Language of document : ECLI:EU:C:2017:439

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2017 (1)

Kawża C-214/16

C. King

vs

The Sash Window Workshop Ltd

Richard Dollar

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (United Kingdom) (qorti tal-appell, tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni ċivili, ir-Renju Unit)]

“Politika soċjali – Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE u d-dritt għal leave annwali bil-ħlas – Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’tilwim orizzontali bejn żewġ partijiet privati – Assenza ta’ faċilità għat-tul sħiħ tar-relazzjoni ta’ impjieg għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas – Liġi ta’ Stat Membru li teħtieġ li ħaddiema l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jiġi aċċertat jekk il-leave huwiex ser jitħallas – Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u d-dritt ta’ pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave mhux meħud mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg – Dritt għal rimedju effettiv”






I.      Introduzzjoni

1.        Meta, matul relazzjoni ta’ impjieg ta’ 13-il sena, ħaddiem bħal C. King ikun ingħata, mill-persuna li timpjegah, faċilità għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas biss f’parti tar-relazzjoni, jew forsi ma jkunx ingħata tali faċilità (2), jista’ d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jintemm bil-liġi ta’ Stat Membru fuq il-bażi li C. King ma ħax passi biex jinvoka d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas sakemm ir-relazzjoni ta’ impjieg ġiet itterminata?

2.        Din hija l-mistoqsija li tqum fil-digriet tar-rinviju tal-Court of Appeal of England and Wales (qorti tal-appell, tal-Ingilterra u Wales). Hija teħtieġ interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (3), u b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li t-test tiegħu jipprovdi, mingħajr kwalifika, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt […] għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”. Il-kontenut preċiż tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas skont id-dritt tal-Unjoni jistħoqqlu evalwazzjoni ulterjuri, l-istess bħall-punt ta’ jekk hemmx xi restrizzjonijiet fuq l-applikabbiltà tiegħu fit-tilwima ineżami, peress li C. King qiegħed jinvoka d-Direttiva 2003/88 kontra attur fis-settur privat (4).

3.        Il-problema ineżami hija ta’ importanza soċjali akuta, minħabba n-numru dejjem jikber ta’ nies ġewwa l-Unjoni Ewropea li jaħdmu fuq bażijiet flessibbli, każwali, u intermittenti. Dawn il-forom ta’ impjieg qed isiru dejjem iktar prevalenti minħabba l-provvista ta’ servizzi permezz tat-teknoloġiji diġitali fl-età tal-internet. Min għandu jġorr ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas meta ma jkun hemm l-ebda faċilità fir-relazzjoni ta’ impjieg għall-eżerċizzju tiegħu, il-persuna li timpjega jew l-ħaddiema kkonċernati? Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni għal-leave annwali bil-ħlas il-fatt li d-dritt tal-Istat Membru l-ewwel jobbliga ħaddiem jieħu l-leave, qabel ma jkun jista’ jaċċerta ruħu jekk il-leave huwiex se jitħallas? U fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, liema limitu, jekk hemm, għandu jitpoġġa fuq x’jista’ jirkupra ħaddiem bħal C. King permezz ta’ pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas fit-terminazzjoni tal-impjieg skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88?

4.        Wasalt għall-konklużjoni, fid-dawl tal-piż normattiv kunsiderevoli tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas taħt id-dritt tal-Unjoni, Internazzjonali (5), u tal-Istat Membru (6), li l-fatt li ħaddiem, pjuttost milli l-persuna li timpjega, jkun meħtieġ jieħu passi biex joħloq faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas jissuġġetta, illegalment, l-eżistenza tad-dritt għal prekundizzjoni (7), u għalhekk jaqa’ lil hinn mill-parametri tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-“kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan”.

5.        Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv (8), pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas jiġi attivat mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, u biex jiġi kopert il-perijodu kollu fejn l-ebda faċilità xierqa ma ngħatat mill-persuna li timpjega għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, u li jispiċċa biss ladarba dik il-faċilità saret disponibbli. Huwa biss f’dan il-punt li restrizzjonijiet ta’ żmien jew restrizzjonijiet oħra fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri setgħu għażlu li jimponu jistgħu jibdew japplikaw, u anki hawnhekk biss jekk tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-konfini tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u huma, mill-kumplament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk qatt ma ġiet ipprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, f’dak il-każ il-pagament ta’ benefiċċju huwa dovut skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 biex ikopri l-perijodu kollu tal-impjieg sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea

6.        Il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88 tgħid li:

“Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, […].”

7.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop [kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.”

8.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, bit-titolu “Leave annwali” jistabbilixxi:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata”.

B.      Id-Dritt Nazzjonali

9.        Id-Direttiva 2003/88 hija implementata fir-Renju Unit permezz tal-Working Time Regulations 1998 (Regolamenti dwar il-Ħin tax-Xogħol tal-1998) (kif emendati). L-Artikolu 13(1) jgħid dan li ġej:

“(1) […] ħaddiem għandu dritt għall-erba’ ġimgħat leave annwali f’kull sena ta’ leave.”

10.      Id-dritt għall-ħlas jingħata mill-Artikolu 16 li jgħid dan li ġej:

“(1) Ħaddiem għandu d-dritt li jitħallas fir-rigward ta’ kull perijodu ta’ leave annwali li huwa għandu dritt għalih skont l-Artikolu 13, bir-rata li tikkorrispondi mas-salarju ta’ ġimgħa għal kull ġimgħa ta’ leave.”

11.      Il-digriet tar-rinviju jispjega wkoll li l-Artikolu 13(9) jintroduċi dak li fit-taħdit ta’ kuljum jissejjaħ il-prinċipju “użah jew itilfu”. Dan jeħtieġ li leave jittieħed fis-sena li huwa dovut, inkella jintilef. L-Artikolu 13(9) jgħid kif ġej:

“Leave li għalih ħaddiem huwa intitolat taħt dan l-artikolu jista’ jittieħed ratealment, imma -

(a) jista’ jittieħed biss fis-sena tal-leave li fir-rigward tagħha huwa dovut, u

(b) jista’ jinbidel bi ħlas bħala kumpens biss meta l-impjieg tal-ħaddiem jiġi tterminat”.

12.      Il-qorti tar-rinviju nazzjonali tiddikjara li hemm tliet artikoli oħra tar-regolamenti tar-Renju Unit li huma potenzjalment rilevanti għall-kawża prinċipali. L-Artikolu 14 jipprovdi għal ċirkustanzi eċċezzjonali fejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jippermetti ħlas bħala kumpens minflok it-teħid tal-leave, jiġifieri fejn kuntratt jiġi tterminat f’sena ta’ leave u l-ħaddiem ma jkunx sa dakinhar ħa l-ammont proporzjonat ta’ leave li għalih huwa jkun intitolat. L-Artikolu 14 jipprovdi dan li ġej:

“1) Dan l-artikolu japplika meta –

(a) il-kuntratt ta’ xogħol jiġi tterminat matul is-sena ta’ leave tal-ħaddiem, u

(b) fid-data meta t-terminazzjoni tal-kuntratt tidħol fis-seħħ (‘id-data tat-terminazzjoni’), il-proporzjon li l-ħaddiem ikun ħa mil-leave meta mqabbel ma’ dak li għalih hu intitolat skont l-Artikolu 13(1) fis-sena ta’ leave jkun differenti mill-proporzjon tas-sena ta’ leave li tkun għaddiet.

(2) Meta l-proporzjon ta’ leave li jkun ittieħed mill-ħaddiem huwa inqas mill-proporzjon tas-sena ta’ leave li tkun għaddiet, il-persuna li timpjegah tista’ tatih pagamenti bħala kumpens għall-leave mħallas b’mod konformi mal-paragrafu (3) […]”.

13.      L-Artikolu 15 jirregola l-proċedura għat-teħid ta’ leave u d-dati meta l-leave jista’ jittieħed. Dan jgħid:

“(1) Ħaddiem jista’ jieħu leave li għalih huwa intitolat skont l-Artikolu 13 […] f’dawk il-ġranet li jagħżel hu billi jagħti avviż lill-persuna li timpjegah b’mod konformi mal-paragrafu (3), bla ħsara għal kwalunkwe obbligu impost fuqu mill-persuna li timpjegah skont il-paragrafu (2).

(2) Il-persuna li timpjegah tista’ tirrikjedi li l-ħaddiem ‐

(a) jieħu l-leave li għalih il-ħaddiem huwa intitolat skont l-Artikolu 13(1); jew

(b) ma jieħdux dan il-leave, fi ġranet partikolari, billi jagħti avviż lill-ħaddiem b’mod konformi mal-paragrafu (3).”

14.      L-Artikolu 30 jirrigwarda l-infurzar u r-rimedji. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan jagħmel distinzjoni bejn każ fejn il-ħaddiem huwa mċaħħad mid-dritt għal ħin frank skont l-Artikolu 13(1) minn naħa, u każijiet fejn il-persuna li timpjega tonqos milli tħallas il-pagi li għalihom il-ħaddiem hu intitolati jew skont l-Artikolu 16 jew 14 min-naħa l-oħra. L-Artikolu 30 jgħid:

“Ħaddiem jista’ jressaq ilment quddiem tribunal industrijali li l-persuna li timpjegah

(a) tkun irrifjutat li tippermettilu li jeżerċita kwalunkwe dritt mogħti lilu taħt […] l-Artikolu 13(1) […]

(b) tkun naqset li tħallsu kwalunkwe ammont, kollu jew xi parti minnu, dovut lilu skont l-Artikolu 14(2) jew 16(1) […]

(2). Tribunal industrijali ma għandux jikkunsidra lment taħt dan l-artikolu jekk ma jkunx imressaq –

(a) qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet xhur [jew, fil-każ li għalih japplika l-Artikolu 38(2), sitt xhur] li jibda mid-data ta’ meta huwa allegat li l-eżerċizzju tad-dritt kellu jkun permess (jew fil-każ ta’ perijodu ta’ mistrieħ jew leave li jestendi fuq aktar minn ġurnata waħda, id-data li fiha kellu jiġi permess li jibda) jew, skont il-każ, kellu jsir il-ħlas;

(b) f’dak iż-żmien ulterjuri li t-tribunal jidhirlu raġonevoli f’każ fejn ikun issodisfatt li ma kienx raġonevolment prattikabbli li l-ilment jitressaq qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu ta’ tliet jew, skont il-każ, sitt xhur.”

