Language of document : ECLI:EU:C:2016:782

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2016 (1)

Kawża C‑452/16 PPU

Openbaar Ministerie

vs

Krzysztof Marek Poltorak

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Kunċetti ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ u ta’ ‘deċiżjoni ġudizzjarja’”





1.        Fis-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI (2), li ħadet post il-mekkaniżmu tradizzjonali ta’ estradizzjoni, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri li għandhom ir-rwol ewlieni. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni Qafas tikkonċerna kemm lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew (3), kif ukoll lil dik ta’ eżekuzzjoni, fl-Istat riċevitur, li għandu jimplimentah kif xieraq.

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma ntalbitx, sa issa, tinterpreta l-kunċetti ta’ “awtorità ġudizzjarja” (fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas) u ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja” (l-Artikolu 1 tal-istess test regolatorju). Ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) f’dan ir-rinviju tressaq quddiemha erba’ domandi li fihom, essenzjalment, titlob spjegazzjoni tat-tifsira ta’ dawk l-espressjonijiet, sabiex jingħata segwitu jew, fejn xieraq, jiġi miċħud mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità tal-pulizija Svediża, bil-għan li tingħata eżekuzzjoni lil sentenza li saret definittiva.

3.        B’mod parallel ma’ din il-kawża, l-istess qorti tar-rinviju għamlet domandi preliminari oħra dwar il-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, li jinsab f’wieħed mir-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, għalkemm dawn ma jirrigwardawx il-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda l-mandat ta’ arrest nazzjonali li għandu jinħareġ qabel dan. Fl-istess jum jien ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi dwar din il-kawża l-oħra (4).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

4.        Skont l-Artikolu 6 TUE:

“1.      L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem, il-“Karta”] […], li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li tirregola l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b’kont debitu meħud tal-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.       L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”)]. Din l-adeżjoni m’għandhiex taffettwa l-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

3.      Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-[KEBD], u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.”

2.      Il-Karta

5.        Skont l-Artikolu 47, taħt it-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

3.      Id-Deċiżjoni Qafas

6.        Il-premessa 5 tipprovdi:

“L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.[…]”

7.        Skont il-premessa 6:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.”

8.        Barra minn hekk, il-premessa 10 tipprovdi li:

“Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

9.        Skont l-Artikolu 1, taħt it-titolu “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-priċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

10.      L-Artikolu 6, taħt it-titolu “Determinazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”, jipprovdi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

11.      Skont l-Artikolu 7, dwar l-awtorità ċentrali:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.      Stat Membru jista’, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat ta’ l-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità(jiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u l-wasla ta’ mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

[…]”

12.      F’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet ma’ strumenti legali oħra, l-Artikolu 31(1)(a) jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] għandha, mill-1 ta’ Jannar 2004, tissostitwixxi d-disposizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta’ l-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

a)      il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, il-protokoll addizzjonali tagħha tal-15 ta’ Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977 safejn hi kkonċernata l-estradizzjoni;

[…]”

B –    Il-liġi Svediża

13.      Fid-29 ta’ Mejju 2009, l-Isvezja nnotifikat (5) lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas, aġġornament tal-informazzjoni relatata mal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħha, li ddikjarat:

“[Fir-rigward ta]l-Artikolu 6(3)

Fl-Isvezja, l-awtoritajiet kompetenti sabiex joħorġu u jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew huma dawn li ġejjin:

Awtorità ġudizzjarja emittenti

[…]

Il-mandat ta’ arrest Ewropew għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà għandu jinħareġ mid-Direttorat tal-Pulizija Nazzjonali (Rikspolisstyrelsen) […]”.

14.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, u kif ikkonferma l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u fis-seduta, l-eżekuzzjoni tas-sentenzi definittivi, kif ukoll tad-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati f’dan ir-rigward b’mod ulterjuri f’dak il-pajjiż, huma attribwiti lil awtoritajiet differenti minn dawk ġudizzjarji u, b’mod partikolari, differenti mill-qrati li jkunu ħarġu dawn is-sentenzi (6).

15.      Barra minn hekk, b’risposta għall-informazzjoni mitluba mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam), l-awtorità tal-pulizija Svediża (Swedish Police Authority) informatha, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Awwissu 2016, li din l-awtorità:

a)      hija dik kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew li għandu bħala għan l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li ċċaħħad il-libertà;

b)      toħroġ mandati ta’ arrest Ewropej biss fuq it-talba tal-Istitut Svediż tal-Ħabsijiet u Reinseriment Soċjali (“Istitut tal-Ħabs”), li huwa, madankollu, indipendenti;

c)      iddelegat setgħat lil membru wieħed jew diversi membri tal-pulizija stazzjonati fid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija;

d)      teżerċita dawn is-setgħat mingħajr ma hija suġġetta jew ikkontrollata mill-qrati, mill-Ministeru tal-Ġustizzja jew mill-qorti li tkun tat is-sentenza ta’ kundanna.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      Fit-23 ta’ Mejju 2016, il-prosekutur fir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) talab lil din il-qorti tagħti segwitu lill-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-30 ta’ Ġunju 2014 mid-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali Svediża (7) bil-għan li jiġi arrestat u kkonsenjat K. M. Poltorak, li jinsab fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Alphen aan de Rijn (il-Pajjiżi l-Baxxi).

17.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq is-sentenza definittiva mogħtija minn qorti ta’ Göteborg (l-Isvezja) fil-21 ta’ Diċembru 2012 (referenza B 9380/12), fejn K. M. Poltarak ingħata piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ sena u tliet xhur, bħala l-awtur ta’ reat ta’ aggressjoni li kkawżat feriti gravi (8).

18.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ħarġitux “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas u, għaldaqstant, jekk din hijiex “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Hija żżid li din il-problema tqum, speċjalment, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (9).

19.      F’dan il-kuntest, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-espressjonijiet ‘awtorità ġudizzjarja’ [msemmija] fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584/ĠAI, u ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ [msemmija] fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584/ĠAI, huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni?

