Language of document : ECLI:EU:T:2011:345

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear iżolat bil-gass – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Tqassim tas-suq – Drittijiet tad-difiża – Prova tal-ksur – Tul tal-ksur – Multi – Ammont inizjali – Sena ta’ referenza – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T-133/07,

Mitsubishi Electric Corp., stabbilita f’’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn R. Denton, solicitor, u K. Haegeman, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault u J. Samnadda, sussegwentement minn X. Lewis, sussegwentement minn P. Van Nuffel u J. Bourke, u fl-aħħar nett minn P. Van Nuffel u N. Khan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annulament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81[KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti u lil TM T & D, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2(g) u (h) tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti u, iktar sussidjarjament, talba sabiex l-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni jiġi emendat b’tali mod li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti tiġi annullata, jew, fin-nuqqas ta’ dan imnaqqsa,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Ir-rikorrenti

1        Ir-rikorrenti, Mitsubishi Electric Corp., hija kumpannija Ġappuniża attiva f’diversi setturi, u b’mod partikolari fil-qasam tas-switchgear iżolat bil-gass (iktar ’il quddiem “SIG”). Bejn Ottubru 2002 u April 2005, l-attività tagħha fil-qasam ta’ SIG kienet eżerċitata minn kumpannija bi sħab, jiġifieri TM T & D Corp., li tagħha hija kienet proprjetarja, f’ishma ndaqs, ma Toshiba Corp. u li ġiet xolta fl-2005.

2.     Il-prodotti

2        Is-SIG jintuża sabiex jiġi kkontrollat il-fluss ta’ enerġija fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa tagħmir tqil tal-elettriku, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey). Is-SIG jinbiegħu fid-dinja kollha bħala parti integrali minn substations tal-elettriku (turnkey) jew bħala partijiet individwali qabel ma jiġu integrati f’tali substations.

3.     Il-proċedura amministrattiva

3        Fit-3 ta’ Marzu 2004, ABB Ltd indikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi fis-settur tas-SIG, fil-kuntest ta’ talba orali għal immunità minn multi, skont l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).

4        It-talba għal immunità minn multi mressqa minn ABB ġiet ikkompletata permezz ta’ osservazzjonijiet orali u provi dokumentarji. Fl-24 ta’ April 2004, hija waslet għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tat immunità taħt kundizzjonijiet lil ABB.

5        Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni u wettqet, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, spezzjonijiet fil-bini ta’ diversi kumpanniji attivi fis-settur tas-SIG

6        Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lil 20 kumpannija fosthom, b’mod partikolari, lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni pproċediet għas-smigħ tal-kumpanniji li lilhom intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-18 u fid-19 ta’ Lulju 2006.

4.     Id-deċiżjoni kkontestata

7        Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

8        Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li d-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira l-ishma tas-suq storiċi stmati tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta “Ġappuniża” u ta’ kwota konġunta “Ewropea” li kellhom mbagħad jinqasmu bejniethom rispettivament mill-produtturi Ġappuniżi u mill-produtturi Ewropej. Ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim GQ”) kien jistabbilixxi regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u li l-valur tagħhom jiġi imputat fuq il-kwota korrispondenti. Barra minn dan, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub (iktar ’il quddiem l-“arranġament komuni”), li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi tal-membri tal-akkordju Ewropej, min-naħa l-oħra, indikati konġuntament bħala l-“pajjiżi kostrutturi” tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” ma kinux suġġetti għal skambji ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux imputati fuq il-kwoti rispettivi.

9        Il-Ftehim GQ kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għall-funzjonament tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti kkonċernati u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għall-proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-Anness 2 tiegħu, il-Ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa tal-arranġament komuni, il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew; il-produtturi Ġappuniżi kienu impenjaw irwieħhom li ma jressqux offerti għall-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

10      Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien irregolat minn ftehim iffirmat ukoll fi Vjenna, fil-15 ta’ April 1988, u intitolat “E-Group Operation Agreement for GQ Agreement” (Ftehim tal-Grupp E għall-implementazzjoni tal-Ftehim GQ, iktar ’il quddiem il-“Ftehim EQ”). Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri bħal dawk li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, arranġati jew kellhom jingħataw limitu minimu ta’ prezz.

11      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi implikati kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) u imponiet fuqhom multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkolat b’applikazzjoni tal-metodoloġija esposta fil-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi”), kif ukoll fl-avviż dwar il-kooperazzjoni.

12      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004.

13      Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta fuq ir-rikorrenti, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, multa li tammonta għal EUR 118 575 000, li minnhom EUR 4 650 000 jikkorrispondu għall-ksur imwettaq minn TM T & D u għandhom jitħallsu in solidum ma’ Toshiba.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) fit-18 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ressqu l-kawża preżenti. Fis-6 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tal-iżvelar min-naħa tal-Kummissjoni tad-dħul mill-bejgħ tad-diversi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

15      Ir-risposta ġiet ippreżentata fil-21 ta’ Awwissu 2007.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti talbet li t-talbiet tagħha jiġu milqugħa fil-kontumaċja, abbażi tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Hija ppreżentat ir-replika tagħha fil-5 ta’ Novembru 2007.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Jannar 2008, it-talba sabiex tingħata deċiżjoni fil-kontumaċja ġiet miċħuda.

18      Il-proċedura bil-miktub ingħalqet permezz tal-preżentata tal-kontroreplika fit-18 ta’ Marzu 2008.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, fit-22 ta’ Settembru 2009 il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, hija talbet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti u talbet lill-partijiet biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-istess dokumenti fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, fejn stednithom iweġbuhom matul is-seduta.

20      Bi tweġiba għall-istedina tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkomunikat id-dokumenti kkonċernati fis-26 ta’ Ottubru 2009. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fid-19 ta’ Novembru 2009. Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni pproduċiet dokument supplimentari u fit-3 ta’ Diċembru 2009 hija wieġbet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2009.

22      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika għaliha u għal TM T & D;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tapplika għaliha;

–        iktar sussidjarjament, temenda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika għaliha fid-dawl tal-annullament jew, fin-nuqqas ta’ dan, tat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-kawża.

 Id-dritt

24      Preliminarjament, ir-rikorrenti tikkontesta l-ammissibbiltà tar-risposta billi ssostni li din tal-aħħar hija inkoerenti u ma tweġibx għall-motivi ppreżentati fir-rikors.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, abbażi tal-Artikolu 46(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-risposta għandha tkun tinkludi l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt invokati mill-konvenut.

26      Issa, ir-risposta ppreżentata fil-kawża preżenti tissodisfa dan ir-rekwiżit, indipendentement mill-kwistjoni separata tar-rilevanza jew tal-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata inammissibbiltà tar-risposta għandu jiġi miċħud.

27      Fuq il-mertu, ir-rikorrenti tinvoka ħmistax-il motiv. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija kienet kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat f’akkordju li kellu l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”). It-tieni lment huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ftehim li jikser l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li għalih hija kienet ipparteċipat. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball meta warrbet l-elementi li jispjegaw l-assenza tagħha mis-suq Ewropew u li ma kienx possibbli għaliha li tippenetra dan is-suq. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret ir-regoli li jirregolaw il-prova, billi invertiet l-oneru tal-prova u għalhekk kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità meta kkalkolat l-ammont inizjali tal-multa tagħha abbażi tad-dħul mill-bejgħ għas-sena 2001. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li l-multa tiġi kkalkolata abbażi tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena 2001. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball fid-definizzjoni tas-suq dinji ta’ SIG u tas-sehem tagħha tal-imsemmi suq u, b’konsegwenza ta’ dan, kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. It-tmien motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li tgħid li hija kienet tikkontrolla bejn 15 u 20 % tas-suq dinji. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta evalwat il-valur tas-suq dinji. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità meta kkalkolat il-fattur ta’ dissważjoni li kellu jiġi applikat fil-konfront tagħha. Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta kkalkolat bl-istess mod l-ammont tal-multa tagħha u l-ammont tal-multi tal-produtturi Ewropej. It-tnax-il motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi ekonomiċi u tekniċi rilevanti matul il-kalkolu tal-multa. It-tlettax-il motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball fil-kalkolu tat-tul tal-akkordju. L-erbatax-il motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti billi ma tathiex aċċess għall-elementi inkriminanti u għal dawk li jiskaġunaw. Il-ħmistax-il motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ma kkomunikathilhiex il-konklużjonijiet dwar it-teorija ta’ kumpens inerenti tal-arranġament komuni.

28      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-motivi mqajma mir-rikorrenti.

29      Qabelxejn għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ppreċiżatx liema mill-motivi tagħha ġew invokati insostenn tad-diversi talbiet imressqa minnha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li l-ewwel sar-raba’ u t-tlettax sal-ħmistax-il motiv ġew invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba prinċipali tagħha. Fil-fatt, jekk jintlaqa’ wieħed minn dawn il-motivi, ikun hemm lok li jiġu annullati, minn tal-inqas parzjalment, kemm l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrenti. It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-ħames sat-tnax-il motiv ġew invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba sussidjarja tagħhom, peress li dawn jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma invokat l-ebda motiv awtonomu insostenn tat-talba iktar sussidjarja tagħha.

1.     Fuq it-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika għar-rikorrenti u għal TM T & D

30      Sa fejn l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, tagħmel l-eżami tal-mertu tal-imsemmija deċiżjoni superfluwu, hemm lok li l-ewwel nett jiġu trattati l-motivi erbatax u ħmistax. It-tieni nett, hemm lok li jiġu trattati flimkien l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv, li kollha kemm huma jirrigwardaw il-prova tal-arranġament komuni. It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv, dwar il-klassifikazzjoni tal-imsemmi arranġament bħala ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Ir-raba’ nett, għandu jiġi evalwat it-tlettax-il motiv dwar it-tul tal-allegat akkordju.

 Fuq l-erbatax-il motiv, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti billi ma tathiex aċċess għall-elementi inkriminanti u għal dawk li jiskaġunaw

 L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti tqis li hija ma kellhiex aċċess għal ċerti elementi inkriminanti jew li jiskaġunaw li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, bi ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq.

32      Fir-rigward tal-elementi inkriminanti, ir-rikorrenti ssostni li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżultaw provi li hija ma kinitx taf dwarhom u li fuqhom hija, għaldaqstant, ma setgħetx tagħti l-opinjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tikkonsulta l-elementi prodotti minn Fuji fil-21 ta’ Novembru 2006, li minnhom jirriżulta li l-Ftehim GQ ma setax jiffunzjona mingħajr l-arranġament komuni.

33      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tallega li lanqas l-elementi prodotti f’Novembru 2006 li minnhom jirriżulta li Alstom u Areva ma kkontestawx l-eżistenza tal-arranġament komuni ma ġew ikkomunikati lilha.

34      Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li fit-8 ta’ Novembru 2006 hija pprovdiet lill-Kummissjoni b’testimonjanzi li jiskaġunaw ta’ diversi impriżi oħra, li madankollu ma ġewx ikkomunikati lill-partijiet l-oħra.

35      It-tieni nett, ir-risposta supplimentari ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn Hitachi kkontestat l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fir-risposta inizjali dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, ma ġietx ikkomunikata.

36      It-tielet nett, ir-rikorrenti tilmenta dwar il-fatt li hija ma kellhiex aċċess għall-elementi li jqiegħdu f’dubju l-eżistenza tal-arranġament komuni u li jenfasiżżaw l-eżistenza tal-ostakoli għall-penetrazzjoni tas-suq tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, prodotti minn Siemens, mill-impriżi tal-grupp li minnu tifforma parti VA TECH Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG (iktar ’il quddiem “VA TECH”), minn Hitachi u minn Toshiba, u b’mod partikolari għad-dikjarazzjonijiet u għar-rapporti ekonomiċi jew tekniċi prodotti minn Hitachi u minn Toshiba, għat-testimonjanzi tal-impjegati ta’ Siemens u ta’ Hitachi u għar-risposta ta’ VA TECH għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija tiddikjara li l-Kummissjoni, billi kkonstatat, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, li VA TECH ma kkontestatx b’mod miftuħ l-eżistenza tal-aranġament komuni, żnaturat il-pożizzjoni ta’ VA TECH.

37      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kellhiex aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta’ S, prodotti f’isem Alstom u li jirrigwardaw il-waqfien tal-akkordju fl-1999.

38      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

39      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-persuna kkonċernata, matul il-proċedura amministrattiva, tingħata l-opportunità li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkonstatati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 66).

