Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Mejju 2008 - Cattin u Cattin vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-194/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: R. Cattin & Cie (Bimbo, Ir-Repubblika Afrikana Ċentrali) u Yves Cattin (Cadiz, Spanja) (rappreżentant: B. Wägenbaur, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 18 946 139 għad-dannu materjali subit;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 100 000 għad-dannu morali subit;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent s-somma ta' EUR 150 000 għad-dannu morali subit;

iżżid dawn l-ammonti bl-imgħaxijiet moratorji attwali li jibdew jiddekorru b'effett mid-data li fiha tingħata din is-sentenza sa meta l-ħlas effettiv isir, b'rata annwali bħal dik iffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid, inkrementat b'żewġ punti, suġġett għall-kundizzjoni li ma tinqabiżx ir-rata ta' 6 %;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża, kemm fir-rigward tar-rikorrenti kif ukoll fir-rigward tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-kumpannija rikorrenti, li tispeċjalizza fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fl-esportazzjoni tal-kafé fir-Republika Afrikana Ċentrali, ġiet eskluża minn rifużjoni permezz tal-fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) fir-rigward tal-krediti li hija kellha fil-konfront tal-korp ta' l-Istat "Soutien Café", korp maħluq sabiex jiġi sostnut il-prezz tal-kafé wara li kien hemm żieda importanti fil-prezz tal-kafé fl-aħħar tas-snin 80. Il-kumpannija rikorrenti ġiet eskluża mir-rifużjoni minħabba li, skond rapport ta' verifika magħmul fuq talba ta' l-awtoritajiet nazzjonali, milli jidher hija approprjat ċertu somom favur is-soċji tagħha. Il-kumpannija rikorrenti, wara din l-esklużjoni, kella twaqqaf l-attivitajiet tagħha u tkeċċi lit-tmien mitt ħaddiem impjegati permanenti li kienu jaħdmu fl-egħlieqi tagħha.

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw l-ewwel nett ksur i) tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, safejn il-kumpannija rikorrenti ma nstemgħetx meta sar ir-rapport ta' verifika li kkonkluda li kien hemm approprjazzjoni ta' fondi, u ii) tal-preżunzjoni ta' innoċenza, peress li ma tressqet l-ebda prova in sostenn tal-konklużjoni tar-rapport.

Sussegwentement, ir-rikorrenti jinvokaw motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, taċ-ċertezza legali u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, peress li l-kumpannija rikorrenti ġiet eskluża mir-rifużjoni mingħajr ma l-Kummissjoni ma indirizzat l-ebda deċiżjoni fil-konfront tagħha u mingħajr ma ġiet informata formalment dwar ir-rakkomandazzjonijet tar-rapport ta' verifika li fuqha hija bbażata din l-esklużjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' diliġenza u ta' l-amministrazzjoni tajba, peress li talbiet indirizzati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-każ tal-kumpannija rikorrenti baqgħu mingħajr tweġiba u r-rapport ta' verifika stabbilit fuq ċifri żbaljati kellu jiġi verifikat minn esperti oħra, ħaġa li l-Kummissjoni rrikonoxxiet mingħajr madankollu ma pproċediet biex tagħmel dan.

____________