Language of document : ECLI:EU:T:2024:125

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża)

28 ta’ Frar 2024 (*)

“Għajnuna mill-Istat  – Finanzjament pubbliku tal-konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq fl-Istrett ta’ Fehmarn  – Għajnuna mogħtija mid-Danimarka lil Femern  – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern  – Rikors għal annullament  – Natura separabbli  – Ammissibbiltà  – Kunċett ta’ ‘impriża’  – Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’  – Attivitajiet ta’ kostruzzjoni u tal-operat ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq  – Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni tal-kompetizzjoni”

Fil-Kawża T‑364/20,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Maertens u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard u J. Pinborg, avocats,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn J. Vanden Eynde, avocat,

minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

u minn

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë, bħala aġent,

konvenuta,

IL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża),

komposta minn, matul id-deliberazzjonijiet, D. Spielmann, President, U. Öberg, R. Mastroianni, M. Brkan (Relatriċi) u I. Gâlea, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Renju tad-Danimarka jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1683 final, tal‑20 ta’ Marzu 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 – 2019/C (ex 2014/N) li implimentat id-Danimarka għal Femern A/S (ĠU 2020, L 339, p. 1), sa fejn, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tagħha, hija kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji tal-Istat favur Femern A/S (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Il-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn

2        Il-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn bejn id-Danimarka u l-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“proġett”) ġie approvat mit-Trattat bejn ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn, iffirmat fit‑3 ta’ Settembru 2008 u rratifikat fl‑2009 (iktar ’il quddiem it-“Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn”).

3        Il-proġett jikkonsisti, minn naħa, f’mina ferrovjarja u tat-triq (iktar ’il quddiem il-“konnessjoni fissa”) u, min-naħa l-oħra, f’konnessjonijiet bit-triq lejn il-partijiet interni tat-territorju Daniż (iktar ’il quddiem il-“konnessjonijiet bit-triq”) u f’konnessjonijiet ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju Daniż (iktar ’il quddiem il-“konnessjonijiet ferrovjarji”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż”).

4        Il-konnessjoni fissa tikkonsisti f’mina taħt il-Baħar Baltiku bejn Rødby fuq il-gżira ta’ Lolland fid-Danimarka u Puttgarden fil-Ġermanja, b’tul ta’ madwar 19‑il km, li se tinkludi linja tal-ferrovja bl-elettriku u awtostrada. Il-konnessjonijiet ferrovjarji se jinkludu t-tkabbir u t-titjib tal-konnessjoni ferrovjarja eżistenti bejn Ringsted (id-Danimarka) u Rødby, li għandha tul ta’ madwar 120‑il km, li tappartjeni lil Banedanmark, l-amministratur pubbliku tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Istat Daniż.

5        Il-proġett kien preċedut minn fażi ta’ ppjanar. Il-finanzjament ta’ din il-fażi, fir-rigward tal-konnessjoni fissa u l-konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż, ġie nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea. Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2009 fil-Każ N 157/2009 – Finanzjament tal-fażi ta’ ppjanar tal-konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn imsemmi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Awwissu 2009 (ĠU 2009, C 202, p. 2 ), il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa, li l-miżuri marbuta mal-finanzjament tal-ippjanar tal-proġett setgħu ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, sa fejn Femern kienet aġixxiet bħala awtorità pubblika, u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri jkunu fi kwalunkwe każ kompatibbli mas-suq intern. Hija għalhekk iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

6        Wara aġġornament fil-prezzijiet fissi tal‑2015 ipprovdut mill-awtoritajiet Daniżi, l-ispiża totali tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa ġiet stmata għal 52.6 biljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 7.1 biljun) u l-ispejjeż marbuta mal-ippjanar u mal-kostruzzjoni tat-titjib tal-konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż huma stmati għal DKK 9.5 biljun (madwar EUR 1.3 biljun), jiġifieri spiża totali tal-proġett stmata għal DKK 62.1 biljun (madwar EUR 8.4 biljun).

7        Konformement mal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn u mal-Lov no 575 om anlæg og drift af en fast forbindelse over Femern Bælt med tilhørende landanlæg i Danmark (il-Liġi Nru 575 dwar il-Kostruzzjoni u l-Operat tal‑Konnessjoni Fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn u tal-Konnessjonijiet mal-Partijiet Interni tat-Territorju Daniż), tal‑4 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kostruzzjoni”), żewġ impriżi pubbliċi ġew inkarigati bit-twettiq tal-proġett.

8        L-ewwel waħda, Femern, stabbilita fl‑2005, hija responsabbli għall-finanzjament, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa. It-tieni waħda, Femern Landanlæg A/S, stabbilita fl‑2009, inħatret sabiex tiġġestixxi l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet lejn il-partijiet interni tat-territorju Daniż. Femern Landanlæg hija sussidjarja ta’ Sund & Bælt Holding A/S li tappartjeni lill-Istat Daniż. Femern saret is-sussidjarja ta’ Femern Landanlæg wara t-twaqqif ta’ din tal-aħħar.

9        Ix-xogħlijiet marbuta mal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa jitwettqu, taħt il-kura ta’ Femern, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni suġġetti għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi.

10      Il-kostruzzjoni tat-titjib meħtieġ tal-konnessjonijiet bit-triq saret mid-Direttorat Daniż għat-Toroq f’isem l-Istat Daniż u hija ffinanzjata minn Femern Landanlæg. Il-konnessjonijiet bit-triq se jkunu parti min-netwerk ġenerali Daniż tal-infrastruttura tat-toroq, li huwa ffinanzjat, operat u miżmum mid-Direttorat Daniż għat-Toroq. Il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet ferrovjarji huma żgurati minn Banedanmark f’isem l-Istat Daniż u huma ffinanzjati minn Femern Landanlæg.

11      Skont il-komunikazzjoni tar-Renju tad-Danimarka tat‑22 ta’ Diċembru 2014, indirizzata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-proġett huwa ffinanzjat minn Femern u Femern Landanlæg, permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital, self iggarantit mill-Istat kif ukoll, alternattivament, self mogħti mill-awtoritajiet Daniżi. Mit-tqegħid fis-servizz tal-konessjoni fissa, Femern ser tiġbor tariffi mill-utenti bil-għan li tirrimborsa d-dejn tagħha u ser tħallas dividendi lil Femern Landanlæg li din ser tuża sabiex tirrimborsa d-dejn tagħha. Femern Landanlæg għandha tirċievi wkoll 80 % tat-tariffi ta’ użu mħallsa mill-operaturi tal-ferroviji għall-użu tal-konnessjonijiet ferrovjarji, miġbura minn Banedanmark, skont it-tqassim tal-proprjetà ta’ dawn il-konnessjonijiet ferrovjarji bejnha u dan tal-aħħar.

B.      Fatti li seħħew qabel it-tilwima

12      Matul is-snin 2014 u 2015, il-Kummissjoni rċeviet ħames ilmenti, fosthom l-ewwel ilment imressaq fil‑5 ta’ Ġunju 2014, fejn ġie allegat li r-Renju tad-Danimarka ta lil Femern u lil Femern Landanlæg għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

13      Matul l-istess perijodu, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu diversi talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Daniżi, li wieġbu u pprovdew informazzjoni addizzjonali diversi drabi.

14      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2014, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-mudell ta’ finanzjament tal-proġett.

15      Fit‑23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2015) 5023 final, dwar l‑Għajnuna mill-Istat SA.39078 (2014/N) (Id-Danimarka), dwar il-finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn, imsemmija fil-Ġurnal Uffiċjali tat‑2 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, C 325, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni”). Id-dispożittiv ta’ dik id-deċiżjoni huwa maqsum f’żewġ partijiet.

16      Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

17      Fit-tieni parti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri mogħtija lil Femern għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa, anki fil-każ li dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

18      Għalhekk, fi tmiem il-fażi preliminari tal-eżami, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet Daniżi.

19      Permezz ta’ sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il-Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia vs Il-Kummissjoni (T‑631/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:944), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni sa fejn il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri mogħtija mir-Renju tad-Danimarka lil Femern għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa u kienet ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

20      Qabelxejn, fir-rigward tal-finanzjamenti pubbliċi mogħtija lil Femern Landanlæg għall-finanzjament tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjonijiet ferrovjarji, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondati l-motivi li skonthom il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi meta qieset li dawn il-finanzjamenti ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat peress li ma setgħux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni jew jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

21      Sussegwentement, fir-rigward tal-finanzjamenti pubbliċi mogħtija lil Femern għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikorsi minħabba li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 108(3) TFUE li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

C.      Proċedura amministrattiva

22      Wara l-għoti tas-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:944), ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801), il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2019, informat lill-awtoritajiet Daniżi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, dwar il-miżuri mogħtija favur Femern għall-parti tal-proġett li tikkonċerna l-finanzjament tal-konnessjoni fissa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

23      Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata fil‑5 ta’ Lulju 2019 fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2019, C 226, p. 5). Fl-imsemmija deċiżjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli waqt il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni b’mod partikolari esprimiet id-dubji tagħha dwar il-possibbiltà li Femern titqies li teżerċita attività ekonomika.

D.      Iddeċiżjoni kkontestata

24      Fl‑20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

25      Id-deċiżjoni kkontestata tkopri l-miżuri mogħtija lil Femern għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa. Għall-kuntrarju, b’differenza mid-deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax il-miżuri mogħtija favur Femern Landanlæg dwar il-finanzjament tal-konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż.

26      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri li jinkludu d-deprezzament tal-assi, it-trasferiment tat-telf fiskali, is-sistema ta’ tassazzjoni komuni, it-tariffi ferrovjarji, l-użu mingħajr ħlas ta’ proprjetà tal-Istat u l-garanziji tal-Istat relatati mad-derivattivi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat favur Femern fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

27      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri jinkludu injezzjonijiet ta’ kapital u kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat favur Femern, li d-Danimarka implimentat minn tal-inqas parzjalment b’mod illegali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Wara l-emenda ta’ dawn il-miżuri, kif esposta fil-komunikazzjoni riveduta li segwiet id-deċiżjoni ta’ ftuħ, dawn huma kkunsidrati kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

E.      Ittalbiet talpartijiet

28      Ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat favur Femern, parzjalment implimentati b’mod illegali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat;

–        tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.

II.    Iddritt

A.      Fuq lammissibbiltà

30      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat abbażi tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli. Skont il-Kummissjoni, il-kap tat-talbiet għal annullament parzjali li jirrigwarda l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat favur Femern jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa inammissibbli minħabba li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-konstatazzjoni li l-imsemmija miżuri huma kompatibbli mas-suq intern, ma hijiex separabbli mill-ewwel sentenza tal-imsemmi artikolu.

31      Ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jikkontesta din l-inammissibbiltà.

32      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 263 TFUE jagħmel distinzjoni ċara bejn id-dritt għal rikors għal annullament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, min-naħa l-oħra, peress li t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jagħti, b’mod partikolari, lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Għalhekk, kuntrarjament għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi, Stat Membru ma għandux juri li att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fil-konfront tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu jkun ammissibbli (ara, f’ dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Novembru 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑208/99, EU:C:2001:638, punti 22 u 23; sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Il‑Ġermanja vs ECHA, T‑755/17, EU:T:2019:647, punt 334).

33      Madankollu, sabiex att tal-Kummissjoni jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, dan għandu jkun intiż li jipproduċi effetti legali anki jekk, fil-każ fejn huwa Stat Membru li jkollu l-intenzjoni jippreżenta tali rikors, dawn l-effetti ma għandhomx jiġu eżerċitati fir-rigward tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Novembru 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑208/99, EU:C:2001:638, punt 24).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tad-Danimarka jitlob l-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn il-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat favur Femern, parzjalment implimentati b’mod illegali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Minn dan isegwi li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, dan ir-rikors ma jirrigwardax it-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-konstatazzjoni li l-imsemmija miżuri huma kompatibbli mas-suq intern.

35      Issa, għandu jitqies li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni li tiddikjara miżuri ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern, minkejja li huwa importanti li l-miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà xorta tibqa’ separabbli, b’mod provviżorju, b’tali mod li annullament parzjali huwa possibbli u ġġustifikat mill-fatt li l-imsemmija dikjarazzjoni hija favorevoli għall-Istat Membru (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il‑Kummissjoni, 17/74, EU:C:1974:106, punt 21).

36      Fil-fatt, fil-każ ta’ annullament li jirrigwarda wkoll il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni, f’deċiżjoni ġdida, tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat kienet inkompatibbli. Konsegwentement, ma jistax jiġi rikjest minn Stat Membru li l-kapijiet tat-talbiet tiegħu intiżi għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq intern jirrigwardaw ukoll il-parti tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-miżuri jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, żbalji fil-klassifikazzjoni ta’ miżuri bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jimplikawx neċessarjament li d-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni u nieqsa minn effetti legali. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta parti biss mill-miżuri tkun ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala għajnuna mill-Istat, iżda jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod korrett il-miżuri l-oħra bħala għajnuna mill-Istat. F’każ bħal dan, fl-istennija ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni, l-annullament parzjali tal-att ikkontestat jippermetti lill-Istat Membru li jkompli jħallas il-finanzjamenti mogħtija abbażi tal-miżuri li l-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat ma hijiex ivvizzjata bi żball u li fir-rigward tagħhom id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tkompli tipproduċi l-effetti tagħha.