40      Korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw, ħlief għas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi l-oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 68).

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontradittorja li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, it-tweġiba tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex, bħala prinċipju, inkluża fid-dokumenti kollha tal-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jiġu kkonsultati mill-partijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 163).

42      Madankollu, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew fuq dokument anness ma’ tali tweġiba, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-argumenti tagħhom fuq din il-prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-silta inkwistjoni minn tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew id-dokument anness ma’ din it-tweġiba, fil-fatt tikkostitwixxi element inkriminanti kontra d-diversi impriżi li ħadu sehem fil-ksur (ara s-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

43      B’analoġija, jekk silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet, jew dokument anness ma’ tali tweġiba, tista’ tkun rilevanti għad-difiża ta’ impriża billi tippermetti lil din tal-aħħar tinvoka elementi li jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni, din tkun prova li tiskaġuna. F’dan il-każ, l-impriża kkonċernata għandha titqiegħed f’pożizzjoni li twettaq eżami tas-silta jew tad-dokument inkwistjoni u li tressaq l-argumenti tagħha dwarhom.

44      Madankollu, is-sempliċi fatt li impriżi oħra invokaw l-istess argumenti bħall-impriża kkonċernata u li, skont il-każ, użaw iktar riżorsi għad-difiża tagħhom ma huwiex biżżejjed sabiex dawn l-argumenti jiġu kkunsidrati bħala provi li jiskaġunaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 353 u 355).

45      Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ aċċess għal fajl fejn ma jiġux osservati dawn ir-regoli, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tinkrimina impriża jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument li ma ġiex ikkomunikat ma kellux jiġi kkunsidrat bħala prova inkriminanti (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

46      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmi dokument li jiskaġuna għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku hija setgħet tagħmel użu minn tali dokument matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-kunsiderazzjonijiet li għamlet din tal-aħħar fid-deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u t-tul tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punti 74 u 75).

47      Il-possibbiltà li dokument li ma ġiex żvelat seta’ influwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juri li d-dokumenti mhux żvelati seta’ kellhom – fil-konfront ta’ dawn il-provi – importanza li ma kienx missha ġiet injorata (sentenza Aalborg Portland et vs Il Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 76).

48      Fil-kawża preżenti, f’dak li jirrigwarda l-elementi inkriminanti, minn naħa, il-Kummissjoni tammetti li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-osservazzjonijiet ta’ Fuji li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti sabiex issostni l-ilmenti invokati fil-konfront ta’ din tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata, iżda tikkontesta li hija effettivament invokathom bħala elementi inkriminanti. Madankollu, għandu jiġi osservat li fil-premessi 125 u 255 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rreferiet għall-osservazzjonijiet supplimentari ta’ Fuji, b’mod partikolari għal dawk ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2006, sabiex tikkorrobora l-eżistenza tal-arranġament komuni.

49      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li hija ma bbażatax ruħha fuq il-pożizzjoni allegatament newtrali ta’ Alstom u ta’ Areva sabiex tikkonkludi li kien hemm arranġament komuni, imma li llimitat ruħha li tikkonstata li kien jeżisti. Għalkemm dik l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-diċitura tal-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-ebda forza korroborattiva ma hija rikonoxxuta lill-pożizzjoni ta’ Alstom, ta’ Areva u ta’ VA TECH, bil-kontra tad-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji li jikkonfermaw l-eżistenza tal-arranġament komuni, hija tqiegħdet f’dubju mill-premessa 255 tal-imsemmija deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni ssemmi r-rikonoxximent impliċitu tal-eżistenza tal-arranġament komuni minn ċerti produtturi Ewropej.

50      Kien x’kien il-każ, il-pożizzjoni newtrali ta’ Alstom u ta’ Areva ma tistax tiġi interpretata bħala prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Fil-fatt, fid-dawl tal-oneru tal-prova li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ fatt minn impriża ma jistabbilixxix il-fatt inkwistjoni. Konsegwentement, indipendentement mill-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-pożizzjoni ta’ Alstom u ta’ Areva bħala element inkriminanti.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riżultat tal-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw l-elementi inkriminanti jiddependi fuq ir-riżultat tal-eżami tal-ewwel motiv, dwar il-prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Fil-fatt, jekk jiġi kkonstatat li l-eżistenza tal-imsemmi arranġament hija stabbilita kif titlob il-liġi anki wara li jiġu mwarrba l-osservazzjonijiet ikkonċernati ta’ Fuji u l-pożizzjoni allegatament newtrali ta’ Alstom u ta’ Areva bħala elementi inkriminanti, ikun hemm lok li din il-parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi kkonstatat li l-imsemmija elementi jikkostitwixxu sostenn neċessarju għall-konstatazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni, ikun hemm lok li l-argument tar-rikorrenti jiġi milqugħ u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn tikkonċernaha.

52      Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, għandu mill-ewwel jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li ċerti elementi prodotti minnha ma ġewx ikkomunikati lid-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dawn l-elementi ma ġewx ikkomunikati lid-destinatarji l-oħra, dan jista’ jaffettwa, l-iktar l-iktar, id-difiża tal-imsemmija destinatarji, iżda mhux dik tar-rikorrenti.

53      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li ġew identifikati mir-rikorrenti bi preċiżjoni minima.

54      Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ir-risposta supplimentari ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tikkonfutax il-kontenut fattwali tad-dikjarazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni. Fl-imsemmija risposta supplimentari, Hitachi llimitat ruħha li tikkontesta l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-imsemmija dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tagħhom bħala prova tal-arranġament komuni u tal-eżistenza ta’ ksur uniku li jinvolvi kemm dan l-arranġament kif ukoll il-Ftehim GQ. Issa, dan l-istess argument kien diġà ġie ppreżentat minn Hitachi fis-sunt tal-ewwel tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ntbagħat lir-rikorrenti mill-Kummissjoni. Konsegwentement, ir-risposta supplimentari ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element li jiskaġuna li l-komunikazzjoni tiegħu setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

55      It-tieni nett, kif tallega r-rikorrenti, VA TECH ikkontestat espliċitament, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-eżistenza tal-arranġament komuni. Madankollu, għalkemm dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni matul l-eżami tal-ewwel motiv dwar il-prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni, fih innifsu dan ma jiżvelax li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li din tal-aħħar ma tispeċifikax kif u sa fejn l-interpretazzjoni żbaljata tal-pożizzjoni ta’ VA TECH għamlet id-difiża tagħha iktar diffiċli.

56      Barra minn dan, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, kemm VA TECH kif ukoll Hitachi, Toshiba u Siemens ikkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni u ddeskrivew l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul fis-suq Ewropew. Iktar minn hekk, Hitachi u Toshiba ppreżentaw rapporti ta’ esperti li kellhom isostnu l-pożizzjoni tagħhom fuq dan l-aħħar punt.

57      Issa, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti nnifisha kkontestat l-eżistenza tal-arranġament komuni u tad-diskussjonijiet relatati miegħu, invokat l-eżistenza ta’ barrieri “għoljin” għad-dħul fis-suq Ewropew u ppreżentat rapporti ta’ esperti dwar dan is-suġġett, li kienu analogi għar-rapporti ta’ Hitachi u ta’ Toshiba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dikjarazzjonijiet u r-rapporti li joriġinaw mid-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala elementi li jiskaġunaw.

58      Fir-rigward tat-testimonjanzi tal-impjegati ta’ Hitachi u ta’ Siemens, dawn tal-aħħar iddikjaraw li l-Ftehim GQ ma kienx japplika għal proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, ikkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni u tad-diskussjonijiet relatati miegħu u semmew l-eżistenza ta’ barrieri “għoljin” għad-dħul fis-suq taż-ŻEE. Barra minn hekk, ix-xhieda ta’ Hitachi taw dettalji dwar proposta ta’ Alstom, magħmula f’Lulju 2002, dwar arranġament bejn il-produtturi Ewropej u dawk Ġappuniżi, u dwar iċ-ċaħda ta’ din il-proposta min-naħa ta’ Hitachi.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li t-testimonjanzi bil-miktub tal-impjegati ta’ kumpannija, redatti taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar u ppreżentati minnha għad-difiża tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala elementi differenti u indipendenti mid-dikjarazzjonijiet ta’ din l-istess kumpannija. Fil-fatt, ġeneralment, il-pożizzjoni ta’ kumpannija fir-rigward tar-realtà tal-fatti li qed tiġi akkużata bihom mill-Kummissjoni hija bbażata, l-ewwel nett, fuq dak li jkunu jafu u fuq l-opinjonijiet tal-impjegati u tad-diriġenti tagħha.

60      Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punt 57 iktar ’il fuq, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti nnifisha kkontestat l-eżistenza tal-arranġament komuni u tad-diskussjonijiet relatati miegħu u invokat l-eżistenza ta’ barrieri “għoljin” għad-dħul fis-suq Ewropew. Hija ddikjarat ukoll li l-Ftehim GQ ma kienx jikkonċerna t-territorju taż-ŻEE. Konsegwentement, il-fatt li impriżi oħra invokaw dawn l-argumenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala element li jiskaġuna.

61      Barra minn dan, id-dettalji tal-proposta ta’ Alstom ippreżentata f’Lulju 2002 kienu ġew żvelati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, dan l-element ma jikkostitwixxix element li jiskaġuna.

62      It-tielet nett, wara li kisbet aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta’ S, ir-rikorrenti ma indikat, fi ħdan dawn id-dikjarazzjonijiet, l-ebda element li seta’ jkun utli għad-difiża tagħha. Għalhekk, l-allegazzjoni ġenerali li tgħid li l-imsemmija dikjarazzjonijiet jikkostitwixxu element li jiskaġuna għandha tiġi miċħuda bħala mhux issostanzjata.

63      Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-aċċess għall-elementi li jiskaġunaw għandhom jiġu miċħuda. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 51 iktar ’il fuq, ir-riżultat ta’ dan il-motiv jiddependi fuq ir-riżultat tal-eżami tal-ewwel motiv.

 Fuq il-ħmistax-il motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ma kkomunikathilhiex il-konklużjonijiet tagħha dwar it-teorija tal-kumpens inerenti tal-arranġament komuni

 L-argumenti tal-partijiet

64      Ir-rikorrenti ssostni li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni ma indikatx li l-kumpens mogħti lill-produtturi Ġappuniżi mill-produtturi Ewropej fil-kuntest tal-arranġament komuni, bis-saħħa tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, jikkostitwixxi prova tal-eżistenza tal-imsemmi arranġament. Hija ssostni li din it-teorija tissemma għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk il-Kummissjoni kisret l-obbligu li tagħti lill-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq l-elementi li fuqhom hija bbażat ruħha.

65      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

66      Skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tindika, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni mhux neċessarjament għandha tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għaliex din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju fejn l-evalwazzjonijiet tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi huma ta’ natura purament provviżorja (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 67). Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax timputa fuq il-persuni kkonċernati ksur differenti minn dawk indikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għalkemm tista’ tuża biss fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom il-possibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom, hija għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva jew biex tirrinunzja għal ilmenti li rriżulta li ma kinux fondati, jew sabiex tbiddel jew tikkompleta, kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi, l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija żżomm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 92 sa 94).

67      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi ammess li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma indikatx b’mod espliċitu li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kien jikkostitwixxi kumpens offrut mill-produtturi Ewropej lill-produtturi Ġappuniżi, ipperċepiti bħala kompetituri potenzjali kredibbli, inkambju għall-osservanza tal-arranġament komuni.

68      Madankollu, minn naħa, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tiddeskrivi l-punti ta’ fatt li fuqhom hija bbażata din it-teorija. Fil-fatt, l-arranġament komuni u l-mekkaniżmu ta’ attribuzzjoni huma esposti sommarjament fil-punti 100, 106 u 110 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u deskritti fid-dettall fil-kumplament ta’ dan id-dokument. Barra minn dan, mill-punt 120 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, il-produtturi Ġappuniżi kienu kompetituri potenzjali kredibbli f’dak li jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

69      Min-naħa l-oħra, fil-punt 59 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kkonstatat li l-Kummissjoni invokat il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni bħala prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet fehmet, abbażi tal-imsemmija dikjarazzjoni, l-importanza li l-Kummissjoni kienet qed tagħti lill-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni fil-kuntest tal-prova tal-ksur allegat. Barra minn dan, fil-punti 59 sa 64 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti esprimiet fid-dettall l-opinjoni tagħha f’dak li jikkonċerna l-prova tal-imsemmi mekkaniżmu u r-rilevanza tiegħu fil-konfront tal-arranġament komuni allegat.

