Language of document : ECLI:EU:T:2021:331

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

9 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Bejgħ ta’ xarbiet tal-bottijiet f’ħwienet transkonfinali fil-Ġermanja lil residenti barranin – Eżenzjoni tad-depożitu bil-kundizzjoni li x-xarbiet mixtrija jiġu kkunsmati barra mit-territorju Ġermaniż – Ilment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Żball ta’ liġi – Diffikultajiet serji – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Riżorsi tal-Istat – Assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa”

Fil-Kawża T‑47/19,

Dansk Erhverv, stabbilita fi Kopenħagen (id-Danimarka), irrappreżentata minn T. Mygind u H. Peytz, avukati,

rikorrenti

sostnuta minn

Danmarks Naturfredningsforening, stabbilita fi Kopenħagen, irrappreżentata minn T. Mygind u H. Peytz, avukati,

intervenjenti

kontra

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, R. Kanitz, S. Heimerl u S. Costanzo, bħala aġenti,

u minn

Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG), stabbilita fi Flensburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Bauer u F. von Hammerstein, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 6315 finali, tal-4 ta’ Ottubru 2018, dwar l-għajnuna mill-Istat SA 44865 (2016/FC) – Il-Ġermanja – Allegata għajnuna favur ħwienet tax-xorb li jinsabu fil-fruntiera Ġermaniża,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, S. Gervasoni (Relatur), P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2020

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Sistema Ġermaniża ta’ depożitu ta’ ċertu ppakkjar ta’ xorb li jintuża darba

1        Il-Verordnung über die Vermeidung und Verwertung von Verpackungsabfällen (Verpackungsverordnung) (id-digriet dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-ippakkjar), tal-21 ta’ Awwissu 1998 (BGBI) 1998 I, p. 2379, iktar ’il quddiem il-”VerpackV”) jittrasponi d-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349).

2        L-Artikolu 9(1) tal-VerpackV jistabbilixxi sistema ta’ depożitu għal ċertu ppakkjar ta’ xarbiet li jintużaw darba (iktar’ il quddiem is-“sistema ta’ depożitu”). Jipprevedi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Id-distributuri li jikkummerċjalizzaw xarbiet f’ippakkjar ta’ xarbiet li jintużaw darba b’kapaċità ta’ 0.1 litru sa 3 litri huma marbuta li jiffatturaw lill-klijenti tagħhom depożitu ta’ mill-inqas EUR 0.25 għal kull ippakkjar, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud. L-ewwel sentenza ta’ hawn fuq ma tapplikax għall-ippakkjar mibjugħa lill-konsumaturi finali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-VerpackV. Id-depożitu huwa ffatturat minn kull distributur tal-output, fl-istadji kollha tal-katina kummerċjali, sal-bejgħ tal-ippakkjar lill-konsumatur finali. Id-distributuri jindikaw fuq l-ippakkjar ta’ xarbiet mibjugħa f’ippakkjar ta’ xarbiet li jintużaw darba suġġetti għall-obbligu ta’ depożitu skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, qabel il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, b’mod kjarament viżibbli u leġġibbli, li huma suġġetti għad-depożitu, u jieħdu sehem f’sistema ta’ depożitu implimentata fuq livell federali li tippermetti lill-parteċipanti jħallsu bejniethom l-applikazzjonijiet għal rimbors tal-ammont tad-depożitu. Dan jitħallas lura waqt l-irkupru tal-ippakkjar. Huwa ma jistax jiġi rrimborsat fin-nuqqas tal-ġbir tal-ippakkjar […]”

3        B’hekk, id-depożitu għandu jiġi pperċepit fl-istadji kollha tal-katina ta’ distribuzzjoni sal-bejgħ tal-prodott lill-konsumatur finali u l-ammont tiegħu għandu jitħallas lura wara r-restituzzjoni tal-ippakkjar.

4        Skont il-punt 14 tal-Artikolu 15(1) tal-VerpackV, in-nuqqas ta’ perċezzjoni tad-depożitu, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tiegħu, jikkostitwixxi ksur amministrattiv. L-Artikolu 69(3) tal-Gesetz zur Neuordnung des Kreislaufwirtschafts und Abfallrechts (liġi li tirriformula d-dritt tal-ekonomija ċirkolari u tad-dritt tal-iskart), tal-24 ta’ Frar 2012 (BGBl. 2012 I, p. 212, iktar ’il quddiem il-“liġi li tirriformula d-dritt għall-iskart”), jipprevedi li dan it-tip ta’ ksur jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa ta’ ammont massimu ta’ EUR 100 000.

5        Is-sistema ta’ depożitu daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003.

6        Fl-2005, l-impriżi tas-setturi Ġermaniżi tal-bejgħ bl-imnut u tax-xarbiet ħolqu Deutsche Pfandsystem GmbH (iktar ’il quddiem id-“DPG”). DPG tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-qafas legali u organizzattiv li jippermetti lid-distributuri li jipparteċipaw fis-sistema ta’ depożitu jipproċedu bejniethom għall-kumpens tad-depożitu.

B.      Il-proċedura amministrattiva

7        Ir-rikorrenti, Dansk Erhverv, hija assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi Daniżi. Fl-14 ta’ Marzu 2016, hija ressqet ilment fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni Ewropea.

8        Skont dan l-ilment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħti lil grupp ta’ impriżi ta’ bejgħ bl-imnut tat-Tramuntana tal-Ġermanja, jiġifieri ħwienet li jinsabu qrib il-fruntiera u li jimmiraw esklużivament lejn il-konsumaturi residenti f’pajjiżi transkonfinali, b’mod partikolari fid-Danimarka, għajnuna illegali, inkompatibbli mas-suq intern, li tikkonsisti f’eżenzjoni mill-obbligu ġenerali li jinġabar id-depożitu fuq l-ippakkjar ta’ xarbiet li jintużaw darba previst fl-Artikolu 9(1) tal-VerpackV.

9        F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ppreċiżat li l-ħwienet transkonfinali kienu jbiegħu lill-konsumaturi Daniżi u Svediżi xarbiet ippakkjati li jintużaw darba mingħajr ma jipperċepixxu d-depożitu relatat (EUR 0.25 it-taxxi kollha inklużi permezz ta’ landa). Fil-fehma tagħha, huwa bil-kunsens tal-awtoritajiet taż-żewġ Länder ikkonċernati, jiġifieri Schleswig-Holstein u l-Mecklembourg-Pommern-tal-Punent (il-Ġermanja), li huma jonqsu milli jirċievu d-depożitu. Fil-fatt, dawn l-awtoritajiet ma jimponux multa fuq il-ħwienet transkonfinali meta huma ma jipperċepixxux d-depożitu. Barra minn hekk, l-eżenzjoni mid-depożitu timplika wkoll eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata mal-ammont ta’ dan id-depożitu.

10      Skont l-awtoritajiet federali Ġermaniżi interrogati mill-Kummissjoni wara l-ilment tar-rikorrenti, il-prezzijiet tal-birra u ta’ xarbiet oħra huma nettament ogħla f’pajjiżi transkonfinali bħad-Danimarka milli fil-Ġermanja, minħabba, b’mod partikolari, differenzi fir-rigward tal-prezzijiet bl-ingrossa, tal-VAT u tad-dazji tas-sisa. Konsegwentement, ġie żviluppat kummerċ transkonfinali speċjalizzat, li fil-kuntest tiegħu bejjiegħa bl-imnut stabbiliti fiż-żewġ Länder ikkonċernati jimmiraw lejn il-klijenti transkonfinali, b’mod partikolari Daniżi. Xi 20 impriża li tiġbor sittin ħanut jipprattikaw tali kummerċ transkonfinali. Dawn l-impriżi (iktar ’il quddiem il- “ħwienet transkonfinali”) jimpjegaw madwar 3 000 persuna u ħolqu l-Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG), assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-kummerċ transkonfinali. L-offerta ta’ dawn il-punti ta’ bejgħ, li ġeneralment jinsabu f’xi kilometri mill-fruntiera Ġermaniża Daniża jew mill-portijiet tal-laneċ, hija komposta, essenzjalment, minn prodotti Daniżi u Svediżi. Hemmhekk jinbiegħu prinċipalment birra, ilma minerali u xorb rinfreskanti, iżda wkoll inbid, spirti, ħelu u prodotti tat-tabakk. Il-birra, l-ilma minerali u x-xorb rinfreskanti jinbiegħu esklużivament permezz ta’ pakketti kbar, jiġifieri b’ “pjattaformi” (b’mod partikolari bil-pjattaformi ta’ 24 laned ippakkjati taħt film tal-plastik).

11      L-awtoritajiet federali Ġermaniżi osservaw ukoll li l-implimentazzjoni tal-VerpackV u, konsegwentement, tas-sistema ta’ depożitu, kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet reġjonali, skont it-tqassim tal-kompetenzi previst fil-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tat-23 ta’ Mejju 1949 (BGBl 1949 I, p. 1, iktar ’il quddiem il- “GG”). Fil-fehma tagħhom, huma biss dawn l-awtoritajiet li huma f’pożizzjoni li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-VerpackV permezz ta’ ordni amministrattiva jew billi jimponu multi, peress li l-Gvern Federali ma għandu, f’dan ir-rigward, ebda kompetenza ta’ eżekuzzjoni proprja.

12      Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet federali Ġermaniżi indikaw li l-kummerċ transkonfinali kien marbut li jipperċepixxi d-depożitu skont il-VerpackV, iżda żiedu li, fid-dawl tal-għanijiet tas-sistema ta’ depożitu, li hija intiża b’mod partikolari sabiex issostni s-sistema Ġermaniża ta’ riċiklaġġ eżistenti, li fiha l-ippakkjar ta’ xarbiet għal użu uniku huma introdotti mill-ġdid fiċ-ċirkwit ekonomiku, l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni taż-żewġ Länder ikkonċernati (iktar ’il quddiem l- “awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti”) kienu qiesu li l-obbligu tagħhom li jipperċepixxu d-depożitu ma kienx japplika għall-kummerċ transkonfinali jekk ix-xorb kien mibjugħ esklużivament lill-klijenti ddomiċiljati b’mod partikolari fid-Danimarka u jekk dawn kienu jimpenjaw ruħhom bil-miktub (billi jiffirmaw “dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni”) li jikkonsumaw dan ix-xorb u li jeliminaw l-ippakkjar tagħhom barra mit-territorju Ġermaniż. L-awtoritajiet federali Ġermaniżi ppreċiżaw li kull wieħed minn dan il-bejgħ kien irreġistrat separatament, bl-isem tal-klijent, in-numru tal-karta tal-identità tiegħu, il-firma tiegħu u n-numru ta’ biljett. Barra minn hekk, huma indikaw li l-bejgħ mingħajr depożitu kien limitat għall-pjattaformi ppakkjati taħt film tal-plastik (li kienu jinkludu, bħala prinċipju, 24 laned).

C.      Id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni

13      Fl-4 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 6315 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44865 (2016/FC) – Il-Ġermanja – Allegata għajnuna favur ħwienet ta’ xorb li jinsabu fil-fruntiera Ġermaniża (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”).

14      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha għall-eżami tal-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat, stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, hija eżaminat suċċessivament it-tliet miżuri li jistgħu jikkostitwixxu vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat (iktar’ il quddiem il- “miżuri kontenzjużi”): l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu stess, l-assenza ta’ ġbir tal-VAT fuq id-depożitu u l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq l-impriżi li ma jipperċepixxux id-depożitu.

15      Fir-rigward tal-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu, il-Kummissjoni indikat, fil-punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li s-sistema ta’ depożitu ma kinitx iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Hija rrilevat li r-rikorrenti ma sostnietx li l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu kienet tikkostitwixxi, minnha nnifisha, miżura ffinanzjata permezz ta’ tali riżorsi.

