Language of document : ECLI:EU:C:2005:156

SENTENZA TAL-QORTI (il-Ħames Awla)

10 ta' Marzu 2005 (*)

"Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen – Prinċipju ta' non bis in idem –  Applikabbiltà – Deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat membru li jirrinunzjaw għal prosekuzzjoni kriminali kontra persuna minħbba l-ftuħ ta' proċedura analoga fi Stat Membru ieħor"

Fil-kawża C-469/03

li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 35 UE,  imressaq mit-Tribunale di Bologna (l-Italja) bid-deċiżjoni tat-22 ta' Settembru 2003, li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Novembru 2003, fil-proċedura kriminali kontra

Filomeno Mario Miraglia,

IL-QORTI (il-Ħames Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur) u P. Kūris, Imħallfin

Avukat Ġenerali: A . Tizzano,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

rat il-proċedura bil-mitkub wara l-udjenza tal-15 ta' Diċembru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:     

·għal F.M. Miraglia, minn N. Trifirò, avukatessa,

·għal Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avukat ta' l-Istat,

·għal Gvern Grieg, minn M. Apessos u I. Bakopoulos kif ukoll minn M. Tassopoulou, bħala aġenti,

·għal Gvern Spanjol, minn M. Muños Pérez, fil-kwalità ta' aġent,

·għal Gvern Franċiż, minn R. Abraham u G. de Bergues kif ukoll minn C. Isidoro, bħala aġenti,

·għal Gvern Olandż, minn H. G. Sevenster u J. van Bakel, bħala aġenti,

·għal Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

·għal Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. de March u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lil Avukat Ġenerali, li taqta' l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni (ĠU 2000, L 239, p. 19, iktar 'il quddiem il-"KIFS") iffirmat fid-19 ta' Ġunju 1990 f'Schengen (il-Lussemburgu).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura kriminali kontra F.M. Miraglia, li kien akkużat li organizza, flimkien ma' persuni oħra, it-trasport f'Bologna ta' sustanzi stupefaċenti tat-tip eroina.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta' Implementazzjoni tal-Ftehim ta' Schengen

3       Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-kuntest ta' l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea mit-Trattat ta' Amsterdam (iktar 'il quddiem il-"Protokoll"), tlettax il-Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta' l-Olanda, huma awtorizzati jimplementaw bejniethom kooperazzjoni msaħħa f'oqsma ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen, kif iddefinit fl-Anness ta' dan il-Protokoll..

4       Huma parti mill-acquis ta' Schenen kif iddefinit, b'mod partikolari, il-ftehim bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni, iffirmat f'Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13, iktar 'il quddiem il-"ftehim ta' Schengen"), kif ukoll il-KIFS.

5       Bis-saħħa ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' Amsterdam, l-acquis ta' Schengen huwa applikabbli mall-ewwel għat-tlettax il-Stat Membru li msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Protokoll.

6       Fl-applikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 1999/436/KE, fl-20 ta' Mejju 1999, li jiddetermina, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, p. 17).  Mill-Artikolu 2 ta' dik id-Deċiżjoni, jirriżulta li flimkien ma' l-Anness A, il-Kunsill stabbilixxa l-Artikoli 34 TEU u 31 TEU li jagħmlu parti mit-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, intitolat "Dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-oqsma tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni" bħala bażi ġuridika ta' l-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS.

7       L-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS jaqgħu taħt il-Kapitolu 3, intitolat "Applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem" tat-titlu III tiegħu, ukoll intitolat "Pulizija u Sigurtà".  Skond l-Artikolu 54:

"Persuna li ġiet ġudikata b'mod definit minn Parti Kontraenti ma tistax, għall-istess fatti, tiġi proċessata minn Parti Kontraenti oħra, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta' kundanna, il-piena tkun diġa eżegwita jew qed tiġi eżegwita, jew ma tistax tiġi eżegwita skond il-liġi tal-Parti Kontraenti li tagħti s-sentenza".

