Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Villeroy & Boch Austria vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-373/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Villeroy & Boch Austria GmbH (Mondsee, l-Awstrija) (rappreżentanti: A. Reidlinger u S. Dethof, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 - installazzjonijiet sanitarji. Fid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħra minħabba l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipat fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li nkisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE meta ġie kkonstatat li kien hemm ksur kumpless u kontinwu. Permezz ta' din il-kunsiderazzjoni globali inammissibbli, il-konvenuta kisret l-obbligu tagħha ta' evalwazzjoni ġuridika tal-prattiki individwali ta' kull wieħed mid-destinatarji tad-deċiżjoni u wettqet imputazzjoni ġuridikament illeċita tal-aġir ta' terzi li mhuwiex imputabbli.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti teċċepixxi, sussidjarjament, ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE, għaliex ma mmotivatx id-deċiżjoni b'mod individwalizzat biżżejjed.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, għaliex ir-rikorrenti ma ħaditx sehem fil-ksur ikkontestat fis-swieq tal-prodott u fis-swieq ġeografiċi rilevanti, ikkunsidrati fid-deċiżjoni, u ma ġiex ipprovat ksur fil-qasam tal-akkordji.

Permezz tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti tgħid li ġiet imposta fuqha multa, b'mod illegali, in solidum mal-kumpannija parent. Tali impożizzjoni in solidum tal-multa tikser il-prinċipju tan-nulla poena sine lege msemmi fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta' proporzjonalità tal-pieni fis-sens tal-Artikolu 49(3) moqri flimkien mal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/20031.

Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-multa ġiet ikkalkolata b'mod żbaljat. F'dan ir-rigward, hija tgħid li l-konvenuta inkludiet fil-kalkolu tagħha d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti li ma jistax a priori jirrigwarda l-akkużi magħmulin qabel.

Bis-sitt motiv, ir-rikorrenti tgħid li t-tul eċċessiv tal-proċeduri u l-fatt li dan ma tteħidx inkunsiderazzjoni meta sar il-kalkolu tal-multa huwa ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Bis-seba' motiv, ir-rikorrenti tikkritika l-iżbalji ta' evalwazzjoni fil-kalkolu tal-multa f'dak li jirrigwarda l-verifika tal-allegat kontribut tar-rikorrenti fil-ksur. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkonstata li l-multa hija minnha nfisha ta' ammont wisq għoli u sproporzjonat b'mod konformi mal-verifiki tal-konvenuta fl-imputazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-konvenuta kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità tal-piena kkodifikat fl-Artikolu 49(3) moqri flimkien mal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).