70      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ppermetta lir-rikorrenti tesprimi ruħha fuq l-elementi ta’ fatt li fuqhom kien ibbażat l-ilment invokat mill-Kummissjoni fl-imsemmija dikjarazzjoni u fid-deċiżjoni kkontestata.

71      Konsegwentement, il-ħmistax-il motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv, ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju allegat, fuq l-allegazzjoni li hija wettqet żball meta warrbet l-elementi li jispjegaw l-assenza tar-rikorrneti mis-suq Ewropew u l-impossibbiltà li hija tippenetra dan is-suq u fuq l-allegazzjoni li hija kisret ir-regoli li jirregolaw il-prova billi invertiet l-oneru tal-prova u għalhekk kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza

72      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li jistgħu juru, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata)

73      F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni kif titlob il-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 60).

74      Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu fil-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi magħha, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni ssemmi provi preċiżi u li jaqblu sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Barra minn hekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa magħruf li l-ftehim antikompetittivi huma pprojbiti, ma jistax jiġi mistenni li l-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mhux relatati ma’ xulxin li l-Kummissjoni jista’ jkollha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu l-kostruzzjoni mill-ġdid taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koniċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li ma hemmx iktar lok li jiġu applikati regoli iktar flessibbli fil-qasam tal-prova, marbutin mad-diffikultajiet li l-Kummissjoni tiltaqa’ magħhom meta tfittex li tipprova ksur. Skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, il-multi imposti fil-każijiet ta’ akkordji żdiedu b’mod kostanti f’dawn l-aħħar snin, u dan għandu jinfluwenza l-intensità tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. It-tieni nett, fid-dawl tal-eżistenza tal-avviż dwar il-kooperazzjoni u tal-kooperazzjoni tal-partijiet miksuba abbażi ta’ dan l-avviż, ma għadx hemm lok li l-Kummissjoni tingħata marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi. It-tielet nett, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tipprova tinvoka dokument li jiċċertifika l-eżistenza ta’ akkordju lil hinn mill-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Ftehim GQ, sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

78      Madankollu, dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu milqugħa. Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa ċertament minnu li ż-żieda tal-ammonti tal-multi jista’ jkollha konsegwenzi iktar gravi għall-partijiet li fuqhom jiġu imposti dawn il-multi. Madankollu, ladarba l-inizjattiva tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija ġeneralment magħrufa, il-konsegwenza hija li, jekk impriżi jagħmlu lilhom infushom responsabbli għal ksur, huma joqogħdu iktar u iktar attenti sabiex jiġi ġġenerat l-inqas numru possibbli ta’ provi li jistgħu jintużaw kontrihom, u dan jagħmel xogħol il-Kummissjoni iktar diffiċli. It-tieni nett, sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati validament mill-Kummissjoni bħala provi ta’ ksur, l-elementi rċevuti mill-impriżi kkonċernati fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza għandhom, f’kull każ, jissodisfaw ir-rekwiżiti ġurisprudenzjali applikabbli. Għalhekk, l-eżistenza fiha nnifisha tal-programm ta’ klemenza mhux neċessarjament tissimplifika r-rwol tal-Kummissjoni. It-tielet nett, il-fatt li l-Ftehim GQ ma kienx jikkonċerna t-territorju tal-Unjoni Ewropea huwa rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ dan l-element. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex ta’ natura tali li jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-elementi l-oħra prodotti mill-Kummissjoni.

79      Barra minn dan, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, huwa biżżejjed li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti kif stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni plawżibbli tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, din ir-regola ma hijiex applikabbli għall-każijiet kollha fejn il-ksur ġie stabbilit biss permezz ta’ provi mhux dokumentarji.

81      Fil-fatt, fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati biex ikun stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju dominanti fid-dritt Komunitarju huwa dak tal‑produzzjoni libera tal-provi (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

82      Konsegwentement, għalkemm in-nuqqas ta’ provi dokumentarji jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, ikkunsidrat waħdu, dan in-nuqqas ma għandux bħala konsegwenza li jippermetti li l-impriża kkonċernata tqiegħed f’dubju l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tagħti spjegazzjoni alternattiva tal-fatti. Dan huwa biss il-każ meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li l-eżistenza tal-ksur tiġi stabbilita b’mod ċar u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

83      Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinqeda b’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju sabiex tużahom kontra impriża oħra. Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 192). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

84      Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punti 219 u 220).

85      Fir-rigward tal-valur probatorju tad-diversi provi, l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 72).

86      Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u, b’hekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li ġie redatt fihom, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1053 u 1838).

87      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet, valur probatorju partikolarment għoli jista’ barra minn hekk jiġi rikonoxxut lil dawk li, l-ewwel nett, ikunu affidabbli, it-tieni nett, li jsiru f’isem impriża, it-tielet nett, ikunu ġejjin minn persuna li hija marbuta bl-obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ dik l-impriża, ir-raba’ nett, li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, li ġejjin minn xhud dirett tal-fatti msemmija u, is-sitt nett, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punti 205 sa 210).

88      Barra minn hekk, għalkemm huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà, invokata mir-rikorrenti, li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jipproduċu l-parti l-kbira tal-elementi inkriminanti fir-rigward tal-attività tal-kompetituri tagħhom, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni bil-għan li tikseb immunità jew tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

89      F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li l-konsegwenzi potenzjali tal-komunikazzjoni ta’ provi distorti huma iktar u iktar gravi peress li d-dikjarazzjoni kkontestata ta’ impriża għandha tiġi kkorroborata, kif jirriżulta mill-punt 84 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-fatt iżid ir-riskju li dikjarazzjonijiet mhux eżatti jiġu identifikati kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-impriżi l-oħra implikati.

90      Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli f’dan il-każ, qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata, l-arranġament komuni kien arranġament mhux miktub li kien jinkludi, l-ewwel nett, l-impenn min-naħa tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, it-tieni nett, l-impenn tal-impriżi Ewropej li ma jippenetrawx is-suq Ġappuniż tal-proġetti ta’ SIG u, it-tielet nett, l-impenn tal-impriżi Ewropej li jinnotifikaw lill-impriżi Ġappuniżi l-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi Ewropej oħra għajr il-pajjiżi kostrutturi u li jattribwixxu dawn l-istess proġetti fuq il-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kien li joffri kumpens lill-impriżi Ġappuniżi, ipperċepiti bħala kompetituri potenzjali fis-suq taż-ŻEE mill-impriżi Ewropej.

91      Fost id-diversi komponenti tal-arranġament komuni elenkati fil-punt 90 iktar ’il fuq, huwa l-allegat impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE li jikkostitwixxi l-bażi tal-ilment li l-Kummissjoni kkontestat lir-rikorrenti. Konsegwentment, hija l-eżistenza ta’ dan l-impenn li għandha tiġi stabbilita kif titlob il-liġi. Madankollu, il-komponenti l-oħra tal-arranġament komuni, jekk jiġu pprovati, jistgħu jirriżultaw rilevanti bħala provi indiretti li jippermettu li tiġi dedotta l-eżistenza tal-impenn korrispondenti tal-impriżi Ġappuniżi.

92      Ir-rikorrenti tikkontesta, fil-kuntest tal-ewwel motiv, l-eżistenza tal-arranġament komuni u l-parteċipazzjoni tagħha għalih. Hija tikkritika l-valur probatorju tad-diversi elementi esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u ssemmi elementi oħra li, fl-opinjoni tagħha, jissuġġerixxu li l-imsemmi arranġament ma eżistiex. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. Hija tkompli tgħid, fil-kuntest tat-tielet motiv, li f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha taċċetta l-ispjegazzjoni alternattiva tal-assenza tal-produtturi Ġappuniżi mis-suq tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, marbut mal-eżistenza ta’ barrieri legali, tekniċi u kummerċjali għad-dħul f’dan l-istess suq. Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li, billi ma stabbilixxietx kif titlob il-liġi l-eżistenza tal-arranġament komuni, il-Kummissjoni invertiet l-oneru tal-prova u kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

93      Il-Kummissjoni ssostni li l-eżistenza tal-arranġament komuni u, b’mod partikolari, l-impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE, ġiet stabbilita kif titlob il-liġi permezz ta’ diversi provi li jinkludu provi dokumentarji, dikjarazzjonijiet mill-impriżi, testimonjanzi kif ukoll elementi relatati mal-funzjonament effettiv tal-akkordju. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra, minn naħa, li l-ispjegazzjoni alternattiva proposta mir-rikorrenti hija irrilevanti u, min-naħa l-oħra, li hija ssodisfat l-oneru tal-prova li hija kellha u li, għaldaqstant, osservat il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

94      Għaldaqstant, għandhom jiġu evalwati l-affidabbiltà u l-kontenut tad-diversi elementi inkwistjoni sabiex ikun ivverifikat jekk, ikkunsidrati b’mod globali, l-elementi invokati mill-Kummissjoni jsostnux konvinzjoni soda, fir-rigward tal-eżistenza tal-arranġament komuni, li ma huwiex probabbli li titqiegħed f’dubju mill-elementi prodotti mir-rikorrenti.

95      L-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha kif ukoll it-tielet u r-raba’ motiv tagħha huma bbażati fuq l-argument li jgħid li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni u tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar għalih. Konsegwentement, jekk l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-prova tal-eżistenza tal-ksur u tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għalih ma jintlaqgħux, dan ikun neċessarjament jimplika, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni hija kompetenti li tissanzjona l-ksur ikkontestat, it-tieni nett, li l-ispjegazzjoni alternattiva invokata mir-rikorrenti hija irrilevanti, abbażi ta’ dak li ġie espost fil-punti 79 sa 82 iktar ’il fuq u, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni ssodisfat l-oneru tal-prova li hija għandha u, għaldaqstant, osservat il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi deċiż li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-allegat ksur ma ġietx ipprovata fid-deċiżjoni kkontestata, din il-konstatazzjoni tiġġustifika, waħedha, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

 Fuq l-elementi prodotti minn ABB

–       L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti ssostni li t-testimonjanza ta’ M. ippreżentat f’isem ABB ma hijiex affidabbli u ma tippermettix li jiġi konkluż li l-arranġament komuni eżista.

97      L-ewwel nett, inkwantu benefiċjarja tal-immunità kundizzjonali, ABB kienet inċentivata li tipprovdi elementi inkriminanti. Barra minn hekk M. kien konxju mill-fatt li kien fl-interess ta’ ABB li huwa ma jikkontestax it-teżi tal-arranġament komuni. Min-naħa l-oħra, huwa kien konxju wkoll tal-fatt li ma kienx hemm riskju li jiġi suġġett għal proċeduri ċivili minħabba d-dikjarazzjonijiet tiegħu u kien ċert mill-fatt li t-testimonjanza tiegħu ma kinitx ser tkun is-suġġett ta’ interrogatorju kontradittorju. Barra minn dan, kien evidenti li d-dikjarazzjonijiet ta’ M. ma kellux ikollhom effetti dannużi supplimentari għal ABB, peress li r-responsabbiltà ta’ din l-impriża kellha tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħra.

98      Ir-rieda ta’ ABB li tipproduċi elementi inkriminanti mmanifestat ruħha, matul l-intervista ma’ M, permezz tal-interventi tar-rappreżentant ta’ ABB, li intervjena sabiex jikkoreġi u jippreċiża d-dikjarazzjonijiet ta’ Mayr u f’mument partikolari saħansitra wieġeb huwa nnifsu għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni.

99      It-tieni nett, it-testimonjanza ta’ M. ġiet ippreżentata iktar minn 18-il xhar wara t-talba għal immunità mill-multi ta’ ABB.

100    It-tielet nett, it-testimonjanza ta’ M. hija s-sempliċi testimonjanza ta’ ex impjegat ta’ ABB, iktar milli dikjarazzjoni ppreżentata f’isem din tal-aħħar. Skont ir-rikorrenti, fid-data ta’ meta nżammet l-imsemmija intervista, ix-xhud kien irtirat u ma kienx obbligat li jaġixxi fl-interess ta’ ABB.

101    Ir-raba’ nett, it-testimonjanza orali ta’ M. ma hijiex ir-riżultat ta’ riflessjoni fil-fond. Barra minn hekk, sa fejn M. għamel diversi dikjarazzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva, l-elementi prodotti għandhom jiġu kkunsidrati bħala serje ta’ dikjarazzjonijiet li ġew imgiddba b’mod kostanti, u mhux bħala testimonjanza unika emendata wara riflessjoni. Barra minn hekk, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-imsemmi xhud ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti jindika li dawn ma kinux jinvolvu provi tal-arranġament komuni, u dan idgħajjef l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet sussegwenti ta’ dan ix-xhud.

