Language of document : ECLI:EU:C:2012:663

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2012 (1)

Kawża C‑32/11

Allianz Hungária Biztosító Zrt.,

Generali-Providencia Biztosító Zrt.,

Gépjármű Márkakereskedők Országos Szövetsége,

Magyar Peugeot Márkakereskedők Biztosítási Alkusz Kft.,

Paragon-Alkusz Zrt., suċċessur fid-dritt ta’ Magyar Opelkereskedők Bróker Kft.,

vs

Gazdasági Versenyhivatal

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága (l-Ungerija)]

“Kompetizzjoni — Atti ta’ ftehim bejn impriżi — Atti ta’ ftehim bilaterali milħuqa bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u uħud li jsewwu l-karozzi fejn ir-rati ta’ kull siegħa għat-tiswija mħallsin lil dawn tal-aħħar mill-kumpannija tal-assigurazzjoni jiddependu min-numru u mill-proporzjon ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni sottoskritti minn din l-impriża tal-assigurazzjoni permezz ta’ dawk li jagħmlu t-tiswijiet li jaġixxu bħala intermedjarji — Kunċett ta’ ‘atti ta’ ftehim li għandhom l-għan tal-prevenzjoni, tar-restrizzjoni jew tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni’”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Ungerija) għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-finijiet tal-eżami ta’ rikors li għandu l-għan li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni adottata mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li fiha ġew issanzjonati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li huma inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni Ungeriża diversi atti ta’ ftehim milħuqa minn sensiela ta’ kumpanniji tal-assigurazzjoni, ta’ bejjiegħa tal-karozzi u ta’ dawk li jsewwuhom, kif ukoll minn assoċjazzjoni li tiġbor lil dawn tal-aħħar.

2.        Din il-kwistjoni għandha żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, jidhirli li ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzawha jġibu magħhom eżami tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari magħmula. Għalkemm din taffettwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, huwa stabbilit li l-kawża prinċipali hija rregolata mir-regoli nazzjonali Ungeriżi dwar il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li minħabba l-assenza manifesta ta’ “riferiment ċar u mingħajr kundizzjoni” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għad-dritt tal-Unjoni kif inhu mifhum fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ammissibbiltà ta’ dan it-tip ta’ domanda preliminari ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

3.        Indipendentement minn dan, ser nanalizza, b’mod sussidjarju, il-bażi tal-kawża li, kif għadni kif għedt, tirrigwarda prattiki li allegatament għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li jidħlu f’kuntest partikolarment kumpless ikkaratterizzat minn ċertu numru ta’ atti ta’ ftehim vertikali li madankollu jistgħu jkunu ġew influwenzati minn ftehim orizzontali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (2) jirregola r-relazzjoni bejn l-Artikoli 81 KE u 82 KE (li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE) u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

5.        Skont l-ewwel paragrafu tiegħu “[f]ejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 101(1) [TFUE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [101 TFUE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE].”

6.        L-Artikolu 3(2) jipprovdi li “[l]-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiki miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 101(1) [TFUE], jew ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 101(3) [TFUE] jew li huma kopruti min xi Regolament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 101(3) [TFUE]. Stati Membri mhux taħt dan ir-Regolament jiġu preklużi milli jadottaw u japplikaw fuq it-territorju tagħhom liġijiet nazzjonali aktar stretti li jipprojbixxu jew jissanzjonaw kondotta unilaterali imqabdin biex jaħdmu min xi impriża.”

7.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(3) jgħid dan li ġej: “Mingħajr preġudizzju għal Prinċipji ġenerali u disposizzjonijiet oħra tal-liġijiet tal-Komunità, paragrafu 1 u 2 ma japplikawx meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri japplikaw il-liġijiet tal-kontrol tal-għaqda u lanqas l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jsegwu b’mod predominanti għan differenti min dak segwut mil-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE].”

B –    Il-leġiżlazzjoni Ungeriża

8.        Il-leġiżlatur Ungeriż adotta fl-1996 liġi li tipprojbixxi prattiki kummerċjali inġusti jew li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (3) fejn il-preambolu jindika li l-adozzjoni tat-test saret skont “l-eżiġenza ta’ approssimazzjoni tar-regoli tal-Komunità Ewropea u tat-tradizzjonijiet tal-liġi Ungeriża fuq il-kompetizzjoni”.

9.        Skont l-Artikolu 1(2) tat-Tpvt., id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-liġi japplikaw għall-prattiki rregolati mill-Artikoli 81 KE u 82 KE (li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE) jekk il-kawża tirrigwarda l-kompetenza tal-Uffiċċju Ungeriż tal-Kompetizzjoni.

10.      L-Artikolu 11(1) bl-isem “Projbizzjonijiet ta’ atti ta’ ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni” tal-Kapitolu IV tat-Tpvt., jiddikjara li huma pprojbiti “kull ftehim bejn impriżi, kull prattika miftiehma u kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, ta’ korpi ta’ dritt pubbliku, ta’ assoċjazzjonijiet u ta’ entitajiet simili oħrajn […] li għandhom l-għan jew li għandhom jew jista’ jkollhom effett li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni. Din id-definizzjoni ma tirrigwardax atti ta’ ftehim milħuqa bejn impriżi li ma humiex indipendenti waħda minn oħra”.

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11.      Sa mill-aħħar tas-sena 2002, ċertu numru ta’ bejjiegħa tal-karozzi li kienu jagħmlulhom tiswijiet ukoll, qabbdu lill-assoċjazzjoni nazzjonali tal-bejjiegħa tal-karozzi tad-ditta (Gépjármű Márkakereskedők Országos Szövetsége, iktar ’il quddiem il-“GÉMOSZ”) sabiex kull sena tinnegozja f’isimhom mal-kumpanniji tal-assigurazzjoni ftehim qafas dwar ir-rati għal kull siegħa applikabbli għat-tiswijiet ta’ vetturi involuti f’inċidenti, liema tiswijiet ikunu responsabbli għalihom dawn l-assiguraturi.

12.      Il-bejjiegħa inkwistjoni kienu marbutin doppjament mal-kumpanniji tal-assigurazzjoni, b’mod partikolari mal-kumpannija Allianz Hungária Biztosító Zrt. (iktar ’il quddiem “Allianz”) kif ukoll mal-kumpannija Generali-Providencia Biztosító Zrt. (iktar ’il quddiem “Generali”). Minn naħa, huma jaġixxu bħala “intermedjarji” tal-assiguraturi billi jipproponu lill-klijenti tagħhom li jissottoskrivu, waqt il-bejgħ jew it-tiswija tal-vetturi, għal assigurazzjoni tal-karozzi mal-kumpanniji ċċitati iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-bejjiegħa, fil-każ ta’ inċident, isewwu l-karozzi assigurati għan-nom tal-kumpanniji tal-assigurazzjoni.

13.      Fl-2004 u l-2005, il-GÉMOSZ u Allianz, kull sena għamlu ftehim dwar ir-rati ta’ kull siegħa ta’ tiswija. Imbagħad Allianz kkonkludiet sensiela ta’ atti ta’ ftehim individwali ma’ bejjiegħa differenti li bis-saħħa tagħhom il-kwota tar-rata ta’ kull siegħa tat-tiswija kienet tiżdied jekk il-poloz ta’ assigurazzjoni tal-karozzi sottoskritti ma’ Allianz kienu jilħqu perċentwali partikolari tat-total tal-kuntratti kkummerċjalizzati mill-bejjiegħ inkwistjoni (4).

14.      Min-naħa tagħha, Generali ma kkonkludiet l-ebda ftehim qafas mal-GÉMOSZ matul il-perijodu kkunsidrat, imma għamlet atti ta’ ftehim individwali ma’ bejjiegħa u, fil-prattika, dawn ibbenefikaw minn klawżola ta’ żieda tar-rata ta’ kull siegħa simili għall-istipulazzjonijiet deskritti hawn fuq (5).

15.      Fid-deċiżjoni tiegħu tal-21 ta’ Diċembru 2006, l-Uffiċċju Ungeriż tal-Kompetizzjoni (Gazdasági Versenyhivatal) iddikjara li kien jikser l-Artikolu 11 tat-Tpvt. kull ftehim bħal dan li ġej:

–        Fl-ewwel lok, tliet deċiżjonijiet adottati mill-GÉMOSZ bejn l-2003 u l-2005, li jistabbilixxu t-“tariffi rrakkomandati” lill-bejjiegħa tal-karozzi tad-ditta għat-tiswija ta’ vetturi bil-ħsara wara inċident, biex jiġu applikati għall-assiguraturi;

–        Fit-tieni lok, il-ftehim qafas milħuq fl-2004 u l-2005 bejn il-GÉMOSZ u Allianz u kull ftehim differenti individwali milħuq matul l-istess perijodu bejn il-bejjiegħa differenti u, rispettivament, Allianz u Generali;

–        Fit-tielet lok, kull ftehim differenti milħuq bejn l-2000 u l-2005 bejn Allianz u Generali, minn naħa, u intermedjarji differenti tal-assigurazzjoni (Magyar Peugeot Márkakereskedők Biztosítási Alkusz Kft., Magyar Opelkereskedők Bróker Kft. u Porsche Biztosítási Alkusz Kft.), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kummissjonijiet li kellhom jirċievu dawn tal-aħħar skont in-numru ta’ poloz tal-kumpannija ta’ assigurazzjoni inkwistjoni kkummerċjalizzati.

