Language of document : ECLI:EU:T:2010:294

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

8 ta’ Lulju 2010(*)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Annullament fl-ewwel istanza tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2005 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Taqsima ‘Potenzjal’ – Proċedura ta’ evalwazzjoni – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni”

Fil-Kawża T‑160/08 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni (F‑31/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Berardis-Kayser u K. Hermann, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Françoise Putterie-De-Beukelaer, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn É. Boigelot, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL‑QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, A. W. H. Meij, M. Vilaras, N. J. Forwood u E. Martins Ribeiro (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha ppreżentat taħt l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni (F-31/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha dan annulla r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ta’ Françoise Putterie-De-Beukelaer li jirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005 (iktar ’il quddiem ir-“RŻK 2005”) sa fejn il-potenzjal tagħha li teżerċita funzjonijiet li jaqgħu fil-kategorija B* ma ġiex irrikonoxxut (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“L-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal għandhom ikunu suġġetti għal rapport perjodiku, li jsir mill-anqas darba kull sentejn kif ipprovdut għal kull istituzzjoni skond l-Artikolu 110. Kull istituzzjoni għandha tniżżel id-disposizzjonijiet li jagħtu d-dritt li jintefa’ appell taħt il-proċedura ta’ l-irrapurtar, li għandu jkun eserċitat qabel jintefa’ ilment kif riferut fl-Artikolu 90(2).

Mill-grad 4, għall-uffiċjali fil-grupp tal-funzjoni AST, ir-rapport jista’ wkoll ikun fih opinjoni jekk, fuq bażi tar-rendiment, għandux potenzjal biex iwettaq il-funzjoni ta’ amministratur.

Ir-rapport ġħandu jkun ikkomunikat lill-uffiċjal. Għandu jkun intitolat li jagħmel kull kumment dwaru li jikkunsidra relevanti.”

3        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali biex idaħħlu fis-seħħ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem id-“DĠE 43”) jistabbilixxi li:

“1. B’mod konformi mal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal […], fil-bidu ta’ kull sena għandha titħejja proċedura ta’ evalwazzjoni. Il-perijodu ta’ referenza għall-evalwazzjoni jkopri l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Għal dan il-għan, rapport annwali, imsejjaħ rapport tal-iżvilupp tal-karriera, huwa ppreparat għal kull uffiċjal skont l-Artikolu [1] tar-Regolamenti tal-Persunal […], li kien f’impjieg attiv jew issekondat fl-interess tas-servizz, għal perijodu ta’ għall-inqas xahar kontinwu fil-perijodu ta’ referenza. […]

2. Il-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha b’mod partikolari bħala għan li jiġu evalwati r-rendiment, il-kompetenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull persuna li tokkupa kariga. Marka tal-mertu tingħata fuq il-bażi tal-valutazzjoni mogħtija għal kull waħda minn dawn it-tliet elementi, kif indikat fil-mudell tar-rapport mehmuż mal-Anness II.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 2 tad-DĠE 43 jippreċiża:

“1. Il-persuna li tokkupa kariga hija l-uffiċjal […] kif iddefinit fl-Artikolu [1], li hija s-suġġett tal-evalwazzjoni.

2. L-evalwatur huwa responsabbli mit-twettiq tal-evalwazzjoni. Wara d-djalogu li jkun sar skont l-Artikolu 8(5), huwa għandu jipprepara abbozz ta’ rapport. Huwa għandu jiffirma r-rapporti li jikkonċernaw il-kompetenza tiegħu.

3. Il-validatur huwa responsabbli li jiżgura, għar-rapporti kollha tal-iżvilupp tal-karriera li jirrigwardaw il-kompetenza tiegħu, l-applikazzjoni koerenti tar-regoli ta’ evalwazzjoni definiti fl-Artikolu 8(3). Qabel ma jikkontrofirma r-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera li jirrigwardaw il-kompetenza tiegħu, għandu jagħmel paragun tal-merti u l-armonizzazzjoni tal-marki ta’ mertu proposti mill-evalwaturi. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-evalwatur, ir-responsabbiltà finali tar-rapport tkun tal-validatur.

4. L-evalwatur tal-appell għandu jiddeċiedi fuq is-segwitu li għandu jkun hemm għall-parir mogħti mill-kumitat konġunt ta’ evalwazzjoni […]”

5        L-Artikolu 8 tad-DĠE 43 jippreċiża li:

“1. L-eżerċizzju annwali ta’ evalwazzjoni jibda mhux iktar tard mill-15 ta’ Jannar.

[…]

4. Il-persuna li tokkupa kariga, fiż-żmien tmint ijiem tax-xogħol wara t-talba tal-evalwatur, għandha tagħmel awtoevalwazzjoni li tkun inkluża fir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera.

5. Mhux iktar tard minn għaxart ijiem ta’ xogħol wara l-komunikazzjoni tal-awtoevalwazzjoni mill-persuna li tokkupa l-kariga, l-evalwatur u din il-persuna għandu jkollhom djalogu formali […]

6. Minnufih wara li jsir id-djalogu formali, l-evalwatur għandu jabbozza rapport tal-iżvilupp tal-karriera. Dan l-abbozz ifisser partikolarment il-kunsiderazzjonijiet dwar ir-rendiment, il-kompetenzi u l-kondotta fis-servizz u proposta għal marka ta’ meritu koerenti flimkien mal-informazzjoni mogħtija matul id-djalogu formali.

7. Meta, għal grad partikolari, ikunu tħejjew tal-inqas żewġ terzi tal-abbozzi ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera li jirrigwardaw il-kompetenza ta’ validatur, dan tal-aħħar għandu jivverifika, flimkien mal-evalwaturi, l-applikazzjoni koerenti tar-regoli ta’ evalwazzjoni definiti skont l-Artikolu 8(3), u jagħmel paragun tal-merti u l-armonizzazzjoni tal-marki ta’ mertu proposti, filwaqt li jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni mogħtija mill-evalwaturi matul id-djalogu formali.

Qabel ma jiġu ffinalizzati r-rapporti, id-direttur ġenerali għandu jikkonsulta l-validaturi. Din il-konsultazzjoni għandha l-għan li jkun hemm sorveljanza fil-livell tad-direzzjoni ġenerali u grad bi grad għall-koerenza tal-evalwazzjoni tal-merti tal-persuni inkwistjoni li jokkupaw kariga.

8. Meta tkun saret il-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 7, l-evalwatur u l-validatur għandhom jiffinalizzaw ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera u jikkomunikawh lill-persuna li tokkupa kariga.

[…]

9. Il-persuna li tokkupa kariga għandha ħamest ijiem tax-xogħol biex taċċetta r-rapport mingħajr ma tagħmel osservazzjonijiet, taċċetta r-rapport filwaqt li żżid kummenti fil-parti riżervata għal dan l-iskop, jew tirrifjuta r-rapport filwaqt li timmotiva t-talba għar-reviżjoni fil-parti riżervata għal dan l-iskop.

[…]

10. Fil-każ ta’ rifjut mill-persuna li tokkupa l-karika, il-validatur għandu jagħmel djalogu mal-persuna li tokkupa kariga, f’terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol. Jekk il-persuna li tokkupa kariga, l-evalwatur jew il-validtur jitolbu hekk, l-evalwatur jipparteċipa wkoll fid-djalogu.

[…]

Mhux iktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li jsir dan id-djalogu, il-validatur għandu jikkonferma r-rapport jew jimmodifikah. Huwa għandu jikkommunika r-rapport lill-persuna li tokkupa kariga.

Din tal-aħħar għandha terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol, biex taċċetta r-rapport mingħajr ma tagħmel osservazzjonijiet, taċċetta r-rapport filwaqt li żżid kummenti fil-parti riżervata għal dan l-iskop, jew tirrifjuta r-rapport filwaqt li timmotiva r-rifjut fil-parti riżervata għal dan l-iskop. Jekk il-persuna li tokkupa kariga taċċetta, ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera jingħalaq. Nuqqas ta’ reazzjoni mill-persuna li tokkupa kariga fit-terminu stabbilit iktar ’il fuq jgħodd bħala aċċettazzjoni tar-rapport.

11. Ir-rifjut motivat tar-rapport mill-persuna li tokkupa kariga mbagħad jitressaq quddiem il-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9.

12. Il-validatur għandu jżomm lill-evalwatur debitament informat bl-iżviluppi tal-fażijiet differenti tal-proċedura u tad-deċiżjonijiet meħudin.

[…]

15. Għandha tiġi indirizzata informazzjoni lil persuna li tokkupa kariga, b’mezz elettroniku jew b’mod ieħor, fejn jiġi indikat li d-deċiżjoni li biha r-rapport sar definittiv ġie adottat, taħt dan l-Artikolu jew taħt l-Artikolu 9(7), u li din hija aċċessibbli fis-sistema informatika. Din l-informazzjoni tgħodd bħala komunikazzjoni tad-deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

6        L-Artikolu 9 tad-DĠE 43 jipprovdi:

“1. Għandu jkun hemm Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni […] f’kull direzzjoni ġenerali […]

4. Il-kumitat la jissostitwixxi lill-evalwaturi u lanqas lill-validaturi għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rendiment tal-persuna li tokkupa kariga. Dan għandu jiżgura li r-rapporti jkunu saru b’mod ekwu u oġġettiv, jiġifieri sa fejn huwa possibbli fuq elementi fattwali, u skont dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali għad-dħul fis-seħħ u skont il-gwida għall-evalwazzjoni. Għandu jivverifika b’mod partikolari l-osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. Għal dan l-iskop, għandu jagħmel il-konsultazzjonijiet meħtieġa u jkollu d-dokumenti tax-xogħol utli għax-xogħol tiegħu.