102    Il-ħames nett, għalkemm M. kien xhud dirett ta’ ċerti aspetti tal-allegat akkordju, huwa ma pparteċipa għal ebda diskussjoni dwar l-arranġament komuni u b’mod partikolari ma kienx preżenti meta ġie konkluż, u dan jimplika li huwa ma kienx xhud dirett fir-rigward ta’ dan il-punt.

103    Is-sitt nett, it-testimonjanza ta’ M. hija vaga f’dak li jirrigwarda t-tfassil, il-kontenut u l-implementazzjoni tal-arranġament komuni u ma ssemmi ebda laqgħa jew diskussjoni. Skont ir-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ M. dwar l-imsemmi arranġament jirrappreżentaw impressjoni personali iktar milli espożizzjoni sħiħa u koerenti tal-fatti relatati ma’ ftehim.

104    Is-seba’ nett, it-testimonjanza ta’ M. ma hijiex ikkorroborata minn provi bil-miktub kontemporanji iżda hija kontradetta kemm mill-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ kif ukoll minn testimonjanzi oħra. Barra minn dan, id-dikjarazzjonijiet ta’ dan ix-xhud ma jaqblux mad-dikjarazzjonijiet l-oħra ta’ ABB u hija kontradittorja mal-provi prodotti minn parteċipanti oħra għall-akkordju.

105    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li t-talba għal immunità mill-multi ta’ ABB, tal-11 ta’ Marzu 2004, ma kinitx tinkludi deskrizzjoni tal-arranġament komuni hekk kif ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata, peress li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB ma kinux jagħtu lil wieħed x’jifhem li hija kienet impenjat ruħha li ma tippenetrax is-suq Ewropew. Barra minn dan, V.-A., impjegat ieħor ta’ ABB, kien iddikjara li kien ġie informat minn M. li l-Ewropa u l-Amerka ta’ fuq kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju.

106    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    L-ewwel nett, mill-punti 88 u 89 iktar ’il fuq jirriżulta li ma hemmx lok li elementi prodotti minn impriża li talbet li tibbenefika minn immunità minn multi jiġu awtomatikament ittrattati b’kawtela. Fir-rigward tal-motivazzjoni individwali tax-xhieda, huwa ċertament possibbli li l-impjegati ta’ tali impriża, li huma obbligati jaġixxu fl-interess tagħha, jikkondividu l-intenzjoni li jipproduċu l-iktar elementi inkriminanti possibbli, anki peress li l-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tista’ tinfluwenza b’mod pożittiv il-ġejjieni professjonali tagħhom. Madankollu, jekk dan huwa l-każ, l-impjegati inkwistjoni jafu wkoll bil-konsegwenzi negattivi potenzjali jekk jipproduċu elementi ineżatti, li jsiru iktar sinjifikattivi minħabba r-rekwiżit tal-korroborazzjoni.

108    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li ma kienx probabbli li l-elementi prodotti minn ABB jipproduċu effetti dannużi għaliha. Fil-fatt, sa fejn l-imsemmija elementi ġew prodotti qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, la ABB, la l-impjegati tagħha u lanqas l-ex impjegat tagħha ma setgħu jkunu ċerti mill-portata u mill-kontenut eżatt tal-ilmenti li kienu se jiġu kkontestati lil ABB.

109    Fir-rigward ta’ M., ir-rikorrenti ġustament issostni li ex impjegat, bħala prinċipju, ma huwiex iktar obbligat li jaġixxi fl-interess tal-kumpannija li kienet tħaddmu qabel fir-rigward tal-kooperazzjoni volontarja fi proċedura amministrattiva. Madankollu, dan il-fatt jimplika wkoll li, bħala prinċipju, ma għandux interess li jirreferi għal elementi ineżatti f’dan il-kuntest, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk kienx ser ikun suġġett għal proċeduri ċivili u ta’ jekk kienx jaf li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ma kinux ser ikunu s-suġġett ta’ interrogatorju kontradittorju.

110    Huwa wkoll minnu li l-konsulent estern ta’ ABB intervjena f’mument preċiż tal-intervista ta’ M. sabiex jissuġġerixxi lil dan tal-aħħar li seta’ jkun profittabbli għall-produtturi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew, għalkemm M. ma deherx wisq konvint b’dan. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li M. kellu xi dubji dwar l-interess kummerċjali ta’ approċċ bħal dan u dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat il-kontenut tat-testimonjanza tiegħu. Madankollu, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn dan l-intervent tal-konsulent estern ta’ ABB jaffettwa l-kredibbiltà tat-testimonjanza ta’ M. f’aspetti oħra.

111    It-tieni nett, lanqas il-fatt li għadda ċertu perijodu bejn meta tressqet it-talba għal immunità minn multi ta’ ABB u l-intervisti ma’ M. ma jqiegħed f’dubju, per se, il-valur probatorju tat-testimonjanza ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, huwa ġġustifikat li l-Kummissjoni tikseb provi supplimentari matul l-investigazzjoni tagħha sabiex ikollha l-elementi kollha rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, il-perijodu li għadda bejn il-preżentazzjoni tat-testimonjanza u l-fatti li huma s-suġġett tagħha jista’ jkun rilevanti fl-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tagħha, billi ġeneralment ix-xhieda jistgħu jipprovdu testimonjanza iktar dettaljata u iktar affidabbli dwar avvenimenti reċenti. Issa, f’dan il-każ, il-perijodu ta’ tliet snin u tliet xhur li għadda bejn it-tmiem tal-implikazzjoni ta’ M. u l-preżentazzjoni tat-testimonjanza tiegħu, ma huwiex biżżejjed twil biex jaffettwa l-kredibbiltà tagħha.

112    It-tielet nett, ma jidhirx li M. tkellem bħala rappreżentant uffiċjali ta’ ABB. Fil-fatt, qabelxejn, jidher li dan ir-rwol kien ġie essenzjalment assunt mill-konsulenti esterni ta’ ABB. Wara dan, kif ġie osservat fil-punt 109 iktar ’il fuq, meta ta t-testimonjanza tiegħu, M. ma kienx għadu, a priori, obbligat li jaġixxi fl-interess tal-ex kumpannija li kienet tħaddmu u lanqas ma hemm indikazzjoni li tagħti lil wieħed x’jifhem li huwa kien ipprepara ruħu sistematikament għall-intervista billi kkonsulta impjegati oħra ta’ ABB u dokumenti miżmuma minnha. Fl-aħħar nett, il-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni waqt l-intervisti ma kinux jirrigwardaw il-pożizzjoni uffiċjali ta’ ABB dwar is-suġġetti diskussi, imma pjuttost dak li kien jaf personalment M..

113    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ġustament issostni li t-testimonjanza ta’ M. ma jidhirx li kienet ir-riżultat ta’ riflessjoni fil-fond u li din lanqas ma ġiet riveduta wara riflessjoni u verifiki supplimentari. Fil-fatt, it-testimonjanza ngħatat oralment u la fadal traċċa tal-mistoqsijiet bil-miktub li l-Kummissjoni għamlet qabel lil M. u lanqas tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet dwar l-arranġament komuni u dwar il-barrieri għad-dħul fis-suq taż-ŻEE ġew ivverifikati u riveduti sussegwentement minn dan tal-aħħar.

114    Min-naħa l-oħra, il-fatt li M. għamel diversi dikjarazzjonijiet suċċessivi li mhux kollha ġew prodotti mill-Kummissjoni ma jpoġġix f’dubju l-kredibbiltà tat-testimonjanza tiegħu. Fil-fatt, huwa normali, minn naħa, li xhud jesprimi ruħu suċċessivament fuq diversi aspetti u dettalji ta’ suġġett u, min-naħa l-oħra, li wħud mid-dikjarazzjonijiet tiegħu ma jkunux rilevanti fir-rigward tas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni jew ikunu jirrigwardaw fatti li huma stabbiliti, b’mod iktar konvinċenti, permezz ta’ provi oħra.

115    Il-ħames nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li M. ma kienx xhud dirett għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, M. kien wieħed mir-rappreżentanti ta’ ABB fi ħdan l-akkordju bejn l-1988 u l-2002, jiġifieri kważi għall-perijodu kollu kemm dam jiffunzjona l-akkordju, filwaqt li ABB kienet hija stess waħda mill-atturi prinċipali. B’hekk, M. kien xhud dirett u privileġġjat taċ-ċirkustanzi li spjega.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li, fit-testimonjanza tiegħu, M. ikkonferma li huwa ma kienx preżenti meta ġie konkluż l-arranġament komuni. Bl-istess mod, meta ġie interrogat dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-suġġett tal-arranġament komuni tqajjimx waqt il-laqgħat li attenda għalihom, M. wieġeb li ma kienx hemm għalfejn jissemma peress li l-arranġament komuni kien ovvju. Madankollu, dawn il-fatti ma jqiegħdux f’dubju l-valur probatorju tat-testimonjanza ta’ M.. Fil-fatt, minn naħa, xhud jista’ jipproduċi perfettament il-prova ta’ fenomenu li dam matul iż-żmien anki jekk huwa ma kienx preżenti għall-bidu tiegħu. Min-naħa l-oħra, għalkemm M. iddikjara li l-kwistjoni tal-arranġament komuni ma ġietx diskussa b’mod espliċitu waqt il-laqgħat li kien ipparteċipa fihom, mit-testimonjanza tiegħu jirriżulta li, fil-fehma tiegħu, dan kien minħabba li l-kontenut tal-imsemmi arranġament kien mifhum, aċċettat u implementat mill-parteċipanti għall-akkordju mingħajr ma kien hemm għalfejn ikun hemm diskussjoni espliċita.

117    Is-sitt nett, fir-rigward tal-kontenut tat-testimonjanza ta’ M., huwa ddikjara li kien jeżisti arranġament dwar il-protezzjoni reċiproka tas-swieq domestiċi, preċedenti għall-Ftehim GQ, bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, li dan l-arranġament kien kundizzjoni neċessarja għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar reġjuni oħra u li l-osservanza tar-regoli tiegħu kienet timplika li l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jippenetraw is-suq domestiku tal-produtturi Ewropej, anki jekk huma kienu kapaċi jagħmlu dan mil-lat tekniku. F’dan il-kuntest, M. spjega wkoll il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kif ukoll il-fatt li l-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi ma kinux is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi u ma kinux attribwiti fuq il-kwoti previsti mill-Ftehim GQ.

118    B’hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ M. jikkonfermaw l-eżistenza tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni u ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala elementi vagi li jesprimu impressjonijiet personali, peress li huma jippreċiżaw it-tul tal-imsemmi arranġament, il-kontenut tiegħu u l-parteċipanti għalih. In-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar l-implementazzjoni ta’ dan l-arranġament ma huwiex daqstant sorprendenti meta jiġi kkunsidrat li l-impenn essenzjali tal-partijiet kien jikkonsisti f’nuqqas ta’ attività f’ċerti swieq. Barra minn hekk, M. iddeskriva l‑parti tal-arranġament komuni li kienet teħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, jiġifieri l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni.

119    Is-seba’ nett, il-kwistjoni ta’ jekk it-testimonjanza ta’ M. hijiex ikkorroborata, b’mod konformi mal-ġurisprudenza esposta fil-punt 84 iktar ’il fuq, u ta’ jekk din hijiex ikkonfutata minn elementi prodotti minn impriżi oħra jew mill-Ftehim GQ u mill-Ftehim EQ ser tiġi trattata fil-punti 129 sa 195 iktar ’il quddiem.

120    Fir-rigward tal-allegati inkoerenzi bejn it-testimonjanza ta’ M., u l-elementi l-oħra prodotti minn ABB, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004 din tal-aħħar semmiet b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ arranġament komuni li abbażi tiegħu ż-żewġ kumpanniji Ġappuniżi ma kellhomx iressqu offerti għall-proġetti Ewropej u l-kumpanniji Ewropej ma kellhomx iressqu offerti għall-proġetti Ġappuniżi.

