Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Settembru 2010 - Bolloré vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-372/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Bolloré (Ergué-Gabéric, Franza) (rappreżentanti: P. Gassenbach, C. Lemaire u O. de Juvigny, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2010) 4160 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.212 - Karta saħħara);

sussidjarjament, tnaqqas b'mod sostanzjali ħafna l-ammont tal-multa imposta fuq Bolloré permezz tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4160 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.212 - Karta saħħara) adottata mill-Kummissjoni wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-327/07 P, Bolloré vs Il-Kummissjoni, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li d-drittijiet ta' difiża ta' Bolloré ma kinux ġew irrispettati, inkwantu Bolloré kienet ġiet issanzjonata mhux biss bħala kumpannija parent ta' Copigraph, iżda wkoll bħala ko-awtur dirett u personali tal-ksur, filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet biss dwar ir-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija parent ta' Copigraph.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi bbażati:

fuq il-ksur tal-Artikoli 6 u 7 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem "KEDB") u tal-Artikoli 41, 47 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Karta") inkwantu s-sanzjoni imposta fuq Bolloré ngħatat bi ksur tal-prinċipji ta' legalità tar-reati u tal-pieni, ta' ċertezza legali, tan-natura personali tal-pieni u tad-dritt għal smigħ xieraq, peress li:

is-sanzjoni ta' Bolloré bħala kumpannija parent tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta' legalità tar-reati u tal-pieni u ta' ċertezza legali msemmija fl-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB u 47 u 49 tal-Karta u tal-prinċipju tan-natura personali tal-pieni;

is-smigħ ta' Bolloré, li għalih ma pparteċipa l-ebda membru tal-Kulleġġ tal-Kummissjoni, jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, peress li b'hekk Bolloré ma nstemgħetx mill-"imħallfin tagħha";

il-kundizzjonijiet tal-"adozzjoni mill-ġdid" tad-deċiżjoni inizzjali jiksru fuq diversi aspetti r-rekwiżit ta' imparzjalità marbut mad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta;

fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 1 inkwantu l-Kummissjoni ssanzjonat lil Bolloré għal ksur li llum huma preskritti;

fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali billi ssanzjonat lil Bolloré bħala kumpannija parent ta' Copigraph fil-mument tal-fatti;

fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta billi nnotifikat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f'terminu manifestament mhux raġonevoli u għalhekk ċaħdet definittivament lil Bolloré milli tiddefendi ruħha kontra l-oġġezzjonijiet dwar, minn naħa, ir-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija parent ta' Copigraph u, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni personali tagħha għall-ksur;

sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Linji Gwida tal-1998 dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi 2, tal-prinċipji tal-individwalità tal-pieni u ta' proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont tal-multa u tar-rekwiżit ta' motivazzjoni, kif ukoll

sussidjarjament, fuq il-ksur tal-komunikazzjoni tal-1996 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni jew it-tnaqqis tal-multi 3 u tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2 - Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171).

3 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet dwar l-akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4).