16.      Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, l-Uffiċċju Ungeriż tal-Kompetizzjoni sostna li dan it-tip ta’ atti ta’ ftehim, meħud kull wieħed individwalment jew flimkien, kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni kemm fis-suq tal-kuntratti tal-assigurazzjoni kif ukoll f’dak tas-servizzi tat-tiswija tal-karozzi. Skont din l-istess awtorità tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 101 TFUE ma japplikax għall-atti ta’ ftehim inkwistjoni, fin-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju, b’mod li l-illegalità tiegħu tirriżulta biss mid-dispożizzjonijiet Ungeriżi tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni.

17.      Wara li ġiet ikkonstatata l-illegalità tal-atti ta’ ftehim, dan l-Uffiċċju pprojbixxa li jitkomplew il-prattiki kkontestati u impona multi fl-ammont ta’ HUF 5 319 000 000 fuq Allianz, ta’ HUF 1 046 000 000 fuq Generali, ta’ HUF 360 000 000 fuq il-GÉMOSZ, ta’ HUF 13 600 000 fuq Magyar Peugeot Márkakereskedők Biztosítási Alkusz u ta’ HUF 45 000 000 fuq Magyar Opelkereskedők Bróker.

18.      Adita b’rikors minn dik id-deċiżjoni, il-Fővárosi Bíróság (il-Qorti Metropolitana ta’ Budapest) laqgħetu parzjalment, imma ġie ppreżentat appell mid-deċiżjoni tagħha, li fil-kuntest tiegħu l-Fővárosi ĺtélőtábla (il-Qorti tal-Appell Metropolitana) iddikjarat mill-ġdid li d-deċiżjoni kkontestata kollha kienet legali.

19.      Ġie ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Legfelsőbb Bíróság (il-Qorti Suprema tal-Ungerija), li, wara li osservat li l-kliem tal-Artikolu 11(1) tat-Tpvt. kien kważi identiku ma’ dak tal-Artikolu 101(1) TFUE, invokat l-interess manifest li dispożizzjonijiet jew kunċetti meħudin mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi u għamlet id-domanda preliminari li ġejja:

“Ftehim bilaterali milħuqa bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u ċerti kumpanniji li jsewwu l-karozzi jew bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u assoċjazzjoni ta’ kumpanniji li jsewwu l-karozzi, li permezz tagħhom ir-rata għal kull siegħa ta’ xogħol ta’ tiswija mħallsa lil kumpannija li ssewwi l-karozzi mill-kumpannija tal-assigurazzjoni għat-tiswija ta’ karozzi assigurati minn din tal-aħħar tiddependi, fost fatturi oħra, min-numru u mill-proporzjon tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni sottoskritti minn din il-kumpannija tal-assigurazzjoni permezz tal-kumpannija li ssewwi l-karozzi, li jaġixxu bħala intermedjarji ta’ assigurazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE billi huma ftehim li għandhom l-għan ta’ prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern?”

IV – Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

20.      Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk l-Artikolu 101(1) TFUE jipprekludix ċertu tip ta’ atti ta’ ftehim bejn l-impriżi. Fid-domanda preliminari tagħha, din il-qorti sostniet, iżda, li din id-dispożizzjoni tat-Trattat ma kinitx tapplika f’dan il-każ billi l-atti ta’ ftehim kkontestati ma kellhomx effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, il-legalità tagħhom għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż fuq il-kompetizzjoni, partikolarment l-Artikolu 11(1) tat-Tpvt. Din l-idea li kienet il-punt tat-tluq tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ungeriż tal-Kompetizzjoni ma ġiet ikkontestata minn l-ebda parti.

21.      Minkejja n-natura purament interna tal-kawża li tat lok għall-kawża prinċipali, il-Qorti Suprema Ungeriża ddeċidiet li kien meħtieġ li tagħmel domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u enfasizzat li n-natura tal-atti ta’ ftehim kkontestati fir-rigward tad-dritt Ungeriż (it-Tpvt.) huma bbażati fuq kunċetti li essenzjalment huma identiċi ma’ dawk msemmija fl-artikolu tat-TFUE ċċitat iktar ’il fuq.

22.      Fil-fatt, l-Artikolu 11(1) tat-Tpvt. jirriproduċi, kważi kelma b’kelma, mingħajr varjazzjoni, il-projbizzjoni ta’ atti ta’ ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE (li kien l-Artikolu 81 KE). Għal din ir-raġuni l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-klassifikazzjoni tal-atti ta’ ftehim ikkontestati bħala atti ta’ ftehim li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni timplika interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE u li l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher iġġustifikat mill-“interess Komunitarju manifest sabiex id-dispożizzjonijiet jew kunċetti meħudin mid-dritt Komunitarju (li fosthom hemm il-kunċetti msemmijin fl-Artikolu 11(1) tat-Tpvt. applikabbli f’dan il-każ) ikunu suġġetti għal interpetazzjoni uniformi, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-applikazzjoni tagħhom, sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ interpretazzjoni diverġenti fil-ġejjieni”.

23.      Il-Kummissjoni sostniet ukoll l-ammissibbiltà tat-talba preliminari. Il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari li għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma ġiex applikat direttament f’dan il-każ, għad-differenza ta’ dak li ġara fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq, ir-rabta partikolari bejn il-liġi fuq il-kompetizzjoni u d-dritt tal-Unjoni tinneċessita l-interpretazzjoni mixtieqa mill-qorti Ungeriża.

24.      Fil-fatt, f’sensiela ta’ deċiżjonijiet li joriġinaw mis-sentenza Dzodzi (6), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma ammissibbli talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm din ma kinitx applikabbli f’dak il-każ, “fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni kompletament interna ta’ dan l-Istat”. Favur din is-soluzzjoni s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tinvoka l-eżistenza ta’ “interess manifest tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati d-diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom huma għandhom japplikaw”, għalkemm huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom japplikaw id-dispożizzjoni kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt tal-kawża li biha jkunu aditi, kif ukoll jevalwaw l-portata eżatta ta’ dak ir-rinviju fid-dritt tal-Unjoni (7).

25.      Fil-passat kienu diversi avukat ġenerali li esprimew riżervi ċari fir-rigward ta’ dan l-approċċ ġurisprudenzjali (8). Minkejja din il-kritika, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet din il-ġurisprudenza (9).

26.      Madankollu, għandu jitqies il-fatt li l-aċċettazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ dan it-tip ta’ domandi preliminari ġiet suġġetta għal kundizzjonijiet. Għalhekk, mis-sentenza Kleinwort Benson (10), il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet preċiżazzjoni importanti, billi eżiġiet li r-riferiment għad-dritt tal-Unjoni li għamel id-dritt nazzjonali ikun “dirett u mingħajr kundizzjoni”, li wassal sabiex din il-kundizzjoni tissemmha b’mod pożittiv minn diversi avukati ġenerali (11). Skont dan l-approċċ, id-digriet mogħti fil-kawża Club Náutico de Gran Canaria għamel użu strett ta’ din l-eċċezzjoni f’każ li kien jirrigwarda l-Impuesto general indirecto canario (it-taxxa ġenerali indiretta tal-Gran Canaria, iktar ’il quddiem l-“IGIC”). Essenzjalment din it-taxxa kienet tikkorrispondi mal-VAT, imma kienet tapplika fil-gżejjer ta’ Gran Canaria barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm id-dispożizzjoni dwar l-IGIC, li dwarha il-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni, kienet tirriproduċi l-kontenut tal-liġi Spanjola dwar il-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li dik id-dispożizzjoni kienet tagħmel mhux riferiment “dirett u mingħajr kundizzjoni”, imma sempliċiment riproduzzjoni, li wassalha biex tiċħad id-domanda preliminari bħala inammissibbli (12).

27.      Għalhekk, is-sentenzi bħal Leur-Bloem jew Kofisa Italia (13), ikkonfermaw indirettament il-validità ta’ dik il-ġurisprudenza b’raġunament “a contrario” u, f’dan l-istess sens, is-sentenza ETI et (14) qalet, għalkemm ma għamlet l-ebda riferiment espliċitu għas-sentenza Kleinwort Benson, f’każ simili, li r-riferiment għad-dritt tal-Unjoni li implikat id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kienet suġġetta għall-ebda kundizzjoni (15).