37      Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ natura differenti li, fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors tal-Istat Membru kkonċernat, għandhom jitqiesu bħala evalwazzjonijiet legali awtonomi. Minn dan isegwi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-argument tal-Kummissjoni dwar in-natura mhux separabbli taż-żewġ sentenzi tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat hija l-premessa neċessarja u loġika tal-kompatibbiltà tagħha, għandu jiġi miċħud.

38      Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li r-rikors għal annullament ma għandu ebda effett utli sakemm il-Qorti Ġenerali ma tannullax l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tiegħu, li madankollu jmur lil hinn mit-talbiet tar-Renju tad-Danimarka, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Għaldaqstant, jekk dan ir-rikors jintlaqa’ u jwassal għall-annullament parzjali tal-att ikkontestat, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors ineżami huwa ammissibbli.

B.      Fuq ilmertu

40      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jqajjem żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li l-finanzjament ta’ Femern jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li Femern teżerċita attività ekonomika f’kompetizzjoni ma’ terzi qabel ma bdiet topera l-konnessjoni fissa.

41      L-ewwel motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet li permezz tagħhom ir-Renju tad-Danimarka jqis li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat, l-ewwel, li l-attivitajiet ta’ Femern ma humiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, it-tieni, li Femern toffri servizzi ta’ trasport f’suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra, it-tielet, Femern hija operatur ekonomiku li għandu loġika kummerċjali u, ir-raba’, li l-finanzjament ta’ Femern joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tieni motiv jirrigwarda argument li permezz tiegħu r-Renju tad-Danimarka jikkontesta, essenzjalment, li l-attivitajiet ta’ Femern jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura ekonomika qabel ma tibda topera l-konnessjoni fissa.

42      Sa fejn l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv u t-tieni motiv jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ Femern bħala attivitajiet ta’ natura ekonomika, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżaminahom qabel ma tittratta r-raba’ parti tal-ewwel motiv li tirrigwarda l-kundizzjonijiet relatati mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u mal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE.

1.      Fuq lewwel parti talewwel motiv, dwar lassenza ta’ rabta talattivitajiet ta’ Femern mależerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika 

43      Fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-Renju tad-Danimarka jqajjem tliet ilmenti. L-ewwel, qed jiġi lmentat li l-Kummissjoni interpretat b’mod restrittiv il-kunċett ta’ “attività li taqa’ taħt l-awtorità pubblika jew li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika”. It-tieni, il-Kummissjoni żbaljat meta tat importanza lill-fatt li operatur privat jiżgura servizzi li jistgħu jitqiesu bħala alternattiva għall-attivitajiet ta’ Femern. It-tielet, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni disponibbli li tikkonferma li ċerti attivitajiet ta’ Femern huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

a)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq allegata interpretazzjoni wisq restrittiva talkunċett ta’ “attività li taqa’ taħt lawtorità pubblika jew li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika”

44      Ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Renju tal-Belġju u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni adottat interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ “prerogattivi ta’ awtorità pubblika” billi llimitathom għal dawk marbuta mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat. B’mod iktar speċifiku, ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, iqis li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma huwiex limitat biss għall-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, li huma biss eżempju fost attivitajiet oħra li tipikament jaqgħu taħt dawn il-prerogattivi.

45      Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-punt 13 tal-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” imsemmi fl-Artikolu 107(1)[TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’”). Skont ir-Renju tad-Danimarka, minn dan jirriżulta li Stat huwa liberu li jiddefinixxi l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika u dawk li ma jaqgħux taħtha. Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li dak li huwa determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali prerogattivi, huwa l-fatt li dawn jaqgħu taħt dawk tal-awtoritajiet pubbliċi kif organizzati konkretament fl-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-każ, ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-infrastrutturi tat-toroq u ferrovjarji, kif organizzati fid-Danimarka, jimplikaw li dawn huma attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, inkluż meta dawn jitwettqu fuq il-konnessjoni fissa li tappartjeni lil entità pubblika bħal Femern.

46      Bl-istess mod, ir-Renju tad-Danimarka jsostni, essenzjalment, li sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet ta’ Femern kinux jinvolvu prerogattivi ta’ awtorità pubblika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-entità tingħata funzjonijiet ta’ servizz pubbliku li ma jistgħux jiġu żgurati minn operaturi privati. F’dan ir-rigward, skont ir-Renju tal-Belġju, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eżerċizzju ta’ attività jimplikax l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali li ma jirrigwardax biss il-profittabbiltà tal-attività.

47      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-kunċett ta’ “funzjonijiet essenzjali tal-Istat”, użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex iddefinit b’mod ċar fid-dritt tal-Unjoni, li l-lista tal-funzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(2) TUE ma hijiex eżawrjenti u li l-ġurisprudenza ma tirrakkomandax interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “prerogattivi ta’ awtorità pubblika”.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

49      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, f’din is-sentenza, il-kunċetti ta’ “attività li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika” u ta’ “attività marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika” jikkoinċidu. Tali approċċ jikkorrispondi għal dak adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-punti 17 u 18 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”. F’dan ir-rigward, fir-risposta bil-miktub tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li ma hemmx differenza bejn dawn l-espressjonijiet li jikkostitwixxu varjanti lessikali tal-istess kunċett legali.

50      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika jew li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika huma dawk marbuta mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, għandu jitfakkar li l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1988, Bodson, 30/87, EU:C:1988:225, punt 18) jew li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30, u tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni, C‑666/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:225, punt 70).

51      F’dan il-każ, billi segwiet l-approċċ irrakkomandat fil-punt 17 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fil-premessi 190 u 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li entità tista’ titqies li taġixxi bħala awtorità pubblika jew billi teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika meta l-attività tagħha tkun marbuta mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat jew marbuta ma’ dawn il-funzjonijiet min-natura tagħha, mill-għan tagħha u mir-regoli li għalihom hija suġġetta.

52      Minn naħa, għandu jitfakkar li fost l-attivitajiet li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika hemm, b’mod partikolari, il-kontroll u s‑superviżjoni tal-ispazju tal-ajru (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30), iż-żamma, it-titjib u l-iżvilupp tas-sikurezza tal-avjazzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 76), is-sorveljanza kontra t-tniġġis f’port taż-żejt (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, EU:C:1997:160, punt 22), kif ukoll il-kontroll u s-sigurtà tat-traffiku marittimu (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il‑Kummissjoni, T‑673/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:643, punt 91). Barra minn hekk, ġie deċiż li attività ta’ ġbir ta’ data dwar impriżi, abbażi ta’ obbligu legali ta’ dikjarazzjoni imposta fuq dawn tal-aħħar u ta’ setgħat ta’ infurzar relatati miegħu, taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 40). Għandu jingħad ukoll li, il-provvista, mingħajr ħlas, ta’ funzjonalitajiet li jiżguraw l-għoti elettroniku tal-kuntratti pubbliċi fit-territorju kollu ta’ Stat Membru konformement mad-direttivi u mal-liġi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li ġiet stabbilita minn ministeru għal dan l-għan tqieset li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2017, Aanbestedingskalender et vs Il‑Kummissjoni, T‑138/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:675, punt 71). Bl-istess mod, awtoritajiet muniċipali, fir-rwol tagħhom ta’ awtorità kompetenti fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), jaġixxu bħala awtorità pubblika meta jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ kumpens finanzjarju għall-impriżi tat-trasport abbażi ta’ obbligu legali, fil-kuntest stabbilit minn dan ir-regolament (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni, C-666/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:225, punt 73).

53      Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “attività marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika” jirreferi b’mod partikolari għall-attivitajiet li jimplikaw l-użu ta’ prerogattivi eżorbitanti tad-dritt ordinarju, bħal setgħat ta’ regolamentazzjoni jew ta’ infurzar, jew privileġġi ta’ awtorità pubblika li huma imposti fuq iċ-ċittadini u fuq l-impriżi, jew l-attivitajiet li għandhom l-għan li jiżguraw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

54      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat ma humiex iddefiniti mit-Trattati. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 4(2) TUE, li fost il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat hemm, b’mod partikolari, dawk li għandhom bħala għan li jiżguraw l-integrità territorjali, iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. Peress li l-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma hijiex eżawrjenti, il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat ma jistgħux ikunu limitati għall-preżervazzjoni tal-integrità territorjali u tal-ordni pubbliku u lanqas għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

55      Għalhekk, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ġie deċiż li s-sorveljanza kontra t-tniġġis f’port taż-żejt tikkostitwixxi funzjoni ta’ interess ġenerali li taqa’ taħt il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent tal-qasam marittimu u li tali attività ta’ sorveljanza, min-natura tagħha, mill-għan tagħha u mir-regoli li hija suġġetta għalihom, hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi dwar il-protezzjoni tal-ambjent li tipikament huma prerogattivi ta’ awtorità pubblika (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, EU:C:1997:160, punti 22 u 23). Minn dan isegwi li, f’ċerti ċirkustanzi, l-attivitajiet ta’ entità jistgħu jitqiesu li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika meta dawn jaqgħu taħt il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat.

56      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-Renju tad-Danimarka li mill-punt 36 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:449), jirriżulta li t-terminu “prerogattivi” jkopri b’mod iktar ġenerali l-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku jew ta’ awtorità pubblika, għandu jiġi rrilevat li, billi ddeċidiet li l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret biss ġurisprudenza stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 107/84, EU:C:1985:332, punti 14 u 15; tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30, u tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 24) mingħajr ma tbiddel il-portata tagħha. Minn dan isegwi li r-Renju tad-Danimarka ma jistax jibbaża ruħu fuq l-imsemmija sentenza sabiex isostni li l-kunċett ta’ “prerogattivi” għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi b’mod iktar wiesa’ l-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 40 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:449), li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-attività inkwistjoni f’din il-kawża kienet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minħabba li l-ġbir ta’ data kien ibbażat fuq il-bażi ta’ obbligu legali li l-osservanza tiegħu setgħet tiġi żgurata bl-użu ta’ setgħat ta’ infurzar.

57      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li entità taġixxi bħala awtorità pubblika jew billi teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika meta l-attività tagħha tkun marbuta mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat min-natura tagħha, l-għan tagħha u r-regoli li għalihom hija suġġetta.

58      It-tieni, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-punt 13 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li minnu jirriżulta li l-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika u dawk li ma jaqgħux taħtha, għandu jiġi rrilevat, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li l-punt 13 ta’ dan l-Avviż ma jikkonċernax il-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk attività hijiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, li jinsabu fil-punti 17 u 18 tal-imsemmija avviż.

59      Fil-fatt, fil-punt 13 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, huwa indikat li l-kwistjoni dwar jekk jeżistix suq għal servizzi partikolari tista’ tiddependi mill-mod kif dawn is-servizzi huma organizzati fl-Istat Membru kkonċernat u għalhekk tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor. F’dan ir-rigward, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 10 taħt il-punt 13 tal-imsemmi avviż, isir riferiment għall-ġurisprudenza dwar l-attivitajiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi jew attivitajiet mhux ekonomiċi skont il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tagħhom. Għalhekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala attivitajiet ekonomiċi eżerċitati f’suq jew bħala attivitajiet mhux ekonomiċi, għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija attivitajiet relatati mas-sigurtà soċjali jimplimentawx il-prinċipju ta’ solidarjetà kif interpretat mill-ġurisprudenza, jekk humiex mingħajr skop ta’ lukru u humiex suġġetti għal kontroll mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63, punti 7 sa 12, 15 u 18, u tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni u r‑Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punti 29 sa 35).

60      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għall-attivitajiet ta’ tagħlim, il-finanzjament ta’ tali attivitajiet minn fondi pubbliċi jikkostitwixxi, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ attività fi Stat Membru, element rilevanti sabiex issir distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ natura ekonomika u l-attivitajiet mhux ekonomiċi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 39, u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 50). F’każ bħal dan, in-natura mhux ekonomika tal-attivitajiet ta’ tagħlim ipprovduti minn ċerti stabbilimenti pubbliċi li jagħmlu parti minn sistema ta’ tagħlim pubblika tirriżulta mill-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tagħhom fl-Istat Membru, jiġifieri t-tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali ffinanzjat kompletament jew prinċipalment mill-baġit pubbliku, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk dawn l-attivitajiet humiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni magħmula mir-Renju tad-Danimarka tal-punt 13 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” għandha tiġi miċħuda, peress li tagħmel konfużjoni bejn, minn naħa, l-attivitajiet li ma humiex ikkunsidrati li għandhom natura ekonomika minħabba li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30, u tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni, C‑666/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:225, punt 70) u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet li ma humiex ta’ natura ekonomika minħabba li ma jikkonsistux fil-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi f’suq partikolari f’kompetizzjoni ma’ dawk ta’ operaturi oħra li għandhom skop ta’ lukru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27, u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 46).