16      Fir-rigward tal-assenza ta’ ġbir tal-VAT marbuta mad-depożitu, il-Kummissjoni spjegat, fil-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li meta d-depożitu ma kienx iffatturat mill-ħwienet transkonfinali lill-klijenti tagħhom, l-assenza ta’ ġbir mill-ħwienet transkonfinali u sussegwentement mill-Istat tal-VAT relatata magħha kienet il-konsegwenza normali tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali fil-qasam tal-VAT. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, peress li l-VAT għandha tinġabar fuq il-prezz ta’ tranżazzjoni (provvista ta’ servizz jew provvista ta’ oġġett), ma kienx hemm lok li din tinġabar meta din it-tranżazzjoni kienet nieqsa. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-assenza ta’ ġbir tal-VAT ma kinitx intiża, minħabba l-għan u l-istruttura tagħha, li toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi piż supplimentari għall-Istat u li din il-miżura għalhekk ma kinitx għajnuna mill-Istat.

17      Fir-rigward tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq l-impriżi li ma kinux japplikaw is-sistema ta’ depożitu, il-Kummissjoni l-ewwel nett iddefinixxiet il-kuntest ġenerali ta’ analiżi applikabbli fil-qasam tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa (punti 45 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata) u sussegwentement applikat dan il-kuntest ta’ analiżi għall-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa (punti 50 sa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Il-Kummissjoni fakkret, fil-punti 45 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il-ġurisprudenza, l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas ta’ multa setgħet, bħala prinċipju, tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Madankollu, hija ppreċiżat li, meta kellu jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat kinitx issodisfatta, kellha, bħala prinċipju, issir distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali kienu pprevedew il-possibbiltà li jevitaw il-ħlas ta’ multa normalment dovuta minn dawk fejn huma ma kinux jimponu sanzjoni għaliex huma kienu espressament awtorizzaw ċertu aġir.

19      Il-Kummissjoni żiedet, fil-punti 48 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-interpretazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprevedi obbligu setgħet tkun diffiċli għall-awtoritajiet nazzjonali stess, b’mod partikolari meta dawn kienu inkarigati mill-applikazzjoni tagħha. Meta dawn l-awtoritajiet kellhom dubji serji u raġonevoli dwar il-portata u l-interpretazzjoni ta’ tali obbligu, in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa ma kienx neċessarjament ir-riżultat ta’ deċiżjoni tal-imsemmija awtoritajiet li ma jirċevux il-multi eżiġibbli, iżda s-sempliċi konsegwenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni. Tali diffikultajiet kienu, skont il-Kummissjoni, sfortunatament inerenti għal kull sistema ġuridika, anki jekk ġeneralment kienu limitati għal xi dispożizzjonijiet preċiżi. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li kellha wkoll tiġi stabbilita distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kienu kkonfrontati b’diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-liġi, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika, u s-sitwazzjonijiet li fihom huma ddeċidew li ma jirċevux il-multi li madankollu huma dovuti jew jagħtu lill-impriżi l-possibbiltà li jevitaw il-ħlas tagħhom. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienu jqisu li kien ipso jure li l-kummerċ transkonfinali ma kienx marbut li jipperċepixxi d-depożitu, b’tali mod li l-assenza ta’ perċezzjoni tiegħu ma kinitx tikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom, ksur u li l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa kienet is-sempliċi konsegwenza ta’ din l-assenza ta’ ksur.

20      Madankollu, il-Kummissjoni indikat fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jidhrilha, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, li din id-dispożizzjoni, sa fejn kienet tapplika għat- “territorju Ġermaniż” u għat-“tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tax-xarba”, kellha tinftiehem bħala li timponi fuq il-ħwienet transkonfinali li jipperċepixxu d-depożitu.

21      Madankollu, hija żiedet, fil-punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien possibbli wkoll li jiġi kkunsidrat li l-assenza ta’ obbligu fuq il-ħwienet transkonfinali li jipperċepixxu d-depożitu jekk kienu jbiegħu xorb b’laned esklużivament lil konsumaturi “residenti barranin” li jimpenjaw ruħhom li jikkonsmaw dawn ix-xarbiet barra mill-Ġermanja kien koerenti mal-prinċipji gwida tal-VerpackV.

22      Il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex jiġġustifikaw l-interpretazzjoni tagħhom tal-VerpackV, li tgħid li l-kummerċ transkonfinali ma kienx marbut li jiġbor id-depożitu, l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti bbażaw ruħhom fuq l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jippromwovu r-restituzzjoni tal-ippakkjar ta’ xarbiet li jintużaw darba fil-Ġermanja u, b’mod iktar preċiż, li jinċentivaw lill-klijenti, b’mod partikolari fil-Ġermanja, sabiex jikkonsenjaw l-ippakkjar tax-xarbiet vojta fis-sistema ta’ ġbir u ta’ riċiklaġġ stabbilita fil-pajjiż kollu li hija aċċessibbli faċilment għar-residenti Ġermaniżi. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, skont l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, dan l-għan ma kienx jeħtieġ l-applikazzjoni tad-depożitu għal xarbiet tal-laned li kienu kkunsmati barra mill-pajjiż u li l-ippakkjar tagħhom ma kienx irrapportat fil-Ġermanja. Huwa żied li, dejjem skont l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, il-ħwienet transkonfinali kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-esportaturi ta’ xorb tal-laned, li kienu jbiegħu prodotti li ma kinux intiżi għall-konsum fil-Ġermanja u li l-ippakkjar tagħhom kien intiż li jintrema ’l bogħod mill-impjanti ta’ riċiklaġġ integrati fis-sistema Ġermaniża. Issa, il-VerpackV ma kinitx tobbliga lil dawn l-esportaturi li jipperċepixxu d-depożitu.

23      Il-Kummissjoni indikat, fil-punti 56 sa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pożizzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq rapport stabbilit fl-2005, fuq talba tal-kummerċ transkonfinali, minn professur tad-dritt. Skont dan ir-rapport, l-obbligu impost fuq dawn il-ħwienet li jirċievu d-depożitu kien kuntrarju għall-GG, għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Artikoli 18, 34 u 35 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62, sa fejn dan kien jestendi għall-bejgħ ta’ xorb b’laned ikkunsmati barra mill-pajjiż. B’mod partikolari, id-depożitu kien jirrappreżenta ostakolu għall-kummerċ għall-konsumaturi finali tal-kummerċ transkonfinali li f’ebda każ ma kien jirrigwarda l-ippakkjar ta’ xorb vojt sabiex jiġi rkuprat l-ammont ta’ depożitu.

24      Il-Kummissjoni żiedet, fil-punti 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont rapport ieħor, redatt ukoll fl-2005, iżda din id-darba fuq talba tal-Gvern Federali Ġermaniż, is-sistema ta’ depożitu la kienet tmur kontra l-GG u lanqas id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, għall-kuntrarju, l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu minn ħwienet transkonfinali għand klijenti li jikkonsmaw ix-xarbiet barra mill-pajjiż kienet tmur kontra d-Direttiva 94/62.

25      Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li l-interpretazzjoni adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma kinitx taqbel ma’ dik tal-awtoritajiet federali, din tal-aħħar ma kinitx ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni ġudizzjarja, l-uniċi deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jmorru lura għall-2003, intiżi sabiex jikkonfermaw l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, ħaġa li l-awtoritajiet federali rrikonoxxew.

26      Abbażi tal-elementi li għadhom kif ġew esposti, il-Kummissjoni, peress li qieset li kien possibbli li jiġi preżunt li, meta konsumatur jixtri xarba fil-Ġermanja sabiex jieħdu miegħu fi Stat Membru ieħor, l-ippakkjar ta’ din ix-xarba ma jiġix irrapportat fil-Ġermanja, iżda kien jinsab fis-sistema ta’ mmaniġġar tal-iskart tal-Istat Membru l-ieħor, indikat li kien jidher raġonevoli li jiġi rrinunzjat l-obbligu li jirċievi d-depożitu meta konsumatur kien jiffirma dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, u b’hekk jimpenja ruħu sabiex jieħu miegħu x-xarba fi Stat Membru ieħor biex jikkunsmaha u jneħħi l-ippakkjar tagħha (punt 65 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-Istati Membri kienu liberi li jiddeċiedu jekk jipperċepixxux jew le d-depożitu bil-kundizzjoni li josservaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (punt 67 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat li l-interpretazzjoni adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienet tikkostitwixxi kompromess raġonevoli bejn l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent segwit mid-Direttiva 94/62 u l-moviment liberu tal-merkanzija (punt 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienu b’hekk ikkonfrontati, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika, b’dubji serji u raġonevoli dwar il-portata u l-interpretazzjoni tal-obbligu li jipperċepixxu d-depożitu. F’tali każ, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat u għalhekk din il-miżura ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat (punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2019, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni f’din il‑proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2019, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal dan l-intervent. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din tal-aħħar fit-termini mogħtija. F’din in-nota, hija ddikjarat li taqbel mal-argumenti kollha tal-Kummissjoni.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ April 2019, Danmarks Naturfredningsforening (iktar ’il quddiem “DN”), assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent fid-Danimarka, talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Settembru 2019, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. DN ippreżentat n-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Mejju 2019, IGG talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Settembru 2019, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. IGG ippreżentat n-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

32      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u din il-kawża ġiet, konsegwentement, assenjata lilha.

33      Fuq proposta tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

34      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom waqt is-seduta.

35      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2020.

36      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

38      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

39      DN titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      IGG titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Fid-dritt

41      Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors u mbagħad, fit-tieni lok, għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti invokati mir-rikorrenti.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

42      Il-Kummissjoni, fir-risposta, ikkontestat il-locus standi tar-rikorrenti billi qajmet “dubji” fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-miżuri kontenzjużi li tista’ tqiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni sfavorevoli. Il-Kummissjoni indikat, f’dan ir-rigward, fil-kontroreplika, li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet provi dwar l-identità tal-membri tagħha u l-attivitajiet li huma kienu jeżerċitaw.

43      Madankollu, matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-ġurisprudenza rilevanti, il-Kummissjoni rrinunzjat li topponi l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbali tas-seduta.

44      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li assoċjazzjoni li, bħar-rikorrenti, tirrappreżenta l-interessi tal-kompetituri tal-benefiċjarji ta’ miżura hija parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), ħaġa li l-Kummissjoni barra minn hekk irrilevat fil-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, tali parti tista’ tikkontesta deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata, fil-kuntest tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE, li miżura ma hijiex għajnuna, bil-kundizzjoni li din il-parti tipprova, permezz tal-preżentata tar-rikors tagħha, tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punti 23 sa 26; tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 47, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punt 35).

45      F’din il-kawża, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed li permezz tiegħu hija ssostni li l-Kummissjoni, billi ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja d-diffikultajiet serji li qajmet l-eżami tal-miżuri kontenzjużi, kisret id-drittijiet proċedurali li hija għandha bħala parti interessata skont l-istess dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandha locus standi u r-rikors huwa, konsegwentement, ammissibbli.

B.      Fuq l-eżami ta’ motiv uniku

46      Kif għadu kif intqal, insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. Dan il-motiv jinkludi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tinvoka eżami insuffiċjenti mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-eżenzjoni tad-depożitu mal-Artikolu 4(3) TUE, id-Direttiva 94/62, il- “prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”, kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż. Permezz tat-tieni parti, hija tinvoka eżami insuffiċjenti mill-Kummissjoni tal-assenza tal-perċezzjoni ta’ dħul mill-VAT, peress li din il-miżura tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti tinvoka eżami insuffiċjenti mill-Kummissjoni tal-miżura li tikkonsisti fl-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, peress li din il-miżura tingħata wkoll permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

47      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, li tagħti lill-Istati Membri l-oħra, kif ukoll lill-oqsma kkonċernati, il-garanzija li wieħed ikun jista’ jinstema’ u tippermetti lill-Kummissjoni li tkun kompletament informata dwar il-fatti kollha tal-kawża qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk proġett ta’ għajnuna huwiex kompatibbli mas-suq intern. Minn dan għandu jiġi dedott li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi preliminari tal-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal proġett ta’ għajnuna biss jekk hija tkun f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, wara eżami preliminari, li dan il-proġett huwa kompatibbli mat-Trattat. Għall-kuntrarju, jekk dan l-ewwel eżami wassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni kuntrarja, jew saħansitra ma ppermettiex li tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dan il-proġett mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura tal-Artikolu 108(2) TFUE (sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 84/82, EU:C:1984:117, punt 13, u tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 28).

