Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fis17 ta’ Ottubru 2023 – ZH u KN vs AxFina Hungary Zrt.

(Kawża C-630/23, AxFina Hungary)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ZH, KN

Konvenut: AxFina Hungary Zrt.

Domandi preliminari

Huwa korrett li l-espressjoni “il-kuntratt […] kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”, li tinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13’),  tiġi interpretata fis-sens li kuntratt konkluż ma’ konsumaturi u ddenominat f’munita barranija jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, li timponi fuq il-konsumatur b’mod illimitat ir-riskju tal-kambju, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt tal-Istat Membru jirregola permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi mandatorji l-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-muniti?1

Hija kompatibbli mal-Artikolu 1(2), mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, prattika ġudizzjarja ta’ Stat Membru (ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru mogħtija fid-dawl tad-Direttiva u li tosserva l-prinċipji ta’ interpretazzjoni stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) li abbażi tagħha, fid-dawl tal-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu,

għandu jiġi ordnat ir-rimbors lill-konsumatur (jew il-likwidazzjoni favur il-konsumatur) tas-somom miġbura mill-persuna li ssellef skont klawżola ddikjarata inġusta, mhux billi dan ir-rimbors jiġi previst fil-kuntest ta’ restitutio in integrum – peress li d-dispożizzjonijiet speċjali tad-dritt nazzjonali jeskludu l-eventwali konsegwenza legali tal-invalidità – jew billi jiġu applikati b’mod awtonomu r-regoli tal-arrikkiment indebitu – peress li tali konsegwenza legali ma hijiex prevista mid-dritt nazzjonali fil-każ ta’ invalidità tal-kuntratt –, iżda billi l-konsumatur jinħeles mill-effetti li huma partikolarment dannużi għalih u billi jiġi stabbilit mill-ġdid, fl-istess ħin, il-bilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet kontraenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-konsegwenza legali prinċipali tan-nullità fid-dritt nazzjonali, jiġifieri d-dikjarazzjoni ta’ validità tal-kuntratt, u dan, b’tali mod li l-klawżoli inġusti ma jinvolvu ebda obbligu għall-konsumatur, filwaqt li l-elementi l-oħra (mhux inġusti) tal-kuntratt (inklużi l-interessi kuntrattwali u l-ispejjeż l-oħra) jkomplu jorbtu lill-partijiet taħt kundizzjonijiet mhux mibdula?

fil-każ li dikjarazzjoni ta’ validità ma tkunx possibbli, tislet mill-invalidità tal-kuntratt konsegwenza legali li tikkonsisti f’li jiġi ddikjarat li dan ser jipproduċi effett, għall-finijiet tal-clearance tal-kontijiet, sal-għoti ta’ sentenza u f’li jsir clearance tal-kontijiet bejn il-partijiet billi jiġu applikati l-prinċipji li jirregolaw l-arrikkiment indebitu?

Fid-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali tal-invalidità ta’ kuntratt għar-raġunijiet deskritti iktar ’il fuq, tista’ titħalla mhux applikata d-dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Istat Membru – li daħlet fis-seħħ sussegwentement – li tipprevedi l-konverżjoni f’forint Ungeriż (HUF) għall-futur, għar-raġuni li din, minħabba l-iffissar tar-rata tal-kambju li tirriżulta mill-konverżjoni, tattribwixxi riskju tal-kambju ta’ ċertu livell lill-konsumatur li, minħabba n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali, għandu jiġi eżentat kompletament mir-riskju ta’ kambju?

Fil-każ li l-konsegwenzi legali tal-invalidità ma jistgħu jikkonsistu , fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, la f’dikjarazzjoni ta’ validità u lanqas f’dikjarazzjoni skont liema l-kuntratt jipproduċi effett, liema konsegwenzi legali jistgħu jiġu misluta u fuq liema bażi teoretika – billi tiġi segwita interpretazzjoni contra legem, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tirregola l-konsegwenzi legali u bbażata biss fuq id-dritt tal-Unjoni –, fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva 93/13 ma tirregolax il-kwistjoni tal-konsegwenzi legali tal-invalidità?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.