62      Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-Renju tad-Danimarka li, essenzjalment, Stat Membru huwa liberu li jiddefinixxi l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, għandu jitfakkar li l-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika” huma kunċetti oġġettivi li jirriżultaw direttament mit-Trattat u li jiddependu fuq punti ta’ fatt u mhux fuq għażliet jew evalwazzjonijiet suġġettivi tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il‑Kummissjoni, T‑754/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:270, punt 75).

63      Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tad-Danimarka bbażat fuq il-punt 13 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni u għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

64      It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Belġju li, essenzjalment, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li entità tkun ġiet fdata b’ċerti funzjonijiet ta’ interess ġenerali ma jistax jipprekludi li l-attivitajiet inkwistjoni jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi (sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, EU:C:2006:197, punt 34, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi u NOS vs Il‑Kummissjoni, T‑231/06 u T‑237/06, EU:T:2010:525, punt 94).

65      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ “attività li taqa’ taħt l-awtorità pubblika jew li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika” għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq innuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni disponibbli li tippermetti li ċerti attivitajiet ta’ Femern jintrabtu mależerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika

66      Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Kummissjoni żbaljat meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti elementi ta’ informazzjoni disponibbli li juru li l-attivitajiet ta’ Femern, meħuda flimkien jew separatament, huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

67      Ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iqis li sabiex jiġi ddeterminat jekk attivitajiet humiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew jikkostitwixxux attivitajiet ekonomiċi, għandha ssir evalwazzjoni konkreta globali tan-natura u tas-suġġett tal-attivitajiet kif ukoll tar-regoli li għalihom huma suġġetti. Skont ir-Renju tad-Danimarka, sabiex jiġi ddeterminat jekk attivitajiet humiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq analiżi speċifika u ddettaljata ta’ kull waħda minnhom.

68      L-ewwel, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-kostruzzjoni u l-operat tat-toroq pubbliċi u tan-netwerk ferrovjarju pubbliku huma attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li ebda operatur privat ma jista’ jeżerċita. F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jindika li Femern ġiet fdata bil-funzjonijiet ta’ awtorità tat-toroq u ta’ amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji normalment imwettqa minn amministrazzjonijiet pubbliċi. Fir-rigward tal-funzjoni ta’ awtorità tat-toroq fdata lil Femern fir-rigward tal-konnessjoni fissa, ir-Renju tad-Danimarka jindika li din timplika b’mod partikolari setgħa ta’ deċiżjoni skont il-lov n°1520 af 27. december 2014 om offentlige veje (il-Liġi Nru 1520, dwar it-Toroq Pubbliċi), tas‑27 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Toroq Pubbliċi”). Min-naħa l-oħra, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li, fil-kuntest tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa, Femern ġiet fdata bil-preparazzjoni tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa.

69      It-tieni, ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, iqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attivitajiet ta’ Femern huma s-suġġett ta’ kontroll amministrattiv u politika stretta kemm tal-Ministru għat-Trasport Daniż kif ukoll tal-Parlament, u lanqas il-fatt li din l-entità hija suġġetta għal obbligi tad-dritt pubbliku f’diversi oqsma, b’mod partikolari fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti jew tal-kontroll pubbliku tal-kontijiet, b’tali mod li din l-entità tixbah lil amministrazzjoni pubblika.

70      It-tielet, ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jirrileva li Femern hija entità inkarigata mil-liġi sabiex teżegwixxi obbligi internazzjonali.

71      Ir-raba’, ir-Renju tad-Danimarka jikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, b’differenza mis-settur tal-ajruporti, l-infrastrutturi ferrovjarji u tat-toroq Daniżi ma ġewx illiberalizzati, b’tali mod li l-attivitajiet ta’ Femern huma fundamentalment differenti minn dawk tal-impriżi kummerċjali.

72      Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-Kummissjoni indebitament qalbet l-oneru tal-prova sa fejn eżiġiet li huwa jispjega r-raġunijiet li għalihom kellu jitqies li l-attivitajiet ta’ Femern kienu jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jsostni li peress li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, l-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni kontenzjuża, fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni ma pproduċietx provi suffiċjenti li jippermettu li jintwera li l-attivitajiet ta’ Femern ma humiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

73      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

74      Mistoqsi waqt is-seduta dwar is-sens u l-portata tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lil Femern, ir-Renju tad-Danimarka ppreċiża li dan l-ilment jinqasam f’żewġ ilmenti sekondarji. Prinċipalment, qed jiġi lmentat li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-attivitajiet ta’ Femern, fl-intier tagħhom, ma humiex marbuta ma’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tilqax l-ewwel ilment sekondarju, ir-Renju tad-Danimarka jilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball sa fejn il-funzjonijiet iddelegati lil Femern fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tat-toroq u fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja u l-obbligu tagħha ta’ tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa ma tqisux li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

1)      Fuq lewwel ilment sekondarju, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li, bħala tali, lattivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat talkonnessjoni fissa ma jaqgħux taħt leżerċizzju talawtorità pubblika

75      Permezz tal-ewwel ilment sekondarju tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jsostni, prinċipalment, li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li, bħala tali, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

76      F’dan il-każ, fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-attivitajiet ta’ Femern, li l-argumenti tal-awtoritajiet Daniżi dwar l-għan, in-natura u r-regoli li jirregolaw l-imsemmija attivitajiet, li huma riprodotti fil-premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li din l-entità kienet taġixxi fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

77      Sabiex jikkontesta din il-konklużjoni, l-ewwel, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Femern kienet simili għal amministrazzjoni pubblika minħabba l-kontroll strett eżerċitat mill-awtoritajiet pubbliċi fuqha kif ukoll l-obbligu ta’ din l-entità li tosserva r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti jew l-awditu tal-kontijiet.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li entità tikkostitwixxi stabbiliment pubbliku taħt l-awtorità ta’ ministru ma jistax jeskludi, waħdu, li hija tista’ titqies bħala impriża fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il‑Kumissjoni, T‑128/98, EU:T:2000:290, punt 109). Barra minn hekk, peress li l-Istat stess jew entità statali tista’ taġixxi bħala impriża (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 35, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il‑Kummissjoni, T‑673/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:643, punt 71), il-fatt li entità tista’ f’ċerti aspetti tiġi assimilata ma’ amministrazzjoni pubblika minħabba kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi u minħabba l-fatt li hija obbligata tosserva ċerti regoli tad-dritt pubbliku applikabbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal dawk relatati mal-aċċess għad-dokumenti jew mal-kontroll tal-kontijiet, ma jistax jipprekludi li hija teżerċita attività ekonomika.

79      Ulterjorment, il-fatt li entità titqiegħed taħt il-kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi u hija suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti obbligi tad-dritt pubbliku applikabbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jimplikax fih innifsu li l-attivitajiet ta’ din l-entità huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

80      Minn dan isegwi li l-fatt li Femern hija suġġetta għal kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi u li hija għandha tosserva r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti jew l-awditu tal-kontijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-attivitajiet tagħha huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Barra minn hekk, il-fatt li Femern hija suġġetta għal kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi u li hija għandha tosserva r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti jew l-awditu tal-kontijiet ma jippermettix, fih innifsu, li din titqies bħala amministrazzjoni pubblika.

81      It-tieni, fir-rigward tal-argument li Femern hija entità inkarigata mil-liġi sabiex teżegwixxi obbligi internazzjonali, għandu jitqies li dan ma jistax, bħala tali, ikun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-attivitajiet tagħha huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

82      Fil-fatt, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Renju tad-Danimarka ma invoka ebda dispożizzjoni speċifika tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn li kienet tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata li l-imsemmi trattat jagħti lil Femern attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għalhekk, fit-Taqsima 3.1.1.2 tal-osservazzjonijiet tagħhom tas‑26 ta’ Awwissu 2019, ippreżentati lill-Kummissjoni wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Daniżi indikaw biss li l-ħolqien ta’ Femern u l-attivitajiet tagħha għandhom l-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni, mir-Renju tad-Danimarka, ta’ ftehim internazzjonali kif ukoll ta’ deċiżjonijiet importanti ta’ ppjanar adottati mill-Istat Daniż. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 tal-imsemmija osservazzjonijiet, isir riferiment għall-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn u jiġi ppreċiżat li, fis-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft (C‑364/92, EU:C:1994:7), Eurocontrol ġiet ikkunsidrata bħala li teżerċita attività ta’ awtorità pubblika fuq il-bażi ta’ ftehim konkluż bejn Stati Membri.

83      Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa mhumiex komparabbli ma’ dawk mogħtija lil Eurocontrol. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-attivitajiet ta’ Eurocontrol kienu ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-Kompetizzjoni minħabba li l-attivitajiet relatati mal-kontroll u mas-superviżjoni tal-ispazju tal-ajru, li jimplikaw b’mod partikolari l-użu ta’ prerogattivi u ta’ setgħat ta’ infurzar li jidderogaw mid-dritt ordinarju fir-rigward tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, huma tipikament prerogattivi ta’ awtorità pubblika. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, ECLI:EU:C:1994:7, punti 24 u 30.

84      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li r-Renju tad-Danimarka għandu jistabbilixxi kumpannija inkarigata mix-xogħlijiet preparatorji, mill-ippjanar, mill-ħolqien, mill-kisba tal-awtorizzazzjonijiet, mill-konklużjoni tal-kuntratti, mill-finanzjament, mill-operat u mill-manutenzjoni tal-konnessjoni fissa, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmija kumpannija ser tkun il-proprjetarja tal-konnessjoni fissa. It-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiża li din il-kumpannija għandha tkun kumpannija rregolata mid-dritt Daniż u li l-attivitajiet tagħha għandhom jiġu eżerċitati skont il-prinċipji kummerċjali ġenerali u l-obbligi internazzjonali, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn jipprovdi li r-Renju tad-Danimarka għandu jirċievi l-profitti kollha tal-kumpannija u għandu jbati t-telf ikkawżat mill-attivitajiet tagħha. Ir-raba’ paragrafu, min-naħa tiegħu, jippreċiża li r-Renju tad-Danimarka għandu d-dritt li jemenda l-organizzazzjoni tal-kumpannija bla ħsara għall-obbligi sottoskritti fil-kuntest tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn u li approvazzjoni minn qabel tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija neċessarja fil-każ ta’ bejgħ ta’ iktar minn 50 % tal-azzjonijiet lil entitajiet mhux ikkontrollati mill-awtoritajiet Daniżi. Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn jipprovdi li r-Renju tad-Danimarka għandu jiżgura li l-kumpannija twettaq il-funzjonijiet fdati lilha mit-Trattat.

85      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn, invokat mill-awtoritajiet Daniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma fih ebda dispożizzjoni li kienet tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata li, bħala tali, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

86      It-tielet, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li fid-Danimarka l-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastrutturi ferrovjarji u tat-toroq ma humiex illiberalizzati, għandu jitqies li l-assenza ta’ liberalizzazzjoni ta’ settur ta’ attività ma tikkostitwixxix indizju li jippermetti li jiġi konkluż li, bħala prinċipju, attività hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. F’dan is-sens, għandu jiġi rrilevat li huwa minħabba l-modalitajiet tal-organizzazzjoni tagħhom fl-Istati Membri li ċerti attivitajiet tqiesu li ma humiex ta’ natura ekonomika u mhux għaliex kienu marbuta ma’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-attivitajiet ta’ tagħlim pubbliku ffinanzjati kompletament jew prinċipalment minn fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 39, u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 50), tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali li jimplimentaw il-prinċipju ta’ solidarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63, punti 7 sa 12, 15 u 18, u tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni u r‑Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punti 30 sa 34) jew anki entitajiet inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ sistema nazzjonali tas-saħħa li joffru servizzi ta’ kura mingħajr ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni, C‑205/03 P, EU:C:2006:453, punt 27, u tal‑4 ta’ Marzu 2003, FENIN vs Il‑Kummissjoni, T‑319/99, EU:T:2003:50, punti 39 u 49). Minn dan isegwi li l-fatt li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma humiex liberalizzati ma jimplikax madankollu li l-imsemmija attivitajiet huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

87      Ir-raba’, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet iddelegati lil Femern bħala awtorità tat-toroq u bħala amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja u lanqas il-fatt li hija għandha tipprepara l-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa, għandu jitfakkar li l-fatt li entità għandha, għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha, prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma jipprekludix, fih innifsu, il-klassifikazzjoni bħala impriża, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni, għall-attivitajiet ekonomiċi l-oħra tagħha (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 25; tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punti 98 u 99, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il‑Kummissjoni, T‑696/17, EU:T:2019:652, punt 85).