48      Għandu jitfakkar ukoll li, meta rikorrent isostni li d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu, huwa jista’ jinvoka kull motiv, inkluż motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi, ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura kontenzjuża, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59). Il-kontenut insuffiċjenti u inkomplet tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-fażi preliminari huwa indizju, fost oħrajn, li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tegħleb id-diffikultajiet serji kollha li ltaqgħet magħhom fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni hijiex għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑512/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:989, punt 106).

49      Hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament kull waħda mit-tliet partijiet tal-motiv uniku, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-eżami tal-aħħar żewġ partijiet, li t-tnejn li huma jirrigwardaw il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat, huwa maqsum fi ħdan l-istess parti.

1.      Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku

50      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha tal-miżura li tikkonsisti fl-eżenzjoni tal-perċezzjoni tad-depożitu, l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE, mid-Direttiva 94/62, tal-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” kif ukoll mid-dritt Ġermaniż.

51      Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li din il-miżura ma hijiex konformi ma’ dawn id-diversi standards jinvalidaw l-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u jimplika li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa korrettament jekk l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu u, minħabba f’hekk, l-assenza ta’ ħlas tal-VAT fuq id-depożitu kif ukoll l-eżenzjoni mill-multa kinux jikkostitwixxu jew le għajnuna.

52      Ir-rikorrenti tenfasizza li hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura li s-sistemi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 94/62 huma realment applikati u li din it-traspożizzjoni tagħti lok għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni suffiċjentement ċara. Hija żżid li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma żguratx li r-riżultat imfittex minn din id-direttiva jintlaħaq. Hija tindika wkoll li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ ħsara kunsiderevoli fuq l-ambjent li wasslet għall-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu.

53      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika diversi paragrafi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-parti tagħha ddedikata għall-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq il-ħwienet transkonfinali.

54      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti tal-motiv uniku hija ineffettiva, u dan huwa kkontestat mir-rikorrenti.

55      DN issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq premessi ambjentali manifestament żbaljati u tinjora l-effetti dannużi sinjifikattivi tal-prattika tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni fuq l-ambjent Daniż. Hija tindika li, mill-2005, hija torganizza avvenimenti annwali msejħa “ġbir ta’ skart”, intiżi sabiex jipproteġu l-ambjent Daniż permezz tal-ġbir tal-iskart u li, mill-2008, hija ddedikat ruħha għall-ġbir ta’ laned vojta u għalhekk setgħet tiġbor iktar minn 1.6 miljun minn dawn il-laned vojta. Skont l-osservazzjonijiet tagħha, 90 sa 95 % tal-bottijiet hekk miġbura huma bottijiet mixtrija mingħajr applikazzjoni tas-sistema ta’ depożitu minn konsumaturi Daniżi fil-ħwienet transkonfinali.

56      IGG issostni li l-Kummissjoni, matul il-fażi amministrattiva, ivverifikat il-konformità tas-sistema ta’ depożitu mad-Direttiva 94/62 u li hija ma kellha ebda dubju dwar il-legalità tal-prattika li tikkonsisti f’eżenzjoni mid-depożitu ibbażata fuq l-użu tad-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni. Din l-eżenzjoni hija perfettament konformi mad-Direttiva 94/62. L-Istati Membri ma humiex obbligati jestendu s-sistema ta’ depożitu għall-bejgħ li għalih l-għan ta’ dan id-depożitu, jiġifieri l-ħlas lura tal-ippakkjar vojt, ma jistax jintlaħaq, peress li ħafna konsumaturi ma għandhomx il-possibbiltà li jagħmlu l-ippakkjar vojt u li jitħallsu lura l-prezz tad-depożitu. IGG ma taqbilx mal-preokkupazzjonijiet tar-rikorrenti li l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu ikollha effetti negattivi fuq l-ambjent fid-Danimarka. Il-fatt, għal ħwienet transkonfinali, li jiffatturaw depożitu li ma jitħallasx lura fid-Danimarka ma jikkontribwixxix għat-teħid tal-ippakkjar vojt u għalhekk ma jnaqqasx il-volum tal-iskart mill-ippakkjar. L-applikazzjoni sistematika tad-depożitu minn ħwienet transkonfinali jkollha l-effett ekonomiku ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni. L-impożizzjoni ta’ depożitu fuq il-bejgħ ta’ ħwienet transkonfinali tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija filwaqt li l-għan tad-depożitu, jiġifieri x-xiri tal-laned vojta, ma jistax jintlaħaq. L-applikazzjoni sistematika tad-depożitu minn ħwienet transkonfinali ma hijiex, għaldaqstant, proporzjonata.

57      Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti, l-ewwel parti tal-motiv uniku hija bbażata, essenzjalment, fuq diffikultajiet serji li jirriżultaw mill-ksur tal-miżura inkwistjoni ta’ obbligi imposti fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Għandu jiġi enfasizzat li dawn l-obbligi ma jirriżultawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jew mid-dritt sekondarju applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, iżda minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jew mid-dritt Ġermaniż. Dawn huma, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent.

58      Fir-rigward tal-argumenti tal-partijiet u, b’mod partikolari, ta’ dak invokat bħala difiża mill-Kummissjoni, ibbażat fuq in-natura ineffettiva tal-ewwel parti tal-motiv uniku, għandu jiġi ppreċiżat sa fejn il-ksur ta’ dispożizzjonijiet li ma jirrigwardawx id-dritt tal-għajnuna mill-Istat jista’ jiġi invokat b’mod utli sabiex tiġi stabbilita l-illegalità ta’ deċiżjoni adottata f’dan il-qasam mill-Kummissjoni.

59      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni skont jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni tiddeċidix dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern jew jekk għandhiex tiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, dwar l-eżistenza ta’ għajnuna.

60      Fl-ewwel każ, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51), mill-istruttura ġenerali tat-Trattat FUE jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 tiegħu qatt ma għandha twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għalhekk, għajnuna mill-Istat li, permezz ta’ wħud mill-modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni. Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mis-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 44 u 45).

61      Għalhekk, il-ksur minn miżura nazzjonali, ikklassifikata preċedentement bħala għajnuna mill-Istat, ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat jista’ jiġi invokat b’mod utli sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tqis li tali għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern.

62      Fit-tieni każ, dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ għajnuna, l-istess ma japplikax. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq kundizzjonijiet stabbiliti b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 107(1) TFUE. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53). Issa, ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE jew għal-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent.

63      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li n-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, kif jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati, sabiex dawn ikunu leġittimi, ma għandhiex effett fuq l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività li tinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE u li din ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżuri selettivi, anki jekk speċifiċi bħalma huma l-ekotaxxi, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ambjentali jista’, fi kwalunkwe każ, isir b’mod utli fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern konformement mal-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 90 sa 92, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 75).

64      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li miżura nazzjonali tkun awtorizzata minn istituzzjoni skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat ma kienx jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonstata li din il-miżura kienet għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punti 46, 47, 49 u 53). Bl-istess mod, it-tfittxija, permezz ta’ miżura nazzjonali, ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali — li jaqgħu, fil-kawża inkwistjoni, taħt id-dritt nazzjonali, iżda jistgħu jaqgħu wkoll taħt id-dritt tal-Unjoni — bħall-protezzjoni tal-ambjent, hija ċirkustanza “ineffettiva” fl-istadju tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat imwettqa abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑409/00, EU:C:2003:92, punti 53 u 54).

65      Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-formulazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk jitqies li miżura nazzjonali, peress li tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minkejja li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet espressament previsti minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ għajnuna.

66      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom għan speċifiku, dak li jiġi evitat li l-interventi ta’ Stat Membru jkollhom l-effett li joħolqu distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, li ma jikkorrispondux neċessarjament għall-għanijiet imfittxija minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, kuntrarjament għal dik ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, tagħti spazju wiesa’ għall-intervent tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård, C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 55). Fl-aħħar nett, l-effetti li ġġib magħha l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma kunsiderevoli, peress li l-Kummissjoni tista’ timponi fuq Stat Membru li jissospendi l-implimentazzjoni ta’ miżura nazzjonali, li jneħħiha jew li jemendaha fit-terminu li hija tiddetermina. Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi speċifiċi, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ eżami tal-miżuri ta’ għajnuna stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE ma jistax jiġi estiż lil hinn mill-miżuri nazzjonali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE.

67      L-Artikolu 11 TFUE jipprovdi li l-ħtiġijiet għall-protezzjoni tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni. Madankollu, tali integrazzjoni hija intiża li titwettaq fl-istadju tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna u mhux l-eżami tal-eżistenza tagħha.

68      Konsegwentement, il-fatt li miżura nazzjonali tikser dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat ma jistax jiġi invokat b’mod utli, bħala tali, sabiex jiġi stabbilit li din il-miżura hija għajnuna mill-Istat.

69      L-istess japplika, a fortiori, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ Stat Membru.

70      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma għandhom l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan li għandu jiġi segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley, C‑373/00, EU:C:2003:110, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Issa, f’dan il-każ, ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri ma huwa previst fl-Artikolu 107(1) TFUE.

72      Barra minn hekk, ma hijiex il-Kummissjoni, iżda l-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jistħarrġu l-legalità ta’ miżuri nazzjonali fid-dawl tad-dritt intern.

73      Jekk jiġi aċċettat li l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ Stat Membru għandu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tikklassifika miżuri nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hija tista’ tasal sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ dawn il-miżuri fid-dawl tad-dritt intern, bi ksur tal-kompetenza tal-qrati nazzjonali.

74      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq l-eżami insuffiċjenti mill-Kummissjoni tal-miżura li tikkonsisti fl-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu, fid-dawl tal-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma jirriżultawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew mil-leġiżlazzjoni sekondarja applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, iżda li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mid-dritt nazzjonali, anki jekk jitqies li hija fondata, ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

75      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, kif issostni ġustament il-Kummissjoni.

76      Madankollu, ċerti kritiki fformulati mir-rikorrenti kontra diversi punti tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-parti tagħha ddedikata għall-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq ħwienet transkonfinali kif ukoll l-argumenti dwar l-assenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli, li jistgħu jikkonċernaw ukoll l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, ser jiġu eżaminati, sa fejn ikun hemm bżonn, fil-kuntest tat-tielet parti tal-motiv uniku.

2.      Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tal-motiv uniku, dwar il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat

77      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jikkostitwixxu piż supplimentari għall-Istat li huma kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u mir-regoli proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħra li ma humiex riżorsi tal-Istat ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 19, u tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 99).

78      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma kinitx issodisfatta fir-rigward kemm tal-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT marbuta mad-depożitu kif ukoll tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa. Hija kkonkludiet, abbażi biss tal-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ riżorsi tal-Istat, li dawn iż-żewġ miżuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

79      Qabel kollox għandha tiġi eżaminata t-tieni parti tal-motiv uniku dwar l-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT marbuta mad-depożitu.

a)      Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku

80      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rreferiet, b’mod żbaljat, għas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97), fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-assenza ta’ perċezzjoni mill-ħwienet transkonfinali u sussegwentement mill-Istat tal-VAT marbuta mad-depożitu. Fil-fatt, din il-miżura, b’differenza minn dik inkwistjoni fl-imsemmija sentenza, ma tagħmilx parti minn “sistema leġittima”.

81      Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq numru ta’ argumenti intiżi sabiex juru li l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu, ibbażata fuq il-prassi tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, mhijiex leġittima u li, konsegwentement, l-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT tikkostitwixxi vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-ksur ta’ regoli legali differenti diġà invokati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv uniku.

