Language of document : ECLI:EU:C:2022:491

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Ġunju 2022 (*)


Werrej



“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2(2)(d) – Kamp ta’ applikazzjoni – Direttiva (UE) 2016/681 – Użu tad-data PNR tal-passiġġieri tat-titjiriet tal-ajru operati bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi – Possibbiltà li tiġi inkluża d-data tal-passiġġieri tat-titjiriet tal-ajru operati fi ħdan l-Unjoni – Ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data – Perijodu ta’ żamma – Ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll l-Artikolu 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi l-applikazzjoni tas-sistema PNR għal trasport ieħor operat fi ħdan l-Unjoni – Moviment liberu fi ħdan l-Unjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 45”

Fil-Kawża C‑817/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

Ligue des droits humains

vs

Conseil des ministres,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, S. Rodin, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Presidenti ta’ Awla, T. Von Danwitz (Relatur), M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal-Ligue des droits humains, minn C. Forget, avocate,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.‑C. Halleux, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn C. Caillet, advocaat, E. Jacubowitzt, avocat, G. Ceuppens, V. Dethy u D. Vertongen,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Machovičová, O. Serdula, M. Smolek, J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn M. Jespersen, J. Nymann‑Lindegren, V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Dubois, E. De Moustier u T. Stéhelin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Neofytou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Latvjan, minn E. Bārdiņš, K. Pommere u V. Soņeca, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, A. Hanje, J. Langer u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Kunnert, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine u H. Leppo, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn O. Hrstková Šolcová u P. López‑Carceller, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Lotarski, N. Rouam, E. Sitbon u C. Zadra, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Nardi u M. Wasmeier, bħala aġenti,

–        għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn P. Angelov, A. Buchta, F. Coudert u C.‑A. Marnier, bħala aġenti,

–        għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, minn L. López, T. Molnar, M. Nespor u M. O’Flaherty, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment:

–        l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) u tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”), tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 74, iktar ’il quddiem id-“Direttiva API”), kif ukoll tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU 2010, L 283, p. 1);

–        l-interpretazzjoni u l-validità, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-punt 4 tal-Artikolu 3, tal-Artikoli 6 u 12 kif ukoll tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132, iktar ’il quddiem id-“Direttiva PNR”, kif ukoll

–        l-interpretazzjoni u l-validità, fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE u tal-Artikolu 45 tal-Karta, tad-Direttiva API.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Ligue des droits humains u l-Conseil des ministres (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju) dwar il-legalità tal-loi du 25 décembre 2016 relative au traitement des données des passagers (il-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 dwar l-Ipproċessar tad-Data tal-Passiġġieri).

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 95/46/KE

3        Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), tħassret, b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018, permezz tar-RĠPD. L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

—      fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

—      minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

2.      IdDirettiva API

4        Il-premessi 1, 7, 9 u 12 tad-Direttiva API jipprevedu:

“(1)      Sabiex tiġi kumbattuta effettivament l-immigrazzjoni illegali u sabiex jitjieb il-kontroll fuq il-fruntieri, huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha jintroduċu dispożizzjonijiet li jistabilixxu obbligi dwar inġenji ta’ l-ajru li jittrasportaw lill-passiġgieri fit-territorju ta’ l-Istati Membri. Barra minn hekk, sabiex tiġi assigurata effettività akbar ta’ din il-mira, il-penalitajiet finanzjarji fil-preżent previsti mill-Istati Membri għal-każijiet meta trasportaturi jonqsu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom għandhom jiġu armonizzati sa fejn jista’ jkun, b’kont meħud tad-differenzi f’sistemi legali u prattiki bejn l-Istati Membri.

[…]

(7)      L-obbligi li għandhom jiġu imposti fuq trasportaturi permezz ta’ din id-Direttiva huma kumplimentari għal dawk stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985, kif issupplimentata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE [tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-disposizzjoni ta’ l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 160)], iż-żewġ tipi ta’ obbligu li jservu l-istess mira li jwaqqfu flussi migratorji u jiġġieldu kontra immigrazzjoni illegali.

[…]

(9)      Sabiex tiġi kumbattuta b’mod iktar effettiv l-immigrazzjoni illegali u sabiex tiġi assigurata effettività ajbar ta’ din il-mira, huwa essenzjali li, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE, jittieħed kont fl-opportunità l-iktar kmieni ta’ kwalunkwe innovazzjoni teknika, speċjalment b’referenza għall-integrazzjoni u l-użu ta’ fatturi biometriċi fl-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mit-trasportaturi.

[…]

(12)      Id-Direttiva [95/46] tapplika fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri. Dan ifisser, li filwaqt li kien ikun leġittimu li tiġi pproċessata d-data tal-passiġġieri trasmessa għall-prestazzjoni ta’ kontrolli fuq il-fruntieri wkoll għall-iskopijiet sabiex ikun possibbli l-użu tagħhom bħala evidenza fi proċeduri mmirati lejn l-applikazzjoni tal-liġijiet u regolamenti dwar id-dħul u l-immigrazzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-protezzjoni ta’ politika pubblika (ordre public) u sigurtà nazzjonali, kwalunkwe pproċessar ulterjuri fi kwalunkwe mod inkompatibbli ma’ dawk l-iskopijiet tkun kontra l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva [95/46]. Stati Membri għandhom jipprovdu għal sistema ta’ sanzjonijiet li jiġu applikati fil-każ ta’ użu kuntrarju għall-iskop tad-Direttiva preżenti.”

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva API, bit-titolu “Il-mira”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva timmira li ttejjeb kontrolli fuq il-fruntieri u li tiġġieled kontra immigrazzjoni illegali permezz tat-trasmissjoni ta’ data tal-passiġġieri avvanzata minn trasportaturi lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘trasportatur’ ifisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li x-xogħol tagħha huwa li tipprovdi transport għall-passiġġieri bl-ajru;

(b)      ‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi;

(ċ)      ‘kontroll fuq il-fruntieri’ jfisser kontroll imwettaq fuq fruntiera bi tweġiba esklużiva għal intenzjoni li tinqasam dik il-fruntiera, minkejja kwalunkwe konsiderazzjoni oħra;

(d)      ‘il-punt tal-qsim tal-fruntiera’ jfisser kwalunkwe punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti għall-qsim ta’ fruntieri esterni;

(e)      ‘data personali’, ‘l-ipproċessar ta’ data personali’ u ‘sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ data personali’ għandhom tifsira kif stipulata taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva [95/46].”

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “It-trasmissjoni tad-data”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Stati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jistabilixxu obbligi għal trasporatturi sabiex jittrasmettu fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni fi fruntieri esterni, sa l-aħħar taċ-check in, informazzjoni li tikkonċerna passiġġieri li jittrasportaw lil fruntiera awtorizzata bħala punt ta’ qsim, li minnha dawn il-persuni jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-informazzjoni msemmija fuq għandha tinkludi:

–        —      n-numru u t-tip ta’ document ta’ vvjaġġar użat,

–        —      ċittadinanza,

–        —      ismijiet sħaħ,

–        —      id-data tat-twelid,

–        —      il-punt ta’ qsim fuq il-fruntiera bħala dħul fit-territorju ta’ l-Istati Membri,

–        —      il-kodiċi tat-trasport,

–        —      il-ħin tat-tluq u tal-wasla tat-trasport,

–        —      in-numru totali ta’ passiġġieri ttrasportati,

–        —      il-punt inizjali ta’ imbark.”

8        L-Artikolu 6 tad-Direttiva API, bit-titolu “L-ipproċessar tad-data”, jipprovdi:

“1.      Id-data personali msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni f’fruntieri esterni li permezz tagħhom il-passiġġier jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, għall-iskop tal-faċilitazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dawn il-kontrolli bl-iskop tal-ġlieda kontra immigrazzjoni illegali b’mod iktar effettiv.

Stati Membri għandhom jassiguraw li din id-data hija miġbura mit-trasportaturi u trasmessa elettronikament jew, f’każ ta’ nuqqas, minn kwalunkwe mezz approprjat ieħor lill-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta’ kontrolli fuq il-fruntieri fil-punt ta’ qsim fuq il-fruntiera awtorizzat li permezz tiegħu passiġġier jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru. L-Awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni fi fruntieri esterni għandhom iżommu d-data f’fajl temporanju.

Wara li l-passiġġieri jkunu daħlu, dawn l-awtoritajiet għandhom iħassru d-data, fi żmien 24 siegħa, sakemm id-data ma tkunx meħtieġa iktar tard għall-iskopijiet ta’ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet statutorji ta’ l-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni fi fruntieri esterni skond il-liġi nazzjonali u soġġett għal dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data taħt id-Direttiva [95/46].

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex trasportaturi jiġu obbligati jħassru, fi żmien 24 siegħa mill-wasla tal-mezz ta’ transport skond l-Artikolu 3(1), id-data personali li ġabru u ttrasmettew lill-awtoritajiet fuq il-fruntiera għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva.

Skond il-liġi nazzjonali tagħhom u soġġett għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ data taħt id-Direttiva [95/46], Stati Membri jistgħu ukoll jużaw id-data personali msemmija fl-Artikolu 3(1) għal skopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-liġi.

2.      Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jobbligaw lil trasportaturi jinfurmaw lill-passiġġieri skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva [95/46]. Dan għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(ċ) u l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva [95/46].”

3.      IdDirettiva 2010/65

9        Id-Direttiva 2010/65 hija mħassra, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU 2019, L 198, p. 64), b’effett mill‑15 ta’ Awwissu 2025.

10      Il-premessa 2 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“(2)      Għall-faċilitazzjoni tat-trasport marittimu u sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji tal- vapuri, il-formalitajiet ta’ rappurtar meħtieġa mill-atti legali tal-Unjoni u mill-Istati Membri jridu jiġu simplifikati u armonizzati kemm jista’ jkun. […]”

11      L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu simplifikati u armonizzati l-proċeduri amministrattivi applikati għat-trasport marittimu billi tagħmel it-trażmissjoni elettronika ta’ informazzjoni standard u billi tirrazzjonalizza l-formalitajiet ta’ rappurtar.

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-formalitajiet ta’ rappurtar applikabbli għat-trasport marittimu għal vapuri li jaslu f’portijiet jew iħallu portijiet li jinsabu fl-Istati Membri.”

12      Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, bit-titolu “Kunfidenzjalità”:

“1.      L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-atti legali applikabbli tal-Unjoni jew mal-leġislazzjoni nazzjonali, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali u tagħrif kunfidenzjali ieħor skambjat skont din id- Direttiva.

2.      L-Istati Membri għandhom jaraw b’mod partikolari li d-data kummerċjali miġbura skont din id-Direttiva tkun protetta. Fir-rigward tad-data personali, l-Istati Membri għandhom jaraw li jkunu konformi mad-Direttiva [95/46]. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni [Ewropea] għandhom jiżguraw li jkunu konformi mar-Reġolament (KE) Nru 45/2001 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50)].”

4.      IrRĠPD

13      Il-premessa 19 tar-RĠPD tistabbilixxi:

“Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u l-moviment liberu ta’ tali data, hija s-suġġett ta’ att legali speċifiku tal-Unjoni. Dan ir-Regolament m’għandux, għalhekk, japplika għall-attivitajiet ta’ pproċessar għal dawk l-għanijiet. Madanakollu, id-data personali pproċessata mill-awtoritajiet pubbliċi skont dan ir-Regolament meta tintuża għal dawk l-għanijiet għandha tkun regolata minn att legali aktar speċifiku tal-Unjoni jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6)]. L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw awtoritajiet kompetenti fis-sens tad-[Direttiva 2016/680] b’kompiti li mhumiex neċessarjament imwettqa għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, sabiex l-ipproċessar tad-data personali għal dawk il-finijiet l-oħra, sa fejn dan huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

14      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)      matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b)      mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

[…]

(d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

15      L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli […];

(2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]”

16      L-Artikolu 23 tar-RĠPD, bit-titolu “Restrizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

(a)      is-sigurtà nazzjonali;

(b)      id-difiża;

(c)      is-sigurtà pubblika;

(d)      il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika;

[…]

(h)      funzjoni ta’ monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali f’każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g);

2.      B’mod partikolari, kull miżura leġiżlattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi tal-inqas, fejn rilevanti, dwar:

(a)      il-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar,

(b)      il-kategoriji ta’ data personali,

(c)      l-ambitu tar-restrizzjonijiet introdotti,

(d)      is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż jew tal-aċċess jew it-trasferiment illegali;

(e)      l-ispeċifikazzjoni tal-kontrollur jew il-kategoriji tal-kontrolluri,

(f)      il-perijodi ta’ ħażna u s-salvagwardji applikabbli b’kont meħud tan-natura, l-ambitu u l-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar;

(g)      ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data; u

(h)      id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkunu infurmati dwar ir-restrizzjoni, sakemm dak ma jistax jippreġudika l-finijiet tar-restrizzjoni.

17      L-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Tħassir tad-Direttiva [95/46]”, jipprevedi:

“1.      Id-Direttiva [95/46] titħassar b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

2.      Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Ir-referenzi għall-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva [95/46] għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit b’dan ir-Regolament.”

5.      IdDirettiva 2016/680

18      Id-Direttiva 2016/680, b’mod konformi mal-Artikolu 59 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, mis‑6 ta’ Mejju 2018, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 60).

19      Skont il-premessi 9 sa 11 tad-Direttiva 2016/680:

“(9)      Fuq dik il-bażi, ir-[RĠPD] jistabbilixxi regoli ġenerali għall-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u sabiex ikun assigurat il-moviment liberu tad-data personali fi ħdan l-Unjoni.

(10)      Fid-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-oqsma.

(11)      Għalhekk hu xieraq għal dawk l-oqsma li jiġu indirizzati minn direttiva li tistipula regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura speċifika ta’ dawk l-attivitajiet. Tali awtoritajiet kompetenti jistgħu jinkludu mhux biss awtoritajiet pubbliċi bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi iżda wkoll kwalunkwe korp jew entità fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Fejn tali korp jew entità tipproċessa data personali għal finijiet oħra għajr għal finijiet ta’ din id-Direttiva, japplika r-[RĠPD]. Ir-[RĠPD] għalhekk japplika f’każijiet fejn korp jew entità jiġbru d-data personali għal finijiet oħra u jkomplu jipproċessaw dik id-data personali sabiex jikkonformaw ma’ obbligu legali li għalih ikunu soġġetti. Pereżempju, għall-finijiet ta’ investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-istituzzjonijiet finanzjarji jżommu ċerta data personali li tkun proċessata minnhom, u jipprovdu dik id-data personali biss lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’każijiet speċifiċi u f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru. Korp jew entità li jipproċessa data personali f’isem dawn l-awtoritajiet fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jkun marbut b’kuntratt jew att legali ieħor u bid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċessuri skont din id-Direttiva, filwaqt li l-applikazzjoni tar-[RĠPD] tibqa’ ma tiġix affettwata għall-ipproċessar ta’ data personali mill-proċessur barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

20      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett u objettivi”, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

21      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

7.      ‘awtorità kompetenti’ tfisser:

(a)      kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew

(b)      kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

[…]”

6.      IdDirettiva PNR

22      Il-premessi 4 sa 12, 15, 19, 20, 22, 25, 27, 28, 33, 36 u 37 tad-Direttiva PNR jipprovdu:

“(4)      Id-Direttiva [API] tirregola t-trasferiment ta’ informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) mit-trasportaturi bl-ajru lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-għan li jtejbu l-kontrolli fuq il-fruntieri u għall- ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

(5)      L-objettivi ta’ din id-Direttiva huma, fost affarijiet oħra, li tiġi żgurata s-sigurtà, li jiġu protetti l-ħajja u s-sikurezza tal-persuni, u li jinħoloq qafas legali għall-protezzjoni tad-data tal-PNR fir-rigward tal-ipproċessar tagħha mill- awtoritajiet kompetenti.

(6)      L-użu effettiv tad-data tal-PNR, pereżempju billi d-data tal-PNR tiġi mqabbla ma’ diversi databases dwar persuni u oġġetti mfittxija, huwa meħtieġ għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja u b’hekk tissaħħaħ is-sigurtà interna, biex jinġabru provi u, fejn rilevanti, biex jinstabu assoċjati ta’ kriminali u jinqabdu netwerks kriminali.

(7)      Il-valutazzjoni tad-data tal-PNR tippermetti li jiġu identifikati persuni, li ma kinux suspettati li jistgħu jkunu involuti f’reati terroristiċi jew kriminalità serja qabel tali valutazzjoni, u li għandhom ikunu soġġetti għal aktar eżami mill-awtoritajiet kompetenti. Bl-użu tad-data tal-PNR huwa possibbli li tiġi indirizzata t-theddida ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja minn perspettiva li hi differenti minn dik tal-ipproċessar ta’ kategoriji oħra ta’ data personali. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-ipproċessar tad-data tal-PNR jibqa’ limitat għal dak li hu neċessarju, il-ħolqien u l-applikazzjoni tal-kriterji tal-valutazzjoni għandhom jiġu limitati għal reati terroristiċi u l-kriminalità serja li għalihom ikun rilevanti li jintużaw ċerti kriterji. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ valutazzjoni għandhom jiġu definiti b’mod li jżomm għal minimu n-numru ta’ persuni innoċenti li jiġu identifikati b’mod żbaljat mis-sistema.

(8)      It-trasportaturi bl-ajru diġà jiġbru u jipproċessaw data tal-PNR tal-passiġġieri tagħhom għall-finijiet kummerċjali tagħhom. Din id-Direttiva ma għandha timponi l-ebda obbligu fuq it-trasportaturi bl-ajru biex jiġbru jew iżommu data addizzjonali mill-passiġġieri jew xi obbligu fuq il-passiġġieri sabiex jipprovdu xi data addizzjonali ma’ dik li diġà qed tkun ipprovduta lit-trasportaturi bl-ajru.

(9)      Xi trasportaturi bl-ajru jżommu d-data tal-API li huma jiġbru bħala parti mid-data tal-PNR, filwaqt li oħrajn ma jagħmlux dan. L-użu tad-data tal-PNR flimkien mad-data tal-API huwa valur miżjud fl-assistenza lill-Istati Membri sabiex jivverifikaw l-identità ta’ individwu, u b’hekk isaħħu l-valur tal-infurzar tal-liġi ta’ dak ir-riżultat u jnaqqsu r-riskju li jwettqu kontrolli u investigazzjonijiet fuq persuni innoċenti. Għalhekk huwa importanti li jkun żgurat li meta t-trasportaturi bl-ajru jiġbru d-data tal-API, huma jibagħtuha irrispettivament minn jekk iżommux id-data tal-API b’mezzi tekniċi li huma differenti minn dawk għal data tal-PNR oħra.

(10)      Għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha jintroduċu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu obbligi fuq it-trasportaturi bl-ajru li joperaw titjiriet barra l-UE biex jittrasferixxu d-data tal-PNR li huma jiġbru, inkluż data tal-API. L-Istati Membri għandu jkollhom ukoll il-possibilità li jestendu dan l-obbligu fuq it-trasportaturi bl-ajru li joperaw titjiriet ġewwa l-UE. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva [API].

(11)      L-ipproċessar tad-data personali għandu jkun proporzjonali mal-għanijiet speċifiċi tas-sigurtà segwiti minn din id-Direttiva.

(12)      Id-definizzjoni ta’ reati terroristiċi applikata f’din id-Direttiva għandha tkun l-istess bħal fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill [2002/475/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p.18)]. Id-definizzjoni ta’ kriminalità serja għandha tinkludi l-kategoriji ta’ reati elenkati fl-Anness II għal din id-Direttiva.

[…]

(15)      Lista tad-data tal-PNR li għandha tinkiseb minn [unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (PIU)] għandha titfassal bil-fini li tirrifletti r-rekwiżiti leġittimi tal-awtoritajiet pubbliċi għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja, b’hekk tittejjeb s-sigurtà interna ġewwa l-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali. Għal dak l-għan, għandhom jiġu applikati standards għoljin f’konformità mal-[Karta], il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (“il-Konvenzjoni Nru 108”), u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (“KEDB”)]. Tali lista ma għandhiex tkun ibbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna. Id-data tal-PNR għandha tinkludi biss dettalji dwar il-prenotazzjonijiet u l-itinerarji tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw il-passiġġieri tal-ajru li jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà interna.

[…]

(19)      Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jivvaluta t-theddid potenzjali relatat ma’ reati terroristiċi u kriminalità serja.

(20)      Filwaqt li jiġu kkunsidrati bis-sħiħ id-dritt tal-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni li tipproduċi effett legali negattiv fuq persuna jew li taffettwa lil dik il-persuna b’mod sinifikanti biss minħabba l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikoli 8 u 21 tal-Karta, l-ebda deċiżjoni bħal din ma għandha tiddiskrimina fuq xi bażi bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija ta’ minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna. Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha wkoll tieħu kont ta’ dawk il-prinċipji meta tirrevedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]

(22)      Filwaqt li jiġi kkunsidrati bis-sħiħ il-prinċipji indikati fil-każistika reċenti rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiżgura li jiġu rispettati b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, -id-dritt għall-privatezza u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Għandha wkoll ġenwinament tilħaq l-objettivi tan-neċessità u l-proporzjonalità sabiex jinkisbu l-interessi ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn fil-ġlieda kontra r-reati tat-terroriżmu u l-kriminalità serja. L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun ġustifikata kif xieraq u s-salvagwardji meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti biex tkun żgurata l-legalità ta’ kwalunkwe ħżin, analiżi, trasferiment jew użu tad-data tal-PNR.

[…]

(25)      Il-perijodu li matulu għandha tinżamm id-data tal-PNR għandu jkun twil kemm hu neċessarju u proporzjonat għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. Minħabba n-natura tad-data u l-użu tagħha, huwa meħtieġ li d-data tal-PNR tinżamm għal perijodu twil biżżejjed biex titwettaq analiżi tax-xejriet u għall-użu fl-investigazzjonijiet. Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-data, [Sabiex jiġi evitat kull użu sproporzjonat,] wara l-perijodu inizjali ta’ żamma d-data tal-PNR għandha tiġi depersonalizzata billi elementi tad-data jiġu mistura. Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-data, l-aċċess għad-data tal-PNR kollha, li tippermetti l-identifikazzjoni diretta tas-suġġett tad-data, għandu jingħata biss taħt kondizzjonijiet stretti u limitati ħafna wara dak il-perijodu ta’ żamma inizjali.

[…]

(27)      L-ipproċessar fil-livell tad-data tal-PNR f’kull Stat Membru mill-PIU u mill-awtoritajiet kompetenti għandu jkun soġġett għal standard ta’ protezzjoni tad-data personali skont il-liġi nazzjonali b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas [2008/977], u r-rekwiżiti speċifiċi għall-protezzjoni tad-data stabbiliti f’din id-Direttiva. Referenzi għad-Deċiżjoni Qafas [2008/977] għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ kif ukoll għal leġiżlazzjoni li ser tissostitwixxiha.

(28)      Waqt li jiġi kkunsidrat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-drittijiet ta’s-suġġetti tad-data li jikkonċernaw l-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom, bħad-drittijiet ta’ aċċess, ta’ rettifika, ta’ tħassir u ta’ restrizzjoni tad-data tal-PNR, u d-drittijiet għall-kumpens u riżarċiment ġudizzjarju, għandhom ikunu konformi kemm mad-Deċiżjoni Qafas [2008/977] kif ukoll mal-livell ta’ protezzjoni għoli pprovdut mill-Karta u mill-KEDB.

[…]

(33)      Din id-Direttiva ma taffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu, taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, sistema ta’ ġbir u pproċessar ta’ data tal-PNR mill-operaturi ekonomiċi li mhumiex trasportaturi bl-ajru, bħall-aġenziji tal-ivvjaġġar u operaturi turistiċi li jipprovdu servizzi relatati mal-ivvjaġġar — inkluża l-prenotazzjoni ta’ titjiriet — li għalihom huma jiġbru u jipproċessaw data tal-PNR, jew mill-fornituri tat-trasport minbarra dawk speċifikati f’din id-Direttiva, sakemm tali liġi nazzjonali tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni.

[…]

(36)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-Karta, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-privatezza u d-dritt għal nondiskriminazzjoni kif protetti mill-Artikoli 8, 7 u 21 tagħha, għandha għalhekk tiġi implimentata b’dan il-mod. Din id-Direttiva hija kompatibbli mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u d-dispożizzjonijiet tagħha huma konformi mad-Deċiżjoni Qafas [2008/977]. Barra minn hekk, biex tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi din id-Direttiva tipprevedi regoli dwar il-protezzjoni tad-data aktar stretti mid-Deċiżjoni Qafas [2008/977].

(37)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa limitat kemm jista’ jkun, minħabba: li tipprevedi ż-żamma tad-data tal-PNR fil-PIUs għal perijodu ta’ mhux aktar minn ħames snin, li warajh din id-data għandha titħassar, hija tipprevedi li d-data tiġi depersonalizzata billi jiġu mistura elementi tad-data wara perijodu inizjali ta’ sitt xhur; u tipprojbixxi l-ġbir u l-użu ta’ data sensittiva. Sabiex jiġu żgurati effiċjenza u livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, l-Istati Membri huma meħtieġa li jiżguraw li awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza indipendenti u, b’mod partikolari, uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkunu responsabbli biex jagħtu pariri u jagħmlu monitoraġġ dwar il-mod li bih tiġi pproċessata d-data tal-PNR. L-ipproċessar kollu tad-data tal-PNR għandu jiġi rreġistrat jew iddokumentat għall-finijiet tal-verifika tal-legalità tiegħu, l-awtomonitoraġġ u sabiex tiġi żgurata integrità xierqa tad-data u tiżgura l-ipproċessar. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li lill-passiġġieri tingħatalhom informazzjoni ċara u preċiża dwar il-ġbir tad-data tal-PNR u dwar id-drittijiet tagħhom.”

23      L-Artikolu 1 tad-Direttiva PNR, bit-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.       Din id-Direttiva tipprevedi:

(a)      it-trasferiment mit-trasportaturi bl-ajru tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) ta’ passiġġieri ta’ titjiriet barra l-UE lejn,

(b)      l-ipproċessar tad-data msemmija fil-punt (a), inkluż il-ġbir, l-użu u ż-żamma tagħha mill-Istati Membri u l-iskambju tagħha bejn l-Istati Membri.