28.      F’sentenza ferm iktar reċenti, Cicala (16) (li l-parteċipanti fil-proċedura tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma kellhomx l-okkażjoni li jinvokaw fl-osservazzjonijiet tagħhom) ma aċċettatx l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, fin-nuqqas ta’ “riferiment dirett u mingħajr kundizzjoni” għar-regola tad-dritt nazzjonali għad-dritt tal-Unjoni. Is-sentenza inkwistjoni f’dan ir-rigward tgħid li “interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet purament interni hija ġġustifikata fuq il-bażi li dawn saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u mingħajr kundizzjonijiet” (17). Fl-aħħar nett, din l-eżiġenza reġgħet ġiet sostnuta fil-kawża reċenti Nolan, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni għaliex f’dak il-każ kien hemm l-assenza ta’ riferiment espliċitu u preċiż għad-dritt tal-Unjoni mill-ordinament ġuridiku nazzjonali (18).

29.      Fir-rigward tas-sens li għandu jingħata lill-kundizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, nikkunsidra li, minn naħa, li l-espressjoni “riferiment dirett” tfisser li għandu jkun espliċitu u mingħajr ekwivoċi. Essenzjalment għandu jkun riferiment reali, u mhux biżżejjed sempliċi ċitazzjoni li sservi ta’ sors ta’ ispirazzjoni. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, il-kliem “mingħajr kundizzjoni” jimplika li r-riferiment jolqot il-leġiżlazzjoni kollha inkwistjoni. Riferiment iżolat tal-leġiżlatur nazzjonali għal prinċipju iżolat meħud mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jista’, fil-fehma tiegħi, ma jkunx biżżejjed, billi l-applikazzjoni għal każ bħal dak tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fil-verità, ir-risposta għad-domanda preliminari, jistgħu jidhru li ma humiex xierqa.

30.      Meta ż-żewġ kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, nikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari mhux biss hija leġittima imma għandha fuq kollox tintlaqa’ b’mod favorevoli. Tista’, anzi għandha, tirriżulta mir-rieda spontanja tal-leġiżlatur nazzjonali li jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, il-konsegwenza loġika li l-qorti nazzjonali ma tistax ma tagħtix każ tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti qorti tal-Unjoni. Barra minn dan, meta ssir t-talba għal deċiżjoni preliminari mill-qorti nazzjonali, f’dan il-każ u skont loġika tajba, din ma għandhiex tkun il-frott ta’ riskju, imma għandha ssir prattika sistematika u stabbli.

31.      Fl-aħħar nett, f’dan il-qasam, nikkunsidra li ma hemmx lok li titqajjem il-kwistjoni jekk il-qorti nazzjonali għandhiex tikkonforma jew le mar-risposta li tagħti il-Qorti tal-Ġustizzja. Jirriżulta b’mod ċar mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li l-qorti nazzjonali li adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari f’ċirkustanzi bħal dawn, għandha tirrispetta għal kollox ir-risposta li tingħata minn din tal-aħħar (19).

32.      Bħal fil-kawża Cicala, f’dan il-każ għandu l-ewwel nett jsir magħruf, għalhekk, jekk il-liġi Ungeriża tagħmilx “riferiment dirett u mingħajr kundizzjoni” għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-kamp tal-kompetizzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

33.      Kif ġie enfasizzat diġà, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, ma setgħetx tiġi invokata mill-parteċipanti f’din il-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, peress li ngħatat wara li ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom. Madankollu dan jikkostitwixxi preċedent partikolarment rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża, billi għandu ċertu numru ta’ aspetti ta’ xebh ma’ din tal-aħħar.

34.      Minn naħa, is-sentenza Cicala tenfasizza, fil-punti 25 u 26 li, fil-każ li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni “tirreferi […] b’mod ġenerali għall-‘prinċipji bbażati fuq l-ordinament ġuridiku Komunitarju’” u mhux speċifikament għall-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li għalihom tirreferi d-domanda preliminari u lanqas għal prinċipji oħrajn dwar l-istess qasam, “f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi mressqa saru, bħala tali, applikabbli direttament mid-dritt Taljan”. Fir-rigward tal-liġi Ungeriża eżaminata f’dan il-każ, ir-riferiment huwa iktar ġenerali, peress dik il-liġi tagħmel biss allużjoni b’mod astratt, fil-preambolu tagħha, għal “eżiġenza ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea u tat-tradizzjonijiet tal-liġi Ungeriża fuq il-kompetizzjoni”. Fuq kollox dan ma għandux ikun sorprendenti min-naħa tal-leġiżlatur ta’ Stat li kien għadu ’l bogħod mill-istatus ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

35.      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li, fiż-żewġ każijiet, il-qrati tar-rinviju talbu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt primarju, li huma, barra minn hekk, ta’ natura partikolarment ġenerali, kważi ta’ dispożizzjoni ta’ prinċipju: f’każ wieħed kien hemm it-tieni inċiż tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni; fil-każ l-ieħor, il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” skont l-Artikolu 101 TFUE.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi sostnut li l-liġi Ungeriża fuq il-kompetizzjoni tagħmel “riferiment dirett u mingħajr kundizzjoni” għall-Artikolu 101 TFUE: minn naħa l-preambolu ta’ dik il-liġi huwa limitat biex jirreferi biss inġenerali għal-leġiżlazzjoni “tal-Komunità Ewropea” fil-qasam tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jissemma l-ebda prinċipju partikolari b’mod espliċitu u mingħajr ekwivoku, u dik il-leġiżlazzjoni fuq kollox tissemma bħala sors supplimentari ta’ ispirazzjoni flimkien mat-tradizzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, u bħal-liġi Taljana fil-kawża Cicala, il-liġi Ungeriża mkien ma tindika li dan ir-riferiment għandu l-konsegwenza li jiġu injorati r-regoli nazzjonali (20). Fl-aħħar nett, id-domanda magħmula fiha nuqqas ta’ preċiżjoni billi tirrigwarda l-kunċett stess ta’ prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fir-rigward tad-dritt primarju.

37.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li bħala prinċipju għandu jiġi konkluż li f’dan il-każ, ma jeżistix interess manifest tal-Unjoni biex tiġi ssalvagwardata interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari u li tirriżulta minn aċċettazzjoni diretta u mingħajr kundizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

38.      Meta dan hu hekk (21), hemm lok, madankollu, li tingħata deċiżjoni fuq l-argument tal-Kummissjoni li għandu jingħata trattament eċċezzjonali għall-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal għall-aċċettazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

39.      Il-Kummissjoni, biex issostni l-argument tagħha, tinvoka l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 kif ukoll diversi sentenzi u tissuġġerixxi li dan l-interess manifest jeżisti b’mod ġenerali fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni. Jiena nikkunsidra, min-naħa tiegħi, li minkejja l-eżistenza ta’ argumenti li jistgħu jseddqu l-idea li fil-kamp tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-interess iċċitat iktar ’il fuq jista’ jkun kemmxejn iktar importanti, dawn l-argumenti ma jistgħux jissostitwixxu l-ħtieġa ta’ riferiment dirett u mingħajr kundizzjoni, għal raġunijiet li qed nipproponi li nesponi iktar ’l isfel.

40.      Minn naħa, ma hemm l-ebda dubju li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Dzodzi ġiet ikkonfermata b’mod partikolarment qawwi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bronner, Poseidon Chartering, ETI et, kif ukoll fis-sentenza Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (22), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-ammissibbiltà tad-diversi domandi preliminari fil-kawżi fejn il-kawża prinċipali ma kinitx tirrigwarda, bħala prinċipju, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li kienet tirrigwarda, fil-verità, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

41.      F’dawn il-kawżi, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tistrieħ ukoll fuq argument supplimentari fejn wieħed kellu jaħseb għal kontra riskji ta’ differenza fl-interpretazzjoni fl-istess dispożizzjoni ġuridika tad-dritt tal-Unjoni, skont jekk kinitx meħtieġa li tiġi applikata indirettament biss (permezz ta’ riferiment magħmul mid-dritt nazzjonali) jew direttament (għaliex tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni kemm tad-dritt nazzjonali u tal-Artikolu 101 TFUE) (23).

42.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni (bħall-Artikolu 11(1) tat-Tpvt.) għandhom jiġu applikati flimkien mal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, meta l-atti ta’ ftehim, id-deċiżjonijiet jew il-prattiki miftiehma inkwistjoni “jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri” skont it-Trattat.

43.      Għall-kuntrarju, jidher li dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali japplikaw indipendentement mid-dritt tal-Unjoni, fl-assenza ta’ riskju li jiġi ppreġudikat il-kummerċ intrakomunitarju. Il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ċar ħafna fuq dan il-punt: l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jfisser espressament din il-preċiżjoni u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni stess fiha linji gwida dwar il-kunċett ta’ preġudizzju għall-kummerċ fis-sens li dan il-kriterju “jiddetermina wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (24).