2)      [Jekk] l-ewwel domanda [tingħata] risposta affermattiva: [abbażi] ta’ liema kriterji jista’ [jiġi ddeterminat] jekk awtorità tal-Istat Membru emittenti hijiex ‘awtorità ġudizzjarja’ ta’ din [il-kwalità] u jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew [maħruġ minnha] huwiex, [għaldaqstant], ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ ta’ din [il-kwalità]?

3)      [Jekk] l-ewwel domanda [tingħata] risposta affermattiva: id-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali Svediża jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ [imsemmi] fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584/ĠAI, u l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn din l-awtorità huwa, [għaldaqstant], ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ [kif imsemmi] fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI?

4)      [Jekk] l-ewwel domanda [tingħata] risposta negattiva: in-nomina ta’ awtorità nazzjonali tal-pulizija bħad-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali bħala awtorità ġudizzjarja emittenti hija konformi mad-dritt tal-Unjoni?”

20.      Skont l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, esposta fit-taqsimiet 4.2 sa 4.6 tad-deċiżjoni tar-rinviju:

–        L-espressjoni “awtorità ġudizzjarja” tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi interpretata bħala delega fil-liġi tal-Istat Membru emittenti tal-kunċett “awtorità ġudizzjarja”, jew fis-sens li dan l-ordinament ġuridiku jista’ jinnomina biss l-awtorità kompetenti (10). Fl-ewwel każ, “awtorità ġudizzjarja” ma huwiex kunċett tad-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, ma jeħtieġx interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Fit-tieni każ, dan jirrappreżenta kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, iżda mingħajr interpretazzjoni ċara (11), u mingħajr sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jagħmluh “acte éclairé” (12).

–        Mill-kuntest, u b’mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (“KEE”), kif ukoll l-istorja leġiżlattiva, speċjalment il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas (13), ma huwiex ċar jekk awtoritajiet oħra, minbarra l-qrati, jistgħux ikunu kompetenti sabiex joħorġu mandati ta’ arrest Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 6(1), minkejja t-tendenza, osservata fl-iżvilupp politiku mill-KEE ’il hawn, li r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri jiġu ssostitwiti minn relazzjonijiet bejn awtoritajiet ġudizzjarji.

–        L-għan tad-Deċiżjoni Qafas li tistabbilixxi sistema ssimplifikata ta’ konsenja ta’ persuni, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u li hija eżerċitata taħt il-kontroll ġudizzjarju (14) jimplika protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u fundamentali (15), jiġifieri, fl-Istat Membru emittenti u f’dak ta’ eżekuzzjoni, b’mod li n-nuqqas ta’ tali protezzjoni f’wieħed miż-żewġ livelli jista’ jaffettwa b’mod negattiv dawn il-prinċipji ta’ rikonoxximent u fiduċja reċiproċi.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2016, bit-talba li jiġi pproċessat permezz ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE). Il-qorti tar-rinviju ġġustifikat it-talba tagħha bil-fatt li K. M. Poltorak kien jinsab imċaħħad mil-libertà u li ż-żamma tiegħu f’dik is-sitwazzjoni tiddependi fuq id-deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża.

22.      Fil-laqgħa amministrattiva tal-1 ta’ Settembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet li tindirizza l-kwistjoni skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

23.      L-avukat ta’ K.M. Poltorak, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern Svediż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

24.      Inżammet seduta konġunta mal-Kawża C‑477/16 PPU (Kovalkovas), fil-5 ta’ Ottubru 2016, fejn il-partijiet interessati taħt l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, il-Gvern Svediż, intalbu jirrispondu d-domandi li kienu sarulhom.

25.      Ir-rappreżentanti ta’ K.M. Poltorak, tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern tal-Ġermanja, il-Gvern tal-Greċja, il-Gvern tal-Finlandja u l-Gvern tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dik is-seduta.

IV – Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

26.      Il-qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi tistaqsi jekk l-espressjoni “awtorità ġudizzjarja”, tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, u “deċiżjoni ġudizzjarja”, tal-Artikolu 1(1) tal-istess deċiżjoni, għandhomx jiġu interpretati bħala kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.

27.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li, għalkemm il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkun fih l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni għandha normalment tkun suġġetta, fl-Unjoni kollha, għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Din il-ġurisprudenza ġiet applikata, b’mod speċifiku, għal uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas (16) u għall-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (17).

28.      Madankollu, l-ebda wieħed miż-żewġ artikoli msemmija tad-Deċiżjoni Qafas ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħhom. Ċertament, l-Artikolu 6(1) jirreferi għall-awtorità ġudizzjarja “li hi kompetenti […] permezz tal-liġi [tal]-Istat”. Madankollu, dan ir-riferiment ma jindikax definizzjoni ta’ “awtorità ġudizzjarja”, iżda biss l-attribuzzjoni ta’ kompetenza sabiex jinħarġu mandati ta’ arrest Ewropej lil qorti nazzjonali waħda jew iktar minn waħda, skont id-dritt nazzjonali.

29.      Għaldaqstant, għandu jiġi mifhum li l-kliem “awtorità ġudizzjarja” u “deċiżjoni ġudizzjarja” li jinsabu, rispettivament, fl-Artikolu 6(1), u fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li jeħtieġu interpretazzjoni awtonoma u uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, b’kunsiderazzjoni tal-kliem, il-kuntest u l-iskop tar-regola li jiffurmaw parti minnha (18).

30.      Madankollu, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi spjegata: fid-dawl tal-kuntest proċedurali li jaqgħu fih iż-żewġ espressjonijiet, fl-interpretazzjoni tagħhom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-libertà ta’ konfigurazzjoni regolatorja li għandhom l-Istati Membri kemm sabiex jinnominaw il-qrati kompetenti, kif ukoll sabiex jilleġiżlaw dwar il-modalitajiet proċedurali għar-rimedji ġudizzjarji maħsubin għall-ħarsien tad-drittijiet li l-ordinament tal-Unjoni jagħti liċ-ċittadini tagħha (19).