[…]

5. Fil-każ ta’ sottomissjoni taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(11), il-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni] għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f’terminu ta’ disat ijiem tax-xogħol li jibdew jgħoddu mid-data tas-sottomissjoni.

?…?

7. L-opinjoni tal-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni] għandha tiġi trażmessa lill-persuna li tokkupa kariga, lill-evalwatur, lill-validatur u lill-evalwatur tal-appell. Meta tiġi adottata wara votazzjoni, l-opinjoni tal-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni] għandha ssemmi l-pożizzjonijiet tal-maġġoranza u tal-minoranza li ġew espressi. Meta l-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni] ma jkunx f’pożizzjoni li jadotta opinjoni, il-persuna li tokkupa kariga, l-evalwatur, il-validatur u l-evalwatur tal-appell għandhom jiġu infurmati b’dan in-nuqqas ta’ opinjoni.

F’terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, l-evalwatur tal-appell għandu jikkonferma r-rapport jew jimmodifikah. Meta l-evalwatur tal-appell iwarrab rakkomandazzjonijiet li jkun hemm fl-opinjoni tal-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni], għandu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu.

Meta l-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni], adit minn persuna li tokkupa kariga li l-grad tagħha huwa bħal tal-evalwatur tagħha, ma jasalx għal opinjoni unanima jew ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-opinjoni, l-evalwatur tal-appell għandu jagħti attenzjoni partikolari lir-rikors u jorganizza, f’terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, djalogu mal-persuna li tokkupa kariga. Ħamest ijiem tax-xogħol wara dan id-djalogu, l-evalwatur tal-appell għandu jikkonferma r-rapport jew jimmodifikah skont il-paragrafu preċedenti.

Għaldaqstant ir-rapport jingħalaq u jiġi kkomunikat lill-persuna kkonċernata, lill-evalwatur u lill-validatur kif ukoll lill-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni].”

7        Mudell ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera anness mad-DĠE 43 għandu taqsima 6.5 “Potenzjal”, bl-isem “Kumment li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”, li jgħid dan li ġej:

“Il-persuna li tokkupa kariga assumiet xogħol rilevanti fil-kategorija B* (jew mill-1 ta’ Mejju 2006, xogħol rilevanti ta’ gradi ogħla minn AST 7 għal uffiċjali fis-servizz fil-kategorija D jew C qabel l-1 ta’ Mejju 2004):

–        natura tax-xogħol inkwistjoni:

[jimtela mill-evalwatur]

–        l-parti tal-attività tal-uffiċjal li hija ddedikata għal dawn il-funzjonijiet:

[jimtela mill-evalwatur]

–        kif ukoll il-kwalità tar-rendiment tiegħu fil-qadi ta’ dawn id-dmirijiet:

[jimtela mill-evalwatur].”

8        Fl-Informations administratives Nru 1-2006, tat-12 ta’ Jannar 2006, dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni 2006, li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ evalwazzjoni inkluż bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005, ġie indikat fir-rigward tat-taqsima relattiva għall-evalwazzjoni tal-potenzjal:

“Din it-taqsima għandha timtela fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u ta’ attestazzjoni. Hija għandha timtela mill-valutatur biss jekk l-uffiċjal jitlob dan b’mod espliċitu fl-awtoevalwazzjoni tiegħu (kaxxa li trid tintgħażel).

It-taqsima potenzjal inbidlet. L-evalwatur issa għandu lista ta’ funzjonijiet li huma tipikament tal-kategorija A* jew tal-kategorija B*. Huwa għandu jagħżel il-funzjoni jew il-funzjonijiet li jaqgħu taħt il-kategorija superjuri, u għandu jevalwa l-parti ta’ l-attività tal-uffiċjal li hija ddedikata għal dawn il-funzjonijiet, kif ukoll il-kwalità tar-rendiment tiegħu fil-qadi ta’ dawn id-dmirijiet.”

9        L-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“1. L-uffiċjali fis-servizz fil-kategoriji C jew D ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 għandhom ikunu assenjati mill-1 ta’ Mejju 2006 għal għadd ta’ karrieri li jippermettu l-promozzjonijiet:

a) fil-kategoriji C ta’ qabel sal-grad AST 7;

b) fil-kategoriji D ta’ qabel sal-grad AST 5;

[…]

3. Uffiċjal li dwaru japplika l-paragrafu 1, jista’ jsir membru tal-grupp tal-funzjoni tal-assistenti mingħajr restrizzjoni jekk jgħaddi minn kompetizzjoni miftuħa jew fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Il-proċedura taċ-ċertifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq is-senjorità, l-esperjenza, il-meritu u l-livell tat-taħriġ tal-uffiċjali u d-disponibilità tal-posizzjonijiet fil-grupp tal-funzjoni ta’ l-AST. Kumitat konġunt għandu jeżamina l-kandidaturi tal-uffiċjali għaċ-ċertifikazzjoni. L-istituzzjonijiet għandhom jadottaw ir-regoli biex jimplimentaw din il-proċedura qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Fejn hemm bżonn, dispożizzjoni speċifika għandha ssir mill-istituzzjonijiet biex tikkunsidra t-tali tibdil li jwassal għal bidla fir-rati applikabbli tal-promozzjoni.”

10      Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 2004 li tistabbilixxi r-regoli għall-implementazzjoni tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, li ġiet ippubblikata fl-Informations administratives Nru 70-2004 tat-22 ta’ Ġunju 2004:

“1. Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandha l-għan li tagħżel l-uffiċjali fis-servizz fil-kategoriji C u D, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, li jistgħu jsiru membri tal-grupp tal-funzjoni tal-assistenti mingħajr restrizzjoni.

[…]”

11      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 jipprovdi li:

“Qabel it-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tistabbilixxi n-numru ta’ impjiegi li jaqgħu taħt il-grupp tal-funzjoni tal-assistenti li jkunu jistgħu jiġu assenjati s-sena ta’ wara, lil uffiċjali ċċertifikati skont l-Artikolu 8.

Wara li tittieħed din id-deċiżjoni, l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tippubblika sejħa biex jiġu ppreżentati l-kandidaturi.”

12      L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 jippreċiża:

“1. L-uffiċjali koperti mill-Artikolu 1, li jkunu ppreżentaw il-kandidatura tagħhom, jgħaddu mill-proċedura ta’ ċertifikazzjoni jekk jissodisfaw kull waħda miż-żewġ kriterji li ġejjin:

–        livell ta’ taħriġ għall-inqas ekwivalenti għal dak meħtieġ mill-Artikolu 5(3)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, biex jiġu assenjati għal pożizzjoni ta’ uffiċjal fil-grupp tal-funzjoni tal-assistenti;

–        anzjanità fil-fluss tal-karriera C jew D ta’ mill-inqas ħames snin. […]

2. Ma’ kull proċedura ta’ ċertifikazzjoni, l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tfassal u tippubblika l-lista tal-uffiċjali, li jkunu ppreżentaw il-kandidatura tagħhom, ammessi għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

3. L-uffiċjali li jkunu ppreżentaw il-kandidatura tagħhom, li jikkunsidraw li jissodisfaw iż-żewġ kriterji msemmijin fil-paragrafu 1 u li ma jidhrux fil-lista msemmija fil-paragrafu 2, jistgħu jadixxu l-kumitat stabbilit fl-Artikolu 9, f’terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-lista inkwistjoni.

[…]”

13      L-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 jipprovdi:

“1. Ma’ kull proċedura ta’ ċertifikazzjoni, l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tfassal lista tal-uffiċjali ammessi, ikklassifikati f’ordni ta’ prijorità, skont il-kriterji li ġejjin: il-livell ta’ taħriġ; l-anzjanità fil-fluss tal-karriera C jew D; l-esperjenza u l-mertu evalwat abbażi tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera disponibbli.

2. Il-valur tal-kriterji u l-piż tagħhom jiġu deċiżi mill-[Awtorità tal-Ħatra], qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, wara li tkun ingħatat l-opinjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 9. Huma jistgħu jiġu adattati, kull sena, permezz ta’ deċiżjoni tal-[Awtorità tal-Ħatra], fuq rakkomandazzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 9.

3. Kull kandidat ammess għandu jiġi infurmat fuq il-post tiegħu fil-lista stabbilita mill-[Awtorità tal-Ħatra] u bin-numru ta’ punti miksubin, abbażi ta’ kriterji, valuri u l-piż stabbilit fil-paragrafi 1 u 2.

4. Fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara din l-informazzjoni, l-uffiċjali aċċettati jistgħu jadixxu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 9, jekk jikkontestaw in-numru ta’ punti li jkunu kisbu. Għandhom jimmotivaw l-ilment tagħhom u għandhom jagħtu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 id-dokumenti uffiċjali utli kollha.

Il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 għandu jagħti opinjoni fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol u għandu jikkomunikaha lill-[Awtorità tal-Ħatra] li għandha tiddeċiedi x’passi ulterjuri għandhom jittieħdu.”

14      Skont l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004:

“1. L-ewwel uffiċjali fil-lista msemmija fl-Artikolu 6, sa ammont li jikkorrispondi għad-doppju tan-numru ta’ impjiegi stabbiliti skont l-Artikolu 4, jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara, jippreżentaw applikazzjonijiet għal pożizzjonijiet vakanti li għandhom jimtlew fil-grupp tal-funzjoni tal-assistenti.

2. Il-lista tal-uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 hija ppubblikata mill-[Awtorità tal-Ħatra].

3. Il-pożizzjonijiet vakanti li jistgħu jimtlew mill-uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu indikati meta jiġi ppubblikat l-avviż ta’ post vakanti.”