44.      Għaldaqstant, meta jeżisti riskju ta’ preġudizzju għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, id-dritt nazzjonali għandu jiġi applikat flimkien mad-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003) u dan tal-aħħar jagħmel limiti fuq id-dritt nazzjonali (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003) imma, minbarra dawn il-każijiet, id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni japplika (u għaldaqstant, għandu jiġi interpretat) bħala prinċipju, indipendentement mid-dritt tal-Unjoni.

45.      Fil-fatt, jirriżulta mit-Trattat u mir-Regolament (KE) Nru 1/2003 li l-Istati Membri għandhom qasam tagħhom għall-azzjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni li ma huwiex limitat biss għal sempliċi fakultajiet amministrattivi u ta’ eżekuzzjoni, imma fih ukoll poteri regolatorji. Meta jaġixxu fil-qasam riżervat għalihom, il-poteri li jingħatawlhom bl-ebda mod ma huma limitati mill-applikazzjoni tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, billi l-Artikoli 101TFUE u 102 TFUE ma japplikawx għalihom u ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni Ewropea armonizzata f’dan ir-rigward.

46.      Għalhekk l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ma jistax waħdu jservi ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każ tali fejn il-kawża prinċipali għandha tiġi deċiża biss skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (25). Argument kuntrarju jnaqqas mill-effettività tal-kriterju tal-“preġudizzju fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” u jikkostitwixxi ksur mhux ġustifikat fl-isfera tas-sovranità mħollija volontarjament u esklużivament għal dawn l-Istat Membri.

47.      Ċertament matul dawn l-aħħar snin kien hemm “Ewropejizzazzjoni” progressiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni li twettqet ta’ spiss billi ħadet bħala mudell, partikolarment fl-Istati Membri ġodda, id-dritt tal-Unjoni (26). Madankollu, dan ma jfissirx li din l-“Ewropejizzazzjoni” għandha titwettaq permezz tal-ġurisprudenza. Għalkemm huwa utli, anki mixtieq, li tkun teżisti konverġenza bejn id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni applikabbli għal sitwazzjonijiet purament interni (għaliex ma jkollhomx effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati), u li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu ispirati, għall-finijiet tal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, din l-armonizzazzjoni ma għandhiex tiġi imposta permezz tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

48.      Fl-aħħar nett, għandha tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari biss fil-każ li jeżisti riferiment “dirett u mingħajr kundizzjoni” għad-dritt tal-Unjoni, kif jeżiġu s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kleinwort Benson u Cicala, mingħajr lok li ssir eċċezzjoni għal dan il-kriterju fil-każijiet fejn ir-riferiment magħmul mil-leġiżlatur nazzjonali jirrigwarda dispożizzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Billi dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti f’dan il-każ, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex taċċetta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari, u tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċidiha.

V –    Analiżi tad-domanda preliminari

49.      Mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-parti preċedenti, qed nipproponi li nanalizza iktar ’l isfel il-mertu tal-kawża fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha taċċetta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

50.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà li sensiela ta’ atti ta’ ftehim bejn impriżi differenti u assoċjazzjoni ta’ impriżi jiġu kklassifikati bħala li għandhom għan li tiġi ristretta l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) TFUE. L-analiżi ta’ din id-domanda tippresupponi ċerti kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-partikolaritajiet fattwali u legali tal-kawża, kif ukoll ċerti preċiżazzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-atti ta’ ftehim ikkontestati u, fl-aħħar nett, fuq il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet minħabba l-għan”.

1.      Il-partikolaritajiet tal-kawża.

51.      Il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni tal-legalità ta’ assjem kumpless ta’ atti ta’ ftehim fejn l-atturi prinċipali huma żewġ kumpanniji tal-assigurazzjoni, Allianz u Generali, sensiela ta’ bejjiegħa tal-karozzi u l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dawn tal-aħħar (il-GÉMOSZ). Il-partikolarità f’din il-kawża hija li fir-relazzjoni mal-assiguraturi, il-bejjiegħa għandhom funzjoni doppja: meta jissottoskrivu l-assigurazzjoni tal-karozzi għall-klijenti tagħhom, il-bejjiegħa jaġixxu bħala intermedjarji tal-assigurazzjoni jew sensara tal-assigurazzjoni, filwaqt li fir-rigward tat-tiswija tal-vetturi involuti f’inċident, dawn il-bejjiegħa jitħallsu remunerazzjoni għat-tiswijiet li jagħmlu mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni inkwistjoni, partikolarment fir-rigward ta’ assigurazzjonijiet ikkummerċjalizzati minn qabel f’isem dawn tal-aħħar.

52.      Allianz u Generali jiftiehmu kull sena ma’ dawk li jagħmlu t-tiswijiet tal-karozzi fuq il-kundizzjonijiet tat-tiswija u t-tariffi applikabbli minn dawn li jagħmlu t-tiswijiet għall-vetturi assigurati magħhom. Fuq il-bażi ta’ tali atti ta’ ftehim, il-ħwienet tax-xogħol jistgħu jagħmlu t-tiswijiet tal-vetturi assigurati mingħajr ma jikkonsultaw minn qabel lill-assiguraturi.

53.      Minn tmiem is-sena 2002, diversi bejjiegħa tal-karozzi tad-ditta li jagħmlu t-tiswijiet ukoll talbu lill-GÉMOSZ li kull sena tinnegozja f’isimhom, mal-assiguraturi, ftehim qafas dwar it-tariffi inkwistjoni.

54.      Fl-2004 u l-2005, l-assiguratriċi Allianz ikkonkludiet ftehim qafas dwar it-tariffi inkwistjoni mal-GÉMOSZ. Imbagħad wara, Allianz ikkonkludiet, fuq il-bażi ta’ dawn l-atti ta’ ftehim qafas, atti ta’ ftehim individwali mal-bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet. Bis-saħħa tal-atti ta’ ftehim individwali inkwistjoni, il-bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet setgħu jitolbu remunerazzjoni ogħla minn dik stabbilita fil-qafas tal-ftehim mal-GÉMOSZ bil-kundizzjoni li jilħqu jew iżommu ċertu proporzjon ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni Allianz fuq it-total tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-karozzi kkummerċjalizzati mill-bejjiegħ inkwistjoni.

55.      Generali ma kkonkludiet l-ebda ftehim qafas mal-GÉMOSZ matul il-perijodu ta’ referenza, imma għamlet, pjuttost, atti ta’ ftehim individwali mal-bejjiegħa. Jidher li dan it-tip ta’ atti ta’ ftehim ma kellux klawżoli ta’ żidiet fit-tariffa paragunabbli ma’ dawk li jidhru fl-atti ta’ ftehim milħuqa ma’ Allianz; madankollu l-awtorità Ungeriża tal-kompetizzjoni kkonstatat li Generali fil-prattika kienet qed tapplika inċentivi kummerċjali analogi.

56.      Barra minn hekk, kemm Allianz kif ukoll Generali kkonkludew atti ya’ ftehim differenti mas-sensara tal-assigurazzjoni bejn l-2000 u l-2005 sabiex jagħtu spinta lill-bejgħ tal-prodotti ta’ dawn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u tingħata remunerazzjoni aħjar bħala konsegwenza.

57.      Għalhekk, l-element prinċipali tal-kumplessità ta’ din il-kawża jirriżulta primarjament mit-taħlit ta’ attivitajiet li potenzjalment jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li jappartjenu lil żewġt iswieq assolutament distinti: is-suq tal-assigurazzjonijiet u s-suq tas-servizzi ta’ tiswija tal-karozzi. Fir-risposta għad-domanda preliminari teħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejn iż-żewġt iswieq affettwati.

2.      Fuq l-atti ta’ ftehim ikkontestati

58.      Barra minn dan l-assjem kumpless ta’ atti ta’ ftehim, ma nistax ma nenfasizzax li d-domanda preliminari li għamlet il-Qorti Suprema tal-Ungerija tirreferi esklużivament għall-“[atti ta’ f]tehim bilaterali milħuqa bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u ċerti kumpanniji li jsewwu l-karozzi” kif ukoll dawk milħuqa bejn “kumpannija tal-assigurazzjoni u assoċjazzjoni ta’ kumpanniji li jsewwu l-karozzi”.

59.      Għalhekk din id-domanda preliminari tikkonċerna biss l-atti ta’ ftehim imsemmija iktar ’il fuq, jiġifieri dawk milħuqa bejn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni Allianz u Generali bejjiegħa-dawk li jsewwu l-karozzi minn naħa, u min-naħa l-oħra, dawk konklużi bejn Allianz u l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-bejjiegħa (il-GÉMOSZ).

