Language of document : ECLI:EU:F:2013:159

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

23 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑80/11

Joaquim Paulo Gomes Moreira

vs

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat — Ksur tar-rabta ta’ fiduċja — Nuqqas dixxiplinari”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu J. Gomes Moreira jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità Awtorizzata li Tikkonkludi Kuntratti ta’ Impjieg (iktar ’il quddiem l-“AATK”) taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) tal-11 ta’ Ottubru 2010, li tirrexxindi b’mod antiċipat il-kuntratt tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2010, permezz ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg antiċipat tal-kuntratt ta’ xahrejn li matulu huwa ġie sospiż mill-funzjonijiet tiegħu, u għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 300 000 bħala kumpens għad-dannu materjali u morali subit.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2010 hija annullata sa fejn din issospendiet lir-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Rexissjoni b’avviż tat-temm ta’ impjieg u sospensjoni mill-funzjonijiet simultanjament — Obbligu li tinbeda proċedura dixxiplinari

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikoli 47 u 49(1))

2.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Dmir ta’ lealtà — Portata — Konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 11, 12, 12c u 17(a))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

1.      L-Awtorità Awtorizzata li Tikkonkludi Kuntratti ta’ impjieg ma tistax validament tirrexxindi unilateralment kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, permezz ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg skont l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, u billi tapplika fl-istess ħin għall-membru tal-persunal ikkonċernat is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, mingħajr minbarra hekk ma tkun fetħet proċedura dixxiplinari kontra l-imsemmi membru tal-persunal fuq bażi ta’ żball gravi.

(ara l-punt 50)

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11, 12, 12c u 17a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu espressjonijiet speċifiċi tal-obbligu fundamentali ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni tal-uffiċjal fil-konfront tal-Unjoni u tas-superjuri tiegħu. Dawn huma ġġustifikati mill-inkarigi ta’ interess ġenerali li hija responsabbli għalihom l-Unjoni u mit-twettiq tajjeb tagħhom li ċ-ċittadini u l-Istati Membri jkunu jistgħu jistrieħu fuqhom. Tali obbligi huma intiżi prinċipalment biex tinżamm ir-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-Unjoni u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħha.

Uffiċjal ma jistax, permezz ta’ espressjoni verbali jew miktuba jew permezz ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ natura oħra, jikser dawn l-obbligi statutorji fil-konfront tal-Unjoni li huwa għandu jservi, billi b’hekk jikser ir-relazzjoni ta’ fiduċja li torbtu magħha u billi jirrendi sussegwentement iktar diffiċli, saħansitra impossibbli, it-twettiq, b’kollaborazzjoni magħha, tal-inkarigi mogħtija lill-Unjoni. F’dan il-każ, l-Unjoni tkun prekluża milli ssegwi l-interessi tagħha, peress li l-interessi tad-dipartimenti huma konsegwentement ukoll milquta.

Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu, minbarra obbligi konkreti li jirriżultaw mill-kuntest tat-twettiq tal-inkarigi speċifiċi mogħtija lill-uffiċjal, obbligu ġenerali ta’ lealtà tal-uffiċjal. Ir-rispett dovut mill-uffiċjal għad-dinjità tal-funzjoni tiegħu ma hijiex limitata għal mument partikolari li matulu huwa jeżerċita tali inkarigu speċifiku, iżda huwa impost fi kwalunkwe ċirkustanza.

Dawn l-obbligi huma imposti b’mod ġenerali u oġġettivi. Il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi la hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-uffiċjal ikkonċernat ikun ikkawża dannu lill-Unjoni u lanqas għall-eżistenza ta’ lment ta’ persuna jew ta’ Stat Membru li jqis li ġie leż mill-attitudni tal-uffiċjal.

(ara l-punti 61 sa 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, punti 44, 46 u 47

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Lulju 2001, E vs Il-Kummissjoni, T-24/98 u T‑241/99, punt 76; 9 ta’ Lulju 2002, Zavvos vs Il-Kummissjoni, T-21/01, punti 37 sa 40

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Novembru 2007, Andreasen vs Il‑Kummissjoni, F-40/05, punt 233 u l-ġurisprudenza ċċitata; 17 ta’ Lulju 2012, BG vs L-Ombudsman, F-54/11, punt 128

3.      Meta kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien determinat jiġi rexiss b’mod antiċipat għaliex il-membru tal-persunal ikkonċernat ikun wettaq nuqqas wieħed jew iktar tal-obbligi professjonali tiegħu li jipprovokaw ksur tar-rabta ta’ fiduċja bejnha u l-membru tal-persunal, u meta jkun eskluż li din ir-rabta tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid, l-awtorità kompetenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-interess tad-dipartiment. Madankollu, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx mal-limiti raġonevoli permessi u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

L-awtorità kompetenti hija marbuta, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Fil-fatt, dan jirriżulta mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha.

(ara l-punti 67 sa 69)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T-223/99, punt 53