121    F’dan il-kuntest, huwa naturali li ABB semmiet żewġ kumpanniji Ġappuniżi, jiġifieri Japan AE Power Systems Corp. u TM T & D, peress li, meta ppreżentat id-dikjarazzjonijiet tagħha, kien fi ħdan dawn il-kumpanniji bi sħab li kienu miġbura l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG ta’ Fuji, ta’ Hitachi, tar-rikorrenti u ta’ Toshiba. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kellha kull dritt li tinterpreta din id-dikjarazzjoni bħala li tindika li l-imsemmija impriżi kienu huma wkoll parteċipanti fl-arranġament komuni. Fil-fatt, fit-talba għal immunità mill-multi inizjali, tat-3 ta’ Marzu 2004, ABB kienet diġà ppreċiżat li, sa fejn kienet taf, il-kartell kien ilu jeżisti iktar minn għaxar snin, li jimplika li ġie fformat ferm qabel ma nħolqu Japan AE Power Systems u TM T & D.

122    Fir-rigward tat-testimonjanzi tal-impjegati ta’ ABB, Wi. iddikjara li l-assenza tal-impriżi Ġappuniżi mis-suq Ewropew kienet ir-riżultat ta’ sistema ta’ protezzjoni tas-suq Ġappuniż u ta’ dak Ewropew, immotivata mill-fatt li l-ebda wieħed miż-żewġ gruppi ta’ produtturi ma xtaq li l-grupp l-ieħor jintervjeni fis-suq domestiku tiegħu. Barra minn dan, P. irrefera għal ftehim komuni mal-impriżi Ġappuniżi li abbażi tiegħu dawn tal-aħħar ma kellhomx jipparteċipaw fis-suq Ewropew u l-impriżi Ewropej ma kellhomx jipparteċipaw fis-suq Ġappuniż. Għalhekk, it-testimonjanzi ta’ Wi. u ta’ P. jikkonfermaw l-eżistenza tal-arranġament komuni.

123    L-istess konstatazzjoni hija applikabbli għat-testimonjanza mogħtija minn V.‑A.. Meta mistoqsi dwar l-eżistenza ta’ xi kwalunkwe arranġament bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi, dan tal-aħħar wieġeb billi semma l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej li abbażi tiegħu l-impriżi Ewropej ma kellhomx “jattakkaw” lill-impriżi Ġappuniżi fis-suq Ġappuniż u viċi versa. Barra minn hekk, V. A. iddikjara li pparteċipa għal diskussjoni espliċita bejn l-impriżi Ewropej u r-rappreżentant ta’ impriża Ġappuniża dwar l-osservanza ta’ dan il-ftehim, li kienet ikkawżata mit-tentattivi ta’ impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew.

124    F’dak li jirrigwarda l-allegata esklużjoni ta’ ċerti territorji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju dinji, V.‑A., minn naħa, iddikjara li l-Amerka ta’ Fuq kienet eskluża minħabba raġuni speċifika, jiġifieri r-riskju ta’ sanzjonijiet jekk jiġi skopert il-kartell. Min-naħa l-oħra, huwa spjega li l-esklużjoni tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent kienet tfisser li l-proġetti ta’ SIG inkwistjoni ma kinux diskussi mill-produtturi Ewropej waqt il-laqgħat li huwa kien preżenti għalihom, li kienu dawk tal-akkordju dinji rregolat preċedentement mill-Ftehim GQ u mill-Ftehim EQ, imma f’okkażjoni oħra. Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet huma għalkollox kompatibbli mat-testimonjanza ta’ M..

125    Madankollu għandu jiġi ammess li, kif ġie osservat fil-punt 110 iktar ’il fuq, M. ma kienx konvint mill-interess kummerċjali tal-impriżi Ġappuniżi li jippenetraw is-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG. Madankollu, il-pożizzjoni ta’ M., kondiviża minn P., hija bla ħsara għall-fatt li, kemm skont l-erba’ xhieda ta’ ABB kif ukoll skont ABB innifisha, l-impriżi Ġappuniżi kienu impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq taż-ŻEE anki jekk huma kienu kapaċi jagħmlu dan mil-lat tekniku.

126    Bħala konklużjoni, għandu jiġi osservat li l-elementi prodotti minn ABB jikkostitwixxu elementi li jistgħu jipprovaw l-eżistenza tal-arranġament komuni. Barra minn hekk, dawn huma koerenti fir-rigward tal-eżistenza u l-kontenut fundamentali tal-arranġament komuni.

127    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB ġew ipprovduti f’isem impriża u mill-kontenut tagħhom jirriżulta li huma bbażati fuq riċerki interni kif ukoll fuq diskussjonijiet mal-impjegati ta’ din l-impriża. Għaldaqstant, għandu jiġi rrikonoxxut li huma għandhom ċertu livell ta’ valur probatorju.

128    Min-naħa tagħhom, id-dikjarazzjonijiet li għamlu l-erba’ xhieda kkonċernati huma kredibbli, peress li ġejjin minn xhieda diretti taċ-ċirkustanzi li huma jiddeskrivu u li miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jirriżultax li l-imsemmija xhieda kienu motivati sabiex jipproduċu provi distorti. Għalhekk, dawn għandhom jingħataw forza probatorja għolja.

 Fuq il-korroborazzjoni tal-elementi prodotti minn ABB

–       L-argumenti tal-partijiet

129    Ir-rikorrenti tikkontesta li fil-każ preżenti kien hemm korroborazzjoni xierqa tal-elementi prodotti minn ABB.

130    L-ewwel nett, id-dikjarazzjonijiet magħmulin minn Fuji fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma humiex direttament opposti għall-interessi tagħha u għalhekk ma jistgħux jintużaw sabiex tiġi kkorroborata l-eżistenza tal-arranġament komuni. Barra minn hekk, Fuji indikat li l-assenza tagħha mis-suq Ewropew tal-prodotti ta’ SIG kien dovut għall-ostakoli ekonomiċi u tekniċi. Barra minn dan, peress li Fuji ma pparteċipatx għal-laqgħat kollha tal-Ftehim GQ hija jista’ jkollha idea differenti minn dik tal-partijiet l-oħra li jikkunsidraw li l-arranġament komuni qatt ma eżista.

131    It-tieni nett, iċ-ċaħda min-naħa ta’ Hitachi tal-proposta ta’ Alstom, ippreżentata f’Lulju 2002, li jiġi konkluż arranġament dwar il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa li jkun jinkludi l-Ewropa ċentrali u dik tal-Lvant, ma tikkostitwixxix prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Hitachi semmiet ostakoli kummerċjali li jillimitaw il-preżenza tal-produtturi Ġappuniżi fis-suq Ewropew. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-arranġament komuni kien essenzjali għall-funzjonament tal-Ftehim GQ, iċ-ċaħda tal-għeluq tas-suq Ewropew kellha twassal sabiex il-Ftehim kollu kemm hu jisfaxxa. Issa, dan ma kienx il-każ.

132    It-tielet nett, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-arranġament komuni min-naħa ta’ Areva u ta’ Alstom huwa irrilevanti fil-kawża preżenti.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

134    L-ewwel nett, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Fuji ddikjarat li hija kienet taf bl-arranġament komuni li abbażi tiegħu l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jipprovaw jippenetraw is-suq Ewropew, filwaqt li ppreċiżat li r-raġuni prinċipali għall-assenza ta’ Fuji mis-suq taż-ŻEE kienet li hija ma kinitx fornitriċi sinjifikattiva kredibbli tas-SIG fl-Ewropa.

135    Sa fejn Fuji ammettiet, minn tal-inqas indirettament, li l-assenza tagħha mis-suq Ewropew kienet parzjalment dovuta għall-arranġament komuni, hija ammettiet fatt li seta’ jintuża kontriha mill-Kummissjoni. Konsegwentement, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-dikjarazzjoni ta’ Fuji tmur kontra l-interessi tagħha, peress li din tal-aħħar impliċitament tammetti li pparteċipat fi ksur.

136    Għalkemm huwa ċertament minnu li d-dikjarazzjoni ta’ Fuji hija relattivament vaga, peress li hija tillimita ruħha li ssemmi l-impenn tal-produtturi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq Ewropew. Madankollu, b’dan il-mod, Fuji kkorroborat l-element essenzjali li jirriżulta mill-elementi prodotti minn ABB u li ġie invokat mill-Kummissjoni kontra l-produtturi Ġappuniżi. B’hekk, id-dikjarazzjoni kkonċernata ma hijiex mingħajr rilevanza f’dan il-każ.

137    Għandu wkoll jiġi osservat li, kif essenzjalment issostni r-rikorrenti, Fuji kellha rwol sekondarju fi ħdan il-kartell. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, Fuji kienet l-unika impriża Ġappuniża li ma kinitx membru tal-kumitat tal-grupp tal-produtturi Ġappuniżi, responsabbli b’mod partikolari għall-prattika miftiehma bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi fil-kuntest tal-Ftehim GQ. Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, impriża li jkollha rwol sekondarju fi ħdan akkordju tkun taf dwar il-kontenut essenzjali tal-ftehim li jkunu involuti fl-imsemmi akkordju, anki jekk din l-impriża ma tkunx taf id-dettalji tal-funzjonament ta’ dan l-akkordju kif ukoll tal-iskambji kollha ta’ informazzjoni li jkunu seħħew fi ħdanu.

138    Barra minn hekk, huwa minnu li, fid-dikjarazzjoni tagħha, Fuji semmiet l-eżistenza ta’ ostakoli tekniċi u kummerċjali għall-penetrazzjoni tas-suq taż-ŻEE. Madankollu, dawn l-ostakoli ma ssemmewx bħala raġuni unika għall-assenza ta’ Fuji mill-imsemmi suq, imma biss bħala raġuni prinċipali. Barra minn hekk, meta Fuji semmiet l-ostakoli differenti kkonċernati, hija semmiet is-sehem tas-suq dinji dgħajjef tagħha li jiżvantaġġjaha meta pparagunata mal-kompetituri iktar importanti tagħha, kemm Ewropej kif ukoll Ġappuniżi. Għaldaqstant, ma jidhirx li l-argument tagħha dwar dan il-punt jista’ jiġi traspost fir-rigward tal-produtturi Ġappuniżi l-oħra.

139    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-dikjarazzjoni li għamlet Fuji fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha t-tendenza li tikkorrobora l-elementi prodotti minn ABB, minkejja li l-valur probatorju tagħha huwa wieħed limitat.

140    Mill-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002 li matulha ġiet diskussa l-evoluzzjoni tal-metodi ta’ funzjonament tal-akkordju wara li Siemens u l-impriża Hitachi reġgħu bdew jipparteċipaw f’dan l-akkordju, Alstom ippreżentat proposta li tgħid li l-produtturi Ewropej kellhom jibqgħu fl-Ewropa u l-produtturi Ġappuniżi kellhom jibqgħu fil-Ġappun u ma kellhomx jipprovaw jippenetraw is-suq Ewropew. Barra minn hekk, f’din il-premessa ġie ppreċiżat li, waqt il-laqgħa sussegwenti tal-15 ta’ Lulju 2002, ir-rappreżentant tal-impriża Hitachi kien indika li din tal-aħħar kienet qed tiċħad dik il-proposta, li l-produtturi Ewropej kienu rreaġixxew billi ddikjaraw li l-Ewropa, inkluża l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kienet is-suq tagħhom u li huma kien biħsiebhom iżommu l-prezzijiet applikati fl-Ewropa tal-Punent u kienu ħabbru wkoll li l-kwistjoni kellha terġa’ tiġi diskussa anki jekk dan ma kienx il-każ.

141    Għandu jiġi ammess li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan is-sommarju tal-laqgħat tal-10 u tal-15 ta’ Lulju 2002, ibbażat fuq elementi prodotti minn Hitachi, jagħti lil wieħed x’jifhem li Alstom ipproponiet li jiġi konkluż arranġament ġdid li ġie miċħud minn Hitachi u li ma ġiex diskuss iktar, li jimplika li, mill-inqas minn Lulju 2002, ma kien jeżisti l-ebda arranġament fir-rigward tal-aġir tal-produtturi Ġappuniżi fis-suq taż-ŻEE.

142    Madankollu, is-sommarju tal-laqgħa tal-15 ta’ Lulju 2002 jiżvela, minn naħa, li Hitachi ma ċaħditx l-idea nnifisha ta’ tqassim tas-swieq, imma biss il-proposta konkreta ta’ Alstom. Min-naħa l-oħra, f’dan is-sommarju ġie indikat li Hitachi kienet żvelat li l-pretensjonijiet tal-produtturi Ewropej kienu jinkludu l-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant, li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-oppożizzjoni tagħha kienet marbuta ma’ dan l-aspett speċifiku, imma mhux mas-sitwazzjoni fl-Ewropa tal-Punent.