60.      Madankollu, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li għandhom jiġu analizzati l-atti ta’ ftehim iċċitati iktar ’il fuq ma’ ċerti deċiżjonijiet tal-GÉMOSZ kif ukoll mal-atti ta’ ftehim milħuqa bejn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u s-sensara tal-assigurazzjoni tal-bejjiegħa. Minkejja l-kliem tad-domanda preliminari u għar-raġunijiet li ser insemmi iktar ’l isfel, jidhirli li huwa diffiċli li tiġi evitata din l-analiżi globali.

3.      Fuq il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet minħabba l-għan”

61.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-Qorti Suprema tal-Ungerija trid tkun taf jekk l-atti ta’ ftehim imsemmija iktar ’il fuq jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħhom skont l-Artikolu 101(1) TFUE.

62.      Skont din id-dispożizzjoni, “għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern”.

63.      Għalhekk, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprevedi żewġ kategoriji ta’ restrizzjonijiet ipprojbiti tal-kompetizzjoni — l-atti ta’ ftehim jew il-prattiki li jkollhom “bħala għan” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u dawk li għandhom “bħala riżultat” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Kif irrilevat il-ġurisprudenza, l-użu tal-konġunzjoni “jew” jindika li t-tieni minn dawn il-klassifikazzjonijiet hija sussidjarja fir-rigward tal-ewwel waħda: l-ewwel nett, għandu jiġi kkunsidrat “l-għan innifsu tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat”, imma “fil-każ fejn mill-eżami tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim ma jirriżultax livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex dan ikun ipprojbit, għandu jkun jissodisfa l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni tkun effettivament ġiet jew ostakolata, jew ristretta jew inkella distorta b’mod kunsiderevoli. Id-distinzjoni bejn ‘ksur minħabba l-għan’ u ‘ksur minħabba l-effetti’ tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni” (27).

64.      Meta ftehim jew prattika jiġu kklassifikati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħhom dan iwassal għal speċi ta’ preżunzjoni, għaliex meta tiġi stabbilita din in-natura restrittiva ma jkunx meħtieġ li jinstabu l-effetti tal-ftehim jew tal-prattika inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-projbizzjoni tista’ tiġi ddikjarata preventivament mingħajr ma wieħed joqgħod jistenna li fil-fatt seħħew effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni (28).

65.      Kif tgħid il-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [101](3) [TFUE] “dawn huma restrizzjonijiet li, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, tant jistgħu jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, li huwa inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu [101](1) [TFUE] li jintwera li għandhom effetti konkreti fuq is-suq. Din il-preżunzjoni tistrieħ fuq il-gravità tar-restrizzjoni u fuq l-esperjenza li turi li r-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan jistgħu jkollhom effetti negattivi fuq is-suq u jpoġġu f’perikolu l-għanijiet segwiti mir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni” (29) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li din il-kategorija għandha tinftiehem b’mod restrittiv u tkun limitata għall-każijiet fejn jeżisti riskju inerenti ta’ effetti ta’ preġudizzju partikolarment gravi.

66.      Għaldaqstant u skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi evalwata n-natura antikompetittiva tal-għan ta’ ftehim, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li jrid jilħaq kif ukoll il-kuntest ekonomiku u legali li qiegħed fih. Minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiddetermina n-natura restrittiva ta’ ftehim, xejn ma jwaqqaf lill-Kummissjoni jew lill-qrati Komunitarji milli jeħduha inkunsiderazzjoni (30).

67.      Ser nanalizza f’dan il-każ, f’konformità ma’ dik il-ġurisprudenza, il-kontenut u l-għanijiet segwiti mill-atti ta’ ftehim imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, l-atti ta’ ftehim bejn, minn naħa, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u, min-naħa l-oħra, ċerti bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet jew l-assoċjazzjoni li tgħaqqadhom (il-GÉMOSZ). Fit-tieni lok, ser neżamina l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu l-imsemmija atti ta’ ftehim. Fil-fehma tiegħi, dan il-kuntest għandu jinkludi l-atti ta’ ftehim u d-deċiżjonijiet li jirreferu għalihom il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni, jiġifieri d-deċiżjonijiet tad-GÉMOSZ u l-atti ta’ ftehim milħuqa mas-sensara tal-assigurazzjoni.

B –    Il-kontenut u l-għanijiet tal-atti ta’ ftehim ikkontestati

68.      Fil-fehma tiegħi, b’riferiment, l-ewwel nett, għall-kontenut u għall-għan tal-atti ta’ ftehim imsemmija fid-domanda preliminari, nikkunsidra li l-atti ta’ ftehim li bihom il-kumpanniji tal-assigurazzjoni joffru lill-bejjiegħa remunerazzjoni għolja għat-tiswija tal-vetturi daqs il-perċentwali ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni tal-kumpannija inkwistjoni mibjugħin mill-bejjiegħa, ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala atti ta’ ftehim li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

69.      L-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li dawn huma atti ta’ ftehim vertikali li ġeneralment ma japplikax għalihom l-Artikolu 101(1) TFUE ħlief b’eċċezzjoni (31). B’differenza ma’ atti ta’ ftehim orizzontali (32), fejn huwa b’mod ċar iktar faċli li jiġi identifikat għan jew effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, l-atti ta’ ftehim vertikali jkollhom kumplessità ferm ikbar.

70.      Iżda l-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jikkontestaw li l-atii ta’ ftehim inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti ta’ ftehim vertikali. Skont dawn, ma teżisti l-ebda relazzjoni ġuridika bejn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u l-bejjiegħa li jagħmlu t-tiswijiet li biha waħda mill-partijiet tipprovdi servizz lill-oħra. Sa fejn il-ħwienet tax-xogħol tat-tiswija ma humiex klijenti tal-kumpanniji tal-assigurazzjoni u fejn it-tariffi ta’ kull siegħa ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kontroprestazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kuntratti tal-assigurazzjoni, f’dan il-każ ma jistax jingħad li hemm vera “vertikalità”. Fl-aħħar nett, il-partijiet imsemmija iktar ’il fuq jikkunsidraw li dan ma jistgħux ikunu atti ta’ ftehim vertikali fl-assenza ta’ relazzjoni ġuridika li bis-saħħa tagħha waħda mill-partijiet tipprovdi servizz lill-oħra.

71.      Għall-kuntrarju, Allianz issostni li l-atti ta’ ftehim li hija kkonkludiet mal-bejjiegħa huma, b’mod ċar, vertikali, billi dawn tal-aħħar jipprovdulha, b’remunerazzjoni, servizz ta’ tiswija tal-vetturi assigurati jew intermedjazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kuntratti tal-assigurazzjoni.

72.      Fil-fehma tiegħi, l-argument li tiddefendi Allianz l-ewwel nett jikkonforma mad-definizzjoni wiesgħa ta’ atti ta’ ftehim vertikali li jagħmel ir-Regolament (KE) Nru 330/2010. Fil-fatt, l-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament jiddefinihom bħala “ftehim jew prattiċi miftiehma mdaħħla bejn żewġ intrapriżi jew aktar li kull waħda minnhom tħaddem, għall-għanijiet tal-ftehim, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni u distribuzzjoni, u dwar il-kondizzjonijiet taħt liema l-partijiet jistgħu jixtru, jbiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi”.

73.      L-ewwel nett, huwa għalhekk li nikkunsidra li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni u l-bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet joperaw, għall-finijiet tal-ftehim, f’livelli differenti tal-katina ta’ distribuzzjoni u, fit-tieni lok, li fl-atti ta’ ftehim inkwistjoni, il-partijiet kienu stabbilew il-kundizzjonijiet li taħthom il-bejjiegħa jipprovdu servizzi favur kumpanniji tal-assigurazzjoni u li dawn tal-aħħar jagħtuhom remunerazzjoni skont it-tariffi miftiehma. Dan huwa kkorroborat bil-fatt, pereżempju, li ma huwiex ikkontestat li l-bejjiegħa jikkummerċjalizzaw prodotti ta’ assigurazzjoni ta’ dawk il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u jiġu rremunerati bħala kumpens, u fil-fatt id-domanda preliminari tirrigwarda l-punt jekk il-modalitajiet ta’ remunerazzjoni stabbiliti (f’forma ta’ rati kull siegħa għat-tiswija) jikkonformawx mal-Artikolu 101(1) TFUE. Għaldaqstant, l-atti ta’ ftehim imsemmija mid-domanda preliminari huma, fil-fehma tiegħi, atti ta’ ftehim vertikali.

74.      Xorta jibqa’ l-fatt li sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat biss bħala restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni minħabba l-għan, fil-każ ta’ atti ta’ ftehim vertikali, l-impożizzjoni ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ (33), il-projbizzjoni tal-kummerċ parallel bejn l-Istati Membri, bit-twaqqif ta’ esklużività territorjali (34), u iktar reċentement, il-klawżoli li jipprojbixxu lid-distributuri milli jużaw l-internet biex ibigħu prodotti partikolari, ħlief meta dik il-projbizzjoni tkun oġġettivament iġġustifikata, bħal fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva (35).