31.      Ir-risposta affermattiva għall-ewwel domanda trendi mingħajr skop ir-raba’ waħda, liema domanda saret biss għall-każ fejn din ir-risposta tkun negattiva.

B –    Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

32.      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda preliminari, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam), finalment, tixtieq tkun taf jekk korp bħad-DGPN Svediż jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, b’tali mod li l-mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ fil-każ preżenti jkollu n-natura ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-istess Deċiżjoni Qafas.

33.      Kif diġà indikajt, kuntrarjament għar-rinviju preliminari fil-Kawża C‑453/16 PPU, id-domandi tal-qorti tar-rinviju ma humiex dwar l-awtorità kompetenti biex toħroġ il-mandat nazzjonali preliminari, iżda dwar dik sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Qafas.

34.      Preliminarjament, nixtieq nindika li r-riformulazzjoni tat-tieni u t-tielet domanda li nipproponi tirriżulta mill-konvinzjoni tiegħi li hemm rabta mill-qrib bejn in-natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u l-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja li tirriżulta minnha. Għalhekk, fil-fatt, il-kunċett li tassew għandu bżonn kjarifika f’din il-kawża huwa dak ta’ “awtorità ġudizzjarja”.

35.      Jidher loġiku li wieħed jaħseb li, jekk id-DGPN Svediż ma jistax jiġi meqjus fost l-entitajiet u l-korpi li huma kklassifikati bħala awtoritajiet ġudizzjarji, il-mandat ta’ arrest Ewropew li dan joħroġ ikun nieqes mill-karatteristika determinanti, u, fl-istess ħin, rekwiżit prinċipali ta’ deċiżjoni ta’ natura “ġudizzjarja” jiġifieri, il-fatt li jinħareġ minn wieħed mill-korpi li jappartjenu għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja.

36.      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni (20) ta’ “awtorità ġudizzjarja” fit-test tad-Deċiżjoni Qafas, għandna nindirizzaw, skont il-kriterji ermenewtiċi abitwali tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tifsira litterali tal-kliem, il-kuntest u l-għanijiet tagħhom.

37.      Sabiex jiġi evitat kull ekwivoku, madankollu, nemmen li għandu jiġi enfasizzat mill-bidu nett li ma nara ebda bażi legali għal trattament differenti tal-mandati ta’ arrest Ewropej għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza u tal-mandati ta’ arrest Ewropej għall-infurzar ta’ proċeduri kriminali oħra, qabel l-għoti ta’ sentenza (bħall-mandati ta’ arrest u miżuri simili). Peress li huma kollha intiżi għall-konsenja, minn Stat Membru, tal-persuni mfittxija fi Stat Membru ieħor, huwa irrilevanti, għall-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti u riċevitriċi tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li t-tfittxija ssir sabiex titressaq quddiem il-qorti nazzjonali persuna li diġà ġiet ikkundannata f’sentenza jew persuna li hemm kontriha proċeduri kriminali u li għadha ma ġietx ikkundannata.

38.      Din il-preċiżazzjoni hija essenzjali minħabba li, jekk ma ssirx, wieħed jista’ jaħseb li, fil-każ tal-mandati ta’ arrest Ewropej għal eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna, l-intervent tal-“awtorità ġudizzjarja” ikun seħħ meta tingħata din is-sentenza u, konsegwentement, ma jkun fadal xejn iktar x’jingħad dwar it-twettiq tagħha. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ u, f’sistema ta’ konsenja kkaratterizzata mill-prosekuzzjoni u r-rikonoxximent reċiproku sussegwenti tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-mandat ta’ arrest Ewropew wara s-sentenza jimplika wkoll l-adozzjoni minn qabel ta’ ċerti deċiżjonijiet, li ma jistgħux ma jkunux ġudizzjarji, peress li jaffettwaw iċ-ċaħda, provviżorja jew le, tal-libertà u l-analiżi tal-proporzjonalità sabiex jingħata tali mandat (21).

39.      F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 u, l-ewwel nett, l-aċċettazzjoni abitwali tal-kliem “awtorità” u “ġudizzjarja”, għandu jiġi osservat li l-ewwel terminu jirreferi għal entità li teżerċita kontroll fi kwalunkwe qasam tal-ħajja pubblika, peress li għandha kompetenzi u setgħat kif ukoll il-leġittimità sabiex tagħmel dan. L-aġġettiv “ġudizzjarja” jagħti lin-nom li jmur miegħu l-konnotazzjoni li dik l-awtorità għandha tappartjeni għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja (22), b’oppożizzjoni, skont is-separazzjoni klassika tas-setgħat, għas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva.

40.      Għalhekk, il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Deċiżjoni Qafas li semmejt jirreferu invarjabbilment għal ġustizzja: “autorité judiciaire”, bil-Franċiż; “judicial authority” bl-Ingliż; “Justizbehörde”, bil-Ġermaniż; “autorità giudiziaria” bit-Taljan; “autoridade judiciária”, bil-Portugiż; “rättsliga myndighet” bl-Iżvediż u “tiesu iestāde” bil-Latvjan.

41.      Għalhekk, minn issa, diġà tista’ tiġi dedotta l-ewwel indikazzjoni li l-awtorità li għaliha jirreferi, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas għandha tkun tagħmel parti mill-Amministrazzjoni tal-ġustizzja. Din l-ewwel indikazzjoni hija kkonfermata, kif tosserva ġustament r-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam), fl-istorja leġiżlattiva. Kemm il-KEE kif ukoll il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas (23) jagħżlu t-termini “awtorità kompetenti” u “awtorità ġudizzjarja”, rispettivament, fis-sens li jinkludu l-qrati u l-Ministeru Pubbliku, iżda li jeskludu espliċitament lill-awtoritajiet tal-pulizija (24).

