Language of document : ECLI:EU:C:2016:858

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Novembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mir-Rikspolisstyrelsen (direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali, l-Isvezja) fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà”

Fil-Kawża C‑452/16 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (tribunal ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Krzysztof Marek Poltorak,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal K. M. Poltorak, minn S. Wester, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, H. Stergiou u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann, u J. Möller, u R. Riegel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E. Tsaousi, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, N. Otte Widgren, H. Shev u F. Bergius, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika ĠU L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mir-Rikspolisstyrelsen (direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali, l-Isvezja) (iktar 'il quddiem id-“direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali Svediż”) kontra K. M. Poltorak fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Isvezja, ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ sena u tliet xhur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5 sa 9 tad-Deċiżjoni Qafas huma fformulati kif ġej:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(7)      Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2[UE] u l-Artikolu 5 [KE]. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(8)      Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

(9)      Ir-rwol ta’ l-awtoritajiet ċentrali fl-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun limitat għall-assistenza prattika u amministrattiva.”

4        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprovdi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

[…]”

5        L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari.

6        Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

7        L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Rikors lill-awtorità ċentrali”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.      Stat Membru jista’, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat ta’ l-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità(jiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u l-wasla ta’ mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

Stat Membru li jixtieq jagħmel użu mill-possibiltajiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandu jikkomunika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informazzjoni konnessa ma’ l-awtorità ċentrali nominata jew l-awtoritajiet ċentrali nnominati. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kollha ta’ l-Istat Membru emittenti.”

 Id-dritt Olandiż

8        L-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja) tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas fid-dritt Olandiż. L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

b.      ‘mandat ta’ arrest Ewropew’ tfisser id-deċiżjoni bil-miktub ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea bil-għan tal-arrest jew tal-konsenja ta’ persuna mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor;

[…]

i.      ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ tfisser l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kompetenti bis-saħħa tad-dritt intern sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew;

[…]”

9        L-Artikolu 5 tal-liġi dwar il-konsenja jipprovdi:

“Il-konsenja għandha ssir biss lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew meħuda skont din.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Fil-21 ta’ Diċembru 2012, il-Göteborgs Tingsrätt (qorti tal-ewwel istanza ta’ Göteborg, l-Isvezja) tat kontra, K. M. Poltorak, ċittadin Pollakk, piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ sena u tliet xhur, għal fatti kkwalifikati bħala swat u feriti gravi. Fit-30 ta’ Ġunju 2014, id-direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali Svediż ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra K. M. Poltorak, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fl-Isvezja, ta’ din il-piena.

11      Ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita, bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex K. M. Poltorak jiġi arrestat u konsenjat lill-awtoritajiet Svediżi.

12      Wara talba għal informazzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet Svediżi dwar l-awtorità emittenti tal-istess mandat ta’ arrest Ewropew, l-imsemmija qorti kisbet informazzjoni, b’mod partikolari, dwar l-istruttura, l-indipendenza, il-funzjonament u l-kompetenzi ta’ din l-awtorità, kif ukoll dwar il-proċedura u l-kriterji li abbażi tagħhom l-imsemmija awtorità tiddeċiedi li toħroġ mandati ta’ arrest Ewropej għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li ċċaħħad il-libertà.

13      Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, kif ukoll tal-elementi li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2008, dwar il-prattiċi nazzjonali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew [Rapport ta’ evalwazzjoni dwar ir-raba’ serje ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi – “applikazzjoni prattika tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tal-proċeduri korrispondenti ta’ konsenja bejn Stati Membri”: rapport dwar l-Isvezja (9927/1/08 REV 2)], il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fatt jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn servizz ta’ pulizija, bħad-direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali Svediż, għandux jiġi kkunsidrat li nħareġ minn “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, u jekk, konsegwentement, dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxix “deċiżjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

14      F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi lilha nnifisha dwar jekk il-kunċetti ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja” u ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, għandhomx jiġu interpretati bħala kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni jew jekk l-Istati Membri humiex liberi li jiddefinixxu s-sens u l-portata tagħhom.

15      Fl-ipoteżi fejn l-imsemmija kunċetti jiġu kkunsidrati bħala kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li dan ikun jimplika li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinħareġ minn awtorità li għandha status u kompetenzi li jippermettulha li toffri protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti fl-istadju tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li hija bbażata fuqu d-Deċiżjoni Qafas, hija tikkunsidra li tali awtorità għandha tkun imħallef jew prokuratur, bl-esklużjoni għalhekk li l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun jista’ jinħareġ minn servizz ta’ pulizija.

16      Fl-ipoteżi fejn dawn il-kunċetti jkunu jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawn jibqgħu madankollu obbligati li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom. Hija tirreferi b’hekk għall-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn jikkonċerna d-dritt ta’ rimedju effettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsenja, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358), u, f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni ġudizzjarja li għandha tiġi ggarantita fl-istadju tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, fil-punt 56 tas-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385).

