU:T:2001:61, punti 66 u 78); tad‑29 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs SGL Carbon (C‑301/04 P, EU:C:2006:432, punt 49); tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni (T‑446/05, EU:T:2010:165, punti 326 u 328), kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2014, Buzzi Unicem vs Il‑Kummissjoni (T‑297/11, EU:T:2014:122, punti 60 u 62).


55      Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002 (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 273). Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2015:694, punt 154).


56      Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni (T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, EU:T:2006:396, punt 539).


57      Sentenza tal‑20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni (T‑112/98, EU:T:2001:61, punt 77).


58      Ara l-premessi 2 tad-Direttiva 2003/6 u tar-Regolament Nru 596/2014.


59      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs SGL Carbon (C‑301/04 P, EU:C:2006:53, punt 63).


60      Ara f’dan is-sens, Wils W., “Self-Incrimination in EC Antitrust Enforcement: A Legal and Economic Analysis”, World Competition: Law and Economics Review, Vol. 26, Nru 4, 2003, p. 577; u Oliver P., “Companies and their Fundamental Rights: a Comparative Perspective”, International and Comparative Law Quarterly, Wolters Kluwer, Vol. 64, Nru 3, 2015, p. 686. Kif enfasizzaw uħud mill-partijiet ikkonċernati f’din il-kawża, barra minn hekk, l-istess qari ngħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), li l-Artikolu 7 tagħha jipproteġi d-“dritt li wieħed jibqa’ sieket” u d-“dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu”. Ara b’mod partikolari, il-premessa 13 tagħha, li tipprovdi: “[d]in id-Direttiva tirrikonoxxi l-ħtiġijiet u l-livelli differenti ta’ protezzjoni ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fir-rigward tal-persuni fiżiċi u dawk ġuridiċi. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali protezzjoni hija riflessa fil-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti [EDB]. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, irrikonoxxiet li d-drittijiet li jirriżultaw mill-preżunzjoni tal-innoċenza ma jakkumulawx għall-persuni ġuridiċi bl-istess mod bħalma jakkumulaw għall-persuni fiżiċi”.


61      Qorti EDB, 8 ta’ Frar 1996, Murray vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:0208JUD001873191, punt 45).


62      Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 1996, Saunders vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:1217JUD001918791, punt 69).


63      Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 1996, Saunders vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:1217JUD001918791), punti 9 u 10 tal-opinjoni dissidenti tal-Imħallef Martens, li magħha qabel l-Imħallef Kuris.


64      Enfasi miżjuda minni.


65      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tagħha dwar drittijiet fundamentali oħra, jista’ jiġi dedott li l-Qorti EDB tagħmel kultant distinzjoni bejn protezzjoni mogħtija lill-persuni fiżiċi, minn naħa, u lill-persuni ġuridiċi, min-naħa l-oħra. L-eżempju klassiku huwa s-sentenza Niemitz vs Il‑Ġermanja (Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 1992, CE:ECHR:1992:1216JUD001371088), li fiha il-Qorti EDB iddeċidiet li tfittxija mill-pulizija fl-uffiċċju ta’ avukat indipendenti fejn dan kien joqgħod kienet tikkostitwixxi ksur tad-“domiċilju” tiegħu. Madankollu, din il-qorti indikat li d-dritt ta’ intervenzjoni tal-Istati konformement mal-Artikolu 8(2) KEDB jista’ jkun iktar wiesa’ “għal postijiet jew attivitajiet professjonali jew kummerċjali milli f’każijiet oħra” (punt 31). Għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq din il-ġurisprudenza sabiex tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja preliminari ma setgħetx twassal, waħedha, għall-illegalità ta’ miżura ta’ spezzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (punti 20 sa 25).


66      Qorti EDB, 13 ta’ Settembru 2016, Ibrahim et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2016:0913JUD005054108, punt 267).


67      Qorti EDB, 21 ta’ Diċembru 2000, Heaney u McGuinness vs L‑Irlanda (CE:ECHR:2000:1221JUD003472097, punt 53) (piena ta’ sitt xhur ħabs).


68      Qorti EDB, 29 ta’ Ġunju 2007, O’Halloran u Francis vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2007:0629JUD001580902, punt 59).