88      Skont il-ġurisprudenza, sa fejn entità pubblika teżerċita attività ekonomika li tista’ tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, din l-entità, fir-rigward ta’ din l-attività, taġixxi bħala impriża, filwaqt li jekk l-imsemmija attività ekonomika ma tistax tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, l-attivitajiet kollha mwettqa mill-imsemmija entità jibqgħu attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 38, u tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 82). Minn dan isegwi li ma jeżisti l-ebda limitu li taħtu għandu jitqies li l-attivitajiet kollha ta’ entità huma attivitajiet mhux ekonomiċi, u dan anke fil-każ li l-attivitajiet ekonomiċi jkunu minoritarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 83, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Le Port de Bruxelles u Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni, T‑674/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:651, punt 104).

89      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tad-Danimarka ma pproduċa ebda prova sabiex juri li l-funzjonijiet ta’ awtorità tat-toroq u ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja żgurati minn Femern jew l-obbligu li jippreparaw pjanijiet ta’ sigurtà huma inseparabbli mill-attivitajiet ekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa. Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni lment sekondarju, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li, fl-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet u għat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa, Femern ma kienet ingħatat ebda prerogattiva partikolari ta’ awtorità pubblika (ara punti 101 sa 103 iktar ’il quddiem).

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Daniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx tikkostitwixxi elementi li, meħuda waħedhom jew flimkien, jistgħu jwasslu għall-konstatazzjoni li l-attivitajiet kollha inkwistjoni ta’ Femern, jiġifieri l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa, huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

91      Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet validament tqis, fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tan-natura tagħhom, tal-għan tagħhom u tar-regoli li għalihom huma suġġetti, l-attivitajiet ta’ Femern ma jikkostitwixxux, bħala tali, attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

2)      Fuq ittieni lment sekondarju, ibbażat fuq lallegazzjoni li lKummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li Femern ma rċeviet ebda prerogattiva ta’ awtorità pubblika partikolari

92      Permezz tat-tieni ilment tiegħu, espost sussidjarjament, ir-Renju tad-Danimarka jikkritika lill-Kummissjoni talli kkunsidrat b’mod żbaljat li l-funzjonijiet iddelegati lil Femern fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tat-toroq u fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll it-tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa ma jikkostitwixxux attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

93      F’dan ir-rigward, fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li ma wettqitx eżami fil-fond tal-attivitajiet speċifiċi ta’ Femern invokati mir-Renju tad-Danimarka f’din il-proċedura minħabba li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Daniżi sostnew biss li l-proġett kollu ta’ konnessjoni fissa kellu jitqies li huwa marbut ma’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li la espliċitament invokaw u lanqas ma ppreżentaw argumenti suffiċjentement preċiżi dwar dawn l-attivitajiet.

94      Waqt is-seduta, ir-Renju tad-Danimarka sostna li, matul il-proċedura amministrattiva, kienu ġew ipprovduti elementi dwar il-funzjonijiet iddelegati lil Femern fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tat-toroq u fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll fir-rigward tat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa u li hija l-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova li turi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li għandha titlob informazzjoni addizzjonali.

95      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li miżura tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat, sussegwentement huwa l-Istat Membru li jagħti jew li qiegħed jippjana li jagħti din l-għajnuna li għandu jġib prova li din il-miżura ma taqax taħt tali klassifika.

96      Minn dan jirriżulta li meta l-Kummissjoni tqis li entità teżerċita attivitajiet ekonomiċi, sabiex tkun tista’ tivverifika jekk ċerti attivitajiet tal-imsemmija entità għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li dawn huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, huwa l-Istat Membru kkonċernat, fil-kuntest tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, li għandu jinvoka espliċitament l-eżistenza ta’ tali attivitajiet u li jipprovdi spjegazzjonijiet iddettaljati dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawn l-attivitajiet kif ukoll l-elementi kollha ta’ natura li jippermettu lill-Kummissjoni tivverifika li dawn huma effettivament attivitajiet marbuta ma’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Governemnt of Gibraltar u ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 146 u 147).

97      Minn dan isegwi li ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali elementi ta’ informazzjoni li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva iżda li ma ġewx ippreżentati, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina u li tipprevedi liema huma l-elementi li setgħu jiġu ppreżentati lilha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2009, Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, T‑369/06, EU:T:2009:319, punt 152, u tas‑6 ta’ April 2022, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il‑Kummissjoni, T‑508/19, EU:T:2022:217, punt 106).

98      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li fl-ittra mibgħuta lill-awtoritajiet Daniżi fl‑14 ta’ Ġunju 2019, riprodotta fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 84 sa 89, ir-raġunijiet li għalihom, wara analiżi prima facie, hemm lok li jitqies li Femern teżerċita attività ekonomika. B’mod iktar preċiż, fil-premessa 85 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-fatt li l-proġett ta’ konnessjoni fissa jsegwi għanijiet ta’ interess ġenerali ma jimplikax neċessarjament li din hija attività li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Barra minn hekk, fil-premessa 86 tal-imsemmija ittra, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-fatt li l-għoti, minn żewġ Stati sovrani, ta’ permessi għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ta’ trasport transkonfinali jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika ma jimplikax neċessarjament li s-servizzi ta’ trasport innifishom jew il-kostruzzjoni tal-infrastruttura jaqgħu wkoll taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

99      Ċertament, kif irrileva r-Renju tad-Danimarka waqt is-seduta, il-Kummissjoni, fil-premessi 84 sa 89 tal-ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2019, esprimiet ċerti mistoqsijiet dwar il-possibbiltà li l-attività ta’ Femern tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika. Għalhekk, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Daniżi sabiex jipprovdulha d-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti kollha aġġornati u kompluti sabiex tkun tista’ tkompli, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tan-natura ekonomika jew mhux ekonomika tal-attività ta’ Femern.

100    Bi tweġiba għall-imsemmija stedina, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tas‑26 ta’ Awwissu 2019, l-awtoritajiet Daniżi żviluppaw argument intiż li jsostni, prinċipalment, li l-attivitajiet kollha ta’ Femern kellhom jitqiesu li huma marbuta ma’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u, sussidjarjament, li kienet biss l-attività ta’ operat tal-konnessjoni fissa li kellha titqies bħala attività ta’ natura ekonomika.

101    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li fl-imsemmija osservazzjonijiet l-awtoritajiet Daniżi ma invokawx b’mod espliċitu li l-funzjonijiet iddelegati lil Femern fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tat-toroq u fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll fir-rigward tat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa għandhom jitqiesu li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, b’tali mod li l-ispejjeż relatati kellhom jevitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

102    Minn naħa, fir-rigward tal-funzjonijiet iddelegati lil Femern fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll fir-rigward tat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Daniżi la semmew dan fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tas‑26 ta’ Awwissu 2019 u lanqas fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti tal-partijiet ikkonċernati sottomessi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fl‑4 ta’ Ottubru 2019. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jekk il-funzjonijiet ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja u t-tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa kellhomx jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li dawn l-attivitajiet kellhom jitqiesu li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

103    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-funzjonijiet iddelegati lil Femern fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tat-toroq, għandu jiġi rrilevat li dawn kienu biss is-suġġett ta’ riferiment ad hoc fl-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Daniżi tas‑26 ta’ Awwissu 2019. B’mod iktar preċiż, dawn il-funzjonijiet issemmew bħala illustrazzjoni ta’ “responsabbiltà pubblika” li taqa’ fuq Femern, illustrazzjoni esposta insostenn ta’ argument iktar ġenerali intiż li jsostni li, minħabba n-natura tagħhom, l-attivitajiet kollha ta’ Femern għandhom jitqiesu li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Daniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx tippermettilha tikkonkludi li din l-attività hija marbuta ma’ tali prerogattivi. Fil-fatt, il-punt 25 tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni, li hemm riferiment għalih fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 12 tal-osservazzjonijiet dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tas‑26 ta’ Awwissu 2019, jillimita ruħu li jiddikjara, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-konnessjoni bit-triq minn tarf għall-ieħor hija triq pubblika amministrata skont il-Liġi dwar it-Toroq Pubbliċi u li Femern hija l-awtorità tat-toroq. Ċertament, fix-xogħlijiet preparatorji dwar il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni, li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa indikat li “huwa propost li Femern tkun inkarigata mill-amministrazzjoni tal-konnessjonijiet bit-triq marbuta mal-proġett ta’ konnessjoni minn tarf għall-ieħor msemmija fl-Artikolu 1, moqri flimkien mal-Artikolu 38 tal-Liġi dwar it-Toroq Pubbliċi” u li, “[k]onsegwentement, Femern ser tkun l-awtorità tat-toroq fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar it-toroq pubbliċi u ser ikollha setgħa ta’ deċiżjoni skont il-Liġi dwar it-Toroq Pubbliċi u t-testi adottati abbażi tagħha”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kienu jinkludu ebda preċiżazzjoni dwar l-eventwali prerogattivi li għandhom l-awtoritajiet tat-toroq fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura u tal-portata tas-“setgħa deċiżjonali” tal-imsemmija awtoritajiet. Barra minn hekk, kif ammetta r-Renju tad-Danimarka waqt is-seduta, huwa ma kkomunikax lill-Kummissjoni l-Liġi dwar it-Toroq Pubbliċi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, matul din il-proċedura, l-awtoritajiet Daniżi ma invokawx b’mod espliċitu li l-funzjonijiet iddelegati lil Femern fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tat-toroq kellhom ikunu marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma eżaminatx b’mod iddettaljat l-imsemmija funzjonijiet.

104    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni ma kkonkludietx b’mod żbaljat, fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, li Femern ma rċevietx prerogattivi partikolari ta’ awtorità pubblika.

105    Konsegwentement, it-tieni lment sekondarju sussidjarjament invokat mir-Renju tad-Danimarka għandu jiġi miċħud.

106    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni disponibbli li tippermetti li ċerti attivitajiet ta’ Femern jintrabtu mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

c)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni b’mod żbaljat ħadet inkunsiderazzjoni leżistenza ta’ servizzi sostitwibbli għall-konnessjoni fissa 

107    Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li, fl-eżami tagħha sabiex tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ta’ Femern humiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, il-Kummissjoni wettqet żball meta tat importanza lill-fatt li operatur privat joffri servizzi ta’ laneċ ikkunsidrati bħala alternattiva għal dawk offruti mill-imsemmija entità. Skont ir-Renju tad-Danimarka, il-fatt li operatur privat joffri servizzi sostitwibbli ma għandux jaffettwa l-konstatazzjoni li l-attivitajiet ta’ Femern huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

108    Ir-Renju tad-Danimarka jsostni, essenzjalment, li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ infrastrutturi tat-toroq u ferrovjarji jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ sostituzzjoni bejn dawn l-infrastrutturi u mezzi ta’ trasport alternattivi ma għandhiex tikkontesta din il-konstatazzjoni. Peress li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tan-netwerks tat-toroq u tal-ferroviji Daniżi ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, ir-Renju tad-Danimarka jqis ukoll li l-Kummissjoni ma tatx elementi suffiċjenti sabiex tispjega r-raġunijiet li għalihom l-attivitajiet ta’ Femern huma differenti mill-provvista tal-imsemmija netwerks.

109    Skont ir-Renju tad-Danimarka, l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ ħlas għall-użu ta’ infrastruttura tat-toroq mill-utenti ma tistax tkun element determinanti sabiex il-provvista tal-imsemmija infrastruttura tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati li jipproponu soluzzjonijiet alternattivi għan-netwerk tat-toroq.

110    Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li, fid-deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni, il-Kummissjoni qieset li, peress li n-netwerk ferrovjarju nazzjonali kien ġestit u operat f’suq magħluq fejn ma kien hemm l-ebda kompetizzjoni, il-finanzjament pubbliku mogħti lil Femern Landanlaeg ma setax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan minkejja li ċerti konnessjonijiet tal-ajru jew ta’ laneċ setgħu jikkostitwixxu alternattivi għal ċerti konnessjonijiet ferrovjarji. Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-kriterju ta’ sostitwibbiltà implimentat mill-Kummissjoni waqt l-eżami tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ Femern huwa differenti u iktar strett minn dak adottat fl-eżami globali tagħha tan-netwerk ferrovjarju pubbliku Daniż.

111    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

112    Mill-eżami tat-tielet ilment imwettaq fil-punti 74 sa 106 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet validament tqis li mill-elementi tal-fajl ma kienx jirriżulta li l-attivitajiet ta’ Femern, bħala tali, kienu jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li din l-entità kienet ingħatat prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Minn dan isegwi li l-argument tar-Renju tad-Danimarka fil-kuntest ta’ dan l-ilment huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

113    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li eżaminat jekk, fil-kuntest tal-operat tal-konnessjoni fissa, is-servizzi li ser jiġu offruti minn Femern jistgħux jissostitwixxu dawk offruti minn operaturi bi skop ta’ lukru f’suq partikolari. Fil-fatt, b’dan il-mod, il-Kummissjoni tapplika kriterju li jippermettilha tiddetermina jekk l-imsemmija attività ta’ operat tikkostitwixxix attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27, u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 46).