2.      Id-data tal-PNR miġbura f’konformità ma’ din id-Direttiva tista’ tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, kif previst fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 6(2).”

24      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal titjiriet ġewwa l-UE”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika din id-Direttiva għal titjiriet ġewwa l-UE, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub. Stat Membru jista’ jagħti jew jirrevoka tali notifika fi kwalunkwe mument. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik in-notifika u kwalunkwe revoka tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.      Fejn tingħata notifika msemmija fil-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal titjiriet ġewwa l-UE daqslikieku kienu titjiriet barra l-UE u għal data tal-PNR minn titjiriet ġewwa l-UE daqslikieku kienu data tal-PNR minn titjiriet barra l-UE.

3.      Stat Membru jista’ jiddeċiedi li japplika din id-Direttiva għal titjiriet magħżulin biss ġewwa l-UE. Meta jieħu tali deċiżjoni, l-Istat Membru għandu jagħżel it-titjiriet li huwa jqis neċessarji biex ifittex li jilħaq l-objettivi ta’ din id- Direttiva. L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jbiddel l-għażla ta’ titjiriet ġewwa l-UE fi kwalunkwe ħin.”

25      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘trasportatur bl-ajru’ tfisser impriża tat-trasport bl-ajru b’liċenzja tal-operat valida jew ekwivalenti li tippermettilha li twettaq ġarr ta’ passiġġieri bl-ajru;

(2)      ‘titjira barra l-UE’ tfisser kull titjira skedata jew mhux skedata minn trasportatur bl-ajru li jtir minn pajjiż terz u ppjanata li tinżel fit-territorju ta’ Stat Membru jew li jtir mit-territorju ta’ Stat Membru u ppjanata li tinżel f’pajjiż terz, li tinkludi fiż-żewġ każijiet titjiriet b’waqfa fit-territorju ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi;

(3)      ‘titjira ġewwa l-UE’ tfisser kull titjira skedata jew mhux skedata minn trasportatur bl-ajru li jtir mit-territorju ta’ Stat Membru u ppjanata li tinżel fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed ieħor jew aktar, mingħajr waqfa fit-territorju ta’ pajjiż terz;

(4)      ‘passiġġier’ tfisser kwalunkwe persuna, inklużi passiġġieri fi trasferiment jew fi tranżitu u esklużi membri tal-ekwipaġġ, li tinġarr jew li għandha tinġarr fuq inġenji tal-ajru bil-kunsens tat-trasportatur bl-ajru, u tali kunsens jintwera permezz tar-reġistrazzjoni ta’ dik il-persuna fil-lista tal-passiġġieri;

(5)      ‘reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri’ jew ‘PNR’ tfisser reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier li jinkludi informazzjoni meħtieġa biex tippermetti li l-prenotazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi bl-ajru tal-prenotazzjoni u tal-parteċipazzjoni għal kull vjaġġ ipprenotat minn jew f’isem persuna, kemm jekk inkluża [inkluż] fuq sistema ta’ prenotazzjoni, sistemi tal-kontroll tat-tluq, użati biex jiġu kkontrollati passiġġieri fuq titjiriet, jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu l-istess funzjonalitajiet;

(6)      ‘sistemi ta’ prenotazzjoni’ tfisser is-sistema interna tat-trasportatur bl-ajru, fejn tinġabar id-data tal-PNR għall-ġestjoni tal-prenotazzjonijiet;

(7)      ‘metodu push’ tfisser il-metodu fejn it-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR elenkata fl-Anness I fid-database tal-awtorità li tkun qed titlobha;

(8)      ‘reati terroristiċi’ tfisser ir-reati taħt il-liġi nazzjonali msemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/475];

(9)      ‘kriminalità serja’ tfisser ir-reati elenkati fl-Anness II, li huma punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu ta’ mill-inqas tliet snin taħt il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru;

(10)      ‘depersonalizzar billi jiġu mistura elementi tad-data’ tfisser li dawk l-elementi tad-data li jistgħu jservu biex jidentifikaw direttament is-suġġett tad-data jiġu mistura għall-utent.”

26      L-Artikolu 4 tad-Direttiva PNR, bit-titolu “Unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jinnomina awtorità kompetenti għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja u jew fergħa ta’ din l-awtorità, biex taġixxi bħala l-unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (‘PIU’) tiegħu.

2.      Il-PIU għandha tkun responsabbli għal:

(a)      il-ġbir tad-data tal-PNR minn trasportaturi bl-ajru, ħżin u l-ipproċessar ta’ dik id-data u t-trażmissjoni ta’ dik id-data jew tar-riżultat tal-ipproċessar tagħhom, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu7;

(b)      l-iskambju kemm tad-data tal-PNR kif ukoll tar-riżultat tal-ipproċessar ta’ dik id-data mal-PIUs ta’ Stati Membri oħrajn u mal-Europol skont l-Artikoli 9 u 10.

3.      Il-membri tal-persunal ta’ PIU jistgħu jiġu sekondati minn awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-PIUs b’riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom.”

27      L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fil-PIU” huwa fformulat kif ġej:

“1      Il-PIU għandha taħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data responsabbli għall-monitoraġġ tal-ipproċessar ta’ data tal-PNR u għall-implimentazzjoni ta’ salvagwardji rilevanti.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data l-mezzi biex iwettqu d-dmirijiet u l- kompiti tagħhom, b’mod effikaċi u indipendenti, b’konformità ma’ dan l-Artikolu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikkuntattja lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, bħala punt ta’ kuntatt uniku, dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-ipproċessar tad-data tal-PNR ta’ dak is-suġġett tad-data.”

28      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Ipproċessar tad-data tal-PNR”, jipprevedi:

“1.      Id-data tal-PNR trasferita mit-trasportaturi bl-ajru għandha tinġabar mill-PIU tal-Istat Membru rilevanti kif previst fl-Artikolu 8. Fejn id-data tal-PNR trasferita mit-trasportaturi bl-ajru tinkludi data minbarra dik elenkata fl-Anness I, il-PIU għandha tħassar tali data immedjatament u permanentement malli tasal.

2.      Il-PIU għandha tipproċessa d-data tal-PNR biss għall-finijiet li ġejjin:

(a)      it-twettiq ta’ valutazzjoni tal-passiġġieri qabel il-wasla skedata tagħhom fl-Istat Membru jew it-tluq mill-Istat Membru biex jiġu identifikati persuni li jeħtieġu analiżi ulterjuri mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7, u, fejn rilevanti, mill-Europol, b’konformità mal-Artikolu 10, fid-dawl tal-fatt li tali persuni jistgħu jkunu involuti f’reat terroristiku jew kriminalità serja;

(b)      tweġiba, każ b’każ, għal talba debitament motivata bbażata fuq raġunijiet suffiċjenti mill-awtoritajiet kompetenti biex tipprovdi u tipproċessa data tal-PNR f’każijiet speċifiċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja, u biex tipprovdi r-riżultati ta’ dan l-ipproċessar lill-awtoritajiet kompetenti jew, fejn adatt, lill-Europol; u

(c)      l-analizzar tad-data tal-PNR bil-għan li jiġu aġġornati jew jiġu stabbiliti kriterji ġodda biex jintużaw fil-valutazzjonijiet imwettqa taħt il-punt (b) tal-paragrafu 3 sabiex tiġi identifikata kwalunkwe persuna li tista’ tkun involuta f’reat terroristiku jew kriminalità serja.

3.      Fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2, il-PIU tista’:

(a)      tqabbel id-data tal-PNR ma’ databases rilevanti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, inklużi databases dwar persuni jew oġġetti mfittxija jew soġġetti għal allert, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, internazzjonali u dawk nazzjonali applikabbli għal tali databases; jew

(b)      tipproċessa d-data tal-PNR skont kriterji stabbiliti minn qabel.

4.      Kwalunkwe valutazzjoni ta’ passiġġieri qabel il-wasla skedata tagħhom fl-Istat Membru jew it-tluq mill-Istat Membru, imwettqa taħt il-punt (b) tal-paragrafu 3skont kriterji stabbiliti minn qabel, għandha titwettaq b’mod nondiskriminatorju. Dawk il-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom ikunu mmirati, proporzjonati u speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kriterji jiġu stabbiliti u jiġu rieżaminati b’mod regolari mill-PIU f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7. Il-kriterji fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jiġu bbażati fuq l-oriġini ta’ razza jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna.

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe riżultat pożittiv li jirriżulta minn ipproċessar awtomatizzat ta’ data tal-PNR imwettqa skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 jiġi rivedut individwalment b’mezzi mhux awtomatizzati biex ikun verifikat jekk l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 għandhiex bżonn tieħu azzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

6.      Il-PIU ta’ Stat Membru għandha tibgħat id-data tal-PNR tal-persuni identifikati skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta’ dik id-data għal aktar analiżi lill-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 7 tal-istess Stat Membru. Dawn it-trasferimenti għandhom isiru biss każ b’każ u, fl-eventwalità ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data tal-PNR, wara li jsir rieżami individwali b’mezzi mhux awtomatizzati.

7.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkollu aċċess għad-data kollha pproċessata mill-PIU. Jekk l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ kwalunkwe data ma kienx legali, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza.

[…]

9.      Il-konsegwenzi tal-valutazzjonijiet tal-passiġġieri msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jipperikolaw id-dritt ta’ dħul ta’ persuni li jgawdu d-dritt tal-Unjoni ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kif stabbilit fid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46)]. Barra minn hekk, fejn valutazzjonijiet jitwettqu fir-rigward ta’ titjiriet ġewwa l-UE bejn l-Istati Membri li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)], il-konsegwenzi ta’ tali valutazzjonijiet għandhom jikkonformaw ma’ dak ir-Regolament.”

29      Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva PNR, bit-titolu “Awtoritajiet kompetenti”:

“1.      Kull Stat Membru għandu jadotta lista tal-awtoritajiet kompetenti intitolati li jitolbu jew jirċievu data tal-PNR jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta’ dik id-data tal-PNR mill-PIU sabiex jeżaminaw aktar dik l-informazzjoni jew biex jieħdu azzjoni xierqa bil-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja.

2.      L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja.

[…]

4.      Id-data tal-PNR u r-riżultat tal-ipproċessar ta’ dik id-data tal-PNR riċevuti mill-PIU jistgħu jiġu pproċessati aktar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biss għall-finijiet speċifiċi tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja.

5.      Il-paragrafu 4 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-infurzar tal-liġi nazzjonali jew poteri ġudizzjarji ta’ meta reati oħra, jew indikazzjonijiet tagħhom, jiġu skoperti matul l-andament ta’ azzjoni tal-infurzar wara dan l-ipproċessar.

6.      L-awtoritajiet kompetenti ma għadhom jieħdu l-ebda deċiżjoni li tipproduċi effett legali negattiv fuq persuna jew li taffettwah b’mod sinifikattiv sempliċiment minħabba l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR. Tali deċiżjonijiet ma għandhomx jittieħdu abbażi tar-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna.”

30      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Obbligi fuq it-trasportaturi bl-ajru rigward it-trasferimenti tad-data”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu, permezz tal-‘metodu push’, id-data tal-PNR elenkat fl-Anness I, sa fejn huma jkunu diġà ġabru tali data fl-attivitajiet normali tagħhom, għad-database tal-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ser tinżel it-titjira jew li mit-territorju tiegħu ser titlaq it-titjira. Meta t-titjira għandha l-kodiċi kondiviż bejn trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar, l-obbligu għat-trasferiment tad-data tal-PNR tal-passiġġieri kollha fuq it-titjira għandu jkun fuq it-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira. Meta titjira barra l-UE jkollha waqfa waħda jew aktar f’ajruporti ta’ Stati Membri, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-PNR tal-passiġġieri kollha lill-PIU tal-Istati Membri kollha kkonċernati. Dan japplika wkoll meta titjira ġewwa l-UE jkollha waqfa waħda jew aktar fl-ajruporti ta’ Stati Membri differenti, iżda fir-rigward biss tal-Istati Membri li qed jiġbru d-data tal-PNR minn titjiriet ġewwa l-UE.

2.      Fl-eventwalità li t-trasportaturi bl-ajru jkunu ġabru xi [data API] elenkata taħt il-punt 18 tal-Anness I iżda ma jżommux dik id-data bl-istess mezzi tekniċi bħal dawk għal data tal-PNR, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu, permezz tal-‘metodu push’, wkoll dik id-data lill-PIU tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1. Fl-eventwalità ta’ tali trasferiment, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw fir-rigward ta’ dik id-data tal-API.

3.      It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-PNR b’mezzi elettroniċi bl-użu ta’ protokolli komuni u formati aċċettati tad-data li jkunu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2) jew, fil-każ ta’ ħsara teknika, bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà tad-data:

(a)      24 sa 48 siegħa qabel il-ħin skedat għat-tluq tat-titjira; u

(b)      minnufih wara l-għeluq tat-titjira, jiġifieri hekk kif il-passiġġieri jkunu telgħu fuq l-inġenju tal-ajru lest għat-tluq u ma jkunx għadu possibbli li passiġġieri jitilgħu abbord jew jinżlu.”

31      L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Perijodu ta’ żamma tad-data u depersonalizzazzjoni”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data tal-PNR ipprovduta mit-trasportaturi bl-ajru lill-PIU tinżamm f’bażi tad-data fil-PIU għal perijodu ta’ ħames snin wara t-trażmissjoni tagħha lill-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu t-titjira tkun ser tinżel jew li minnu tkun ser titlaq.

2.      Wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment tad-data tal-PNR kif imsemmi fil-paragrafu 1, id-data tal-PNR kollha għandha tiġi depersonalizzata billi jiġu mistura l-elementi tad-data li ġejjin li jistgħu jservu biex jidentifikaw direttament il-passiġġier li miegħu hija relatata d-data tal-PNR:

(a)      isem/ismijiet, inklużi l-ismijiet ta’ passiġġieri oħra fuq il-PNR u l-għadd ta’ vjaġġaturi fuq il-PNR li jivvjaġġaw flimkien;

(b)      indirizz u informazzjoni dwar il-kuntatt;

(c)      il-forom kollha ta’ informazzjoni dwar il-ħlas, inkluż l-indirizz tal-ħruġ tal-kontijiet, sa fejn ikun fihom xi informazzjoni li tista’ sservi biex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li għalih jirreferi l-PNR jew kwalunkwe persuna oħra;

(d)      informazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss;

(e)      kummenti ġenerali sa fejn huma jkun fihom xi informazzjoni li tista’ sservi biex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li għalih huwa relatat l-PNR; u

(f)      kwalunkwe data tal-API li tkun ġiet miġbura.

3.      Mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 2, l-iżvelar tad-data sħiħa tal-PNR għandu jkun permess biss fejn:

(a)      jitwemmen raġonevolment li dan huwa meħtieġ għall-finijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(2) u

(b)      ikun approvat minn:

(i)      awtorità ġudizzjarja; jew

(ii)      awtorità nazzjonali kompetenti oħra skont il-liġi nazzjonali biex tivverifika jekk il-kondizzjonijiet għall-iżvelar humiex issodisfati, soġġett għall-kondizzjoni li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-PIU jiġi informat u li ssir analiżi ex post minn dak l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data tal-PNR titħassar b’mod permanenti mal-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-paragrafu 1. Dan l-obbligu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn data speċifika tal-PNR ġiet trasferita lil awtorità kompetenti u intużat fil-kuntest ta’ każijiet speċifiċi għall-finijiet ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja, f’liema każ iż-żamma ta’ tali data mill-awtorità kompetenti għandha tiġi regolata mil-liġi nazzjonali.

5.      Ir-riżultat tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) għandu jinżamm mill-PIU biss sakemm ikun meħtieġ biex jiġu informati l-awtoritajiet kompetenti u biex jiġu informati Stati Membri oħra b’riżultat pożittiv skont l-Artikolu 9(1). Fejn ir-riżultat ta’ pproċessar awtomatizzat, wara analiżi individwali minn mezzi mhux awtomatizzati kif imsemmija fl-Artikolu 6(5), ikun ġie ppruvat li huwa negattiv, jista’, madankollu, jinħażen sabiex jiġu evitati riżultati pożittivi ‘foloz’ futuri sakemm id-data sottostanti ma tkunx tħassret taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”

32      L-Artikolu 13 tad-Direttiva PNR, bit-titolu “Protezzjoni tad-data personali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 5 tiegħu:

“1.      Kull Stat Membru għandu jipprevedi li, fir-rigward tal-ipproċessar kollu tad-data personali skont din id-Direttiva, kull passiġġier għandu jkollu l-istess dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu, drittijiet ta’ aċċess, ta’ rettifika, ta’ tħassir u ta’ restrizzjoni u drittijiet għall-kumpens u riżarċiment ġudizzjarju kif stipulat fil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 17, 18, 19 u 20 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/977]. Dawk l-Artikoli għandhom għalhekk japplikaw.

2.      Kull Stat Membru għandu jipprevedi li d-dispożizzjonijiet adottati taħt il-liġi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 21 u 22 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/977] dwar il-kunfidenzjalità tal-ipproċessar u s-sigurtà tad-data għandhom japplikaw għall-ipproċessar kollu tad-data personali skont din id-Direttiva.

3.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà tad-Direttiva[95/46] għall-ipproċessar ta’ data personali minn trasportaturi bl-ajru, b’mod partikolari l-obbligi tagħhom li jieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jipproteġu s-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta’ data personali.

4.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data tal-PNR li tiżvela r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew twemmin filosofiku, is-sħubija ma’ trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l- orjentazzjoni sesswali ta’ persuna. F’każ li data tal-PNR li tiżvela tali informazzjoni tasal għand il-PIU, din għandha titħassar minnufih.

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PIUs iżommu dokumentazzjoni relatati mas-sistemi u l-proċeduri kollha ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dik id-dokumentazzjoni għandu jkun fiha mill-anqas:

(a)      l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni u l-persunal fil-PIU inkarigati bl-ipproċessar tad-data tal-PNR u l-livelli differenti ta’ awtorizzazzjoni għall-aċċess;

(b)      it-talbiet magħmula mill-awtoritajiet kompetenti u l-PIU ta’ Stati Membri oħra;

(c)      it-talbiet għal u t-trasferimenti kollha ta’ data tal-PNR lil pajjiż terz.

Il-PIU għandha tagħmel id-dokumentazzjoni kollha disponibbli, fuq talba, lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza.”

33      Skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza”:

“1.      Kull Stat Membru għandu jipprevedi li l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/977] għandha tkun responsabbli għan-notifika u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont din id-Direttiva. L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/977] għandu japplika.

2.      Dawk l-awtoritajiet tas-sorveljanza nazzjonali għandhom iwettqu l-attivitajiet taħt il-paragrafu 1 bil-ħsieb li jipproteġu d-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

3.      Kull awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha:

(a)      tittratta lmenti mressqa minn kwalunkwe suġġett tad-data, tinvestiga l-kwistjoni u tinforma lis-suġġetti tad-data dwar il-progress u l-eżitu tal-ilmenti tagħhom f’perijodu ta’ żmien raġonevoli;

(b)      tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-data, twettaq investigazzjonijiet, spezzjoni u awditjar f’konformità mal-liġi nazzjonali, jew fuq l-inizzjattiva tagħha inkella fuq il-bażi ta’ lment imsemmi fil-punt (a).

4.      Kull awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandha, fuq talba, tagħti parir lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.”

34      L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Analiżi” jipprevedi:

“1.      Fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri, inkluża l-informazzjoni statistika msemmija fl-Artikolu 20(2), il-Kummissjoni għandha sal‑25 ta’ Mejju 2020, twettaq analiżi tal-elementi kollha ta’ din id-Direttiva u tissottometti u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea].

2.      Fit-twettiq tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lil:

(a)      konformità mal-istandards applikabbli ta’ protezzjoni tad-data personali,

(b)      in-neċessità u l-proporzjonalità tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data tal-PNR għal kull wieħed mill-finijiet stabbiliti f’din id-Direttiva,

(c)      it-tul tal-perijodu taż-żamma tad-data,

(d)      l-effettività tal-iskambu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, u

(e)      lill-kwalità tal-valutazzjonijiet inkluż fir-rigward tal-informazzjoni statistika miġbura skont l-Artikolu 20.

3.      Ir-rapport imsemmi fil paragrafu 1 għandu jinkludi wkoll analiżi tan-neċessità, il-proporzjonalità, u l-effettività tal-inklużjoni fl-ambitu ta’ din id-Direttiva l-ġbir obbligatorju u t-trasferiment ta’ data tal-PNR relatati mat-titjiriet kollha ġewwa l-UE jew selezzjoni minnhom. Il-Kummissjoni għandha tieħu b’kont meħud tal-esperjenza miksuba mill-Istati Membri, speċjalment dawk l-Istati Membri li japplikaw din id-Direttiva għat-titjiriet ġewwa l-UE skont l-Artikolu 2. Ir-rapport għandu jikkunsidra ukoll in-neċessità ta’ inklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi li mhumiex trasportaturi bl-ajru fl-ambitu ta’ din id-Direttiva.

4.      Jekk adatt, fid-dawl tal-analiżi mwettqa skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb li tiġi emendata din id-Direttiva.”

35      L-Artikolu 21 tal-istess direttiva, bit-titolu “Relazzjoni ma’ strumenti oħra”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà tad-Direttiva [95/46] għall-ipproċessar ta’ data personali minn operaturi tal-ajru.”

36      L-Anness I tad-Direttiva PNR, bit-titolu “Data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri sa fejn miġbura mit-trasportaturi bl-ajru”, jipprovdi:

“1.      Lokalizzatur tar-reġistru tal-PNR

2.      Data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett

3.      Data(i) tal-ivvjaġġar ippjanat

4.      Isem(ismijiet)

5.      Indirizz u informazzjoni tal-kuntatt (numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika)

6.      Il-forom kollha tal-informazzjoni dwar il-ħlas, inkluż l-indirizz fejn jintbagħat il-kont

7.      Itinerarju sħiħ tal-ivvjaġġar għall-PNR speċifika

8.      Informazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss

9.      Aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar

10.      Status tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, inklużi konfermi, status taċ-check‑in, informazzjoni dwar in-nuqqas jew il-preżenza

11.      Informazzjoni tal-PNR mifruda/maqsuma

12.      Kummenti ġenerali (inkluża l-informazzjoni kollha disponibbli fuq minuri mhux akkumpanjati taħt it‑18‑il sena, bħall-isem u s-sess tal-minuri, l-età, l-ilsien (ilsna) mitkellem (mitkellma), l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mat-tluq u r-relazzjoni mal-minuri, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mal-wasla u r-relazzjoni mal-minuri, l-aġent tat-tluq u tal-wasla)

13.      Informazzjoni fil-qasam tal-biljetti, inkluż in-numru tal-biljett, id-data tal-ħruġ tal-biljett u biljetti lejn direzzjoni waħda, spazji tal-automated ticket fare quote

14.      Numru tal-post u informazzjoni oħra dwar il-post

15.      Informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi

16.      L-informazzjoni kollha dwar il-bagalji

17.      Numru u ismijiet oħra tal-vjaġġaturi fuq il-PNR

18.      Kwalunkwe data rigward informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) (inkluż it-tip, numru, pajjiż tal-ħruġ u data tal-iskadenza ta’ kwalunkwe dokument ta’ identità, ċittadinanza, isem tal-familja, isem mogħti, sess, data tat-twelid, linja tal-ajru, numru tat-titjira, data tat-tluq, data tal-wasla, port tat-tluq, port tal-wasla, ħin tat-tluq u l-ħin tal-wasla)

19.      Il-bidliet storiċi kollha tal-PNR elenkati taħt in-numri 1 sa 18.”

37      L-Anness II ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Lista ta’ reati msemmijin fil-punt (9) tal-Artikolu 3” huwa fformulat kif ġej:

“1.      parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

2.      traffikar tal-bnedmin,

3.      sfruttament sesswali ta’ tfal u pedopornografija,

4.      traffikar illeċitu fid-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi,

5.      traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjon u splussivi,

6.      korruzzjoni,

7.      frodi, inkluża dik kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,

8.      ħasil ta’ rikavati minn kriminalità u falsifikazzjoni ta’ munita, inkluż l-euro,

9.      kriminalità relatata mal-informatika/ċiberkriminalità,

10.      kriminalità ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċi ta’ annimali fil-periklu li jinqerdu u ta’ speċi ta’ pjanti u varjetajiet fil-periklu li jinqerdu,

11.      faċilitazzjoni tad-dħul u tar-residenza mhux awtorizzati,

12.      qtil, offiżi fiżiċi gravi fuq il-persuna,

13.      kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem,

14.      ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u teħid ta’ ostaġġi,

15.      serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,

16.      traffikar illeċitu f’beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri tal-arti,

17.      falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti,

18.      falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar ta’ dawn,

19.      traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi oħra tat-tkabbir,

20.      traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjoattivi,

21.      stupru,

22.      kriminalità fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

23.      ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru/bastimenti,

24.      sabutaġġ,

25.      traffikar ta’ vetturi misruqa,

26.      spjunaġġ industrijali.”

7.      IdDeċiżjoni Qafas 2002/475

38      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475 kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “reat terroristiku” billi jelenka numru ta’ atti intenzjonali, previsti fl-Artikolu 1(a) sa (i), imwettqa bil-għan li “jintimidaw b’mod serju lill-popolazzjoni”, li “b’mod illeċitu iġiegħlu lill-Gvern jew organizzazzjoni internazzjonali li jagħmlu jew jonqsu milli tagħmel xi att” jew li “jidestabilizzaw jew ikissru l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiz jew organizzazzjoni internazzjonali”. L-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas kienu jiddefinixxu, rispettivament, il-kunċetti ta’ “reati relatati ma’ grupp terroristiku” u ta’ “reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi”. L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas kien jirregola l-kriminalizzazzjoni tal-inċitazzjoni u tal-kompliċità għat-twettiq ta’ dawn ir-reati kif ukoll tat-tentattiv tat-twettiq tagħhom.

39      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/475 tħassret permezz tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6), li l-Artikoli 3 sa 14 tagħha jinkludu definizzjonijiet analogi.