75.      Għall-kuntrarju, kif ser nispjega iktar ’l isfel, meta jittieħdu b’mod iżolat, l-atti ta’ ftehim inkwistjoni f’din il-kawża ma għandhomx potenzjal restrittiv li jikkaratterizza l-klawżoli deskritti iktar ’il fuq.

76.      Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jsostnu li l-fatt li l-atti ta’ ftehim ikkontestati jirrendu r-rati ta’ kull siegħa ta’ tiswija li għandhom jitħallsu mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni dipendenti fuq il-bejgħ mill-bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet ta’ proporzjon partikolari ta’ prodotti, għandu t-tendenza li jipperpetwa it-tqassim tal-ishma fis-suq tal-kumpanniji tal-assigurazzjoni kif ikun fil-mument li jintlaħqu l-atti ta’ ftehim; għan bħal dan huwa fih innifsu antikompetittiv. L-atti ta’ ftehim għandhom l-effett li jistabbilixxu rabta bejn l-attivitajiet li bħala prinċipju huma indipendenti waħda minn oħra, jiġifieri t-tiswija ta’ karozzi u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni, b’hekk ikun hemm tibdil fil-funzjonament normali tas-suq u jiġi kkonfermat l-għan antikompetittiv tal-atti ta’ ftehim inkwistjoni.

77.      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni ma jipprojbixxix espressament dan it-tip ta’ klawżoli li jkollhom għanijiet espressi fil-forma ta’ perċentwali, u lanqas ma jipprojbixxi minn qabel kull ftehim vertikali maħsub biex iżid il-bejgħ tal-persuni kkonċernati għas-skapitu tal-kompetituri. Il-prova l-iktar ċara ta’ dan l-istat ta’ fatt hija t-tolleranza, f’ċerti limiti taż-żmien, ta’ dak li qed jissejjaħ il-“monomarkiżmu” jew l-“obbligu li wieħed ma jikkompetix” (36).

78.      Pereżempju, l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 jeskludi biss mill-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(3) TFUE il-klawżoli tal-obbligu li wieħed ma jikkompetix “li d-dewmien tiegħu huwa indefinit jew huwa ta’ aktar minn ħames snin” (u għaldaqstant jagħmilhom suġġetti għall-Artikolu 101(1) TFUE) b’mod li l-eżenzjoni tapplika sew għall-klawżoli fejn il-perijodu huwa iqsar. Min-naħa tagħhom, il-linji gwida tal-Kummissjoni fuq ir-restrizzjonijiet vertikali jgħidu li “għandu jiġi kkunsidrat inġenerali li l-obbligi tal-monomarkiżmu ta’ perijodu li jdum inqas minn sena li jassumu impriżi li ma jkollomx pożizzjoni dominanti ma jagħtux lok għal effetti antikompetittivi konsiderevoli jew għal effetti negattivi netti” (37) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

79.      Ovvjament, il-fatt li r-Regolament (UE) Nru 330/2010 jistabbilixxi li l-eżenzjoni ma tapplikax għal tip partikolari ta’ atti ta’ ftehim vertikali ma jfissirx li dan jirrigwarda neċessarjament il-kategorija ta’ restrizzjoni minħabba l-għan. Madankollu huwa daqstant ieħor ċert li l-“lista sewda” stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 330/2010 u r-restrizzjonijiet kkunsidrati bħala karatteristiċi mill-Kummissjoni jikkoinċidu b’mod kunsiderevoli, mal-atti ta’ ftehim u l-prattiki kklassifikati mill-ġurisprudenza bħala restrizzjonijiet minħabba l-għan. Għaldaqstant, għalkemm dan ma huwiex kriterju deċiżiv, jidher ċar li dawn il-listi jistgħu jiġu użati bħala indiċi, partikolarment ta’ dak li ma jikkostitwixxix restrizzjoni minħabba l-għan.

80.      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza stess analizzat atti ta’ ftehim vertikali li kellhom klawżoli bl-obbligu li wieħed ma jikkompetix ta’ dan it-tip u waslet għall-konklużjoni li dawn ma kellhom bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, anki għalkemm kellu jiġi vverifikat jekk kellhomx bħala effett li jipprojbixxiha, jirrestrinġiha jew li joħloq distorsjoni tagħha (38).

81.      Fil-fehma tiegħi, l-atti ta’ ftehim ikkontestati, fir-rigward tal-kontenut u l-għan tagħhom, ma jurux potenzjal li jirrestrinġu l-kompetizzjoni daqshekk għoli daqs l-atti ta’ ftehim vertikali li ġew kkunsidrati fil-passat mill-ġurisprudenza li kellhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-potenzjal tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jidher inqas minn dak ta’ atti ta’ ftehim vertikali li, skont il-ġurisprudenza, ma għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, imma l-iktar li jista’ jkollhom huma effetti antikompetittivi (39).

C –    Il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-atti ta’ ftehim kkontestati

82.      Kif għedt, biex tiġi evalwata n-natura antikompetittiva ta’ ftehim, l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jkun fih, kif tgħid il-ġurisprudenza (40).

83.      Fl-istess sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE tgħid li “jista’ jkun neċessarju wkoll li jiġi eżaminat il-kuntest li fih ftehim huwa (għandu) jiġi applikat kif ukoll l-aġir u l-imġiba effettiva tal-partijiet fis-suq. Fi kliem ieħor, qabel ma jista’ jiġi ddeterminat jekk restrizzjoni partikolari għandhiex bħala għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, jista’ jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-fatti li fuqhom joqgħod l-ftehim kif ukoll iċ-ċirkustanzi speċifiċi li ser jopera fihom. Jista’ jiġri li l-modalitajiet konkreti tal-implementazzjoni ta’ ftehim juru restrizzjoni minħabba l-għan, filwaqt li din ma tkunx espressament stipulata fil-ftehim”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (41)

84.      Għalhekk, f’dan il-każ, l-atti ta’ ftehim ikkontestati ġew applikati f’kuntest partikolari ħafna li f’ċerti aspetti, mad-daqqa ta’ għajn, juru ċerti aspetti problematiċi.

85.      Minn naħa, id-deċiżjonijiet tal-GÉMOSZ jidhru, b’mod ċar, li jikkostitwixxu ftehim orizzontali bejn bejjiegħa tal-karozzi tad-ditta fir-rigward tat-tariffi u l-kundizzjonijiet tas-servizz tat-tiswija ta’ vetturi bil-mutur. Min-naħa l-oħra, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni li kkonkludew l-atti ta’ ftehim ikkontestati, jiġifieri Allianz u Generali, flimkien għandhom bejniethom, skont id-dikjarazzjonijiet magħmulin waqt is-seduta, sehem ta’ iktar minn 70 % tas-suq rilevanti. Għaldaqstant, meta għamlu atti ta’ ftehim mal-bejjiegħa u/jew mal-GÉMOSZ fir-rigward tat-tariffi ta’ tiswija li kienu bbażati fuq it-tariffi miftehmin qabel fi ħdan dik l-assoċjazzjoni, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni l-iktar importanti tas-suq kienu kkonsolidaw u daħħlu fis-seħħ il-ftehim orizzontali li rabat lill-bejjiegħa. Fl-aħħar nett, l-atti ta’ ftehim milħuqa mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni mas-sensara kienu jsaħħu l-effetti eventwalment antikompetittivi li jirriżultaw mill-atti ta’ ftehim milħuqa bejn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u l-bejjiegħa.

86.      Fil-fehma tiegħi, u, fl-ewwel lok, mil-lat strett tas-suq tal-assigurazzjonijiet tal-karozzi, il-kumpless taċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq ma huwiex biżżejjed biex l-atti ta’ ftehim vertikali li ssemmi l-qorti nazzjonali jiġu kklassifikati bħala atti ta’ ftehim li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

87.      Ċertament ma hemm l-ebda dubju li Allianz u Generali iridu, permezz tal-atti ta’ ftehim tagħhom mal-GÉMOSZ u l-bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet, ikabbru s-sehem fis-suq rispettiv tagħhom li effettivament jipproduċi esklużjoni tal-kompetituri. Għaldaqstant, kif dan ġie indikat diġà, dan l-għan ma jagħmilx lill-atti ta’ ftehim kkontestati restrittivi minħabba l-għan tagħhom.

88.      Sabiex jiġi kkonstatat jekk hemmx restrizzjoni minħabba l-għan fis-suq tal-assigurazzjonijiet, fil-fehma tiegħi jkun meħtieġ li jiġi stabbilit jekk jeżistix, bejn Allianz u Generali, ftehim orizzontali antikompetittiv jew, tal-inqas prattika miftiehma intiża biex teskludi l-kompetituri mis-suq, li hija stess tirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħha. Dan jidher li jikkorrespondi wkoll mal-pożizzjoni li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, meta ssostni li l-eżistenza ta’ prattika miftiehma bejn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni ma tistax tiġi eskluża, f’dan il-każ wara li jiġi kkunsidrat il-parallelliżmu tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti rispettivament konklużi minn Allianz mal-GÉMOSZ u bejjiegħa differenti, u minn Generali mal-bejjiegħa differenti.