15      L-Artikolu 8 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 jgħid:

“1. L-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 7(1) assenjati għall-pożizzjonijiet vakanti msemmija fl-Artikolu 7(3), jitqiesu li ġew iċċertifikati. Huma jsiru membri tal-grupp tal-funzjoni tal-assistenti mingħajr restrizzjoni fil-karriera.

2. L-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tippubblika qabel il-31 ta’ Marzu ta’ kull sena l-lista tal-uffiċjali ċċertifikati matul l-aħħar proċedura ta’ ċertifikazzjoni.”

16      L-Artikolu 9 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 jistabbilixxi kumitat konġunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni u jipprovdi għall-kompożizzjoni tiegħu kif ukoll għar-regoli dettaljati dwar kif jopera. Din l-istess dispożizzjoni tippreċiża, fil-paragrafu 7 tagħha li, fil-bidu ta’ kull sena, dan il-kumitat għandu jadotta opinjoni fuq ir-riżultati ta’ dan l-aħħar eżerċizzju ta’ ċertifikazzjoni u jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet f’din l-opinjoni, inkluż fuq il-valuri u l-piżijiet.

17      Id-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 ġiet imħassra u sostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi r-regoli għall-implementazzjoni tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

18      L-Artikolu 5(1) tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 jipprovdi:

“L-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1, li jkunu ppreżentaw il-kandidatura tagħhom, jiġu ammessi, wara li tingħata l-opinjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 7, għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni jekk jissodisfaw kull wieħed mill-erba’ kriterji li ġejjin:

–        ikollhom livell ta’ taħriġ għall-inqas ugwali għal dak meħtieġ mill-Artikolu 5(3)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex ikunu jistgħu jiġu impjegati bħala uffiċjali fil-grupp tal-funzjoni tal-assistenti;

–        ikollhom anzjanità fil-fluss tal-karriera C jew D ta’ mill-inqas ħames snin. […];

–        ikun ġie rikonoxxut fil-konfront tagħhom il-potenzjal tagħhom li jassumu funzjonijiet tal-livell ‘Assistent amministrattiv’;

–        ma jkunux f’sitwazzjoni ta’ inadegwatezza jew insuffiċjenza professjonali.”

19      Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“AĦ”) dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għall-ammissjoni għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għas-sena 2006, ippubblikata fl-Informations administratives Nru 59-2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006, tipprovdi, fl-Artikolu 3 tagħha bit-titolu “Il-potenzjal”:

“Il-potenzjal biex jiġu assunti funzjonijiet tal-livell ‘Assistent amministrattiv’ għandu jkun ġie evalwat b’mod pożittiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni relattiva għas-sena 2005.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

20      Il-fatti li wasslu għall-kawża jidhru fil-punti 16 sa 24 tas-sentenza appellata fit-termini li ġejjin:

“16 [F. Putterie-De-Beukelaer] ilha taħdem bħala uffiċjal fis-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni mill-1985. Sa Novembru tal-1996, ir-rikorrenti kienet segretarja eżekuttiva u mbagħad biddlet l-orjentament professjonali tagħha biex bdiet tagħti taħriġ fl-informatika. Hija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment fis-sena 2000 bħala responsabbli għat-taħriġ fl-informatika.

17      Mill-grad C 2 qabel l-1 ta’ Mejju 2004 [F. Putterie-De-Beukelaer] kisbet il-grad C*5 minn din id-data, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, imbagħad il-grad AST 5 mill-1 ta’ Mejju 2006, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

18      Matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2005, li dwaru sar RŻK […], [F. Putterie-De-Beukelaer] eżerċitat l-istess funzjonijiet bħal qabel. Meta kien qed jitħejja r-RŻK 2005 tagħha, bħal fil-każ tar-RŻK preċedenti, hija talbet li t-taqsima 6.5 “Potenzjal” timtela mill-evalwatur, kif kien ġie pprovdut fl-Informations administratives Nru 1-2006, tat-12 ta’ Jannar 2006, sabiex tkun tista’ tipparteċipa fil-proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2006.

19      Fl-imsemmija taqsima 6.5 tar-RŻK 2005, li s-sottotitolu tagħha jfakkar li hija għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, l-evalwatur ikkunsidra li l-funzjonijiet imwettqa minn [F. Putterie-De-Beukelaer] matul il-perijodu ta’ referenza ma kinux jikkorrispondu, lanqas parzjalment, mal-funzjonijiet li jwettaq uffiċjal tal-kategorija B*. Konsegwentement, l-evalwatur ikkunsidra, bħal fir-RŻK preċedenti, li l-persuna kkonċernata ma kinitx uriet il-potenzjal tagħha biex tassumi funzjonijiet ta’ din il-kategorija. Peress li l-validatur iddeċieda f’dan is-sens, [F. Putterie-De-Beukelaer], fis-6 ta’ Ġunju 2006, ressqet l-appell motivat previst mill-Artikolu 8(11) tad-DĠE 43 u b’hekk adixxiet lill-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni].

20       Fl-opinjoni tiegħu, il-[Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni] ma kkonstata ebda inkoerenza bejn il-kummenti u l-marki mogħtija lil [F. Putterie-De-Beukelaer] u lanqas ma kkonstata xi żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-potenzjal tagħha biex tassumi funzjonijiet tal-kategorija B*.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006, l-evalwatur tal-appelli ikkonferma r-RŻK 2005.

22      Fis-26 ta’ Settembru 2006, [F. Putterie-De-Beukelaer] ressqet “ilment skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal” kontra d-“deċiżjoni tas-superjur ġerarkiku [tagħha] relattiva għar-RŻK 2005 li ma tħalli[hiex] taċċedi għaċ-ċertifikazzjoni minħabba nuqqas ta’ rikonoxximent tax-xogħol [tagħha …] u żball fit-titolu tal-pożizzjoni” […].

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment ta’ [F. Putterie-De-Beukelaer] u kkunsidrat li l-validatur, li “tibqa’ f’idejh id-deċiżjoni, abbażi tal-informazzjoni mogħija mill-evalwatur, jekk il-persuna evalwata effettivament urietx il-potenzjal tagħha biex tassumi funzjonijiet tal-kategorija superjuri”, ma kien ikkommetta “ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni”. Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għas-sena 2006 bdiet l-istess ġurnata permezz tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-kandidaturi fl-Informations administratives Nru 60-2006.

24      Skont l-estratt mill-fajl elettroniku Sysper 2 [F. Putterie-De-Beukelaer] ppreżentat fis-seduta minn din tal-aħħar, il-kandidatura tagħha, ippreżentata fil-25 ta’ Jannar 2007, ġiet irrifjutata fl-1 ta’ Frar segwenti minħabba li l-potenzjal tagħha ma kienx ġie rikonoxxut. L-appell ta’ [F. Putterie-De-Beukelaer] kontra din id-deċiżjoni, fl-24 ta’ April 2007, ġie miċħud fil-25 ta’ Mejju 2007 mill-Awtorità tal-Ħatra wara li l-kumitat konġunt eżamina l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Fl-opinjoni tiegħu, li l-Awtorità tal-Ħatra adottat ukoll, dan il-kumitat ikkunsidra li [F. Putterie-De-Beukelaer] ma setgħetx tibbenefika miċ-ċertifikazzjoni, peress li l-potenzjal tagħha biex teżerċita funzjonijiet tal-kategorija B* kien ġie eskluż mill-validatur tar-RŻK 2005 tagħha.”

21      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fit-2 ta’ April 2007, [F. Putterie-De-Beukelaer] ippreżentat rikors, li ġie rreġistrat taħt ir-referenza F-31/07.

22      F. Putterie-De-Beukelaer talbet, fl-ewwel lok, biex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla r-RŻK 2005 tagħha, inkwantu l-amministrazzjoni ma rrikonoxxietx il-potenzjal tagħha sabiex teżerċita funzjonijiet tal-kategorija B *; u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni talbet, fl-ewwel lok, biex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat u jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

 Fuq is-sentenza appellata

24      Fir-rigward tal-mertu, u mingħajr ma semma l-motivi ta’ F. Putterie-De-Beukelaer insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li fakkar, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1994, Browet et vs Il-Kummissjoni (T-576/93 sa T-582/93, Ġabra p. II-677), kienet iddeċidiet li motiv dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kien ta’ ordni pubbliku u kien jispetta lilha li teżaminah ex officio, ikkunsidrat, fil-punt 52 tas-sentenza appellata li kellu jitqajjem ex officio l-motiv ta’ ordni pubbliku relattiv għall-ksur mid-deċiżjoni kkontestata tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 10(3) ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

25      Wara li stieden lill-partijiet biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-fatt li kien fiħsiebu jqajjem ex officio l-motiv ta’ ordni pubbliku minħabba l-ksur, fid-deċiżjoni kkonstestata, tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda:

“54      Fir-risposta tagħha, [F. Putterie-De-Beukelaer] indikat li kienet tal-fehma li l-motiv imqajjem ex officio kien fondat.

55      Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fuq il-motiv ikkomunikat mit-Tribunal, il-Kummissjoni ma rrikonoxxietx il-fakultà tat-Tribunal li jqajjem ex officio motivi bbażati fuq legalità sostantiva. Fl-ewwel lok, tali motivi jistgħu jiġu eżaminati mill-qorti Komunitarja biss jekk ikunu ġew invokati mir-rikorrenti jew, fi kwalunkwe każ, jekk jistgħu jiġu marbutin direttament mal-argumentazzjoni tal-partijiet stess. Fit-tieni lok, il-possibbiltà għat-Tribunal li jeżamina ex officio kwistjonijiet relattivi għal-legalità sostantiva ta’ att ikkontestat tippriva kemm lill-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprojbixxi lill-partijiet milli jippreżentaw motivi ġodda fil-mori tal-kawża, kif ukoll lir-regola li r-rikors u l-ilment għandhom ikunu konkordanti minn kull effettività. Fl-aħħar lok, hemm riskju li l-fatt li motiv ibbażat fuq legalità sostantiva jitqajjem ex officio, billi jbiddel il-qafas tad-dibattitu bejn il-partijiet, iwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża.