114    Fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, il-Kummissjoni kellha twettaq eżami fil-fond tal-karatteristiċi tan-netwerks tat-toroq u tal-ferroviji Daniżi sabiex tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa kinux marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tad-Danimarka ma pproduċiex provi fil-proċess li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, fl-intier tagħhom, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ operat tan-netwerks tat-toroq u tal-ferroviji huma effettivament marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss il-finanzjament tal-konnessjoni fissa u mhux il-finanzjament tan-netwerks tat-toroq u ferrovjarji kollha Daniżi, b’tali mod li l-karatteristiċi ta’ dawn tal-aħħar ma humiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet ta’ Femern inkwistjoni f’dan il-każ humiex ta’ natura ekonomika. Minn dan isegwi li dan l-argument tar-Renju tad-Danimarka ma jistax jintlaqa’.

115    Fir-rigward tal-argument li bih il-Kummissjoni hija kkritikata li użat, fid-deċiżjoni kkontestata, kriterju ta’ sostitwibbiltà iktar strett minn dak adottat fid-deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni, b’tali mod li l-evalwazzjoni mwettqa f’dan il-każ hija insuffiċjenti u kontradittorja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ servizzi ta’ trasport sostitwibbli ma tikkostitwixxix element rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni u fis-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:944), bl-ebda mod ma kienet kwistjoni ta’ kompetizzjoni eventwali bejn il-konnessjonijiet ferrovjarji u l-operaturi tal-laneċ jew tal-konnessjonijiet tal-ajru, b’tali mod li l-argument tar-Renju tad-Danimarka ma jistax jintlaqa’.

116    Fir-rigward tal-argument li l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ ħlas għall-użu ta’ infrastruttura tat-toroq mill-utenti ma hijiex kriterju determinanti sabiex il-provvista tal-imsemmija infrastruttura tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ sostituzzjoni f’suq ma’ operaturi bi skop ta’ lukru li joffru soluzzjonijiet alternattivi għan-netwerk tat-toroq, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif ser jiġi ppreċiżat fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, fil-punti 148 sa 153 iktar ’il quddiem, il-ħlas ta’ tariffi jikkostitwixxi element li, għalkemm ma huwiex determinanti, huwa tal-inqas rilevanti sabiex il-provvista tal-infrastruttura tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika, b’tali mod li għalhekk seta’ validament jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

117    Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni setgħet validament tikkonstata li Femern ma kienet irċeviet ebda prerogattiva ta’ awtorità pubblika partikolari, l-argument intiż sabiex titqabbel relazzjoni ta’ sostituzzjoni bejn l-infrastrutturi tat-trasport u l-mezzi ta’ trasport alternattivi mar-relazzjoni ta’ sostituzzjoni li kienet teżisti bejn, minn naħa, l-attivitajiet tal-pulizija u tal-ġustizzja u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ kumpanniji ta’ sigurtà privati u l-arbitraġġ ma jistax jintlaqa’. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-attivitajiet tal-pulizija u tal-ġustizzja jaqgħu min-natura tagħhom taħt l-awtorità pubblika sa fejn dawn jimplikaw l-użu ta’ prerogattivi eżorbitanti tad-dritt ordinarju u ta’ privileġġi ta’ awtorità pubblika li huma imposti fuq iċ-ċittadini u fuq l-impriżi. Dan ma huwiex il-każ tal-attivitajiet tal-impriżi ta’ sigurtà privata u lanqas tal-attività ta’ arbitraġġ. L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ infrastruttura tat-trasport bħalma hija l-konnessjoni fissa.

118    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq allegat żball li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ servizzi sostitwibbli għall-konnessjoni fissa għandu jiġi miċħud.

119    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-attivitajiet ta’ Femern ma jimplikawx l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

2.      Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq ilkonstatazzjoni allegatament żbaljata li Femern toffri servizzi ta’ trasport f’suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra

120    Ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Renju tal-Belġju, isostni li l-konnessjoni fissa ma tinsabx f’kompetizzjoni mal-operaturi tal-laneċ bl-istess mod bħal infrastruttura ferrovjarja ma tinsabx f’kompetizzjoni diretta mat-triq, mal-kowċs jew mal-ajruporti.

121    Skont ir-Renju tad-Danimarka, l-effetti eventwali fuq il-kompetizzjoni huma r-riżultat tad-deċiżjoni li titwettaq il-konnessjoni fissa li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għaldaqstant, il-koeżistenza ta’ attivitajiet kummerċjali ma’ attivitajiet li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma tfissirx awtomatikament li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi.

122    Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li anki jekk l-attivitajiet ta’ Femern ma jitqisux li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, din l-entità ma tkunx f’kompetizzjoni mal-operaturi tal-laneċ. F’dan is-sens, ir-Renju tad-Danimarka jenfasizza li l-funzjonijiet ta’ Femern huma l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa b’mod li jiġu ottimizzati l-vantaġġi makroekonomiċi. Għalhekk, il-fatt li l-attivitajiet ta’ din l-entità għandhom effetti fuq l-ekonomija nazzjonali u s-swieq tal-madwar, b’mod partikolari dak tas-servizzi offruti mill-operaturi tal-laneċ, ma jfissirx li l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa jistgħu jitqiesu li huma f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati f’suq ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport.

123    Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li, fi kwalunkwe każ, Femern ma tistax tikkompeti f’suq ta’ servizzi ta’ trasport fl-istadju tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa.

124    Ir-Renju tal-Belġju jqis li ma hemmx kompetizzjoni mal-laneċ privati, sa fejn l-intervent pubbliku huwa limitat sabiex itaffi n-nuqqasijiet tal-inizjattiva privata.

125    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

126    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi impriża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, kull entità li teżerċita attività ekonomika u tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 50, u tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni, C‑666/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:225, punt 69).

127    F’dan il-każ, fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li jeżisti suq ta’ servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn li fih jopera diġà operatur ta’ laneċ, li huwa impriża li topera skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li s-servizzi ta’ trasport ipprovduti minn Femern huma f’kompetizzjoni mas-servizzi ta’ trasport offruti minn dan l-operatur ta’ laneċ.

128    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tad-Danimarka ma jikkontestax l-eżistenza ta’ suq ta’ servizzi għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn bejn Rødby u Puttgarden li huma pprovduti minn operatur tal-laneċ u jirrikonoxxi li d-dħul fis-servizz tal-konnessjoni fissa ser ikollu wkoll effett fuq diversi tipi ta’ impriżi, bħall-operaturi tal-laneċ, l-impriżi ta’ trasport bix-xarabank jew anki l-impriżi ta’ trasport bit-triq tal-merkanzija.

129    Min-naħa l-oħra, filwaqt li r-Renju tad-Danimarka jikkontesta l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn is-servizzi offruti minn Femern u dawk ipprovduti mill-operatur tal-laneċ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-analiżi finanzjarja ta’ Femern għas-sena 2016, il-livell tal-prezzijiet jikkostitwixxi element meħud inkunsiderazzjoni mill-konsumatur fl-għażla li juża, sabiex iwettaq il-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, il-konnessjoni fissa jew il-laneċ.

130    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li teżisti relazzjoni ta’ sostituzzjoni bejn is-servizzi li ser jiġu offruti minn Femern u dawk offruti mill-operatur tal-laneċ. Konsegwentement, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, anki jekk Femern u l-operatur tal-laneċ joffru servizzi li l-karatteristiċi tagħhom huma differenti f’ċerti aspetti, għandu jitqies li dawn joperaw fl-istess suq, jiġifieri dak tas-servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, li fuqu l-konsumaturi ser ikollhom l-għażla, fl-ipoteżi possibbli taż-żamma tas-servizzi offruti mill-operatur tal-laneċ wara t-tqegħid fis-servizz tal-konnessjoni fissa, bejn is-servizzi offruti minn dan l-operatur u dawk offruti minn Femern fil-kuntest tal-operat tal-konnessjoni fissa.

131    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tad-Danimarka ma jikkontestax l-ipoteżi l-oħra possibbli, imsemmija fil-premessi 237 u 360 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-dħul fis-servizz tal-konnessjoni fissa jista’ jwassal għall-għajbien tas-servizzi tal-laneċ fuq il-konnessjoni bejn Rødby u Puttgarden. Issa, tali ipoteżi tikkorrobora l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ sostituzzjoni bejn is-servizzi offruti mill-operatur tal-laneċ li jiżgura din il-konnessjoni u dawk li ser jiġu offruti minn Femern.

132    Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, għandu jitqies li s-servizzi offruti minn Femern fil-kuntest tal-operat tal-konnessjoni fissa ser ikunu f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk offruti, għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, minn fornitur tat-trasport ieħor, jiġifieri l-operatur tal-laneċ li jiżgura l-konnessjoni bejn Rødby u Puttgarden, li tikkostitwixxi, mingħajr ma dan jiġi kkontestat mir-Renju tad-Danimarka, impriża li għandha skop ta’ lukru.

133    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni identifikat ukoll suq ta’ servizzi ta’ trasport usa’, jiġifieri dak tal-konnessjonijiet tat-trasport li jikkostitwixxu alternattiva għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn. F’dan is-sens, minn qari flimkien tal-premessi 193 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll is-suq tas-servizzi ta’ trasport li jiżguraw il-qsim tal-Baħar Baltiku tal-Punent, jiġifieri l-konnessjonijiet bejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Isvezja, konnessjonijiet li fuqhom joperaw ukoll l-operaturi ta’ laneċ u li, kif jirriżulta mill-analiżi finanzjarja tal-Femern għas-sena 2016, parti mit-traffiku fuqhom tista’ tiġi assorbita mill-konnessjoni fissa.

134    Fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, Femern ma tistax tkun f’kompetizzjoni ma’ fornituri oħra tat-trasport minħabba kunsiderazzjonijiet dwar l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, dan għandu jiġi miċħud.

135    Minn naħa, sa fejn permezz ta’ dan l-argument ir-Renju tad-Danimarka jsostni li ma teżistix kompetizzjoni bejn il-konnessjoni fissa u l-operaturi tal-laneċ minħabba li l-effetti tat-tqegħid fis-servizz tal-imsemmija konnessjoni fuq il-kompetizzjoni jirriżultaw minn deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi adottata fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li Stat Membru jagħmel użu minn tali prerogattivi sabiex jikkostitwixxi entità inkarigata bil-kostruzzjoni u bl-operat ta’ infrastruttura ma jimplikax neċessarjament li l-attivitajiet ta’ din l-entità huma marbuta wkoll mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

136    Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-eventwali effetti fuq il-kompetizzjoni tal-attivitajiet ta’ Femern huma irrilevanti minħabba li l-imsemmija attivitajiet huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat preċedentement (ara l-punti 74 sa 106 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni setgħet, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, tikkonstata b’mod validu li l-attivitajiet ta’ Femern, bħala tali, ma kinux jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li, fid-dawl tal-elementi tal-fajl, din l-entità ma kinitx ingħatat prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

137    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-effetti tal-attivitajiet ta’ Femern fuq l-ekonomija nazzjonali u s-swieq tal-madwar huma irrilevanti għall-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn din l-entità u l-operaturi tal-laneċ minħabba li l-imsemmija attivitajiet huma intiżi li jottimizzaw il-vantaġġi makroekonomiċi tad-Danimarka, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi argument iwassal, essenzjalment, sabiex jiġi sostnut li l-konstatazzjoni li entità teżerċita attivitajiet billi ssegwi għan ta’ interess ġenerali tipprekludi li l-imsemmija entità tista’ titqies li hija f’kompetizzjoni ma’ operaturi li għandhom skop ta’ lukru. Madankollu, kif ġie mfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-fatt li entità ingħatat ċerti funzjonijiet ta’ interess ġenerali ma jistax iwaqqaf l-attivitajiet inkwistjoni milli jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi. Fil-fatt, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 27, u tas‑6 ta’ April 2022, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il‑Kummissjoni, T‑508/19, EU:T:2022:217, punt 80).

138    Fir-rigward tal-argument li ma hemmx kompetizzjoni bejn Femern u l-operaturi tal-laneċ minħabba li l-intervent pubbliku kien limitat biex itaffi n-nuqqasijiet tal-inizjattiva privata, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 126 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ddeterminat jekk entità teżerċitax attività ekonomika, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-imsemmija entità toffri oġġetti jew servizzi f’suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi li għandhom skop ta’ lukru. Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, diġà jeżisti operatur privat li joffri servizzi sabiex jiżgura l-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn. Bl-istess mod, jeżistu wkoll impriżi privati li jipprovdu servizzi ta’ trasport fuq konnessjonijiet oħra li jikkostitwixxu alternattiva għall-qsim tal-imsemmi strett.