82      Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex miżura nazzjonali titqies li ma hijiex iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġixxi bħala regolatur meta jadotta din il-miżura. Issa, dan ma huwiex il-każ meta l-Istat Membru jirrinunzja għal dħul minħabba miżura li tikser id-dritt tal-Unjoni.

83      Ir-rikorrenti tindika wkoll li l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu hija applikata għal raġuni li ma għandha ebda rabta mal-għan segwit mis-sistema ta’ depożitu, jiġifieri ż-żamma tal-użu u t-titjib tal-kompetittività tal-kummerċ transkonfinali.

84      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li din il-miżura twassal sabiex tagħti lill-benefiċjarji tagħha vantaġġ selettiv u li hija għandha bħala għan li teżenta lill-ħwienet transkonfinali mill-VAT relatata mal-prezz tad-depożitu.

85      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tal-motiv uniku tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu hija l-kwistjoni prinċipali f’dan il-każ u li l-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT hija biss konsegwenza “sekondarja” ta’ din l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu (jew “inerenti”, skont il-kelma użata fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97).

86      DN issostni l-argumentazzjoni tar-rikorrenti. Hija tinvoka, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑480/98, EU:C:2000:559).

87      IGG issostni l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni. Hija żżid li l-Artikolu 9(1) tal-VerpackV huwa marbut mal-Artikolu 92(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), li jipprovdi li, fir-rigward tal-ammonti tal-ippakkjar li għandu jsir, l-Istati Membri jistgħu jinkluduhom fil-valur taxxabbli billi jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dan il-valur jiġi regolarizzat meta dan l-ippakkjar effettivament isir.

88      Preliminarjament, għandhom jiġu miċħuda, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti b’risposta għall-ewwel parti tal-motiv uniku, l-argumenti dwar il-ksur ta’ regoli differenti tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt Ġermaniż diġà invokati mir-rikorrenti f’din il-parti.

89      Barra minn hekk, sa fejn din il-parti tirrigwarda l-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju huwiex ta’ piż fuq il-baġit tal-Istat, hemm lok li jiġi vverifikat jekk teżistix rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, dan il-vantaġġ u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit tal-Istat, jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet imposti fuqu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      F’dan il-każ, sabiex tasal għall-konklużjoni li l-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT ma kinitx timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata (punt 42), fuq is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97). Issa, kif jirriżulta mit-tressiq tal-argumenti tar-rikorrenti, din tikkontesta, essenzjalment, ir-rilevanza tal-applikazzjoni ta’ din is-soluzzjoni għall-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT. Għaldaqstant għandha titfakkar is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, riprodotta f’sentenzi oħra sussegwenti.

91      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97), kienet inkwistjoni sistema legali li tippermetti lis-sidien ta’ bastimenti Ġermaniżi jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol mal-membri tal-ekwipaġġ li ma jkunux suġġetti għad-dritt Ġermaniż (punt 5). Il‑Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma kinitx issodisfatta.

92      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-iskema inkwistjoni ma kinitx intiża, permezz tal-għan u tal-istruttura ġenerali tagħha, sabiex toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi piż supplimentari għall-Istat, iżda sempliċement li tbiddel, favur l-impriżi ta’ navigazzjoni marittima, il-qafas li fih kienu stabbiliti r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawn l-impriżi u l-impjegati tagħhom. Barra minn hekk, hija qieset li l-konsegwenzi li kienu jirriżultaw minn din l-iskema, relatati kemm mad-differenza tal-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet soċjali kif ukoll mat-telf eventwali ta’ riżorsi fiskali imputabbli għal-livell baxx tar-remunerazzjonijiet, kienu inerenti għal din l-iskema u ma kinux jikkostitwixxu mezz sabiex l-impriżi kkonċernati jingħataw vantaġġ partikolari (punt 21)

93      Minn dan isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tar-rabta msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq, hemm b’mod partikolari lok li jiġi vverifikat jekk, mill-għan u mill-istruttura ġenerali tagħha, il-miżura hijiex intiża sabiex toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat. B’mod partikolari, meta t-telf eventwali ta’ riżorsi li jirriżulta mill-miżura huwa inerenti għaliha, fis-sens li dan huwa biss konsegwenza indiretta, il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma hijiex issodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 21; tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 36, u tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 62). Min-naħa l-oħra, meta l-miżura tkun intiża sabiex teżenta lil impriża mill-ħlas ta’ somom li normalment ikunu dovuti lill-baġit tal-Istat, ir-rabta bejn il-miżura u t-tnaqqis tal-baġit tal-Istat hija suffiċjentement diretta sabiex il-miżura titqies bħala ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punti 106 sa 108).

94      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, il-prezz tad-depożitu ffatturat lill-klijent jinkludi l-VAT. Konsegwentement, meta l-ħwienet transkonfinali ma japplikawx id-depożitu, il-VAT relatata mad-depożitu ma tinġabarx għall-bejgħ ikkonċernat.

95      Għaldaqstant, jeżisti, għall-inqas potenzjalment, telf fid-dħul fiskali għall-Istat, peress li s-sistema ta’ depożitu, jekk tiġi applikata, twassal x’aktarx għal dħul nett ta’ VAT. Fil-fatt, ftit huwa probabbli li, minkejja l-perċezzjoni tad-depożitu, l-ippakkjar kollu jkun sistematikament irrapportat u li, konsegwentement, il-VAT miġbura waqt il-bejgħ titħallas lura kollha kemm hi lill-konsumaturi li lilhom ġiet iffatturata.

96      Madankollu, il-miżura kontenzjuża, ikkostitwita mill-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu mill-ħwienet transkonfinali, ma hijiex intiża sabiex tagħti lil dawn l-impriżi vantaġġ li jkun irrappreżentat mill-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT. L-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT, meta d-depożitu ma jiġix applikat, hija biss, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, konsegwenza indiretta tal-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni tad-depożitu, inerenti għall-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu, u ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża hija intiża, f’dan ir-rigward, sabiex tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi permezz tar-riżorsi tal-Istat.

97      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, billi tirreferi għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97), li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma kinitx issodisfatta fir-rigward tal-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT marbuta mad-depożitu.

98      Il-konklużjoni msemmija fil-punt 97 iktar ’il fuq ma tistax titqiegħed f’dubju mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti jew tad-DN.

99      L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq ma jirriżultax li huwa neċessarju, sabiex miżura nazzjonali titqies li ma hijiex iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li din il-miżura tikkostitwixxi “sistema leġittima” jew li l-Istat ikkonċernat jaġixxi bħala regolatur.

100    Ċertament, f’ċerti każijiet, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-miżura inkwistjoni. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fl-ipoteżi fejn din il-miżura jkollha biss l-effett indirett li tnaqqas is-suġġett taxxabbli ta’ taxxa u li għalhekk ma teżistix rabta suffiċjentement diretta bejn din il-miżura u t-telf ta’ dħul li jista’ jiġi kkonstatat, b’tali mod li dan it-telf jista’ jiġi kklassifikat bħala “inerenti” għall-miżura.

101    Barra minn hekk, fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97), il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjoni relatata mar-riżorsi tal-Istat kinitx issodisfatta, ma kkontrollatx, bħala tali, il-leġittimità tal-miżura inkwistjoni jew dik tal-għanijiet li hija kienet issegwi. Hija żgurat ruħha biss, abbażi tal-għan u tal-istruttura ġenerali ta’ din il-miżura, li t-telf ta’ riżorsi allegati fir-realtà ma kienx jikkostitwixxi mezz sabiex l-impriżi kkonċernati jingħataw vantaġġ partikolari (sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 21).

102    It-tieni nett, il-fatt li l-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT marbuta mad-depożitu tista’ twassal sabiex jinkiseb vantaġġ selettiv għall-benefiċjarji tagħha, anki jekk jitqies li hija stabbilita, huwa ineffettiv, peress li, minn naħa, il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 107(1) TFUE li jippermettu li miżura nazzjonali tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat huma kumulattivi (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 74 u 75) u, min-naħa l-oħra, li, f’dan il-każ, sabiex jiġi konkluż fid-deċiżjoni kkontestata li l-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT marbuta mad-depożitu ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq l-assenza ta’ riżorsi tal-Istat, jiġifieri fuq kundizzjoni distinta minn dik dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv.

103    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri kontenzjużi kellhom l-għan, fir-realtà, li jeżentaw lill-ħwienet transkonfinali mill-VAT relatata mal-prezz tad-depożitu filwaqt li din l-eżenzjoni tidher, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, bħala “effett sekondarju inerenti [għal dawn il-miżuri]”, skont l-espressjoni użata mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2000:585, punti 161 u 162).

104    Ir-raba’ nett, l-invokazzjoni minn DN tas-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑480/98, EU:C:2000:559), ma hijiex rilevanti, peress li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza assenza ta’ rkupru tad-dejn fiskali u soċjali ta’ ċerti impriżi, ipoteżi li tikkorrispondi għal dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551), li fiha r-rabta bejn il-miżura u t-telf ta’ dħul għall-baġit tal-Istat hija suffiċjentement diretta.

105    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv uniku invokat mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku

106    Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta introduċiet regola legali ġdida li tipprovdi li l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-liġi applikabbli tippermetti li jiġi konkluż, għal miżura nazzjonali li timplika assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, li hija ma tissodisfax il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat.

107    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka żball ta’ liġi. Il-kriterju applikat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-liġi applikabbli, ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza li tgħid li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat hija evalwata abbażi tal-effetti tal-miżura u mhux fuq dik tal-għan tagħha jew tal-intenzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li taw lok għal din il-miżura.

108    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, ma jeżistux diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-obbligu li jiġi applikat id-depożitu u għalhekk li tiġi imposta multa fuq in-negozju li ma japplikawx dan id-depożitu. Hija tindika li l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa pjuttost tirriżulta minn għażla deliberata tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti.

109    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti żżid li, jekk ikun possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat sempliċement billi jiġu stabbiliti dubji serji u raġonevoli dwar il-portata u s-sens ta’ obbligu li jirriżulta minn test li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dan iwassal għal abbużi. Hija tippreċiża li tali possibbiltà tmur kontra l-obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw id-direttivi tal-Unjoni b’mod ċar u inekwivoku.

110    F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienu ddeċidew, f’dan il-każ, wara deċiżjonijiet mogħtija fl-2003 mill-qrati tal-Land ta’ Schleswig-Holstein, li ma jimponux fuq il-ħwienet transkonfinali li jipperċepixxu d-depożitu previst mill-VerpackV u li ma jieħdu ebda miżura ta’ restrizzjoni amministrattiva ġdida kontra dawn il-ħwienet, miżuri li setgħu sussegwentement ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati Ġermaniżi. Għalhekk, fil-fehma tagħha, l-assenza ta’ ġurisprudenza li tippermetti kjarifika tal-liġi li abbażi tagħha ġiet imposta l-multa tirriżulta biss min-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet. Ir-rikorrenti żżid li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-dritt fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tiddgħajjef b’mod kunsiderevoli jekk awtorità ta’ Stat Membru tkun tista’ legalment tevita b’mod sistematiku li tapplika d-dritt għal diversi snin.

111    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li jeżistu diffikultajiet serji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat hijiex sodisfatta f’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa.

112    L-ewwel nett, b’estensjoni ta’ dak li hija indikat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti tfakkar li l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu tikser diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt Ġermaniż u li, peress li dan il-ksur huwa evidenti, ma teżisti ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni. Hija żżid li l-awtoritajiet federali Ġermaniżi rrepetew regolarment li l-prattika tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni kienet illegali.

113    It-tieni nett, ir-rikorrenti tenfasizza li fid-dritt applikabbli fil-qasam tal-ambjent, ma teżisti ebda bażi legali li tiġġustifika l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu. Hija ssostni wkoll li din il-miżura ma hijiex applikata b’mod uniformi għaż-żoni tal-fruntiera kollha tal-Ġermanja. Hija żżid li l-Kummissjoni wettqet eżami insuffiċjenti u inkomplet tas-sitwazzjoni. Fl-aħħar nett hija tirrileva li l-kummerċ transkonfinali ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-esportaturi.