56      Qabel kollox għandha tingħata risposta għal dawn l-oġġezzjonijiet importanti.

57      Fl-ewwel lok, diġà ġie deċiż li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-qorti Komunitarja għandha l-fakultà u, skont il-każ, l-obbligu, li tqajjem ex officio ċerti motivi bbażati fuq legalità sostantiva. Dan japplika, kif ġie espost fil-punt 50, għall-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi. Bl-istess mod, l-awtorità assoluta tar-res judicata hija motiv ibbażat fuq legalità sostantiva ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punt 45]. Fl-aħħar lok, il-ġurisprudenza Komunitarja timponi, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-obbligu fuq il-qorti nazzjonali li għandha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, li tqajjem ex officio motivi bbażati fuq legalità sostantiva, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq in-natura abbużiva ta’ klawżola fil-kuntratti konklużi mill-konsumaturi mal-professjonisti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C-473/00, Ġabra p. I-10875, punti 36 u 38, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I-10421, punt 39).

58      Fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, li l-Tribunal ma jistax iqajjem motiv ibbażat fuq legalità sostantiva ex officio ħlief jekk l-imsemmi motiv ikun tqajjem mill-partijiet jew jekk ikun marbut direttament mal-argumentazzjoni tagħhom, din tikkontradixxi l-għan innifsu tat-tqajjim ta’ motiv ex officio u tekwivali għall-irrifjutar lit-Tribunal ta’ kull possibbiltà li jqajjem motiv ibbażat fuq legalità sostantiva ex officio, meta l-ġurisprudenza tipprovdi għaliha.

59      Fit-tieni lok, għall-kuntrarju tal-argument tal-Kummissjoni, il-projbizzjoni, imposta fuq ir-rikorrenti f’kawżi dwar is-servizz pubbliku, li jqajmu fir-rikors tagħhom motivi li ma jkollhomx x’jaqsmu mal-argumentazzjoni żviluppata fl-ilment tagħhom li jkun sar qabel u l-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiġu ppreżentati motivi ġodda wara l-ewwel skambju ta’ sottomissjonijiet tapplika għall-partijiet u mhux għat-Tribunal.

60      Fit-tielet lok, l-argument tal-Kummissjoni li hemm riskju li motiv ibbażat fuq legalità sostantiva mqajjem ex officio jkun ta’ preġudizzju għall-prinċipju tal-kontradittorju u għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-Tribunal jista’ jqajjem ex officio l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, bil-kundizzjoni li jkun sema’ lill-partijiet qabel. Ma hemm ebda raġuni għalfejn għandu jiġi maħsub li, jekk din il-kundizzjoni tikkostitwixxi garanzija suffiċjenti tal-prinċipji tal-kontradittorju u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiza f’każ li motiv ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku jitqajjem ex officio, dan m’għandux japplika wkoll għall-każ fejn jitqajjem, ex officio, motiv ta’ ordni pubbliku, kemm jekk ikun ibbażat fuq legalità sostantiva jew legalità proċedurali. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li billi kkomunika lill-partijiet il-motiv ta’ ordni pubbliku li kien biħsiebu jqajjem, billi ġabar l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet fuq l-intenzjoni tiegħu u billi tahom l-opportunità jiddibattu quddiemu dwar din il-kwistjoni matul is-seduta, it-Tribunal issodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju invokati mill-Kummissjoni.

61      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argumenti tal-Kummissjoni kontra t-tqajjim ex officio ta’ motiv ibbażat fuq legalità sostantiva għandhom jiġu respinti.”

26      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, eżamina ex officio l-ksur mid-deċiżjoni kkontestata tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 10(3) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u ddeċieda, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata skont ir-regoli ta’ kompetenza, ta’ proċedura u sostantivi tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u mhux skont dawk, li huma biss kienu applikabbli, tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Meta wieħed jikkunsidra li F. Putterie-De-Beukelaer ma setgħetx tiġi ċċertifikata għaliex hija ma kinitx uriet li kellha “potenzjal” meħtieġ biex tikseb iċ-ċertifikazzjoni, anki meta d-dispożizzjonijiet applikabbli ma kinux jissuġġettaw iċ-ċertifikazzjoni għal din il-kundizzjoni, imma għall-anzjanità, għall-esperjenza, għall-mertu u għal-livell ta’ formazzjoni biss, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li l-amministrazzjoni kienet wettqet ksur tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-dispożizzjonijiet imsemmijin, b’mod li annulla d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-appell

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni fformulat l-appell preżenti.

28      It-trattazzjoni tal-partijiet instemgħet fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2009.

29      Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tibgħat il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

–        tirriżerva l-ispejjeż.

30      F. Putterie-De-Beukelaer talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-appell.

 L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni tinvoka aggravju wieħed biex issostni l-appell tagħha, li jirrigwarda speċifikament il-punti 50 sa 62 tas-sentenza appellata. Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet, wieħed ġej mill-ksur tal-portata ta’ stħarriġ ex officio tal-qorti fir-rikors dirett b’eżami ex officio ta’ aggravju dwar il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat u l-ieħor ġej mill-ksur tal-prinċipju li l-partijiet jillimitaw is-suġġett tal-kawża (principe dispositif) u tal-projbizzjoni li tingħata deċiżjoni ultra petita.

 Fuq l-ewwel parti, dwar il-ksur tal-portata tal-istħarriġ ex officio tal-qorti fir-rikors dirett b’eżami ex officio ta’ aggravju dwar il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat.

32      Skont il-Kummissjoni, ir-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 50 sa 62 tas-sentenza appellata huwa żbaljat fid-dritt, billi ma jagħmilx id-distinzjoni li hija stabbilita sew fil-ġurisprudenza kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ġenerali bejn, minn naħa, il-legalità proċedurali ta’ att kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors ta’ ordni pubbliku, u min-naħa l-oħra, il-legalità sostantiva (legalità interna) ta’ dan l-att.

33      L-aggravju tal-ksur mid-deċiżjoni kkontestata tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 43 u tal-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jaffettwa l-legalità sostantiva tal-att, kif jidher li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li ma jistax jitqajjem ex officio mill-qorti, kuntrarjament għal dawk l-aggravji li jirrigwardaw il-legalità proċedurali jew l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.

34      Fl-ewwel lok, skont il-Kummissjoni, l-ebda dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tagħti lill-qorti Komunitarja l-possibbiltà li jitqajjem fi kwalunkwe mument aggravju dwar il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat, kuntrarjament għall-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal dak li jirrigwardaw l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

35      Fit-tieni lok, possibbiltà bħal din hija eskluża kemm mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, Ġabra p. I-1719), fejn ingħad li l-aggravju dwar il-legalità sostantiva jirrigwarda l-ksur ta’ regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattat u ma jistax jiġi eżaminat mill-qorti Komunitarja ħlief jekk jiġi invokat mir-rikorrent, u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-44/00, Ġabra p. II-2223, punti 126 u 192), fejn ingħad li l-aggravji fil-mertu, b’differenza minn dawk fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, ma jistgħux jitqajmu ex officio mill-qorti Komunitarja.

36      Fit-tielet lok, l-eżempji meħudin mill-ġurisprudenza ċċitati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku insostenn ta’ dak li jikkunsidra li huwa eżami ex officio tal-legalità sostantiva pjuttost imorru kontra r-raġunament tiegħu.

37      Minn naħa, l-awtorità assoluta tar-res judicata ma hijiex, kuntrarjament għal dak li ddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 57 tas-sentenza appellata, aggravju ta’ legalità sostantiva, imma aggravju ta’ inammissibbiltà ta’ rikors jew ta’ aggravju. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni (C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845), li l-awtorità assoluta tar-res judicata hija aggravju ta’ ordni pubbliku li jista’ jitqajjem ex officio, għaliex dan ma jħallix lill-Qorti Ġenerali teżamina mill-ġdid l-aggravji ttrattati f’sentenza li saret definittiva, u dan bi ksur tar-res judicata.

38      Min-naħa l-oħra, l-eżempji meħudin mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażati fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2 p. 288), li jmorru kontra l-projbizzjoni magħmula lill-qorti li tqajjem ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, ma jkollhom l-ebda relazzjoni mal-portata tal-istħarriġ ex officio tal-qorti Komunitarja fir-rikors amministrattiv dirett taħt l-Artikolu 236 KE. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet illimitat, fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233) il-portata tas-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C-473/00, Ġabra p. I-10875), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C-168/05, Ġabra p. I-10421), meta ġie deċiż li l-prinċipju ta’ effettività ma kienx jimponi dmir fuq il-qrati nazzjonali li jqajmu motiv ibbażat fuq dispożizzjoni Komunitarja ex officio, indipendentement mill-importanza tagħha għall-ordinament ġurdiku Komunitarju, meta l-partijiet jingħataw opportunità ġenwina li jqajmu motiv ibbażat fuq id-dritt Komunitarju quddiem qorti nazzjonali.

39      Fir-raba’ lok, jekk l-eżami ex officio ta’ motiv meħud mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi huwa tal-inqas magħruf mid-dritt amministrattiv Franċiż, dan ma huwiex il-każ tal-ordinament ġuridiku Komunitarju. Ir-referenza apparenti għal dan il-motiv mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Browet et vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq (punt 35), baqgħet każ uniku u tikkostitwixxi biss obiter dictum fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sa fejn is-soluzzjoni kienet ittieħdet b’relazzjoni mal-motivi invokati.