III. Il-fatti fil-proċeduri prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

15.      L-ewwel konvenut, Sash Window Workshop Ltd (iktar ’il quddiem “SWWL”) hija kumpannija li tipprovdi u tinstalla twieqi u bibien. It-tieni konvenut, Richard Dollar, huwa d-Direttur Maniġerjali konġunt ta’ SWWL. C. King beda jaħdem għal SWWL fl-1 ta’ Ġunju 1999 bħala salesman. Huwa kien jitħallas biss permezz ta’ kummissjoni, indiċjata mal-bejgħ li kien jirnexxilu jagħmel. Huwa ma kienx jitħallas għal kwalunkwe leave meħud. Ma kien hemm ebda dritt għal leave bil-ħlas fil-kuntratt tiegħu, li ma kien jgħid xejn dwar il-kwistjoni ta’ leave annwali bil-ħlas. Il-kuntratt ġie deskritt fid-digriet tar-rinviju bħala “kuntratt ta’ persuna taħdem għal rasha bil-kummissjoni biss”.

16.      Madankollu, SWWL offriet lil C. King kuntratt ta’ impjieg fl-2008, li kif indikat mir-rappreżentant ta’ C. King waqt is-seduta kien jinkludi d-drittijiet kollha li ordinarjament jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema, bħad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. C. King għażel li jibqa’ persuna li taħdem għal rasha (9).

17.      C. King ħadem għal SWWL kontinwament sakemm ngħata s-sensja meta għalaq 65 sena fis-6 ta’ Ottubru 2012. Fl-20 ta’ Diċembru 2012 C. King beda proċeduri quddiem l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) tar-Renju Unit, u seduta nżammet mill-20 sat-22 ta’ Awwissu 2013.

18.      L-ilment ta’ C. King quddiem l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) ġie milqugħ fir-rigward ta’ talba bbażata fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fir-rigward tat-tkeċċija tiegħu, u la dan l-aspett tat-talba tiegħu u lanqas il-konstatazzjoni tal-Employment Tribunal li C. King kien “ħaddiem” fis-sens tal-Working Time Regulations tar-Renju Unit, li jimplementaw id-Direttiva 2003/88, ma ġew appellati quddiem l-Employment Appeal Tribunal (tribunal industrijali tal-appell).

19.      L-ilment ta’ C. King quddiem l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) ġie milqugħ ukoll fir-rigward tal-vaganzi bil-ħlas. Dan intlaqa’ fir-rigward ta’ tliet kapi differenti:

1. “Ħlas għal vaganzi 1”, għal UKL 518.40 fir-rigward ta’ leave bil-ħlas miġmugħ imma mhux meħud min C. King fl-aħħar sena ta’ leave (mhux kompluta) mill-1 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Ottubru 2012.

2. “Ħlas għal vaganzi 2”, għal UKL 17,402.83 fir-rigward tal-vaganza (mhux imħallsa) li C. King attwalment ħa matul it-13-il sena ta’ qabel tiegħu ma SWWL; u

3. “Ħlas għal vaganzi 3”, għal UKL 9,336.73 fir-rigward ta’ leave li għalih kien intitolat C. King waqt li kien qed jaħdem għal SWWL imma li fil-fatt ma ħax.

20.      SWWL appellat mid-deċiżjoni tal-Employment Tribunal (tribunal industrijali) dwar il-Ħlas għal vaganzi 3 quddiem l-Employment Appeal Tribunal (tribunal industrijali tal-appell, iktar ’il quddiem l-“EAT”).

21.      Is-seduta tal-EAT saret nhar it-Tlieta, l-4 ta’ Novembru 2014. L-EAT laqgħet l-appell ta’ SWWL mid-deċiżjoni tal-Employment Tribunal (tribunal industrijali) dwar il-Ħlas għal vaganzi 3 u bagħtet lura dan l-element tat-talba ta’ C. King lill-Employment Tribunal (tribunal industrijali) oriġinali għal smigħ mill-ġdid.

22.      C. King appella quddiem il-Court of Appeal (qorti tal-appell) mid-deċiżjoni tal-EAT dwar il-Ħlas għal vaganzi 3 fit-23 ta’ Diċembru 2014. Is-smigħ tal-appell sar fid-9 ta’ Frar 2016. SWWL u Richard Dollar argumentaw li t-talba ta’ C. King għall-irkupru tal-“Ħlas għal vaganzi 3” kienet preskritta. Fid-digriet tar-rinviju il-Court of Appeal (qorti tal-appell) osservat li l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) kien iddeċieda li l-leave kollu mhux meħud ta’ C. King kien ġie rrimandat peress li SWWL qatt ma kienu lesti li jħallsu għalih, b’tali mod li d-dritt għall-ħlas bħala kumpens tnissel mat-terminazzjoni, u l-eċċezzjoni ta’ SWWL u ta’ R. Dollar ma ġietx milqugħa. Skont din l-analiżi t-talba ta’ C. King ma kinitx preskritta peress li tressqet fi żmien tliet xhur mid-data tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu.

23.      Il-Court of Appeal (qorti tal-appell) identifikat tliet kwistjonijiet li ħtieġu interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-Ħlas għal vaganzi 3, u li kienu s-suġġett tad-digriet tar-rinviju. L-ewwel nett, il-Court of Appeal (qorti tal-appell) staqsiet jekk l-Artikolu 13 tal-Working Time Regulations 1998 kienx konsistenti mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mid-dritt tal-Unjoni peress li, fil-loġika tal-analiżi tal-EAT, il-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu leave bla ħlas u jkun biss wara li jagħmel dan li jkun jista jittestja jekk kienx intitolat għal ħlas.

24.      It-tieni nett, il-Court of Appeal (qorti tal-appell) talbet kjarifika taċ-ċirkustanzi li fihom leave bil-ħlas mhux meħud jista’ jiġi rrimandat, f’kuntest li fih C. King irid ħlas għal terminazzjoni skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 li jkopri r-relazzjoni tal-impjieg kollha. Peress li C. King ma invokax id-dritt tiegħu quddiem l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) matul ir-relazzjoni tal-impjieg, jista’ jingħad li C. King ma kellu ebda opportunità li jeżerċita d-dritt għal leave annwali bi ħlas għal raġunijiet li ma kinux fil-kontroll tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi rrimandat b’mod konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Schultz-Hoff et (10)?

25.      It-tielet nett, il-Court of Appeal (qorti tal-appell) kellha dubji, fi kwalunkwe każ, jekk leave bil-ħlas jistax jiġi rrimandat b’mod indefinit.

26.      Fid-dawl ta’ dan, il-Court of Appeal (qorti tal-appell) għamlet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

“(1) Fil-każ ta’ tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal leave annwali bi[l-]ħlas skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwa kompatibbli mad-dritt tal-UE, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, il-fatt li l-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jstabbilixxi jekk huwiex intitolat li jitħallas?

(2) Fil-każ li l-ħaddiem ma jiħux il-leave annwali kollu jew parti minnu li għalih huwa intitolat fis-sena ta’ leave meta kwalunkwe dritt għandu jiġi eżerċitat, f’ċirkustanzi fejn huwa ma jagħmilx dan biss minħabba l-fatt li l-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li huwa jieħu, il-ħaddiem jista’ jsostni li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave bi[l-]ħlas b’mod li d-dritt jiġi rrimandat sakemm huwa jkollu l-possibbiltà li jeżerċitah?

(3) Fil-każ li d-dritt jiġi rrimandat, dan isir għal żmien indefinit jew hemm perijodu limitat għall-eżerċizzju tad-dritt rimandat b’analoġija mal-limitazzjonijiet imposti meta l-ħaddiem ma jkunx jista’ jeżerċita d-dritt għal-leave fis-sena tal-leave rilevanti minħabba mard?

(4) Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni statutorja jew kuntrattwali li tispeċifika perijodu tal-leave rimandat, il-qorti hija obbligata li timponi limitu għall-perijodu tal-leave rimandat sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tar-Regolamenti ma tfixkilx l-għan tal-Artikolu 7?

(5) Jekk iva, iż-żmien ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena tal-vaganzi li fiha akkumula l-leave huwa kompatibbli mad-dritt tal-Artikolu 7?”

27.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Ġustizzja minn C. King, minn SWWL u minn Richard Dollar, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha pparteċipaw fis-seduta li saret fid-29 ta’ Marzu 2017.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Rimarki preliminari

28.      Ninnota mill-bidu nett li, mill-ħafna digrieti tar-rinviju mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas (11), din tidher li hija l-ewwel darba fejn ma hemm l-ebda tilwima sussistenti bejn il-partijiet dwar jekk il-parti li qed tinforza d-dritt għal leave annwali hijiex “ħaddiem” jew le għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, u għalhekk, intitolata għal-leave annwali bil-ħlas (12), u fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab biss biex tikkunsidra l-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas tal-ħaddiem li jaġixxi qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg biex jinforza d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas (13). Il-Qorti tal-Ġustizzja normalment iktar tintalab tiddeċiedi dwar jekk il-“kondizzjonijiet għall-intitolament lejn, u l-għoti ta’ leave bħal dan, stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika”, u d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (14).

29.      Id-dominanza fil-ġurisprudenza ta’ nuqqasijiet ta’ qbil dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ leave annwali bil-ħlas, aktar milli l-eżistenza tiegħu, tista’ tassew tkun riflessjoni tal-istatus u tas-sinjifikat tad-dritt fl-Unjoni, fl-Istat Membru, u fid-dritt Internazzjonali, integrat kif inhu fil-korp ta’ regoli fundamentali tad-dritt industrijali li ġeneralment ikun hemm aderenza rigoruża magħhom (15).

30.      Dan huwa importanti għaliex, kif se nispjega fil-punti 71 sa 75 hawn isfel, għandi dubji dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa fuq jekk ħaddiem kellux attwalment il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, b’tali mod li r-restrizzjonijiet tal-Istat Membru fuq l-eżerċizzju tiegħu għandhom jitwarrbu (16), hijiex rilevanti sabiex tiġi solvuta din it-tilwima. Dan għaliex kollha kienu jikkonċernaw il-portata tad-diskrezzjoni ta’ Stat Membru fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-intitolament għal u l-għoti ta’ leave annwali bil-ħlas (bħall-iskadenza ta’ perijodu ta’ żmien li għalih leave bil-ħlas jista’ jiġi rrimandat) (17) imma l-ebda waħda minnhom ma kienet tikkonċerna sitwazzjoni li fiha l-essenza tad-dritt kienet inkwistjoni permezz ta’ assenza ta’ faċilità fir-relazzjoni tal-impjieg għall-eżerċizzju fl-ewwel lok tad-dritt.

