Language of document : ECLI:EU:T:2013:284

Kawża T‑396/11

ultra air GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali ultrafilter international — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Abbuż ta’ dritt”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013

1.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Interess ġuridiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 56(1)(a))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami separat tad-diversi raġunijiet għal rifjut — Interpretazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut fid-dawl tal-interess ġenerali li huwa l-bażi ta’ kull waħda minnhom

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b) u (ċ))

3.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Ammissibbiltà — Abbuż ta’ dritt — Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 52(1)(a) u 56(1)(a))

4.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni — Possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(3))

1.      It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja ma taqax taħt proċedura ġudizzjarja iżda taħt waħda amministrattiva.

L-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq raġuni assoluta għal invalidità tista’ titressaq minn kull persuna fiżika jew ġuridika jew minn kull grupp imwaqqaf bil-għan li jirrappreżenta l-interessi ta’ manifatturi, ta’ produtturi, ta’ fornituri ta’ servizzi, ta’ negozjanti jew ta’ konsumaturi u li għandhom locus standi in judicio. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 56(1)(b) u (ċ) tal-istess regolament, li jirrigwarda t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġuni relattiva għal invalidità, jirriżerva d-dritt għat-tressiq ta’ tali talba għal ċerti persuni partikolari li għandhom interess ġuridiku. Għalhekk, mill-istruttura ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi ċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fit-tieni każ, iżda mhux fl-ewwel wieħed.

Filwaqt li r-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jipproteġu l-interessi tal-proprjetarji ta’ ċerti drittijiet preċedenti, l-għan tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni huwa l-protezzjoni tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tagħhom, u dan jispjega għaliex l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jeħtieġx li l-applikant ikollu interess ġuridiku.

(ara l-punti 16-18)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 19)

3.      Il-proċedura amministrattiva prevista fl-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, flimkien mal-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament, għandha b’mod partikolari l-għan li tippermetti li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) jerġa’ jeżamina l-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u, jekk ikun meħtieġ, jadotta l-pożizzjoni li huwa messu adotta ex officio skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

F’dan il-kuntest, l-Uffiċċju għandu jevalwa jekk it-trade mark inkwistjoni hijiex deskrittiva u/jew jekk hijiex ta’ karattru distintiv, mingħajr ma r-raġunijiet u l-aġir preċedenti tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jkunu jistgħu jaffettwaw il-portata tal-kompitu fdat f’idejn l-Uffiċċju fir-rigward tal-interessi ġenerali li fuqhom huma msejsa l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, peress li, meta japplika d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-Uffiċċju ma jiddeċidix dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark jiħux il-preċedenza fuq xi dritt tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iżda jivverifika li d-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark ġie stabbilit b’mod validu fid-dawl tar-regoli li jirregolaw in-natura reġistrabbli tagħha, ma tistax tqum il-kwistjoni ta’ “abbuż ta’ dritt” min-naħa tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

Għalhekk, il-fatt li l-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tressaq din it-talba bil-għan li iktar ’il quddiem tqiegħed is-sinjal inkwistjoni fuq il-prodotti tagħha jikkorrispondi preċiżament għall-interess ġenerali ta’ disponibbiltà u ta’ użu liberu mħares mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, tali ċirkustanza fl-ebda każ ma tista’ tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata bl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jgħid li t-trade mark Komunitarja tista’ tiġi ddikjarata invalida anki fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, u dan jippreżupponi li l-konvenut f’din l-azzjoni jista’ jikseb id-dikjarazzjoni ta’ invalidità anki jekk huwa uża t-trade mark inkwistjoni u għandu l-intenzjoni li jkompli jużaha.

(ara l-punti 20-22)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 29)