114    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ riżorsi tal-Istat magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi ġġustifikata min-natura neċessarja tal-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija. L-argument tal-Kummissjoni, dwar il-fatt li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ depożitu twassal għall-impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-esportazzjonijiet huwa argument ġdid, li ma kienx preżenti fid-deċiżjoni kkontestata u li, minħabba f’hekk, huwa inammissibbli. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll is-suppożizzjoni li, meta konsumatur jixtri xarba fil-Ġermanja sabiex jeħodha fi Stat Membru ieħor, l-ippakkjar ma jsirx fil-Ġermanja, iżda jinsab fis-sistema ta’ mmaniġġjar tal-iskart tal-Istat Membru l-ieħor.

115    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni b’mod partikolari li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti kienet raġonevoli, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ kull deċiżjoni ġudizzjarja definittiva fis-sens kuntrarju u li, għaldaqstant, ma kienx possibbli għaliha li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. L-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa tirriżulta f’dan il-każ biss mill-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, li tgħid li d-depożitu ma għandux jiġi pperċepit mill-ħwienet transkonfinali. Għandha ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jeżentaw lill-impriżi li jiksru l-leġiżlazzjoni mill-ħlas ta’ multa.

116    Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tiġġustifika l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa toqrob għal awtorizzazzjoni mogħtija lil ċerti kategoriji ta’ persuni mill-awtorità kompetenti sabiex tadotta aġir li huwa pprojbit għal kategoriji oħra ta’ persuni. Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa f’kuntest ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti ma jmurx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tad-dritt.

117    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li l-applikazzjoni tad-depożitu għall-kummerċ transkonfinali toħloq ostakolu għall-kummerċ li jikkostitwixxi taxxa fuq l-esportazzjonijiet.

118    Il-Kummissjoni żżid ukoll li xejn ma jipprova li wieħed mill-għanijiet tas-sistema ta’ depożitu huwa li jħeġġeġ lill-konsumatur jixtri xarbiet li l-ippakkjar tagħhom huwa inqas dannuż għall-ambjent. Hija tindika wkoll li sistema ta’ depożitu nazzjonali ma tistax tkun intiża sabiex tnaqqas id-danni kkawżati lill-ambjent fi Stati Membri oħra, li lanqas ma tista’ tkun intiża sabiex tnaqqas il-bejgħ ta’ xorb ippakkjat li jintużaw darba, iżda li għandha biss l-għan li tħeġġeġ lill-konsumaturi jirritornaw l-ippakkjar ta’ xorb ippakkjat b’dan il-mod.

119    Hija tindika, barra minn hekk, li l-ħwienet transkonfinali kienu talbu sabiex jingħaqdu mas-sistema Daniża ta’ depożitu, iżda li ma kinux awtorizzati jagħmlu dan wara l-oppożizzjoni tar-rikorrenti.

120    Skont il-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti tal-użu tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni hija koerenti peress li, minħabba dan l-użu, id-depożitu ma huwiex iffatturat fil-każijiet biss fejn il-klijenti jimpenjaw ruħhom li ma jikkonsmawx fil-Ġermanja x-xarbiet li huma jixtru fil-ħwienet transkonfinali.

121    Il-Kummissjoni ssostni li l-kontroversja li dwarha tilmenta r-rikorrenti tirriżulta fir-realtà minn nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ transkonfinali mis-sistema Daniża tal-ġestjoni tal-ippakkjar. Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-klijenti li jixtru l-bottijiet fil-ħwienet transkonfinali ma huma suġġetti għal ebda obbligu li jieħdu sehem fis-sistema Daniża hija kwistjoni li taqa’ taħt is-sistema ta’ riċiklaġġ Daniż u mhux problema marbuta mal-eżenzjoni mill-Ġermanja tad-dritt ta’ depożitu.

122    Hija tindika wkoll li din il-kwistjoni tista’ tiġi riżolta biss bilateralment mill-pajjiżi kkonċernati jew fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ armonizzazzjoni iktar fil-fond. Għalhekk, l-unika soluzzjoni possibbli hija politika.

123    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sitwazzjoni tal-konsumaturi finali li jagħmlu xiri privat fil-kummerċ transkonfinali, minn naħa, u dik tal-esportaturi professjonali, min-naħa l-oħra, hija perfettament paragunabbli, peress li, fiż-żewġ każijiet, l-iskart huwa ġġenerat fid-Danimarka.

124    Il-Kummissjoni żżid li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma hijiex issodisfatta, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-ammont tal-multi li kienu dovuti u li ma tħallsux.

125    DN issostni l-argumentazzjoni tar-rikorrenti. Hija tfakkar, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni applikat kriterju żbaljat sabiex tevalwa jekk l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija żżid li ebda awtorità raġonevoli ma aġixxiet kif għamlu l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti. Hija tindika wkoll li ma jeżisti ebda obbligu li jiġi stabbilit l-ammont tal-multi evitati sabiex miżura ta’ eżenzjoni minn multa tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

126    IGG issostni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma humiex obbligati jimponu multa u jistgħu sempliċement jordnaw lil impriża tbiddel l-aġir tagħha, kif jirriżulta mill-Artikolu 62 tal-liġi li tirriformula d-dritt tal-iskart. Hija żżid li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti jsegwu dan l-approċċ meta jippreżentaw ruħhom f’diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tat-testi, bħal f’dan il-każ fir-rigward tal-portata tal-obbligu li jiġi applikat id-depożitu.

127    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ħwienet transkonfinali jastjenu, taħt ċerti kundizzjonijiet, milli jipperċepixxu d-depożitu. Dan l-aġir isir possibbli permezz ta’ sempliċi prassi tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti li tikkonsisti f’li jiġi kkunsidrat li d-depożitu ma huwiex dovut meta x-xorb jinxtara fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u, konsegwentement, li ma jiġux imposti multi fuq dawn il-ħwienet f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti adottaw l-inqas ċirkulari jew linji gwida li għandha l-għan li tawtorizza l-aġir inkwistjoni tal-kummerċ transkonfinali. Mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni u IGG ma kinux f’pożizzjoni li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali atti ġuridiċi.

128    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment invokat mir-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, sabiex tevalwa jekk l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa kinitx tikkostitwixxi vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, applikat kriterju legali ġdid, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

1)      Fuq l-iżball ta’ liġi allegat mir-rikorrenti

129    Qabel ma tingħata deċiżjoni, minn naħa, dwar il-validità tal-kriterju adottat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat hijiex issodisfatta u, min-naħa l-oħra, dwar in-natura żbaljata jew le tal-applikazzjoni li hija għamlet ta’ dan il-kriterju f’dan il-każ, għandha titfakkar il-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

i)      Fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat fil-każ ta’ assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa

130    Il-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, għamlet distinzjoni bejn żewġ ipoteżijiet. Fl-ewwel waħda, dik tal- “eżenzjonijiet” tal-multa, ċerti impriżi huma eżentati mill-ħlas ta’ multa li huma normalment jew inevitabbilment ikollhom ibatu skont il-leġiżlazzjoni. F’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat titqies li hija ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 45, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 106). Fit-tieni waħda, dik tal- “awtorizzazzjonijiet”, ċerti impriżi jingħataw formalment mill-awtoritajiet kompetenti, abbażi ta’ kriterji trasparenti u ddefiniti minn qabel, l-awtorizzazzjoni sabiex jadottaw aġir. B’hekk, peress li dan l-aġir huwa awtorizzat mil-leġiżlazzjoni, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq dawn l-impriżi ma tistax, jekk l-awtorizzazzjoni ma tinvolvi ebda differenza fit-trattament mhux ġustifikata meta mqabbla ma’ impriżi oħra, jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 36, 37 u 49).

ii)    Fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġdid, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli li l-awtoritajiet nazzjonali jiffaċċjaw fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika

131    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, b’differenza mill-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT marbuta mad-depożitu, ma hijiex konsegwenza indiretta jew “sekondarja” tal-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu, li hija inerenti għal din il-miżura fis-sens tas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97). L-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti jikkunsidraw, fil-fatt, li, fil-każ ta’ xiri ta’ xorb fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, ma jeżisti ebda ksur tal-leġiżlazzjoni li tista’ tiġi imposta multa. Peress li l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu f’tali sitwazzjoni hija konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni, kif dawn l-awtoritajiet jinterpretawha, ikun neċessarjament eskluż li tiġi imposta multa fuq ħwienet transkonfinali.

132    Tali kuntest, li fih l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa ma tistax tiġi sseparata mill-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu u, għalhekk, mill-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, ma jikkorrispondi għal ebda waħda miż-żewġ ipoteżijiet eżaminati sa dak iż-żmien mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-multi.

133    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti kienu taw lill-impriżi kkonċernati sabiex jadottaw aġir speċifiku, f’dan il-każ eżenzjoni mill-obbligu li jipperċepixxu d-depożitu. Fil-fatt, l-eżenzjoni mid-depożitu tirriżulta, mhux minn awtorizzazzjoni minn qabel u trasparenti, stipulata minn test, iżda minn sempliċi prattika tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, li ilha stabbilita mill-2005, jew saħansitra mill-2003, li ma timponix multa fuq il-ħwienet transkonfinali meta dawn ma jieħdux id-depożitu.

134    Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa ma tirriżultax minn eżenzjoni espliċita mill-obbligu li jiġi pperċepit id-depożitu li jinsab fil-VerpackV, li kien adotta l-awtur ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti għandhom is-setgħa li jemendaw il-VerpackV — li ġiet adottata mill-awtoritajiet federali — sabiex, b’mod partikolari, tintroduċi derogi għall-obbligu li jiġi applikat id-depożitu. Għall-kuntrarju, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-awtoritajiet reġjonali għandhom biss, fir-rigward tal-obbligu li japplikaw d-depożitu, kompetenza repressiva. Barra minn hekk, l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma adottaw l-ebda regola jew istruzzjoni bil-miktub li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ deroga mill-obbligu li jiġi pperċepit id-depożitu. L-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu u, korrelattivament, l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa għalhekk ma tirriżultax minn eżenzjoni mil-leġiżlazzjoni, kuntrarjament għall-miżura li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwarha fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551), iżda minn sempliċi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, aċċettata fil-prattika mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti.

135    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq kriterju ġuridiku ġdid, ibbażat fuq ir-rabta bejn l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-eżerċizzju tas-setgħa repressiva mill-awtoritajiet li jiddisponu minnha, sabiex teżamina jekk l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa setgħetx titqies bħala vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Huwa wkoll ġustament li l-Kummissjoni qieset li d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni setgħu, bħala prinċipju, jeskludu li l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa titqies bħala eżenzjoni minn multa li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, is-sitwazzjoni li fiha jeżistu diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola li l-ksur tagħha jista’ jiġi ssanzjonat permezz tal-impożizzjoni ta’ multa hija nettament distinta, mill-perspettiva tal-vantaġġ inkwistjoni, minn dik li fiha l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li teżenta lil impriża mill-ħlas ta’ multa li hija jkollha ssostni skont il-leġiżlazzjoni. Fl-ewwel ipoteżi, kuntrarjament għal dak li jinsab fit-tieni ipoteżi, ma jeżistix piż li kien jeżisti qabel. Fil-fatt, fid-dawl tal-portata inċerta tar-regola, l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur ma tidhirx b’mod ċar u s-sanzjoni ta’ tali aġir permezz ta’ multa ma tidhirx għalhekk, f’tali sitwazzjoni ta’ inċertezza, neċessarja jew inevitabbli.

136    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret in-natura inerenti għal kull sistema legali ta’ miżuri li jikkonsistu f’li ċertu aġir ma jiġix suġġett għal sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 36) u l-Avukat Ġenerali Wahl, fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Eventech (C‑518/13, EU:C:2014:2239), irrileva li l-multi huma strumenti li jappartjenu għall-isfera tal-ordni pubbliku. Għaldaqstant, għandha tinżamm il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam, inkluż fl-ipoteżi fejn ikun hemm diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli.