B.      Iddritt Belġjan

1.      IlKostituzzjoni

40      L-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ħlief fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

Il-liġi, id-digriet jew ir-regola previsti fl-Artikolu 134 jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ dan id-dritt.”

2.      IlLiġi tal25 ta’ Diċembru 2016

41      L-Artikolu 2 tal-loi du 25 décembre 2016, relative au traitement des données des passagers (il-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 dwar l-Ipproċessar tad-Data tal-Passiġġieri, Moniteur belge tal‑25 ta’ Jannar 2017, p. 12905, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016”), huwa fformulat kif ġej:

“Din il-liġi u d-digrieti rjali, li għandhom jiġu adottati b’implimentazzjoni ta’ din il-liġi, jittrasponu d-[Direttiva API] u d-[Direttiva PNR]. Din il-liġi u d-digriet irjali dwar is-settur marittimu jittrasponu parzjalment id-Direttiva [2010/65].”

42      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“§ l.      Din il-liġi tiddetermina l-obbligi tat-trasportaturi u tal-operaturi tal-ivvjaġġar relatati mat-trażmissjoni tad-data tal-passiġġieri għad-destinazzjoni ta’, ġejjin minn u li jkunu qegħdin jgħaddu mit-territorju nazzjonali.

§ 2.      Ir-Re għandu jiddetermina permezz ta’ digriet iddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri fir-rigward ta’ kull settur ta’ trasport u għall-operaturi tal-ivvjaġġar, id-data tal-passiġġieri li għandha tiġi trażmessa u l-modalitajiet ta’ trażmissjoni tagħha, wara opinjoni tal-Commission de la protection de la vie privée (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata).”

43      L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi u tad-digrieti ta’ implimentazzjoni tagħha, id-definizzjonijiet sussegwenti għandhom japplikaw:

[…]

(8)      ‘is-servizzi kompetenti’: is-servizzi previsti fl-Artikolu 14, § 1, 2°;

(9)      ‘PNR’: ir-reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier, li jinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 9, meħtieġa għall-ipproċessar u għall-kontroll tar-riżervazzjonijiet mit-trasportaturi u mill-operaturi tal-ivvjaġġar ikkonċernati li jiżguraw ir-riżervazzjonijiet, għal kull vjaġġ irriżervat minn persuna jew f’isimha, irrispettivament minn jekk dan ir-reġistru jinsabx f’sistemi ta’ riżervazzjoni, f’sistemi ta’ kontroll tat-tluq (użati għall-kontroll tal-passiġġieri waqt l-imbarkament) jew f’sistemi ekwivalenti li joffru l-istess funzjonalitajiet;

(10)      ‘passiġġier’: kull persuna, inkluża persuna fi trasferiment jew fi tranżitu u bl-eċċezzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ, ittrasportata jew li għandha tiġi ttrasportata mit-trasportatur, bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar, liema kunsens huwa muri permezz tar-reġistrazzjoni ta’ din il-persuna fil-lista tal-passiġġieri;

[…]”

44      L-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 jipprovdi:

“§ l.      Id-data tal-passiġġieri għandha tiġi pproċessata għall-finijiet:

1°      tat-tfittixija u tal-prosekuzzjoni, inkluż l-eżekuzzjoni tal-pieni jew tal-miżuri li jirrestrinġu l-libertà, relatati mar-reati msemmija fl-Artikolu 90ter, § 2 […] 7°, […] 8°, […] 11°, […] 14°, […] 17°, 18°, 19°, u § 3, tal-Code d’instruction criminelle (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali);

2°      tat-tfittxija u tal-prosekuzzjoni, inkluż l-eżekuzzjoni tal-pieni jew tal-miżuri li jirrestrinġu l-libertà, relatati mar-reati msemmija fl-Artikoli 196, fir-rigward tar-reati ta’ falsifikazzjoni ta’ skritturi awtentiċi u pubbliċi, 198, 199, 199bis, 207, 213, 375 u 505 tal-Code pénal (il-Kodiċi Kriminali);

[…]

4°      tal-monitoraġġ tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 7, 1° u 3°/1, u 11, § ler, 1° sa 3° u 5°, tal-loi du 30 novembre 1998 organique des services de renseignement et de sécurité (il-Liġi tat‑30 ta’ Novembru 1998 Bażika tas-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà);

5°      tat-tfittxija u tal-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikolu 220, § 2, tal-loi générale sur les douanes et accises du 18 juillet 1977 (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa tat‑18 ta’ Lulju 1977) u fl-Artikolu 45(3) tal-loi du 22 décembre 2009 relative au régime général d’accise (il-Liġi tat‑22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-Sistema Ġenerali tad-Dazju tas-Sisa) […].

§ 2.      Taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 11, id-data tal-passiġġieri għandha tiġi pproċessata wkoll għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli tal-persuni fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali”.

45      Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 14 ta’ din il-liġi:

Il-PIU għandha tkun komposta:

[…]

2°      minn membri kkollokati mis-servizzi kompetenti li ġejjin:

a)      id-dipartimenti tal-pulizija koperti mil-loi du 7 décembre 1998 organisant un service de police intégré, structuré à deux niveaux (il-Liġi tas‑7 ta’ Diċembru 1998 li torganizza servizz tal-pulizija integrat, strutturat fuq żewġ livelli);

b)      is-Sûreté de l’État (is-Sigurtà tal-Istat) koperta mil-Liġi tat‑30 ta’ Novembru 1998 Bażika tas-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà;

c)      is-Service général de Renseignement et de Sécurité (is-Servizzi Ġenerali tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà) kopert mil-Liġi tat‑30 ta’ Novembru 1998 Bażika tas-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà;

[…]”

46      L-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi, li jinsab fit-Taqsima 1, bit-titolu “L-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri”, tal-Kapitolu 10 tal-istess liġi, dwar l-ipproċessar tad-data, huwa fformulat kif ġej:

“§ 1.      Id-data tal-passiġġieri għandha tiġi pproċessata bil-għan li ssir evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri qabel il-wasla tagħhom, it-tluq tagħhom jew it-tranżitu tagħhom previst fit-territorju nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat liema persuni għandhom jiġu suġġetti għal eżami iktar fil-fond.

§ 2.      Fil-kuntest tal-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 8, § l, 1°, 4° u 5°, jew relatati mat-theddid imsemmi fl-Artikolu 8, 1°, a), b), c), d), f), g), u 11, § 2, tal-Liġi tat‑30 ta’ Novembru 1998 Bażika tas-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà, l-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri għandha tkun ibbażata fuq korrispondenza pożittiva, li tkun tirriżulta minn korrelazzjoni tad-data tal-passiġġieri ma’:

1°      id-databanks amministrati mid-dipartimenti kompetenti jew li huma direttament disponibbli jew aċċessibbli għalihom fil-kuntest tal-missjonijiet tagħhom jew ma’ listi ta’ persuni redatti mid-dipartimenti kompetenti fil-kuntest tal-missjonijiet tagħhom.

2°      il-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel mill-PIU, imsemmija fl-Artikolu 25.

§ 3.      Fil-kuntest tal-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 8, § l, 3°, l-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri għandha tkun ibbażata fuq korrispondenza pożittiva, li tkun tirriżulta minn korrelazzjoni tad-data tal-passiġġieri mad-databanks imsemmija fil-§ 2, 1°.

§ 4.      Il-korrispondenza pożittiva għandha tiġi vvalidata mill-PIU fi żmien 24 siegħa minn meta din tirċievi n-notifika awtomatizzata tal-korrispondenza pożittiva.

§ 5.      Mill-mument ta’ din il-validazzjoni, id-dipartiment kompetenti, li minnu toriġina din il-korrispondenza pożittiva, għandu jieħu azzjoni sussegwenti mill-iktar fis possibbli.”

47      Il-Kapitolu 11 tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016, bit-titolu “L-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri għall-finijiet tat-titjib tal-kontroll fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali”, jinkludi l-Artikoli 28 sa 31 tagħha.

48      L-Artikolu 28 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“§ 1.      Dan il-kapitolu japplika għall-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri mid-dipartimenti tal-pulizija responsabbli għall-kontroll fil-fruntieri u mill-Office des étrangers (l-Uffiċċju tal-Barranin) għall-finijiet tat-titjib tal-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni u għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

§ 2.      Dan japplika bla ħsara għall-obbligi li għandhom id-dipartimenti tal-pulizija responsabbli għall-kontroll fil-fruntieri u li għandu l-Uffiċċju tal-Barranin li jittrażmettu data personali jew informazzjoni skont dispożizzjonijiet legali jew regolamentari.”

49      Skont l-Artikolu 29 tal-imsemmija liġi:

“§ 1.      Għall-finijiet previsti fl-Artikolu 28, § 1, id-data tal-passiġġieri hija trażmessa lid-dipartimenti tal-pulizija responsabbli mill-kontroll fil-fruntieri u lill-Uffiċċju tal-Barranin sabiex huma jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti legali tagħhom, fil-limiti previsti f’dan l-artikolu.

§ 2.      Biss id-data tal-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 9, § 1, 18°, li tirrigwarda l-kategoriji ta’ passiġġieri sussegwenti għandha tiġi trażmessa:

1°      il-passiġġieri li għandhom il-ħsieb li jidħlu jew li daħlu fit-territorju permezz tal-fruntieri esterni tal-Belġju;

2°      il-passiġġieri li għandhom il-ħsieb jitilqu jew li telqu mit-territorju permezz tal-fruntieri esterni tal-Belġju;

3°      il-passiġġieri li għandhom il-ħsieb jgħaddu minnu, jinsabu fi jew għaddew minn żona internazzjonali ta’ tranżitu li tinsab fil-Belġju.

§ 3.      Id-data tal-passiġġieri msemmija fil-§ 2 għandha tiġi trażmessa lid-dipartimenti tal-pulizija responsabbli mill-kontroll fil-fruntieri esterni tal-Belġju immedjatament wara r-reġistrazzjoni tagħha fid-databank tal-passiġġieri. Dawn għandhom iżommu din id-data f’fajl temporanju u għandhom jeqirduha fi żmien 24 siegħa wara t-trażmissjoni tagħha.

§ 4.      Meta l-Uffiċċju tal-Barranin jkollu bżonnha sabiex iwettaq il-kompiti legali tiegħu, id-data tal-passiġġieri msemmija fil-§ 2 għandha tiġi trażmessa lill-Uffiċċju tal-Barranin immedjatament wara r-reġistrazzjoni tagħha fid-database tal-passiġġieri. Huwa għandu jżomm din id-data f’fajl temporanju u għandu jeqridha fi żmien 24 wara t-trażmissjoni tagħha.

Jekk mal-iskadenza ta’ dan il-perijodu, l-aċċess għad-data tal-passiġġieri msemmija fil-§ 2 ikun neċessarju fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti legali tiegħu, l-Uffiċċju tal-Barranin għandu jressaq talba debitament motivat lill-PIU.

[…]”

50      Il-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 saret applikabbli għall-kumpanniji tal-ajru, għat-trasportaturi li jipprovdu servizz internazzjonali ta’ trasport tal-vjaġġaturi (trasportaturi HST) u għall-intermedjarji tal-ivvjaġġar li jkollhom kuntratt ma’ dawn it-trasportaturi (distributuri ta’ biljetti HST), kif ukoll għat-trasportaturi bil-karozzi tal-linja, rispettivament, permezz tal-arrêté royal du 18 juillet 2017 relatif à l’exécution de la loi du 25 décembre 2016, reprenant les obligations pour les compagnies aériennes (id-Digriet Irjali tat‑18 ta’ Lulju 2017 dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016, li Jirriproduċi l-Obbligi għall-Kumpanniji tal-Ajru, Moniteur belge tat‑28 ta’ Lulju 2017, p. 75934), permezz tal-arrêté royal du 3 février 2019 relatif à l’exécution de la loi du 25 décembre 2016, reprenant les obligations pour les transporteurs HST et distributeurs de tickets HST (id-Digriet Irjali tat‑3 ta’ Frar 2019 dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016, li Jirriproduċi l-Obbligi għat-Trasportaturi HST u għad-Distributuri ta’ biljetti HST, Moniteur belge tat‑12 ta’ Frar 2019, p. 13018), u permezz tal-arrêté royal du 3 février 2019 relatif à l’exécution de la loi du 25 décembre 2016, reprenant les obligations pour les transporteurs par bus (id-Digriet Irjali tat‑3 ta’ Frar 2019 dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016, li Jirriproduċi l-Obbligi għat-Trasportaturi bil-Karozzi tal-Linja, Moniteur belge tat‑12 ta’ Frar 2019, p. 13023).

II.    Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

51      Permezz ta’ rikors tal‑24 ta’ Lulju 2017, il-Ligue des droits humains ippreżentat quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) kawża intiża għall-annullament totali jew parzjali tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016.

52      Il-qorti tar-rinviju tindika li din il-liġi tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, id-Direttiva PNR u d-Direttiva API kif ukoll, parzjalment, id-Direttiva 2010/65. Mix-xogħol preparatorju tal-imsemmija liġi jirriżulta li din hija intiża li “toħloq kuntest legali li jobbliga lil diversi setturi tat-trasport internazzjonali tal-persuni (bl-ajru, bil-ferrovija, bit-triq internazzjonali u bil-baħar), u lil operaturi tal-ivvjaġġar jittrażmettu d-data tal-passiġġieri tagħhom lil databank amministrat mis-[Service public fédéral intérieur (Servizz Pubbliku Federali Intern (il-Belġju)]”. Il-leġiżlatur nazzjonali ppreċiża wkoll li l-iskopijiet tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 jaqgħu taħt tliet kategoriji, jiġifieri, l-ewwel, il-prevenzjoni u l-iskoperta tar-reati kriminali, l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, it-tieni, il-kompiti tas-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà u, it-tielet, it-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

53      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Ligue des droits humains tressaq żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 23 tar-RĠPD, mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 8 tal-KEDB u, it-tieni wieħed, invokat sussidjarjament, fuq ksur ta’ dan l-Artikolu 22, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) TUE u mal-Artikolu 45 tal-Karta.

54      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Ligue des droits humains issostni, essenzjalment, li din il-liġi timplika ndħil fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, li ma huwiex konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija liġi u d-definizzjoni tad-data miġbura, li tista’ tiżvela informazzjoni sensittiva, huma wiesgħa wisq. Bl-istess mod, il-kunċett ta’ “passiġġier”, fis-sens tal-istess liġi, jippermetti pproċessar awtomatizzat sistematiku, mhux immirat, tad-data tal-passiġġieri kollha. Barra minn hekk, in-natura u l-modalitajiet tal-metodu ta’ pre‑screening kif ukoll id-databases li magħhom din id-data hija pparagunata, ladarba tiġi trażmessa, ma humiex iddeterminati b’mod suffiċjentement ċar. Iktar minn hekk, il-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 trid tilħaq skopijiet differenti minn dawk tad-Direttiva PNR. Fl-aħħar, il-perijodu ta’ ħames snin previst minn din il-liġi għaż-żamma tal-imsemmija data huwa sproporzjonat.

55      Permezz tat-tieni motiv tagħha, li jirrigwarda l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 8(2) u l-Artikoli 28 sa 31 tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016, il-Ligue des droits humains issostni li, billi jestendu s-sistema prevista mid-Direttiva PNR għat-trasport ġewwa l-UE, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-effett li jistabbilixxu mill-ġdid b’mod indirett kontrolli fil-fruntieri interni li jmorru kontra l-moviment liberu tal-persuni. Fil-fatt, meta persuna tkun tinsab fit-territorju Belġjan, kemm jekk mal-wasla tagħha, mat-tluq tagħha jew waqt waqfa, id-data tagħha tinġabar awtomatikament.

56      Il-Kunsill tal-Ministri jikkontesta dan l-argument. Huwa jqis, b’mod partikolari, li l-ewwel motiv huwa inammissibbli inkwantu dan jirrigwarda r-RĠPD, li ma huwiex applikabbli għal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016. Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data previst minn din il-liġi, skont id-Direttiva PNR, jikkostitwixxi għodda essenzjali fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità kbira, u l-miżuri li jirriżultaw mill-imsemmija liġi huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti u huma proporzjonati.

57      Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar l-applikabbiltà tal-protezzjoni prevista mir-RĠPD għall-ipproċessar tad-data stabbilit mil-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016, li hija intiża li timplimenta, prinċipalment, id-Direttiva PNR. Dik il-qorti tirrileva, sussegwentement, billi tirreferi għall-ġurisprudenza li tirriżulta mill-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592), li d-definizzjoni tad-data PNR, li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 3 u kif ukoll fl-Anness I ta’ din id-direttiva, tista’, minn naħa, ma tkunx ċara u preċiża biżżejjed, minħabba n-natura mhux eżawrjenti tad-deskrizzjoni ta’ xi wħud minn din id-data inkluża f’dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, twassal b’mod indirett għall-iżvelar ta’ data sensittiva. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “passiġġier” li tinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jista’ jkollha bħala konsegwenza li l-ġbir, it-trasferiment, l-ipproċessar u ż-żamma tad-data PNR ikunu jikkostitwixxu obbligi ġenerali u mingħajr distinzjoni, li japplikaw għal kull persuna ttrasportata jew li għandha tiġi ttrasportata u inkluża fil-lista tal-passiġġieri, indipendentement mill-eżistenza ta’ raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li din il-persuna wettqet jew hija fil-punt li twettaq reat jew li hija kienet instabet ħatja ta’ reat.

58      L-imsemmija qorti tosserva wkoll li d-data PNR, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR, hija sistematikament suġġetta għal evalwazzjoni minn qabel li tinvolvi kontroriferimenti ma’ databases jew ma’ kriterji stabbiliti minn qabel, bil-għan li jiġu stabbiliti korrispondenzi. Issa, il-Kumitat Konsultattiv tal-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa indika, fl-Opinjoni tiegħu tad‑19 ta’ Awwissu 2016 dwar l-implikazzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-data tal-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri (T‑PD (2016) 18rev), li l-ipproċessar tad-data personali jikkonċerna lill-passiġġieri kollha u mhux biss lill-individwi mmirati, issuspettati li jkunu involuti f’reat kriminali jew li jikkostitwixxu theddida immedjata għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, u li d-data PNR tista’ mhux biss tiġi pparagunata (“data matching”) ma’ databases iżda tista’ wkoll tiġi pproċessata permezz ta’ esplorazzjoni (“data mining”) bl-użu ta’ seletturi jew ta’ algoritmi predikattivi, bil-għan li jiġi identifikat kull minn jista’ jkun involut jew jipparteċipa f’attivitajiet kriminali, peress li tali evalwazzjoni tal-passiġġieri permezz ta’ korrispondenza ta’ data tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prevedibbiltà, b’mod partikolari meta din titwettaq abbażi ta’ algoritmi predikattivi li jużaw kriterji dinamiċi li jistgħu kontinwament jevolvu skont il-kapaċitajiet ta’ tagħlim awtomatiku tagħhom. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm il-kriterji stabbiliti minn qabel li jservu għad-determinazzjoni tal-profili ta’ riskju għandhom ikunu speċifiċi, affidabbli u nondiskriminatorji, konformement mal-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592), jidher teknikament impossibbli li dawn il-kriterji jiġu ddefiniti iktar.

59      Fir-rigward tal-perijodu ta’ żamma ta’ ħames snin u tal-aċċess għad-data prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva PNR, dik il-qorti tirrileva li l-Commission de la protection de la vie privée (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata, il-Belġju), fl-avis d’initiative [tagħha] no 01/2010 du 13 janvier 2010 relatif au projet de loi portant assentiment à l’accord PNR UE‑États‑Unis d’Amérique (l-Opinjoni ta’ Inizjattiva Nru 01/2010 tat‑13 ta’ Jannar 2010 dwar l-Abbozz ta’ Liġi li Jirratifika l-Ftehim PNR UE‑Stati Uniti tal-Amerika), qieset li, meta l-perijodu ta’ żamma jkun twil u meta d-data tkun maħżuna b’mod massiv, ir-riskju ta’ tfassil tal-profil tal-persuni kkonċernati jiżdied, bħal dak tal-użu ħażin ta’ din id-data għal skopijiet differenti minn dawk previsti inizjalment. Barra minn hekk, mill-Opinjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2016 tal-Kumitat Konsultattiv tal-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa jirriżulta li data moħbija xorta waħda tippermetti li l-persuni jiġu identifikati u tibqa’ għalhekk data personali u li ż-żamma tagħha għandha tkun limitata ratione temporis sabiex tiġi evitata sorveljanza permanenti ġġeneralizzata.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mill-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sistema ta’ ġbir, ta’ trasferiment, ta’ pproċessar u ta’ żamma tad-data PNR stabbilita mid-Direttiva PNR tistax titqies bħala li tosserva l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Dik il-qorti tqis li għandu wkoll jiġi ddeterminat jekk din id-direttiva tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ipproċessar tad-data PNR għal skop differenti minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva u jekk komunikazzjoni ta’ din id-data kollha wara d-depersonalizzazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 12 tal-istess direttiva, tistax tiġi approvata minn awtorità nazzjonali bħall-PIU maħluqa mil-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016.

61      Fir-rigward tat-tieni motiv, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jiddetermina l-obbligi tat-trasportaturi u tal-operaturi tal-ivvjaġġar relatati mat-trażmissjoni tad-data tal-passiġġieri “għad-destinazzjoni ta’, ġejjin minn u li jkunu qegħdin jgħaddu mit-territorju nazzjonali”. Dik il-qorti żżid, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija liġi, li l-leġiżlatur nazzjonali ddeċieda favur “l-inklużjoni ġewwa l-UE fil-ġbir tad-data” sabiex tinkiseb “stampa iktar kompleta tal-movimenti tal-passiġġieri li jikkostitwixxu theddida potenzjali għas-sigurtà intra‑Komunitarja u nazzjonali”, kif previst mill-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-premessa 10 tagħha, għat-titjiriet ġewwa l-UE. L-imsemmija qorti tippreċiża wkoll li l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata, fl-avis [tagħha] n 55/2015 du 16 décembre 2015 sur l’avant‑projet de loi à l’origine de la loi du 25 décembre 2016 (l-Opinjoni Nru 55/2015 tas‑16 ta’ Diċembru 2015 dwar l-Abbozz Preliminari ta’ Liġi li Wassal għal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016), staqsiet dwar kunflitt eventwali bejn is-sistema PNR Belġjana u l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-persuni, inkwantu din is-sistema tinkludi t-trasport imwettaq fi ħdan l-Unjoni.

62      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 23 tar-[RĠPD], moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat bħala li japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-[Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016], li tittrasponi d-Direttiva [PNR], kif ukoll id-Direttiva [API] u d-Direttiva [2010/65]?

2.      L-Anness I tad-Direttiva [PNR] huwa kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta], fis-sens li d-data elenkata f’dan l-anness hija wiesgħa ħafna – b’mod partikolari d-data msemmija fil-punt 18 tal-Anness I [ta’ din id-direttiva], li tmur lil hinn mid-data msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [API] – u sa fejn, meħuda flimkien, din id-data tista’ tiżvela data sensittiva, u b’hekk tikser il-limiti ta’ dak li huwa ‘strettament meħtieġ’?

3.      Il-punti 12 u 18 tal-Anness I tad-Direttiva [PNR] huma kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta] sa fejn, fid-dawl tat-termini ‘inkluża’ u ‘inkluż’, id-data li jkopru hija msemmija bħala eżempju u mhux b’mod eżawrjenti, hekk li ma huwiex irrispettat ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza tar-regoli [li] jinvolvu indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali?

4.      Il-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [PNR] u l-Anness I għall-istess direttiva huma kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta] sa fejn is-sistema ta’ ġbir, ta’ trasferiment u ta’ pproċessar iġġeneralizzati tad-data tal-passiġġieri li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu tkopri kwalunkwe persuna li tuża l-mezz ta’ trasport ikkonċernat, irrispettivament minn kwalunkwe element oġġettiv li jippermetti li jitqies li din il-persuna tista’ tkun ta’ riskju għas-sigurtà pubblika?

5.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva [PNR], moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġislazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata, li tammetti, bħala skop tal-ipproċessar tad-data ‘PNR’, li jsiru iktar [il-monitoraġġ tal-]attivitajiet koperti mis-servizzi tal-intelliġenza u ta’ sigurtà, u b’hekk tinkludi dan l-iskop fil-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ reati terroristiċi u ta’ forom gravi ta’ kriminalità, kif ukoll fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni f’dan il-qasam?

6.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva [PNR] huwa kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta] sa fejn l-evalwazzjoni minn qabel li hija tistabbilixxi, permezz ta’ tqabbil mal-bażijiet tad-data u l-kriterji stabbiliti minn qabel, tapplika b’mod sistematiku u ġeneralizzat għad-data tal-passiġġieri, irrispettivament minn kwalunkwe element oġġettiv li bih jista’ jitqies li dawn il-passiġġieri jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sigurtà pubblika?

7.      Il-kunċett ta’ ‘awtorità nazzjonali kompetenti oħra’ imsemmi fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [PNR] jista’ jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-PIU maħluqa mil-[Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016], li jista’ għaldaqstant jawtorizza l-aċċess għad-data ‘PNR’ wara terminu ta’ sitt xhur, fil-kuntest ta’ riċerki ad hoc?

8.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva [PNR], moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata li tipprevedi terminu ġenerali ta’ żamma ta’ data ta’ ħames snin, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk il-passiġġieri kkonċernati, fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel, jirriżultawx li jistgħu jkunu ta’ riskju jew le għas-sigurtà pubblika?

9      a)      Id-Direttiva [API] hija kompatibbli mal-Artikolu 3(2) [TUE] u mal-Artikolu 45 tal-[Karta] sa fejn l-obbligi li tistabbilixxi japplikaw għat-titjiriet fl-Unjoni Ewropea?

b)      Id-Direttiva [API], moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2) [TUE] u mal-Artikolu 45 tal-[Karta], għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata li, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u tat-titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri, tawtorizza sistema ta’ ġbir u ta’ pproċessar tad-data tal-passiġġieri ‘għad-destinazzjoni ta’, ġejjin minn u li jkunu qed jgħaddu mit-territorju nazzjonali’, li indirettament jista’ jimplika li jerġgħu jiġu stabbiliti kontrolli mal-fruntieri interni?