42.      Din l-impressjoni hija kkonfermata, fit-tieni lok, mill-kuntest tal-imsemmi Artikolu 6. Flimkien mal-Artikolu 7, dwar ir-“rikors lill-awtorità ċentrali”, kif jgħid it-titolu tiegħu, it-tnejn jiffurmaw l-arkitettura istituzzjonali tal-proċedura ssimplifikata li tistabbilixxi d-Deċiżjoni Qafas. Din is-sistema topera skont skema bażika, li se niddiskuti hawn taħt.

43.      Fil-prinċipju, kif jirriżulta mill-premessa 5, l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri hija ssostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji, ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku (25). Il-pilastru ta’ tali rikonoxximent huwa, preċiżament, id-djalogu inter pares li joħloq l-Artikolu 6, jiġifieri, bejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti, li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, u dik ta’ eżekuzzjoni, jew riċevitriċi, li għandha timplimentah. Grazzi għal din il-konfigurazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, permezz tal-awtoritajiet ġudizzjarji rispettivi tagħhom, huwa possibbli li tiġi ġġenerata l-fiduċja reċiproka li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-Karta (26).

44.      L-unika devjazzjoni mill-funzjonament ta’ din l-iskema li jaċċetta l-leġiżlatur hija pprovduta fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas, billi huwa awtorizzat, b’mod eċċezzjonali, l-intervent tal-awtoritajiet li ma jaqgħux fl-ambitu “ġudizzjarju”. Madankollu, għal darba, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa ċarissimu: il-kliem użat sabiex jiddeskrivi n-natura subordinata tal-prestazzjoni ta’ dawn l-“awtoritajiet ċentrali” ġie magħżul bir-reqqa sabiex jiġu ddefiniti l-funzjonijiet li għandhom dawn fil-kuntest tad-djalogu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.

45.      Għalhekk, skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas, is-setgħa li jgawdu minnha l-Istati Membri li jinnominaw dawn it-tipi ta’ awtoritajiet ċentrali, tingħatalhom sabiex dawn “jassistu” lill-qrati kompetenti. Minn dan jirriżulta, b’mod ċar, ir-rwol tagħhom ta’ sempliċi kollaboraturi u li fl-ebda każ ma huwa deċiżiv jew ta’ direzzjoni, funzjoni strumentali li hija msaħħa mit-termini użati fil-punt 2 ta’ dan l-artikolu: il-kompiti li tista’ twettaq l-awtorità ċentrali nnominata huma t-“trasmissjoni” u r-“riċeviment” amministrattivi tal-mandati ta’ arrest Ewropej, kif ukoll il-“korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu”.

46.      Meta wieħed iqabbel dawn il-kompiti ma’ dawk assenjati lill-awtoritajiet ġudizzjarji [l-awtorità emittenti hija “kompetenti biex toħroġ mandat” u dik tal-eżekuzzjoni hija “kompetenti biex tesegwixxi l-mandat” fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) rispettivament], hija enfasizzata r-restrizzjoni tal-awtoritajiet ċentrali għal attivitaijiet purament amministrattivi u l-assenza ta’ kwalunkwe setgħa li tagħti l-impetu proċedurali meħtieġ, jiġifieri, li jagħtu bidu għall-mekkaniżmu għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

47.      Konsegwentement, għalkemm il-leġiżlatur ipprovda għall-introduzzjoni ta’ tip ta’ korp amministrattiv speċjali fid-djalogu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji mitlub mid-Deċiżjoni Qafas, l-intervent tiegħu huwa limitat ħafna: a) minn naħa waħda, tista’ taġixxi biss l-awtorità nnominata espressament mill-Istat Membru (li tkun ġiet ikkomunikata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill) u mhux awtorità oħra; u b) min-naħa l-oħra, il-funzjonijiet li tista’ teżerċita huma limitati għall-appoġġ amministrattiv mogħti lill-korpi deċiżjonali reali, jiġifieri, l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom jieħdu d-deċiżjoni li joħorġu jew jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew.

48.      Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-preambolu tal-proposta għal Deċiżjoni Qafas (27). Fl-ispjegazzjoni għall-artikoli huwa indikat, b’rabta mal-Artikolu 7 attwali, li “huwa ispirat mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Ewropea tal-1996 dwar l-estradizzjoni u minn dawk tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Ewropea tal-2000 dwar l-assistenza ġudizzjarja f’materji kriminali. [Din] hija dispożizzjoni prattika intiża sabiex tiffaċilita t-trażmissjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri […]” u li “[…] ir-rwol ta’ dawn l-awtoritajiet ċentrali għandu jkun li jiffaċilitaw bejn l-Istati Membri l-ħruġ u l-eżekuzzjoni tal-[mandati ta’ arrest Ewropej] [li] għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw it-traduzzjoni kif ukoll l-appoġġ amministrattiv għall-eżekuzzjoni tal-mandati” (28).

49.      L-arkitettura istituzzjonali tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonfigurata b’dan il-mod, fit-tielet lok, hija dik li l-iktar taqbel mal-għan li tiġi stabbilita sistema ġdida ssimplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-grad għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (29).

50.      Id-djalogu bejn awtoritajiet ġudizzjarji, li essenzjalment jaqsmu l-karatteristiċi kostituzzjonali ta’ appartenenza għas-setgħa ġudizzjarja fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, kif ukoll l-impenn tagħhom li jiżguraw li jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li jirreferi għalihom l-Artikolu 6 TUE, jirrappreżenta l-element ewlieni ta’ din il-fiduċja reċiproka. Huwa inerenti fih in-nuqqas ta’ interferenza minn awtoritajiet oħra mhux ġudizzjarji, li r-rwol tagħhom, jekk ikun hemm, jista’ jkun biss ta’ sempliċi assistenza fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas.

51.      Barra minn hekk, kif diġà pprovdiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura kollha ta’ konsenja bejn l-Istati Membri prevista fid-Deċiżjoni Qafas hija eżerċitata taħt stħarriġ ġudizzjarju (30).