 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar Kooperazzjoni Ġudizzjarja f' Materji Kriminali;

8       L-Artikolu 2(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Kooperazzjoni Ġudizzjarja f'Materji Kriminali, iffirmata fi Strasburgu fl-20 ta' April 1959 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni Ewropea dwar Kooperazzjoni Ġudizzjarja"), tgħid:

"L-għajnuna ġudizzjarja tista' tiġi rrifjutata:

[...]

b.      jekk il-Parti mitluba tikkunsidra li l-eżekuzzjoni tat-talba tista' tippreġudika s-sovranità, is-sigurezza, l-ordni pubblika jew interessi essenzjali oħra tal-pajjiż tiegħu."

9       Ir-Renju ta' l-Olanda fformula r-riżerva segwenti relatata ma' l-Artikolu 2(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar kooperazzjoni ġudizzjarja.

"Il-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda jirriżerva l-fakultà li ma jikkooperax meta jirċievi talba għal kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

b.      fil-kaz fejn din hija relatata ma' prosekuzzjoni jew proċedura inkompatibbli mal-prinċipju "non bis in idem";

c.      fil-każ fejn din hija relata ma' inkjesta dwar fatti li dwarhom l-akkużat jinsab mressaq fl-Olanda."

 Il-liġi Olandiża

10     Skond l-Artikolu 36 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali Olandiża:

"1.       Jekk il-proċedura kriminali ma titkompliex, il-Qorti li quddiemha l-kawża tkun tressqet l-aħħar tista' tiddikjara, fuq it-talba ta' l-akkużat, li l-kawża hija magħluqa.

2.       Il-Qorti tista' tirriżerva d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba kull darba għal żmien iddeterminat jekk l-uffiċċju tal-prosekutur jressaq elementi li jistgħu jwasslu għall-konkluzjoni li l-prosekuzzjoni ser terġa' sseħħ.

3.      Qabel ma  l-Qorti tiddeċiedi, hija ssejjaħ il-persuni direttament interessati li hija taf bihom sabiex tisma' dwar it-talba ta' l-akkużat.

4.      Id-digriet jiġi nnotifikat mingħajr dewmien lill-akkużat."

11     L-Artikolu 225 ta' l-istess Kodiċi jgħid:

"1. Wara li jkun ibbenefika mill-fatt li ma ssirlux akkuża, wara li d-digriet li jiddikjara li l-kawża hija magħluqa jkun ġie nnotifikat lill-akkużat, jew wara li huwa jkun ġie nnotifikat bin-nuqqas ta' akkużi oħra, bla ħsara f'dan l-aħħar każ għall-Artikoli 12i jew 246, l-akkużat ma jistax jerġa' jitressaq għall-istess fatt, sakemm ma jkunux tressqu akkużi ġodda.

2. Jistgħu jiġu kkunsidrati biss li jikkostitwixxu akkużi ġodda dawk id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda jew ta' l-akkuzat kif ukoll dokumenti, atti jew proċessi verbali li jkunu magħrufin sussegwentement jew li ma jkunux ġew eżaminati.

3. F'dak il-każ, l-akkużat ma jistax jiġi mħarrek quddiem il-Rechtbank, ħlief mal-ħruġ ta' istruttorja preparatorja miftuħa fir-rigward ta' dawn l-akkużi ġodda [...]

12     Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja f'materja kriminali, l-Artikolu 552-1 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali Olandiż jiddisponi:

13     "1. It-talba ma tintlaqax:

[...]

b. sa fejn bil-fatt li tintlaqa' tkun qed tingħata kollaborazzjoni għal prosekuzzjonijiet jew għal deċizjoni ta' kawza li huma inkompatibbli mal-prinċipju li jinsab fl-Artikoli 68 tal-Kodiċi Kriminali u l-Artikolu 255(1) ta' dan il-Kodiċi;

c. sa fejn din tkun saret għall-finijiet ta' inkjesta li tikkonċerna fatti li għalihom l-akkużat qed jiġi pproċessat fil-Pajjiżi Baxxi [...]"

 Il-kawża prinċipali u t-talba preliminari

14     Fil-kuntest ta' inkjesta li saret bil-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Taljani u Olandiżi, F.M. Miraglia ġie arrestat fl-Italja fl-1 ta' Frar 2001, bis-saħħa ta' mandat ta' arrest maħruġ mill-maġistrat ta' l-inkjesta preliminari tat-Tribunale di Bologna.