137    Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma vvizzjatx ir-raġunament tagħha bi żball ta’ liġi meta qieset li, sabiex tikkonkludi li hemm assenza ta’ riżorsi tal-Istat fir-rigward ta’ miżura li tikkonsisti, għal awtorità pubblika, li ma timponix multa, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ din it-tilwima, kellu jiġi applikat kriterju ġdid, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli li l-awtoritajiet nazzjonali jiffaċċjaw fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika.

138    Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud fuq dan il-punt.

139    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kriterju adottat mill-Kummissjoni jista’ jwassal għal abbużi. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li d-diffikultajiet eventwali ta’ interpretazzjoni inkwistjoni huma ta’ natura dewwiema.

iii) Fuq l-assenza ta’ delimitazzjoni ratione temporis tal-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli li l-awtoritajiet nazzjonali jiffaċċjaw fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika

140    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom huma bbażati t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u ġie stabbilit ukoll f’diversi trattati internazzjonali, b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:295, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jafferma mill-ġdid dan il-prinċipju billi jipprovdi li “[l]-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali”.

141    Issa, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jissanzjonawh (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 40).

142    Fil-fatt, huwa mixtieq li l-kliem ta’ leġiżlazzjoni, b’mod partikolari meta din tinkludi dispożizzjonijiet ta’ natura repressiva, ma tinkludi ebda ambigwità, sabiex il-persuni li għalihom tapplika din il-leġiżlazzjoni jkunu jistgħu jorjentaw l-aġir tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti u li konsegwentement jiġu ssanzjonati biss jekk huma, deliberatament jew b’negliġenza, naqsu milli jwettqu obbligu impost fuqhom.

143    Għaldaqstant, jidher paradossali li d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni jippermettu lill-Istati Membri, li huma l-awturi tagħha, li jevitaw, mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis, l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġġustifikaw assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa biss għal perijodu limitat u ta’ tul raġonevoli, li matulu għandha ssir il-kjarifika tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

144    L-ambigwità jew in-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tidher inqas u inqas probabbli li tiġġustifika l-esklużjoni ta’ miżura mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li din il-leġiżlazzjoni għandha bħala għan, bħal f’dan il-każ (ara l-punt 1 iktar ’il fuq)li tittrasponi direttiva.

145    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ direttiva fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, huwa indispensabbli li d-dritt nazzjonali inkwistjoni jiggarantixxi effettivament l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn dan id-dritt tkun suffiċjentement preċiża u ċara sabiex tissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u li l-benefiċjarji jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑311/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:702, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 140 sa 145 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli jista’ japplika biss bil-kundizzjoni li dawn id-diffikultajiet ikunu temporanji u li jkunu parti minn proċess ta’ kjarifika gradwali tan-normi.

147    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege huwa osservat meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tiegħu mogħtija mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punti 39 u 40). Għaldaqstant, tali prinċipju ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ kawża għal oħra, bil-kundizzjoni li r-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli fil-mument meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41).

148    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sempliċi fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kienu kkonfrontati, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika, b’dubji serji u raġonevoli dwar il-portata u l-interpretazzjoni tar-regola applikabbli kien biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm assenza ta’ riżorsi tal-Istat. Permezz ta’ tali motiv, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment għan-natura kemm temporanja kif ukoll inerenti għall-kjarifika gradwali tar-regoli tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq, filwaqt li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun possibbli li wieħed jasal għal konstatazzjoni ta’ assenza ta’ riżorsi tal-Istat.

149    Issa, fir-rigward tan-natura temporanja tal-eventwali diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-4 ta’ Ottubru 2018 u li din l-inċertezza tippersisti, skont il-Kummissjoni, mill-inqas, mill-2005, jew saħansitra mill-2003, din ma ssemmi ebda ċirkustanza partikolari li tippermetti li tiġi ġġustifikata l-persistenza ta’ tali inċertezza fuq perijodu daqstant twil.

150    Fir-rigward tan-natura inerenti għall-kjarifika gradwali tar-regoli tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li tali diffikultajiet kienu fil-proċess li jkunu mtaffa.

151    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni indikat dan li ġej, fil-punt 62 tad-deċiżjoni kkontestata:

“L-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li tali nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tad-dritt federali huwa riżolt permezz ta’ djalogu intensiv li sar bejn il-Gvern Federali u l-Länder ikkonċernati; fil-każ ta’ dubju, fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Bundesrat (il-Kunsill Federali, il-Ġermanja) li għandu jiddeċiedi l-kwistjoni. Madankollu, din il-proċedura ma ġietx segwita f’dan il-każ. ” (traduzzjoni mhux uffiċjali).

152    Dan huwa indizju li jippermetti li tiġi kkonstatata l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ proċess ta’ kjarifika gradwali tar-regoli speċifikament previsti għal dan il-għan mid-dritt Ġermaniż.

153    Huwa minnu li, barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, isir riferiment għal sentenza tal-ewwel istanza, ikkonfermata sussegwentement fl-appell, li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti.

154    Madankollu, il-Kummissjoni rrilevat l-assenza ta’ natura definittiva, fid-dawl tan-natura provviżorja tal-proċedura inkwistjoni, ta’ tali sentenza li, barra minn hekk, ma tidhirx li hija bbażata, skont il-kliem stess tad-deċiżjoni kkontestata, fuq eżami fil-fond tal-legalità tal-prattika tal-kummerċ transkonfinali. Għalkemm, matul is-seduta, IGG enfasizzat li l-Oberverwaltungsgericht Schleswig-Holstein (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja) kienet, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Lulju 2003, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti inferjuri billi ddeċidiet b’mod ċar favur l-interpretazzjoni adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, din il-konstatazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata.

155    Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ddeċidew, wara s-sentenzi mogħtija fl-2003, li ma jadottawx miżuri ġodda ta’ restrizzjoni amministrattiva kontra l-kummerċ transkonfinali li ma japplikawx depożitu meta kien hemm, fuq livell federali, interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli inkompatibbli mal-(punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata) u li tali miżuri setgħu jagħtu lok għal interpretazzjoni definittiva tal-leġiżlazzjoni applikabbli mill-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċeduri mressqa quddiemhom, il-qrati nazzjonali kkonċernati setgħu jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar il-konformità tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa mad-dritt tal-Unjoni, kemm fil-qasam ambjentali kif ukoll fil-qasam tal-libertà ta’ moviment, liema oqsma huma indirizzati t-tnejn mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

156    L-assenza ta’ proċeduri ġudizzjarji ġodda sa mill-2003, filwaqt li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni federali adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma kinitx tikkorrispondi għal dik tal-Gvern li kien l-awtur tagħha, huwa indizju addizzjonali tal-fatt li d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinux parti minn proċess ta’ kjarifika gradwali tar-regoli.

157    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 140 sa 156 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma kinitx sodisfatta mingħajr ma eżaminat jekk id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li hija bbażat ruħha fuqhom kinux temporanji u inerenti għall-kjarifika gradwali tar-regoli. Il-kontenut insuffiċjenti u inkomplet tal-eżami mwettaq fuq din il-kwistjoni mill-Kummissjoni matul il-fażi preliminari huwa, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, indizju li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tegħleb, fl-istadju ta’ din il-fażi preliminari, id-diffikultajiet serji kollha li ltaqgħet magħhom sabiex tiddetermina jekk l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu u l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

158    Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, kif issostni wkoll ir-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li f’dan il-każ kienu jeżistu diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli li jistgħu jiġġustifikaw konstatazzjoni ta’ assenza ta’ riżorsi tal-Istat.

iv)    Fuq l-assenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli li jistgħu jiġġustifikaw konstatazzjoni ta’ assenza ta’ riżorsi tal-Istat

159    Kif intqal fil-punt 137 iktar ’il fuq, jista’ jiġi aċċettat li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma hijiex issodisfatta, fir-rigward ta’ assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, meta jeżistu diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

160    Madankollu, jeħtieġ ukoll li l-awtur tal-miżura inkwistjoni jibbaża huwa stess id-deċiżjoni tiegħu li ma jimponix multa fuq l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet.

161    Issa, f’dan il-każ, l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħhom li ma jimponux multa fuq il-ħwienet transkonfinali, ma jibbażawx ruħhom fuq l-eżistenza ta’ inċertezza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-VerpackV, iżda fuq l-interpretazzjoni kostanti li huma jagħmlu minnha sa mill-2005, jew saħansitra mill-2003, li tgħid li l-obbligu li wieħed jipperċepixxi depożitu ma japplikax għall-ħwienet transkonfinali meta jbigħu bottijiet lil klijenti residenti f’pajjiżi transkonfinali, b’mod partikolari d-Danimarka, u li jaċċettaw li jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

162    Il-Kummissjoni stess tammetti, kif jirriżulta mill-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti jqisu espressament li huwa ipso jure li l-kummerċ transkonfinali ma huwiex marbut li jipperċepixxi d-depożitu. Barra minn hekk, hija tippreċiża li din l-interpretazzjoni tal-VerpackV hija applikata uniformament għall-ħwienet kollha stabbiliti fit-territorji Ġermaniżi kkonċernati (punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

163    Huwa għalhekk b’mod żbaljat li l-Kummissjoni qieset li hija setgħet tapplika f’dan il-każ il-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-regola applikabbli, filwaqt li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma bbażawx ruħhom fuq l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet sabiex jiġġustifikaw il-prattika tagħhom li ma jimponux multa fuq il-ħwienet transkonfinali meta dawn ma jiħdux id-depożitu.

164    Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk applikat b’mod żbaljat il-kriterju tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Dan l-iżball, bħal dak ikkonstatat fil-punt 157 iktar ’il fuq, huwa indizju supplimentari li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tegħleb, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-diffikultajiet serji li qajmet l-eżami taż-żewġ miżuri, marbuta b’mod indissoċjabbli, li huma l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu u l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa.

165    Issa għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li, fil-fehma tagħha, kienu jippreżentaw l-eżami ta’ dawn il-miżuri.

2)      Fuq l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji

166    F’dan il-każ, l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti jippermettu lill-ħwienet transkonfinali, billi ma jimponulhomx multa, li ma jipperċepixxux id-depożitu fuq ċertu bejgħ ta’ xarbiet tagħhom. Huma jqisu li din il-prattika hija konformi mal-VerpackV jekk ċerti kriterji huma sodisfatti. Il-kriterji adottati mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti sabiex jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-depożitu huma, minbarra l-fatt li din tapplika għal ħwienet transkonfinali, ir-restrizzjoni tal-benefiċċju tagħha għall-konsumaturi residenti f’pajjiżi transkonfinali, b’mod partikolari d-Danimarka, li jaċċettaw li jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

167    Ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni tal-VerpackV adottata mill-awtoritajiet kompetenti u ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi f’dan ir-rigward li kien hemm diffikultajiet serji.

168    Għandu jiġi eżaminat dan l-ilment, imbagħad għandha tingħata risposta għall-argumenti l-oħra invokati bħala difiża mill-Kummissjoni u IGG sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

i)      Fuq il-kontestazzjoni tal-interpretazzjoni tal-VerpackV adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti

169    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li fil-leġiżlazzjoni applikabbli ma teżisti ebda bażi legali li tiġġustifika l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu mill-ħwienet transkonfinali.

170    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni stess indikat, fil-paragrafu 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, kellu jinftiehem bħala li jimponi fuq il-ħwienet transkonfinali li jipperċepixxu d-depożitu.

171    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti “ma [allegawx] li [kien] hemm, fil- [VerpackV], bażi legali speċifika li tippermetti li l-ħwienet transkonfinali jiġu eżentati mill-obbligu li jiffatturaw id-depożitu”.

172    Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata (punt 67), li d-Direttiva 94/62 ma kinitx tipprevedi eċċezzjoni li tiġġustifika l-assenza ta’ applikazzjoni tad-depożitu għall-kummerċ transkonfinali.

173    Konsegwentement, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li ma teżisti ebda bażi legali speċifika, fil-leġiżlazzjoni applikabbli, li tiġġustifika l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu mill-ħwienet transkonfinali tidher li hija stabbilita.