89.      Iżda f’dan il-kuntest għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu [101(1)] [TFUE] tikkostitwixxi forma ta’ koordinazzjoni bejn l-impriżi li, mingħajr ma ġiet imbuttata sat-twettiq ta’ ftehim proprju, tissostitwixxi xjentement kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 1975 (Suiker Unie vs Il‑Kummissjoni […]), li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma, ma jeħtiġux elaborazzjoni ta’ ‘pjan’ veru u proprju, imma għandhom jitqiesu fid-dawl tal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat fir-rigward tal-kompetizzjoni, fejn kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li fi ħsiebu jsegwi fis-suq komuni u l-kundizzjonijiet li jrid jirriżerva għall-klijentela tiegħu. Jekk huwa minnu li din l-eżiġenza ta’ awtonomija ma teskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi milli jadattaw b’mod intelliġenti għall-aġir kkonstatat jew jantiċipaw lill-kompetituri tagħhom, madankollu din tipprojbixxi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn dawn l-operaturi, li jkollu bħala għan jew bħala effett li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, wara li titqies in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza u tan-numru tal-impriżi u tal-volum ta’ dak is-suq” (42).

90.      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma timplika, minn naħa, il-konstatazzjoni ta’ għaqda ta’ volontajiet fejn impriżi kompetituri jiddeċiedu li jissostitwixxu koordinazzjoni bejnhom għar-riskji inerenti fil-kompetizzjoni, u, min-naħa l-oħra, xi forma ta’ kuntatt dirett jew indirett bejn dawn l-impriżi (43). Barra minn hekk, prattika miftiehma “timplika, minbarra prattika miftiehma bejn l-impriżi, aġir fis-suq li jsegwi din il-prattika miftiehma u ta’ rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi” (44).

91.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li dawn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni kienu aċċettaw il-kundizzjonijiet standard proposti mill-bejjiegħa, kif ukoll il-fatt li l-kundizzjonijiet tal-kuntratti huma simili, anki identiċi, juru li dawn huma atti ta’ ftehim orizzontali jew, tal-inqas, prattiki miftiehma, implementati separatament, kemm mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni kif ukoll mill-bejjiegħa.

92.      Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-paralleliżmu tal-aġir ma huwiex biżżejjed fih innifsu, biex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma, jekk teżisti spjegazzjoni oħra possibbli għall-aġir inkwistjoni. Kif tiddikjara b’mod ċar il-Qorti tal-Ġustizzja, “sabiex jiġi deċiż il-valur probatorju ta’ dawn l-elementi diversi, għandu jiġi mfakkar li paralleliżmu ta’ aġir ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jwassal għall-prova ta’ prattika miftiehma ħlief jekk din il-prattika miftiehma tkun l-unika spjegazzjoni plawżibbli. Fil-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li għalkemm l-Artikolu 85 tat-Trattat jipprojbixxi kull forma ta’ kollużjoni ta’ natura li tagħmel distorsjoni tal-kompetizzjoni, dan ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi milli jadattaw b’mod intelliġenti għall-aġir kkonstatat jew li jantiċipaw lill-kompetituri tagħhom” (45).

93.      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk jeżistux provi ta’ dik il-koordinazzjoni jew prattika miftiehma. Huwa biss fil-każ li jeżistu dawn il-provi li jkun hemm restrizzjoni minħabba l-għan fis-suq tal-assigurazzjoni, billi l-koordinazzjoni bejn l-impriżi kompetituri għall-finijiet tat-tqassim tas-suq tikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li timmerita din il-klassifikazzjoni skont il-ġurisprudenza iċċitata iktar ’il fuq.

94.      Għall-kuntrarju jekk jirriżulta minn naħa li, is-sempliċi intenzjoni ta’ kull kumpannija tal-assigurazzjoni li żżid il-bejgħ tagħha, u min-naħa l-oħra, il-konklużjoni ta’ kuntratti mal-bejjiegħa li jkun fihom klawżoli simili, meta dak ix-xebh ikun iddeterminat mill-fatt li l-bejjiegħa kienu preċedentement ftiehmu bejniethom fuq ir-rati ta’ kull siegħa li kellhom ħsieb li jitolbu, ma jidhirlix li dawn l-elementi huma biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prattika miftiehma.

95.      Iżda, jidher li huwa inqas diffiċli li jiġi kkonstatat li din l-istess xibka ta’ atti ta’ ftehim tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fuq is-suq tas-servizzi tat-tiswija tal-vetturi.

96.      Fil-fatt, jidher li huwa stabbilit li ż-żieda tat-tariffi miftiehma orizzontalment mill-bejjiegħa kellha l-effetti tagħha fuq il-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-assigurazzjoni li mhux biss aċċettaw il-livell tat-tariffa li fuqu l-bejjiegħa kienu ftiehmu fi ħdan il-GÉMOSZ, imma żiduh ukoll taħt ċerti kundizzjonijiet.

97.      Għaldaqstant, mad-daqqa ta’ għajn, l-effetti tal-ftehim orizzontali, iċċitat iktar ’il fuq, fuq it-tariffi tat-tiswija jiddependu mill-aċċettazzjoni tal-klawżoli tiegħu mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni, kif donnu jidher li kien il-każ. Il-ftehim vertikali milħuq bejn il-bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet (jew il-GÉMOSZ stess) u l-kumpanniji tal-assigurazzjoni, irratifikaw ftehim orizzontali intrinsikament antikompetittiv. Għal din ir-raġuni, l-assjem ta’ atti ta’ ftehim (u mhux biss il-ftehim orizzontali) sar illegali, b’mod li l-aġir tal-kumpanniji tal-assigurazzjoni jista’ jiġi ssanzjonat ukoll, ma’ dak tal-bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet.

98.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet eżatti tal-ftehim inkwistjoni jew id-deċiżjoni tal-GÉMOSZ. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk jorbotx numru ta’ bejjiegħa-dawk li jagħmlu t-tiswijiet kunsiderevoli biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jitkellem fuq ftehim veru orizzontali antikompetittiv.

99.      Wara li jsiru dawn il-verifiki, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jwasslu għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fuq is-suq tas-servizzi tat-tiswija tal-karozzi li l-atti ta’ ftehim milħuqa mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni mal-GÉMOSZ u ma’ kull bejjiegħ ikkontribwixxew biex isaħħuha. Kif fakkret il-Kummissjoni, assjem ta’ atti ta’ ftehim bejn il-partijiet li huma preżenti fiż-żewġt iswieq differenti diġà ġie ssanzjonat mill-ġurisprudenza fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et (46).

VI – Konklużjoni

100. Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága bil-mod li ġej:

1)      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi t-talba għal deċiżjoni preliminari

2)      Sussidjarjament, atti ta’ ftehim bilaterali milħuqa bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u wħud minn dawk li jsewwu l-karozzi jew bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u assoċjazzjoni ta’ dawk li jsewwu l-karozzi, li permezz tagħhom ir-rata għal kull siegħa ta’ xogħol ta’ tiswija mħallsa lil min isewwi l-karozzi mill-kumpannija tal-assigurazzjoni għat-tiswija ta’ karozzi assigurati minn din tal-aħħar tiddependi, fost fatturi oħra, min-numru u mill-proporzjon ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni sottoskritti minn din il-kumpannija tal-assigurazzjoni permezz ta’ dak li jsewwi l-karozzi, li jaġixxi bħala intermedjarju ta’ assigurazzjoni:

a)      ma jikkostitwixxux atti ta’ ftehim li għandhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) TFUE għal dak li jirrigwarda s-suq tal-assigurazzjoni, sakemm ma jkunx hemm prattika miftiehma tal-assiguraturi intiża biex teskludi l-impriżi kompetituri tas-suq u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

b)      jistgħu jikkostitwixxu atti ta’ ftehim li għandhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) TFUE, għal dak li jirrigwarda s-suq tat-tiswija tal-karozzi, wara li jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih jiġu applikati dawn l-atti ta’ ftehim u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ftehim tariffarju orizzontali bejn il-bejjiegħa. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan il-ftehim u l-portata tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 25.


3 – Liġi Nru LVII. tal-1996 (A tisztességtelen piaci magatartás és a versenykorlátozás tilalmáról szóló 1996. évi LVII. Törvény, iktar ’il quddiem it-“Tpvt.”).