15     F.M. Miraglia ġie akkużat li organizza, flimkien ma persuni oħra, it-trasport, mill-Olanda lejn Bologna, ta' 20.16 kg ta' prodotti stupefaċenti tat-tip eroina, reat previst u punibbli mill-Artikolu 110 tal-Kodiċi Kriminali Taljan u mill-Artikolu 80 tad-Digriet Nru 309/90 tal-President tar-Repubblika.

16     Fit-22 ta' Jannar 2002, il-maġistrat li kien qed imexxi l-inkjesta fit-Tribunale di Bologna ddeċieda li F.M. Miraglia għandu jiġi pproċessat għal dan ir-reat u ddeċieda li jbiddel l-arrest f'detenzjoni fir-residenza tiegħu.  Il-Tribunale di Bologna sussegwentement biddel id-detenzjoni fir-residenza tiegħu għal obbligu li jgħix f'Mondragone (l-Italja), u fl-aħħar irrevoka l-miżuri ta' arrest preventiv kollha, b'mod li l-akkużat attwalment jinsab ħieles fil-moviment tiegħu.

17     Parallelament, u għall-istess fatti  kriminali, proċedura kriminali nfetħet kontra F.M. Miraglia quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Olandiżi talli huwa ttrasporta mill-Olanda lejn l-Italja madwar 30 kilogramma eroina.

18     Fl-akkuża prinċipali, F.M. Miraglia ġie arrestat mill-awtoritajiet Olandiżi fit-18 ta' Diċembru 2000 u nħeles fit-28 ta' Diċembru 2000.  Fis-17 ta' Jannar 2001, il-Gerechtshof te Amsterdam (Olanda) ċaħad l-appell magħmul mill-uffiċċju tal-prosekutur kontra d-digriet tar-Rechtbank te Amsterdam (Olanda) li bih ċaħad it-talba li huwa jibqa' taħt arrest.

19     Il-proċedura kriminali fir-rigward ta' l-akkużat ingħalqet fit-13 ta' Frar 2001, mingħajr ma ġie kkundannat għal piena jew sanzjoni oħra.  Fil-kuntest ta' dik il-proċedura, il-Prosekutur tar-Repubblika Olandiza ma fetaħx prosekuzzjoni kriminali kontra l-akkużat.  Mill-inkartament jirriżulta li dik id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li prosekuzzjoni kriminali kienet saret fl-Italja dwar l-istess fatti.

20     B'digriet tad-9 ta' Novembru 2001, ir-Rechtbank te Amsterdam ikkumpensa l-akkużat għad-dannu li sofra minħabba ż-żmien li dam arrestat, kif ukoll l-ispejjeż ta' l-avukati.

21     B'ittra tas-7 ta' Novembru 2002, il-Prosekutur tar-Rechtbank te Amsterdam ċaħad it-talba għal kooperazzjoni ġudizzjarja mingħand il-Prosekutur tat-Tribunale di Bologna, abbażi tar-riżerva fformulata mir-Renju ta' l-Olanda li tikkonċerna l-Artikolu 2(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Kooperazzjoni Ġudizzjarja, minħabba li sadanittant ir-Rechtbank kienet "għalqet il-kawża mingħajr ma tat ebda piena".

22     Fl-10 ta' April 2003, l-uffiċċju tal-prosekutur Taljan ressaq talba quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Olandiżi għal informazzjoni dwar l-eżitu tal-proċedura kriminali kontra F.M. Miraglia u dwar ir-regolamentazzjoni ta' dik il-proċedura sabiex jevalwa r-rilevanza tagħha fir-rigward ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS.