174    Issa, tali assenza ta’ bażi legali, filwaqt li barra minn hekk jeżisti obbligu testwali li wieħed jipperċepixxi d-depożitu, li huwa espliċitu, nieqes minn ambigwità u li l-portata tiegħu tidher kbira ħafna (ara l-punti 2 u 3 iktar ’il fuq), iwassal sabiex tiġi ddubitata l-interpretazzjoni tal-VerpackV adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti u tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

175    Fit-tieni lok, filwaqt li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti adottaw interpretazzjoni tal-VerpackV li tgħid li l-obbligu li jiġi pperċepit id-depożitu ma japplikax għal ħwienet transkonfinali meta jbigħu xorb lil klijenti residenti f’pajjiżi transkonfinali, b’mod partikolari d-Danimarka, u li jaċċettaw li jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, mill-punt 59 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont rapport imwettaq fuq talba tal-awtoritajiet federali Ġermaniżi, id-depożitu għandu jiġi applikat anki f’dan il-każ.

176    Barra minn hekk, mill-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “l-interpretazzjoni tal- [awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti] ma hijiex kompatibbli ma’ dik [tal-awtoritajiet federali]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

177    Din id-diverġenza fl-interpretazzjoni tal-VerpackV bejn l-awtoritajiet federali Ġermaniżi u l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu mill-ħwienet transkonfinali hijiex kompatibbli ma’ din il-leġiżlazzjoni u mad-Direttiva 94/62, iwassalx sabiex jiġi ddubitat li l-interpretazzjoni adottata minn dawn tal-aħħar tista’ tkun “kompromess raġonevoli”, kif ikklassifikatha l-Kummissjoni fil-punt 68 tad-deċiżjoni kkontestata. Tali diverġenza tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

178    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa kienet “applikata b’mod uniformi fuq il-ħwienet kollha stabbiliti fit-territorju Ġermaniż inkwistjoni (b’mod partikolari fiż-żewġ Länder ikkonċernati) li jservu esklużivament klijenti barranin li [kienu] jinkarigaw ruħhom bil-miktub sabiex jesportaw ix-xarbiet u l-konsum tagħhom, kif ukoll sabiex jeliminaw l-ippakkjar vojt barra mill-Ġermanja (li huwa meħtieġ taħt id- ‘dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni’)” (traduzzjoni mhux uffiċjali).

179    L-affermazzjoni li deroga mis-sistema ta’ depożitu hija applikata b’mod koerenti u uniformi għat-territorju Ġermaniż kollu hija fformulata b’mod ambigwu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma taffermax espliċitament li assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu huwa ttollerat f’żoni oħra tal-fruntiera minbarra dawk li jinsabu fil-Länder ta’ Schleswig-Holstein u ta’ Mecklenburg-Vorpommern. Barra minn hekk, hija ma tagħti l-ebda dettall dwar reġjuni Ġermaniżi oħra li fihom tali tolleranza tiġi applikata wkoll. Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni u IGG ma indikawx li Länder oħra adottaw l-istess deroga mis-sistema ta’ depożitu.

180    Barra minn hekk, filwaqt li l-asserzjoni li tinsab fil-punt 178 iktar ’il fuq hija kkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li żżid, mingħajr iktar dettalji, li l-konsumaturi tal-Istati Membri minbarra r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ma “[kinux] apparentement interessati” fil-possibbiltà li jużaw dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni.

181    Konsegwentement, l-eżistenza ta’ deroga mill-perċezzjoni tad-depożitu applikati b’mod rikorrenti fiż-żoni kollha tal-fruntiera tal-Ġermanja mhijiex stabbilita, ħaġa li ddgħajjef l-argument li n-nuqqas ta’ perċezzjoni tad-depożitu u l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa huma bbażati fuq ġustifikazzjonijiet oġġettivi inerenti għas-sistema ta’ depożitu, fir-rigward tal-ispeċifiċità tal-bejgħ ipprattikat f’dawn iż-żoni.

182    Din il-konklużjoni tippermetti li tiġi ddubitata l-interpretazzjoni tal-VerpackV adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti u tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

183    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssemmi proposta ta’ emenda tal-VerpackV, tal-2004, introdotta mil-Länder ta’ Schleswig-Holstein u ta’ Mecklenburg-Vorpommern.

184    Ma huwiex ikkontestat li, f’din il-proposta, kien hemm l-estratt li ġej:

“Fuq talba tad-distributur finali, l-awtorità kompetenti tat eżenzjoni mid-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għax-xarbiet kontenuti f’ippakkjar li ma jistax jerġa’ jintuża li jinbiegħu lil konsumaturi finali fil-portijiet marittimi jew fiż-żoni li jinsabu qrib fruntiera sabiex jiġu kkunsmati barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet (kummerċ bejn il-fruntieri), meta l-applikant ikun adotta miżuri xierqa u raġonevoli sabiex jiġi assigurat li ma l-ippakkjar ma joħloqx skart fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-digriet u li l-ħlas lura tad-depożitu mhuwiex possibbli fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-digriet.

[…]

Ġustifikazzjoni

[…]

Fuq il-fruntiera mad-Danimarka, kif ukoll fil-portijiet tal-laneċ u fiż-żoni madwar is-Schleswig-Holstein u f’Mecklenburg-Vorpommern, kien żviluppa kummerċ transkonfinali speċjalizzat fil-klijenti Skandinavi. Huwa importanti ħafna għal dan ir-reġjun ekonomikament sottożviluppat.

Il-proposta ta’ emenda hija intiża sabiex tipprekludi li din il-bażi kummerċjali titneħħa għall-kummerċ transkonfinali u għal kwalunkwe 3 000 impjieg li jiddependu fuqha, direttament jew indirettament, xejn milli fuq ix-Schleswig-Holstein, u sabiex jiġi evitat li din it-tneħħija jkollha impatt fuq it-turiżmu, li huwa importanti ħafna għal dawn ir-reġjuni.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

185    Minn din is-silta jirriżulta li l-proposta għal emenda inkwistjoni kellha bħala raġuni l-protezzjoni tal-impjieg u tal-attività ekonomika marbuta mat-turiżmu f’żoni fejn l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, li kienu jaqgħu taħt il-Länder ta’ Schleswig-Holstein u ta’ Mecklenburg-Vorpommern, bdew, matul l-istess perijodu bħal dak tal-introduzzjoni ta’ din il-proposta, jimplimentaw id-deroga mis-sistema ta’ depożitu.

186    Għalhekk huwa probabbli li l-motivi għal din il-proposta ta’ emenda jkunu wkoll dawk li wasslu għall-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu u għall-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa.

187    Dan huwa indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, peress li jippermetti li jiġi preżunt li l-interpretazzjoni tal-VerpackV adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma hijiex relatata mal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent segwit minn dan it-test.

188    Dan l-indizju huwa iktar u iktar probatorju peress li l-uniku element materjali li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiddetermina l-pożizzjoni tal-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti huwa r-rapport, imsemmi fil-punt 23 iktar ’il fuq, li ma ġiex stabbilit fuq inizjattiva tagħhom, iżda għal dik tal-kummerċ transkonfinali.

189    Fil-fatt, għalkemm, fil-punti 50 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li hija tesponi l-interpretazzjoni tal-VerpackV u, b’mod partikolari, tal-obbligu li jiġi pperċepit id-depożitu mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti, hija ma ssemmi ebda element materjali li jippermetti li jiġi stabbilit li l-pożizzjoni li hija tiddeskrivi tirriżulta minn dawn l-awtoritajiet u mhux minn IGG jew minn ħwienet transkonfinali li din tal-aħħar tirrappreżenta.

190    Mill-assenza ta’ tali elementi materjali jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami komplet tas-sitwazzjoni li ġiet sottomessa lilha, li jikkostitwixxi wkoll indizju li juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Il-Belġju vs Deutsche Post u DHL International, C‑148/09 P, EU:C:2011:603, punti 83 sa 86; tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punt 109, u tal-20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 59, 67 u 99).

191    Fil-ħames lok, l-elementi li jikkonċernaw il-portata, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni u l-għanijiet tal-miżuri inkwistjoni li l-Kummissjoni kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata ma kinux suffiċjenti sabiex jippermettulha tikkonkludi li kien hemm assenza ta’ diffikultajiet serji.

192    Fil-fatt, l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu ma tirriżultax minn eċċezzjoni jew minn eżenzjoni espliċitament prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli, u lanqas mil-linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Għaldaqstant jidher li din tikkostitwixxi prassi amministrattiva, jew saħansitra sempliċi tolleranza li l-portata u l-kontenut tagħha huma ftit preċiżi. B’mod partikolari, waqt is-seduta, ma ġiex indikat, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-modalitajiet ta’ stabbiliment, il-forma u l-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni kienu ġew stabbiliti permezz ta’ att maħruġ mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti. Issa, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma pprovatx tirrimedja l-impreċiżjonijiet marbuta mal-kuntest legali tal-miżuri kontenzjużi billi stabbilixxiet deskrizzjoni ddettaljata tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-deroga mis-sistema ta’ depożitu. Għall-kuntrarju, hija essenzjalment illimitat ruħha li tipproduċi xi elementi li kienu ttrażmettewlha l-interlokuturi tagħha matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni.

193    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ebda element materjali li jippermetti li jiġi stabbilit li l-pożizzjoni li hija kienet tiddeskrivi kienet ġejja mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti u mhux minn IGG jew minn ħwienet transkonfinali li din tal-aħħar tirrappreżenta.

194    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma indikatx b’mod preċiż liema korpi tal-Länder ta’ Schleswig-Holstein u ta’ Mecklenburg-Vorpommern kienu kompetenti sabiex jimponu fuq ħwienet transkonfinali l-applikazzjoni tad-depożitu u għalhekk sabiex jiddeċiedu li jeħilsuhom. Hija lanqas ma ddeskriviet il-modalitajiet li skonthom id-deċiżjonijiet f’dan il-qasam kienu adottati minn dawn il-Länder.

195    Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 191 sa 194 iktar ’il fuq jippermettu li jiġi konkluż li ma kienx hemm eżami suffiċjentement komplet u fil-fond tal-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa mill-Kummissjoni, li jikkostitwixxi indizju addizzjonali li juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

196    Fis-sitt lok, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni għal ħwienet transkonfinali ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jirċievu d-depożitu li ma huwiex espressament previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli, il-Kummissjoni adottat fid-deċiżjoni kkontestata (punti 53 u 67) l-analoġija użata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni tal-prodotti mixtrija fil-Ġermanja minn konsumatur finali sabiex jiġu kkunsmati barra mit-territorju Ġermaniż u, min-naħa l-oħra, dik tal-prodotti esportati barra minn dan it-territorju.

197    Issa, il-fondatezza ta’ tali analoġija, li għandha twassal għal ġustifikazzjoni għall-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat l-aġir awtorizzat, ma tidhirx b’mod ċar fid-dawl tad-differenza li teżisti bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet inkwistjoni.

198    Fil-fatt, ir-rikorrenti tindika, f’dan ir-rigward, li l-prodotti esportati ser ikunu suġġetti, jekk ikun il-każ, għas-sistema ta’ depożitu applikabbli fl-Istat Membru fejn huma esportati, kuntrarjament għall-prodotti li għalihom japplikaw il-miżuri kkontenzjużi li ma huma suġġetti għal ebda sistema ta’ depożitu.

199    Issa, din hija differenza li tidher kemm sostanzjali kif ukoll rilevanti.

200    Ċertament, il-Kummissjoni tafferma, mingħajr ma ġiet kontradetta, li l-ħwienet transkonfinali kienu talbu sabiex jingħaqdu mas-sistema Daniża ta’ depożitu, iżda ma kinux awtorizzati li jagħmlu dan wara l-oppożizzjoni tar-rikorrenti.