52.      Hemm ukoll argument supplimentari li jikkorrabora l-limitazzjoni tal-kooperazzjoni kriminali, fir-rigward ta’ mandati ta’ arrest Ewropej, għall-korpi ġudizzjarji: il-bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni Qafas innifisha, l-Artikolu 31(1)(a) u (b) TUE. Fil-verżjoni ta’ dan it-Trattat fis-seħħ fl-2002 (31) kienet għadha kwistjoni ta’ faċilitazzjoni u kooperazzjoni “bejn il-ministeri u l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti”. Madankollu, wara t-Trattat ta’ Lisbona, din id-dispożizzjoni ġiet ittrasferita fit-TFUE, u wasslet għall-Artikolu 82 li l-paragrafu 1 tiegħu jintroduċi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet f’materji kriminali, u li l-ittra (d) tiegħu tirriproduċi l-kontenut tal-ex Artikolu 31(1)(a) TUE, iżda bil-bidla sinjifikanti fit-tħassir tar-riferiment espliċitu għall-ministeri (32). Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din il-bidla sabiex tiġi interpretata d-Deċiżjoni Qafas skont l-ispirtu ġdid, li jirrestrinġi saħansitra iktar din il-forma ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali għall-kuntest ġudizzjarju (33). F’dan ir-rigward, għandha tissemma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema regola tad-dritt derivat tal-Unjoni għandha tiġi interpretata, sa fejn possibbli, fis-sens tal-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (34).

53.      Fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-Trattat ta’ Lisbona biddel b’mod sostanzjali l-qafas istituzzjonali, u li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, għandu prinċipalment l-għan li jiżgura li l-atti adottati fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni jistgħu jkomplu jiġu applikati b’mod effettiv, minkejja l-modifika tal-qafas istituzzjonali li jirregolaha (35).

54.      Din id-dikjarazzjoni, magħmula fl-ambitu ta’ rikors għal annullament, ma hijiex inkompatibbli, għall-kuntrarju, ma’ interpretazzjoni evoluttiva tad-Deċiżjoni Qafas li, għalkemm adottata fuq bażi legali preċedenti, tpoġġiha f’armonija mal-kontenut u mal-għanijiet tal-bażi l-ġdida, jiġifieri, tagħmilha iktar konformi mal-bidla li għamel il-leġiżlatur lill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Il-fatt li l-att normativ ikompli jiġi interpretat esklużivament skont l-ispirtu tal-bażi legali antika jirriskja li s-sistema tiġi ppetrifikata, kuntrarjament għat-TFUE nnifsu u għall-intenzjoni espliċita sussegwenti tal-leġiżlatur.

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, meta, fil-każ preżenti, l-awtorità li tkun ħarġet il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun “pulizija”, mingħajr ma d-deċiżjoni tagħha ma tkun adottata minn ebda mħallef, huwa loġiku li jqumu dubji dwar jekk korp tal-pulizija jistax ikollu natura ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas. Filwaqt li huwa veru li l-pulizija hija parti mill-forza ta’ koerżjoni tal-Istat, normalment taħt l-ordni tad-detenturi tas-setgħa eżekuttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, ħafna drabi, din tgħin ukoll lill-awtoritajiet ġudizzjarji, fl-investigazzjoni tar-reati u, xi kultant, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Madankollu, dan l-element ta’ kooperazzjoni jew ta’ għajnuna ma jagħmilhiex awtorità ġudizzjarja.

56.      Mill-informazzjoni pprovduta mill-awtorità tal-pulizija Svediża (36) b’risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw il-karatteristiċi li ġejjin tal-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-mandati ta’ arrest Ewropej: a) il-pulizija hija awtorità ripressiva b’setgħat ta’ azzjoni wesgħin; b) din l-awtorità ma tirċevix istruzzjonijiet mingħand il-Ministru tal-Ġustizzja dwar il-mandati ta’ arrest Ewropej; c) ma għandha l-ebda rabta diretta jew indiretta mal-qorti li tkun kkundannat lill-persuna mfittxija; d) taġixxi, fil-qasam tal-mandati ta’ arrest Ewropej, fuq talba tal-Amministrazzjoni tal-ħabs, iżda ma tirċevix istruzzjonijiet mingħandha, u għandha setgħa diskrezzjonali sabiex toħroġ dawn il-mandati; u e) iddelegat lill-IPO (37), suddiviżjoni amministrattiva magħmula minn ġuristi, li tlieta minnhom biss huma awtorizzati jiffirmaw il-mandati ta’ arrest Ewropej Svediżi, is-setgħa li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bil-għan li tingħata eżekuzzjoni sentenza definittiva ta’ kundanna għal piena ta’ priġunerija.

57.      Minn dawn il-karatteristiċi partikolari kollha, dik relatata man-nomina tal-awtorità emittenti tal-mandati ta’ arrest Ewropej, skont il-liġi Svediża li ttrasponiet id-Deċiżjoni Qafas fl-ordinament ġuridiku intern, hija preċiżament dik li twassal għall-iktar tħassib, fid-dawl tal-komunikazzjoni tal-Gvern Svediż lill-Kunsill fl-2009, rigward l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas (38).

58.      Fil-fatt, il-Kunsill kien irrakkomanda lill-Isvezja (39) tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, fil-każijiet ta’ eżekuzzjoni tal-pieni, il-mandati ta’ arrest Ewropej jinħarġu minn awtorità ġudizzjarja jew taħt is-sorveljanza ta’ awtorità ġudizzjarja, b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas.