10.      Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tasal għall-konklużjoni li l-liġi kkontestata, li tittrasponi b’mod partikolari d-Direttiva [PNR], tikser wieħed jew iktar mill-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, hija tista’ hija żżomm fis-seħħ provviżorjament l-effetti tal-[Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016] sabiex tiġi evitata inċertezza ġuridika u sabiex tippermetti li d-data miġbura u miżmuma qabel tkun tista’ tintuża għall-iskopijiet intiżi mil-liġi?”

III. Fuq iddomandi preliminari

A.      Fuq lewwel domanda

63      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(d) u l-Artikolu 23 tar-RĠPD għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR, tad-Direttiva API u tad-Direttiva 2010/65, b’mod partikolari għat-trasferiment, għaż-żamma u għall-ipproċessar tad-data PNR.

64      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tar-RĠPD, dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali, kompletament jew parzjalment awtomatizzat, kif ukoll għall-ipproċessar mhux awtomatizzat ta’ tali data li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar. Il-kunċett ta’ “pproċessar” huwa ddefinit b’mod wiesa’ fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament bħala li jinkludi, b’mod partikolari, il-ġbir, ir-reġistrazzjoni, iż-żamma, il-konsultazzjoni, l-użu, il-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni, it-tixrid jew kull forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, l-allinjament jew it-tħassir ta’ tali data jew settijiet ta’ data.

65      Il-Gvern Belġjan madankollu jsostni li t-trasferiment tad-data PNR, minn operaturi ekonomiċi, lill-PIU, għal skopijiet ta’ prevenzjoni u ta’ skoperta ta’ reati kriminali, kif previst fl-Artikolu 1(1)(a), fl-Artikolu 1(2), u fl-Artikolu 8 tad-Direttiva PNR, li jikkostitwixxi “ipproċessar” ta’ data personali fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, kif ukoll il-ġbir tagħha minn qabel, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 2(2)(d) tal-imsemmi regolament, minħabba li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punti 57 sa 59), dwar l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, tista’ tiġi trasposta għal din id-dispożizzjoni tal-imsemmi regolament.

66      F’dan ir-rigward, huwa veru li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, li tħassret u ġiet issostitwita bir-RĠPD b’effett mill‑ 25 ta’ Mejju 2018, kien jeskludi b’mod ġenerali mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-“ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża [u] sigurtà ta’ l-Istat”, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont l-awtur tal-ipproċessar ta’ data kkonċernat. Għalhekk, l-ipproċessar imwettaq minn operaturi privati li jirriżulta minn obbligi imposti mill-awtoritajiet pubbliċi jista’, jekk ikun il-każ, jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-formulazzjoni tagħha kienet tkopri l-ipproċessar kollu, irrispettivament mill-awtur tiegħu, intiż għas-sigurtà pubblika, għad-difiża jew għas-sigurtà tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020 La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 101).

67      Madankollu, l-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD jagħmel tali distinzjoni, peress li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni turi b’mod ċar li żewġ kundizzjonijiet huma meħtieġa sabiex ipproċessar ta’ data jkun jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista minnu. Filwaqt li l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tirrigwarda l-iskopijiet tal-ipproċessar, jiġifieri l-prevenzjoni u l-iskoperta tar-reati kriminali, l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża l-protezzjoni kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid, it-tieni kundizzjoni tirrigwarda l-awtur ta’ dan l-ipproċessar, jiġifieri “awtorità kompetenti, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

68      Hekk kif ikkonstatat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 23(1)(d) u (h) tar-RĠPD jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn individwi għall-finijiet previsti fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net  et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 102).

69      Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346), invokata mill-Gvern Belġjan, ma tistax tiġi trasposta għall-eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD li tinsab fl-Artikolu 2(2)(d) tiegħu.

70      Barra minn hekk, din l-eċċezzjoni, bħall-eċċezzjonijiet l-oħra għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD previsti fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi interpretata b’mod strett.

71      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tal-imsemmi regolament, l-imsemmija eċċezzjoni hija mmotivata mill-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq, mill-awtoritajiet kompetenti, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-prevenzjoni u tal-iskoperta tar-reati kriminali, inkluża dik ta’ protezzjoni kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid, huwa rregolat minn att iktar speċifiku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2016/680, li ġiet adottata fl-istess jum bħar-RĠPD (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 69).

72      Hekk kif jispeċifikaw, barra minn hekk, il-premessi 9 sa 11 tad-Direttiva 2016/680, din tistabbilixxi regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar, b’osservanza tan-natura speċifika ta’ dawn l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija, filwaqt li r-RĠPD jiddefinixxi regoli ġenerali dwar il-protezzjoni ta’ dawn il-persuni li huma intiżi li japplikaw għall-imsemmi pproċessar meta l-att iktar speċifiku kkostitwit mid-Direttiva 2016/680 ma jkunx applikabbli. B’mod partikolari, skont il-premessa 11 ta’ din id-direttiva, ir-RĠPD japplika għall-ipproċessar ta’ data personali li jitwettaq minn “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, iżda għal finijiet differenti minn dawk previsti fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 70).

73      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, u, b’mod iktar partikolari, tal-iskopijiet imfittxija mill-ipproċessar ta’ data personali previst mid-Direttiva PNR, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, id-data PNR tista’ tiġi pproċessata biss għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ skoperta tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità serja kif ukoll ta’ investigazzjonijiet u ta’ prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam. Dawn l-iskopijiet jaqgħu taħt dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD u fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, b’mod li tali pproċessar jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

74      Għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-ipproċessar previst mid-Direttiva API u mid-Direttiva 2010/65, li l-iskopijiet tiegħu huma differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD u fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680.

75      Fil-fatt, fir-rigward tad-Direttiva API, din hija intiża għat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1, 7 u 9 kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, permezz tat-trażmissjoni minn qabel lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, mit-trasportaturi, ta’ data dwar il-passiġġieri. Barra minn hekk, diversi premessi u dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva juru li l-ipproċessar ta’ data previst bil-għan tal-implimentazzjoni tagħha jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD. Għalhekk, il-premessa 12 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li “[i]d-Direttiva [95/46] tapplika fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri”. Barra minn hekk, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva API jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll id-data API sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi, “soġġett għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ data taħt id-Direttiva [95/46]”, fejn din l-espressjoni hija wkoll użata fit-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Bl-istess mod, fil-premessa 9 tad-Direttiva API, tintuża, b’mod partikolari, l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [95/46]”. Fl-aħħar, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva API jipprevedi li l-passiġġieri għandhom jiġu informati, mit-trasportaturi, “skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva [95/46]”.

76      Fir-rigward tad-Direttiva 2010/65, mill-premessa 2 u mill-Artikolu 1(1) tagħha jirriżulta li din id-direttiva hija intiża li tissemplifika u li tarmonizza l-proċeduri amministrattivi applikati għat-trasport marittimu permezz tal-ġeneralizzazzjoni tat-trażmissjoni elettronika tal-informazzjoni u permezz tar-razzjonalizzazzjoni tal-formalitajiet ta’ rrappurtar, sabiex it-trasport marittimu jiġi ffaċilitat u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv impost fuq il-kumpanniji marittimi. Issa, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jikkonferma li l-ipproċessar ta’ data previst bil-għan tal-implimentazzjoni tagħha jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD, peress li din id-dispożizzjoni tobbliga fil-fatt lill-Istati Membri, fir-rigward tad-data personali, jiżguraw l-osservanza tad-Direttiva 95/46.

77      Minn dan isegwi li l-ipproċessar ta’ data previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva API u tad-Direttiva 2010/65, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD. Għall-kuntrarju, l-ipproċessar ta’ data previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, id-Direttiva PNR jista’ jevita, skont l-eċċezzjoni inkluża fl-Artikolu 2(2) (d) ta’ dan ir-regolament, l-applikazzjoni tiegħu, bla ħsara għall-osservanza tat-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li l-awtur tal-ipproċessar ikun awtorità kompetenti, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

78      Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn id-Direttiva 2016/680 tiddefinixxi, fil-punt 7 tal-Artikolu 3 tagħha, il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, tali definizzjoni għandha tiġi applikata, b’analoġija, għall-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021  Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, C‑439/19, punt 69).

79      Issa, skont l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva PNR, kull Stat Membru għandu, rispettivament, jinnomina, bħala l-PIU tiegħu, awtorità kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-iskoperta tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità serja, kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, u għandu jadotta lista tal-awtoritajiet kompetenti awtorizzati jitolbu lill-PIU jew jirċievu mingħandha data PNR jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta’ tali data, fejn dawn l-awtoritajiet tal-aħħar huma wkoll awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam, hekk kif jippreċiża l-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

80      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data PNR imwettaq mill-PIU u mill-imsemmija awtoritajiet kompetenti għal tali finijiet jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li dan l-ipproċessar jaqa’, minbarra taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR stess, taħt dawk tad-Direttiva 2016/680 u mhux tar-RĠPD, hekk kif tikkonferma barra minn hekk il-premessa 27 tad-Direttiva PNR.

81      Għall-kuntrarju, peress li operaturi ekonomiċi, bħal trasportaturi tal-ajru, anki jekk għandhom obbligu legali ta’ trasferiment tad-data PNR, la huma inkarigati bl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u lanqas ma ġew fdati b’prerogattivi ta’ poter pubbliku minn din id-direttiva, dawn l-operaturi ma jistgħux jitqiesu bħala li huma awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 u tal-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD, b’tali mod li l-ġbir u t-trasferiment ta’ din id-data lill-PIU, mit-trasportaturi tal-ajru, jaqgħu taħt dan ir-regolament. L-istess konklużjoni tapplika f’sitwazzjoni, bħal dik prevista mil-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016, fejn il-ġbir u t-trasferiment tal-imsemmija data jsiru minn trasportaturi oħra jew mill-operaturi tal-ivvjaġġar.

82      Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett eventwali tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR, kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva API u kif ukoll dawk tad-Direttiva 2010/65, bħal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 72 u 75 sa 77 ta’ din is-sentenza, l-ipproċessar ta’ data previst taħt dawn l-aħħar żewġ direttivi jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD, li jinkludi regoli ġenerali relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

83      Għalhekk, meta pproċessar ta’ data mwettaq abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni jkun jaqa’ taħt id-Direttiva API u/jew taħt id-Direttiva 2010/65, ir-RĠPD ikun applikabbli għal dan l-ipproċessar. L-istess japplika għal ipproċessar ta’ data mwettaq fuq din l-istess bażi u li jkun jaqa’, fir-rigward tal-iskop tiegħu, minbarra taħt id-Direttiva PNR, taħt id-Direttiva API u/jew taħt id-Direttiva 2010/65. Fl-aħħar, meta pproċessar ta’ data mwettaq abbażi tal-istess leġiżlazzjoni jkun jaqa’ biss, fir-rigward tal-iskop tiegħu, taħt id-Direttiva PNR, ir-RĠPD ikun applikabbli fil-każ tal-ġbir u tat-trasferiment tad-data PNR lill-PIU, mit-trasportaturi tal-ajru. Għall-kuntrarju, meta tali pproċessar jitwettaq mill-PIU jew mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR, dan l-ipproċessar ikun jaqa’, barra taħt id-dritt nazzjonali, taħt id-Direttiva 2016/680.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(d) u l-Artikolu 23 tar-RĠPD għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva API, kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/65 u kif ukoll dawk tad-Direttiva PNR għal dak li jirrigwarda, minn naħa, ipproċessar ta’ data mwettaq minn operaturi privati u, min-naħa l-oħra, ipproċessar ta’ data mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi li jaqa’, unikament jew ukoll, taħt id-Direttiva API jew taħt id-Direttiva 2010/65. Għall-kuntrarju, l-imsemmi regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data previst minn tali leġiżlazzjoni li jaqa’ biss taħt id-Direttiva PNR, li jitwettaq mill-PIU jew mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

B.      Fuq ittieni sarraba’ domanda u fuq issitt domanda

85      Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha u permezz tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Direttiva PNR fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Dawn id-domandi, b’mod partikolari, jirrigwardaw:

–        l-Anness I ta’ din id-direttiva u d-data elenkata fih, b’mod partikolari dik imsemmija fil-punti 12 u 18 tiegħu, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni (it-tieni u t-tielet domanda);

–        il-punt 4 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u l-Anness I tagħha, sa fejn is-sistema ta’ ġbir, ta’ trasferiment u ta’ pproċessar iġġeneralizzat tad-data PNR li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu tista’ tapplika għal kull persuna li taqbad titjira li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva (ir-raba’ domanda), u

–        l-Artikolu 6 tad-Direttiva PNR sa fejn dan jipprevedi evalwazzjoni minn qabel, permezz ta’ pparagunar tad-data PNR ma’ databases u/jew tal-ipproċessar tagħha abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel, li tapplika b’mod sistematiku u ġġeneralizzat għal din id-data, indipendentement minn kull element oġġettiv li jippermetti li jitqies li l-passiġġieri kkonċernati jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sigurtà pubblika (is-sitt domanda).

86      B’mod preliminari, hemm lok li jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn dan ikun possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Għalhekk, meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt primarju (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu miżuri ta’ traspożizzjoni li jkunu adattati għad-diversi sitwazzjonijiet possibbli, huma għandhom, fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttiva inkwistjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħha li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra rrikonoxxuti f’dan l-ordinament ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja –  Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fir-rigward tad-Direttiva PNR, għandu jiġi rrilevat li, b’mod partikolari, il-premessi 15, 20, 22, 25, 36 u 37 jenfasizzaw l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti, b’riferiment għal livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, għar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 21 tal-Karta kif ukoll għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’tali mod li, hekk kif tiddikjara l-premessa 36, din id-direttiva “għandha […] tiġi implimentata b’dan il-mod”.

89      B’mod partikolari, il-premessa 22 tad-Direttiva PNR tenfasizza li, “[f]ilwaqt li jiġi kkunsidrati bis-sħiħ il-prinċipji indikati fil-każistika reċenti rilevanti tal-[Qorti tal-Ġustizzja], l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiżgura li jiġu rispettati b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, -id-dritt għall-privatezza u l-prinċipju tal-proporzjonalità” u “ġenwinament tilħaq l-objettivi tan-neċessità u l-proporzjonalità sabiex jinkisbu l-interessi ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn fil-ġlieda kontra r-reati tat-terroriżmu u l-kriminalità serja”. Din il-premessa żżid li din l-applikazzjoni “għandha tkun ġustifikata kif xieraq u s-salvagwardji meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti biex tkun żgurata l-legalità ta’ kwalunkwe ħżin, analiżi, trasferiment jew użu tad-data tal-PNR”.

90      Barra minn hekk, l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva PNR jobbliga lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid ta’ din id-direttiva, tagħti attenzjoni partikolari lill-“konformità mal-istandards applikabbli ta’ protezzjoni tad-data personali”, “[l]in-neċessità u l-proporzjonalità tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data tal-PNR għal kull wieħed mill-finijiet stabbiliti f’din id-Direttiva” kif ukoll “[l]it-tul tal-perijodu taż-żamma tad-data”.

91      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva PNR, konformement ma’ dak li jeżiġu, b’mod partikolari, l-premessi u d-dispożizzjonijiet tagħha msemmija fil-punti 88 sa 90 ta’ din is-sentenza, tistax tiġi interpretata b’mod li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u kif ukoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 52(1) tagħha.

1.      Fuq lindħil li jirriżulta mid-Direttiva PNR fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

92      L-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, filwaqt li l-Artikolu 8(1) tal-Karta jagħti espliċitament lil kull persuna d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha.

93      Hekk kif jirriżulta mill-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR u mill-elenku previst fl-Anness I tagħha, id-data PNR koperta minn din id-direttiva tinkludi, b’mod partikolari, minbarra l-isem tal-passiġġier jew tal-passiġġieri tal-ajru, informazzjoni neċessarja għar-riżervazzjoni, bħad-dati previsti tal-vjaġġ u l-itinerarju tal-vjaġġ, informazzjoni dwar il-biljetti, il-gruppi ta’ persuni rreġistrati taħt l-istess numru ta’ riżervazzjoni, id-dettalji tal-passiġġier jew tal-passiġġieri, informazzjoni dwar il-mezzi ta’ ħlas jew il-ħruġ tal-fattura, informazzjoni dwar il-bagalji u rimarki ġenerali dwar il-passiġġieri.

94      Għaldaqstant, peress li d-data PNR tinkludi informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati, jiġifieri l-passiġġieri tal-ajru kkonċernati, l-ipproċessar differenti li din id-data tista’ tkun suġġetta għalih jaffettwa d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 121 u 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95      Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ data PNR bħal dak kopert mid-Direttiva PNR jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 8 tal-Karta minħabba l-fatt li dan jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali fis-sens ta’ dan l-artikolu u, konsegwentement, għandu neċessarjament jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data previsti fl-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita l-komunikazzjoni ta’ data personali lil terz, bħal awtorità pubblika, tikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament mill-użu sussegwenti tal-informazzjoni kkomunikata. L-istess japplika għaż-żamma tad-data personali kif ukoll għall-aċċess għall-imsemmija data bil-għan tal-użu tagħha mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, ftit jimporta jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata tkunx ta’ natura sensittiva jew le jew jekk il-persuni kkonċernati jkunux batew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 124 u 126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għaldaqstant, kemm it-trasferiment tad-data PNR mit-trasportaturi tal-ajru lill-PIU tal-Istat Membru kkonċernat, previst fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, kif ukoll il-qafas tal-kundizzjonijiet relatati maż-żamma ta’ din id-data, mal-użu tagħha kif ukoll mat-trasferimenti sussegwenti tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, lill-PIU u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra, lill-Europol jew ukoll lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, permessi, b’mod partikolari, mill-Artikoli 6, 7, 9 u 10 sa 12 ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxu ndħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u tal-Karta.

98      Fir-rigward tal-gravità ta’ dan l-indħil, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, id-Direttiva PNR tipprevedi t-trasferiment sistematiku u kontinwu lill-PIU tad-data PNR ta’ kull passiġġier li jaqbad titjira barra l-UE, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, operata bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali trasferiment jimplika aċċess ġenerali min-naħa tal-PIU għad-data PNR kollha kkomunikata, li tikkonċerna l-persuni kollha li jagħmlu użu minn servizzi ta’ trasport bl-ajru, indipendentement mill-użu sussegwenti ta’ din id-data.

99      It-tieni, l-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din tal-aħħar għat-titjiriet ġewwa l-UE, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tagħha, u jippreċiża, fil-paragrafu (2) tiegħu li, f’dak il-każ, id-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmija direttiva “għandhom japplikaw għal titjiriet ġewwa l-UE daqslikieku kienu titjiriet barra l-UE u għal data tal-PNR minn titjiriet ġewwa l-UE daqslikieku kienu data tal-PNR minn titjiriet barra l-UE”.

100    It-tielet, anki jekk ċerta data PNR elenkata fl-Anness 1 tad-Direttiva PNR, kif miġbura fil-qosor fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, meħuda waħedha, ma tidhirx li tista’ tiżvela informazzjoni preċiża dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li, meħuda fl-intier tagħha, l-imsemmija data tista’, fost oħrajn, tiżvela itinerarju tal-vjaġġ komplet, drawwiet ta’ vvjaġġar, rabtiet eżistenti bejn żewġ persuni jew iktar kif ukoll informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-passiġġieri tal-ajru, id-drawwiet tal-ikel tagħhom jew l-istat ta’ saħħa tagħhom, u tista’ wkoll tiżvela informazzjoni sensittiva dwar dawn il-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 128).

101    Ir-raba’, skont l-Artikolu 6(2)(a) u (b) tad-Direttiva PNR, id-data ttrasferita mit-trasportaturi tal-ajru hija intiża li tkun is-suġġett mhux biss ta’ evalwazzjoni minn qabel, li sseħħ qabel il-wasla prevista jew it-tluq previst tal-passiġġieri, iżda wkoll ta’ evalwazzjoni sussegwenti.

102    Fir-rigward tal-evalwazzjoni minn qabel, mill-Artikolu 6(2)(a) u (3) tad-Direttiva PNR jirriżulta li din l-evalwazzjoni ssir, mill-PIU tal-Istati Membri, b’mod sistematiku u permezz ta’ mezzi awtomatizzati, jiġifieri b’mod kontinwu u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk teżistix l-inqas indikazzjoni dwar ir-riskju ta’ involviment tal-persuni kkonċernati f’reati ta’ terroriżmu jew fi kriminalità serja. Għal dan il-għan, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li d-data PNR tista’ tiġi pparagunata ma’ “databases rilevanti” u tiġi pproċessata fir-rigward ta’“kriterji stabbiliti minn qabel”.

103    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-portata tal-indħil li l-analiżijiet awtomatizzati tad-data PNR jinvolvu fid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tiddependi essenzjalment mill-mudelli u mill-kriterji stabbiliti minn qabel kif ukoll mid-databases li fuqhom ikun ibbażat dan it-tip ta’ pproċessar ta’ data (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 172).

104    Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ipproċessar previst fl-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR, jiġifieri l-ipparagunar tad-data PNR mad-“databases rilevanti”, jista’ jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru u jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna f’dan ir-rigward.

105    Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data PNR fid-dawl ta’ “kriterji stabbiliti minn qabel”, previst fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR, huwa minnu li l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-evalwazzjoni tal-passiġġieri permezz ta’ dawn il-kriterji għandha titwettaq b’mod nondiskriminatorju u b’mod partikolari mingħajr ma tkun ibbażata fuq sensiela ta’ karatteristiċi msemmija fl-aħħar sentenza ta’ dan il-paragrafu 4. Barra minn hekk, il-kriterji magħżula għandhom ikunu mmirati, proporzjonati u speċifiċi.

106    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sa fejn analiżijiet awtomatizzati tad-data PNR jitwettqu abbażi ta’ data personali mhux ivverifikata u sa fejn dawn ikunu bbażati fuq mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel, dawn ikollhom neċessarjament ċertu marġni ta’ żball (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 169). B’mod partikolari, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni (SWD (2020) 128 final) anness mar-rapport tagħha tal‑24 ta’ Lulju 2020 dwar ir-rieżami tad-Direttiva [PNR] jirriżulta li n-numru ta’ każijiet ta’ konkordanzi pożittivi li jirriżultaw mill-ipproċessar awtomatizzat previst fl-Artikolu 6(3)(a) u (b) ta’ din id-direttiva li rriżultaw li kienu żbaljati wara eżami mill-ġdid individwali permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati huwa pjuttost sostanzjali u, matul is-snin 2018 u 2019, ammonta għal mill-inqas ħames persuni minn sitta identifikati. Dan l-ipproċessar iwassal għalhekk għal analiżi ddettaljata tad-data PNR dwar l-imsemmija persuni.

107    Fir-rigward tal-evalwazzjoni sussegwenti tad-data PNR prevista fl-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva PNR, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment tad-data PNR, previst fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, il-PIU għandu l-obbligu, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, li jikkomunikalhom id-data PNR u li jipproċessaha f’każijiet speċifiċi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi jew il-kriminalità serja.

108    Barra minn hekk, anki jekk, wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ sitt xhur, id-data PNR tiġi ddepersonalizzata permezz ta’ ħabi ta’ ċerti elementi ta’ din id-data, il-PIU jista’ jkun meħtieġ, konformement mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR, li jikkomunika, wara tali talba, id-data PNR kollha f’forma li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet kompetenti meta jkunu jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li dan huwa neċessarju għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2)(b) ta’ din id-direttiva, fejn tali komunikazzjoni tkun madankollu suġġetta għall-awtorizzazzjoni mogħtija minn awtorità ġudizzjarja jew minn “awtorità nazzjonali kompetenti oħra”.

109    Il-ħames, billi tipprevedi, fl-Artikolu 12(1) tagħha, mingħajr ma tipprovdi iktar preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward, li d-data PNR għandha tinżamm f’database matul perijodu ta’ ħames snin wara t-trasferiment tagħha lill-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-punt ta’ wasla jew ta’ tluq tat-titjira, id-Direttiva PNR tippermetti, fid-dawl tal-fatt li, minkejja d-depersonalizzazzjoni tagħha mal-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ sitt xhur permezz ta’ ħabi ta’ ċerti elementi ta’ data, id-data PNR kollha xorta waħda tista’ tiġi kkomunikata fil-każ previst fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru għal perijodu ta’ żmien li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kklassifikat, fl-Opinjoni tagħha 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, (EU:C:2017:592, punt 132) bħala partikolarment twil.

110    Fid-dawl tan-natura abitwali tal-użu tat-trasport bl-ajru, tali perijodu ta’ żamma għandu l-konsegwenza li parti kbira ħafna mill-popolazzjoni tal-Unjoni jista’ jkollha d-data PNR tagħha miżmuma, b’mod ripetut fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR u, għalhekk, aċċessibbli għal analiżijiet imwettqa fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet minn qabel u sussegwenti tal-PIU u tal-awtoritajiet kompetenti matul perijodu kunsiderevoli, jew saħansitra indefinit, fir-rigward tal-persuni li jivvjaġġaw bl-ajru iktar minn darba kull ħames snin.

111    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jitqies li d-Direttiva PNR tinvolvi ndħil ta’ gravità ċerta fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, sa fejn, b’mod partikolari, din hija intiża li tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza kontinwa, mhux immirata u sistematika, li tinkludi l-evalwazzjoni awtomatizzata ta’ data personali tal-persuni kollha li jagħmlu użu minn servizzi ta’ trasport bl-ajru.

2.      Fuq ilġustifikazzjoni talindħil li jirriżulta midDirettiva PNR

112    Hemm lok li jitfakkar li d-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma humiex drittijiet assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-essenza tagħhom. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet biss jekk dawn ikunu meħtieġa u jkunu jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) tal-Karta jippreċiża li d-data personali għandha, b’mod partikolari, tiġi pproċessata “għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”.