143    Għandu jiġi osservat ukoll li l-preżentazzjoni tal-proposta kkonċernata min-naħa ta’ Alstom tqiegħed f’dubju l-argumenti tar-rikorrenti u ta’ Hitachi f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq taż-ŻEE. Fil-fatt, anki jekk jitqies, kif jallegaw ir-rikorrenti u Hitachi, li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux ipperċepiti bħala kompetituri kredibbli fis-suq taż-ŻEE minħabba li kien hemm barrieri insormontabbli għad-dħul, arranġament li jirrigwarda dan l-istess suq kien ikun tabilħaqq inutli. F’dan il-każ, il-produtturi Ewropej, li kienu jafu b’dan il-fatt minħabba l-pożizzjoni privileġġjata tagħhom fl-Ewropa, ma kien ikollhom l-ebda raġuni sabiex jipproponu arranġament bħal dan. Issa, mis-sommarju prodott minn Hitachi jirriżulta li l-proposta ta’ Alstom kienet tirrigwarda kemm is-suq taż-ŻEE kif ukoll dak tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni li tgħid li, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002, Alstom ipproponiet l-estensjoni tal-arranġament komuni, kif allegat mill-Kummissjoni, għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

145    Minn naħa, din l-interpretazzjoni timplika li l-proposta ta’ Alstom tikkostitwixxi prova li l-arranġament komuni kien jeżisti meta ġiet ippreżentata din il-proposta. Min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda ta’ din il-proposta minn Hitachi ma hijiex ekwivalenti għal ċaħda tal-arranġament komuni bħala tali, imma tirrappreżenta biss rifjut li dan tal-aħħar jiġi estiż. Konsegwentement, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Ftehim GQ kellu “jisfaxxa” wara l-laqgħa tal-15 ta’ Lulju 2002 hija bbażata fuq premessa żbaljata.

146    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-proposta li għamlet Alstom matul il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002 tikkorrobora l-elementi prodotti minn ABB.

147    It-tielet nett, kif ġie kkonstatat fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-pożizzjoni allegatament newtrali ta’ Alstom u ta’ Areva ma tistax tiġi interpretata bħala prova tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Għaldaqstant, din iċ-ċirkustanza ma tistax tikkorrobora l-elementi prodotti minn ABB.

 Fuq il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

148    Ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma hijiex probabbli u ma ġietx stabbilita.

149    L-ewwel nett, il-produtturi Ġappuniżi ma kinux perċepiti bħala theddida kompetittiva fis-suq Ewropew, b’tali mod li ma kienx neċessarju li jiġi offrut lilhom kumpens permezz tal-imsemmi mekkaniżmu. Skont ir-rikorrenti, li kieku n-notifika kellha l-għan li tippermetti l-attribuzzjoni, il-produtturi Ewropew ma kinux ikunu motivati li jagħmluha.

150    It-tieni nett, fid-dawl tan-natura speċifika tal-Ftehim GQ, ma huwiex probabbli li l-ftehim innifsu jew dokumenti sussegwenti ma kinux isemmu l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni.

151    It-tielet nett, it-teżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq notifika obbligatorja u sistematika, peress li huwa biss mekkaniżmu li jkopri, minn tal-inqas, parti sinjifikattiva tal-proġetti ta’ SIG ikkonċernati li seta’ jippermetti lill-produtturi Ġappuniżi jsegwu u jivverifikaw il-proċess ta’ attribuzzjoni. Issa, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni la stabilixxiet, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni u lanqas il-karattru sistematiku tiegħu.

152    F’dan ir-rigward, fit-testimonjanzi tagħhom, M. u P. indikaw li l-listi ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa u l-attribuzzjoni tagħhom ma kinux jiġu diskussi mal-impriżi Ġappuniżi. Barra minn dan, il-listi inkwistjoni ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ notifika sistematika.

153    Minn-naħa tagħhom, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Hitachi fit-talba tagħha għal klemenza u fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma biss interpretazzjoni tal-fatti minn din l-aħħar impriża. F’kull każ, tali dikjarazzjonijiet ma jikkonċernawx il-perijodu li ġie wara li Hitachi interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999. Barra minn hekk, Hitachi ppreżentat tweġiba supplimentari għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kellha t-tendenza li tnaqqas il-valur tad-dikjarazzjonijiet magħmula fit-tweġiba inizjali. Bl-istess mod, fid-dawl tal-livell ta’ preċiżjoni tat-talba għal klemenza ta’ Hitachi, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, li ġew ippreżentati sussegwentement, huma neqsin minn kull kredibbiltà.

154    Barra minn hekk, fil-premessi 148 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni nnifisha tammetti li n-notifika ma setgħetx issir fuq bażi regolari. Fuji kkonfermat dan l-aspett fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u Hitachi ma kkontestatx dan fid-dikjarazzjonijiet tagħha dwar in-notifika u l-attribuzzjoni. F’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-Ftehim EQ, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li hija ma kinitx taf bl-eżistenza ta’ dan id-dokument u li għaldaqstant ma huwiex rilevanti fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, skont l-Anness 2 tal-imsemmi ftehim, in-notifika ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa lill-produtturi Ġappuniżi kienet volontarja u mhux obbligatorja.

155    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

156    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma humiex ibbażati esklużivament fuq it-teżi li tgħid li l-produtturi Ġappuniżi kienu pperċepiti bħala kompetituri kredibbli fis-suq taż-ŻEE. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li ġabret provi pożittivi tal-eżistenza tal-imsemmi mekkaniżmu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat il-valur probatorju tal-elementi li l-Kummissjoni tipproduċi sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jistabbilixxux, skont il-liġi, l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni.

157    F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, li kieku n-notifika kellha l-għan li tippermetti l-attribuzzjoni, il-produtturi Ewropej ma kinux ikunu motivati li jagħmluha, bl-ebda mod ma huwa sostnut. Dan huwa msejjes unikament fuq evalwazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni bħala element iżolat. Issa, dan l-approċċ ma jikkorrispondix għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni, kif esposta fil-qosor fil-punt 90 iktar ’il fuq, li tgħid li l-imsemmi mekkaniżmu kien jifforma parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-arranġament komuni.

158    It-tieni nett, għalkemm huwa minnu li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kien jeħtieġ ċerti miżuri ta’ implementazzjoni, dawn madankollu ma kinux partikolarment kumplessi, peress li essenzjalment kienu jikkonsistu fil-komunikazzjoni ta’ ċerta data mill-grupp Ewropew lill-grupp Ġappuniż, li kienet ukoll parallela għal dik implementata abbażi tal-Ftehim GQ fir-rigward tal-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. Konsegwentement, ma jidhirx li dawn il-miżuri jew il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni nnifsu bilfors kellhom jiġu espressi f’dokument bil-miktub, anki fid-dawl tar-rieda tal-partijiet fl-akkordju, ikkonfermata mill-prekawzjonijiet organizzazzjonali u tekniċi msemmija fil-premessi 170 sa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, li jitnaqqas ir-riskju li dan l-akkordju jinkixef.

159    It-tielet nett, fit-testimonjanza tiegħu, M. afferma espliċitament l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni. Huwa ddikjara wkoll li dan il-mekkaniżmu ma kienx jikkonċerna l-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi, jiġifieri fil-Ġappun u f’ċerti pajjiżi Ewropej.

160    L-eżistenza ta’ mekkaniżmu li jikkonsisti fl-attribuzzjoni tal-valur tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE fuq il-kwota dinjija prevista mill-Ftehim GQ ġiet affermata wkoll fit-tweġibiet ta’ ABB.

161    Min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, mil-listi ta’ proġetti pprovduti minn ABB ma jirriżultax li proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienu ġew regolarment innotifikati lill-produtturi Ġappuniżi. Għaldaqstant, il-listi inkwistjoni ma jikkostitwixxux prova tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni.

162    Fir-rigward tal-elementi prodotti minn Hitachi, għandu jiġi osservat li, moqrija fil-kuntest tas-sentenzi li jiġu eżattament qabilha, id-dikjarazzjoni li tgħid li Siemens kienet tiċċirkola b’mod regolari t-tabelli b’informazzjoni li tiġbor fil-qosor parti mill-proġetti ta’ SIG allokati lid-diversi membri tal-akkordju, tirreferi għal proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. Konsegwentement, din id-dikjarazzjoni ma hijiex rilevanti biex jiġi pprovat il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, kif ġie allegat mill-Kummissjoni, li kien jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

163    Min-naħa l-oħra, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Hitachi ddikjarat li, qabel ma hija interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl‑1999, il-produtturi Ewropej kienu jikkomunikaw lill-produtturi Ġappuniżi d-dettalji tal-proġetti ta’ SIG li kellhom jipprovdu fl-Ewropa, sabiex jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-proġetti meta tiġi ddeterminata l-kwota tal-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE allokati liż-żewġ gruppi ta’ produtturi skont il-Ftehim GQ.

164    Din id-dikjarazzjoni tikkonferma b’mod espliċitu l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni invokat mill-Kummissjoni sal-1999. Barra minn hekk, il-valur probatorju tagħha huwa wieħed kbir għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-imsemmija dikjarazzjoni tmur kontra l-interessi ta’ Hitachi, peress li hija timplika li teżisti rabta bejn l-attivitajiet kollużivi fi ħdan iż-ŻEE u l-produtturi Ġappuniżi, u minħabba f’hekk tikkostitwixxi element inkriminanti. Min-naħa l-oħra, meta tinqara s-silta kkonċernata tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jidher li Hitachi ma kinitx taf bid-deduzzjonijiet li setgħu jsiru abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni.

165    Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 54 iktar ’il fuq, Hitachi ma reġgħetx lura mill-kontenut fattwali tad-dikjarazzjonijiet tagħha dwar il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni fir-risposta supplimentari tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

166    Barra minn hekk, il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma ssemmiex fit-talba għal klemenza ta’ Hitachi, preċedenti għat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma jnaqqasx il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ din l-impriża relatati mal-imsemmi mekkaniżmu. Fil-fatt, huwa normali li, matul il-proċedura, impriża tippreċiża l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ ċerti ċirkustanzi tal-kawża, b’mod partikolari wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tifformalizza l-ilmenti u l-elementi magħżula mill-Kummissjoni.

167    Min-naħa tagħha, Fuji, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iddikjarat li l-informazzjoni dwar it-tqassim tal-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim GQ ma kinitx ikkomunikata b’mod sistematiku lill-produtturi Ġappuniżi u li, konsegwentement, Fuji ma kinitx taf kif kien jiffunzjona l-Ftehim EQ.

168    Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-pożizzjoni ta’ Fuji ma hijiex kuntrarja għall-interessi tagħha, peress li l-għan tagħha huwa li tikkontesta l-eżistenza ta’ kull ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant il-forza probatorja tagħha hija iktar dgħajfa minn dik tal-elementi rilevanti prodotti minn ABB u minn Hitachi. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-rwol sekondarju ta’ Fuji fi ħdan il-kartell, imfakkar fil-punt 137 iktar ’il fuq, jista’ jispjega l-fatt li Fuji ma kinitx involuta fl-iskambji kollha tal-informazzjoni li kienet ġejja mill-grupp tal-produtturi Ewropej. Dan il-fatt ipoġġi f’dubju l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji dwar dan il-punt meta pparagunata ma’ dik tal-elementi prodotti minn ABB u minn Hitachi, li kienu membri tal-kumitati tal-gruppi rispettivi tagħhom u kienu, għaldaqstant, assoċjati iktar mill-qrib mal-funzjonament dettaljat tal-allegat akkordju.

169    F’dak li jirrigwarda l-Ftehim EQ, f’konformità mal-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 tiegħu, il-produtturi Ewropej “jiddeċiedu dwar in-notifika tal-proġetti Ewropej lill-[grupp tal-produtturi Ġappuniżi]”. Mill-kuntest tal-Anness 2 jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kellha ssir qabel l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG inkwistjoni.

170    Min-naħa l-oħra, l-imsemmija klawżola ma kinitx tirrigwarda s-segwitu tal-proġetti diġà allokati. Konsegwentement, għalkemm il-kontenut tagħha jikkostitwixxi f’indikazzjoni li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetitturi kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE (ara l-punti 184 sa 191 iktar ’il quddiem), il-miżuri li hija kienet tipprevedi ma jagħmlux parti mill-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni kif ġie allegat mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, kemm l-Anness 2 għall-Ftehim EQ kif ukoll ir-referenzi għall-kontenut ta’ dan l-anness effettwati fil-premessi 148 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex rilevanti biex jiġi pprovat dan l-istess mekkaniżmu.