23     B'nota tat-18 ta' April 2003, il-Prosekutur Olandiż informa l-kollega tiegħu Taljan bis-sospensjoni tal-prosekuzzjoni kriminali kontra F.M. Miraglia, mingħajr madankollu ma ta indikazzjonijiet ġuridiċi li huma kkunsidrati bizzejjed mill-qorti Taljana dwar il-miżuri adottati u l-kontenut tagħhom.  Il-Prosekutur Olandiż qal li din kienet "deċiżjoni finali tal-Qorti" li tipprojbixxi, skond l-Artikolu 255 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Olandiża, li persuna titressaq għall-istess fatti kriminali u kull kooperazzjoni ġudizzjarja ma' awtoritajiet barranin, sakemm ma jkunx hemm provi ġodda kontra F.M. M. Miraglia.  L-awtoritajiet ġudizzjarji Olandiżi qalu wkoll li l-Artikolu 54 tal-KIFS ma jawtorizzax it-talba ta' kooperazzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-Istat Taljan.

24     Skond il-qorti ta' rinviju, l-awtoritajiet Olandiżi ddeċiedew li ma jipproċedux kontra F.M. Miraglia minħabba li proċedura kriminali kienet infetħet, sadanittant, fl-Italja fir-rigward tal-prosekuzzjoni għall-istess fatti kriminali.  Din l-evalwazzjoni tispjega ruħha minn applikazzjoni "preventiva" tal-prinċipju ta' non bis in idem.

25     Madankollu, skond it-Tribunale di Bologna, dik l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS hija żbaljata, minħabba li hija tiċħad liż-żewġ Stati konċernati kull possibiltà konkreta li tagħmel mod li r-responsabbiltajiet ta' l-akkużat jiġu effettivament eżaminati.

26     Fil-fatt, l-Artikolu 54 tal-KIFS, kif interpretat, jipprojbixxi fl-istess ħin lill-awtoritajiet Olandiżi li jipproċessaw lil F.M. Miraglia quddiem Qorti Kriminali minħabba li dik il-proċedura qed issir fl-Italja dwar l-istess fatti, kif ukoll li l-awtoritajiet Taljani jevalwaw jekk il-konvenut kienx ħati.

27     Il-qorti ta' rinviju tgħid ukoll li anki fl-ipoteżi fejn hija ma ssibx, differentement mill-awtoritajiet Olandiżi, sitwazzjoni li fija huwa applikabbli l-prinċipju ta' non  bis in idem u tiddeċiedi li tkompli l-proċedura, hija jkollha tevalwa r-responsabbiltà ta' F.M. Miraglia mingħajr il-kontribuzzjoni importanti li l-elementi ta' prova li kienet tirċievi mill-awtoritajiet Olandiżi kienu jirrappreżentaw u mingħajr il-kooperazzjoni ġurdizzjarja tagħhom.

28     Kienu dawn iċ-ċirkustanzi li fihom it-Tribunale di Bologna ddeċidiet li tissospendi l-kawża u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Għandu jiġi applikat l-Artikolu 54 tal-(KIFS) jekk id-deċizjoni ġudizzjarja adottata mill-ewwel Stat tikkonsisti f'rinunzja għall-prosekuzzjoni kriminali mingħajr ebda deċiżjoni dwar il-mertu tal-każ u biss fuq il-bażi li proċeduri oħra kienu nfetħu fi Stat ieħor?"

 Dwar it-talba preliminari

29     Bid-domanda tagħha, il-qorti ta' rinviju titlob, fis-sustanza, jekk il-prinċipju non bis in idem, li jinsab fl-Artikolu 54 tal-KIFS, jistax jiġi applikat għal deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat membru li jiddikjara li kawża hija magħluqa, wara li l-uffiċċju tal-prosekutur ikun iddeċieda li ma jkomplix il-prosekuzzjoni kriminali għar-raġuni biss li prosekuzzjoni kriminali kienet diġa nfetħet minn Stat membru ieħor fir-rigward ta' l-istess akkużat u dwar l-istess fatti, u fin-nuqqas ta' kull evalwazzjoni dwar il-mertu tal-każ.

30     Mill-istess kliem ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS jirriżulta li ebda persuna ma tista' tiġi akkużata minn Stat membru għall-istess fatti li hija dwarhom kienet diġa ġiet "iġġudikata b'mod definittiv" minn Stat membru ieħor.