31.      Kif se nispjega fil-paġni li ġejjin, l-aħjar approċċ għall-problema preżenti jinvolvi l-kunsiderazzjoni tal-mistoqsija li ġejja. L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jista jiġi invokat minn C. King mat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg sabiex jingħata pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave bil-ħlas li ma tteħidtx meta l-persuna li timpjega ħolqot faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas biss għal parti mill-relazzjoni tal-impjieg, jew forsi xejn affattu (ara l-punti 84 sa 86 hawn isfel).

32.      Qabel ma nittrattaw din il-kwistjoni, huwa importanti li nkunu ċari dwar preċiżament xi jfisser id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas.

B.      Sorsi tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas

33.      Id-dritt ta’ kull ħaddiem għal-leave annwali bil-ħlas huwa prinċipju partikolarment importanti tad-dritt soċjali tal-Unjoni, u wieħed li issa huwa sanċit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal deroga minnu fid-Direttiva 2003/88 (18), u għandu jiġi implimentat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/88 (19). Huwa dritt li ngħata direttament mid-dritt tal-Unjoni Ewropea lil kull ħaddiem (20), u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li jħaddnu, jimponi obbligu ċar u preċiż fuq l-Istati Membri biex jinkiseb riżultat speċifiku (21). Id-dritt għandu l-għan doppju li jippermetti lill-ħaddiema kemm li jistrieħu mit-twettiq tax-xogħol li huwa meħtieġ li jagħmel taħt il-kuntratti tax-xogħol tagħhom u li jgawdu perijodu ta’ serħan u ħin liberu (22). Bħala tali din hija miżura ta’ saħħa u ta’ sigurtà, kif rifless fl-Artikolu 31(1) tal-Karta. Minbarra dan, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (23), l-istess bħalma ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv id-dritt għal ħlas bħala kumpens għal-leave mhux meħud previst fl-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva (24).

34.      Barra minn hekk, prinċipju kardinali tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 huwa li, filwaqt li l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u l-implementazzjoni tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas, l-Istati Membri ma humiex intitolati li jissuġġettaw l-eżistenza stess ta’ dak id-dritt għal xi prekundizzjoni tkun xi tkun (25). Id-Direttiva 2003/88 ma tippermettix lill-Istati Membri jeskludu l-eżistenza stess ta’ dritt mogħti espressament lill-ħaddiema kollha tal-Unjoni (26).

35.      Allura x’qiegħed iżid l-Artikolu 31(2) tal-Karta? Skont l-Ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (27), l-Artikolu 31(2) huwa bbażat fuq id-direttiva ta’ qabel id-Direttiva 2003/88, jiġifieri d-Direttiva 93/104, l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1961, u l-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989. Din tal-aħħar tipprovdi li kull “ħaddiem tal-Komunità Ewropea għandu jkollu dritt għal perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għall-leave annwali bil-ħlas, li t-tul tiegħu għandu jiġi armonizzat skont il-prattiki nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li tal-ewwel jafferma li sabiex “jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal kundizzjonijiet ġusti ta’ xogħol, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom: […] li jipprovdu għal minimu ta’ ġimagħtejn vaganzi annwali mħallsin” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

36.      Ta’ min jinnota li l-Artikolu 31(2) huwa manifestazzjoni speċifika ta’ rispett għad-dinjità tal-bniedem, li hija protetta b’mod iktar wiesa’ fit-Titolu I tal-Karta. Dan huwa hekk għaliex l-Artikolu 31(1) jiddikjara li kull “ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu” (28). Skont l-Ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw il-Karta, l-Artikolu 31(1) huwa bbażat fuq, inter alia, l-Artikolu 26 tal-Karta Soċjali Ewropea Riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa, li jipprovdi li “l-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għad-dinjità fuq ix-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kummentatur sostna li, minħabba l-konnessjoni bejn l-Artikolu 31 tal-Karta u l-Artikolu 1 fuq id-dinjità tal-bniedem, l-Artikolu 31 huwa dispożizzjoni “b’piż normattiv sinjifikattiv ħafna u ta’ importanza. Tabilħaqq, wieħed jista’ jikkunsidra l-Artikolu 31 bħala l-iktar dritt fundamentali tad-drittijiet tax-xogħol fil-Karta tal-UE” (29) [traduzzjoni libera].

37.      Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa stabbilit ukoll, u ilu hekk għal żmien kunsiderevoli, f’diversi ftehimiet internazzjonali li għalihom ikkollaboraw l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Pereżempju, dan huwa protett fl-Artikolu 24 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li jagħti lil kulħadd “id-dritt għall-mistrieħ u l-ħin liberu, inkluża limitazzjoni raġonevoli fuq is-sigħat ta’ xogħol u btajjel perjodiċi mħallsin”. Huwa rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 7(d) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966 bħala manifestazzjoni tad-dritt li kull persuna għandha sabiex tgawdi minn kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u favorevoli.

38.      Fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol id-dritt għall-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas kien is-suġġett ta’ żewġ konvenzjonijiet multilaterali. Il-Konvenzjoni Nru 132, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 1973, emendat il-Konvenzjoni Nru 52, li kienet qabel fis-seħħ. Dawn jipprovdu rekwiżiti obbligatorji fuq l-Istati firmatarji fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dan id-dritt soċjali fundamentali fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom.(30)

39.      B’mod sinjifikattiv, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa espress ripetutament kemm fi strumenti Ewropej kif ukoll Internazzjonali bħala “intitolament”. Dan huwa l-kliem preċiż li jidher fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li, kif diġà semmejt, assolutament ma jħalli l-ebda awtorità fl-Istati Membri li jipperikolaw il-“ħolqien stess” ta’ dritt (31). Għalhekk ma hijiex ħaġa sorprendenti li l-Artikolu 13(1) tal-Working Time Regulations tar-Renju Unit jgħid b’mod inekwivoku li “ħaddiem għandu dritt għall-erba’ ġimgħat leave annwali f’kull sena” u li l-Artikolu 16(1), għall-ħlas ta’ dak il-leave, juża kliem daqstant imperattiv.

40.      Il-lingwa tal-intitolament tidher ukoll fl-istrumenti rilevanti tad-dritt internazzjonali li fuqhom ikkollaboraw l-Istati Membri tal-UE. Hawnhekk qed nirreferi għall-użu tal-kelma “għandu” fil-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema tal-1989 (diskuss iktar ’il fuq fil-punt 35), filwaqt li l-Artikolu 7(d) tal-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali jipprovdi li l-Istati kontraenti “jirrikonoxxu” u “jiżguraw” “vaganzi perjodiċi mħallsin, kif ukoll renumerazzjoni għal vaganzi pubbliċi”. L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ILO Nru 132 huwa fformulat saħansitra b’mod iktar imperattiv, u lanqas ma jindirizza ruħu esklużivament lill-Istati. Dan jipprovdi li kull “persuna li għaliha tapplika din il-Konvenzjoni għandha tkun intitolata għal btala annwali mħallas ta’ tul minimu speċifikat”.

41.      Huwa fid-dawl ta’ dawn is-sorsi li wasalt għall-konklużjoni li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 31 tal-Karta u l-istrumenti internazzjonali dwar id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri kkooperaw għalihom, ifisser li l-persuni li jimpjegaw huma obbligati li jipprovdu faċilitajiet adegwati lill-ħaddiema għall-eżerċizzju tad-dritt. Skont prinċipji stabbiliti sewwa tad-dritt tal-Unjoni, l-issodisfar tar-riżultati previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, inkluża l-osservanza tal-għoti, mill-persuna li tħaddem, ta’ tali faċilitajiet, huwa vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż fuq il-qrati tagħhom (32).

42.      Għal dan il-għan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati tal-Istati Membri huma meħtieġa li jikkunsidraw il-korp kollu ta’ regoli tal-liġi u japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni li huma rrikonoxxuti minn dawk ir-regoli sabiex jinterpretaw id-dritt tal-Istat Membru, sa fejn possibbli, fid-dawl tal-kliem u tal-għan tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn dik id-direttiva, li fl-opinjoni tiegħi tinkludi d-disponibbiltà fir-relazzjonijiet ta’ impjieg ta’ faċilitajiet adegwati għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ leave annwali bil-ħlas, u għaldaqstant għall-konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE dwar l-impatt tad-direttivi fid-dritt tal-Istat Membru (33).

43.      L-għoti ta’ faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jista’ jieħu l-forma ta’ termini kuntrattwali speċifiċi li jagħtu d-dritt għal-leave bil-ħlas, jew it-twaqqif ta’ proċedura amministrattiva legalment infurzabbli li permezz tagħha l-applikazzjoni tista’ ssir lil persuni li jimpjegaw mill-ħaddiema għal-leave annwali bil-ħlas.

44.      Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, fid-dawl tal-fatti kollha rilevanti, jekk xi faċilità pprovduta minn SWWL kinitx adegwata għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas (ara hawn isfel il-punti 84 sa 86). Madankollu, kif ġie rrilevat mir-rappreżentant ta’ C. King waqt is-seduta, l-Artikolu 31(2) tal-Karta jneħħi kull dubju dwar jekk hijiex il-persuna li timpjega jew il-ħaddiem li għandu jġorr ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt għal leave annwali bil-ħlas, għall-inqas fir-rigward ta’ min minnhom għandu joħloq il-faċilità għall-eżerċizzju tiegħu.

45.      Irrispettivament mill-mezzi użati, jiena tal-fehma li Drittwirkung tat-tip li qed nippreskrivi għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li bilfors jinvolvi effett indirett ta’ drittijiet bażiċi fil-konfront ta’ partijiet terzi (34), huwa konsistenti mal-effettività tad-Direttiva 2003/88 kif interpretata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ikun ukoll konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impatt tad-Direttivi f’tilwim ta’ natura orizzontali bejn żewġ atturi tas-settur privat, u sa liema punt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun rilevanti għall-riżoluzzjoni ta’ tali tilwim. Għalhekk issa se nittratta dawn il-kwistjonijiet.

C.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88: il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja

1.      Deċiżjonijiet ewlenin dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-effettività tagħha

46.      Fil-kawża Fuβ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali sabiex il-ħaddiema jagħmlu applikazzjoni minn qabel lil persuna li timpjega sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 fuq il-limitu tal-ħin tax-xogħol, bħala prerekwiżit biex wieħed jaġixxi għad-danni quddiem qorti ta’ Stat Membru minħabba ksur ta’ din id-direttiva, ikun ipoġġi “sistematikament fuq l-individwi r-responsabbiltà li jiżguraw l-osservanza ta’ tali regoli” filwaqt li l-persuni li jimpjegaw jingħataw “il-possibbiltà li jeżentaw lilhom infushom mill-osservanza tagħhom meta tali talba ma ssirx” (35).