59.      Ir-risposta negattiva tal-Gvern Svediż għal din ir-rakkomandazzjoni hija ċara f’dak li jirrigwarda l-mod kif għandha tiġi implimentata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew fl-ordinament ġuridiku tiegħu. Fil-qosor (40), għal dak il-Gvern huwa korrett li l-eżekuzzjoni ta’ piena kriminali, skont liema tkun meħtieġa l-konsenja tal-persuna kkundannata minn Stat Membru ieħor, ma teħtieġx li l-mandat ta’ arrest Ewropew joħroġ minn awtorità ġudizzjarja stricto sensu. Għall-kuntrarju, huwa jsostni, li, peress li s-sistema nazzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija minn imħallfin u qrati tikkonferixxi l-kompetenza lil tipi ta’ awtoritajiet oħra, mhux neċessarjament ġudizzjarji, ma huwiex kontra d-Deċiżjoni Qafas li dawn l-awtoritajiet, li huwa jirrikonoxxi n-natura mhux ġudizzjarja tagħhom, jiddeċiedu wkoll dwar il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

60.      Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar ’il fuq, naħseb li s-sistema istituzzjonali sostnuta mill-Gvern Svediż ma tikkonformax mad-Deċiżjoni Qafas. Din tista’ tkun konformi magħha biss, eventwalment, jekk l-awtorità tal-pulizija li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tkun tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin, li nikkunsidra li huma essenzjali sabiex jinżamm il-livell ta’ garanziji ġudizzjarji li fuqhom hija bbażata s-sistema tal-mandati ta’ arrest Ewropej: a) ikollha taġixxi fuq il-mandat u taħt is-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas; u b) ma jkunx jista’ jkollha setgħat diskrezzjonali u lanqas marġni ta’ evalwazzjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, peress li għandha tikkonforma mal-mandat mogħti lilha mill-awtorità ġudizzjarja. Din tal-aħħar għandha, ukoll, fil-każ ta’ dubji dwar il-mandat, tikkonsulta permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

61.      Skont dan il-każ u kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Svediż, id-DGPN Svediż ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. L-integrazzjoni organika tiegħu tqiegħdu barra mill-kategorija tal-Amministrazzjoni tal-ġustizzja, u minħabba n-nuqqas ta’ rabta tiegħu mal-qrati u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur, ma hemmx il-kontroll meħtieġ minn awtorità ġudizzjarja tad-deċiżjonijiet sabiex jinħarġu mandati ta’ arrest Ewropej, li fir-rigward tagħhom id-DGPN għandu diskrezzjoni.

62.      Din il-konklużjoni ma ddgħajjifx l-indipendenza li l-awtorità tal-pulizija jista’ jkollha fil-konfront tal-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Istitut tal-ħabsijiet, li hija ma tirċevix ordnijiet minn għandhom. Din il-karatteristika, fil-fehma tiegħi, ma hijiex rilevanti sabiex il-pulizija tiġi kklassifikata bħala “awtorità ġudizzjarja”. U, f’dak li jirrigwarda l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, l-importanti hu li ma għandhiex bżonn titlob li tittieħed deċiżjoni jew li tagħti kont lill-qorti li tkun ikkundannat il-persuna mfittxija. Għalkemm dan il-fatt isaħħaħ l-awtonomija tagħha mill-qorti li tat is-sentenza, dan juri wkoll in-nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju, kuntrarjament għall-ġurisprudenza li ddikjarat li l-proċedura ta’ konsenja kollha bejn l-Istati Membri kif previst mid-Deċiżjoni Qafas għandha ssir taħt stħarriġ ġudizzjarju (41).

63.      Fl-aħħar nett, l-awtonomija tal-Istati Membri tagħtihom il-marġni ta’ libertà meħtieġ sabiex jiddeterminaw, fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom, lil liema awtoritajiet għandhom jagħtu s-setgħat proċedurali (f’dan il-każ, dawk relatati mal-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest Ewropej). Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jkun dak li jinnomina l-qrati kompetenti u li jirregola l-proċeduri tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-individwi, sakemm dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rimedji interni simili (prinċipju ta’ ekwivalenza), u lanqas ma jkunu artikolati b’tali mod li jrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (42).

64.      Madankollu, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, xi Stati Membri kkomunikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-deċiżjoni, liema kienu l-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt nazzjonali tagħhom sabiex joħorġu jew jeżegwixxu mandati ta’ arrest Ewropej, u l-Isvezja inkludiet l-awtorità tal-pulizija (il-Kunsill tal-Pulizija Nazzjonali jew Rikspolisstyrelsen) fir-rigward tal-mandati tal-arrest Ewropej għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà.

65.      Dawn ir-rapporti, madankollu, ma jippreġudikawx u lanqas ma jikkondizzjonaw, f’termini strettament ġuridiċi, il-konformità tal-prestazzjoni ta’ kull Stat Membru mal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas. Dan l-artikolu jawtorizza lill-Istati jinnominaw jew jagħżlu, minn fost l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, dawk li jkunu kompetenti sabiex jirċievu jew joħorġu mandati ta’ arrest Ewropej, iżda ma tippermettilhomx jespandu l-kunċett ta’ awtorità ġudizzjarja, billi jestenduh għal korpi li ma jgawdux minn dan l-istatus.

66.      F’dan il-kuntest, jien ma nemminx li r-rekwiżit (f’konformità mar-rakkomandazzjoni li għamel il-Kunsill lill-Gvern Svediż) li l-Istat jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex, jekk ikun jixtieq iżomm l-intervent tal-awtoritajiet tal-pulizija fil-mandati ta’ arrest Ewropew, jagħmel dan billi jissuġġettah għall-ordnijiet u għall-istħarriġ ta’ awtoritajiet ġudizzjarji reali li jissorveljawh, jikkostitwixxi ndħil eċċessiv fuq il-mudell magħżul minn dak l-Istat għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi, fl-awtonomija proċedurali tiegħu. Dik il-modulazzjoni ma tmurx kontra l-bażi tas-sistema nazzjonali tiegħu u tiffaċilita l-adattament tiegħu skont id-disinn tal-kooperazzjoni ġudizzjarja li f’dan il-każ hija stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas.

67.      Konsegwentement, nemmen li awtorità tal-pulizija li s-setgħat tagħha huma bħal dawk tad-DGPN Svediż ma taqax taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, u għalhekk mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn din l-awtorità lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

V –    Fuq il-limitu ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

68.      Uħud mill-Gvernijiet li dehru fis-seduta, kif ukoll il-Kummissjoni, issuġġerew lill-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk finalment tiddeċiedi li l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mid-DGPN Svediż ma għandhomx natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (li, loġikament, jimpedixxi li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat ta’ eżekuzzjoni timplimentahom), li tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha, b’mod li din tkun biss pro futuro.