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-espressjonijiet ‘awtorità ġudizzjarja’ [msemmija] fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] […] u ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ [msemmija] fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] […] huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni?

2)      [Jekk] l-ewwel domanda [tingħata] risposta affermattiva: [abbażi] ta’ liema kriterji jista’ [jiġi ddeterminat] jekk awtorità tal-Istat Membru emittenti hijiex ‘awtorità ġudizzjarja’ ta’ din [il-kwalità] u jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew [maħruġ minnha] huwiex, [għaldaqstant], ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ ta’ din [il-kwalità]?

3)      [Jekk] l-ewwel domanda [tingħata] risposta affermattiva: id-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali Svediż jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ [imsemmi] fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] […] u l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn din l-awtorità huwa, [għaldaqstant], ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ [kif imsemmi] fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] […]?

4)      [Jekk] l-ewwel domanda [tingħata] risposta negattiva: in-nomina ta’ awtorità nazzjonali tal-pulizija bħad-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali bħala awtorità ġudizzjarja emittenti hija konformi mad-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

18      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19      Insostenn ta’ din it-talba, hija b’mod partikolari tinvoka l-fatt li K. M. Poltorek attwalment jinsab imċaħħad mil-libertà tiegħu, pendenti l-konsenja effettiva tiegħu lill-awtoritajiet Svediżi.

20      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, li taqa’ fl-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, huwa jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

21      Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 24). Fil-fatt, il-miżura ta’ detenzjoni li K. M. Poltorek huwa s-suġġett tagħha ġiet ordnata, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra l-persuna interessata.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑31 ta’ Awwissu 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

23      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u jekk dan l-Artikolu 6(1) għandux jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ pulizija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni b’mod li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minnha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tistabbilixxi piena li ċċaħħad il-libertà jista’ jiġi kkunsidrat bħala “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha, għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, tat‑13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, b’din is-sistema tal-aħħar tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Id-Deċiżjoni Qafas hija għalhekk intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, jimplika, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li l-Istati Membri huma bħala prinċipju marbuta li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta dan il-mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, previsti fl-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet limitatament previsti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 79 u 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Madankollu, huma biss il-mandati ta’ arrest Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas, li għandhom jiġu eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet tagħha. Mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li l-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja”, li jfisser li jirrikjedi li jinħareġ minn “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tagħha.

29      Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membri emittenti li hija kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew skont id-dritt ta’ dan l-Istat.

30      Għalkemm, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas jirreferi għad-dritt ta’ dawn tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rinviju huwa llimitat għall-ħatra tal-awtorità ġudizzjarja li għandha l-kompetenza sabiex toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant, l-imsemmi rinviju ma jikkonċernax id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fiha nnifisha.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas ma jistgħux jitħallew għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 43, u tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 38).

32      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi mfittxa filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, kemm il-kuntest li taqa’ fih, kif ukoll l-għan intiż mid-Deċiżjoni Qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għalhekk, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi rrilevat li l-kliem “awtorità ġudizzjarja”, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda jippermettu li jiġu koperti, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-ordinament ġuridiku kkonċernat.

34      Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti wkoll li jiġu koperti s-servizzi ta’ pulizija ta’ Stat Membru.

35      Fl-ewwel lok, fl-interpretazzjoni komuni tagħha, il-kelma “ġudizzjarja” ma tkoprix is-servizzi ta’ pulizija. Fil-fatt, dan it-terminu jirreferi għas-setgħa ġudizzjarja, li għandha, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal‑konklużjonijiet tiegħu, tiġi distinta, skont il-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat ta’ dritt, mis-setgħa eżekuttiva. B’hekk, l-awtoritajiet ġudizzjarji huma mifhuma tradizzjonalment bħala l-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, bid-differenza, b’mod partikolari, mill-awtoritajiet amministrattivi jew tas-servizzi ta’ pulizija, li jaqgħu taħt is-setgħa eżekuttiva.

36      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tal-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas hija sostnuta mill-kuntest li taqa’ fih din id-dispożizzjoni.

37      Minn naħa, għandha ssir distinzjoni bejn il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, kif kienet prevista fl-Artikolu 31 UE, u l-kooperazzjoni mill-pulizija, kif kienet prevista fl-Artikolu 30 UE.

38      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” għandu jiġi mifhum fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, bħala li jkopri l-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ pulizija.

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull proċedura ta’ konsenja bejn Stati Membri prevista mid-Deċiżjoni Qafas hija, skont din, eżerċitata taħt l-istħarriġ ġudizzjarju, b’tali mod li d-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew jibbenefikaw mill-garanziji kollha li joffru dan it-tip ta’ deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punti 39 u 46).

40      B’mod partikolari, mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li d-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata għandha tieħu d-deċiżjoni tal-konsenja ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li awtorità ġudizzjarja mhux biss għandha tieħu din id-deċiżjoni, iżda wkoll dik dwar il-ħruġ ta’ mandat bħal dan. L-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja huwa wkoll meħtieġ matul fażijiet oħra tal-proċedura ta’ konsenja, bħas-smigħ tal-persuna mfittxa, id-deċiżjoni taż-żamma tal-persuna f’detenzjoni jew it-trasferiment temporanju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 45).