69      Ara b’mod partikolari, Qorti EDB, 21 ta’ Diċembru 2000, Heaney u McGuinness vs L‑Irlanda (CE:ECHR:2000:1221JUD003472097, punt 47).


70      Qorti EDB, 8 ta’ Frar 1996, Murray vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:0208JUD001873191, punt 49).


71      Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 1996, Saunders vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:1217JUD001918791, punt 71).


72      Qorti EDB, 8 ta’ April 2004, Weh vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2004:0408JUD003854497, punt 42 sa 44).


73      Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 1996, Saunders vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:1217JUD001918791, punt 71).


74      Enfasi miżjuda minni.


75      Qorti EDB, 19 ta’ Marzu 2015, Corbet et vs Franza (CE:ECHR:2015:0319JUD000749411, punt 34).


76      Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 1996, Saunders vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:1217JUD001918791, punt 74). Minkejja li huwa minnu li tali bbilanċjar donnu kien ivvalidat mill-Qorti EDB fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Jalloh vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2006:0711JUD005481000, punt 117), huwa minnu wkoll li s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Ibrahim et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2016:0913JUD005054108, punt 252) tillimita ċ-ċirkustanzi li jawtorizzaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess pubbliku għal dik relatata mal-prosekuzzjoni ta’ ksur li jaqa’ taħt kwistjonijiet partikolarment sensittivi, bħat-terroriżmu jew reati gravi oħra.


77      Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301).


78      Mill-qari tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, dan l-argument donnu sar fil-kuntest tal-interpretazzjoni proposta li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar id-dritt li wieħed jibqa’ sieket tapplika għall-persuni fiżiċi, filwaqt li dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika għall-persuni ġuridiċi. Min-naħa tiegħi, inqis li dan l-argument jeħtieġ li jiġi eżaminat b’mod awtonomu.


79      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011 (T‑138/07, EU:T:2011:362, punt 52).


80      Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 43).


81      Qorti EDB, 4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L‑Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, punt 122).


82      Minbarra s-sentenza ċċitata fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2013, Total vs Il‑Kummissjoni (T‑548/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:434, punti 183 sa 185), u tal‑11 ta’ Lulju 2014, Sasol et vs Il‑Kummissjoni (T‑541/08, EU:T:2014:628, punti 206 sa 208).


83      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:63, punt 67); tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:89, punti 30 u 31), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punti 25 sa 27).


84      Qorti EDB, 12 ta’ Mejju 2010, Kammerer vs L-Awstrija (CE:ECHR:2010:0512JUD003243506, punt 27) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll, f’dan is-sens, Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2014, Marčan vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2014:0710JUD004082012, punt 35).


85      Enfasi miżjuda minni.


86      Ara Smits C. u Waelbroeck, D., “When the Judge Prosecutes, Power Prevails Over Law”, f’Govaere I., Quick R. u Bronckers M. (edituri.), Trade and Competition Law in the EU and Beyond, Edward Elgar Publishing, 2011, p. 452.


87      Jidhirli li dan huwa miġbur fl-aħħar sentenza tal-punt 42 tas-sentenza, li hija fformulata kif ġej: “Hawn hekk għadnu […] jitqies qabel kollox il-prinċipju ta’ ekwità stabbilit mill-Artikolu 6, li l-importanza tiegħu hija fundamentali […]”.


88      Qorti EDB, 27 ta’ Settembru 2011, A. Menarini Diagnostics s.r.l. vs L‑Italja (CE:ECHR:2011:0927JUD004350908).


89      Qorti EDB, 27 ta’ Settembru 2011, A. Menarini Diagnostics s.r.l. vs L‑Italja (CE:ECHR:2011:0927JUD004350908, punt 62).


90      Qorti EDB, 27 ta’ Settembru 2011, A. Menarini Diagnostics s.r.l. vs L‑Italja (CE:ECHR:2011:0927JUD004350908), opinjoni konkordanti tal-Imħallef Sajó. Ara f’dan ir-rigward, Muguet-Poullennec G. u Domenicucci D. P., “Amende infligée par une autorité de concurrence et droit à une protection juridictionnelle effective: les enseignements de l’arrêt Menarini de la CEDH”, Revue Lamy de la concurrence, Nru 30, 1 ta’ Jannar 2012.


91      Qorti EDB, 19 ta’ Marzu 2015, Corbet et vs Franza (CE:ECHR:2015:0319JUD000749411).