40      L-ewwel nett, F. Putterie-De-Beukelaer tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza rilevanti, hija l-qorti Komunitarja li għandha tirrileva ex officio l-motivi ta’ ordni pubbliku għalkemm ma huwiex faċli li tiddefinihom. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet fis-sentenza Browet et vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, il-motiv meħud mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ċertament jikkostitwixxi motiv bħal dan, u ma huwiex waħdu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, billi għandu relazzjoni diretta mal-argumentazzjoni tal-kontroparti. Limitazzjoni bħal dik hija f’kontradizzjoni mal-possibbiltà li jitqajjem motiv ex officio.

41      Imbagħad, il-possibbiltà li jitqajjem motiv ex officio ma jiddipendix minn klassifikazzjoni teoretika bejn il-legalità sostantiva u l-legalità proċedurali, li, madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma approvat. Din id-distinzjoni, formalistika u inċerta, hija kważi semplifikazzjoni eċċessiva. Meta motiv ikun ta’ ordni pubbliku, għandu, kemm jekk huwa ta’ legalità sostantiva jew proċedurali, jiġi eżaminat ex officio. Għalhekk il-kwistjoni hija dik li jkun magħruf jekk il-motiv meħud mill-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi jirrigwardax l-ordni pubbliku. F’dan ir-rigward, ikun inaċċettabbli li dan ma jkunx il-każ għal dak li jirrigwarda l-istess illegalità sostantiva, filwaqt li ksur ta’ ċerti regoli ta’ proċedura għandu jitqajjem ex officio.

42      Fl-aħħar nett, il-portata tal-ġurisprudenza, invokata mill-Kummissjoni ma tirriżultax li hija eżaġerata, meta d-distinzjoni bejn il-motivi dwar il-legalità proċedurali u dawk dwar il-legalità sostantiva tkun saret f’sitwazzjoni fejn hija ma kien ikollha l-ebda konsegwenza għall-eżitu tal-kawża. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tirrigwarda biss motivi meħudin rispettivament mill-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, b’dan tal-aħħar ikun il-motiv fil-mertu tipiku. Fil-każijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina, hija segwiet triq differenti, billi qajmet motivi ex officio mingħajr ma kkunsidrat il-klassifikazzjoni tagħhom. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, kunsiderazzjoni fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni għandha titqajjem ex officio.

43      Barra minn hekk, skont F. Putterie-De-Beukelaer, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-kuntratti bi klawżoli inġusti, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza lill-fatt li l-qorti nazzjonali tista’ ex officio tqajjem in-natura inġusta ta’ klawżola, b’mod li jkun illoġiku li l-Qorti Ġenerali jkollha twarrab din il-possibbiltà fil-“proċeduri ta’ annullament” tagħha.

44      Fi kwalunkwe każ, il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, f’dan il-każ, tikkostitwixxi irregolarità manifesta suffiċjentement importanti. Fil-fatt, il-fatt li ġew applikati regoli tal-proċedura ta’ evalwazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni wasslet għal irregolaritajiet sostanzjali kemm ta’ kompetenza kif ukoll ta’ forma, irregolaritajiet ta’ proċedura relatati, b’mod sinjifikanti, mal-modalitajiet tal-elaborazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenuta fl-appell. L-għan rispettiv tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien ġie stabbilit fl-interess tal-uffiċjali inġenerali u mhux tal-persuni kkonċernati direttament.

 Fuq it-tieni parti, meħuda mill-ksur tal-prinċipju li l-partijiet jillimitaw is-suġġett tal-kawża u tal-projbizzjoni li tingħata deċiżjoni ultra petita.

45      Skont il-Kummissjoni, bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata abbażi biss tal-motiv ex officio minħabba l-ksur tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-prinċipju li l-partijiet jillimitaw is-suġġett tal-kawża u ddeċieda ultra petita. Il-qorti Komunitarja, skont hi, hija marbuta mill-qafas tal-kawża kif delimitat mir-rikors promotur. Ħlief għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà u tal-motivi ta’ ordni pubbliku dwar il-legalità proċedurali tal-att, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti Komunitarja għandu jirrispetta l-prinċipju li l-partijiet jillimitaw is-suġġett tal-kawża li jfisser li jiġi pprojbit li din twessa’ unilateralment it-termini tal-kawża. Fir-rikorsi diretti, huma l-partijiet fil-kawża li għandhom jiddeterminaw il-qafas u jagħżlu l-motivi ta’ legalità sostantiva invokati kontra l-att.

46      Għalhekk, skont il-Kummissjoni, fis-sentenza Browet et vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat il-fatt li l-motiv meħud mill-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi huwa marbut mill-qrib mal-argument tal-partijiet, billi, biex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-motiv invokat mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina, fi kwalunkwe każ, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi.

47      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma warbitx dan il-kunċett meta ddeċidiet li għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talbiet tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-portata tal-kawża, il-qorti ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajma minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax altrimenti jkollha, f’ċerti każijiet, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati, dictum li jirriferi biss għall-argumenti, li l-qorti tista’ fi kwalunkwe mument tissostitwixxi, kuntrarjament għall-motivi. Il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f’dan l-każ ta l-possibbiltà lill-partijet li jesprimu ruħhom fuq il-motiv inkwistjoni ma għandux ikun biżżejjed biex jiġi rikonoxxut bħala li jidħol fil-qafas tal-kawża.

48      Skont il-Kummissjoni, il-preżenza tat-taqsima “Potenzjal” ma ħolqot l-ebda żvantaġġ fil-livell tal-proċedura lil F. Putterie-De-Beukelaer, anzi bil-kuntrarju, għaliex hija setgħet titlob evalwazzjoni ġdida mill-validatur tagħha u eżami tal-każ mill-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni kif ukoll tippreżenta lment qabel anki t-tnedija tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina biss il-kwistjoni tal-fondatezza tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-potenzjal ta’ F. Putterie-De-Beukelaer, dan għamel analiżi astratta mingħajr ma ddeċieda l-kwistjonijiet imqajmin fil-kawża.

49      Ċertament, biex il-qorti ma tadottax deċiżjoni illegali, u għal din ir-raġuni ma tkunx marbuta bl-argumenti żbaljati fid-dritt ta’ F. Putterie-De-Beukelaer, għandha tosserva l-motivi ta’ legalità sostantiva invokati minnha. Skont il-Kummissjoni, il-qorti hija obbligata li tosserva l-motivi ta’ legalità sostantiva invokati minn F. Putterie-De-Beukelaer preċiżament biex tevita riżultati mhux mistennija, bħal f’dan il-każ, fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku veru annulla d-deċiżjoni kkontestata, imma l-annullament baqa’ madankollu mingħajr effett fuq is-sitwazzjoni tal-litiganti.

50      Anki jekk il-qorti li tiddeċiedi dwar il-legalità ma tistax tiddeċiedi ħlief fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u li hija obbligata għalhekk teżamina ex officio l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi li fuqha huma bbażati l-pretensjonijiet ta’ F. Putterie-De-Beukelaer, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qatt ma kien ġustifikat li jqajjem dan il-motiv ex officio fil-kawża li biha ġie adit. Imbagħad ma spjegax ukoll għaliex l-eżami tal-motivi invokati kienu jwassluh biex jikser il-kompitu tiegħu ta’ qorti tal-legalità.

51      Sussidjarjament, sa fejn il-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata jistgħu jiġu kkunsidrati bħala separabbli mill-motiv meħud mill-ksur tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u kkwalifikati mill-motiv separat meħud mill-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, l-annullament tar-RŻK 2005 fejn ma jirrikonoxxix il-potenzjal ta’ F. Putterie-De-Beukelaer li taqdi l-funzjonijiet rilevanti tal-Kategorija B* kien ġie deċiż bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, kuntrarjament għar-regoli tal-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

52      Barra minn hekk, il-fatt li ntlaqa’ dan il-motiv jistrieħ fuq il-premessa żbaljata li t-taqsima “Potenzjal” tar-RŻK 2005 kienet tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma meta mqabbla mal-imsemmi RŻK, billi setgħet tittieħed minn awtorità oħra differenti minn min għamel il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, din ma hijiex ħlief taqsima li ma tistax tinfired mill-elementi numerużi li jikkostitwixxu r-RŻK 2005, li huwa l-att kontestabbli.

53      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hemm fil-punt 76 tas-sentenza appellata, l-AĦ kellha tiddeċiedi fuq l-ammissjoni għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, li għaliha t-taqsima “Potenzjal” tar-RŻK 2005 tikkostitwixxi waħda mill-prekundizzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2006 jistabbilixxu biss l-eżistenza tal-potenzjal li bħala kriterju ta’ ammissjoni għandu jiġi kkonstatat mill-AĦ kompetenti għall-ammissjoni għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

54      L-ewwel nett F. Putterie-De-Beukelaer issostni li l-eżistenza ta’ motiv ta’ ordni pubbliku, bħall-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li l-partijiet jillimitaw is-suġġett tal-kawża u li lill-qorti tiġi rrifjutata l-possibbiltà li tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku li ma huwiex marbut direttament mal-argumenti tal-partijiet jikkontradixxi l-għan stess li jkun hemm eżami ex officio.