47.      Konsegwentement, ikun ukoll inkonsistenti mal-effettività tal-Artikolu 7(1) li jkun meħtieġ li ħaddiema bħal C. King jippreżenta rikors lil qorti, jew kwalunkwe korp ieħor, biex jobbliga lil persuna li timpjega toħloq faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, kwistjoni li hija differenti b’mod kwantifikabbli minn tilwima dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ leave annwali bil-ħlas (ara hawn isfel, il-punti 71 sa 75).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ulterjorment fil-kawża Bollacke (36), fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u l-intitolament għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave bil-ħlas li ma tteħidtx, li l-mewt ma tikkostitwixxix ostakolu fuq l-obbligu ta’ persuni li jimpjegaw biex jikkonformaw miegħu. F’ċirkustanzi fejn il-benefiċjarju ta’ ħaddiem mejjet ried jirkupra pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-140.5 ġurnata ta’ leave pendenti, prekluża fid-dritt Ġermaniż minħabba t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol li seħħet mal-mewt, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma kellux jiġi interpretat b’mod restrittiv (37), imbagħad iddeċidiet dan li ġej;

“[…] peress li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jimponi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ieħor għajr dak li jirriżulta mill-fatt li l-relazzjoni ta’ impjieg itterminat, għandu jiġi kkunsidrat li l-benefiċċju ta’ tali kumpens ma għandux jiġi suġġett għall-eżistenza ta’ talba minn qabel għal dan il-għan.

Fil-fatt, […] dan id-dritt jingħata direttament mill-imsemmija direttiva mingħajr ma l-ħaddiem ikkonċernat irid jintervjeni f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, dan id-dritt ma jistax jiddependi fuq kundizzjonijiet oħra minbarra dawk li huma espliċitament previsti fiha, hekk li l-fatt li l-ħaddiem ma talabx minn qabel il-benefiċċju ta’ kumpens finanzjarju skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva huwa kompletament irrilevanti.” (38)

49.      Dawn is-sentenzi jirriflettu l-fatt li l-ħaddiem huwa kkunsidrat bħala “l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg”, u għalhekk “huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu.” (39)

50.      Fil-fatt il-kawża Bollacke (40) tistabbilixxi l-punt ta’ riferiment fuq dak li huwa meħtieġ għall-konformità mal-effettività tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. Kif ġie indikat mir-rappreżentant ta’ C. King waqt is-seduta jekk, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (41), l-Artikolu 7(2) kellu jiġi interpretat b’mod restrittiv, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità jiġi ttrasferiti mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem, b’tal-ewwel ikun jista’ jipproċedi għax ikun żgur li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi invokat bħala għajnuna minn ħaddiem biex jikkoreġi nuqqas li tiġi pprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. Jew, kif ir-rappreżentant tal-Kummissjoni qal fis-seduta, żball fit-tul min-naħa tal-persuna li timpjega jista’ jċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom.

2.      L-effett orizzontali tal-Karta u l-infurzar tad-direttivi

51.      Kuntrarjament għal diversi dispożizzjonijiet oħra tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (42), l-Artikolu 31(2) ma huwiex iddikjarat li huwa suġġett għad-dritt tal-Unjoni u għall-prattiki nazzjonali, u lanqas ma huwa dirett biss lejn l-Istati Membri. Pjuttost, kif diġà ġie nnutat, huwa fformulat b’mod iktar wiesa’, li jgħid li kull “ħaddiem għandu d-dritt għal […] perijodu annwali ta’ leave imħallas”.

52.      Fid-dawl ta’ dan il-kliem, in-natura imperattiva tad-dritt tal-Unjoni għal-leave annwali bil-ħlas, u l-valur normattiv sostanzjali tiegħu (imsemmi iktar ’il fuq fil-punti 33 sa 40), id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas taħt l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu jitqies bħala li jammonta għal “dritt” skont id-dritt tal-Unjoni u ma huwiex sempliċiment “prinċipju” (43) fit-tifsira tal-Artikolu 52(5) tal-Karta (44). Irrispettivament mill-konsegwenzi li jistgħu joħorġu mid-distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji” fid-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-drittijiet fundamentali (45), bħala “dritt” l-Artikolu 31(2) huwa bla dubju ta’ xejn għajnuna għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88, kemm jekk l-entità li kontriha d-Direttiva 2003/88 qed tiġi infurzata hija emanazzjoni tal-istat (46) kif ukoll jekk hija attur fis-settur privat. Dan imbagħad inevitabbilment jistruwixxi l-proċess ta’ interpretazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru f’konformità mad-Direttiva 2003/88.

53.      Għalhekk, il-kliem inekwivoku tal-Artikolu 31(2) tal-Karta iktar jimmilita kontra interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li tkun timponi fuq il-ħaddiema l-obbligu li jitolbu lil qorti, jew lil kwalunkwe awtorità oħra, biex iġġiegħel lil persuna li timpjega toħloq faċilitàxierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas; kwistjoni li hija distinta mir-rwol sussistenti tal-qrati li jiddeċiedu fuq tilwim meta ħaddiem jikkontesta d-diskrezzjoni ta’ implementazzjoni tal-Istati Membri fl-Artikolu 7(1) fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-intitolament għal u l-għoti ta’ leave annwali bil-ħlas (ara hawn isfel il-punti 71 sa 75), kemm jekk il-konvenut ikun emanazzjoni tal-istat kif ukoll jekk ikun attur fis-settur privat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas “ma jistax jitqiegħed inkwistjoni mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-esklużjoni tal-konstituzzjoni […] ta’ dan id-dritt” (47).

54.      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni ddikjara li hija pjuttost il-persuna li timpjega li għandha l-obbligu ta’ osservanza fl-oqsma ta’ saħħa u ta’ sigurtà u mhux il-ħaddiem, u allega li l-fatt li ħaddiem ikun obbligat iressaq proċeduri ġudizzjarji biex jinforza l-leave annwali bil-ħlas ikun simili għall-fatt li ħaddiem ikun meħtieġ li jitlob lil min iħaddmu biex jipprovdilu maskra tal-wiċċ meta jkun qed jaħdem b’sustanza tossika. Jiena tal-fehma li l-għoti ta’ faċilità xierqa mill-persuna li timpjega għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa tabilħaqq element tar-relazzjoni tax-xogħol li ma għandux għalfejn ikun suġġett għal konstrinġiment minn awtorità ġudizzjarja, u li tali rekwiżit ikun inkonsistenti ma ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-eżistenza tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ma għandha tkun suġġett għal ebda prekundizzjonijiet, tkun xi tkun (48).

55.      Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja ma tkunx biżżejjed biex tiddiswadi lil persuni li jimpjegaw milli jiksru l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 (49), b’mod partikolari fid-dawl tal-ammonti żgħar involuti meta mqabbla mal-ispiża għat-tressiq ta’ proċeduri legali. Ilu stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa li r-rimedji pprovduti fid-dritt ta’ Stat Membru sabiex jiġi żgurat l-infurzar tad-direttivi rilevanti għandhom ikunu qawwija biżżejjed biex jiżguraw “effett disważiv reali” kontra l-ksur tagħhom mill-persuni li jimpjegaw, u il-Qorti tal-Ġustizzja invokat dan ir-rekwiżit f’diversi tilwimiet orizzontali (50). L-istess għandu neċessarjament japplika għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari fid-dawl tal-piż normattivi sostanzjali tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas kif rifless fl-Artikolu 31 tal-Karta.

56.      Wara li ntqal dan, għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-limitazzjoni sussistenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impatt orizzontali tad-direttivi f’tilwim ta’ natura privata. Fid-deċiżjoni reċenti tagħha fis-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14 DI, EU:C:2016:278), kawża li kienet tikkonċerna wkoll drittijiet tax-xogħol u d-dritt soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet il-prinċipji stabbiliti sew li ġejjin;

“Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali […].

F’dan il-kuntest, għandu jiġi speċifikat li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva […]” (51).

57.      Id-digriet tar-rinviju jgħid li, jekk l-analiżi tal-Employment Tribunal, li tgħid li C. King kellu jingħata l-“Ħlas għal vaganzi 3”, hija korretta, konsegwentement l-Artikoli 13(9) u 14 tal-Working Time Regulations jistgħu jinqraw b’mod konsistenti mal-prinċipju tas-sentenza Marleasing dwar l-interpretazzjoni simpatetika tad-dritt tal-Istati Membri ma’ direttivi sabiex tingħata effettività sħiħa lis-sentenza Schultz-Hoff et. Waqt is-seduta r-rappreżentant ta’ SWWL iddikjara wkoll li interpretazzjoni tad-dritt tar-Renju Unit “konformi” mad-dritt tal-Unjoni kienet disponibbli sakemm il-qorti nazzjonali ipprovdiet mod ieħor, u li l-Court of Appeal ma kinitx għamlet dan. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li qed insostni hawnhekk ma jidhirx li tagħti lok għal interpretazzjoni contralegem tad-dritt nazzjonali (52), u ma saret l-ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni. L-iktar li jista’ jiġri, abbażi tad-digriet tar-rinviju, huwa li jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jiġi interpretat fis-sens li l-persuni li jimpjegaw għandhom l-obbligu li jipprovdu faċilitajiet xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, din id-dispożizzjoni jkollha effett indirett fuq tilwima orizzontali, li huwa permess skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (53). Kif osserva Avukat Ġenerali, fil-“każ ta’ interpretazzjoni skond direttiva, id-direttiva stess ma timponix obbligi fuq l-individwu; dan isir bil-liġi nazzjonali li hija applikata in konformità mad-Direttiva” (54).

58.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas previst fl-Artikolu 31(2) tal-Karta huwiex prinċipju ġenerali tal-liġi, espress b’mod konkret fid-Direttiva 2003/88 (55), b’tali mod li jissieħeb mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (56), li huwa protett mill-Artikolu 21 tal-Karta, bħala wieħed mill-prinċipji ġenerali li huwa infurzabbli direttament minn parti waħda privata kontra oħra, anki fil-każ li jkun hemm impedimenti contra legem fil-livell nazzjonali biex dan ma jseħħx (57).

3.      Il-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit

59.      Fl-aħħar nett, is-soluzzjoni li qed nipproponi taqa’ fil-konfini tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), fuq il-bażi tat-test tal-Protokoll u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-parti operattiva tal-Protokoll tgħid dan li ġej.