69.      Fl-opinjoni tiegħi, dan is-suġġeriment ma għandux jintlaqa’. Kif fakkart f’konklużjonijiet riċenti oħra (43), ir-regola ġenerali hi li “l-interpretazzjoni li [l-Qorti tal-Ġustizzja] tagħti lil dispożizzjoni legali tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal rapporti ġuridiċi mfassla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar talba għal interpretazzjoni, sakemm, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti”.

70.      Jien ma naħsibx li hemm raġuni sabiex, f’dan il-każ, issir eċċezzjoni għal din ir-regola, peress li:

a)      Il-qorti tar-rinviju ma għamlet ebda domanda dwar il-portata ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (strettament, lanqas biss għamlet domandi dwar il-konsegwenzi immedjati tagħha rigward il-mandat ta’ arrest Ewropew), u illimitat id-dubji tagħha għall-kwistjonijiet li eżaminajt diġà.

b)      Huma l-imħallfin ta’ kull Stat li għandhom jevalwaw, każ b’każ, jekk il-mandati ta’ arrest Ewropej diġà maħruġa jissodisfawx il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tistabbilixxi fis-sentenza tagħha, li jista’ jaffettwa wkoll sitwazzjonijiet pendenti, partikolarment meta tkun involuta ċ-ċaħda tal-libertà ta’ dawk il-persuni li jkunu għadhom miżmumin f’detenzjoni sakemm issir il-konsenja tagħhom. Is-soluzzjoni ta’ kull każ tiddependi fuq fatturi varjabbli li f’dan il-mument huwa diffiċli li wieħed ibassarhom, inkluż, pereżempju, l-ipoteżi ta’ korrezzjoni possibbli a posteriori tad-“difett” li jkun inħareġ bih il-mandat ta’ arrest Ewropew oriġinali.

c)      Finalment, fir-rigward tal-konsenji li saru diġà (li d-destin tagħhom jidher li jikkawża t-tħassib ewlieni mqajjem mill-Kummissjoni), għal darb’oħra huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw l-impatt fuqhom tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ma jkunux jistgħu jinjoraw ir-rekwiżiti inerenti tal-prinċipju ta’ res judicata.

VI – Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-termini li ġejjin:

“1)      L-espressjonijiet “deċiżjoni ġudizzjarja” u “awtorità ġudizzjarja” li jinsabu, rispettivament, fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill Nru 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, Nru 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.

2)      Awtorità tal-pulizija li s-setgħat tagħha huma bħal dawk tad-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali Svediż ma tissodisfax ir-rekwiżiti sabiex tiġi kkwalifikata bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, u l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minnha f’dan il-każ lanqas ma għandu natura ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 1 u rettifika ĠU L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, li temenda d-Deċiżjonijiet kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24), (iktar ’il quddiem, “Deċiżjoni Qafas”).


3      Nota irrelevanti fil-verżjoni Maltija.


4      Kawża Özçelik, C‑453/16 PPU, pendenti quddiem din il-Qorti.


5      “Aġġornament tan-notifikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Isvezja taħt id-Deċiżjoni Qafas fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri” (Dokument tal-Kunsill Nru 10400/09, p. 2).


6      Fl-ispjegazzjoni ta’ dan il-gvern, li tista’ tinqara fl-intier tagħha fid-Dokument tal-Kunsill Nru 14876/11 (Evaluation report on the fourth round of mutual evaluations “the practical application of the European Arrest Warrant and corresponding surrender procedures between Member States” Follow-up to Report on Sweden), p. 2, huwa pprovdut kif ġej: “Sweden would like to stress that when a judgment is final all subsequent decisions concerning the enforcement of the sentence in our legal system are taken by other authorities than the court. […] In Sweden we have three different enforcement authorities and in order to coordinate the issuing of the EAWs: in these cases, the International Police Cooperation Division (IPO) was designated as the issuing authority. […] To conclude, the existing system is the most effective and in line with our national procedure and no complaints has been put forward. Thus, Sweden has not found any convincing reason to change the current system.”


7      Iktar ’il quddiem, “DGPN”.


8–      Kif deskritt fit-taqsima e) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, K. M. Poltorak attakka fiżikament u daħħal it-tarf ta’ xkupa f’għajn il-vittma, fl-4 ta’ Mejju 2012, f’Husargatan (Gothenburg, l-Iżvezja), u bħala riżultat ta’ dan il-vittma sofriet tiċrita tal-ligament u tal-kanal tad-dmugħ fl-għajn, li tnixxi demm fil-każ ta’ konġuntivite, kif ukoll ksur tal-ġnub tal-għadam ta’ isfel u ta’ fuq tal-kavità orbitali. Il-ksur kien meqjus aggravat minħabba l-ħruxija u l-brutalità li bihom aġixxa l-ħati.


9–      Kawża C–241/15, EU:2016:385.


10–      Għalkemm l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas ma jirreferix għal-liġi tal-Istati Membri, ir-rabta mill-qrib bejn il-frażijiet “deċiżjoni ġudizzjarja” u “awtorità ġudizzjarja”, — skont il-qorti tar-rinviju — tagħti x’tifhem li dawn jistgħu jiġu trattati bl-istess mod.


11–      Skont il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-“acte clair” fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT (C‑283/81, EU:C:1982:335).


12–      Skont il-ġurisprudenza mibdija bis-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa f’Schaake NV et (C‑28/62 sa C‑30/62, EU:C:1963:6).


13–      Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, ippreżentata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Settembru 2001 (COM/2001/0522 finali — CNS 2001/0215) ĠU 2001, C 332 E, p. 305.


14–      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358), punt 46.


15–      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:2016:385), punt 57.