114    Għandu jingħad ukoll li r-rekwiżit li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata fi kliem suffiċjentement miftuħ sabiex din tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet ta’ sitwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C-401/19, EU:C:2022:297, punti 64 u 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tippreċiża, permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-limitazzjoni fid-dawl kemm tal-kliem innifsu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet li din tkun trid tilħaq, hekk kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

115    Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq il-livell tal-Unjoni teħtieġ, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet fir-rigward tagħha għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi rrikkonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi ssir ponderazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 140, kif ukoll is-sentenza tal-5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    B’mod iktar partikolari, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titkejjel il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni tkun tinvolvi u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li din il-limitazzjoni tkun trid tilħaq tkun proporzjonata ma’ din il-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tkun tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li din tkun tipprevedi u li jimponu rekwiżiti minimi, b’mod li l-persuni li d-data tagħhom tkun ġiet ittrasferita jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta b’mod effikaċi kontra r-riskju ta’ abbuż. B’mod partikolari, din għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tkun tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li jkun hemm tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari meta d-data PNR tkun ta’ natura li tkun tista’ tiżvela informazzjoni sensittiva dwar il-passiġġieri (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 141, tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 132, kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Għalhekk, leġiżlazzjoni li tkun tipprevedi żamma tad-data personali għandha dejjem tkun tissodisfa kriterji oġġettivi, li jkunu jistabbilixxu rabta bejn id-data li għandha tinżamm u l-għan segwit (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 191 u l-ġurisprudenza stabbilita, kif ukoll is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, A et, C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 63, u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 133).

a)      Fuq losservanza tal-prinċipju ta’ legalità u talkontenut essenzjali taddrittijiet fundamentali inkwistjoni

119    Il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li tirriżulta mis-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR hija prevista minn att leġiżlattiv tal-Unjoni. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva, bħala att tad-dritt tal-Unjoni li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet, tiddefinixxix hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva kif ukoll l-Annessi I u II tagħha, minn naħa, jinkludu elenku tad-data PNR u, min-naħa l-oħra, jipprevedu qafas għall-ipproċessar ta’ din id-data, b’mod partikolari, billi jiddefinixxu l-iskopijiet u l-modalitajiet ta’ dan l-ipproċessar. Mill-bqija, din il-kwistjoni tikkoinċidi ħafna ma’ dik tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità mfakkar fil-punt 117 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 180), u ser tiġi eżaminata fil-punti 125 et seq ta’ din is-sentenza.

120    F’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, huwa minnu li d-data PNR tista’, jekk ikun il-każ, tiżvela informazzjoni preċiża ħafna dwar il-ħajja privata ta’ persuna. Madankollu, sa fejn, minn naħa, in-natura ta’ din l-informazzjoni tkun limitata għal ċerti aspetti ta’ din il-ħajja privata, relatati b’mod partikolari mal-vjaġġi bl-ajru ta’ din il-persuna, u, min-naħa l-oħra, id-Direttiva PNR tipprojbixxi espressament fl-Artikolu 13(4) tagħha, l-ipproċessar ta’ data sensittiva, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-RĠPD, id-data koperta minn din id-direttiva ma tippermettix, waħedha, li tingħata stampa sħiħa tal-ħajja privata ta’ persuna. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva tillimita, fl-Artikolu 1(2) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 3(8) u (9) tagħha, kif ukoll mal-Anness II tagħha, l-iskopijiet tal-ipproċessar ta’ din id-data. Fl-aħħar, din l-istess direttiva tistabbilixxi, fil-Artikoli 4 sa 15 tagħha, regoli li jirregolaw it-trasferiment, l-ipproċessar u ż-żamma tal-imsemmija data kif ukoll regoli intiżi li jiżguraw, b’mod partikolari, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità ta’ din l-istess data, kif ukoll li jipproteġuha kontra l-aċċess u l-ipproċessar illegali. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-indħil li d-Direttiva PNR tinvolvi ma jippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

b)      Fuq lgħan ta’ interess ġenerali u ladegwatezza talipproċessar taddata PNR firrigward ta’ dan lgħan

121    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR tridx tilħaq għan ta’ interess ġenerali, mill-premessi 5, 6 u 15 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża li tiżgura s-sigurtà interna tal-Unjoni u għalhekk li tipproteġi l-ħajja u s-sigurtà tal-persuni, filwaqt li toħloq kuntest ġuridiku li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-passiġġieri, b’mod partikolari tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, meta d-data PNR tiġi pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti.

122    Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR jipprovdi li d-data PNR miġbura skont din id-direttiva tista’ tkun is-suġġett ta’ pproċessar previst fl-Artikolu 6(2)(a) sa (c) tagħha, biss għall-finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ skoperta ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja kif ukoll ta’ investigazzjonijiet u ta’ prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam. Issa, dawn l-iskopijiet bla dubju jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali tal-Unjoni li jistgħu jiġġustifikaw indħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 42, kif ukoll l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 148 u 149).

123    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR hijiex adatta sabiex tilħaq l-għanijiet segwiti, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-possibbiltà ta’ riżultati “negattivi foloz” u n-numru pjuttost sostanzjali ta’ riżultati “pożittivi foloz” li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, inkisbu wara l-ipproċessar awtomatizzat previst minn din id-direttiva matul is-snin 2018 u 2019 huma, ċertament, ta’ natura li jillimitaw l-adegwatezza ta’ din is-sistema, dawn madankollu ma humiex ta’ natura li jirrendu l-imsemmija sistema inadatta għat-twettiq tal-għan intiż għall-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, l-ipproċessar awtomatizzat imwettaq taħt l-imsemmija direttiva effettivament diġà ppermetta l-identifikazzjoni ta’ passiġġieri tal-ajru li huma ta’ riskju fil-kuntest tal-ġlieda kontra reati terroristiċi u kriminalità serja.

124    Barra minn hekk, fid-dawl tar-rata ta’ żball inerenti għall-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR u, b’mod partikolari, tan-numru pjuttost sostanzjali ta’ riżultati “pożittivi foloz”, l-adegwatezza tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR, tiddependi essenzjalment mill-funzjonament tajjeb tal-verifika sussegwenti tar-riżultati miksuba taħt dan l-ipproċessar, permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati, kompitu li huwa impost, skont din id-direttiva, fuq il-PIU. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet previsti għal dan il-għan mill-imsemmija direttiva jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

c)      Fuq innatura neċessarja talindħil li jirriżulta midDirettiva PNR

125    Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 115 sa 118 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk l-indħil li jirriżulta mid-Direttiva PNR huwiex limitat għal dak li huwa strettament neċessarju u, b’mod partikolari, jekk din id-direttiva tistabbilixxix regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li din tipprevedi u jekk is-sistema li din tistabbilixxi tkomplix tissodisfa kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu rabta bejn id-data PNR, li hija marbuta mill-qrib mar-riżervazzjoni u mat-twettiq ta’ vjaġġi bl-ajru, u l-iskopijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, jiġifieri l-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja.

1)      Fuq iddata talpassiġġieri talajru koperta midDirettiva PNR

126    Għandu jiġi evalwat jekk l-intestaturi tad-data li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva PNR jiddefinixxux b’mod ċar u preċiż id-data PNR li trasportatur tal-ajru huwa meħtieġ li jikkomunika lill-PIU.

127    Qabel kollox, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva PNR, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-lista tad-data PNR li għandha tiġi trażmessa lil PIU titfassal “bil-fini li tirrifletti r-rekwiżiti leġittimi tal-awtoritajiet pubbliċi għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja, b’hekk tittejjeb s-sigurtà interna ġewwa l-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali”. B’mod partikolari, skont din l-istess premessa, din id-data “għandha tinkludi biss dettalji dwar il-prenotazzjonijiet u l-itinerarji tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw il-passiġġieri tal-ajru li jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà interna”. Barra minn hekk, id-Direttiva PNR tipprojbixxi, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(4) tagħha, “l-ipproċessar ta’ data tal-PNR li tiżvela r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew twemmin filosofiku, is-sħubija ma’ trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l- orjentazzjoni sesswali ta’ persuna”.

128    Konsegwentement, id-data PNR miġbura u kkomunikata skont l-Anness I tad-Direttiva PNR għandu jkollha rabta diretta mat-titjira mwettqa u l-passiġġier ikkonċernat u għandha tkun limitata b’mod, minn naħa, li tissodisfa biss ir-rekwiżiti leġittimi tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-iskoperta tar-reati terroristiċi jew tal-kriminalità serja, kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, u, min-naħa l-oħra, li teskludi data sensittiva.

129    Issa, l-intestaturi 1 sa 4, 7, 9, 11, 15, 17 u 19 tal-Anness I tad-Direttiva PNR jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti kif ukoll dawk ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, sa fejn dawn jirrigwardaw informazzjoni identifikabbli b’mod ċar u limitata, b’rabta diretta mat-titjira mwettqa u mal-passiġġier ikkonċernat. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 165 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan huwa wkoll il-każ, minkejja l-formulazzjoni miftuħa tagħhom, f’dak li jirrigwarda l-intestaturi 10, 13, 14 u 16.

130    Għall-kuntrarju, hemm lok li jsiru preċiżazzjonijiet għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-intestaturi 5, 6, 8, 12 u 18.

131    Fir-rigward tal-intestatura 5, li tirrigwarda l-“[i]ndirizz u informazzjoni tal-kuntatt (numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika)” din l-intestatura ma tippreċiżax espressament jekk l-imsemmi indirizz u l-imsemmija informazzjoni tal-kuntatt jirreferux għall-passiġġier tal-ajru biss jew ukoll għat-terzi li jkunu wettqu r-riżervazzjoni tat-titjira għall-passiġġier tal-ajru, għat-terzi li permezz tagħhom ikun jista’ jsir kuntatt mal-passiġġier tal-ajru, jew ukoll għat-terzi li għandhom jiġu informati fil-każ ta’ emerġenza. Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 162 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, din l-intestatura ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti ukoll, b’mod impliċitu, il-ġbir u t-trażmissjoni ta’ data personali ta’ tali terzi. Għaldaqstant l-imsemmija intestatura għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi biss għall-indirizz postali u għall-informazzjoni tal-kuntatt, jiġifieri n-numru tat-telefon u l-indirizz elettroniku, tal-passiġġier tal-ajru li f’ismu ssir ir-riżervazzjoni.

132    Fir-rigward tal-intestatura 6, li tirrigwarda “[i]l-forom kollha tal-informazzjoni dwar il-ħlas, inkluż l-indirizz fejn jintbagħat il-kont”, din l-intestatura għandha tiġi interpretata, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, fis-sens li din tirrigwarda biss l-informazzjoni relatata mal-modalitajiet ta’ ħlas u mal-fatturazzjoni tal-biljett tal-ajru, bl-esklużjoni ta’ kull informazzjoni oħra mingħajr rabta diretta mat-titjira. (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 159).

133    Għal dak li jirrigwarda l-intestatura 8, li tirrigwarda l-“[i]nformazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss”, din għandha tiġi interpretata, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 164 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala li tirreferi biss għad-data dwar l-istatus tal-passiġġier ikkonċernat fil-kuntest ta’ skema ta’ lealtà ta’ kumpannija tal-ajru partikolari jew ta’ grupp ta’ kumpanniji tal-ajru partikolari kif ukoll għan-numru li jidentifika lil dan il-passiġġier bħala wieħed li “jivvjaġġa ta’ spiss”. L-intestatura 8 għalhekk ma tippermettix il-ġbir ta’ informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet li permezz tagħhom dan l-istatus ikun inkiseb.

134    Fir-rigward tal-intestatura 12, din tirrigwarda l-“[k]ummenti ġenerali (inkluża l-informazzjoni kollha disponibbli fuq minuri mhux akkumpanjati taħt it‑18‑il sena, bħall-isem u s-sess tal-minuri, l-età, l-ilsien (ilsna) mitkellem (mitkellma), l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mat-tluq u r-relazzjoni mal-minuri, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mal-wasla u r-relazzjoni mal-minuri, l-aġent tat-tluq u tal-wasla)”.

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, għalkemm il-kliem “[k]ummenti ġenerali” ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni inkwantu dan ma jistabbilixxi fih innifsu ebda limitazzjoni fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-informazzjoni li tista’ tinġabar u tiġi kkomunikata lil PIU abbażi tal-intestatura 12 (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 160), il-lista inkluża bejn parenteżi tissodisfa, min-naħa tagħha, dawn ir-rekwiżiti.

136    Konsegwentement, sabiex tingħata lill-intestatura 12 interpretazzjoni li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, tirrendiha konformi mar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni u, b’mod iktar wiesa’, mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jitqies li huma ammessi biss il-ġbir u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni espressament elenkata f’din l-intestatura, jiġifieri l-isem u s-sess tal-passiġġier tal-ajru minuri, l-età tiegħu, il-lingwa jew il-lingwi mitkellma, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodju preżenti fit-tluq u r-rabta tiegħu mal-minuri, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodju preżenti mal-wasla u r-rabta tiegħu mal-minuri, l-aġent preżenti fit-tluq u mal-wasla.

137    Fl-aħħar, fir-rigward tal-intestatura 18, din tirrigwarda “[k]walunkwe data rigward informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) (inkluż it-tip, numru, pajjiż tal-ħruġ u data tal-iskadenza ta’ kwalunkwe dokument ta’ identità, ċittadinanza, isem tal-familja, isem mogħti, sess, data tat-twelid, linja tal-ajru, numru tat-titjira, data tat-tluq, data tal-wasla, port tat-tluq, port tal-wasla, ħin tat-tluq u l-ħin tal-wasla)”.

138    Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 156 sa 160 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din l-intestatura 18, moqrija fid-dawl tal-premessi 4 u 9 tad-Direttiva PNR, jirriżulta li l-informazzjoni li din tirreferi għaliha hija b’mod eżawrjenti d-data API elenkata fl-imsemmija intestatura kif ukoll fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API.

139    Għalhekk, l-intestatura 18, sakemm din tiġi interpretata bħala li tkopri biss l-informazzjoni espressament prevista minn din l-istess intestatura kif ukoll fl-imsemmi Artikolu 3(2) tad-Direttiva API, tista’ titqies bħala li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 161).

140    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, interpretat b’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet esposti b’mod partikolari fil-punti 130 sa 139 ta’ din is-sentenza, l-Anness I tad-Direttiva PNR huwa, fl-intier tiegħu, suffiċjentement ċar u preċiż, u b’hekk jiddelimita l-portata tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

2)      Fuq liskopijiet talipproċessar tad-data PNR

141    Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR, l-ipproċessar tad-data PNR miġbura skont din id-direttiva huwa intiż għall-ġlieda kontra r-“reati terroristiċi” u l-“kriminalità serja”.

142    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva PNR tipprevedix, f’dan il-qasam, regoli ċari u preċiżi li jillimitaw l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva għal dak li huwa strettament neċessarju għal dawn il-finijiet, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kliem “reati terroristiċi” huwa ddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva b’riferiment għar-“reati taħt il-liġi nazzjonali msemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/475]”.

143    Issa, minbarra l-fatt li din id-deċiżjoni qafas kienet tiddefinixxi, fl-Artikoli 1 sa 3 tagħha, b’mod ċar u preċiż, ir-“reati terroristiċi”, ir-“[r]eati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku” u r-“[r]eati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi”, li l-Istati Membri kellhom jirrendu punibbli bħala reati kriminali taħt l-imsemmija Deċiżjoni Qafas, id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6), ukoll tiddefinixxi, fl-Artikoli 3 sa 14, b’mod ċar u preċiż, dawn l-istess reati.

144    Min-naħa l-oħra, il-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR jiddefinixxi l-kliem “kriminalità serja” b’riferiment għar-reati elenkati fl-Anness II [ta’ din id-direttiva] li huma punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu ta’ mill-inqas tliet snin taħt il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru”.

145    Issa, qabel kollox, dan l-anness jelenka b’mod eżawrjenti l-kategoriji differenti ta’ reati li jistgħu jaqgħu taħt “kriminalità serja” prevista fil-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR.

146    Sussegwentement, fid-dawl tal- karatteristiċi speċifiċi li kellhom, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, is-sistemi penali tal-Istati Membri fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tar-reati hekk imsemmija, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ sempliċement isemmi kategoriji ta’ reati mingħajr ma jiddefinixxi l-elementi li jikkostitwixxuhom, u dan iktar u iktar peress li dawn l-elementi huma, ipotetikament, neċessarjament iddefiniti mid-dritt nazzjonali li għalih jirreferi l-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR, inkwantu l-Istati Membri huma marbuta bl-osservanza tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege bħala komponent tal-valur komuni, kondiviż mal-Unjoni, tal-Istat tad-dritt previst fl-Artikolu 2 TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 136, 160 u 234), prinċipju li huwa barra minn hekk stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta li l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw meta huma jimplimentaw att tal-Unjoni bħad-Direttiva PNR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, QB, C‑405/10, EU:C:2011:722, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, fid-dawl ukoll tas-sens abitwali tal-kliem użat f’dan l-istess anness, hemm lok li jitqies li dan jiddetermina, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, ir-reati li jistgħu jikkostitwixxu kriminalità serja.

147    Huwa minnu li l-punti 7, 8, 10 u 16 tal-Anness II jirrigwardaw kategoriji ta’ reati ġenerali ħafna (frodi, ħasil ta’ rikavati minn kriminalità u falsifikazzjoni ta’ munita, kriminalità ambjentali, traffikar illeċitu f’beni kulturali), filwaqt li madankollu jirreferu għal reati speċifiċi li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji ġenerali. Sabiex tiġi żgurata preċiżjoni suffiċjenti wkoll meħtieġa mill-Artikolu 49 tal-Karta, dawn il-punti għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-imsemmija reati, hekk kif speċifikati mid-dritt nazzjonali u/jew mid-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam. Interpretati f’dan is-sens, l-imsemmija punti jistgħu jitqiesu bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

148    Fl-aħħar, għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja huwa ta’ natura li jiġġustifika l-indħil serju li d-Direttiva PNR tinvolvi fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, peress li dan l-aħħar għan jista’ jiġġustifika biss indħil li ma jkunx ta’ natura serja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, din id-direttiva għandha tiżgura, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva tkun limitata għar-reati biss li jaqgħu taħt il-kriminalità serja u teskludi, minħabba dan il-fatt, dawk li jaqgħu taħt il-kriminalità ordinarja.

149    F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, ħafna mir-reati msemmija fl-Anness II tad-Direttiva PNR, bħat-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, it-traffikar illeċitu ta’ armi, ta’ munizzjon u ta’ splussivi, il-ħasil tal-flus, il-kriminalità relatata mal-informatika, il-kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem, it-traffikar illeċitu fid-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi, it-traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjoattivi, il-ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru jew ta’ bastimenti, ir-reati serji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-qtil, l-istupru, il-ħtif, iż-żamma illegali u t-teħid ta’ ostaġġi, għandhom, min-natura tagħhom, livell ta’ gravità inkontestabbilment għoli.

150    Barra minn hekk, għalkemm reati oħra, ukoll imsemmija f’dan l-Anness II, jistgħu, a priori, inqas faċilment jiġu assoċjati ma’ kriminalità serja, madankollu mill-kliem stess tal-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR jirriżulta li dawn ir-reati jistgħu jitqiesu bħala li jaqgħu taħt kriminalità serja biss jekk dawn ikunu punibbli b’piena li ċċaħad il-libertà jew b’miżura li tneħħi l-libertà ta’ tul massimu ta’ mill-inqas tliet snin taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, li jirrigwardaw in-natura u s-severità tal-piena applikabbli, huma, bħala prinċipju, ta’ natura li jillimitaw l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva għal reati ta’ livell suffiċjenti ta’ gravità li jista’ jiġġustifika l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta mis-sistema stabbilita mill-istess direttiva.

151    Madankollu, sa fejn il-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR ma jirreferix għall-piena minima applikabbli, iżda għall-piena massima applikabbli, ma huwiex eskluż li d-data PNR tista’ tkun is-suġġett ta’ pproċessar għall-finijiet tal-ġlieda kontra reati li, minkejja li jissodisfaw il-kriterju previst minn din id-dispożizzjoni dwar il-limitu ta’ gravità, ma jaqgħux, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema kriminali nazzjonali, taħt il-kriminalità serja iżda jaqgħu taħt il-kriminalità ordinarja.

152    Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR tkun effettivament limitata għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u li din is-sistema ma tkunx estiża għal reati li jaqgħu taħt il-kriminalità ordinarja.

3)      Fuq irrabta bejn iddata PNR u liskopijiet talipproċessar ta’ din iddata

153    Huwa minnu li, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kliem tal-punt 8 tal-Artikolu 3 u tal-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, ma jirreferix espressament għal kriterju ta’ natura li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għar-reati biss li jistgħu, min-natura tagħhom, ikollhom, tal-inqas indirettament, rabta oġġettiva mal-vjaġġi tal-ajru u, għaldaqstant, mal-kategoriji ta’ data ttrasferita, ipproċessata u miżmuma b’applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

154    Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċerti reati previsti fl-Anness II tad-Direttiva PNR, bħat-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar illeċitu fid-drogi narkotiċi jew ta’ armi, l-iffaċilitar ta’ dħul u ta’ residenza mhux awtorizzati jew ukoll il-ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru, jistgħu, min-natura tagħhom stess, jkollhom rabta diretta mat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. L-istess japplika għal ċerti reati terroristiċi, bħall-fatt li tiġi kkawżata distruzzjoni estensiva lil sistema ta’ trasport jew lil infrastruttura jew li jinħatfu ajruplani, reati li kienu msemmija fl-Artikolu 1(1)(d) u (e) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, li għalih jirreferi l-punt 8 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR, jew ukoll il-fatt ta’ vvjaġġar għal finijiet ta’ terroriżmu u li jiġi organizzat jew iffaċilitat tali vvjaġġar, reati msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2017/541.

155    F’dan il-kuntest, hemm ukoll lok li jitfakkar li l-Kummissjoni mmotivat il-Proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament u tal Kunsill dwar l-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u delitti serji, tat‑2 ta’ Frar 2011 (COM(2011) 32 finali), li saret id-Direttiva PNR, billi enfasizzat il-fatt li “[l]-attakki terroristiċi fl-Istati Uniti fl‑2001, l-attakk terroristiku sfrattat f’Awwissu 2006 li kien intenzjonat li jisplodi numru ta’ inġenji tal-ajru fi triqthom mir-Renju Unit lejn l-Istati Uniti, u l-attentat ta’ attakk terroristiku abbord titjira minn Amsterdam lejn Detroit f’Diċembru 2009 wrew l-abbiltà li għandhom it-terroristi sabiex jorganizzaw attakki, u jattakkaw titjiriet internazzjonali, fi kwalunkwe pajjiż u li [b]osta mill-attivitajiet terroristiċi għandhom karattru transnazzjonali u jinvolvu vvjaġġar internazzjonali, inter alia lejn kampijiet tat-taħriġ barra mill-UE”. Barra minn hekk, sabiex tiġġustifika l-ħtieġa ta’ analiżi tad-data PNR għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-Kummissjoni rreferiet, bħala eżempji, għall-każ ta’ grupp ta’ traffikanti tal-bnedmin li kienu użaw dokumenti ffalsifikati sabiex jitwettqu l-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni fuq titjira kif ukoll għall-każ ta’ network ta’ traffikar ta’ bnedmin u ta’ traffikar ta’ droga li, għall-finijiet tal-importazzjoni tad-droga f’diversi reġjuni tal-Ewropa, kien uża persuni, huma stess vittmi tal-ittraffikar, filwaqt li kien xtara l-biljetti tal-ajru ta’ dawn il-persuni b’karti tal-kreditu misruqa. Issa, dawn il-każijiet kollha kienu jirrigwardaw reati li għandhom rabta diretta mat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri inkwantu dawn kienu reati mmirati lejn it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri kif ukoll reati mwettqa matul jew bl-għajnuna ta’ vjaġġ bl-ajru.

156    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li anki reati li ma jkollhomx tali rabta diretta mat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, ikollhom rabta indiretta mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta t-trasport bl-ajru jintuża bħala mezz għall-preparazzjoni ta’ tali reati jew sabiex jiġu evitati proċeduri kriminali wara t-twettiq tagħhom. Għall-kuntrarju, ir-reati li ma jkollhomx rabta oġġettiva, anki indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri ma jistgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR.

157    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punti 8 u 9 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Anness II tagħha u fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw, b’mod partikolari waqt l-eżami mill-ġdid individwali permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati previst fl-Artikolu 6(5) tal-imsemmija direttiva, li l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita minnha tkun limitata għar-reati terroristiċi u għall-kriminalità serja biss li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

4)      Fuq ilpassiġġieri talajru u ttitjiriet ikkonċernati

158    Is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR tkopri d-data PNR tal-persuni kollha li jissodisfaw il-kunċett ta’ “passiġġier”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, u li jaqbdu titjiriet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

159    Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, din id-data hija ttrasferita lill-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu t-titjira għandha tinżel jew li mit-territorju tiegħu din għandha titlaq, indipendentement minn kull element oġġettiv li jippermetti li jitqies li l-passiġġieri kkonċernati jistgħu jippreżentaw riskju ta’ involviment f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja. Madankollu, id-data hekk ittrasferita hija, b’mod partikolari, suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2)(a) u (3) tad-Direttiva PNR, fejn din l-evalwazzjoni hija intiża, hekk kif jirriżulta mill-premessa 7 ta’ din id-direttiva, għall-identifikazzjoni tal-persuni li ma kinux issuspettati li pparteċipaw f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja qabel din l-evalwazzjoni u li għandhom jiġu sottomessi għal eżami iktar fil-fond mill-awtoritajiet kompetenti.

160    B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 1(1)(a) u mill-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR jirriżulta li din tagħmel distinzjoni bejn il-passiġġieri li jaqbdu titjiriet barra l-UE, operati bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, u dawk li jaqbdu titjiriet ġewwa l-UE, operati bejn Stati Membri differenti.

161    Fir-rigward tal-passiġġieri ta’ titjiriet barra l-UE, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-passiġġieri li jaqbdu titjiriet bejn l-Unjoni u l-Kanada, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR tagħhom, qabel il-wasla tagħhom fil-Kanada, jiffaċilita u jħaffef il-kontrolli ta’ sigurtà, b’mod partikolari fil-fruntieri. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni, jew ta’ ċerti żoni ta’ oriġini, tkun ta’ natura li tostakola li jintlaħaq l-għan tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR, jiġifieri l-identifikazzjoni, permezz ta’ verifika ta’ din id-data, tal-persuni li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sigurtà pubblika fost il-passiġġieri kollha tal-ajru, u li tippermetti li din il-verifika tkun tista’ tiġi evitata (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 187).