55      Imbagħad, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni li l-preżenza tat-taqsima “Potenzjal” ma kienet ikkawżat l-ebda preġudizzju lil F. Putterie-De-Beukelaerk, din tal-aħħar tenfasizza li hija ma setgħetx tuża r-rimedju intern previst għal kwistjonijiet ta’ ċertifikazzjoni b’mod utli biex tikkontesta ċ-ċaħda tat-talba tagħha biex tiġi ammessa għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Fi kwalunkwe każ, kif iddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan tal-aħħar ikun naqas minn dmiru jekk, anki fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni fuq dan il-punt, huwa kien iddeċieda l-kawża skont regola li ma setgħetx tiġi applikata f’dan il-każ. Meta ppermetta lill-partijiet li jiddibattu dan, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien irrispetta l-prinċipji tal-kontradittorju u tad-dritt tad-difiża.

56      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li, fl-istess jum, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fis-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Semeraro vs Il-Kummissjoni (F-19/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), iddeċieda li d-dħul f’rapport tal-iżvilupp tal-karriera għas-sena 2004 tal-kumment dwar il-potenzjal kien illegali, is-sentenza appellata tagħti tweġiba għal preokkupazzjoni ta’ koerenza, billi l-istess qafas ġuridiku u l-istess regoli japplikaw għaż-żewġ kawżi.

57      Fir-rigward tal-osservazzjonijiet sussidjarji tal-Kummissjoni, F. Putterie-De-Beukelaer, bi qbil mal-Kummissjoni, tikkunsidra li l-punti 75 u 76 tas-sentenza kkontestat ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala motiv separat ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, il-prinċipji tal-kontradittorju u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ġew osservati wkoll fuq dan il-punt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

58      Fil-kuntest tar-rikors tagħha, F. Putterie-De-Beukelaer talbet l-annullament tar-RŻK 2005, billi, fit-taqsima tiegħu “Potenzjal” stabbilita minħabba l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, il-potenzjal tagħha biex taqdi l-funzjonijiet rilevanti tal-kategorija B* ma ġiex irrikonoxxut.

59      Ta’ min ifakkar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qajjem, mingħajr ma eżamina fil-fond ir-rikors ippreżentat minn F. Putterie-De-Beukelaer, motiv meħud mill-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi u kkonkluda, sostanzjalment, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata skont ir-regoli ta’ kompetenza, ta’ proċedura u ta’ mertu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u mhux skont dawk, li kienu applikabbli biss, tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

60      Fl-ewwel lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddetermina, fil-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ġiet adottata mill-awtorità kompetenti, jiġifieri mill-AĦ, li kellha l-obbligu li tiddeċiedi fuq il-kandidaturi għaċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċjali, imma mill-validatur, kompetenti biex jadotta r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera (iktar ’il quddiem ir-“RŻK”).

61      Issa, hemm lok li wieħed ifakkar li l-inkompetenza tal-awtur ta’ att li jikkawża preġudizzju tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs L-Awtorità l-Għolja, 14/59, Ġabra p. 445, 473, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 1996, Marx Esser u Del Amo Martinez vs Il-Parlament, T-182/94, ĠabraSP p. I-A-411 u II-1197, punti 42 u 44) fejn hija l-qorti tal-Unjoni li għandha teżaminaha, jekk ikun hemm bżonn ex officio (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2006, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 56, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il-Kummissjoni, T-165/04, ĠabraSP p. I-A-2-155 u II-A-2-735, punt 30).

62      Fit-tieni lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda, fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, li F. Putterie-De-Beukelaer ma setgħetx tuża utilment ir-rimedju fil-kwistjoni taċ-ċertifikazzjoni biex tikkontesta ċ-ċaħda tat-talba tagħha ta’ ammissjoni fil-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, billi l-kumitat kongunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, li, taħt l-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolament tal-Persunal, huwa kkonsultat meta uffiċjal jikkontesta d-deċiżjoni li tkun warrbet il-kandidatura tiegħu għaċ-ċertifikazzjoni, kien iddeklina l-kompetenza tiegħu biex jeżamina r-rikors intern tar-rikorrenti.

63      Skont il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ proċedura dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni anki ex officio (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il-Parlament, T-113/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-2 ta’ Ottubru 2009, Ċipru vs Il-Kummissjoni, T-300/05 u T-316/05, Ġabra p. II-192, punt 206). Ir-rifjut li jiġi eżaminat rikors intern, previst mir-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxi, naturalment, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali skont din il-ġurisprudenza u seta’, għalhekk, jiġi eżaminat ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

64      Fit-tielet lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ikkonkluda fil-punti 80 sa 86 tas-sentenza appellata, li l-potenzjal ma huwiex fost in-numru ta’ kriterji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

65      Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk l-amministrazzjoni kellhiex jew le, fid-deċiżjoni kkontestata, tiddeċiedi fuq il-potenzjal ta’ F. Putterie-De-Beukelaer kienet tikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżami tal-motiv meħud mill-iżball ta’ evalwazzjoni invokat minnha fir-rikors tagħha. Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-qorti, għalkemm trid tiddeċiedi biss fuq it-talba tal-partijiet, għaliex huma jiddelimitaw il-qafas tal-kawża, ma tistax tiġi obbligata ssegwi biss l-argumenti invokati minnhom biex isostnu l-pretensjoni tagħhom, jekk ma tridx tiġi kostretta tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet ġuridiċi żbaljati (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2004 UER vs M6 et, C-470/02 P, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 69, u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il-Kummissjoni, C-172/05 P, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 41).

66      Isegwi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, mingħajr ma kkommetta żball ta’ liġi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina l-ksur eventwali, bir-RŻK 2005 ta’ F. Putterie-De-Beukelaer, tar-regoli rilevanti, sa fejn dan l-eżami kien meħtieġ, minn naħa, għall-analiżi tal-motivi meħudin mill-inkompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat u tal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li t-Tribunal tas-Servizz Pubbliku seta’ jqajjem ex officio u, min-naħa l-oħra, biex jirrispondi kwistjoni preċedenti, li s-soluzzjoni tagħha kienet meħtieġa fir-rigward tal-argumenti magħmulin minn F. Putterie-De-Beukelaer.

67      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment prinċipali tal-Kummissjoni fil-konfront tas-sentenza appellata, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-eżami mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-tliet kwistjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-possibbiltà għal qorti tal-Unjoni li teżamina ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet sussidjarji tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta, fis-sustanza, l-analiżi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ. Minn naħa, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jibbaża ruħu fuq premessa żbaljata fejn it-taqsima “Potenzjal” tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma fir-rigward tar-RŻK, billi tista’ tittieħed minn awtorità differenti mill-awtoritajiet kompetenti biex wieħed jipproċedi għall-proċedura ta’ evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2006 jistabbilixxu biss li l-eżistenza ta’ potenzjal bħala kriterju ta’ ammissjoni għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandha tiġi ddeterminata mhux mill-evalwatur, imma mill-AĦ kompetenti għall-ammissjoni għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

69      Fis-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-evalwatur u l-validatur kienu l-persuni kompetenti biex jevalwaw il-potenzjal ta’ F. Putterie-De-Beukelaer, b’mod li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta kkunsidra li evalwazzjoni bħal dik kienet tirrigwarda l-AĦ kompetenti għall-ammissjoni għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, kien ikkommetta żball meta ddeċieda li l-Kummissjoni kienet kisret il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmijin.

70      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C-84/95, Ġabra p. I-3953, punt 11, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi, C-301/08, Ġabra p. I-10185, punt 39; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, Alferink et vs Il-Kummissjoni, T-94/98, Ġabra p. II-1125, punt 68).

71      Għandu jiġi mfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jirrikjedi li jsir RŻK, għal kull uffiċjal, bil-kundizzjonijiet stabbiliti minn kull istituzzjoni, tal-inqas kull sentejn, dwar l-abbiltà, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz.

72      Hija ġurisprudenza stabbilita sewwa li r-RŻK, bħala dokument intern, għandu bħala funzjoni primarja li jiġi żgurat li l-amministrazzjoni jkollha informazzjoni perjodika fuq it-twettiq tax-xogħol mill-uffiċjali tagħha. Fir-rigward tal-uffiċjal, dan għandu rwol importanti fl-iżvolġiment tal-karriera tiegħu, speċjalment fil-qasam ta’ trasferiment u ta’ promozzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T-249/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali tal-grupp AST, mill-grad 4, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li r-RŻK jista’ jkollu wkoll opinjoni li tindika, abbażi tas-servizzi mogħtija, jekk il-persuna kkonċernata għandhiex il-potenzjal meħtieġ biex tassumi l-funzjonijiet ta’ amministratur.

74      Fit-tieni lok, billi dawn huma uffiċjali li jappartjenu għall-kategoriji C u D, fis-servizz qabel l-1 ta’ Mejju 2004, stabbilit mill-Artikolu 10(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn il-fluss tal-karriera jieqaf rispettivament fil-gradi AST 7 u AST 5, huma jistgħu jaċċedu wkoll għal xogħol rilevanti ta’ gradi ogħla fil-grupp ta’ funzjonijiet AST. L-Artikolu 10(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li minbarra s-suċċess fil-kompetizzjoni, dawn l-uffiċjali jistgħu jsiru membri tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti mingħajr restrizzjoni abbażi ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni, ibbażata fuq l-anzjanità, l-esperjenza, il-mertu u l-livell ta’ formazzjoni tal-uffiċjali kif ukoll fuq id-disponibbiltà tal-postijiet fil-grupp ta’ funzjonijiet AST. Il-modalitajiet għall-implementazzjoni ta’ din il-proċedura kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b’deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, applikabbli fl-ewwel proċedura ta’ ċertifikazzjoni għas-sena 2005, u bid-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, applikabbli għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2006, li bdiet fil-21 ta’ Diċembru 2006.