171    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġiet stabbilita kif titlob il-liġi permezz tal-elementi prodotti minn ABB, kif ikkorroborati bid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

172    Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, mill-elementi analizzati fil-punt preċedenti ma jirriżultax li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġie implementat okkażjonalment u b’mod diskrezzjonali. Fil-fatt, għalkemm id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ Hitachi u t-testimonjanza ta’ M. ma jindirizzawx dan is-suġġett espliċitament, mill-formulazzjonijiet użati fid-dokumenti inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li n-notifika kienet proċedura li kienet issir b’mod regolari u kienet applikabbli għall-parteċipanti u għall-proġetti kollha kkonċernati. Kif ġie spjegat fil-punt 168 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji, min-naħa tagħhom, huma inqas affidabbli dwar dan il-punt mill-elementi prodotti minn ABB u minn Hitachi. Barra minn hekk, fil-punt 170 iktar ’il fuq diġà ġie osservat li l-Anness 2 għall-Ftehim EQ ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

173    Fir-rigward tal-perijodu ta’ implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB ma jirreferux għal perijodu speċifku u b’hekk jistgħu, a priori, jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-ksur kollu. Id-dikjarazzjonijiet ta’ M., min-naħa tagħhom, jirreferu għall-perijodu li matulu huwa pparteċipa fl-attivitajiet tal-akkordju, jiġifieri bejn l-1988 u Ġunju 2002. Madankollu, sa fejn fil-punt 84 iktar ’il fuq ġie osservat li l-elementi prodotti minn ABB għandhom jiġu kkorroborati minn elementi oħra, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi jirrigwardaw il-perijodu ta’ qabel il-mument meta l-impriża Hitachi interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ġiet stabbilita għal dan il-perijodu tal-aħħar.

174    Fir-rigward tar-rilevanza tal-imsemmi mekkaniżmu, għandu jiġi kkunsidrat li dan jikkostitwixxi indikazzjoni serja tal-fatt li l-produtturi Ġappuniżi kienu pperċepiti bħala kompetituri potenzjali kredibbli fis-suq taż-ŻEE mill-produtturi Ewropej. Fil-fatt, kieku tabilħaqq is-suq Ewropew ma setax jiġi ppenetrat mill-produtturi Ġappuniżi minħabba l-eżistenza ta’ barrieri għad-dħul, il-produtturi Ewropej ma kienx ikollhom raġuni biex jinnotifikaw ir-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u, a fortiori, li jattribwixxu dawn l-istess proġetti fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ, għaliex din l-attribuzzjoni kienet se twassal biex iċċaħħadhom minn parti mill-proġetti ta’ SIG fir-reġjuni msemmija fil-Ftehim GQ. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ tali mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni jimplika li l-impriżi Ġappuniżi setgħu jippenetraw is-suq Ewropew. Jekk huma ma għamlux dan, kien għaliex kienu impenjaw irwieħhom li ma jagħmlux hekk, inkambju għal parti iktar sinjifikattiva mill-proġetti ta’ SIG barra miż-ŻEE. B’hekk, il-mekkaniżmu inkwistjoni jikkostitwixxi rabta bejn l-attivitajiet kollużivi fi ħdan iż-ŻEE u l-produtturi Ġappuniżi u, minħabba f’hekk, prova indiretta tal-eżistenza tal-arranġament komuni.

175    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tan-notifika regolari lill-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE wara l-allokazzjoni tagħhom u l-attribuzzjoni ta’ dawn l-istess proġetti fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ ġiet stabbilita, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju min-naħa tal-impriża Hitachi fl-1999, bid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, b’dawk ta’ Hitachi u bit-testimonjanza ta’ M. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu inkwistjoni jikkostitwixxi prova indiretta tal-eżistenza tal-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni.

 Fuq l-elementi li allegatament jikkontradixxu l-eżistenza tal-arranġament komuni

–       L-argumenti tal-partijiet

176    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti li jmorru lura għaż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti ma jirreferux għall-arranġament komuni. Hija ssostni li, filwaqt li l-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ jipprovdu r-regoli dettaljati għall-funzjonament tal-akkordju, dawn jeskludu l-Ewropa mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Issa, ma huwiex plawżibbli li l-ftehim ikkonċernati naqsu milli jsemmu element essenzjali tal-akkordju. Hija tqis li, li kieku l-produtturi ta’ SIG kellhom l-intenzjoni li joħolqu akkordju dinji billi jirriżervaw għalihom stess is-swieq tal-pajjiżi kostrutturi, huma kienu jipprovdu klawżoli ta’ salvagwardja fil-kuntest tal-ftehim bil-miktub tagħhom, pjuttost milli jeskludu t-territorji inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar u milli jibbażaw ruħhom fuq arranġament mhux miktub.

177    Għalhekk, skont ir-rikorrenti l-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu provi dokumentarji tal-eżistenza tal-arranġament komuni. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux jipparteċipaw għall-Ftehim EQ u ma kinux jafu dwaru.

178    Barra minn hekk, il-Ftehim EQ jikkorrobora l-fatt li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux jirrappreżentaw theddida kredibbli fis-suq Ewropew, peress li dan kien jipprovdi li, f’dak li jikkonċerna l-proġetti Ewropej, kienu biss il-produtturi Ewropej li kellhom jippreżentaw offerti ta’ sostenn. Dan jimplika li l-klijenti Ewropej ma kinux jikkunsidraw bħala kredibbli offerta li tkun ġejja minn produttur Ġappuniż.

179    It-tieni nett, ir-rikorrenti tgħid ukoll li l-impjegati tagħha ma kinux jafu dwar l-arranġament komuni u li l-ebda wieħed minnhom ma pparteċipa għall-attivitajiet relatati miegħu.

180    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi, inklużi testimonjanzi, prodotti mir-rikorrenti, minn Hitachi, minn Siemens, minn Toshiba u minn VA TECH, li jindikaw li l-arranġament komuni qatt ma eżista.

181    F’dan il-kuntest, il-valur probatorju tal-elementi prodotti minn Siemens u minn VA TECH huwa iktar u iktar importanti peress li dawn iż-żewġ impriżi ma kellhomx interess li jikkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni, sa fejn il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur kienet stabbilita minn provi oħra.

182    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

183    L-ewwel nett, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Ftehim GQ jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ akkordju li jirrigwarda l-proġetti ta’ SIG fuq il-livell dinji. Madankollu, minn naħa, kif issostni r-rikorrenti, dan il-ftehim ma jsemmix l-arranġament komuni u, mill-oħra, skont il-kliem tal-Anness 2 tiegħu, l-imsemmi ftehim jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lill-Ġappun, lit-12-il Stat Membru tal-Komunità Ewropea ta’ dak iż-żmien kif ukoll ħames pajjiżi oħra tal-Ewropa tal-Punent.

184    Min-naħa tiegħu, il-Ftehim EQ huwa ftehim ta’ eżekuzzjoni tal-Ftehim GQ, li jirrigwarda b’mod partikolari t-tqassim tal-kwota konġunta “Ewropea” prevista minn dan il-ftehim tal-aħħar. Ġie konkluż biss mill-impriżi Ewropej. Ir-rikorrenti b’hekk ma kinitx parti għalih. Barra minn hekk, il-Ftehim EQ ma jsemmix b’mod espliċitu l-arranġament komuni.

185    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-Ftehim GQ u l-Ftehim EQ kienu jikkostitwixxu provi dokumentarji tal-eżistenza tal-arranġament komuni.

186    Madankollu, in-nuqqas ta’ referenza espliċita għal dan l-arranġament fil-kliem tal-Ftehim GQ u tal-Ftehim EQ ma jimplikax li tali arranġament qatt ma eżista. Fil-fatt, l-impenn min-naħa ta’ grupp ta’ produtturi li ma jippenetrawx suq irriżervat għall-grupp l-ieħor, bħall-impenn ikkontestat mill-Kummissjoni lill-produtturi Ġappuniżi, huwa msejjes fuq kunċett sempliċi li jista’ jiġi implementat faċilment. Bl-istess mod, din l-implementazzjoni ma għandhiex bżonn, bħala prinċipju, interazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati. Konsegwentement, tali impenn jista’ faċilment jeżisti bħala arranġament mhux miktub, fatt li jippermetti wkoll li jitnaqqas ir-riskju li l-arranġament jiġi skopert.

187    Bl-istess mod, sa fejn il-produtturi Ġappuniżi ma kinux parti għall-Ftehim EQ, huma ma setgħux ikunu kkonċernati mill-obbligu, previst fl-Artikolu 6(4) ta’ dan il-ftehim, li jippreżentaw offerti ta’ sostenn. Għaldaqstant, l-imsemmija klawżola ma timplikax li l-produtturi Ġappuniżi ma jkunux ipperċepiti bħala kompetituri potenzjali fis-suq taż-ŻEE.

188    Għandu wkoll jiġi osservat li, kif ġie osservat fil-punt 169 iktar ’il fuq, f’konformità mal-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 tal-Ftehim EQ, il-produtturi Ewropej setgħu jiddeċiedu dwar in-notifika ta’ ċerti proġetti ta’ SIG Ewropej lill-grupp tal-produtturi Ġappuniżi, qabel l-attribuzzjoni tal-proġetti ta’ SIG ikkonċernati.

189    Dan l-element jippermetti li jiġi miċħud, sa ċertu punt, l-argument tar-rikorrenti peress li jissuġġerixxi li l-produtturi Ewropej kienu jikkunsidraw li l-produtturi Ġappuniżi setgħu kienu interessati, għall-inqas, fil-proċess ta’ allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, u li għalhekk kienu kompetituri potenzjali għal dawn il-proġetti.

190    Madankollu, xejn fil-Ftehim EQ u lanqas fl-elementi l-oħra prodotti mill-Kummissjoni ma jipprova li l-mekkaniżmu inkwistjoni ġie implementat mill-produtturi Ewropej jew li l-produtturi Ġappuniżi kienu jafu bih.

191    B’hekk, il-Ftehim EQ ma jikkostitwixxix indikazzjoni li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetituri kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, kif tallega l-Kummissjoni.

192    It-tieni nett, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet u t-testimonjanzi ta’ ABB, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi dwar in-notifika u l-attribuzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom forza probatorja iktar sinjifikattiva mill-kontestazzjonijiet tal-eżistenza tal-arranġament komuni mir-rikorrenti, minn Hitachi, minn Siemens, minn Toshiba u minn VA TECH, u l-elementi prodotti minn dawn l-impriżi.

193    Fil-fatt, b’differenza mill-ewwel grupp ta’ elementi, il-kontestazzjonijiet inkwistjoni ma humiex kuntrarji għall-interessi tal-impriżi kkonċernati, peress li huma għandhom l-għan li jqiegħdu f’dubju l-eżistenza ta’ kull ksur tal‑Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għat-testimonjanzi tal-impjegati u tal-ex impjegati, peress li, minn naħa, dawn ma kinux, bħala prinċipju, elementi indipendenti, kif ġie espost fil-punt 59 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-arranġament komuni, it-testimonjanzi mogħtija ma pprovdewx elementi ġodda meta mqabbla ma’ dawk prodotti mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

194    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-impriżi Ewropej, inklużi Siemens u VA TECH, ma kellhomx interess li jikkontestaw l-eżistenza tal-arranġament komuni, peress li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dan tal-aħħar kien interpretat mill-Kummissjoni bħala li kien ftehim kollużiv bejn il-produtturi Ewropej u l-produtturi Ġappuniżi fir-rigward tas-suq taż-ŻEE u, konsegwentement, kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Issa, tali konstazzjoni kienet dannuża għall-interessi tal-produtturi Ewropej, għall-inqas potenzjalment, fil-każ fejn l-ilmenti l-oħra li kkontestatilhom il-Kummissjoni ma setgħux jiġu stabbiliti kif titlob il-liġi.

195    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jikkonfutawx il-valur tal-elementi invokati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-arranġament komuni.