162    Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu trasposti mutatis mutandis għas-sitwazzjoni tal-passiġġieri li jaqbdu titjiriet operati bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi kollha, li l-Istati Membri huma obbligati li jissuġġettaw għas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR konformement mal-Artikolu 1(1) (a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punti 2 u 4 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, it-trasferiment u l-evalwazzjoni minn qabel tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru li jidħlu jew li joħorġu mill-Unjoni ma jistgħux ikunu limitati għal ċirku speċifiku ta’ passiġġieri tal-ajru, fid-dawl tan-natura stess tat-theddid għas-sigurtà pubblika li jista’ jirriżulta minn reati terroristiċi u minn kriminalità serja li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi. Għalhekk, hemm lok li jitqies li r-rabta neċessarja bejn din id-data u l-għan relatat mal-ġlieda kontra tali reati teżisti, b’tali mod li d-Direttiva PNR ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju minħabba s-sempliċi fatt li din timponi fuq l-Istati Membri t-trasferiment u l-evalwazzjoni minn qabel sistematiċi tad-data PNR ta’ dawn il-passiġġieri kollha.

163    Fir-rigward tal-passiġġieri li jaqbdu titjiriet bejn Stati Membri differenti tal-Unjoni, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-premessa 10 tagħha, jipprevedi biss il-possibbiltà għall-Istati Membri li jestendu l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva għat-titjiriet ġewwa l-UE.

164    Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jestendu l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR għat-titjiriet ġewwa l-UE iżda, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 19(3) ta’ din id-direttiva, irriżerva d-deċiżjoni tiegħu fuq tali estensjoni, filwaqt li qies li din kellha tiġi ppreċeduta minn evalwazzjoni ddettaljata tal-effetti ġuridiċi tagħha, b’mod partikolari fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi jiddikjara li r-rapport ta’ eżami mill-ġdid tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 19(1) tal-imsemmija direttiva PNR “għandu jinkludi wkoll analiżi tan-neċessità, il-proporzjonalità, u l-effettività tal- inklużjoni fl-ambitu ta’ din id-Direttiva l-ġbir obbligatorju u t-trasferiment ta’ data tal-PNR relatati mat-titjiriet kollha ġewwa l-UE jew selezzjoni minnhom”, u li hija għandha, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni “[l]-esperjenza miksuba mill-Istati Membri, speċjalment dawk l-Istati Membri li japplikaw din id-Direttiva għat-titjiriet ġewwa l-UE skont l-Artikolu 2”, l-Artikolu 19(3) ta’ din id-direttiva juri li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, is-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva ma għandhiex neċessarjament tiġi estiża għat-titjiriet kollha ġewwa l-UE.

166    Bl-istess mod, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva PNR jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-direttiva biss għal ċerti titjiriet ġewwa l-UE meta huma jkunu jqisu li dan huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, filwaqt li jistgħu jbiddlu l-għażla ta’ dawn it-titjiriet f’kull mument.

167    Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jestendu l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR għat-titjiriet ġewwa l-UE għandha tiġi eżerċitata, hekk kif jirriżulta mill-premessa 22 tagħha, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. F’dan ir-rigward, għalkemm, skont il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva, huma l-Istati Membri li għandhom jevalwaw it-theddid marbut mar-reati terroristiċi u mal-kriminalità serja, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà jippreżupponi li, waqt din l-evalwazzjoni, l-Istati Membri jikkonkludu li teżisti theddida marbuta ma’ tali reati li hija ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-istess direttiva wkoll għal titjiriet ġewwa l-UE.

168    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru, meta jkun jixtieq jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, kemm għat-titjiriet kollha ġewwa l-UE skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan l-artikolu jew biss għal uħud minn dawn it-titjiriet skont l-Artikolu 2(3), ma huwiex eżentat milli jivverifika li l-estensjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għat-titjiriet kollha ġewwa l-UE jew għal parti minnhom tkun effettivament neċessarja u proporzjonata għall-finijiet tat-twettiq tal-għan imsemmi fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva.

169    Għalhekk, fid-dawl tal-premessi 5 sa 7, 10 u 22 tad-Direttiva PNR, tali Stat Membru għandu jivverifika li l-ipproċessar, previst minn din id-direttiva, tad-data PNR tal-passiġġieri li jaqbdu titjiriet ġewwa l-UE jew xi wħud minn dawn it-titjiriet ikun strettament neċessarju, fid-dawl tal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà interna tal-Unjoni jew, tal-inqas, dik tal-imsemmi Stat Membru u, għalhekk, sabiex jiġu protetti l-ħajja u s-sigurtà tal-persuni.

170    Fir-rigward, b’mod partikolari tat-theddid marbut mar-reati terroristiċi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-attivitajiet ta’ terroriżmu jinsabu fost dawk li huma ta’ natura li jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament lis-soċjetà, lill-popolazzjoni jew lill-Istat bħala tali, u li huwa fl-interess primordjali ta’ kull Stat Membru li jipprevjeni u li jikkastiga dawn l-attivitajiet sabiex jipproteġi l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà, bil-għan li jipproteġi s-sigurtà nazzjonali. Tali theddid huwa differenti, min-natura tiegħu, mill-gravità partikolari tiegħu u min-natura speċifika taċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxuh, mir-riskju ġenerali u permanenti li huwa dak ta’ reati kriminali serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020 La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 135 u 136, u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 61 u 62).

171    Għalhekk, fis-sitwazzjoni fejn jiġi kkonstatat, abbażi tal-evalwazzjoni mwettqa minn Stat Membru, li hemm ċirkustanzi konkreti biżżejjed sabiex jitqies li dan tal-aħħar jaffronta theddida terroristika li tirriżulta reali u attwali jew prevedibbli, il-fatt li dan l-Istat Membru jipprevedi l-applikazzjoni tad-Direttiva PNR, skont l-Artikolu 2(1) tad-din id-direttiva, għat-titjiriet kollha ġewwa l-UE li ġejjin minn jew għad-destinazzjoni tal-imsemmi Stat Membru, għal perijodu limitat, ma jidhirx li jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali theddida hija, fiha nnifisha, ta’ natura li tistabbilixxi rabta bejn, minn naħa, it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 137).

172    Id-deċiżjoni li tipprevedi din l-applikazzjoni għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ effettiv minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, li d-deċiżjoni tagħha jkollha effett vinkolanti, intiż li jivverifika l-eżistenza ta’ din is-sitwazzjoni kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom ikunu previsti. Il-perijodu ta’ applikazzjoni għandu wkoll ikun limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded fil-każ ta’ persistenza ta’ din theddida (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 168, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 58).

173    Għall-kuntrarju, fl-assenza ta’ theddida terroristika reali u attwali jew prevedibbli li l-Istat Membru kkonċernat jaffronta, l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni minnu tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR mhux biss għat-titjiriet barra l-UE iżda wkoll għat-titjiriet kollha ġewwa l-UE ma tistax titqies bħala limitata għal dak li huwa strettament neċessarju.

174    F’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR għal ċerti titjiriet ġewwa l-UE għandha tkun limitata għat-trasferiment u għall-ipproċessar tad-data PNR tat-titjiriet relatati, b’mod partikolari, ma’ ċerti rotot tal-ajru jew ma’ skemi tal-ivvjaġġar jew ukoll ma’ ċerti ajruporti li fir-rigward tagħhom ikunu jeżistu indikazzjonijiet ta’ natura li jkunu jiġġustifikaw din l-applikazzjoni. F’sitwazzjoni bħal din, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jagħżel it-titjiriet ġewwa l-UE, skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni li huwa għandu jwettaq abbażi tar-rekwiżiti esposti fil-punti 163 sa 169 ta’ din is-sentenza u li għandu jeżaminaha mill-ġdid b’mod regolari skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi li jkunu ġġustifikaw l-għażla tagħhom, sabiex jiżgura li l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva għat-titjiriet ġewwa l-UE tkun dejjem limitata għal dak li jkun strettament neċessarju.

175    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni hekk adottata tal-Artikolu 2 u tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, hija ta’ natura li tiżgura li dawn id-dispożizzjonijiet josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

5)      Fuq levalwazzjoni minn qabel taddata PNR permezz ta’ pproċessar awtomatizzat

176    Skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR, l-evalwazzjoni minn qabel li dan jipprevedi hija intiża li tidentifika l-persuni li fir-rigward tagħhom ikun meħtieġ eżami iktar fil-fond b’mod partikolari mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-fatt li dawn il-persuni jistgħu jkunu involuti f’reat terroristiku jew fi kriminalità serja.

177    Din l-evalwazzjoni minn qabel ssir f’żewġ stadji. Fl-ewwel lok, il-PIU tal-Istat Membru kkonċernat jipproċedi, konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva PNR, b’ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR billi jipparagunaha ma’ databases jew abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel. Fit-tieni lok, sa fejn dan l-ipproċessar awtomatizzat iwassal għal konkordanza pożittiva (hit), l-imsemmija unità twettaq, skont l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, eżami mill-ġdid individwali permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati, sabiex tivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva għandhomx jieħdu miżuri abbażi tad-dritt nazzjonali (match).

178    Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, ipproċessar awtomatizzat neċessarjament għandu rata ta’ żball pjuttost sostanzjali, sa fejn dan isir abbażi ta’ data personali mhux ivverifikata u huwa bbażat fuq kriterji stabbiliti minn qabel.

179    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tan-neċessità, enfasizzata mir-raba’ premessa tal-preambolu tal-Karta, li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dawl, b’mod partikolari, tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, għandu jiġi żgurat, hekk kif jiddikjaraw il-premessa 20 u l-Artikolu 7(6) tad-Direttiva PNR, li ebda deċiżjoni li tipproduċi effetti ġuridiċi dannużi għal persuna jew li taffettwaha b’mod sinjifikattiv ma tista’ tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva, il-PIU stess tista’ tittrasferixxi d-data PNR lil dawn l-awtoritajiet biss wara li tkun wettqet eżami mill-ġdid individwali permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati. Fl-aħħar, minbarra dawn il-verifiki li l-PIU u l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu huma stess, il-legalità tal-ipproċessar awtomatizzat kollu għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ kontroll mill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza, skont l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 15(3)(b) tal-imsemmija direttiva, rispettivament, kif ukoll ta’ stħarriġ mill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva.

180    Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment rrileva fil-punt 207 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u l-PIU għandu jkollhom ir-riżorsi materjali u ta’ persunal neċessarji sabiex jeżerċitaw il-kontroll tagħhom skont id-Direttiva PNR. Barra minn hekk, huwa importanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt nazzjonali u li tawtorizza l-ipproċessar awtomatizzat li din tipprevedi tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw id-determinazzjoni tad-databases kif ukoll tal-kriterji ta’ analiżi użati, mingħajr ma tkun tista’ tirrikorri, għall-finijiet tal-evalwazzjoni minn qabel, għal metodi oħra mhux previsti espressament fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva.

181    Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(9) tad-Direttiva PNR jirriżulta li l-konsegwenzi tal-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2)(a) tagħha, ma għandhomx jipperikolaw id-dritt ta’ dħul tal-persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat previst mid-Direttiva 2004/38 u għandhom, barra minn hekk, josservaw ir-Regolament Nru 562/2006. Għaldaqstant, is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti jillimitaw dan id-dritt lil hinn minn dak li huwa previst mid-Direttiva 2004/38 u mir-Regolament Nru 562/2006.

i)      Fuq lipparagunar taddata PNR maddatabases

182    Skont l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR, il-PIU “tista’”, meta hija twettaq l-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, tipparaguna d-data PNR mad-“databases rilevanti” għall-finijiet tal-prevenzjoni u tal-iskoperta tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità serja kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, “inklużi databases dwar persuni jew oġġetti mfittxija jew soġġetti għal allert, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, internazzjonali u dawk nazzjonali applikabbli għal tali databases”.

183    Għalkemm mill-formulazzjoni stess ta’ dan l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR jirriżulta, b’mod partikolari mill-kelma “inkluż”, li d-databases li jikkonċernaw il-persuni jew l-oġġetti mfittxija jew li jkunu s-suġġett ta’ senjalazzjoni jinsabu fost id-“databases rilevanti” imsemmija f’din id-dispożizzjoni, għall-kuntrarju din ma tispeċifikax liema databases oħra jistgħu wkoll jitqiesu bħala li huma “rilevanti” fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. Fil-fatt, u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 217 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjoni ma tippreċiżax espressament in-natura tad-data li tista’ tkun inkluża f’tali databases u r-rabta tagħha ma’ dawn l-għanijiet, u lanqas ma tindika jekk id-data PNR għandhiex tiġi pparagunata esklużivament mad-databases amministrati minn awtoritajiet pubbliċi jew jekk din tistax tiġi pparagunata wkoll ma’ databases amministrati minn persuni privati.

184    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR jista’, prima facie, jagħti lok għal interpretazzjoni li skontha d-data PNR tista’ tintuża bħala sempliċi kriterji ta’ tfittxija sabiex jitwettqu analiżi minn databases differenti, inkluż minn databases li l-aġenziji tas-sigurtà u tal-intelliġenza tal-Istati Membri jamministraw u joperaw sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk imsemmija f’din id-direttiva, u li tali analiżijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ esplorazzjoni ta’ data (data mining). Issa, il-possibbiltà li jsiru tali analiżijiet u li d-data PNR tiġi pparagunata ma’ tali databases hija ta’ natura li tiġġenera f’moħħ il-passiġġieri tat-trasport bl-ajru s-sentiment li l-ħajja privata tagħhom hija s-suġġett ta’ forma ta’ sorveljanza. Għalhekk, minkejja li l-evalwazzjoni minn qabel prevista f’din id-dispożizzjoni titlaq minn sett ta’ data relattivament limitat li hija d-data PNR, tali interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6(3)(a) ma tistax tiġi aċċettata, peress li din tista’ tagħti lok għal użu sproporzjonat ta’ din id-data, li jipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil preċiż tal-persuni kkonċernati għas-sempliċi raġuni li huma jkollhom l-intenzjoni li jivvjaġġaw bl-ajruplan.

185    Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, hemm lok li l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR jiġi interpretat b’mod li jiġi ggarantit ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

186    F’dan ir-rigward, mill-premessi 7 u 15 tad-Direttiva PNR jirriżulta li l-ipproċessar awtomatizzat previst fl-Artikolu 6(3)(a) ta’ din id-direttiva għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali.

187    Barra minn hekk, hekk kif essenzjalment irrilevat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-PIU “tista’” tipparaguna d-data PNR mad-databases imsemmija fiha, jippermetti lill-PIU tagħżel modalità ta’ pproċessar limitata għal dak li jkun strettament neċessarju, skont is-sitwazzjoni partikolari. Issa, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-PIU għandha l-obbligu li tillimita l-ipproċessar awtomatizzat previst fl-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR għad-databases biss li din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu identifikati. F’dan ir-rigward, għalkemm ir-riferiment, inkluż f’din l-aħħar dispożizzjoni, “għad-databases rilevanti” ma jagħtix lok għal interpretazzjoni li tippreċiża b’mod ċar u preċiż id-databases hekk imsemmija, l-istess ma jistax jingħad għar-riferiment għad-“databases dwar persuni jew oġġetti mfittxija jew soġġetti għal allert, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, internazzjonali u dawk nazzjonali applikabbli għal tali databases”.

188    Għalhekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 219 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR għandu, fid-dawl ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, jiġi interpretat fis-sens li dawn l-aħħar databases huma l-uniċi databases li magħhom il-PIU tista’ tipparaguna d-data PNR.

189    Fir-rigward tar-rekwiżiti li dawn id-databases għandhom jissodisfaw, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR, l-evalwazzjoni minn qabel imwettqa fir-rigward tal-kriterji stabbiliti minn qabel għandha, skont l-Artikolu 6(3)(b) ta’ din id-direttiva, titwettaq b’mod nondiskriminatorju, li dawn il-kriterji għandhom ikunu mmirati, proporzjonati u speċifiċi u li dawn għandhom jiġu stabbiliti u eżaminati mill-ġdid f’intervalli regolari mill-PIU b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Għalkemm, b’riferiment għall-Artikolu 6(3)(b) ta’ din l-istess direttiva, il-kliem ta’ dan l-Artikolu 6(4) jkopri biss l-ipproċessar tad-data PNR abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 21 tal-Karta, fis-sens li r-rekwiżiti li din tistabbilixxi għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ipparagunar ta’ din id-data mad-databases imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, u dan iktar u iktar peress li dawn ir-rekwiżiti jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk adottati għall-ipparagunar tad-data PNR ma’ databases mill-ġurisprudenza li tirriżulta mill-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017(EU:C:2017:592, punt 172).

190    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-rekwiżit li jirrigwarda n-natura nondiskriminatorja tal-imsemmija databases jimplika, b’mod partikolari, li r-reġistrazzjoni fid-databases li jikkonċernaw il-persuni mfittxija jew li jkunu s-suġġett ta’ senjalazzjoni tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, iddefiniti mir-regoli nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni applikabbli għal tali databases (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 78).

191    Barra minn hekk, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit dwar in-natura mmirata, proporzjonata u speċifika tal-kriterji stabbiliti minn qabel, id-databases imsemmija fil-punt 188 ta’ din is-sentenza għandhom jintużaw fir-rigward tal-ġlieda kontra reati terroristiċi u kriminalità serja li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

192    Barra minn hekk, id-databases użati skont l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR għandhom, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 183 u 184 ta’ din is-sentenza, jiġu amministrati mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jew, fir-rigward tad-databases tal-Unjoni kif ukoll tad-databases internazzjonali, jintużaw minn dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-missjoni tagħhom tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja. Issa, dan huwa l-każ tad-databases li jirrigwardaw il-persuni jew l-oġġetti mfittxija jew li jkunu s-suġġett ta’ senjalazzjoni, skont ir-regoli nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni applikabbli għal tali databases.

ii)    Fuq lipproċessar taddata PNR abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel

193    L-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR jipprevedi li l-PIU tista’ wkoll tipproċessa d-data PNR abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel. Mill-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-evalwazzjoni minn qabel, u, għaldaqstant, l-ipproċessar tad-data PNR abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel, hija intiża, essenzjalment, għall-identifikazzjoni tal-persuni li jistgħu jkunu involuti fi reat terroristiku jew fi kriminalità serja.

194    Fir-rigward tal-kriterji li l-PIU tista’ tuża għal dan il-għan, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR, dawn il-kriterji għandhom ikunu “stabbiliti minn qabel”. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 228 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-rekwiżit jipprekludi l-użu ta’ teknoloġiji ta’ intelliġenza artifiċjali fil-kuntest ta’ sistemi ta’ tagħlim awtomatiku (machine learning), li jistgħu jbiddlu, mingħajr intervent u kontroll mill-bniedem, il-proċess tal-evalwazzjoni u, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ evalwazzjoni li fuqhom huwa bbażat ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-proċess kif ukoll il-ponderazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

195    Għandu jingħad ukoll li l-użu ta’ tali teknoloġiji jista’ jċaħħad minn effett utli l-eżami mill-ġdid individwali tal-konkordanzi pożittivi kif ukoll il-kontroll tal-legalità meħtieġ mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 228 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-opaċità li tikkaratterizza l-funzjonament tat-teknoloġiji ta’ intelliġenza artifiċjali, jista’ jkun impossibbli li tinftiehem ir-raġuni li għaliha programm partikolari ikun wasal għal konkordanza pożittiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu ta’ tali teknoloġiji jista’ jċaħħad lill-persuni kkonċernati wkoll mid-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta li d-Direttiva PNR tfittex, skont il-premessa 28 tagħha, li tiggarantixxi fuq livell għoli, b’mod partikolari sabiex jikkontestaw n-natura nondiskriminatorja tar-riżultati miksuba.

196    Sussegwentement, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fl-ewwel sentenza tagħha, li l-evalwazzjoni minn qabel abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel għandha titwettaq b’mod nondiskriminatorju u preċiż, fir-raba’ sentenza tagħha, li dawn il-kriterji ma għandhom f’ebda każ ikunu bbażati fuq ir-razza jew l-oriġini etnika ta persuna, fuq l-opinjonijiet politiċi tagħha, fuq ir-reliġjon jew twemmin filosofiku tagħha, fuq is-sħubija tagħha fi trade union, fuq is-saħħa tagħha, fuq il-ħajja sesswali tagħha jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha.

197    Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jużaw, bħala kriterji stabbiliti minn qabel, kriterji bbażati fuq karatteristiċi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u li l-użu tagħhom jista’ jkun ta’ natura li jagħti lok għal diskriminazzjonijiet. F’dan ir-rigward, mill-kliem tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR, li skontu l-kriterji stabbiliti minn qabel ma għandhom ikunu “fl-ebda ċirkostanza” bbażati fuq dawn il-karatteristiċi, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tkopri kemm diskriminazzjonijiet diretti kif ukoll diskriminazzjonijiet indiretti. Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-Artikolu 21(1) tal-Karta, li fid-dawl tiegħu għandha tinqara l-imsemmija dispożizzjoni, li jipprojbixxi “kull” diskriminazzjoni bbażata fuq l-imsemmija karatteristiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom jiġu ddeterminati b’mod li, għalkemm ifformulati b’mod newtrali, l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx tista’ tkun ta’ natura li tqiegħed fi żvantaġġ partikolarment lill-persuni li jkollhom il-karatteristiċi protetti.

198    Fir-rigward tar-rekwiżiti relatati man-natura mmirata, proporzjonata u speċifika tal-kriterji stabbiliti minn qabel previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR, minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta li l-kriterji użati għall-finijiet tal-evalwazzjoni minn qabel għandhom ikunu ddeterminati b’mod li jiġu mmirati, speċifikament, l-individwi li fir-rigward tagħhom jista’ jkun hemm suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja msemmija f’din id-direttiva. Dan il-qari huwa kkorroborat mill-kliem stess tal-Artikolu 6(2)(a) tagħha, li jenfasizza l-“fatt” li l-persuni kkonċernati “jistgħu” jkunu involuti f’“reat” terroristiku jew fi “kriminalità” serja. Bl-istess mod, il-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li l-ħolqien u l-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni għandhom ikunu limitati għar-reati terroristiċi u għall-kriminalità serja “li għalihom ikun rilevanti li jintużaw ċerti kriterji”.

199    Sabiex jiġu mmirati b’dan il-mod il-persuni hekk imsemmija u fid-dawl tar-riskju ta’ diskriminazzjoni li kriterji li jkunu bbażati fuq il-karatteristiċi msemmija fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR ikunu jinvolvu, il-PIU u l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux, bħala prinċipju, jibbażaw ruħhom fuq dawn il-karatteristiċi. Għall-kuntarju, hekk kif irrileva l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, huma jistgħu, b’mod partikolari, jieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi fl-aġir fattwali ta’ persuni b’rabta mal-preparazzjoni u mat-twettiq ta’ vjaġġi bl-ajru, li jistgħu, skont il-konstatazzjonijiet magħmula u l-esperjenza miksuba mill-awtoritajiet kompetenti, jindikaw li l-persuni li jaġixxu b’dan il-mod jistgħu jkunu involuti f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja.

200    F’dan il-kuntest, hekk kif osservat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom jiġu ddeterminati b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-provi “inkriminanti” kif ukoll il-provi “li jiskaġunaw”, peress li dan ir-rekwiżit jista’ jikkontribwixxi għall-affidabbiltà ta’ dawn il-kriterji u, b’mod partikolari, jiżgura li dawn ikunu proporzjonati, hekk kif teżiġi t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR.

201    Fl-aħħar, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, il-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid f’intervalli regolari. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, dawn il-kriterji għandhom jiġu aġġornati skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi li jkunu ġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-evalwazzjoni minn qabel, u b’hekk, b’mod partikolari, tkun possibbli reazzjoni għall-iżviluppi tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja msemmija fil-punt 157 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 82). B’mod partikolari, l-imsemmi eżami mill-ġdid għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn qabel, sabiex jitnaqqas, sa fejn ikun possibbli, in-numru ta’ riżultati “pożittivi foloz” u, b’dan il-mod, issir kontribuzzjoni għan-natura strettament neċessarja tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

iii) Fuq ilgaranziji marbuta malipproċessar awtomatizzat taddata PNR

202    L-osservanza tar-rekwiżiti li għalihom l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR jissuġġetta l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR hija meħtieġa mhux biss fil-kuntest tad-determinazzjoni u tal-eżami mill-ġdid tad-databases kif ukoll tal-kriterji stabbiliti minn qabel previsti f’din id-dispożizzjoni, iżda wkoll, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 230 tal-konklużjonijiet tiegħu, matul il-proċess kollu tal-ipproċessar ta’ din id-data.

203    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kriterji stabbiliti minn qabel, qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-PIU għandha, hekk kif tistabbilixxi l-premessa 7 tad-Direttiva PNR, tiddefinixxi l-kriterji ta’ evalwazzjoni b’mod li jnaqqas għall-minimu n-numru ta’ identifikazzjonijiet żbaljati ta’ persuni innoċenti mis-sistema stabbilita minn din id-direttiva, din l-istess unità għandha xorta waħda, skont l-Artikolu 6(5) u (6) tal-imsemmija direttiva, twettaq eżami mill-ġdid individwali ta’ kull konkordanza pożittiva permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, sa fejn dan ikun possibbli, tal-eżistenza eventwali ta’ riżultati “pożittivi foloz”. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li hija għandha tistabbilixxi l-kriterji ta’ evalwazzjoni b’mod nondiskriminatorju, il-PIU hija meħtieġa twettaq tali eżami mill-ġdid sabiex teskludi eventwali riżultati diskriminatorji. Il-PIU għandha tosserva dan l-istess obbligu ta’ eżami mill-ġdid fir-rigward tal-ipparagunar tad-data PNR mad-databases.

204    Għalhekk, il-PIU għandha tastjeni milli tittrasferixxi r-riżultati ta’ dan l-ipproċessar awtomatizzat lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva PNR meta, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punt 198 ta’ din is-sentenza, hija ma jkollhiex, wara dan l-eżami mill-ġdid, elementi ta’ natura li jiġġustifikaw, b’mod suffiċjenti fid-dritt, suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja fir-rigward tal-persuni identifikati permezz ta’ dan l-ipproċessar awtomatizzat jew meta hija jkollha elementi li jindikaw li l-imsemmija trattamenti jwasslu għal riżultati diskriminatorji.