 “Artikolu 1

1. Il-Karta ma testendix il-fakulta tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet, il-prattiki jew l-azzjonijiet amministrattivi tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji fundamentali li hija tafferma mill-ġdid.

2. B’mod partikolari, u sabiex jiġi evitat kull dubbju, xejn fit-Titolu IV tal-Karta ma joħloq drittijiet ġustizzjabbli applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn il-Polonja jew ir-Renju Unit ikunu pprevedew tali drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom.

 Artikolu 2

Meta dispożizzjoni tal-Karta tirriferi għall-prattiki u l-liġijiet nazzjonali, din għandha tapplika għall-Polonja jew għar-Renju Unit biss fil-limitu li d-drittijiet jew il-prinċipji li jinsabu fiha jkunu rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattiki tal-Polonja jew tar-Renju Unit.”

60.      Hemm qbil li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa previst b’mod sħiħ fil-liġi tar-Renju Unit, b’tali mod li l-limiti stabbiliti mill-proviso li jidhru fl-Artikolu 1(2) ġew issodisfatti. Barra minn hekk, is-soluzzjoni li qed nipproponi ma tinvolvi l-ebda estensjoni tas-setgħat u tal-obbligi kemm ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-qrati tar-Renju Unit, kif kienu meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Lisbona b’mod konformi mal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll, peress li l-“fakulta” tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali skont id-direttivi tal-Unjoni ġiet stabbilita fl-1990 fil-każ Marleasing (58).

61.      Dwar l-interpretazzjoni tad-drittijiet li kienu jeżistu diġà fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża NS et li “l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll (Nru 30) jespliċita l-Artikolu 51 tal-Karta, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, u la huwa intiż li jeżenta lir-Repubblika tal-Polonja u lir-Renju Unit mill-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta u lanqas li jipprekludi lil qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri milli tiżgura l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet” (59).

62.      Għalhekk, anki jekk l-Artikolu 1(2) kellu jipprekludi drittijiet ġustizzjabbli li jirriżultaw orizzontalment bejn partijiet privati fir-rigward tat-Titolu IV tal-Karta (li jinkludi l-Artikolu 31), u jipprevjeni drittijiet ġodda li jirriżultaw minn xi dispożizzjoni tat-Titolu IV (60), is-soluzzjoni li qed nipproponi ma tinvolvi ebda waħda minn dawn l-eventwalitajiet.

63.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2 tal-Protokoll huwa irrilevanti għall-kawża prinċipali, peress li dan jgħodd biss “[m]eta dispożizzjoni tal-Karta tirriferi għall-prattiki u l-liġijiet nazzjonali”. Kif imsemmi iktar ’il fuq, l-Artikolu 31 tal-Karta, b’differenza minn diversi dispożizzjonijiet oħra tal-Karta (61), ma huwiex attenwat b’riferiment għal liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

D.      Ir-risposti proposti għad-domandi magħmula

1.      Domandi 2 sa 5

64.      Jiena identifikajt il-kontenut tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-istrumenti internazzjonali dwar id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas li għalihom ikkollaboraw l-Istati Membri. Din l-analiżi turi li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa ta’ natura imperattiva, u ma huwiex indirizzat esklużivament lejn l-Istati. Stabbilixxejt ukoll parametri għal dipendenza fuq l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 bħala miżura ta’ rimedju f’ċirkustanzi li fihom ebda faċilità xierqa ma ġiet maħluqa minn persuna li timpjega għal ħaddiem sabiex jeżerċita d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas (għar-relazzjoni tal-impjieg kollha jew parti minnha) u indirizzajt il-limiti legali dwar l-impatt tad-direttivi u l-Karta tal-Unjoni f’tilwimiet orizzontali bejn żewġ atturi tas-settur privat. Peress li l-mistoqsijiet 2 sa 5 huma marbuta direttament mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, se nweġibhom l-ewwel qabel ma ndur għall-ewwel domanda. Ser nindirizza it-tieni domanda b’mod separat mid-domandi 3 sa 5.

a)      It-tieni domanda

65.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju nazzjonali tistaqsi jekk ħaddiem, bħal C. King, jistax isostni li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas meta ma jkunx ħa l-leave annwali li għalih huwa intitolat fis-sena ta’ leave rilevanti għaliex il-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li jieħu? It-tieni domanda tistaqsi ulterjorment jekk id-dritt jiġix irrimandat sakemm il-ħaddiem ikollu l-opportunità li jeżerċitah?

66.      Huwa importanti li jiġi nnotat li l-kawża prinċipali tammonta għal dak li nirreferi għalih bħala “każ ta’ terminazzjoni”, li fih r-rikorrent jitlob pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 mat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg (62). Dan ifisser li l-prinċipji importanti speċifikati iktar ’il fuq fil-punt 48 mis-sentenza Bollacke tal-Qorti tal-Ġustizzja huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ C. King, l-istess bħal ma huwa applikabbli l-proviso tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 fis-sens li l-“perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impjieg tkun ġiet itterminata.” (enfasi miżjuda minni)

67.      Fil-kawża Maschek, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ċirkustanzi li fihom il-liġi Awstrijaka pprekludiet ħlas bħala kumpens għal leave annwali mhux meħud meta uffiċjal pubbliku irtira fuq talba tiegħu stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tgħid li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li ħaddiem huwa intitolat għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens sabiex tiġi prekluża l-impossibbiltà li jkun jista’ jittieħed leave annwali bi ħlas, minħabba terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, li jwassal għal sitwazzjoni li fiha l-ħaddiem jitlef kull tgawdija ta’ dak id-dritt, anki f’sura pekunjarja (63). Il-qorti tal-Ġustizzja mbagħad żiedet tgħid dan li ġej:

“Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal allowance [pagament ta’ benefiċċju] għajr dak relatat mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet.

Isegwi li, konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem li ma setax jagħmel użu mid-drittijiet kollha tiegħu għal leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, għandu dritt għal allowance [pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-]għal leave annwali mħallas [bil-ħlas] mhux meħud. F’dan ir-rigward, ma hijiex rilevanti r-raġuni li għaliha r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet” (64).

68.      Għalhekk ma naqbilx li l-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens huwa limitat għall-iskop li l-ħaddiem ikun jista’, anki wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, jieħu perijodu ta’ mistrieħ imħallas qabel jibda relazzjoni ġdida ta’ impjieg (65). Pjuttost, l-għan ewlieni tagħha huwa li tirkupra, permezz ta’ pagament ta’ benefiċċju fi flus, leave mħallas li jkun għadu ma tteħidx meta tiġi tterminata r-relazzjoni ta’ impjieg sabiex il-ħaddiem ma jitlifx it-tgawdija kollha ta’ dak id-dritt (66). Dan huwa suġġett biss għar-restrizzjonijiet tal-Istati Membri fuq l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 li huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sabiex kundizzjonijiet tal-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jissuġġettawx l-eżistenza stess tad-dritt għall-leave annwali bil-ħlas għal xi prekundizzjoni tkun xi tkun (67).

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li hemm perijodi li lil hinn minnhom il-leave annwali ma jibqax ikollu l-effett pożittiv tiegħu għall-ħaddiem bħala perijodu ta’ mistrieħ, u għalhekk l-Istati Membri huma ħielsa li jimponu perijodi ta’ riferiment u perijodi li jiġu rrimandati, li meta jiskadu jiskadi d-dritt għal leave annwali bil-ħlas taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 (“il-prinċipju ta’ skadenza”) (68). Is-soluzzjoni li qiegħed nipproponi hawnhekk bl-ebda mod ma hija se tiddisturba din il-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (69).

70.      Dan huwa hekk għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat bħala punt ta’ prinċipju, għalkemm suġġett għal ċerti limiti, li “l-kwistjoni tal-ġarr tal-leave u għaldaqstant tal-ispeċifikazzjoni ta’ perijodu li matulu ħaddiem li ma jistax jieħu l-leave annwali bil-ħlas tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza jista’ xorta jibbenefika mill-imsemmi leave annwali taqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas u hija għaldaqstant irregolata mil-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali” (70).

71.      Madankollu, hemm kuntest fattwali differenti għal kollox fil-proċeduri prinċipali.

72.      Id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw il-prinċipju ta’ skadenza jaqgħu fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru, u tipikament jikkonċernaw il-punt ta’ sa fejn id-dritt ta’ Stat Membru jista’ jimponi limiti, bħal xi tip ta’ limitu ta’ żmien fuq it-teħid tal-leave fir-rigward ta’ perijodu ta’ leave speċifiku, jew il-kundizzjonijiet ta’ pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave mħallas li ma tteħidx (71), fejn il-faċilità għall-eżerċizzju tiegħu tkun fil-fatt saret disponibbli fl-ewwel lok mill-persuna li timpjega. Dawn l-istess ċirkustanzi fattwali kienu fil-bażi ta’ każijiet fejn it-tilwima dwar il-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-leave annwali nqalgħet f’relazzjonijiet ta’ impjieg li għadhom għaddejjin (72), u b’hekk iridu jkunu rregolati mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 bl-esklużjoni tal-Artikolu 7(2) (73).

73.      Għalhekk, jekk il-liġi ta’ Stat Membru kellha tippermetti li l-persuni li jimpjegaw ma joħolqux faċilità xierqa għall-ħaddiema biex jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, u tħalli għall-ħaddiema biex jiftħu d-disponibbiltà għal tali faċilità billi jinbdew proċeduri ġudizzjarji jew xi forma ta’ azzjoni oħra, din tmur lil hinn mid-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas, u pjuttost tammonta għal prekundizzjoni għall-eżistenza stess tad-dritt (74).

74.      Għalhekk, filwaqt li t-tilwima bejn SWWL u C. King fil-parti l-kbira jekk mhux esklużivament ġiet argumentata fuq il-bażi tal-proviso Schultz-Hoff, fis-sens li t-telf ta’ dritt għal leave annwali bil-ħlas fl-aħħar ta’ sena tal-leave jew tal-perijodu li matulu l-leave jista’ jiġi rrimandat jista’ jseħħ biss jekk il-ħaddiem “kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mid-direttiva” (75), m’iniex konvint li id-deċiżjoni Schulz-Hoff hija rilevanti għall-kawża prinċipali.