4 – Skont Allianz, dan it-tip ta’ ftehim ta’ dan l-assiguratur kellu tliet partijiet differenti ta’ remunerazzjoni, skont il-parti tal-kuntratti tal-assigurazzjoni ta’ Allianz ikkummerċjalizzati mill-bejjiegħ, jiġifieri (i) inqas minn 30 %, (ii) bejn 30 u 50 %, u (iii) iktar minn 50 % mit-total tal-kuntratti ta’ assigurazzjonijiet ikkummerċjalizzati mill-bejjiegħ. Iż-żieda miftiehma fir-rata ta’ kull siegħa ta’ tiswija tal-vetturi kienet (i) ta’ 10-11 % għall-bejjiegħa li jbigħu inqas minn 30 % tal-bejgħ ta’ assigurazzjonijiet tagħhom bil-prodotti ta’ Allianz, (ii) ta’ 12-13 % għal dawk li jbigħu bejn 30 u 50 % tal-bejgħ tagħhom ta’ assigurazzjonijiet bil-prodotti ta’ Allianz, u (iii) ta’ 14-15 % għal dawk li jbigħu iktar minn 50 % tal-bejgħ tagħhom ta’ assigurazzjonijiet bil-prodotti ta’ Allianz. Minkejja dak li ntqal iktar ’il fuq, l-assiguratriċi l-oħra inkwistjoni, Generali, issostni li l-biċċa l-kbira ta’ kull ftehim milħuq minn Allianz mal-bejjiegħa kien jistabbilixxi żieda tar-rata ta’ kull siegħa ta’ tiswija fil-każ biss fejn il-prodotti ta’ Allianz ikkummerċjalizzati minn dawn il-bejjiegħa jirrappreżentaw 50 % tal-bejgħ tagħhom.


5 – Skont din il-kumpannija ta’ assigurazzjoni, il-kuntratti konklużi minn Generali mal-bejjiegħa jistabbilixxu żieda tar-remunerazzjoni tagħhom fil-każ li l-prodotti Generali jirrappreżentaw 30 % tal-kuntratti kkummerċjalizzati minn dawn il-bejjiegħa. Dan il-għan kien ta’ 10 punti iktar għall-parti tas-suq ta’ Generali matul il-perijodu kkunsidrat, jiġifieri 20 %.


6 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑97/89, Ġabra p. I‑3763. Hemm forsi preċedent ukoll fis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1985, Thomasdünger (166/84, Ġabra p. 3001).


7 – Sentenza Dzodzi, punti 34 sa 41.


8 – Ħarsa ġenerali tajba tal-kritika fformulata tinsab fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo ppreżentati fis-26 ta’ Settembru 2000 fil-kawża Kofisa Italia (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, C‑1/99, Ġabra p. I‑207), fil-punti 22 et seq. Qabel, l-Avukat Ġenerali Mancini, fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 1985 fil-kawża Thomasdünger, iċċitata iktar ’il fuq, kien diġà wera l-oppożizzjoni tiegħu għall-ammissibbiltà ta’ dawn it-tipi ta’ domandi preliminari li, skont hu, kienu jiksru wkoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Esprimew ruħhom fl-istess sens l-Avukat Ġenerali Darmon, fil-konklużjonijiet li għamel fit-3 ta’ Lulju 1990 fil-kawża Dzozi, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Tizzano, fil-konklużjonijiet tiegħu li għamel fil-kawża Adam, iċċitata iktar ’il fuq, u l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Leur-Bloemm fis-17 ta’ Settembru 1996 (sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, C‑28/95, Ġabra p. I‑4161), kif ukoll l-kawża BIAO, fil-15 ta’ Novembru 2001 (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2003, C‑306/99, Ġabra p. I‑1).


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Leur-Bloem, iċċitata iktar ’il fuq; tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791); Kofisa Italia, iċċitata iktar ’il fuq; Adam, iċċitata iktar ’il fuq; BIAO, iċċitata iktar ’il fuq, u tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C ‑3/04, Ġabra p.I‑2505).


10 – Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995 (C‑346/93, Ġabra p. I‑615).


11 – Konklużjonijiet, iċċitatati iktar ’il fuq, tal-Avukati Ġenerali Ruiz-Jarabo, fil-kawża Kofisa Italia, Jacobs, fil-kawża BIAO, u Tizzano, fil-kawża Adam.


12 – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ April 2008 (C‑186/07, Ġabra 2008 p. I‑60*).


13 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, rispettivament fil-punti 27 u 29.


14 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007 (C‑280/06, Ġabra p. I‑10893).


15 – Ibidem, punt 25.


16 – Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 (C‑482/10, Ġabra, p. I-14139).


17 – Ibidem, punt 19.


18 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012 (C‑583/10, punt 47).


19 – Fir-rigward tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, Ġabra p. I‑7929, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Sentenza Cicala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28.


21 – Minbarra l-fatt li waqt is-seduta l-Kummissjoni ammettiet li ma kienx hemm “riferiment dirett u mingħajr kundizzjoni” f’dan il-każ.


22 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006 (C‑217/05, Ġabra p. I‑11987).


23 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bronner, punti 19 u 20; Poseidon Chartering, punt 16; Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, punt 20, u ETI et, punt 26. Ara, f’dan is-sens ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2006 fil-kawża Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, u fit-3 ta’ Lulju 2007 fil-kawża ETI et.


24 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar il-kunċett ta’ preġudizzju għall-kummerċ skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2004, C 101, p. 81, punt 8). Ara wkoll l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE (ĠU 2004, C 101, p. 54, punt 6).


25 – Tkun konklużjoni differenti jekk jintwera li l-ftehim ikkontestati jistgħu, madankollu, jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan il-punt, kif indikajt diġà, ma ġiex ikkontestat f’dan il-każ.


26 – Ara, fuq dan is-suġġett, K.J. Cseres, “The impact of regulation 1/2003 in the new Member States”, The Competition Law Review, Vol. 6, Nru 2 (Lulju 2010).


27 – Sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punti 15 u 17).


28 – F’dan is-sens ukoll, ġurisprudenza stabbilita sew tgħid li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, “it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa irrilevanti minn meta jkun jidher li għandu l-għan li jillimita, jfixkel jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, punt 496), u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 491).


29 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU 2004, C 101, p. 97, punt 21).


30 – Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 23 sa 25), u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 58).


31 – Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ April 2010, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiki miftiehma (ĠU L 102, p. 1). L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jiddetermina l-limiti tal-kwoti tas-suq għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni u l-Artikolu 5 jelenka sensiela ta’ restrizzjonijiet vertikali li ma jibbenefikawx minn din l-eżenzjoni.


32 – Fost impriżi li jikkompetu: pereżempju kien ikun evidenti l-każ ta’ ftehim ipotetiku bejn Allianz u Generali fir-rigward tat-tariffi għat-tiswijiet.


33 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon (243/83, Ġabra p. 2015).


34 – Sentenzi Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 27, u tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il‑Kummissjoni (19/77, Ġabra p. 131).


35 – Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, Ġabra p. I-9419).


36 – Skont l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 330/2010, l-espressjoni “obbligu li wieħed ma jikkompetix” tfisser “kull obbligu dirett jew indirett li jwassal biex ix-xerrej ma jimmanifatturax, ma jixtrix, ma jbiegħx jew ma jbiegħx mill-ġdid oġġetti jew servizzi li jikkompetu mal-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew kull obbligu dirett jew indirett fuq ix-xerrej li jixtri mill-fornitur, jew minn impriża oħra nominata mill-fornitur, aktar minn 80 % mix-xiri totali tax-xerrej tal-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u oġġetti jew servizzi li jissostitwuhom fis-suq relevanti, ikkalkulat abbażi tal-valur tax-xiri tiegħu fis-sena kalendarja preċedenti”.


37 – ĠU 2010, C 130, p. 1, punt 133.


38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C‑234/89, Ġabra p. I‑935, punti 13 sa 15); tas-7 ta’ Diċembru 2000, Neste (C‑214/99, Ġabra p. I‑11121, punt 25); tal-11 ta’ Settembru 2008, CEPSA (C‑279/06, Ġabra p. I‑6681, punt 43), u tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios (C‑260/07, Ġabra p. I‑2437, punt 83).


39 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


40 – Ara, pereżempju, is-sentenza IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 23 sa 25.


41 – Komunikazzjoni ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 22.


42 – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1981, Züchner (172/80, Ġabra p. 2021, punti 12 sa 14).


43 – F’dan ir-rigward tista’ tiġi ċċitata s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619, punt 64): “jekk l-Artikolu 85 jiddistingwi l-kunċett ta’ ‘prattika miftiehma’ minn dak ta’ ‘ftehim bejn l-impriżi’ jew ta’ ‘deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi’, dan huwa bil-ħsieb li taqa’ taħt il-projbizzjonijiet ta’ dan l-artikolu forma ta’ koordinazzjoni bejn l-impriżi li, mingħajr ma ġiet imbuttata sat-twettiq ta’ ftehim proprju, tissostitwixxi xjentement kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni”.


44 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni (C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 161).


45 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I-1307, punt 71).


46 – C‑101/07 P u C‑110/07 P, Ġabra p. I‑10193.