205    Fir-rigward tal-verifiki li l-PIU għandha twettaq għal dan il-għan, mill-Artikolu 6(5) u (6) tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-premessi 20 u 22 tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipprevedu regoli ċari u preċiżi ta’ natura li jiggwidaw u li jirregolaw l-analiżi mwettqa mill-aġenti responsabbli mill-eżami mill-ġdid individwali, sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 21 tal-Karta u, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita prassi amministrattiva koerenti fi ħdan il-PIU li tosserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

206    B’mod partikolari, fid-dawl tan-numru pjuttost sostanzjali ta’ riżultati “pożittivi foloz”, imsemmi fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PIU tistabbilixxi, b’mod ċar u preċiż, kriterji ta’ eżami mill-ġdid oġġettivi li jippermettu lill-aġenti tagħha jivverifikaw, minn naħa, jekk u sa fejn konkordanza pożittiva (“hit”) tikkonċerna effettivament individwu li jista’ jkun involut fir-reati terroristiċi jew fil-kriminalità serja msemmija fil-punt 157 ta’ din is-sentenza u għandha, minħabba f’dan, tkun is-suġġett ta’ eżami iktar fond mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, kif ukoll, min-naħa l-oħra, in-natura nondiskriminatorja tal-ipproċessar awtomatizzat previst mill-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, tal-kriterji stabbiliti minn qabel u tad-databases użati.

207    F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li, konformement mal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-premessa 37 tagħha, il-PIU iżżomm traċċa dokumentarja ta’ kull ipproċessar tad-data PNR imwettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel, inkluż fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid individwali permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati, għall-finijiet tal-verifika tal-legalità tiegħu u ta’ awtokontroll.

208    Sussegwentement, l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(6) tad-Direttiva PNR, jieħdu ebda deċiżjoni li tipproduċi effetti legali dannużi għal persuna jew li taffettwaha b’mod sinjifikattiv abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR, fatt li jimplika, fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel, li huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni u, jekk ikun il-każ, jagħtu prijorità lir-riżultat tal-eżami mill-ġdid individwali mwettaq permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati mill-PIU fuq dak miksub permezz tal-ipproċessar awtomatizzat. It-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 7(6) tippreċiża li tali deċiżjonijiet ma għandhomx ikunu diskriminatorji.

209    F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw in-natura legali kemm ta’ dan l-ipproċessar awtomatizzat, b’mod partikolari tan-natura nondiskriminatorja tiegħu, kif ukoll tal-eżami mill-ġdid individwali.

210    B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-persuna kkonċernata, mingħajr ma jippermettulha neċessarjament, matul il-proċedura amministrattiva, issir taf bil-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel u bil-programmi li japplikaw dawn il-kriterji, tkun tista’ tifhem il-funzjonament ta’ dawn il-kriterji u ta’ dawn il-programmi, b’mod li hija tkun tista’ tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk teżerċitax jew le d-dritt tagħha għal azzjoni ġudizzjarja ggarantit fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva PNR, sabiex tiġi kkontestata, jekk ikun il-każ, in-natura illegali u, b’mod partikolari, diskriminatorja tal-imsemmija kriterji (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess għandu japplika fir-rigward tal-kriterji ta’ eżami mill-ġdid imsemmija fil-punt 206 ta’ din is-sentenza.

211    Fl-aħħar, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva PNR, il-qorti responsabbli għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll, minbarra l-każijiet ta’ theddid għas-sigurtà tal-Istat, il-persuna kkonċernata stess għandhom ikunu jistgħu jieħdu konjizzjoni kemm tal-motivi kollha kif ukoll tal-provi li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni tkun ittieħdet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 54 sa 59), inkluż tal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel u tal-funzjonament tal-programmi li japplikaw dawn il-kriterji.

212    Barra minn hekk, skont, l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva PNR, rispettivament, huma l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza li għandhom jiżguraw il-kontroll tal-legalità tal-ipproċessar awtomatizzat imwettaq mill-PIU fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel, kontroll li jestendi, b’mod partikolari, għan-natura nondiskriminatorja ta’ dan l-ipproċessar. Għalkemm l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tippreċiża, għal dan il-għan, li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu aċċess għad-data kollha pproċessata mill-PIU, dan l-aċċess għandu neċessarjament jestendi għall-kriterji stabbiliti minn qabel u għad-databases użati minn din l-unità, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja u l-livell għoli tal-protezzjoni tad-data li dan l-uffiċċjal għandu jiżgura skont il-premessa 37 ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod, l-investigazzjonijiet, l-ispezzjonijiet u l-awditi li l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza twettaq skont it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu wkoll jirrigwardaw dawn il-kriterji stabbiliti minn qabel u dawn id-databases.

213    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR li jirregolaw l-evalwazzjoni minn qabel tad-data PNR skont l-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva jagħtu lok għal interpretazzjoni konformi mal-Artikoli 7, 8 u 21 tal-Karta, li tosserva l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

6)      Fuq ilkommunikazzjoni u levalwazzjoni sussegwenti tad-data PNR

214    Skont l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva PNR, id-data PNR tista’ wkoll, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, tiġi kkomunikata lil dawn tal-aħħar u tkun suġġetta għal evalwazzjoni wara l-wasla prevista fl-Istat Membru jew it-tluq previst minnu.

215    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom tali komunikazzjoni u tali evalwazzjoni jistgħu jitwettqu, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-PIU tista’ tipproċessa d-data PNR sabiex tirrispondi “każ b’każ” għat-“talba debitament motivata bbażata fuq raġunijiet suffiċjenti” tal-awtoritajiet kompetenti, intiża sabiex din id-data tiġi kkomunikata lilhom u sabiex din tkun is-suġġett ta’ pproċessar “f’każijiet speċifiċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja”. Barra minn hekk, meta talba titressaq iktar minn sitt xhur wara t-trasferiment tad-data PNR lill-PIU, perijodu li mal-iskadenza tiegħu d-data PNR kollha tiġi ddepersonalizzata permezz ta’ ħabi ta’ ċerti elementi, konformement mal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-komunikazzjoni tad-data PNR kollha, u, għaldaqstant, ta’ verżjoni mhux iddepersonalizzata tagħha, hija awtorizzata biss bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, ikunu jeżistu motivi raġonevoli sabiex wieħed jaħseb li din hija meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 6(2)(b) tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, din tkun approvata minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità nazzjonali kompetenti oħra skont id-dritt nazzjonali.

216    F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva PNR jirriżulta, qabelxejn, li l-PIU ma tistax sistematikament twettaq komunikazzjoni u evalwazzjoni sussegwenti tad-data PNR tal-passiġġieri kollha tal-ajru u li hija tista’ biss tirrispondi “każ b’każ” għal talbiet intiżi għal tali pproċessar “f’każijiet speċifiċi”. Madankollu, sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għal “każijiet speċifiċi”, dan l-ipproċessar ma għandux neċessarjament ikun limitat għad-data PNR ta’ passiġġier tal-ajru wieħed, iżda jista’, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni bi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrigwarda wkoll numru ta’ persuni, sakemm il-persuni kkonċernati jaqsmu bejniethom ċertu numru ta’ karatteristiċi li jippermettu li dawn jitqiesu bħala li flimkien jikkostitwixxu “każ speċifiku” għall-finijiet tal-komunikazzjoni u tal-evalwazzjoni mixtieqa.

217    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kundizzjonijiet sostantivi sabiex id-data PNR ta’ passiġġieri tal-ajru tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni u ta’ evalwazzjoni sussegwenti, għalkemm l-Artikolu 6(2)(b) u l-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva PNR jużaw, rispettivament, għal “raġunijiet suffiċjenti” u “raġonevolment” mingħajr ma jispeċifikaw espressament in-natura ta’ dawn ir-raġunijiet, madankollu mill-kliem stess tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li tirreferi għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li l-komunikazzjoni tad-data PNR u l-evalwazzjoni sussegwenti jistgħu jitwettqu biss għall-finijiet tal-verifika tal-eżistenza ta’ indizji fir-rigward ta’ implikazzjoni possibbli tal-persuni kkonċernati f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja li jkollhom, hekk kif jirriżulta mill-punt 157 ta’ din is-sentenza, rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

218    Issa, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR, il-komunikazzjoni u l-ipproċessar tad-data PNR b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(b) ta’ din id-direttiva jirrigwardaw data ta’ persuni li diġà kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni minn qabel qabel il-wasla prevista tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat jew it-tluq previst tagħhom minnu. Barra minn hekk, talba għal evalwazzjoni sussegwenti tista’ tikkonċerna, b’mod partikolari, il-persuni li d-data PNR tagħhom ma tkunx ġiet ittrasferita lill-awtoritajiet kompetenti wara l-evalwazzjoni minn qabel, sa fejn din ma tkunx żvelat elementi li jindikaw li dawn il-persuni setgħu jkunu involuti f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-komunikazzjoni u l-ipproċessar ta’ din id-data għall-finijiet tal-evalwazzjoni sussegwenti tagħha għandhom ikunu bbażati fuq ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw dan l-użu (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

219    Fir-rigward tan-natura taċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw il-komunikazzjoni u l-ipproċessar tad-data PNR għall-finijiet tal-evalwazzjoni sussegwenti tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li aċċess ġenerali għad-data kollha miżmuma, indipendentement minn kwalunkwe rabta, tal-inqas indiretta, mal-għan imfittex, ma jistax jitqies bħala limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, il-leġiżlazzjoni kkonċernata, kemm jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll jekk regola nazzjonali intiża li tittrasponi din tal-aħħar, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw l-aċċess għad-data inkwistjoni. F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, aċċess jista’ jingħata biss, b’rabta mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, qegħdin iwettqu jew li wettqu reat serju jew li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’tali reat. Madankollu, f’sitwazzjonijiet partikolari, bħalma huma dawk li fihom interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża jew tas-sigurtà pubblika jkunu mhedda minn attivitajiet ta’ terroriżmu, l-aċċess għad-data ta’ persuni oħra jista’ jingħata wkoll meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ partikolari, tagħti kontribuzzjoni effettiva għall-ġlieda kontra tali attivitajiet (sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 105).

220    Għalhekk, il-kliem “raġunijiet suffiċjenti” u “raġonevolment”, li jinsab, rispettivament, fl-Artikolu 6(2)(b) u fl-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva PNR, għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, bħala li jirreferi għal elementi oġġettivi ta’ natura li joħolqu suspett raġonevoli ta’ involviment tal-persuna kkonċernata, b’mod jew ieħor, fi kriminalità serja li jkollha rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, filwaqt li, fir-rigward tar-reati terroristiċi li jkollhom tali rabta, dan ir-rekwiżit jkun issodisfatt meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li d-data PNR tista’, f’każ partikolari, tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ġlieda kontra tali reati.

221    Fl-aħħar, fir-rigward tal-kundizzjonijiet proċedurali li għalihom huma suġġetti l-komunikazzjoni u l-ipproċessar tad-data PNR għall-finijiet tal-evalwazzjoni sussegwenti tagħha, l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR jeżiġi, fil-każ fejn it-talba titressaq iktar minn sitt xhur wara t-trasferiment tagħha lill-PIU, jiġifieri meta, skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija data tkun ġiet iddepersonalizzata permezz tal-ħabi tal-elementi msemmija f’dan l-Artikolu 12(2), li l-komunikazzjoni tad-data PNR kollha, u, għaldaqstant, ta’ verżjoni mhux iddepersonalizzata tagħha, tiġi awtorizzata minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità nazzjonali kompetenti oħra skont id-dritt nazzjonali. F’dan il-kuntest, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jeżaminaw kompletament il-fondatezza tat-talba u, b’mod partikolari, jivverifikaw jekk l-elementi prodotti insostenn tal-imsemmija talba humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-kundizzjoni sostantiva relatata mal-eżistenza ta’ motivi “raġonevoli” imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

222    Huwa minnu li, fil-każ fejn it-talba għall-komunikazzjoni u għall-evalwazzjoni sussegwenti tad-data PNR titressaq qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data, l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva PNR ma jipprevedix espressament tali kundizzjoni proċedurali. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-premessa 25 ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li, billi ppreveda l-imsemmija kundizzjoni proċedurali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jiġi “żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-data” f’dak li jirrigwarda l-aċċess għad-data PNR f’forma li tippermetti identifikazzjoni diretta tal-persuna kkonċernata. Issa, kull talba għal komunikazzjoni u għal evalwazzjoni sussegwenti timplika tali aċċess għal din id-data, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din it-talba tkunx tressqet qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment tad-data PNR lill-PIU jew jekk din tkunx tressqet wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.

223    B’mod partikolari, sabiex jiġi ggarantit, fil-prattika, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali fis-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 218 u 219 ta’ din is-sentenza, huwa essenzjali li l-komunikazzjoni tad-data PNR għall-finijiet ta’ evalwazzjoni sussegwenti tkun, bħala prinċipju, ħlief fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, suġġetta għal stħarriġ minn qabel imwettaq minn qorti jew għal kontroll minn qabel imwettaq minn awtorità amministrattiva indipendenti u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-awtorità tittieħed wara talba motivata tal-awtoritajiet kompetenti, imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjonijiet kriminali. Fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, l-imsemmi stħarriġ jew kontroll għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 202 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 110).

224    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ stħarriġ jew ta’ kontroll minn qabel previst fl-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR, għat-talbiet għall-komunikazzjoni tad-data PNR imressqa wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data lill-PIU, għandu japplika wkoll, mutatis mutandis, fil-każ fejn it-talba għal komunikazzjoni titressaq qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu.

225    Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR ma jispeċifikax espressament ir-rekwiżiti li għandha tissodisfa l-awtorità inkarigata mill-kontroll minn qabel, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi żgurat li l-indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta minn aċċess għad-data personali jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, din l-awtorità għandu jkollha s-setgħat kollha u għandha tipprovdi l-garanziji kollha neċessarji bil-għan li tiġi żgurata rikonċiljazzjoni tad-diversi interessi u drittijiet inkwistjoni. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ investigazzjoni kriminali, tali kontroll jeżiġi li din l-awtorità tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi relatati mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom tkun kkonċernata mill-aċċess (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

226    Għal dan il-għan, tali awtorità għandu jkollha status li jippermettilha taġixxi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, b’mod oġġettiv u imparzjali u għandha tkun, għal dan il-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna. Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza jeħtieġ li din ikollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ dik li titlob l-aċċess għad-data, b’mod li dik tal-ewwel tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-kontroll tagħha b’mod ħieles minn kull influwenza esterna. B’mod partikolari, fil-qasam kriminali, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika li l-imsemmija awtorità, minn naħa, ma tkunx involuta fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ikollha pożizzjoni ta’ newtralità fil-konfront tal-partijiet fil-proċeduri kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 108 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

227    Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR li jirregolaw il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni sussegwenti tad-data PNR skont l-Artikolu 6(2)(b) ta’ din id-direttiva jagħtu lok għal interpretazzjoni konformi mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li tosserva l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

228    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, peress li interpretazzjoni tad-Direttiva PNR fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tiżgura l-konformità ta’ din id-direttiva ma’ dawn l-artikoli tal-Karta, l-eżami tat-tieni sar-raba’ domanda u tas-sitt domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-imsemmija direttiva.

C.      Fuq ilħames domanda

229    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva PNR, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġu interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ipproċessar tad-data PNR miġbura b’mod konformi ma’ din id-direttiva għall-finijiet tal-monitoraġġ ta’ attivitajiet mis-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà.

230    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod iktar partikolari, għall-attivitajiet koperti mis-Sûreté de l’État (Is-Sigurtà tal-Istat, il-Belġju) u mis-Service général du renseignement et de la sécurité (Is-Servizzi Ġenerali tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà, il-Belġju), fil-kuntest tal-missjonijiet rispettivi tagħhom relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

231    F’dan ir-rigward, sabiex jiġu osservati l-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità msemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda regoli ċari u preċiżi li jirregolaw l-iskopijiet tal-miżuri previsti mid-Direttiva PNR li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

232    Fil-fatt, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR jipprovdi b’mod espliċitu li d-data PNR miġbura skont din id-direttiva tista’ tiġi pproċessata “biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, kif previst fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 6(2) [tal-imsemmija direttiva]”. Din l-aħħar dispożizzjoni tikkonferma l-prinċipju stabbilit f’dan l-Artikolu 1(2), billi tirreferi b’mod sistematiku għall-kunċetti ta’ “reat terroristiku” u ta’ “kriminalità serja”.

233    Għalhekk, mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li l-elenku inkluż fihom tal-għanijiet imfittxija mill-ipproċessar tad-data PNR skont id-Direttiva PNR huwa ta’ natura eżawrjenti.

234    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, mill-premessa 11 tad-Direttiva PNR, li skontha l-ipproċessar tad-data PNR għandu jkun proporzjonat mal-“għanijiet speċifiċi tas-sigurtà” segwiti minn din id-direttiva, u mill-Artikolu 7(4) tagħha, li skontu d-data PNR u r-riżultat tal-ipproċessar ta’ din id-data rċevuti mill-PIU jistgħu jiġu pproċessati sussegwentement “biss għall-finijiet speċifiċi tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja”.

235    Barra minn hekk, in-natura eżawrjenti tal-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR timplika wkoll li d-data PNR ma tistax tinżamm f’database unika li tista’ tiġi kkonsultata sabiex jintlaħqu kemm dawn l-iskopijiet kif ukoll skopijiet oħra. Fil-fatt, iż-żamma ta’ din id-data f’tali database tkun tinvolvi r-riskju li l-imsemmija data tintuża għal finijiet differenti minn dawk imsemmija f’dan l-Artikolu 1(2).

236    F’dan il-każ, sa fejn, skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, bħala skop tal-ipproċessar tad-data PNR, il-monitoraġġ tal-attivitajiet koperti mis-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà, u b’hekk tinkludi dan l-iskop fil-prevenzjoni u fl-iskoperta tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità serja kif ukoll fl-investigazzjonijiet u fl-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, din il-leġiżlazzjoni tista’ tinjora n-natura eżawrjenti tal-elenkar tal-għanijiet imfittxija mill-ipproċessar tad-data PNR skont id-Direttiva PNR, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

237    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva PNR, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ipproċessar ta’ data PNR miġbura konformement ma’ din id-direttiva għal finijiet differenti minn dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva.

D.      Fuq isseba’ domanda

238    Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-awtorità stabbilita bħala PIU hija wkoll awtorità nazzjonali kompetenti awtorizzata tapprova l-komunikazzjoni tad-data PNR mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data lill-PIU.

239    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Gvern Belġjan għandu dubji dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal din id-domanda, hekk kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, għar-raġuni li din l-aħħar qorti biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali u, b’mod partikolari, sabiex tevalwa r-rekwiżiti li jirriżultaw mil-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 fid-dawl tal-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR.

240    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, permezz tal-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati tal-Istati Membri u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, u għalkemm ma hijiex din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, CTT ‑ Correios de Portugal, C‑661/18, EU:C:2020:335, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għas-seba’ domanda.

241    Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR, li fil-punti (i) u (ii) tiegħu jirreferi għal “awtorità ġudizzjarja” u għal “awtorità nazzjonali kompetenti oħra skont il-liġi nazzjonali biex tivverifika jekk il-kondizzjonijiet għall-iżvelar humiex issodisfati”, rispettivament, iqiegħed lil dawn iż-żewġ awtoritajiet fuq l-istess livell, hekk kif jirriżulta mill-użu tal-konġunzjoni “jew” bejn dawn il-punti (i) u (ii). B’hekk, minn dan il-kliem jirriżulta li l-awtorità nazzjonali kompetenti l-“oħra” hekk imsemmija tikkostitwixxi alternattiva għall-awtorità ġudizzjarja u għandu, għaldaqstant, ikollha, livell ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità paragunabbli għal din tal-aħħar.

242    Din l-analiżi hija sostnuta mill-għan tad-Direttiva PNR, imsemmi fil-premessa 25 tagħha, li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-data f’dak li jirrigwarda l-aċċess għad-data PNR kollha, li tippermetti l-identifikazzjoni diretta tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, din l-istess premessa tippreċiża li tali aċċess għandu jingħata biss taħt kundizzjonijiet stretti ħafna wara l-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment tad-data PNR lill-PIU.

243    L-imsemmija analiżi hija kkorroborata wkoll mill-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva PNR. Fil-fatt, filwaqt li l-proposta għal direttiva msemmija fil-punt 155 ta’ din is-sentenza, li wasslet għad-Direttiva PNR, sempliċement kienet tipprevedi li “[a]ċċess għad-dejta tal-PNR kollha għandu jkun permess biss mill-Kap tal-Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri”, il-verżjoni tal-Artikolu 12(3)(b) ta’ din id-direttiva finalment adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni ssemmi, filwaqt li tpoġġihom fuq l-istess livell, l-awtorità ġudizzjarja u “awtorità nazzjonali […] oħra” kompetenti sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-komunikazzjoni tad-data PNR kollha humiex issodisfatti u sabiex tapprova tali komunikazzjoni.

244    Barra minn hekk u fuq kollox, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 223, 225 u 226 ta’ din is-sentenza, huwa essenzjali li l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data miżmuma jkun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq minn qorti jew għal kontroll minn qabel imwettaq minn entità amministrattiva indipendenti u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata wara talba motivata ta’ dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjonijiet kriminali. Ir-rekwiżit ta’ indipendenza li għandha tissodisfa l-entità inkarigata milli teżerċita l-kontroll minn qabel jimponi wkoll li din ikollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li titlob l-aċċess għad-data, b’mod li l-imsemmija entità tkun f’pożizzjoni li teżerċita dan-il-kontroll b’mod oġġettiv u imparzjali, ħielsa minn kull influwenza esterna. B’mod partikolari, fil-qasam kriminali, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika li l-awtorità responsabbli minn dan il-kontroll minn qabel, minn naħa, ma tkunx involuta fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ikollha pożizzjoni ta’ newtralità fil-konfront tal-partijiet fil-proċeduri kriminali.

245    Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 271 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4 tad-Direttiva PNR jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, li l-PIU stabbilita jew innominata f’kull Stat Membru hija awtorità kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-iskoperta tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità serja, kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, u li l-membri tal-persunal tagħha jistgħu jkunu aġenti ikkollokati mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-PIU tidher neċessarjament marbuta ma’ dawn l-awtoritajiet. Il-PIU tista’ wkoll, skont l-Artikolu 6(2)(b) tal-imsemmija direttiva, tipproċedi b’ipproċessar ta’ data PNR li tiegħu hija tikkomunika r-riżultat lill-imsemmija awtoritajiet. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-PIU ma tistax titqies bħala li għandha l-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ dawn l-istess awtoritajiet u, għaldaqstant, bħala li għandha l-kwalitajiet kollha ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa sabiex teżerċita l-kontroll minn qabel imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-komunikazzjoni tad-data PNR kollha humiex issodisfatti, hekk kif previst fl-Artikolu 12(3)(b) tal-istess direttiva.

246    Barra minn hekk, il-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi, fil-punt (ii) tagħha, fil-każ ta’ approvazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ din id-data kollha minn “awtorità nazzjonali kompetenti oħra”, li l-uffiċċjal tal-protezzjoni tad-data tal-PIU “jiġi informat u li ssir analiżi ex post”, filwaqt li dan ma jkunx il-każ meta l-approvazzjoni tingħata mill-awtorità ġudizzjarja, ma huwiex ta’ natura li jqiegħed f’dubju din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, kontroll sussegwenti, bħal dak imwettaq mill-uffiċċjal tal-protezzjoni tad-data, ma jippermettix li jintlaħaq l-għan tal-kontroll minn qabel, li jikkonsisti f’li jiġi prekluż li jkun awtorizzat aċċess għad-data inkwistjoni li jkun jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

247    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-awtorità stabbilita bħala PIU tkun ukoll awtorità nazzjonali kompetenti awtorizzata tapprova l-komunikazzjoni tad-data PNR mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data lill-PIU.

E.      Fuq ittmien domanda

248    Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu ġenerali ta’ żamma tad-data PNR ta’ ħames snin, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk il-passiġġieri kkonċernati humiex ta’ riskju jew le fil-qasam ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja.

249    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12(1) u (4) ta’ din id-direttiva, il-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-punt ta’ wasla jew ta’ tluq tat-titjira kkonċernata għandha żżomm id-data PNR ipprovduta mit-trasportaturi tal-ajru f’database għal perijodu ta’ ħames snin wara t-trasferiment tagħha lil din l-unità u għandha tħassar din id-data b’mod definittiv fi tmiem dan il-perijodu ta’ ħames snin.

250    Hekk kif tfakkar il-premessa 25 tad-Direttiva PNR, “[i]l-perijodu li matulu għandha tinżamm id-data tal-PNR għandu jkun twil kemm hu neċessarju u proporzjonat għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja”.

251    Konsegwentement, iż-żamma tad-data PNR b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PNR ma tistax tkun iġġustifikata fl-assenza ta’ rabta oġġettiva bejn din iż-żamma u l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, jiġifieri l-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

252    F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-Direttiva PNR, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-perijodu ta’ żamma inizjali ta’ sitt xhur, imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, il-perijodu sussegwenti, imsemmi fl-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva.

253    L-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PNR għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 12(2) u (3), li jistabbilixxu s-sistema ta’ żamma u ta’ aċċess għad-data PNR miżmuma wara l-iskadenza tal-perijodu taż-żamma inizjali ta’ sitt xhur. Hekk kif jirriżulta mill-imsemmija premessa 25 ta’ din id-direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet jirriflettu, minn naħa, l-għan li jiġi żgurat “li d-data tal-PNR tinżamm għal perijodu twil biżżejjed biex titwettaq analiżi tax-xejriet u għall-użu fl-investigazzjonijiet”, fejn dawn jistgħu diġà jitwettqu matul il-perijodu ta’ żamma inizjali ta’ sitt xhur. Min-naħa l-oħra, dawn ifittxu, skont din l-istess premessa 25, li “jiġi evitat kull użu sproporzjonat,” permezz ta’ ħabi ta’ din id-data u li “jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-data” billi jiġi awtorizzat l-aċċess għal din id-data f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni diretta tal-persuna kkonċernata “biss taħt kondizzjonijiet stretti u limitati ħafna wara dak il-perijodu ta’ żamma inizjali”, b’teħid għalhekk inkunsiderazzjoni tal-fatt li iktar ma tkun twila ż-żamma tad-data PNR, iktar ikun serju l-indħil li jirriżulta.