75.      Dan espost, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tpoġġi fil-ġenb il-preċedenti stabbiliti tagħha fuq ir-restrizzjonijiet ta’ żmien u oħrajn imposti mill-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, u pjuttost tittratta l-problema inkwistjoni billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-mistoqsija li ġejja: hemm xi ħaġa li tipprekludi ħaddiem bħal C. King milli jibbaża ruħu fuq it-test sempliċi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, biex jieħu pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma tteħidx meta persuna li timpjega ma tkun ipprovdiet l-ebda faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas bi ksur tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, jew jekk tali faċilità ġiet ipprovduta biss għal parti mir-relazzjoni ta’ impjieg? Fid-dawl tal-analiżi hawn iddettaljata, jidher li din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba fin-negattiv.

76.      Alternattivament, naċċetta argumenti magħmula minn C. King, b’appoġġ mill-Kummissjoni, fis-sens li C. King ma kellux l-opportunità li jeżerċita leave annwali bil-ħlas fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imma fuq il-bażi li l-faċilità xierqa għall-eżerċizzju tagħha nħolqot mill-persuna li timpjega biss mill-2008 u forsi xejn affattu (ara l-punti 84 sa 86, hawn isfel). Iżda, dan ir-raġunament, huwa f’inqas armonija mal-ġurisprudenza stabbilita, kemm għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq kif ukoll minħabba l-fatt li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel iddeċidiet li l-ħaddiema ried ikollhom l-opportunità li jeżerċitaw id-dritt mogħti mid-direttiva qabel ma d-dritt għal-leave mħallas jista’ jintilef taħt il-liġi ta’ Stat Membru (76), din għad trid tiġi estiża lil hinn minn każijiet fejn ħaddiem kien assenti minħabba mard. Il-Qorti tal-Ġustizzja saħansitra ddeċidiet li meta ħaddiem “ma huwiex suġġett għal-limitazzjonijiet fiżiċi jew fiżjoloġiċi kkawżati minn marda, huwa jkun f’sitwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta minn inkapaċità għax-xogħol minħabba l-istat ta’ saħħtu” (77).

77.      Madankollu, naċċetta li huwa possibbli li jiġi konkluż, fuq analiżi sempliċi tat-tifsira, li ħaddiem ma kellux il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas skont id-Direttiva 2003/88 għal perijodi li matulhom il-persuna li timpjega ma kienet ipprovdiet ebda faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt, b’tali mod li restrizzjonijiet minn Stati Membri fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li altrimenti jaqgħu taħt id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, neċessarjament ma għandhomx jiġu applikati.

78.      Għalhekk, id-domanda 2 għandha tingħata risposta fis-sens li jekk ħaddiem ma jiħux, kompletament jew parzjalment, il-leave annwali li għalih huwa intitolat fis-sena tal-leave meta kwalunkwe dritt għandu jiġi eżerċitat, f’ċirkustanzi fejn huwa kien jagħmel hekk li kieku l-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li jieħu, il-ħaddiem jista’ jallega li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave bil-ħlas b’tali mod li d-dritt jiġi rrimandat sakemm ikollu tali opportunità li jeżerċitah.

b)      Ir-risposti għad-domandi 3 sa 5

79.      Id-domandi 3 sa 5, li għandhom jingħataw risposta flimkien, jistaqsu jekk id-dritt għal leave annwali bil-ħlas jistax jiġi rrimandat b’mod indefinit. Liema, jekk ikun hemm, perijodi fejn il-leave jiġi rrimandat għandu jiġi applikat meta ma hemm ebda dispożizzjoni statutorja jew kuntrattwali li tispeċifika perijodu li matulu l-leave jista’ jiġi rrimandat, u fl-assenza ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata li timponi perijodu bħal dan? Jekk iva, perijodu ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ vaganza li fiha nġema’ l-leave huwa kompatibbli mad-dritt għal leave annwali bil-ħlas previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88?

80.      Din id-domanda tista’ tingħata risposta b’mod konċiż.

81.      Mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem huwa intitolat għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li ma jkunx ittieħed sad-data li fiha l-persuna li timpjega għamlet disponibbli għall-ħaddiem faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Huwa biss f’dan il-punt li restrizzjonijiet ta’ żmien jew restrizzjonijiet oħra fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri setgħu għażlu li jimponu jistgħu jibdew japplikaw, u anki hawnhekk biss jekk tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-konfini tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u huma, mill-kumplament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk qatt ma ġiet ipprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, f’dak il-każ il-pagament ta’ benefiċċju skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa dovut biex ikopri l-perijodu kollu tal-impjieg sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.

82.      Il-digriet tar-rinviju jissuġġerixxi li limitu fuq il-perijodu li matulu l-leave jista jiġi rrimandat ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ vaganza li fiha nġema’ huwa limitu permissibbli fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas.

83.      Dan is-suġġeriment jidher li huwa ispirat mill-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ILO Nru 132 tal-1970 li tirrigwarda vaganzi annwali bil-ħlas. Madankollu, din id-dispożizzjoni, bħall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ skadenza, hija bbażata fuq li l-ewwel nett ikun hemm faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas fil-relazzjoni ta’ impjieg. L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ILO Nru 132 tal-1970 huwa għalhekk irrilevanti għall-fatti tal-kawża prinċipali.

84.      Ir-rappreżentant legali ta’ SWWL qal waqt is-seduta li t-termini kuntrattwali ta’ C. King ma kienu jgħidu xejn dwar il-kwistjoni tal-leave annwali bil-ħlas. Dan ifisser neċessarjament li ebda faċilità xierqa ma ġiet ipprovduta minn SWWL għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Ninnota li SWWL irrikonoxxiet fis-seduta li C. King kien ħaddiem u kien intitolat matul il-kors tar-relazzjoni ta’ impjieg għal leave annwali bil-ħlas.

85.      Madankollu, SWWL ssostni wkoll li fl-2008 offriet lil C. King kuntratt ta’ impjieg, u matul is-seduta r-rappreżentanti tagħha sostnew li dan kien jinvolvi dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Kieku dan ammonta għall-provvista ta’ faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, li hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju nazzjonali, allura pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave bil-ħlas mhux meħud kien ikun pagabbli bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 mill-bidu tal-impjieg ta’ C. King f’Ġunju 1999 sad-data fl-2008 li fiha kien offrut kuntratt ta’ impjieg li kellu l-faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas. Ikun biss f’dan il-każ li kwalunkwe restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas imposta bil-liġi tar-Renju Unit, u li tkun kompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u b’mod iktar ġenerali mad-dritt tal-Unjoni, tkun tista’ tibda tapplika.

86.      Min-naħa l-oħra, jekk din l-offerta ma kinitx tinkludi tali faċilità, permezz, pereżempju, għall-provvista ta’ klawżola kuntrattwali suffiċjentement iddettaljata fuq l-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, allura pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 bilfors ikollu jkopri r-relazzjoni ta’ impjieg sħiħa mill-bidu ta’ Ġunju 1999 sat-terminazzjoni fis-6 ta’ Ottubru 2012.

87.      Ir-risposta għad-domandi 3 sa 5 hija din li ġejja;

“Mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem huwa intitolat għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li jkun għadu ma tteħidx sad-data li fiha l-persuna li timpjega għamlet disponibbli għall-ħaddiem faċilità għall-eżerċizzju għad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Huwa biss f’dan il-punt li restrizzjonijiet ta’ żmien jew restrizzjonijiet oħra fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri setgħu għażlu li jimponu jistgħu jibdew japplikaw, u anki hawnhekk biss jekk tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-konfini tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u huma, mill-kumplament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk qatt ma ġiet ipprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, f’dak il-każ il-pagament ta’ benefiċċju skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa dovut biex ikopri l-perijodu kollu tal-impjieg sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitu fuq il-perijodu li matulu l-leave jista jiġi rrimandat ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena tal-vaganzi li fiha akkumula l-leave ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.”

2.      Ir-risposta għad-domanda 1

88.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju nazzjonali tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi fejn hemm tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal-leave annwali bil-ħlas bis-saħħa tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, il-fatt li l-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jiġi stabbilit jekk huwiex intitolat li jitħallas?

89.      Peress li pproponejt li jekk ħaddiema jkunu meħtieġa li jieħdu kwalunkwe azzjoni, kemm jekk dan ikun bit-teħid ta’ proċeduri ġudizzjarji jew mod ieħor, biex joħloq faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas dan ikun jammonta għal prekundizzjoni illegali għall-eżistenza stess ta’ dak id-dritt (78), huwa biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax ir-risposta tiegħi għad-domandi 2 sa 5 li jkun meħtieġ li tingħata risposta għad-domanda 1. Dan huwa hekk għaliex il-fatt li ħaddiem ikun meħtieġ jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jiġi aċċertat huwiex se jitħallas għalih, huwa ekwivalenti għall fatt li l-ħaddiem, kuntrarjament għall-persuna li timpjega, jkun meħtieġ jieħu passi attivi biex jiġi żgurat il-ħolqien tal-faċilità.

90.      Dan espost, fi kwalunkwe każ jiena nipproponi li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda għar-raġunijiet li ġejjin.

91.      L-ewwel nett, ilu li ġie stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal-leave annwali u għall-ħlas għalih bħala żewġ aspetti tal-istess dritt (79). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma inkompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 prattiki li joħolqu “riskju sinjifikattiv li l-ħaddiem ma jiħux l-leave tiegħu” (80). Dawn kienu jinkludu kundizzjonijiet ekonomiċi għat-tul tal-leave li ma humiex paragunabbli għal dawk relatati mal-eżerċizzju tal-impjieg tal-ħaddiema, bħal ħlas biss ta’ salarju bażiku matul perijodu ta’ leave, mingħajr kummissjoni (81). Kif osservat Avukat Ġenerali, “huwa neċessarju li jkun żgurat […] li l-ħaddiem ma jsofrix xi żvantaġġ konsegwenza talli jkun iddeċieda li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali” (82).

92.      Jidher li ma jistax jiġi kkontradett li ħaddiem jiġi skoraġġut milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas jekk l-ewwel ikun meħtieġ li jieħdu mingħajr ħlas ta’ xejn, qabel ma jkun jista’ jiġi stabbilit li huwa intitolat għal leave bil-ħlas. Sitwazzjoni bħal din tkun inkonsistenti mal-effettività tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat ta’ dik id-dispożizzjoni fis-sens li “tul il-perijodu ta’ leave annwali […] ir-remunerazzjoni għandha tibqa’ titħallas u li, fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ serħan” (83). Dan jimplika element inerentement kontemporanju għad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas.