41      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas jawtorizza lill-Istati Membri, taħt riżerva tal-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni u jekk dan ikun neċessarju minħabba l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tagħhom, jirrikorru għal awtorità mhux ġudizzjarja, jiġifieri awtorità ċentrali, għal dak li jikkonċerna t-trażmissjoni u l-wasla tal-mandati ta’ arrest Ewropej.

42      Issa, għalkemm is-servizzi ċentrali ta’ pulizija ta’ Stat Membru jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, madankollu minn dan tal-aħħar, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas, jirriżulta li l‑intervent ta’ tali awtorità ċentrali jibqa’ limitat għall-assistenza prattika u amministrattiva tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. B’hekk, il-possibbiltà offruta fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas ma tistax tiġi estiża sal-punt li tippermetti lill-Istati Membri jissostitwixxu din l-awtorità ċentrali għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew.

43      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri wkoll is-servizzi ta’ pulizija tmur kontra l-għanijiet intiżi minnha u mfakkra fil-punti 24 sa 27 ta’ din is-sentenza.

44      B’hekk, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li abbażi tiegħu l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata teżegwixxi l-mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, huwa bbażat fuq il-premessa li awtorità ġudizzjarja tkun intervjeniet fil-bidu tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex teżerċita stħarriġ ġudizzjarju.

45      Issa, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest minn awtorità mhux ġudizzjarja, bħal servizz ta’ pulizija, ma jippermettix li tingħata l-assigurazzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li l-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ibbenefika minn tali stħarriġ ġudizzjarju u, għalhekk, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat il-grad għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri, imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li jikkostitwixxi l-bażi stess tad-Deċiżjoni Qafas. F’dan ir-rigward, l-organizzazzjoni speċifika tas-servizzi ta’ pulizija fi ħdan is-setgħa eżekuttiva u l-grad tagħhom ta’ awtonomija possibbli huma irrelevanti.

46      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ pulizija ma jaqgħux taħt dan il-kunċett, b’tali mod li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn tali servizzi ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

47      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, kif semma l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, is-servizz ta’ pulizija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu kompentenza biss fil-kuntest strett tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija, fit-tmiem ta’ proċedura ġudizzjajra, minn qorti u li din tkun kisbet is-saħħa ta’ res judicata.

48      Fil-fatt, mill-provi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Svediż jirriżulta li d-deċiżjoni dwar il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed fl-aħħar lok mis-servizz tal-pulizija inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mhux minn awtorità ġudizzjarja.

49      Min-naħa l-oħra, dan is-servizz ta’ pulizija joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew mhux fuq talba tal-imħallef li jkun adotta s-sentenza li timponi l-piena li ċċaħħad il-libertà, iżda fuq it-talba tas-servizzi tal-ħabs.

50      Min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ pulizija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, peress li huwa l-uniku servizz kompetenti sabiex jivverifika jekk il-kundizzjonijiet għal dan il-ħruġ, hekk kif inhuma previsti mid-Deċiżjoni Qafas, humiex sodisfatti, u sabiex jiddeċiedi, wara evalwazzjoni tad-diversi interessi inkwistjoni, fosthom dak tal-persuna kkonċernata, li l-imsemmi ħruġ huwa ta’ natura proporzjonata.

51      Issa, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Svediż, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma huwiex suġġett ex officio għal stħarriġ ġudizzjarju.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u li dan l-Artikolu 6(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ pulizija, bħad-direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali Svediża, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn dan fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tagħti piena li ċċaħħad il-libertà ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “deċiżjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

 Fuq ir-raba’ domanda

53      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ din is-sentenza

54      Matul is-seduta, il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li servizz ta’ pulizija, bħad-direttorat ġenerali tal-pulizija Svediża, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Huma invokaw, essenzjalment, possibbli konsegwenzi ta’ din is-sentenza fuq il-kawżi fejn mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn awtorità li ma hijiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qrati stess għal rapporti ġuridiċi li jinħolqu u jiġu stabbiliti qabel ma tingħata s-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għall-interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ dik ir-regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu ssodisfatti (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis, C‑562/12, EU:C:2014:2229, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed inkwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tkun tista’ tiġi deċiża tali limitazzjoni, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fides tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 41 kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 60).

57      F’dan il-każ, mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2008, imsemmi fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod partikolari, li l-Kunsill, fil-passat, ikkritika l-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest Ewropej mis-servizzi ta’ pulizija inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ “awtorità ġudizzjarja”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-Renju tal-Isvezja ġie inkoraġġut jadotta aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u importanti fir-rigward tal-portata tad-dipożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u dan l‑Artikolu 6(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ pulizija, bħar-Rikspolisstryrelsen (direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali, l-Isvezja), ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(1) b’tali mod li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn dan fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tagħti piena li ċċaħħad il-libertà ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “deċiżjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2009/299.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.