139    Fir-rigward tal-argument li Femern ma tistax tikkompeti fis-suq tas-servizzi tat-trasport fl-istadju tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, dan għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, kif ser jiġi ppreċiżat fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv fil-punti 185 sa 207 iktar ’il quddiem, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni tikkonkludi li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa kienu inseparabbli.

140    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-konstatazzjoni żbaljata li Femern toffri servizzi ta’ trasport f’suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra, għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

3.      Fuq ittielet parti talewwel motiv, ibbażata fuq ilkonstatazzjoni allegatament żbaljata li Femern hija operatur li ssegwi loġika kummerċjali

141    Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li Femern ma tistax topera l-konnessjoni fissa bħala operatur f’ekonomija tas-suq li jopera f’loġika ta’ ekonomija tas-suq u għalhekk ma tistax topera kummerċjalment il-konnessjoni fissa. F’dan is-sens, ir-Renju tad-Danimarka jindika li Femern taġixxi, fir-rigward tal-elementi essenzjali, fuq istruzzjoni tal-Ministru għat-Trasport Daniż li ser ikun responsabbli wkoll għall-iffissar tal-ammont tat-tariffi tat-triq billi jieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet makroekonomiċi u politiċi u jispeċifika li l-profitti tagħha ser jiġu allokati għall-finanzjament ta’ infrastrutturi fit-territorju Daniż. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni f’dan ir-rigward li peress li Femern ma hijiex suġġetta għar-regola tal-massimizzazzjoni tal-profitti, il-profitti tagħha jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-infrastruttura pubblika terrestri u peress li ma għandha ebda awtonomija deċiżjonali, ma jistax jitqies li hija teżerċita attività ekonomika.

142    Barra minn hekk, skont ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-fatt li l-attivitajiet ta’ Femern huma ffinanzjati minn tariffi miġbura mingħand l-utenti ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din l-entità topera f’loġika tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li l-metodu ta’ finanzjament tal-konnessjoni fissa mit-taxxa jew mill-utenti ma jikkostitwixxix element rilevanti sabiex issir distinzjoni bejn l-attivitajiet mhux ekonomiċi u l-attivitajiet ekonomiċi. Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-assenza ta’ libertà fil-qasam tariffarju li hija indizju rilevanti sabiex jiġi stabbilit li Femern ma tikkostitwixxix impriża.

143    Ulterjorment, skont ir-Renju tad-Danimarka, il-fatt li Femern ser tiġbor tariffi meta l-konnessjoni fissa tibda topera ma għandux ikollu l-konsegwenza li l-attivitajiet tagħha marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika jsiru attivitajiet ta’ natura ekonomika.

144    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

145    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti li permezz tagħhom huwa sostnut li l-konnessjoni fissa ma hijiex ser tkun is-suġġett ta’ użu kummerċjali, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkostitwixxu servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi s-servizzi normalment ipprovduti bi ħlas, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni tinsab fil-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 47, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il‑Kummissjoni, T‑696/17, EU:T:2019:652, punt 75).

146    Barra minn hekk, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-fatt li attività ma tkunx żgurata minn operaturi privati jew il-fatt li ma tkunx profittabbli ma kinux kriterji rilevanti għall-finijiet ta’ jekk għandhiex tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika jew le. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, il-kunċett ta’ “impriża”, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 19, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il‑Kummissjoni, T‑696/17, EU:T:2019:652, punt 46). Minn dan jirriżulta li n-natura ekonomika jew le ta’ attività ma tiddependix mill-istatus privat jew pubbliku tal-entità li teżerċitaha u lanqas mill-profittabbiltà ta’ din l-attività (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 50, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑808/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:734, punt 55).

147    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

148    Kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostnu r-Renju tad-Danimarka u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-fatt li l-aċċess għall-konnessjoni fissa jiġi ssuġġettat għall-ħlas ta’ tariffi jikkostitwixxi element rilevanti sabiex l-operat tal-imsemmija konnessjoni jiġi kkwalifikat bħala attività ekonomika.

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kompetizzjoni u b’mod iktar speċifiku, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jeħtiġux li l-Istati Membri jeżiġu ħlas għall-aċċess għal din l-infrastruttura ta’ trasport, imma jħallu fid-diskrezzjoni tagħhom jekk jagħtux jew le aċċess mingħajr ħlas.

150    Għalhekk, meta l-Istat Membru jiddeċiedi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politika tiegħu tat-trasport li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura jsir mingħajr ħlas fl-interess komuni, dan jista’ jikkostitwixxi indizju sabiex jiġi kkonstatat li l-imsemmija infrastruttura ma hijiex is-suġġett ta’ operat ekonomiku. Min-naħa l-oħra, meta l-Istat Membru jiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li jissuġġetta l-aċċess għall-infrastruttura għall-ħlas ta’ tariffa sabiex jiġġenera dħul assenjat, kif jirriżulta mill-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari għar-rimbors tad-dejn inkors sabiex jiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, hemm lok li jitqies li l-infrastruttura hija s-suġġett ta’ operat ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punti 93 u 94).

151    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li Femern tipprovdi servizz ta’ trasport liċ-ċittadini u lill-impriżi li huwa suġġett għall-ħlas ta’ tariffa għall-użu tas-sezzjoni tat-triq u tal-infrastruttura ferrovjarja.

152    Minn dan isegwi li, fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra li l-operat tal-konnessjoni fissa huwa rregolat minn loġika ekonomika peress li hija ffinanzjata mit-tariffi ta’ użu.

153    Għaldaqstant, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, li Femern toffri b’mod partikolari servizzi fis-suq tas-servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn li fuqu jopera operatur bi skop ta’ lukru u, min-naħa l-oħra, fil-premessi 192 u 194 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aċċess għall-konnessjoni fissa ser ikun suġġett għall-ħlas ta’ tariffi lil din l-entità li tikkostitwixxi l-korrispettiv tal-provvista ta’ servizz, hija setgħet ġustament tikkonkludi li l-attività ta’ operat tar-rotta fissa kienet tikkostitwixxi attività ekonomika.

154    L-argumenti invokati mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ibbażati fuq il-fatt li r-regoli li għalihom hija suġġetta Femern ma jippermettulhiex tagħmel użu kummerċjali tal-konnessjoni fissa, ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

155    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi eskluża n-natura ekonomika ta’ attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq, ma huwiex biżżejjed li wieħed jargumenta li l-operatur tal-infrastruttura ma jaġixxix fuq bażi purament kummerċjali ta’ massimizzazzjoni tal-profitti, li huwa jpoġġi l-interess ġenerali qabel id-dħul fuq l-investiment, li m’għandu l-ebda skop ta’ lukru u li huwa jinvesti mill-ġdid sistematikament il-profitti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il‑Kummissjoni, T‑754/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:270, punt 80).

156    Barra minn hekk, peress li n-natura ekonomika jew le ta’ attività ma tiddependix mill-istatus privat jew pubbliku tal-entità li teżerċitaha u lanqas mill-profittabbiltà ta’ din l-attività, minn dan jirriżulta li anki jekk id-dħul minn attività għandu obbligatorjament jiġi investit mill-ġdid f’attivitajiet mhux ekonomiċi, l-attivitajiet remunerati jikkostitwixxu parteċipazzjoni fis-suq li tista’ tippreġudika l-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’tali mod li obbligu ta’ investiment mill-ġdid tad-dħul ma jipprekludix in-natura ekonomika ta’ attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418, punt 50).

157    Għalhekk, l-argumenti li Femern ma ssegwix għan ta’ massimizzazzjoni tal-profitti u għandha tinvesti mill-ġdid il-profitti tagħha għall-finanzjament tal-infrastrutturi ma jistgħux jirnexxu. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza invokata mir-Renju tad-Danimarka li l-ammont tat-tariffi għall-użu tal-konnessjoni fissa ma huwiex stabbilit abbażi ta’ loġika tas-suq, fis-sens li l-istruttura tal-prezzijiet hija differenti minn dik ipprattikata fis-suq mill-operaturi privati, ma tistax tostakola l-konstatazzjoni li l-operat tal-konnessjoni fissa jikkostitwixxi attività ekonomika.

158    Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li Femern taġixxi, fir-rigward tal-elementi essenzjali, bħad-data tal-bidu tax-xogħlijiet, fuq istruzzjoni tal-Ministru għat-Trasport Daniż. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet inkwistjoni eżerċitati minn entità humiex ta’ natura ekonomika ma tiddependix mill-fatt li investitur privat ma jkunx f’pożizzjoni li jeżerċitahom taħt l-istess kundizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il‑Kummissjoni, T‑309/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:676, punt 76).

159    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-assenza ta’ libertà ta’ Femern fl-iffissar tal-ammont tat-tariffi għall-użu tal-konnessjoni, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, kif jirriżulta mill-punt 42(2) tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni, il-prinċipji li jirregolaw l-ammont tat-tariffi huma stabbiliti mill-Ministru għat-Trasport Daniż. Madankollu, fir-rikors tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jirrikonoxxi li, abbażi tal-Artikolu 42(3) tal-imsemmija liġi, Femern tista’ temenda l-iskemi ġenerali ta’ skontijiet u tistabbilixxi skemi ġodda, bil-kundizzjoni li l-livell globali ta’ dħul ma jiġix affettwat b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li Femern għandha ċertu marġni ta’ manuvra sabiex tiffissa l-prezzijiet tagħha stess.

160    Issa, is-sempliċi fatt li l-Ministru għat-Trasport Daniż jirregola l-ammont tat-tariffi abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet makroekonomiċi u marbuta mal-politika tat-trasport ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-attività ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma tikkostitwixxix attività ekonomika.

161    Barra minn hekk, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata, li Femern ma għandhiex iktar il-possibbiltà li taġġusta l-ammont tat-tariffi wara l-adozzjoni, matul il-proċedura ġudizzjarja, ta’ liġi ġdida, b’tali mod li huwa biss il-Ministru għat-Trasport Daniż li jista’ jiddetermina l-ammont tal-imsemmija tariffi. Fil-fatt, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu meta ġie adottat l-att (sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, EU:C:1979:29, punti 7 u 8, u tat‑12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/94 u T‑377/94, EU:T:1996:193, punt 119). Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att tal-Unjoni ġie adottat (sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, EU:T:2006:267, punt 325, u tal‑11 ta’ Frar 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑204/11, EU:T:2015:91, punt 123). Għalhekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni b’mod validu l-fatt li, sa ċertu punt, Femern setgħet tinfluwenza l-ammont ta’ ċerti tariffi għall-aċċess għall-infrastruttura.

162    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti invokati mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu intiżi sabiex isostnu li r-regoli li għalihom hija suġġetta Femern ma jippermettulhiex li twettaq operat kummerċjali tal-konnessjoni fissa, kemm jekk meħuda waħedhom jew flimkien, ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li l-operat tal-konnessjoni fissa jikkostitwixxi attività ekonomika.

163    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, l-attivitajiet ta’ Femern marbuta ma’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma jistgħux isiru attivitajiet ekonomiċi minħabba l-ġbir ta’ tariffi għall-użu tal-konnessjoni fissa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni kellha tqis li ċerti attivitajiet ta’ Femern kienu marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara punti 75 sa 106 iktar ’il fuq). Konsegwentement, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

164    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

4.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li lattivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat talkonnessjoni fissa huma inseparabbli

165    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta mhux biss il-fondatezza tal-konstatazzjoni li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa huma inseparabbli, iżda wkoll il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

a)      Fuq ilmotivazzjoni taddeċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda nnatura inseparabbli talattivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat talkonnessjoni fissa

166    Ir-Renju tad-Danimarka jqis li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata fir-rigward tal-konstatazzjoni li Femern kienet ser teżerċita attività ekonomika sa mill-fażi ta’ kostruzzjoni.

167    Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka jqis ukoll li, fil-premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet għaliex ikkonkludiet li l-attivitajiet ta’ promozzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ informazzjoni ta’ Femern jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi.

168    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

169    Hija ġurisprudenza stabbilita li, l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tittratta l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, minħabba li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam kkonċernat (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 161). B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet interessati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, C‑404/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:6, punt 30, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Fortischem vs Il‑Kummissjoni, T‑121/15, EU:T:2019:684, punt 41).

170    F’dan il-każ, fir-rigward tal-motivazzjoni tan-natura inseparabbli tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ tħaddim tal-konnessjoni fissa, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, qabel kollox, fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li l-operat ta’ ajruport ġie kkunsidrat bħala attività ekonomika u li l-istess kien il-każ għall-bini ta’ mitjar ta’ ajruport kummerċjali. Għalkemm il-Kummissjoni tippreċiża li din il-ġurisprudenza tirrigwarda speċifikament l-ajruporti, hija indikat li l-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali huma applikabbli wkoll għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi oħra. F’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 89 taħt il-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-punt 202 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “ġħajnuna mill-Istat”, li jindika li dawn il-prinċipji stabbiliti mill-qrati tal-Unjoni huma applikabbli għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi oħra indissoċjabbilment marbuta ma’ attività ekonomika. Barra minn hekk, fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ġenerali dwar l-infrastrutturi tal-portijiet billi ssemmi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 90, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il‑Kummissjoni (T‑696/17, EU:T:2019:652).