93.      It-tieni nett, il-fatt li ħaddiem ikun obbligat li jieħu leave mingħajr ħlas qabel ma jkun jista’ jistabbilixxi jekk għandux jitħallas għalih huwa inkonsistenti wkoll mal-obbligu, li jiena ddeskrivejt iktar ’il fuq fil-punt 55, li l-Istati Membri għandhom li jipprovdu rimedji għall-infurzar tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li jipprovdu effett ta’ deterrent reali kontra ksur mill-persuni li jimpjegaw. Rekwiżit bħal dak jirrendi wkoll id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas eċċessivament diffiċli biex jiġi infurzat, peress li jidher li ma hemm xejn fir-rwol ta’ dispożizzjoni bħal dik fil-proċedura, fit-tmexxija tagħha, jew xi fatturi speċjali (84), li jiġġustifikaw tali ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Lanqas ma jidher li hu meħtieġ fid-dawl tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni taċ-ċertezza legali (85).

94.      It-tielet nett, kwalunkwe separazzjoni taħt id-dritt tar-Renju Unit tad-dritt għal leave mid-dritt li jsir ħlas għalih jista’ jfisser li r-rimedju pprovdut fid-dritt tar-Renju Unit jista’ jkun ta’ kumplessità eċċessiva, tant li jingħata lok għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta (86).

95.      Għalhekk, id-Domanda 1 għandha tingħata risposta fis-sens li jekk ikun hemm tilwima bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal-leave annwali bil-ħlas bis-saħħa tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, jekk il-ħaddiem irid l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jiġi stabbilit jekk huwiex intitolat li jitħallas.

E.      Rimarki tal-għeluq

96.      Napprezza li r-risposti għad-domandi magħmula li qed nipproponi hawnhekk ikun jeħtieġu li jkunu l-persuni li jimpjegaw pjuttost milli l-ħaddiema li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk humiex marbuta li joħolqu faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, kemm jekk dawk il-passi jkunu t-teħid ta’ pariri legali, il-konsultazzjoni ma’ unions rilevanti, jew jintalbu pariri mill-korpi ta’ Stati Membri li huma responsabbli għall-infurzar tad-dritt industrijali. Jekk min iħaddem ma jieħux tali azzjoni, ikunu f’riskju li jkollhom jagħmlu pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave mhux imħallas mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. Madankollu, dan ikun konformi mal-għan li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, dritt fundamentali ta’ piż normattiv sostanzjali fid-dritt tal-Istat Membru, fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, u fid-dritt internazzjonali, u jkun konsistenti ukoll mar-realtà prattika, irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-pożizzjoni tal-ħaddiem bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg (87).

97.      Fl-istess ħin, il-fatt li ħaddiema fil-pożizzjoni ta’ C. King ikunu jistgħu jinvokaw l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, bl-ebda mod ma jipprovdi opportunità għall-ħaddiema biex jakkumulaw ħlas minflok il-leave bi ksur tal-għan tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li huwa li jiġi żgurat mistrieħ effettiv sabiex tiġi aċċertata protezzjoni effettiva tas-saħħa u tas-sigurtà tagħhom (88). Dan huwa hekk għaliex ladarba l-persuna li timpjega tipprovdi faċilità xierqa għall-eżerċizzju ta’ leave annwali bil-ħlas, ikun il-ħaddiem li jsir responsabbli għat-teħid ta’ din l-opportunità. (89) Fi kliem ieħor, f’dan il-punt il-ħaddiem jiġi offrut l-opportunità li jeżerċita d-dritt għal leave annwali bil-ħlas fis-sens tas-sentenza fil-kawża Schulz-Hoff, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi magħrufa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jimpedixxu l-eżerċizzju tad-dritt, bħall-mard.

V.      Konklużjoni

98.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal of England and Wales (qorti tal-appell, tal-Ingilterra u Wales) kif ġej:

1.      Fil-każ ta’ tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal leave annwali bil-ħlas skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, il-fatt li l-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jistabbilixxi jekk huwiex intitolat li jitħallas.

2.      Fil-każ li l-ħaddiem ma jiħux, kompletament jew parzjalment, il-leave annwali li għalih huwa intitolat fis-sena ta’ leave meta kwalunkwe dritt għandu jiġi eżerċitat, f’ċirkustanzi fejn huwa kien jagħmel hekk li kieku l-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li jieħu, il-ħaddiem jista’ jallega li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave bil-ħlas b’tali mod li d-dritt jiġi rrimandat sakemm ikollu tali opportunità li jeżerċitah.

3.      Mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem huwa intitolat għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li jkun għadu ma tteħidx sad-data li fiha l-persuna li timpjega għamlet disponibbli għall-ħaddiem faċilità għall-eżerċizzju għad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Huwa biss f’dan il-punt li restrizzjonijiet ta’ żmien jew restrizzjonijiet oħra fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri setgħu għażlu li jimponu jistgħu jibdew japplikaw, u anki hawnhekk biss jekk tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-konfini tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u huma, mill-kumplament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk qatt ma ġiet ipprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, f’dak il-każ il-pagament ta’ benefiċċju skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa dovut biex ikopri l-perijodu kollu tal-impjieg sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitu fuq il-perijodu li matulu l-leave jista jiġi rrimandat ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena tal-vaganzi li fiha akkumula l-leave ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Din hija kwistjoni ta’ fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi. Ara l-punti 44 u 84 sa 86 hawn isfel.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.


4      Għal deċiżjonijiet ewlenin li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-impatt tal-Karta fuq l-interpretazzjoni ta’ direttiva f’tilwima ta’ natura orizzontali ara s-sentenzi tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, u tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12,EU:C:2014:2; u fil-kuntest speċifiku tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, fejn fil-punt 40 il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk id-direttiva setgħetx tiġi invokata permezz tad-duttrina tal-effett dirett, kontra persuna li timpjega li fil-fatt seta kien emanazzjoni tal-Istat.


5      Ara hawn isfel il-punti 35 sa 40.


6      Ara, f’dan ir-rigward l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Dominguez, C‑282/10, EU:C:2011:559, punti 106 sa 113.


7      Dan ġie prekluż sa mis-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, EU:C:2001:356. Il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża kienet qed tinterpreta l-predeċessur tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 93/104, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197). Madankollu t-test tal-Artikolu 7 fiż-żewġ direttivi huwa l-istess.


8      Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9      Imsemmi wkoll fl-osservazzjoni bil-miktub ta’ SWWL u Richard Dollar.


10      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18


11      Ara, b’mod partikolari s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18; tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542; tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761; tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33; tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, EU:C:2012:263; tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED, C‑78/11, EU:C:2012:372 u tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693; id-digriet tal-21 ta’ Frar 2013, Maestre García, C‑194/12, EU:C:2013:102; is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2; tat-22 ta’ Mejju 2014, Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351; tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755; tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200; tal-11 ta’ Novembru 2015, Greenfield, C‑219/14, EU:C:2015:745; tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojen ammattilitto,C-396/13, EU:C:2015:86; tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502 u tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576.


12      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200.


13      Waqt is-seduta r-rappreżentant ta’ SWWL ikkonferma li l-unika oġġezzjoni tagħhom għat-talba ta’ C. King kienet li aġixxa tard wisq biex jinforza drittijietu.


14      Ara l-kawżi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


15      Ara l-analiżi tal-liġijiet tal-Istati Membri fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Dominguez, C‑282/10, EU:C:2011:559 punti 106 sa 113. Ara wkoll id-diskussjoni hawn isfel fil-punt 36 fuq ir-rabta bejn id-dritt għal leave annwali bil-ħlas u d-dinjità umana. Ninnota li pubblikazzjoni “work smart” tat-Trade Union Congress tar-Renju Unit, intitolata “Kun konxju tad-drittijiet tiegħek: Vaganzi jew perijodi ta’ serħan bil-ħlas fuq ix-xogħol”, tgħid, fil-paragrafu inizjali, li “grazzi għar-regoli Ewropej, gawdejna vaganzi mħallsa ggarantiti mill-1998”, perijodu ta’ kważi 20 sena. Ara www.worksmart.org.uk/work-rights/hours-and-holidays/holidays.


16      Stabbilit fis-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, ara b’mod partikolari 43.


17      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761.


18      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha trid tiddeċiedi sa fejn l-Artikolu 52 (1) tal-Karta jillimita l-Artikolu 31(1). Kummentatur sostna li l-Artikolu 31(1) huwa, mad-daqqa ta’ għajn “kandidat serju għal dritt li ma jammettix limitazzjonijiet u derogi”. Bogg, A., “Article 31”, f’Peers, S., et. al. (ed), The EU Charter of Fundamental Rights; a commentary (2014, Hart Publishing), p. 833, f’paġna 863.


19      Sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 34.


21      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 34.


22      Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Greenfield, C‑219/14, EU:C:2015:745, punt 29.


23      Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Greenfield, C‑219/14, EU:C:2015:745, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24      Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13 EU:C:2014:1755, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25      Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99 EU:C:2001:356, punt 53. Ara wkoll is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 46 u tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10 EU:C:2012:33, punt 18.


26      Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10 EU:C:2012:33, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27      ĠU 2007, C 303, p. 17.


28      Għal diskussjoni fid-dettall ara Bogg, A., op. cit, nota ta’ qiegħ il-paġna 18 f’paġni 836 u 837.


29      Enfasi fl-oriġinal. Bogg, A. ibid. f’p. 837. Ara wkoll Anderson, E. ‘Human Dignity as a Concept for the Economy’ in Düwell, M. et al (ed) The Cambridge Handbook of Human Dignity; interdisciplinary perspectives (2014, Cambridge University Press), 492 f’paġna 496. “Ix-xogħol huwa qasam li fih in-nies hija partikolarment vulnerabbli għat-telf tad-dinjità […]. Id-drittijiet li wieħed jibbenefika minn kundizzjonijiet ta’ xogħol mingħajr perikolu u deċenti […] u li jkollu ħinijiet tax-xogħol limitati […] jindikaw lill-persuni intitolati għalih bħala esseri uman rispettabbli, u mhux bħala sempliċi għodda sakemm jiddeterjoraw” [traduzzjoni libera].


30      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2008:37, punti 35 u 36.


31      Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10 EU:C:2012:33, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32      Sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33      Sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31.


34      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Carp, C‑80/06, EU:C:2007:200, punt 69 u r-referenzi ċċitati hemmhekk. Ara, b’mod ġenerali Fredman, S., Human Rights Transformed: Positive Rights and Positive Duties (Oxford University Press, 2008); Seifert, A. “L’effet horizontal des droits fondamentaux: quelques réflexions de droit européen et droit comparé” RTD eur 48(4) oct.-déc (2012) p. 801.