254    Issa, id-distinzjoni bejn il-perijodu ta’ żamma inizjali ta’ sitt xhur, imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva PNR, u l-perijodu sussegwenti, imsemmi fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, tapplika wkoll għall-osservanza neċessarja tar-rekwiżit imsemmi fil-punt 251 ta’ din is-sentenza.

255    Għalhekk, fid-dawl tal-iskopijiet tad-Direttiva PNR u tal-bżonnijiet tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet fil-qasam ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja, hemm lok li jitqies li ż-żamma, matul il-perijodu inizjali ta’ sitt xhur, tad-data PNR tal-passiġġieri kollha tal-ajru suġġetti għas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, mingħajr l-iċken indikazzjoni dwar l-involviment tagħhom f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja, ma tidhirx, bħala prinċipju, li teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, sa fejn din tippermetti li jsiru t-tfittxijiet neċessarji għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-persuni li ma kinux issuspettati b’parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja.

256    Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-perijodu sussegwenti, imsemmi fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR, iż-żamma tad-data PNR tal-passiġġieri kollha tal-ajru suġġetti għas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, minbarra l-fatt li din tinvolvi, minħabba l-kwantità kbira ta’ data li tista’ tinżamm b’mod kontinwu, riskji inerenti ta’ użu sproporzjonat u ta’ abbuż (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 119), tmur kontra r-rekwiżit imsemmi fil-premessa 25 tal-imsemmija direttiva, li skontu din id-data għandha tinżamm biss għat-tul neċessarju u proporzjonat għall-għanijiet segwiti, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-data PNR li tippermetti identifikazzjoni diretta tal-persuni kkonċernati.

257    Fil-fatt, fir-rigward tal-passiġġieri tal-ajru li fir-rigward tagħhom la l-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR, la l-verifiki eventwali mwettqa matul il-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, u lanqas xi ċirkustanza oħra ma jkunu żvelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi ta’ natura li jistabbilixxu riskju fil-qasam ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mal-vjaġġ bl-ajru mwettaq minn dawn il-passiġġieri, ma jidhirx li teżisti, f’tali ċirkustanzi, rabta, anki jekk indiretta, bejn id-data PNR ta’ dawn il-passiġġieri u l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva, li tiġġustifika ż-żamma ta’ din l-istess data (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 204 u 205).

258    Għalhekk, il-ħażna kontinwa tad-data PNR tal-passiġġieri kollha tal-ajru wara l-perijodu inizjali ta’ sitt xhur ma tidhirx limitata għal dak li huwa strettament neċessarju (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 206).

259    Sa fejn, madankollu, jiġu identifikati, f’każijiet partikolari, elementi oġġettivi, bħad-data PNR tal-passiġġieri li tkun tat lok għal konkordanza pożittiva vverifikata, li jippermettu li jitqies li ċerti passiġġieri jistgħu jippreżentaw riskju fil-qasam ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja, ħażna tad-data PNR tagħhom tidher ammissibbli lil hinn minn dan il-perijodu inizjali (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 207 u l-ġurisprudenza ċċitata).

260    Fil-fatt, l-identifikazzjoni ta’ dawn l-elementi oġġettivi tista’ tistabbilixxi rabta mal-għanijiet imfittxija mill-ipproċessar taħt id-Direttiva PNR, b’mod li ż-żamma tad-data PNR relatata ma’ dawn il-passiġġieri tkun iġġustifikata matul il-perijodu massimu permess mill-imsemmija direttiva, jiġifieri matul ħames snin.

261    F’dan il-każ, sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li tipprevedi perijodu ġenerali ta’ żamma tad-data PNR ta’ ħames snin, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-passiġġieri kollha, inkluż għal dawk li fir-rigward tagħhom la l-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR, la l-verifiki eventwali mwettqa matul il-perijodu inizjali ta’ sitt xhur, u lanqas xi ċirkustanza oħra ma jkunu żvelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi ta’ natura li jistabbilixxu riskju fil-qasam ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja, din il-leġiżlazzjoni tista’ tikser l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm din ma tkunx tista’ tiġi interpretata b’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

262    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu ġenerali ta’ żamma tad-data PNR ta’ ħames snin, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-passiġġieri kollha tal-ajru, inkluż għal dawk li fir-rigward tagħhom la l-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, la l-verifiki eventwali mwettqa matul il-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva u lanqas xi ċirkustanza oħra ma jkunu żvelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi ta’ natura li jistabbilixxu riskju fil-qasam ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

F.      Fuq ilpunt (a) taddisa’ domanda

263    Permezz tal-punt (a) tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità tad-Direttiva API fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE u tal-Artikolu 45 tal-Karta, billi titlaq mill-premessa li l-obbligi li din id-direttiva tistabbilixxi japplikaw għat-titjiriet ġewwa l-UE.

264    Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 277 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif osservaw il-Kunsill, il-Kummissjoni u bosta gvernijiet, din il-premessa hija żbaljata.

265    Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva API jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu l-obbligu, għat-trasportaturi, li jittrażmettu, fuq talba tal-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni, qabel it-tmiem tar-reġistrazzjoni, l-informazzjoni dwar il-passiġġieri li huma ser ikunu qegħdin jittrasportaw lejn punt ta’ qsim ta’ fruntiera awtorizzat li permezz tiegħu dawn il-persuni jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru. Din id-data għandha tiġi trażmessa, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, lill-awtoritajiet responsabbli mit-twettiq tal-kontroll fil-fruntieri esterni li permezz tagħhom il-passiġġier jidħol f’dan it-territorju u għandha tiġi pproċessata skont il-kundizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni.

266    Issa, minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 2(a), (b) u (d) tad-Direttiva API, fejn huma ddefiniti l-kunċetti ta’ “trasportatur”, ta’ “fruntieri esterni” u ta’ “punt tal-qsim tal-fruntiera”, rispettivament, jirriżulta b’mod ċar li din id-direttiva timponi l-obbligu, fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru, li jittrażmettu d-data msemmija fl-Artikolu 3(2) tagħha lill-awtoritajiet responsabbli mill-kontrolli fil-fruntieri esterni biss fil-każ tat-titjiriet li jittrasportaw passiġġieri lejn punt ta’ qsim awtorizzat għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi u tipprevedi biss l-ipproċessar tad-data relatata ma’ dawn it-titjiriet.

267    Għall-kuntrarju, l-imsemmija direttiva ma timponi ebda obbligu fir-rigward tad-data tal-passiġġieri li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fuq titjiriet li jaqsmu biss fruntieri interni bejn l-Istati Membri.

268    Għandu jingħad ukoll li d-Direttiva PNR, billi tinkludi fost id-data PNR, hekk kif jirriżulta mill-premessa 9 u mill-Artikolu 8(2) tagħha, id-data msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API miġbura skont din id-direttiva u miżmuma minn ċerti trasportaturi tal-ajru, u billi tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw id-Direttiva PNR, skont l-Artikolu 2 tagħha, għat-titjiriet ġewwa l-UE li huma jiddefinixxu, la bidlet il-portata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva API u lanqas il-limitazzjonijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva.

269    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-punt (a) tad-disa’ domanda tkun li d-Direttiva API għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tapplikax għat-titjiriet ġewwa l-UE.

G.      Fuq ilpunt (b) tad-disa’ domanda

270    Għalkemm, fil-punt (b) tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-Direttiva API, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2) TUE u mal-Artikolu 45 tal-Karta, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ trasferiment u ta’ pproċessar tad-data tal-passiġġieri stabbilita mil-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 mal-moviment liberu tal-persuni u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni previsti mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn din is-sistema tapplika mhux biss għat-trasport bl-ajru, iżda anki għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq, u anki bil-baħar li jkun ġej minn jew għad-destinazzjoni tal-Belġju, imwettaq fi ħdan l-Unjoni, mingħajr qsim ta’ fruntieri esterni mal-pajjiżi terzi.

271    Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 265 sa 269 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva API, li ma tapplikax għat-titjiriet ġewwa l-UE u li ma timponix obbligu ta’ trasferiment u ta’ pproċessar tad-data tal-passiġġieri li jkunu qegħdin jivvjaġġaw bl-ajru jew b’mod ieħor ta’ trasport fi ħdan l-Unjoni, mingħajr qsim tal-fruntieri esterni ma’ pajjiżi terzi, ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.

272    Għall-kuntrarju, u filwaqt li, skont l-Artikolu 67(2) TFUE, l-Unjoni għandha tiżgura l-assenza ta’ kontrolli tal-persuni fil-fruntieri interni, l-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, li fuqu l-leġiżlatur Belġjan ibbaża ruħu sabiex jadotta l-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw din id-direttiva għat-titjiriet ġewwa l-UE.

273    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi fformulat mill-ġdid il-punt (b) tad-disa’ domanda bħala li huwa intiż, essenzjalment, li jistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, tal-Artikolu 67(2) TFUE u tal-Artikolu 45 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sistema ta’ trasferiment, mit-trasportaturi u mill-operaturi tal-ivvjaġġar, kif ukoll ta’ pproċessar, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-data PNR tat-titjiriet u tat-trasport imwettaq permezz ta’ mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni, li jkunu ġejjin minn jew għad-destinazzjoni tal-Istat Membru li jkun adotta l-imsemmija leġiżlazzjoni jew li jkunu qegħdin jgħaddu minn dan l-Istat Membru.

274    Qabel kollox, l-Artikolu 45 tal-Karta jistabbilixxi l-moviment liberu tal-persuni, li jikkostitwixxi, barra minn hekk, waħda mil-libertajiet fundamentali tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (Miżuri restrittivi għat-tneħħija), C‑718/19, EU:C:2021:505, punt 54).

275    L-Artikolu 45(1) jiggarantixxi d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, dritt li, skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), jikkorrispondi għal dak iggarantit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE u li għandu jiġi eżerċitat, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE u mal-Artikolu 52(2) tal-Karta, skont il-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti mit-Trattati u mill-miżuri adottati b’applikazzjoni tagħhom.

276    Sussegwentement, skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fi ħdanu jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni, flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kontrolli fil-fruntieri esterni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenominu. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 67(2) TFUE, l-Unjoni għandha tiżgura l-assenza ta’ kontrolli tal-persuni fil-fruntieri interni u għandha tiżviluppa politika komuni fil-qasam, b’mod partikolari, tal-kontroll fil-fruntieri esterni.

277    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ lil ċerti ċittadini nazzjonali minħabba l-fatt biss li jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikolu 45(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 21(1) TFUE, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 30).

278    Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tapplika s-sistema prevista mid-Direttiva PNR mhux biss għat-titjiriet barra l-UE iżda wkoll, konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, għat-titjiriet ġewwa l-UE kif ukoll, lil hinn minn dak li huwa previst f’din id-dispożizzjoni, għal trasport imwettaq permezz ta’ mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni, għandha bħala konsegwenza t-trasferiment kif ukoll l-ipproċessar sistematiku u kontinwu tad-data PNR ta’ kull passiġġier li jiċċaqlaq permezz ta’ dawn il-mezzi fi ħdan l-Unjoni filwaqt li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu.

279    Hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 98 sa 111 ta’ din is-sentenza, it-trasferiment kif ukoll l-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri ta’ titjiriet barra l-UE u ġewwa l-UE li jirriżultaw mis-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR jimplikaw indħil ta’ gravità ċerta fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tal-persuni kkonċernati. Il-gravità ta’ dan l-indħil tiżdied fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ din is-sistema tkun estiża għal mezzi oħra ta’ trasport fi ħdan l-Unjoni. Tali ndħil huwa, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti, ukoll ta’ natura li jqiegħed fi żvantaġġ u, għaldaqstant, li jiddisswadi milli jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Karta, liċ-ċittadini tal-Istati Membri li jkunu adottaw tali leġiżlazzjoni kif ukoll, b’mod ġenerali, liċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu permezz ta’ dawn il-mezzi ta’ trasport fl-Unjoni minn jew għad-destinazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri, b’mod li l-imsemmija leġiżlazzjoni tinvolvi restrizzjoni għal din il-libertà fundamentali.

280    Skont ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni tista’ tkun iġġustifikata biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. Miżura tkun proporzjonata meta, filwaqt li tkun adatta sabiex tilħaq l-għan imfittex, ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

281    Għandu jingħad ukoll li miżura nazzjonali li tkun ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni tista’ tkun iġġustifikata biss meta din il-miżura tkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo”, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

282    B’mod partikolari, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi rrikkonċiljat mad-drittijiet fundamentali affettwati mill-miżura, u dan billi titwettaq ponderazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni tkun tinvolvi u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il-limitazzjoni tkun proporzjonata ma’ din il-gravità.

283    Hekk kif tfakkar fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja li d-Direttiva PNR issegwi huwa mingħajr dubju għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni.

284    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali adottata għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva PNR u li testendi s-sistema prevista minn din id-direttiva għat-titjiriet ġewwa l-UE u għal mezzi oħra ta’ trasport fi ħdan l-Unjoni hijiex adatta għat-twettiq tal-għan imfittex, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-użu tad-data PNR jippermetti li jiġu identifikati persuni li ma kinux issuspettati li pparteċipaw f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja u li għandhom ikunu suġġetti għal eżami iktar fil-fond, b’mod li tali leġiżlazzjoni tidher adatta sabiex jintlaħaq l-għan imfittex tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja.

285    Fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ tali leġiżlazzjoni, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva PNR, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi limitat għal dak li huwa strettament neċessarju għat-twettiq ta’ dan l-għan fid-dawl tar-rekwiżiti msemmija fil-punti 163 sa 174 ta’ din is-sentenza.

286    Dawn ir-rekwiżiti japplikaw, a fortiori, fil-każ fejn is-sistema prevista mid-Direttiva PNR tiġi applikata għal mezzi oħra ta’ trasport fi ħdan l-Unjoni.

287    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tittrasponi, f’att wieħed, id-Direttiva PNR, id-Direttiva API u, parzjalment, id-Direttiva 2010/65. Għal dan il-għan, din tipprevedi l-applikazzjoni tas-sistema prevista mid-Direttiva PNR għat-titjiriet kollha ġewwa l-UE u għat-trasport kollu bil-ferrovija, bit-triq, u anki bil-baħar, imwettaq fi ħdan l-Unjoni li jkunu ġejjin minn, għad-destinazzjoni ta’ u li jkunu qegħdin jgħaddu mill-Belġju u tapplika wkoll għall-operaturi tal-ivvjaġġar, filwaqt li ssegwi wkoll għanijiet oħra minbarra l-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja. Skont dawn l-istess indikazzjonijiet, jidher li d-data kollha miġbura fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tinżamm mill-PIU f’database unika li tinkludi d-data PNR, inkluża d-data msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API, għall-passiġġieri kollha tat-trasport kopert mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

288    F’dan ir-rigward, sa fejn il-qorti tar-rinviju rreferiet għall-għan ta’ titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali fil-punt (b) tad-disa’ domanda tagħha, għan li huwa dak tad-Direttiva API, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 233, 234 u 237 ta’ din is-sentenza, l-elenkar tal-għanijiet imfittxija mill-ipproċessar tad-data PNR taħt id-Direttiva PNR huwa ta’ natura eżawrjenti, bir-riżultat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ipproċessar ta’ data PNR miġbura b’mod konformi ma’ din id-direttiva, għal finijiet differenti minn dawk previsti minnha, jiġifieri, b’mod partikolari, għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, tmur kontra l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-Karta.

289    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 235 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri ma jistgħux joħolqu database unika li tinkludi kemm id-data PNR miġbura skont id-Direttiva PNR u relatata mat-titjiriet barra l-UE u ġewwa l-UE kif ukoll data tal-passiġġieri ta’ mezzi oħra ta’ trasport u wkoll id-data msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API, b’mod partikolari meta din id-database tkun tista’ tiġi kkonsultata għall-finijiet tat-tfittxija mhux biss tal-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR, iżda wkoll ta’ skopijiet oħra.

290    Fl-aħħar u fi kwalunkwe każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 281 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikoli 28 sa 31 tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 jistgħu jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mal-Artikolu 67(2) TFUE, biss jekk dawn jiġu interpretati u applikati bħala li jirreferu biss għat-trasferiment u għall-ipproċessar tad-data API tal-passiġġieri li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Belġju ma’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, miżura li permezz tagħha Stat Membru jestendi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva API, għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, għat-titjiriet ġewwa l-UE u, a fortiori, għal mezzi oħra ta’ trasport li jittrasportaw lil passiġġieri fi ħdan l-Unjoni li jkunu ġejjin minn u li jkunu qegħdin jitilqu minn dan l-Istat Membru jew inkella li jkunu qegħdin jgħaddu mill-imsemmi Stat Membru, b’mod partikolari l-obbligu ta’ trażmissjoni tad-data tal-passiġġieri previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, tkun tammonta għal li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, waqt il-qsim tal-fruntieri interni tal-imsemmi Stat Membru, jiżguraw ruħhom b’mod sistematiku li dawn il-passiġġieri jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tiegħu jew jitilqu minnu u b’hekk ikollha effett ekwivalenti għall-kontrolli mwettqa fil-fruntieri esterni ma’ pajjiżi terzi.

291    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-punt (b) tad-disa’ domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, tal-Artikolu 67(2) TFUE u tal-Artikolu 45 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi:

–        leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fl-assenza ta’ theddida terroristika reali u attwali jew prevedibbli li jaffronta l-Istat Membru kkonċernat, sistema ta’ trasferiment, mit-trasportaturi tal-ajru u mill-operaturi tal-ivvjaġġar, kif ukoll ta’ pproċessar, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-data PNR tat-titjiriet kollha ġewwa l-UE u tat-trasport kollu mwettaq permezz ta’ mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni, li jkunu ġejjin minn jew għad-destinazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jew anki li jkunu qegħdin jgħaddu minnu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja. F’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR għandha tkun limitata għat-trasferiment u għall-ipproċessar tad-data PNR tat-titjiriet u/jew tat-trasport relatati, b’mod partikolari, ma’ ċerti rotot jew ma’ skemi tal-ivvjaġġar jew ukoll ma’ ċerti ajruporti, stazzjonijiet jew portijiet marittimi li fir-rigward tagħhom ikunu jeżistu indikazzjonijiet ta’ natura li jkunu jiġġustifikaw din l-applikazzjoni. Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jagħżel it-titjiriet ġewwa l-UE u/jew it-trasport imwettaq permezz ta’ mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni li fir-rigward tagħhom ikunu jeżistu tali indikazzjonijiet u li għandu jeżamina mill-ġdid b’mod regolari l-imsemmija applikazzjoni skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi li jkunu ġġustifikaw l-għażla tagħhom, sabiex jiżgura li l-applikazzjoni ta’ din is-sistema għal dawn it-titjiriet u/jew għal dan it-trasport tkun dejjem limitata għal dak li jkun strettament neċessarju, u

–        leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali sistema ta’ trasferiment u ta’ pproċessar tal-imsemmija data għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

H.      Fuq lgħaxar domanda

292    Permezz tal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’ tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq it-trasportaturi tal-ajru, ferrovjarji u bit-triq kif ukoll fuq l-operaturi tal-ivvjaġġar it-trasferiment tad-data PNR u li tipprevedi pproċessar u żamma ta’ din id-data inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, tal-Artikolu 67(2) TFUE, tal-Artikoli 7, 8 u 45 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

293    Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi dispożizzjonijiet tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-dispożizzjonijiet fit-territorju tal-imsemmija Stati. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, fin-nuqqas ta’ possibbiltà li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun il-każ ma tapplikax, ex officio, kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk din tkun ġiet adottata sussegwentement, mingħajr ma jkun neċessarju li titlob jew li tistenna t-tneħħija minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew ta’ xi proċedura kostituzzjonali oħra (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66, p. 1159 u 1160; tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C 520/18, EU:C:2020:791, punti 214 u 215; u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 118).

294    Il-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ preklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali kuntrarju għaliha. Tali limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tingħata biss fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba. Is-supremazija u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jiġu ppreġudikati jekk qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jagħtu supremazija lid-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-konfront tad-dritt tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jiksru, anki jekk b’mod provviżorju (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

295    B’kuntrast mal-ommissjoni ta’ obbligu proċedurali bħall-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 175, 176, 179 u 181), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat sospensjoni temporanja ta’ dan l-effett ta’ preklużjoni, ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 45 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jistax ikun is-suġġett ta’ regolarizzazzjoni permezz ta’ proċedura paragunabbli għal dik aċċettata f’dik il-kawża. Fil-fatt, iż-żamma tal-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016, tkun tfisser li din il-leġiżlazzjoni tkun qiegħda tkompli timponi fuq it-trasportaturi tal-ajru bħal fuq trasportaturi oħra u fuq l-operaturi tal-ivvjaġġar obbligi kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni u li jinvolvu ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data tagħhom tkun ġiet ittrasferita, miżmuma u pproċessata kif ukoll restrizzjonijiet għall-moviment liberu ta’ dawn il-persuni li jkunu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

296    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma tistax tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, abbażi tad-dritt nazzjonali, fir-rigward tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

297    Fl-aħħar, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tal-konstatazzjoni tal-eventwali inkompatibbiltà tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR, moqrija fid-dawl tal-Karta, dwar l-ammissibbiltà u l-użu tal-provi u tal-informazzjoni miksuba permezz tad-data ttrasferita mit-trasportaturi u mill-operaturi tal-ivvjaġġar ikkonċernati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata, b’mod partikolari għall-prinċipji mfakkra fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza ta‑‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), li minnha jirriżulta li din l-ammissibbiltà taqa’, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 127).

298    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-għaxar domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel, abbażi tad-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq it-trasportaturi tal-ajru, ferrovjarji u bit-triq kif ukoll fuq l-operaturi tal-ivvjaġġar, it-trasferiment tad-data PNR u li tipprevedi pproċessar u żamma ta’ din id-data inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, tal-Artikolu 67(2) TFUE, tal-Artikoli 7, 8 u 45 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. L-ammissibbiltà tal-provi miksuba b’dan il-mod taqa’, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 IV.      Fuq lispejjeż

299    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(2)(d) u l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri, kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE u kif ukoll dawk tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, għal dak li jirrigwarda, minn naħa, ipproċessar ta’ data mwettaq minn operaturi privati u, min-naħa l-oħra, ipproċessar ta’ data mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi li jaqa’, unikament jew ukoll, taħt id-Direttiva 2004/82 jew taħt id-Direttiva 2010/65. Għall-kuntrarju, l-imsemmi regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data previst minn tali leġiżlazzjoni li jaqa’ biss taħt id-Direttiva 2016/681, li jitwettaq mill-unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri jew mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

2)      Peress li interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/681 fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tiżgura l-konformità ta’ din id-direttiva ma’ dawn l-artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-eżami tat-tieni sar-raba’ domanda preliminari u tas-sitt domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-imsemmija direttiva.

3)      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/681, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (data PNR) miġbura konformement ma’ din id-direttiva għal finijiet differenti minn dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva.

4)      L-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2016/681 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-awtorità stabbilita bħala unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (PIU) tkun ukoll awtorità nazzjonali kompetenti awtorizzata tapprova l-komunikazzjoni tad-data PNR mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data lill-PIU.

5)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2016/681, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu ġenerali ta’ żamma tad-data PNR ta’ ħames snin, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-passiġġieri kollha tal-ajru, inkluż għal dawk li fir-rigward tagħhom la l-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, la l-verifiki eventwali mwettqa matul il-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva u lanqas xi ċirkustanza oħra ma jkunu żvelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi ta’ natura li jistabbilixxu riskju fil-qasam ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

6)      Id-Direttiva 2004/82 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għat-titjiriet, kemm jekk skedati kif ukoll jekk le, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li joriġinaw mit-territorju ta’ Stat Membru u li jkunu intiżi li jinżlu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, mingħajr waqfa fit-territorju ta’ pajjiż terz (titjiriet ġewwa l-UE).

7)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/681, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, u tal-Artikolu 67(2) TFUE u tal-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi:

–        leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fl-assenza ta’ theddida terroristika reali u attwali jew prevedibbli li jaffronta l-Istat Membru kkonċernat, sistema ta’ trasferiment, mit-trasportaturi tal-ajru u mill-operaturi tal-ivvjaġġar, kif ukoll ta’ pproċessar, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-data PNR tat-titjiriet kollha ġewwa l-UE u tat-trasport kollu mwettaq permezz ta’ mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni, li jkunu ġejjin minn jew għad-destinazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jew anki li jkunu qegħdin jgħaddu minnu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja. F’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2016/681 għandha tkun limitata għat-trasferiment u għall-ipproċessar tad-data PNR tat-titjiriet u/jew tat-trasport relatati, b’mod partikolari, ma’ ċerti rotot jew ma’ skemi tal-ivvjaġġar jew ukoll ma’ ċerti ajruporti, stazzjonijiet jew portijiet marittimi li fir-rigward tagħhom ikunu jeżistu indikazzjonijiet ta’ natura li jkunu jiġġustifikaw din l-applikazzjoni. Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jagħżel it-titjiriet ġewwa l-UE u/jew it-trasport imwettaq permezz ta’ mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni li fir-rigward tagħhom ikunu jeżistu tali indikazzjonijiet u li għandu jeżamina mill-ġdid b’mod regolari l-imsemmija applikazzjoni skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi li jkunu ġġustifikaw l-għażla tagħhom, sabiex jiżgura li l-applikazzjoni ta’ din is-sistema għal dawn it-titjiriet u/jew għal dan it-trasport tkun dejjem limitata għal dak li jkun strettament neċessarju, u

–        leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali sistema ta’ trasferiment u ta’ pproċessar tal-imsemmija data għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

8)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel, abbażi tad-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq it-trasportaturi tal-ajru, ferrovjarji u bit-triq kif ukoll fuq l-operaturi tal-ivvjaġġar, it-trasferiment tad-data PNR u li tipprevedi pproċessar u żamma ta’ din id-data inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/681, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, tal-Artikolu 67(2) TFUE, tal-Artikoli 7, 8 u 45 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-ammissibbiltà tal-provi miksuba b’dan il-mod taqa’, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.