75      Għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ evalwazzjoni, minn naħa, għandu jiġi osservat li d-DĠE 43 jippreċiżaw, fl-Artikolu 1(2) tagħhom, li l-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha bħala għan, b’mod sinjifikattiv, l-evalwazzjoni tal-effiċjenza, tal-abbiltà u tal-kondotta fis-servizz ta’ persuna li tokkupa kariga. Din id-dispożizzjoni żżid li marka ta’ meritu tiġi attribwita abbażi tal-kunsiderazzjonijiet dwar kull wieħed minn dawn it-tliet komponenti, kif inhu indikat fil-mudell ta’ rapport mehmuż mal-Anness II tad-DĠE msemmijin. Dan il-mudell ta’ RŻK (jiġifieri, fil-verżjoni applikabbli fl-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-2005, is-sentenza Semeraro vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq) jikkonsisti, b’mod partikolari, mit-taqsima “Potenzjal”, bl-isem “Kumment li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal” fejn iridu jiġu indikati n-natura tax-xogħol inkwistjoni, il-parti tal-attività tal-persuna li tokkupa kariga ddedikata għal dan ix-xogħol u l-kwalità ta’ servizzi ta’ din il-persuna fit-twettiq ta’ dan ix-xogħol.

76      Dan huwa l-każ tar-RŻK ta’ F. Putterie-De-Beukelaer dwar il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tas-snin 2005 u 2006.

77      Min-naħa l-oħra, fl-Information administrattives Nru 1-2006, tat-12 ta’ Jannar 2006, dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni 2006, li tikkonċerna l-każ preżenti, hemm indikat, fir-rigward tat-taqsima “Potenzjal”:

“Din it-taqsima għandha timtela fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u ta’ attestazzjoni. Din għandha timtela mill-evalwatur biss jekk l-uffiċjal jitlob dan b’mod espliċitu fl-awtoevalwazzjoni tiegħu (kaxxa li trid tintgħażel),

It-taqsima potenzjal inbidlet. L-evalwatur issa għandu lista ta’ funzjonijiet li huma tipikament tal-kategorija A* jew tal-kategorija B*. Huwa għandu jagħżel il-funzjoni jew il-funzjonijiet li jaqgħu taħt il-kategorija superjuri, u għandu jevalwa l-parti tal-attività tal-uffiċjal li hija ddedikata għal dawn il-funzjonijiet, kif ukoll il-kwalità tar-rendiment tiegħu fil-qadi ta’ dawn id-dmirijiet.

[…]

Huwa l-validatur li jindika jekk il-persuna li tokkupa kariga wrietx il-potenzjal tagħha biex tassumi funzjonijiet rilevanti tal-kategorija iktar għolja.

NB: Qed tinġibed l-attenzjoni tal-uffiċjali ta’ kategorija B*, C* jew D* għall-fatt li l-konferma tar-rapport preċedenti ma tkoprix it-taqsima ‘potenzjal’, maħluqa għall-bżonnijiet ta’ proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u attestazzjoni. Meta taċċetta din il-konferma, inti għaldaqstant qed tirrinunzja li l-potenzjal tiegħek jiġi evalwat għall-attivitajiet [magħmulin] matul is-sena 2005.”

78      Jirriżulta mid-DĠE 43 u mill-Informations administratives Nru 1-2006 li t-taqsima “Potenzjal” tar-RŻK ta’ persuna li tokkupa kariga li tixtieq taqdi dmirijiet ta’ kategorija ogħla essenzjalment trid tikseb evalwazzjoni dwar ix-xogħol rilevanti tal-kategorija superjuri li effettivament jitwettaq minn dan l-uffiċjal fir-realtà tax-xogħol ta’ kuljum matul il-perijodu kopert mir-RŻK sabiex ikun jista’ b’mod partikolari jiġi ċċertifikat.

79      Fir-rigward tal-għan tal-evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ uffiċjal, jiġifieri l-parti tal-attività tiegħu u l-kwalità tas-servizzi tiegħu dwar ix-xogħol li jirrigwarda kategorija ogħla li huwa jkun wettaq effettivament matul perijodu li huwa suġġett tar-RŻK, jidher li dik l-evalwazzjoni hija parti integrali minn dik li tevalwa l-esperjenza professjonali u l-merti tal-uffiċjal, li huma neċessarjament riflessi, tal-inqas, fl-evalwazzjoni tal-abbiltà tiegħu matul l-istess perijiodu.

80      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat li l-awtoritajiet li jistgħu jagħmlu l-evalwazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, tal-mertu tal-uffiċjali taħt l-aspett ta’ diversi taqsimiet msemmijin fir-RŻK, jiġifieri l-evalwatur u l-validatur, b’riżerva tal-intervent eventwali tal-evalwatur tal-appell, huma dawk li huma mitlubin ukoll biex jevalwaw il-“potenzjal” tal-uffiċjali li jkunu għamlu t-talba biex it-taqsima kkonċernata timtela mill-evalwatur.

81      Fir-rigward tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, ta’ min ifakkar li d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, dwar il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tas-sena 2005, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li hija applikabbli għall-fatti tal-każ, tistabbilixxi, fl-Artikoli 4 sa 8 tagħha, erba’ stadji.

82      Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-AĦ, wara li tkun iddeterminat, matul l-ewwel stadju, in-numru ta’ impjiegi li jistgħu jimtlew is-sena ta’ wara minn uffiċjali ċertifikati (Artikolu 4), u wara li stabbiliet u ppubblikat, fit-tieni stadju, il-lista ta’ uffiċjali, li jkunu applikaw, ammessi għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, li jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet dwar il-livell ta’ formazzjoni u tal-anzjanità (Artikolu 5), għandha, fit-tielet stadju, tistabbilixxi lista oħra ta’ kandidati fejn dawn jiġu kklassifikati skont ċerti kriterji (Artikolu 6) biex, fir-raba’ stadju, tiġi stabbilita lista tal-uffiċjali awtorizzati biex japplikaw għal pożizzjonijiet vakanti li jiġu pprovduti fil-grupp tal-funzjonijiet tal-assistenti (Artikolu 7).

83      Il-kriterji ta’ klassifikazzjoni huma, skont l-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, minn naħa, il-livell ta’ formazzjoni kif ukoll l-anzjanità fil-fluss tal-karriera C jew D – diġà kkunsidrat għall-finijiet tal-ammissjoni fil-proċedura – u, min-naħa l-oħra, l-esperjenza u l-mertu evalwati abbażi tar-RŻK disponibbli.

84      Il-valur u l-piż ta’ dawn il-kriterji, li kellhom jiġu deċiżi, skont l-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, mill-AĦ qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, kienu s-suġġett tad-deċiżjoni tal-AĦ tal-11 ta’ Mejju 2005, fuq il-kriterji ta’ klassifikazzjoni dwar il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2005 (Informations administratives Nru 33-2005, tal-20 ta’ Mejju 2005), fuq parir unanimu tal-kumitat stabbilit fl-Artikolu 9 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004.

85      L-ewwel nett, fir-rigward tal-valur tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni, l-AĦ indikat, fid-deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Mejju 2005, li l-potenzjal tal-uffiċjal, ammess għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, biex jassumi funzjonijiet rilevanti tal-kategorija B*, għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-kriterju dwar l-esperjenza, bil-preċiżazzjoni li l-potenzjal għandu jiġi rikonoxxut fir-RŻK tal-uffiċjal għas-sena 2004.

86      It-tieni nett, fir-rigward tal-piż li jingħata għall-kriterji ta’ klassifikazzjoni, l-AĦ indikat li, f’din l-istess deċiżjoni, hija mxiet f’żewġ stadji. Fl-ewwel lok, hija stabbilixxiet żewġ listi ta’ prijorità preparatorji, waħda bbażata fuq kriterji ta’ anzjanità u ta’ mertu u l-oħra fuq kriterji ta’ formazzjoni u ta’ mertu. Biex taqsam lil dawk li ġew indaqs f’kull waħda minn dawn il-listi, l-AĦ ppreċiżat li kienet ser tikkunsidra l-grad, kunsiderazzjonijiet marbutin mal-ugwaljanza tal-possibbilitajiet u, fl-aħħar, l-informazzjoni tar-RŻK rigward il-potenzjal tal-uffiċjal biex jassumi funzjonijiet rilevanti tal-kategorija B*. Fit-tieni lok, l-AĦ stabbilixxiet il-lista ta’ uffiċjali awtorizzati biex japplikaw għall-postijiet vakanti identifikati għall-bżonnijiet tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

87      Jirriżulta minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 2004 u tad-deċiżjoni tal-AĦ tal-11 ta’ Mejju 2005 li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, l-AĦ ma kinitx kompetenti li tgħaddi għall-evalwazzjoni tal-potenzjal tal-uffiċjali kandidati għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Minbarra l-fatt li l-potenzjal ma kienx jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissjoni għall-proċedura, għandu jiġi rrilevat li huwa biss mir-raba’ stadju tal-proċedura, li fiha l-AĦ tistabbilixxi l-lista ta’ uffiċjali awtorizzati li japplikaw għall-impjiegi vakanti tal-grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti li, biex jitqassmu dawk li ġew indaqs fiż-żewġ listi preparatorji stabbiliti abbażi tal-anzjanità, tal-mertu u tal-formazzjoni, l-AĦ tikkunsidra l-potenzjal ta’ kull uffiċjal. Madankollu, anki meta l-AĦ tikkunsidra l-potenzjal tal-uffiċjali biex jassumi funzjonijiet tal-kategorija ogħla, hija bl-ebda mod ma tgħaddi għall-evalwazzjoni ta’ dan il-potenzjal, imma tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni li tidher fit-taqsima korrispondenti tar-RŻK tas-sena ta’ qabel.