35      Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuβ, C‑429/09 EU:C:2010:717, punt 83.


36      Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13 EU:C: 2014:1755.


37      Ibid punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


38      Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13 EU:C:2014:1755, punti 27 u 28.


39      Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuβ, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata.


40      Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C: 2014:1755.


41      Ibid, punt 22.


42      Ara pereżempju l-Artikolu 16 tal-Karta u l-libertà tal-intrapriża, l-Artikolu 27 u d-dritt tal-ħaddiema ta’ informazzjoni u konsultazzjoni mal-impriża, l-Artikolu 28 u d-dritt ta’ negozjar u tal-azzjoni kollettiva, l-Artikolu 30 u l-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta, l-Artikolu 34 u d-dritt għas-sigurtà soċjali u l-assistenza, u l-Artikolu 35 u d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa.


43      Fuq id-distinzjoni, ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, u tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350.


44      Fis-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33 il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 bħala għajnuna għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’tilwimiet ta’ natura orizzontali, suġġett għal limiti, mingħajr ma ddeċidiet jekk l-Artikolu 32(1) tal-Karta kienx dritt jew prinċipju. Ara Lenaerts, K. “La solidarité ou le chapitre IV de la Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne’ (82) (2010) Revue Trimestrielle des droits de l’homme, 217, u l-awturi ċċitati fil-paġna 227.


45      Ara pereżempju Gumundsdottir, D., “A renewed emphasis on the Charter’s distinction between rights and principles: is a doctrine of judicial restraint more appropriate?” 52 CMLRev (2015), p.685, p. 692 fejn jingħad li “Prinċipji tal-Karta ma jistgħux jagħtu drittijiet suġġettivi, u għaldaqstant ma jistgħux joħolqu drittijiet ġodda li altrimenti ma jeżistux fid-dritt nazzjonali, jew b’mod impliċitu jiġu invokati f’tilwima bejn partijiet privati.” Ara wkoll von Danwitz, T. u Paraschas, K. “A fresh start for the Charter: Fundamental questions on the application of the European Charter of fundamental rights” 35 (2012) Fordham International Law Journal, 1396; Lenaerts, K., u Gutiérrez-Fons, J. “The Place of the Charter in the EU Constitutional Edifice” fi Peers et al eds, p. 1559. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Photovost, C‑470/12, EU:C:2013:844 fejn fil-punt 66 jipprevedi li l-prinċipji jistgħu jiġu invokati biss quddiem qorti taħt l-Artikolu 52(5) tal-Karta “għall-interpretazzjoni u l-istħarriġ tal-legalità tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni”.


46      Ara reċentement, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Ambisig, C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-Qorti ddeċidiet li jekk huwa impossibbli li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod kompatibbli mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 f’kawżi bejn partijiet privati, “il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ xorta waħda tipprevalixxi ruħha [mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428], sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu subit”. Ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 43.


47      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 48.


48      Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann vs Land Nordrhein-Westfalen, C‑14/83, EU:C:1984:153, fil-punt 23, li sanzjonijiet għall-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187) kellhom jipprovdu “effett deterrent reali” kontra l-ksur minn persuni li jimpjegaw. Hija ddikjarat, fil-punt 24, li l-assenza tagħhom “ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ traspożizzjoni effettiva tad-direttiva”. Ara iktar reċentement il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża C‑407/14, Arjona Camacho, EU:C:2015:534, punt 34.


50      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamman, C‑14/83, EU:C:1984:153; tat-22 ta’ April 1997, Draehmpaehl, C‑180/95, EU:C:1997:208, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831.


51      Punti 32 sa 33.


52      Ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32.


53      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża DI, C‑441/14, EU:C:2015:776, punt 41. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kakott fil-kawża Hutchison 3 G et, C‑369/04, EU:C:2007:523, punti 147 u 148.


54      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kakott fil-kawża Hutchison 3 G et, C‑369/04, EU:C:2006:523, punt 148.


55      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża DI, C‑441/14, EU:C:2015:776, punt 50.


56      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold Helm, C‑144/04, EU:C:2005:709; tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21; tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278. Ara b’mod ġenerali, pereżempju, Mazák, J., u Moser, M., “Adjudication by Reference to General Principles of EU Law: A Second Look at the Mangold Case‑Law”, f’Adams, M., etal., edituri, Judging Europe’s Judges (Hart Publishing, Oxford, 2013), p. 61. Ninnota li l-Avukat Ġenerali Mengozzi, fil-punt 59 tal-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Fennoll, (C‑316/13, EU:C:2014:1753), esprima l-opinjoni li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas “lanqas ma jista’ jiġi invokat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li, fil-linja tal-ġurisprudenzi Mangold u Kukdeveci, jistgħu jibbażaw [jista’ jservi ta’ bażi għal]l-obbligu, [impost] fuq il-qorti nazzjonali, li tħalli inapplikabbli kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja”. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Dominguez (C‑282/10, EU:C:2011:559) punt 142”.


57      Ara b’mod ġenerali, Frantziou, E., “The Horizontal Effect of the Charter of Fundamental Rights of the European Union: Rediscovering the Reasons for Horizontality”, 21 (2015) European Law Journal 657, Seifert, A., “L’effet horizontal des droits fondamentaux: quelques réflexions de droit européen et de droit comparé” (2012) 48 Revue trimestrielle de droit européen 801, Safjan, M., u Miklaszewicz, P., “Horizontal Effect of the General Principles of EU law in the sphere of private law” (2010) 18, European Review of Private Law 475.


58      Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing Comercial Internacional de Alimentación, C‑106/89, EU:C:1990:395. Hawnhekk se ninnota l-osservazzjonijiet tal-House of Commons European Scrutiny Committee, [Il-Kumitat dwar is-Sigurtà Ewropea tal-House of Commons] “European Union Intergovernmental Conference: Government Responses to the Committee’s Thirty-Fifth Report of Session 2006-07 and the Committee’s Third Report of Session 2007-08”, First Special Report of Session 2007 – 2008, HC 179, ippubblikat fis-17 ta’ Diċembru 2007, punt 16. “Huwa ċar li l-Gvern jaċċetta li l-Karta se tkun vinkolanti legalment, u ppreċiża li l-Protokoll ma huwiex esklużjoni fakultattiva. Peress li l-Protokoll għandu jopera bla ħsara għall-obbligi tar-Renju Unit skont it-Trattati, xorta jidher dubjuż għalina li l-Protokoll għandu l-effett li l-qrati ta’ dan il-pajjiż mhux se jkunu marbuta bl-interpretazzjonijiet ta’ miżuri tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u bbażati fuq il-Karta.” [traduzzjoni libera]


59      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 120.


60      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:611, punt 173, li tiċċita lill-House of Lords, European Union Committee, The Treaty of Lisbon: an impact assessment. Volume I Report (10th Report of Session 2007–08), http://www.parliament.the-stationery-office.co.uk/pa/ld200708/ldselect/ldeucom/62/62, paragrafu 5.103(b).


61      Nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq.


62      Id-distinzjoni bejn l-Artikolu 7(1) u (2) kultant xejn ma hija ċara, imma hija madankollu importanti. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża KHS, C‑214/10, EU:C:2011:465, punt 35.


63      Sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016: 576, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.


64      Ibid., punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


65      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Stringer et, C‑520/06, EU:C:2008:38, punt 85.


66      Sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.


67      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.


68      Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 33; tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 39 u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 22.


69      Pereżempju d-Deċiżjoni Nru 12 tal-11 ta’ Novembru 2010 tal-Qorti Kostituzzjonali tal Bulgarija.


70      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 34. Ara wkoll il-punt 35.


71      Pereżempju s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18 (limitazzjoni ta’ żmien); tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761 (limitazzjoni ta’ żmien); tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576 (kundizzjonijiet fir-rigward tal-irtirar volontarju).


72      Ara, pereżempju s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33 (perijodu minimu ta’ servizz qabel ma jkun hemm id-dritt għal leave bil-ħlas); id-digriet tal-21 ta’ Frar 2013, Maestre Garcia, C‑194/12, EU:C:2013:102 (kunsiderazzjonijiet ta’ riżorsi umani u ta’ organizzazzjoni li jillimitaw l-leave bil-ħlas); u s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502 (leave ta’ konvalexxenza meħud mil-leave bil-ħlas).


73      Digriet tal-21 ta’ Frar 2013,Maestre Garcia, C‑194/12 EU:C:2013:12, punt 29.


74      Punt 34 iktar ’il fuq.


75      Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009,Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 43.


76      Ibid.


77      Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 29.


78      Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 18 u 19 u l-ġurisprudenza ċċitata


79      Sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177 punt 58; tat-22 ta’ Mejju 2014,Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojenammattiliitto, C‑396/13, EU:C:2015:86, punt 67.


80      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011,Williams et, C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 21.


81      Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 24.


82      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Williams et, C‑155/10, EU:C:2011:403, punt 51.


83      Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Greenfield, C‑219/14, EU:C:2015:745, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.


84      Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


85      Ibid. Ara s-sentenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service, C‑14/16, EU:C:2017:177, punti 36 sa 39.


86      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen, fil-kawża Tarsia, C‑69/14, EU:C:2015:269, punti 34 sa 43. Dwar id-distinzjoni bejn id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal rimedju effettiv, ara, Prechal, S., “Redefining the Relationship between ‘Rewe-effectiveness’ and Effective Judicial Protection” 4 (2011) Review of European Administrative Law 31. Dwar l-Artikolu 47 ara, b’mod ġenerali Prechal, S. “The Court of Justice and Effective Judicial Protection: What Has the Charter Changed?” f’Paulussen, C. (ed) Fundamental Rights in International and European Law (2016, Asser Press), p. 143.


87      Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuβ, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 80. Ninnota wkoll li l-kunċett ta’ min hu “ħaddiem” għal-finijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 huwa evolut sew. Ara pereżempju s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200.


88      Ara, pereżempju, is-entenza tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761 punti 29 sa 34. Digriet tal-21 ta’ Frar 2013, Maestre García, C‑194/12, EU:C:2013:102, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


89      Ninnota li meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kontra miżuri minn Stati Membri li kienu ser jaġixxu bħala inċentiv għall-ħaddiema biex jissostitwixxu t-teħid attwali tal-leave b’kumpens finanzjarju, hija għamlet dan f’kuntest fejn kien previst li faċilità għal-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bi ħlas tkun provduta minn persuna li timpjega. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C‑124/05, EU:C:2006:244.