201    Madankollu, il-fatt li tali element, li jista’ jirriżulta determinanti sabiex jinftiehem il-kuntest li fih ġew implimentati l-miżuri kkontenzjużi, lanqas ma ssemma fid-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami komplet tas-sitwazzjoni li kienet tressqet quddiemha.

202    Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ma tantx huma ddettaljati. Barra minn hekk, hija ma tipproduċi ebda element materjali, iżda sempliċement tirreferi għal paġna, li hija ma ssemmi ebda estratt minnha, tar-rapport imsemmi fil-punt 23 iktar ’il fuq.

203    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 169 sa 202 iktar ’il fuq jirriżulta li jeżistu numru ta’ indizji li juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jippermettu li tiġi ddubitata l-interpretazzjoni tal-VerpackV adottata mill-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti. Dawn l-indizji jippermettu, tal-inqas, li jiġi konkluż li l-eżami mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni lilha sottomessa ma kienx komplet, li jikkostitwixxi, bħala tali, indizju li juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

ii)    Fuq l-argumenti l-oħra invokati mill-Kummissjoni u IGG sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji

204    Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni u ta’ IGG.

205    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tinvoka, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, deċiżjoni li hija adottat preċedentement f’kuntest li hija tqis komparabbli ma’ dak ta’ din il-kawża.

206    Din hija d-Deċiżjoni C(2015) 3064 finali, tat-8 ta’ Mejju 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34528 (2015/NN) (ex-2012/CP) – L-Estonja – Eżenzjoni tad-depożitu tad-dazju tas-sisa fuq l-ippakkjar għax-xorb ikkunsinnat abbord bastimenti.

207    Il-Kummissjoni tfakkar li, f’din il-kawża, eċċezzjoni għal-leġiżlazzjoni nazzjonali Estonjana fuq l-ippakkjar għall-bejgħ ta’ xorb li jseħħ fl-ibħra internazzjonali, abbord bastimenti li jmorru fi Stat Membru ieħor, ma ġietx ikkunsidrata bħala għajnuna.

208    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ għajnuna huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ elementi oġġettivi. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni u għandha tiġi ddeterminata indipendentement minn kull prassi amministrattiva preċedenti ta’ din l-istituzzjoni, jekk jitqies li hija stabbilita (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni invokata mill-Kummissjoni, l-impriżi kkonċernati kienu suġġetti għal dazji tas-sisa jekk huma ma kinux josservaw ir-rata ta’ valutazzjoni tal-ippakkjar prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali Estonjana (punt 9).

210    Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 45 tad-deċiżjoni li hija tinvoka, li l-loġika tas-sistema fiskali inkwistjoni kienet tiġġustifika l-esklużjoni tal-bejgħ ikkonċernat mill-ħlas tad-dazji tas-sisa. Hija kkonkludiet, fil-punt 46 ta’ din l-istess deċiżjoni, li l-miżura eżaminata ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna.

211    Madankollu, il-punt 45 tad-deċiżjoni invokata mill-Kummissjoni ma jikkonċernax il-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat, iżda dik ta’ selettività u, b’mod iktar partikolari, it-tielet stadju tal-metodu li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-miżuri nazzjonali ta’ natura ġenerali u l-miżuri selettivi, stadju li jippermetti li jiġi konkluż li hemm assenza ta’ selettività, anki jekk l-eżistenza ta’ deroga minn sistema ġenerali tkun ġiet ikkonstatata minn qabel, meta din id-deroga tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li fiha taqa’ l-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punti 55 sa 58).

212    L-argument tal-Kummissjoni huwa għalhekk irrilevanti għall-eżami tal-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat.

213    Barra minn hekk, id-dazji tas-sisa, peress li kienu japplikaw biss jekk impriża kienet tadotta aġir li l-Istat ikkonċernat kellu l-intenzjoni li jipprevjeni, jistgħu jixbhu, sa ċertu punt, penali simili għall-multa prevista f’dan il-każ meta l-ħwienet transkonfinali ma japplikawx is-sistema ta’ depożitu (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

214    Issa, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-assenza ta’ applikazzjoni tad-dazji tas-sisa għax-xiri ta’ xorb li kien inbiegħ f’bastimenti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor minbarra l-Estonja u li ma kinux intiżi sabiex jiġu kkonsmati immedjatament, kien jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat (punt 42).

215    Konsegwentement, mhux biss il-Kummissjoni ma tistax tinvoka d-deċiżjoni msemmija fil-punt 206 iktar ’il fuq, iżda din tista’ tiġi analizzata bħala preċedent li jmur kontra t-teżi adottata fid-deċiżjoni kkontestata.

216    Fit-tieni lok, is-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-iktar soluzzjoni adattata sabiex jiġu riżolti d-diffikultajiet marbuta mal-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ depożiti nazzjonali distinti tikkonsisti, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti, f’integrazzjoni parzjali tal-kummerċ li jinsabu f’żona tal-fruntiera ta’ Stat Membru fis-sistema ta’ depożitu tal-Istat Membru ġar, ma tistax tippermetti li jiġi konkluż mill-ewwel, mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li l-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu ta’ Stat Membru u l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa ma jikkostitwixxux vantaġġ finanzjarju permezz tar-riżorsi tal-Istat.

217    Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk miżura nazzjonali taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE ma tiddependix minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-opportunità tagħha.(ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawżi magħquda Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:89, punt 401), peress li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat FUE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 25).

218    F’dan il-każ, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li teżisti soluzzjoni iktar adattata mill-applikazzjoni għal ħwienet transkonfinali tas-sistema ta’ depożitu ma tistax tneħħi minn qabel in-natura ta’ għajnuna għall-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa jekk jirriżulta li din tissodisfa barra minn hekk il-kundizzjonijiet kollha previsti mill-Artikolu 107(1) TFUE.

219    Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud, fi kwalunkwe każ, l-argument tal-Kummissjoni li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma hijiex issodisfatta, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-ammont tal-multi li kienu jkunu dovuti li kieku ġew imposti fuq il-ħwienet transkonfinali.

220    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħalla lura meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    A fortiori, ma huwiex il-kompitu tar-rikorrenti, fl-istadju preliminari tal-proċedura li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li tiddetermina l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandu, jekk ikun il-każ, jitħallas lura, peress li l-eżami tal-miżuri inkwistjoni f’dan l-istadju huwa ta’ natura sommarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 22; tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑204/97, EU:C:2001:233, punt 34, u tat-13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 71).

222    Fir-raba’ lok, IGG issostni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti ma humiex obbligati jimponu multa u jistgħu sempliċement jordnaw lil impriża tbiddel l-aġir tagħha, kif jirriżulta mill-Artikolu 62 tal-liġi li tirriformula d-dritt tal-iskart. Hija żżid li l-awtoritajiet reġjonali Ġermaniżi kompetenti jsegwu dan l-approċċ meta, bħal f’dan il-każ, fil-fehma tagħha, ikun hemm diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward tal-obbligu li jiġi applikat id-depożitu

223    F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat li dan l-argument ma jissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata.

224    Issa, huwa fuq il-bażi tal-eżami tal-Kummissjoni, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, u mhux minn argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji għandha tiġi evalwata. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ dubju għandha titfittex fil-kontenut tad-deċiżjoni, billi jiġu pparagunati l-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata mal-elementi li hija kellha meta ddeċidiet (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 31).

225    It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 62 tal-liġi dwar ir-riformulazzjoni tad-dritt tal-iskart jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jadottaw miżuri individwali ta’ infurzar sabiex japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u digrieti adottati għall-applikazzjoni tagħha, fosthom il-VerpackV. Huwa għalhekk għandu kamp ta’ applikazzjoni ddefinit b’mod wiesa’ ħafna.

226    Għall-kuntrarju, l-Artikolu 69(3) tal-liġi dwar ir-riformulazzjoni tad-dritt tal-iskart jipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa għal ċertu ksur speċifiku, bħall-assenza ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ depożitu (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

227    Għaldaqstant, ma jidhirx, b’mod evidenti, li l-Artikolu 62 tal-liġi dwar ir-riformulazzjoni tad-dritt tal-iskart, bħala “liġi ġenerali”, huwa intiż li jissostitwixxi l- “liġi speċjali” li tikkostitwixxi l-Artikolu 69(3) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling, C‑444/00, EU:C:2003:356, punt 57).

228    It-tielet nett, jista’ jiġi preżunt li, jekk impriża ma tostakolax wara li tkun, jekk ikun il-każ, suġġetta għal ordni adottata abbażi tal-Artikolu 62 tal-liġi li tirriformula d-dritt tal-iskart, l-awtorità kompetenti timponilha multa sabiex tobbligaha tapplika s-sistema ta’ depożitu.

229    B’hekk, l-impożizzjoni ta’ multa tidher, minn tal-inqas, bħala riżultat probabbli fl-ipoteżi fejn impriża tirrifjuta, b’mod persistenti, li tapplika s-sistema ta’ depożitu.

230    L-argument invokat minn IGG għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

231    Fil-ħames lok, IGG tinvoka s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799), u, b’mod partikolari, mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, li minnu jirriżulta li l-Istat Membru li jistabbilixxi sistema ta’ depożitu għandu jiżgura li jeżisti numru suffiċjenti ta’ punti ta’ ġbir sabiex il-konsumaturi li jkunu xtraw prodotti ppakkjati li jintużaw darba li jkunu rreġistrati jistgħu jirkupraw l-ammont ta’ depożitu anki jekk ma jirritornawhx fil-post tax-xiri inizjali.

232    Madankollu, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799), ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-applikazzjoni sistematika tad-depożitu fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, inkluż fiż-żoni tal-fruntiera, tmur kontra l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija.

233    Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 45), kienet biss inkwistjoni l-kwistjoni dwar jekk Stat Membru setax jissostitwixxi sistema ta’ ġbir tal-ippakkjar fil-viċinanzi tad-domiċilju tal-konsumaturi jew tal-punti ta’ bejgħ b’sistema ta’ depożitu u ta’ tkomplija individwali, mingħajr ma l-kwistjoni tal-implikazzjonijiet ta’ sistema ta’ depożitu għaż-żoni transkonfinali tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

234    Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-konsumaturi tal-pajjiżi transkonfinali tal-Ġermanja, b’mod partikolari d-Danimarka, li jibbenefikaw mill-assenza ta’ applikazzjoni tad-depożitu jistgħu, jekk tiġi applikata għalihom, jirkupraw id-depożitu mingħand id-distributuri Ġermaniżi kollha (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), jiġifieri mingħajr ma neċessarjament jirritornaw fil-post ta’ xiri inizjali.

235    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji hija stabbilita.

3)      Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku

236    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżami tal-Kummissjoni li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata kien ivvizzjat b’diversi żbalji u insuffiċjenzi u li kienu jeżistu indizji oħra li jippermettu li jiġi konkluż li jeżistu diffikultajiet serji.

237    Konsegwentement, it-tielet parti tal-motiv uniku, dwar l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa, għandha tintlaqa’.

238    Peress li l-assenza ta’perċezzjoni tal-VAT hija inerenti għall-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu, li hija stess ma tistax tiġi sseparata mill-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq l-impriżi li ma jirċevux id-depożitu, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha kemm hi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑29/99, EU:C:2002:734, punt 45, u tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il‑Kummissjoni, T‑137/10, EU:T:2012:584, punti 311 sa 313).

 Fuq l-ispejjeż

239    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

240    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti u DN, intervenjenti in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din ta’ l-aħħar u ta’ DN.

241    Fl-assenza ta’ talbiet f’dan is-sens, IGG ma tistax tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ partijiet oħra. Madankollu, peress li hija intervjeniet insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

242    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu f’tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 6315 finali, tal-4 ta’ Ottubru 2018 dwar l-għajnuna tal-Istat SA.44865 (2016/FC) – Il-Ġermanja – Allegata għajnuna favur ħwienet tax-xorb li jinsabu fil-fruntiera Ġermaniża, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn Dansk Erhverv u Danmarks Naturfredningsforening.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG) għandhom ibatu kull waħda minnhom l-ispejjeż tagħhom stess.

Papasavvas

Gervasoni

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Ġunju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.