31     Madankollu, deċiżjoni ġudizzjarja, bħal ma hija dik tal-kawża prinċipali, li ġiet mogħtija wara li l-uffiċċju tal-prosekutur kien iddeċieda li ma jkomplix il-prosekuzzjoni kriminali għar-raġuni biss li l-prosekuzzjoni kriminali kienet infetħet minn Stat Membru ieħor kontra l-istess akkużat u dwar l-istess fatti mingħajr ebda evalwazzjoni dwar il-mertu tal-każ, ma għandhiex tikkostitwixxi deċiżjoni li tiġġudika b'mod definittiv dik il-persuna skond l-Artikolu 54 tal-KIFS.

32     Dik l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54 hija neċessarja aktar minħabba li hija l-unika li tagħti preċedenza lis-suġġett u l-għan ta' dik id-dispożizzjoni fuq aspetti tal-proċedura, jew affarijiet purament formali skond l-Istati Membri kkonċernati u li tiggarantixxi applikazzjoni effikaċji ta' dak il-prinċipju.

33     Fil-fatt, huwa stabbilit li l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu bħala oġġett li jevita li persuna, minħabba l-fatt li teżerċita d-dritt ta' moviment ħieles, ma tiġix iproċessata dwar l-istess fatti fit-territorju ta' bosta Stati membri (sentenza tal-11 ta' Frar 2003, Gözütok u Brügge, C/187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345, punt 38).

34     Madankollu, l-applikazzjoni ta' dak l-Artikolu għal deċizjoni ta' għeluq ta' prosekuzzjoni kriminali, bħal ma hija l-kawża prinċipali, kellha bħala effett li tirrendi aktar diffiċli, jew li tostakola kull possibbiltà konkreta li tipprojbixxi fl-Istati Membri konċernati l-imġiba illeċita li tagħha huwa akkużat il-konvenut,

35     Min-naħa, dik id-deċiżjoni ta' għeluq tal-prosekuzzjoni kellha tiġi adottata mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru fin-nuqqas ta' kull evalwazzjoni dwar l-imġiba illeċita li dwarha kien akkużat il-konvenut.  Min-naħa l-oħra, il-ftuħ ta' proċedura kriminali fi Stat Membru ieħor għall-istess fatti jkun kompromess jekk proprju d-differiment ta' din il-prosekuzzjoni kienet tiġġustifika r-rinunzja għall-proċeduri kriminali mill-uffiċċju tal-prosekutur ta' l-ewwel Stat.  Konsegwenza bħal din tmur manifestament kontra l-istess finalità tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bħal ma nsibu fir-raba' linja ta' l-Artikolu 2(1), jiġifieri "li jżomm u jiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiħom il-moviment ħieles tal-persuni huwa assigurat flimkien ma' miżuri xierqa fir-rigward ta' [...] tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontra dan il-fenomenu".

36     Konsegwentement, għandha tingħata risposta għad-domanda mressqa li l-prinċipju non bis in idem, kif jinsab fl-Artikolu 54 tal-KIFS, ma jistax jiġi applikat għal deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru li jiddikjaraw li kawża hija magħluqa, wara li l-uffiċċju tal-prosekutur ikun iddeċieda li ma jkomplix il-prosekuzzjoni għar-raġuni biss li prosekuzzjoni kriminali kienet infetħet fi Stat Membru ieħor kontra l-istess akkużat u dwar l-istess fatti, u dan fin-nuqqas ta' kull evalwazzjoni dwar il-mertu tal-każ.

 Dwar l-ispejjeż


Minħabba li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali, hija din ta' l-aħħar li ħandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.  L-ispejjeż sostnuti għall-preżentazzjoni ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief għal dawk tal-partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Il-prinċipju non bis in idem, li jinsab fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta' l-Implementazzjoni tal-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni, iffirmata fid-19 ta' Ġunju 1990 f'Schengen, ma tistax tiġi applikata għal deċizjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru li jiddikjaraw li kawża hija magħluqa, wara li l-uffiċċju tal-prosekutur ikun iddeċieda li ma jkomplix il-prosekuzzjoni għar-raġuni biss li prosekuzzjoni kriminali nfetħet minn Stat Membru ieħor kontra l-istess akkużat u dwar l-istess fatti u fin-nuqqas ta' kull evalwazzjoni dwar il-mertu tal-każ.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.