171    Sussegwentement, fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-dħul ta’ Femern mill-operat tal-attivitajiet tat-toroq u dawk ferrovjarji huwa b’mod partikolari intiż sabiex jiffinanzja l-ispiża totali tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa.

172    Fl-aħħar, fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li kkonkludiet li l-operat tal-konnessjoni fissa jikkostitwixxi attività ekonomika, il-Kummissjoni qieset li l-kostruzzjoni tal-infrastruttura operata minn Femern tikkostitwixxi wkoll attività ekonomika abbażi tas-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821), u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117).

173    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rreferiet għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar l-infrastrutturi tal-ajruporti, għall-kawżi reċenti tal-Qorti Ġenerali dwar l-infrastrutturi tal-portijiet kif ukoll għall-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tapplika prinċipju li, fil-preżenza ta’ infrastruttura li hija s-suġġett ta’ operat ekonomiku, l-attività ta’ kostruzzjoni hija wkoll ta’ natura ekonomika meta ż-żewġ attivitajiet ikunu marbuta b’mod inseparabbli. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ rabta ekonomika bejn iż-żewġ attivitajiet permezz tal-użu tad-dħul mill-operat sabiex jitħallas lura b’mod partikolari d-dejn sostnut għall-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa.

174    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-inseparabbiltà tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa.

175    Fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed il-konklużjoni li l-attivitajiet ta’ promozzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ informazzjoni ta’ Femern jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li dawn l-attivitajiet ikkontribwixxew għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa u li, anki fl-eventwalità li dawn l-attivitajiet ta’ promozzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ informazzjoni għandhom jitqiesu bħala attivitajiet ta’ informazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-attività ekonomika ta’ Femern. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li ma huwiex rari li l-impriżi jkunu obbligati jinformaw lill-pubbliku bl-attivitajiet tagħhom. Barra minn hekk, hija qieset li, bħala prinċipju, l-obbligi ta’ informazzjoni ma jimplikawx l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għalhekk, mill-premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset li l-attivitajiet ta’ promozzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ informazzjoni jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi peress li huma marbuta mal-attivitajiet prinċipali ta’ Femern, jiġifieri l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda n-natura ekonomika tal-attivitajiet ta’ promozzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ informazzjoni.

b)      Fuq ilfondatezza taddeċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda nnatura inseparabbli talattivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat talkonnessjoni fissa

176    Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-attività ta’ kostruzzjoni ma tistax tiġi sseparata mill-attività ta’ operat tal-konnessjoni fissa.

177    F’dan ir-rigward, l-ewwel, ir-Renju tad-Danimarka, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, isostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tqis li mis-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821), u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117), jirriżulta li attività ta’ kostruzzjoni, jiġifieri attività upstream, hija neċessarjament attività ekonomika peress li attività ta’ operat, jiġifieri downstream, hija attività ekonomika. Huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li operat kummerċjali futur ta’ infrastruttura jista’ jkollu bħala effett li l-kostruzzjoni tagħha tikkostitwixxi wkoll attività ekonomika, b’mod partikolari meta mitjar ta’ ajruport jkun jagħmel parti mill-attività ekonomika eżistenti tal-imsemmi ajruport. Skont ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, dan il-każ huwa differenti mill-kawżi preċedenti, sa fejn dan huwa każ ta’ kostruzzjoni inizjali ta’ infrastruttura li l-operat tagħha ser iseħħ fil-futur.

178    It-tieni, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Femern ma kinitx ser teżerċita attività ekonomika qabel ma bdiet topera l-konnessjoni fissa, b’tali mod li, matul il-fażi tal-kostruzzjoni, l-entità ma hija attiva fl-ebda suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra. F’dan ir-rigward, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li huwa biss jekk Femern tkun f’pożizzjoni li tippenetra malajr is-suq inkwistjoni li hija tista’ titqies bħala kompetitriċi tal-impriżi li diġà joperaw fl-imsemmi suq.

179    It-tielet, ir-Renju tad-Danimarka jsostni, essenzjalment, li peress li Femern ma toperax f’suq liberalizzat, ma jistax jitqies li din l-entità teżerċita attività ekonomika.

180    Ir-raba’, skont ir-Renju tad-Danimarka, mill-punt 84 tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni (T‑747/17, EU:T:2019:271), jirriżulta li l-eżistenza ta’ rabta ekonomika bejn żewġ attivitajiet ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata n-natura inseparabbli ta’ dawn l-attivitajiet, b’tali mod li l-finanzjament tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa permezz tal-ġbir ta’ tariffi fil-kuntest tal-operat tal-imsemmija konnessjoni ma jfissirx neċessarjament li l-attivitajiet huma inseparabbli.

181    Il-ħames, ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura inseparabbli tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċirkustanzi jistgħu jevolvu sal-bidu tal-operat tal-konnessjoni fissa, b’mod partikolari l-fatt li l-awtoritajiet Daniżi jistgħu jiddeċiedu li jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-operat tal-konnessjoni fissa.

182    Is-sitt, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-klassifikazzjoni ta’ impriża għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva minħabba li l-fatt li Femern tiġi kklassifikata bħala impriża qabel ma tibda topera l-konnessjoni fissa għandu konsegwenzi dannużi sa fejn din l-entità tkun obbligata tħallas l-interessi dovuti għall-perijodu ta’ illegalità. Barra minn hekk, skont ir-Renju tad-Danimarka, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “impriża” tkun allinjata aħjar ma’ oqsma relatati, b’mod partikolari mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali.

183    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

184    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tad-Danimarka ma invoka ebda argument sostnut sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ promozzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ informazzjoni bħala attivitajiet ta’ natura ekonomika.

185    Fir-rigward tal-argumenti li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa huma inseparabbli, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet li l-operat kummerċjali u l-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ta’ trasport għal tali użu kummerċjali jistgħu jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 65, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il‑Kummissjoni, T‑696/17, EU:T:2019:652, punt 47). Din il-ġurisprudenza tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117), li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li hija setgħet b’mod validu tikkonkludi li l-attività ta’ operat ta’ ajruport u l-attività ta’ kostruzzjoni ta’ mitjar ġdid ta’ ajruport kienet inseparabbli peress li t-taxxi tal-ajruport kienu jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ dħul għall-finanzjament ta’ dan il-mitjar il-ġdid u li l-operat ta’ dan il-mitjar il-ġdid kien jipparteċipa fl-attività ekonomika tal-ajruport (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punt 94). Barra minn hekk, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet ukoll li ma kienx hemm lok li l-attività ta’ kostruzzjoni tal-mitjar il-ġdid tiġi sseparata mill-użu sussegwenti tiegħu minħabba li, fid-dawl tan-natura u tal-għan tagħha, il-kostruzzjoni tal-imsemmi mitjar ma kinitx taqa’, bħala tali, taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punt 99). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-kostruzzjoni tal-mitjar il-ġdid ta’ ajruport kienet tikkostitwixxi attività ekonomika, b’tali mod li l-kontribuzzjoni ta’ kapital inkwistjoni, bla ħsara għall-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet pubbliċi li kellhom jitnaqqsu mill-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 43).

186    Għalhekk, meta l-operat ta’ infrastruttura jkun is-suġġett ta’ operat ekonomiku u meta t-tariffi għall-użu jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ finanzjament tal-kostruzzjoni tagħha, għandu jitqies li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ din l-infrastruttura jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi, bl-esklużjoni, meta l-Istat Membru jipprevalixxi ruħu espressament minnhom matul il-proċedura amministrattiva, ta’ eventwali funzjonijiet li jimplikaw l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

187    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

188    L-ewwel, kuntrarjament għal dak li jsostnu essenzjalment ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-prinċipji u l-kriterji relatati mal-inseparabbiltà tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ infrastruttura ta’ trasport, stabbiliti fis-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821), u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117), u mfakkra fil-punt 185 iktar ’il fuq, ma jistgħux ikunu limitati biss għall-ipoteżi tal-estensjoni ta’ infrastruttura eżistenti.

189    Ċertament, fil-kawża li tat lok għas-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821), u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117), kienet inkwistjoni l-estensjoni ta’ mitjar ta’ ajruport eżistenti minn qabel.

190    Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, jeżisti suq ta’ servizzi ta’ trasport li fih diġà joperaw operaturi bi skop ta’ lukru, il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ta’ trasport ġdida intiża li tkun is-suġġett ta’ operat ekonomiku tista’ tfixkel il-kompetizzjoni f’dan is-suq daqs kemm tista’ tfixkilha l-estensjoni ta’ infrastruttura diġà eżistenti. Għaldaqstant, għandu jitqies li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura inseparabbli tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ infrastruttura, il-każ ta’ kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida intiża li tkun is-suġġett ta’ operat ekonomiku futur huwa paragunabbli ma’ dak ta’ kostruzzjoni ta’ estensjoni ta’ infrastruttura ta’ trasport diġà eżistenti li hija s-suġġett ta’ operat ekonomiku.

191    Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud l-argument li, essenzjalment, il-prinċipji u l-kriterji relatati mal-indissoċjabbiltà tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ infrastruttura ta’ trasport, stabbiliti fis-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821), u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117), ma jistgħux jiġu trasposti għall-każ inkwistjoni.

192    It-tieni, fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, Femern ma hija preżenti fl-ebda suq matul il-fażi ta’ kostruzzjoni, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li din l-entità hija kemm inkarigata mill-kostruzzjoni kif ukoll mill-operat tal-konnessjoni fissa.

193    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel motiv, peress li l-operat minn Femern tal-konnessjoni fissa ser jikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi f’suq li fih jopera operatur bi skop ta’ lukru inkambju għal remunerazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-operat tal-konnessjoni fissa jikkostitwixxi attività ekonomika.

194    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-Renju tad-Danimarka, li d-dħul mill-operat tal-infrastruttura ser jintuża b’mod partikolari sabiex jitħallas lura s-self meħud għall-ippjanar u għall-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. B’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostnu r-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-Kummissjoni ma ppreżumietx, iżda stabbilixxiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ dan il-każ, li l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa ma tistax tiġi separata mill-operat ekonomiku futur tagħha. Bl-istess mod, kif jirrikonoxxi r-Renju tad-Danimarka, l-operat ekonomiku tal-konnessjoni fissa għandu wkoll l-għan li jiffinanzja l-kostruzzjoni tagħha bl-għan li jintlaħaq bilanċ finanzjarju għall-proġett kollu. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-Kummissjoni dwar ir-rabta bejn, minn naħa, il-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata li, essenzjalment, id-dħul ta’ Femern li ġej mill-attivitajiet tat-toroq u dawk ferrovjarji huwa b’mod partikolari intiż sabiex jiffinanzja l-ispiża totali tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat tal-konnessjoni fissa u, min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni tal-premessa 323 tal-imsemmija deċiżjoni li tgħid li jekk kien possibbli li l-prezzijiet jiġu ffissati f’livell li jikkumpensa l-ispejjeż kollha tal-kostruzzjoni u tal-operat, ma kienx hemm defiċit ta’ finanzjament u ebda għajnuna mill-Istat ma hija neċessarja. Il-Kummissjoni wieġbet li, b’differenza mill-premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata, il-premessa 192 tikkonċerna l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni mnaqqsa mill-ammont tal-għajnuna, b’tali mod li ma jistax ikun hemm kontradizzjoni bejn dawn iż-żewġ premessi.

195    Għalhekk, peress li l-operat ekonomiku tal-konnessjoni fissa għandu l-għan li jħallas lura d-dejn sottoskritt għall-kostruzzjoni tagħha u sa fejn l-istess entità hija inkarigata mill-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ma jistax jiġi aċċettat li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa huma separati minħabba li d-dħul fis-servizz tal-konnessjoni fissa jseħħ biss meta titlesta l-kostruzzjoni tagħha.

196    Fil-każ kuntrarju, sa fejn Femern hija kemm responsabbli għall-kostruzzjoni kif ukoll għall-operat tal-konnessjoni fissa, jekk, kif isostni r-Renju tad-Danimarka, l-attività ta’ kostruzzjoni kienet ikkunsidrata bħala separabbli mill-operat u, għaldaqstant, mhux ekonomika, il-finanzjamenti preferenzjali miksuba għall-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, fl-istadju tal-operat tal-konnessjoni fissa, Femern tibbenefika mill-possibbiltà li topera infrastruttura ssussidjata, li jagħtiha vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 62, u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni, T‑108/16, EU:T:2018:145, punti 119 u 120). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 223 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, operatur ta’ infrastruttura huwa preżunt li jibbenefika minn vantaġġ ekonomiku meta l-ammont imħallas sabiex jiddisponi mid-dritt li jopera l-infrastruttura jkun inqas mill-ammont li kien ikollu jħallas sabiex jopera infrastruttura paragunabbli mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

197    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi li l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa kienet inseparabbli mill-operat ekonomiku futur tagħha. Għaldaqstant, hija ġustament qieset li Femern tikkostitwixxi impriża, u dan kemm għall-attività ta’ operat tal-konnessjoni fissa kif ukoll għall-attività ta’ kostruzzjoni tagħha.