88      L-ebda dispożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma ssemmi l-adozzjoni mill-AĦ ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-potenzjal tal-uffiċjali li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom fil-proċedura ta’ ċertifikazzjoni li hija distinta u tiġi qabel it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-AĦ, tal-informazzjoni li hemm fit-taqsima “Potenzjal” tar-RŻK tagħhom, biex tiġi stabbilita l-lista ta’ uffiċjali awtorizzati li japplikaw għal impjiegi vakanti li jridu jimtlew fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti, taħt l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004.

89      Fuq kollox, din l-interpretazzjoni tikkonforma mal-organizzazzjoni tas-sistema li trid tiżgura, fil-kuntest tal-istruttura ġdida ta’ karriera bbażata fuq żewġ gruppi ta’ funzjonijiet, lil uffiċjali affettwati fi flussi ta’ karrieri li jippermettu promozzjonijiet sa ċertu grad il-possibbiltà li jidħlu fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti mingħajr restrizzjonijiet, permezz, b’mod partikolari, ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni, li hija bbażata fuq l-evalwazzjonijiet li jkunu saru, fil-kuntest tal-proċedura tal-evalwazzjoni, mill-evalwatur u mill-validatur, bla ħsara għall-intervent eventwali tal-evalwatur tal-appell.

90      Fil-fatt, it-taqsima “Potenzjal”, għalkemm għandha ċerti konsegwenzi fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, din tidħol fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-uffiċjali. Għalhekk, din it-taqsima, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi espressament li parti mill-evalwazzjoni li għandha ssir fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, ma tistax tiġi sseparata, kif għamel it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata, mill-proċedura ta’ evalwazzjoni, biex din taqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-AĦ fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

91      Għalhekk jirriżulta mis-sistema li l-potenzjal, li għandu jiġi rrikonoxxut minn qabel, huwa marbut b’mod intimu, bl-istess mod bħall-mertu f’sens wiesa’, mal-klassifikazzjoni ta’ uffiċjal u jista’ jkollu bħala konsegwenza, taħt l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, nuqqas ta’ klassifikazzjoni utli ta’ uffiċjal li jixtieq jintegra funzjonijiet ogħla ma’ dawk li jista’ jwettaq u li l-potenzjal tiegħu ma jkunx ġie rikonoxxut minn qabel, fil-kuntest tar-RŻK, minn persuni awtorizzati li jikklassifikawh.

92      Għandu jiġi nnutat ukoll li l-evalwatur, bħala l-kap tas-sezzjoni tal-persuna li tokkupa kariga u bħala awtorità msejħa biex tagħmel l-evalwazzjoni tal-uffiċjal, jista’ jevalwa aħjar it-twettiq mill-uffiċjal inkwistjoni tal-funzjonijiet rilevanti f’kategorija ogħla minn tiegħu. L-istess ħaġa tingħad għall-validatur kif ukoll l-evalwatur tal-appell. Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-potenzjal ta’ uffiċjal biex jassumi xogħol rilevanti ta’ kategorija ogħla minn dik li qiegħed fiha għandha tiġi evalwata in concreto fir-rigward tax-xogħol li effettivament assuma dan l-uffiċjal u l-mod kif wettqu.

93      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mid-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-kontrolli magħmulin, minn naħa, mill-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, mill-Kumitat Konġunt għall-proċedura taċ-ċertifikazzjoni.

94      Il-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni, filwaqt li jiżgura li d-diversi RŻK ġew stabbiliti b’mod ekwu, oġġettiv u b’mod konformi mad-DĠE 43, huwa kompetenti, mingħajr ma jissostitwixxi l-evalwaturi u l-validaturi, biex jagħmel evalwazzjonijiet konkreti, magħmulin minn dawn tal-aħħar, li jidhru fit-taqsimiet differenti tar-RŻK (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(4) tad-DĠE 43).

95      Iżda, fir-rigward tal-Kumitat Konġunt għall-proċedura taċ-ċertifikazzjoni, irid jiġi osservat l-ewwel nett, li, taħt l-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, dan joħroġ opinjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-AĦ fir-rigward tal-valur tal-kriterji – fir-rigward tal-livell ta’ formazzjoni, l-anzjanità fil-fluss tal-karriera C jew D, l-esperjenza u l-mertu evalwat abbażi tar-RŻK disponibbli – u l-piż li dawn jingħataw. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(7) ta’ din id-deċiżjoni jippreċiża li, fil-bidu ta’ kull sena, dan il-kumitat għandu jadotta opinjoni fuq ir-riżultati tal-aħħar eżerċizzju ta’ ċertifikazzjoni u jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet f’din l-opinjoni, inkluż fuq il-valuri u l-piżijiet. Imbagħad, fil-kuntest tat-tieni stadju tal-proċedura msemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, l-Artikolu 5(3) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 jistabbilixxi li dan l-istess kumitat jiġi adit minn uffiċjali li jqisu li jissodisfaw il-kriterji dwar il-livell ta’ formazzjoni u l-anzjanità fil-fluss tal-karriera u li ma humiex fil-lista tal-uffiċjali, li jkunu applikaw bħala kandidati, ammessi għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tielet stadju tal-proċedura, l-Artikolu 6(1) sa (4) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, jistabbilixxi li l-uffiċjali ammessi, ikklassifikati skont ordni ta’ prijorità, mill-kriterji msemmijin iktar ’il fuq, tal-valuri u tal-piżijiet mogħtija, jistgħu jadixxu l-Kumitat Konġunt għall-proċedura taċ-ċertifikazzjoni jekk huma jikkontestaw in-numru ta’ punti li jkunu kisbu.

96      Għalhekk jirriżulta mis-sinjifikat ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, li l-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni huwa kompetenti għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjonijiet konkreti magħmulin fir-rigward tal-mertu f’sens wiesa’ mill-uffiċjali.

97      Min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Kumitat Konġunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni huwa, sadanittant, kompetenti sabiex jeżamina l-kontestazzjonijiet tal-uffiċjali li ma jidhrux fil-lista, li jkunu applikaw bħala kandidati, ammessi għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni kif ukoll dawk li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-valur attribwit lill-kriterji differenti msemmijin fil-punt 95 iktar ’il fuq u l-piż tagħhom. Iżda ma jirriżultax li l-Kumitat Konġunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni jestendi l-kompetenza tiegħu għad-diversi klassifikazzjonijiet jew evalwazzjonijiet li hemm fid-diversi taqsimiet tar-RŻK li jirreferu esklużivament għall-kontroll magħmul mill-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni.

98      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi biss li r-RŻK tal-uffiċjali tal-grupp AST, mill-grad 4, jista’ jkollu opinjoni li tindika, abbażi tas-servizzi mogħtijin, jekk il-persuna kkonċernata għandhiex il-potenzjal meħtieġ biex tassumi funzjonijiet ta’ amministratur, imma ma jispeċifikax espressament li t-taqsima fuq il-potenzjal għandhiex, għal dak li jikkonċerna l-uffiċjali tal-kategoriji C u D li jixtiequ jidħlu mingħajr restrizzjoni fil-grupp ta’ funzjonijiet AST, timtela wkoll, ma jirriżultax li jkollha bħala konsegwenza, kif iddeċida t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li kompetenza bħal dik kienet tal-AĦ kompetenti għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

99      Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, f’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet ġenerali għad-dħul fis-seħħ adottati fil-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jistabbilixxu kriterji xierqa biex jiggwidaw l-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali tagħha jew jippreċiżaw il-portata tad-dispożizzjonijiet statutarji li ma humiex ċari (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 1990, Brems vs Il-Kunsill, T-75/89, Ġabra p. II-899, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il-Kummissjoni, T-4/92, Ġabra p. II-357, punt 44).

100    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif inhu indikat fil-punti 3 u 7 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(2) tad-DĠE 43 jippreċiża l-għan tal-proċedura tal-evalwazzjoni u jirriferi għal mudell ta’ rapport mehmuż mal-anness II, li dan fih it-taqsima bl-isem “Potenzjal”. Dan l-anness, li huwa parti integrali tad-DĠE 43, juri l-volontà tal-leġiżlatur li l-uffiċjali tal-kategoriji C u D li jixtiequ jidħlu mingħajr restrizzjoni fil-grupp ta’ funzjonijiet AST jkunu l-ewwel nett ġew irrikonoxxuti li għandhom, fil-kuntest tar-RŻK, il-potenzjal biex iwettqu dawn il-funzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ġunju 1973, Koninklijke Lassiefabrieken, 80/72, Ġabra p. 635, punt 15).

101    Isegwi li d-DĠE 43 jagħmluha ta’ gwida għall-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali tagħha fil-kuntest tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar id-determinazzjoni tal-mertu f’sens wiesa’ ta’ ċerti uffiċjali tal-kategoriji C u D li jixtiequ jidħlu mingħajr restrizzjoni fil-grupp ta’ funzjonijiet AST.

102    Jirriżulta minn dan kollu preċedenti li l-premessa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li t-taqsima “Potenzjal” tar-RŻK 2005 kienet tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma fir-rigward tar-RŻK msemmi hija żbaljata, b’tali mod illi ddeċieda ħażin li l-awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward kienu dawk li kienu kompetenti għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Isegwi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq ir-rinviju tal-kwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

103    Skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess, iżda jekk il-kawża tkun f’punt fejn għad ma tistax tinqata’, il-Qorti Ġenerali għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

104    Peress illi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex fuq il-motivi mressqa minn F. Putterie-De-Beukelaer fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li din il-kawża ma tistax tiġi deċiża u hemm lok li tintbagħat lura lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jiddeċiedi r-rikors.

105    Peress li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura tal-appell għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni (F-31/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hija annullata.

2)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Jaeger

Meij

Vilaras

Forwood

 

       Martins Ribeiro

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.