16      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, J. Z. (C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610), punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


17      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C-60/12, ECLI:EU:C:2013:733), punti 24 sa 32.


18      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, J.Z. (C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610), punt 37.


19      Ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C-205/15, EU:2016:499), punt 33.


20      Il-Parlament Ewropew enfasizza l-interpretazzjonijiet differenti li tista’ twassal għalihom l-espressjoni “awtorità ġudizzjarja” fid-Deċiżjoni Qafas, u għalhekk adotta Riżoluzzjoni, fis-27 ta’ Frar 2014, b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, li fih ikkritika “in-nuqqas ta’ definizzjoni tat-terminu ‘awtorità ġudizzjarja’ fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku oħrajn li wasslet għal diverġenza fil-prattika bejn l-Istati Membri li wasslet għal inċertezza, ħsara lill-fiduċja reċiproka, u litigazzjoni”. [Proċedura 2013/2019 (INL)] Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi “proposti leġiżlattivi b’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati mogħtija fl-Anness ta’ ma’ dan ir-Regolament u li jipprovdu għal […] a) proċedura li biha miżura ta’ rikonoxximent reċiproku tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi vvalidata fl-Istat Membru emittenti minn imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew minn prosekutur pubbliku, sabiex jingħelbu l-interpretazzjonijiet diverġenti tat-terminu ‘awtorità ġudizzjarja’ […]”.


21      Rigward il-proporzjonalità fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew, nirreferi għall-konklużjonijiet (li naqbel magħhom kompletament) tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:2016:140), punti 137 et seq, b’mod speċjali, f’dak li jirrigwarda l-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-punti 145 sa 155. Ara, ukoll, id-Dokument tal-Kunsill 17195/1/10 REV 1, Revised version of the European handbook on how to issue a European Arrest Warrant, tas-17 ta’ Diċembru 2010, p. 14, li fih l-awtoritajiet emittenti jintalbu jwettqu test ta’ proporzjonalità qabel ma joħroġu mandat ta’ arrest Ewropew.


22      Il-kwistjoni dwar sa liema punt l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jitqies bħala awtorità ġudizzjarja fl-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma neżaminahiex f’dawn il-konklużjonijiet, iżda f’dawk li nippreżenta fil-kawża Özçelik, C‑453/16 PPU, pendenti quddiem din il-Qorti,


23      COM/2001/0522 finali; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      L-ispjegazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Proposta tipprovdi li: “The procedure of the European arrest warrant is based on the principle of mutual recognition of court judgments. State-to-State relations are therefore substantially replaced by court-to-court relations between judicial authorities. The term ‘judicial authority’ corresponds, as in the 1957 Convention (cf. Explanatory Report, Article 1), to the judicial authorities as such and the prosecution services, but not to the authorities of police force. The issuing judicial authority will be the judicial authority which has authority to issue the European arrest warrant in the procedural system of the Member State (Article 4)”.


25      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C-659/15 PPU, EU:2016:198), punt 75.


26      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:2016:385), punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-nota korrispondenti.


28      Enfasi miżjuda. L-espożizzjoni tal-motivi kienet taċċetta l-intervent amministrattiv, f’każijiet elenkati b’mod limitat: meta, fis-sistema tal-Istat Membru kkonċernat, awtorità amministrattiva għandha tiddeċiedi jekk il-persuna tgawdix immunità (l-Artikolu 31); meta jeżistu raġunijiet umanitarji importanti li jiġġustifikaw posponiment tal-eżekuzzjoni tal-ordni (l-Artikolu 38); jew sabiex jiġu eżaminati l-garanziji mogħtija minn Stat Membru ieħor fejn ma għandhiex tapplika sentenza ta’ priġunerija għall-ħajja (l-Artikolu 37).


29      Sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346) punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.


30      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358), punt 46.


31      L-Artikolu 31(1)(a), kien jipprovdi: “[L-azzjoni komuni f’dik li hija kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja penali għandha tinkludi:] li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni bejn il-ministeri u l-awtoritajiet ġudizzjarji jew l-ekwivalenti tagħhom kompetenti fl-Istati Membri, inkluż, fejn xieraq li tikkopera permezz ta’ l-Eurojust, fil-każ ta’ proċedimenti u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”.


32      L-Artikolu 82(1)(d) TFUE, jipprovdi kif ġej: “jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet”.


33      Kemm l-Artikolu 30 TUE qabel Lisbona kif ukoll, attwalment, l-Artikoli 87 TFUE sa 89 TFUE (li jinsabu fil-Kapitolu 5 tat-Titolu V, intitolat “Koperazzjoni tal-Pulizija”) jittrattaw il-kooperazzjoni tal-pulizija, li fi ħdanha jistgħu jiġu inklużi r-relazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-pulizija Svediżi mal-awtoritajiet omonimi ta’ Stati Membri oħra. Għall-kuntrarju, ir-regoli fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew, fost miżuri oħra, jaqgħu taħt il-Kapitolu 4 tal-istess titolu, intitolat “Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”.


34      Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/13, EU:C:2015:224), punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


35      Ibidem, punt 44.


36      Suċċessur tad-DGPN.


37      International Police Cooperation Division (l-akronimu “IPO” jirriżulta mill-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-rechtbank Amsterdam).


38      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Evaluation report on the fourth round of mutual evaluations “the practical application of the European Arrest Warrant and corresponding surrender procedures between Member States” (Dokument tal-Kunsill Nru 9927/2/08 REV 2), p. 46.


40      Ara l-punt 13 u n-nota 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358), punt 46.


42      Sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662), punt 27, u tal-15 ta’ Settembru 1998, Ansaldo Energia et (C‑279/96, C‑280/96 u C‑281/96, EU:C:1998:403), punt 16, li tirreferi għas-sentenzi pijunieri tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe (33/76, EU:C:1976:188), punt 5, u Comet (45/76, EU:C:1976:191), punti 13 u 16, kif ukoll għas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437), punt 12.


43      Ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2016 fil-kawżi Eco-Emballages u Melitta France et (C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:551), punt 56.