198    Konsegwentement, l-argument tar-Renju tad-Danimarka, li Femern ma tistax titqies li hija f’kompetizzjoni ma’ impriżi li joperaw fis-suq tas-servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn fl-istadju tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa jew minħabba li ma hijiex intiża li tippenetra malajr l-imsemmi suq, għandu jiġi miċħud.

199    It-tielet, huwa minnu, kif isostni r-Renju tad-Danimarka, li, bħala tali, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma humiex illiberalizzati fis-sens li l-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tattribwixxi l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet esklużivament lil Femern.

200    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-attività ta’ operat tal-konnessjoni fissa ser tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi sabiex jiġi żgurat il-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn li huwa, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-Renju tad-Danimarka, suq liberalizzat li fih jopera diġà operatur privat. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 133 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni identifikat ukoll suq usa’, jiġifieri dak tas-servizzi ta’ trasport għal konnessjonijiet li jikkostitwixxu alternattiva għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn u li fuqhom joperaw ukoll operaturi tal-laneċ.

201    F’tali ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostni r-Renju tad-Danimarka, il-fatt li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa ma humiex illiberalizzati ma għandux l-effett li jeskludi l-klassifikazzjoni tal-imsemmija attivitajiet bħala attivitajiet ekonomiċi. Fil-każ kuntrarju, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-kompetizzjoni f’suq liberalizzat u miftuħ għall-kompetizzjoni, ikun biżżejjed li Stat Membru jagħti drittijiet esklużivi lil entità msejħa sabiex toffri servizzi fl-imsemmi suq.

202    Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attivitajiet ta’ Femern ma humiex illiberalizzati għandu jiġi miċħud.

203    Ir-raba’, fir-rigward tal-argument tar-Renju tad-Danimarka bbażat fuq il-punt 84 tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni (T‑747/17, EU:T:2019:271), li jgħid li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat huma separabbli, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi punt kien jikkonċerna problema differenti li kienet marbuta man-natura separabbli tal-attivitajiet ekonomiċi minn dawk marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. B’mod partikolari, f’dik il-kawża, sabiex tiċħad argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ddeterminatx l-attivitajiet prinċipali u anċillari tal-portijiet, il-Qorti Ġenerali kienet qieset, fil-punt 83 tal-imsemmija sentenza, li kellha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet u dawk relatati mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika billi ppreċiżat li ma jeżisti ebda limitu li taħtu l-attivitajiet ekonomiċi kollha jkunu attivitajiet mhux ekonomiċi, peress li l-attivitajiet ekonomiċi huma minoritarji. Sussegwentement, fil-punt 84 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali fakkret li huwa biss fil-każ li jiġi stabbilit li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet ikunu indissoċjabbli mill-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-attivitajiet kollha jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura mhux ekonomika, peress li l-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi jiffinanzjaw l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta indissoċjabbli bejn dawn l-attivitajiet.

204    Issa, kif jirriżulta mill-eżami mwettaq fil-punti 74 sa 106 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, tikkonstata b’mod validu li l-attivitajiet ta’ Femern, bħala tali, ma kinux jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li din l-entità ma kinitx ingħatat prerogattivi ta’ awtorità pubblika partikolari. Fi kwalunkwe każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 89 iktar ’il fuq, ir-Renju tad-Danimarka ma pproduċa ebda prova li turi li l-funzjonijiet ta’ awtorità tat-toroq u ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja żgurati minn Femern jew it-tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa, li huwa jallega li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, huma inseparabbli mill-kostruzzjoni u mill-operat tal-konnessjoni fissa. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-punt 84 tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni (T‑747/17, EU:T:2019:271), huwa irrilevanti sabiex jiġi stabbilit li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa huma separabbli.

205    Il-ħames, f’dak li jikkonċerna l-argument li, essenzjalment, ir-Renju tad-Danimarka jista’ jagħmel, sa meta tibda topera l-konnessjoni fissa, modifiki għall-modalitajiet tal-operat tagħha li jkollhom bħala effett li l-imsemmija attività ma tibqax ta’ natura ekonomika, billi, pereżempju, jirrendu mingħajr ħlas l-aċċess għall-infrastruttura għall-utenti kollha, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif indikat fil-punt 161 iktar’ il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta adottatha. Konsegwentement, ix-xenarji ipotetiċi invokati mir-Renju tad-Danimarka ma jistgħux ikunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

206    Is-sitt, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kunċett ta’ “impriża” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv minħabba li l-konstatazzjoni li l-attivitajiet ta’ Femern huma ta’ natura ekonomika tkun ta’ detriment għaliha peress li tkun suġġetta li tħallas interessi għall-perijodu ta’ illegalità fis-sens tal-punt 52 tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79), dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, kif iddefinit fit-Trattat FUE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u l‑Kummissjoni, C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 25, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Fortischem vs Il-Kummissjoni, T‑121/15, EU:T:2019:684, punt 62). Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “attività ekonomika” ma jistax ikun suġġett għal interpretazzjoni restrittiva minħabba li impriża tkun obbligata tħallas interessi għall-perijodu ta’ illegalità minħabba n-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligu, previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, li ma timplimentax miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni finali dwar din il-miżura.

207    Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kunċett ta’ “impriża” għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva bħalma huwa previst fil-leġiżlazzjoni Daniża dwar il-prattiki kummerċjali. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux ikunu determinanti sabiex tiġi evalwata n-natura ekonomika ta’ attività fid-dawl ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, T‑128/98, EU:T:2000:290, punt 128, u tat‑3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il‑Kummissjoni, T‑114/02, EU:T:2003:100, punt 114).

208    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

5.      Fuq irraba’ parti talewwel motiv, ibbażata fuq ilkonstatazzjoni allegatament żbaljata li lfinanzjamenti mogħtija lil Femern joħolqu distorsjoni talkompetizzjoni u jaffettwaw ilkummerċ bejn lIstati Membri fissens talArtikolu 107(1) TFUE

209    Ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-fatt li l-konnessjoni fissa ser tfixkel ir-rotot tal-ivvjaġġar billi tnaqqas il-ħin u d-distanzi tal-vjaġġi fuq in-netwerks kollha tat-toroq u ferrovjarji Daniżi, Skandinavi u tal-Ġermanja tat-Tramuntana ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi affermat li l-finanzjamenti mogħtija lil Femern joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

210    Skont ir-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni kellha twettaq evalwazzjoni konkreta sabiex tkun taf jekk teżistix relazzjoni reali ta’ kompetizzjoni bejn l-infrastruttura pubblika tat-trasport u l-konnessjonijiet alternattivi. B’mod partikolari, ir-Renju tad-Danimarka jikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Femern ma tinsabx f’kompetizzjoni mal-operaturi tal-laneċ.

211    Barra minn hekk, skont ir-Renju tad-Danimarka, sabiex jiġi evalwat jekk il-finanzjamenti mogħtija lil Femern joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma huwiex rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konnessjoni fissa ser taqbad parti mit-traffiku ta’ konnessjoni pubblika oħra, jiġifieri l-pont tal-Grand Belt li jagħmel parti mill-istess struttura legali bħal Femern.

212    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

213    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 65, u tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 91).

214    Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jitfakkar li l-għajnuna li tkun intiża li teħles lil impriża minn spejjeż li normalment kien ikollha ġġarrab fil-kuntest tal-ġestjoni kwotidjana tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha twassal, bħala prinċipju, għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenzi tat‑30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 54, u tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 96).

215    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Femern hija impriża attiva fis-suq tas-servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, b’tali mod li l-vantaġġ selettiv li hija tibbenefika minnu jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla ma’ impriżi oħra attivi f’dan is-suq, b’mod partikolari l-operatur tal-laneċ u l-operaturi tal-portijiet.

216    Għalhekk, il-finanzjament mogħti lil Femern b’kundizzjonijiet preferenzjali għandu l-effett li jnaqqas l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa u jippermetti l-operat mingħajr korrispettiv ta’ infrastruttura ssussidjata. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija entità hija b’hekk meħlusa mill-ispejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li l-finanzjamenti inkwistjoni mogħtija lil Femern jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

217    Fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, l-effett ħażin fuq il-kummerċ imsemmi ma jistax ikun purament ipotetiku jew preżunt. B’hekk, għandha tiġi ddeterminata r-raġuni għalfejn il-miżura inkwistjoni tista’ taffettwa, permezz tal-effetti prevedibbli tagħha, il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 30, u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 90). B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti impriżi meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna (sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 66, u tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 92).

218    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonstatat li l-vantaġġ selettiv mogħti lil Femern isaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq tas-servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn bejn Rødby u Puttgarden meta mqabbel mal-impriżi li diġà joperaw f’dan is-suq għal din il-konnessjoni bejn id-Danimarka u l-Ġermanja, b’mod partikolari meta mqabbla mal-operatur tal-laneċ li joffru servizzi ta’ trasport f’dan is-suq. Għaldaqstant, hija setgħet validament tqis li l-finanzjamenti mogħtija lil Femern jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, iktar u iktar peress li l-issodisfar ta’ din il-kundizzjoni ma jistax jiddependi fuq in-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 69, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Azienda Napoletana Mobilità, C‑659/17, EU:C:2019:633, punt 31).

219    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li l-finanzjamenti mogħtija lil Femern joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

220    Fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, Femern ma hijiex f’kompetizzjoni ma’ operaturi tal-laneċ, dan diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv (ara punti 129 sa 132 iktar ’il fuq).

221    Fl-aħħar, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-konnessjoni fissa hija f’kompetizzjoni ma’ infrastrutturi oħra li jippermettu li jaqsmu l-Baħar Baltiku tal-Punent minħabba li huma amministrati minn impriżi pubbliċi. Sa fejn jikkostitwixxi argument awtonomu, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, kien biżżejjed li l-Kummissjoni tikkonstata li, fis-suq tas-servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, inkwistjoni f’dan il-każ, il-finanzjamenti mogħtija lil Femern b’kundizzjonijiet preferenzjali setgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, kif għamlet fil-premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija kkonstatat li l-imsemmija finanzjamenti kienu joffru lil Femern vantaġġ selettiv li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla mal-impriżi preżenti fis-suq inkwistjoni, jiġifieri dak tas-servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn.

222    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

223    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-rikors jiġi miċħud.

III. Fuq lispejjeż

224    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tad-Danimarka tilef, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

225    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Spielmann

Öberg

Mastroianni

Brkan

 

      Gâlea

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Frar 2024.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

A. Il-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn

B. Fatti li seħħew qabel it-tilwima

C. Proċedura amministrattiva

D. Iddeċiżjoni kkontestata

E. Ittalbiet talpartijiet

II. Iddritt

A. Fuq lammissibbiltà

B. Fuq ilmertu

1. Fuq lewwel parti talewwel motiv, dwar lassenza ta’ rabta talattivitajiet ta’ Femern mależerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika

a) Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq allegata interpretazzjoni wisq restrittiva talkunċett ta’ “attività li taqa’ taħt lawtorità pubblika jew li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika”

b) Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq innuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni disponibbli li tippermetti li ċerti attivitajiet ta’ Femern jintrabtu mależerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika

1) Fuq lewwel ilment sekondarju, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li, bħala tali, lattivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat talkonnessjoni fissa ma jaqgħux taħt leżerċizzju talawtorità pubblika

2) Fuq ittieni lment sekondarju, ibbażat fuq lallegazzjoni li lKummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li Femern ma rċeviet ebda prerogattiva ta’ awtorità pubblika partikolari

c) Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni b’mod żbaljat ħadet inkunsiderazzjoni leżistenza ta’ servizzi sostitwibbli għall-konnessjoni fissa

2. Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq ilkonstatazzjoni allegatament żbaljata li Femern toffri servizzi ta’ trasport f’suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra

3. Fuq ittielet parti talewwel motiv, ibbażata fuq ilkonstatazzjoni allegatament żbaljata li Femern hija operatur li ssegwi loġika kummerċjali

4. Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li lattivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat talkonnessjoni fissa huma inseparabbli

a) Fuq ilmotivazzjoni taddeċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda nnatura inseparabbli talattivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat talkonnessjoni fissa

b) Fuq ilfondatezza taddeċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda nnatura inseparabbli talattivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat talkonnessjoni fissa

5. Fuq irraba’ parti talewwel motiv, ibbażata fuq ilkonstatazzjoni allegatament żbaljata li lfinanzjamenti mogħtija lil Femern joħolqu distorsjoni talkompetizzjoni u jaffettwaw ilkummerċ bejn lIstati Membri fissens talArtikolu 107(1) TFUE

III. Fuq lispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.