 Fuq l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE

–       L-argumenti tal-partijiet

196    Ir-rikorrenti ssostni li l-elementi invokati ma jikkostitwixxux prova li tistabbilixxi li hija kienet tipparteċipa għat-tqassim tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

197    Ir-rikorrenti tammetti li pparteċipat għal-laqgħat mal-produtturi Ewropej iżda ssostni li dawn il-laqgħat kienu jikkonċernaw biss il-Ftehim GQ u għalhekk ma kinux jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

198    Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-allegazzjoni li tgħid li xi drabi l-produtturi Ġappuniżi kellhom l-intenzjoni li jirrispondu għas-sejħiet għall-offerti għal proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. Hija tippreċiża li, ħlief għal eċċezzjoni waħda, hija qatt ma rċeviet sejħiet għall-offerti min-naħa tal-kumpanniji Ewropej sakemm dam għaddej l-akkordju.

199    Fir-rigward tad-diversi elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tiddikjara li hija qatt ma saret taf bil-listi ta’ proġetti prodotti minn ABB u minn Fuji. Hija tiċħad espliċitament li hija kienet taf bil-proġett Spanjol “MSP via GC” tal-1997 li għalih hija kienet esprimiet l-interess tagħha, skont waħda mil-listi ta’ proġetti prodotta minn ABB.

200    Bl-istess mod, il-provi prodotti minn VA TECH u msemmija fil-premessa  204 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn il-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u r-rikorrenti jew xi produttur Ġappuniż ieħor.

201    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

202    Il-fajl ma jinkludix elementi li jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE ġew diskussi waqt il-laqgħat tal-Ftehim GQ li għalihom ipparteċipaw il-membri Ġappuniżi tal-akkordju.

203    Bl-istess mod, mil-listi ta’ proġetti pprovduti minn ABB u minn Fuji ma jirriżultax li mal-produtturi Ġappuniżi ġew diskussi xi proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, ħlief għall-allegat interess tar-rikorrenti għall-proġett “MSP via GC” fi Spanja. Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi interess tar-rikorrenti għal dan il-proġett fil-lista’ ta’ proġetti prodotta minn ABB ġej minn żball, minħabba li l-lista ta’ proġetti kkonċernata hija waħda twila u l-fatt li l-Kummissjoni ma identifikatx każijiet oħra fejn produttur Ġappuniż wera xi interess għal proġett ta’ SIG fiż-ŻEE. Kien x’kien il-każ, il-kontenut tal-lista ta’ proġetti ta’ ABB ma hijiex ikkorroborata minn elementi oħra, u b’mod partikolari mil-lista ta’ proġetti Fuji, fir-rigward tal-proġett “MSP via GC” u b’hekk ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

204    Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika li l-produtturi Ġappuniżi xi drabi kellhom il-ħsieb li jwieġbu għas-sejħiet għal offerti Ewropej, imma ġeneralment irrifjutaw dawn it-talbiet u nnotifikaw il-proġetti kkonċernati lill-produtturi Ewropej, hija tibbaża ruħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u fuq it-testimonjanzi tal-impjegati tagħha. Għaldaqstant, minħabba li ma ġietx ikkorroborata minn elementi oħra, din l-affermazzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

205    Fl-aħħar nett, in-noti miktuba bl-idejn ta’ rappreżentant ta’ VA TECH, imsemmijin fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata, fihom, minn naħa, riferiment għal proġett ta’ SIG fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni li tgħid li jkun jaqbel li jiġi diskuss “package” ta’ proġetti ta’ SIG flimkien mal-produtturi Ġappuniżi. Madankollu, bejn iż-żewġ siltiet ikkonċernati hemm diversi paġni li fihom noti dwar suġġetti oħra. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-impriżi Ġappuniżi huwa immedjatament preċedut minn noti dwar proġett ta’ SIG barra miż-ŻEE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija noti ma jippermettux li jintlaħqu konklużjonijiet dwar l-interess tal-impriżi Ġappuniżi fi proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

206    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l-impriżi Ġappuniżi pparteċipaw fl-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

 Evalwazzjoni globali

–       L-argumenti tal-partijiet

207    Ir-rikorrenti ssostni, preliminarjament, li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ma kienx neċessarju li s-swieq domestiċi taż-żewġ gruppi ta’ produtturi jiġu protetti. Skontha, ma kien jeżisti ebda riskju jew periklu li l-produtturi Ġappuniżi jsiru kompetituri fis-suq Ewropew jew viċi versa. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li kien biss b’mod eċċezzjonali li hija ġiet mistiedna tippreżenta offerta għal proġett ta’ SIG fiż-ŻEE matul l-allegat perijodu tal-akkordju.

208    Ir-rikorrenti tkompli tgħid li s-suġġett u l-kontenut tal-arranġament komuni ma ġewx stabbiliti. Skontha, l-elementi invokati mill-Kummissjoni la jidentifikaw il-membri tal-arranġament komuni, la d-data ta’ meta ġie konkluż, u l-anqas x’ġara minnu wara li Siemens u Hitachi interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fl-1999. Għalhekk, il-provi prodotti minn ABB ma jurux ftehim kollużiv iżda jirrappreżentaw “espressjoni subkonxja” tal-fatt li l-produtturi Ġappuniżi ma kinux f’pożizzjoni li jippenetraw is-suq Ewropew u viċi versa.

209    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-interruzzjoni, min-naħa ta’ Siemens u ta’ Hitachi, tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Skont ir-rikorrenti, li kieku l-partijiet kienu jirrappreżentaw theddida kompetittiva kredibbli reċiproka fis-swieq tal-pajjiżi kostrutturi rispettivi, l-arranġament komuni kien jitqiegħed f’dubju wara l-irtirar ta’ żewġ parteċipanti essenzjali għal Ftehim GQ. Barra minn dan, matul is-sentejn li matulhom Siemens u Hitachi ma kinux ipparteċipaw fil-ftehim, Hitachi kienet wettqet bejgħ fl-Ewropa u Siemens kienet wettqet bejgħ fil-Ġappun.

210    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-“pajjiżi kostrutturi” u dwar ir-rilevanza tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni. Skontha, dawn l-allegazzjonijiet, b’mod partikolari dik li tgħid li l-impriżi Ġappuniżi kienu jafu dwar il-“pajjiżi kostrutturi”, huma sostnuti biss mit-testimonjanza ta’ M.. Issa, id-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li jgħidu li l-identità u l-appartenenza tal-pajjiżi kostrutturi kienu stabbiliti sewwa, ma kienx neċessarju li jiġu diskussi u li kienu preċedenti għall-Ftehim GQ, huma kontradetti minn provi oħra invokati mill-Kummissjoni, li jgħidu li dawn l-elementi nbidlu matul is-snin. Konsegwentement, it-testimonjanza ta’ M. ma hijiex kredibbli dwar dan il-punt.

211    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

212    Mill-eżami li sar fil-punti 107 sa 175 iktar ’il fuq jirriżulta, l-ewwel nett, li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u t-testimonjanzi tal-impjegati u tal-ex impjegat tagħha jirreferu għall-eżistenza ta’ arranġament li abbażi tiegħu l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi daħlu għall-impenn reċiproku li ma jippenetrawx is-swieq domestiċi tal-grupp l-ieħor. L-imsemmija elementi jippermettu wkoll li jiġu identifikati l-partijiet għall-arranġament, fosthom ir-rikorrenti, u li jiġi konkluż li, għalkemm dan probbabilment kien preċedenti għall-Ftehim GQ, dan ġie konkluż mhux iktar tard minn meta ġie konkluż dan il-ftehim tal-aħħar.

213    It-tieni nett, l-eżistenza tal-arranġament reċiproku msemmi iktar ’il fuq hija kkorroborata mill-proposta ppreżentata minn Alstom waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002. L-eżistenza tal-impenn tal-impriżi Ġappuniżi li ma jippenetrawx is-suq Ewropew hija wkoll ikkorroborata mid-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji.

214    It-tielet nett, mid-dikjarazzjonijiet u mit-testimonjanza ta’ ABB, ikkorroborati mid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi, jirriżulta li l-produtturi Ġappuniżi aċċettaw, għall-inqas fir-rigward tal-perijodu mill-1988 sal-1999, in-notifika regolari tar-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u l-attribuzzjoni tagħhom fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Bl-istess mod, skont il-punt 4 tal-parti “E (E-Members)” tal-Anness 2 għall-Ftehim EQ, il-produtturi Ewropej ipprevedew il-possibbiltà li jikkomunikaw lill-produtturi Ġappuniżi d-dettalji ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE qabel l-allokazzjoni tagħhom. Dawn iż-żewġ fatti jissuġġerixxu li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-produtturi Ġappuniżi kienu kkunsidrati bħala kompetituri kredibbli għall-provvista ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, iżda li huma impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq Ewropew inkambju għal parti iktar sinjifikattiva mill-proġetti ta’ SIG f’reġjuni oħra. B’hekk, dawn huma provi indiretti tal-eżistenza tal-arranġament reċiproku bejn il-produtturi Ewropej u l-produtturi Ġappuniżi.

215    B’hekk, l-elementi prodotti mill-Kummissjoni jsostnu l-affermazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni, kif miġbura fil-qosor fil-punt 90 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ma huwiex probabbli li l-elementi invokati mir-rikorrenti jistgħu jqiegħdu f’dubju l-imsemmija affermazzjonijiet.

216    F’dan ir-rigward, ma ġiex stabbilit li l-impriżi Ġappuniżi pparteċipaw, flimkien mal-produtturi Ewropej, fl-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tan-natura tal-allegat impenn tagħhom abbażi tal-arranġament komuni, il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan l-aġir ma kien ikollha l-ebda utilità. Fil-fatt, il-produtturi Ġappuniżi ma kellhom l-ebda interess li jintervjenu fl-allokazzjoni stess tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, li huma kienu ħadu l-impenn li ma jiħdux. L-uniku interess tagħhom kien li jkunu jafu l-valur tal-proġetti kkonċernati u l-identità ta’ dawk li ħaduhom, sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-attribuzzjoni fil-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ. Issa, għall-inqas fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-1999, din l-informazzjoni kienet tiġi kkomunikata lill-produtturi Ġappuniżi bil-mekkaniżmu ta’ notifika.

217    Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-interruzzjoni, min-naħa ta’ Siemens u ta’ Hitachi, tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, għandu jiġi osservat, minn naħa, li kemm mill-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mit-testimonjanza ta’ M. jirriżulta li din iċ-ċirkustanza affettwat b’mod negattiv l-effikaċja tal-akkordju, madankollu mingħajr ma dan “sfaxxa”. Min-naħa l-oħra, il-perijodu tal-assenza taż-żewġ impriżi ma huwiex biżżejjed sabiex seta’ jkun hemm penetrazzjoni sinjifikattiva fis-suq taż-ŻEE, minħabba, l-ewwel nett, l-eżistenza mhux ikkontestata mill-Kummissjoni ta’ ċerti ostakoli tekniċi u kummerċjali, it-tieni nett, il-fatt li l-pożizzjoni privileġġjata ta’ diversi produtturi fis-swieq domestiċi tagħhom ġiet imsaħħa b’mod artifiċjali permezz tal-akkordju bejn l-1988 u l-1999, u fl-aħħar nett, il-fatt li l-produtturi l-oħra ħasbu biex jadottaw miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra Siemens u Hitachi, kif jirriżulta mit-testimonjanza ta’ M..

218    Fl-aħħar nett, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit, minn naħa, li l-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni ma jirrigwardax il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi kostrutturi Ewropej u, mill-oħra, li l-Ġappun huwa pajjiż kostruttur, sabiex l-imsemmi mekkaniżmu jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni rilevanti tal-eżistenza tal-arranġament komuni, abbażi tar-raġunament spjegat fil-punti 174 u 214 iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-eventwali nuqqas ta’ korroborazzjoni tat-testimonjanza ta’ M. dwar dan il-punt ma hijiex sinjifikattiva.

219    Għandu wkoll jiġi osservat li ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda nuqqas ta’ koerenza bejn it-testimonjanza ta’ M. u l-elementi l-oħra invokati mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-kunċett tal-pajjiżi kostrutturi. Fil-fatt skont M. il-kunċett innifsu tal-arranġament komuni, inkwantu impenn reċiproku li ma jkunx hemm penetrazzjoni tas-suq domestiku tal-grupp l-ieħor, kien effettivament stabbilit sewwa, ma kienx neċessarju li jiġi diskuss u kien preċedenti għall-Ftehim GQ. Wara li qal dan kollu, fil-kumplament tat-testimonjanza tiegħu, M. innifsu spjega li f’ċerti każijiet l-appartenenza ta’ pajjiż konstruttur inbidlet minħabba amalgamazzjonijiet fost id-diversi operaturi kkonċernati.

220    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tal-arranġament komuni ġiet stabbilita kif titlob il-liġi u li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha meta ssanzjonat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-istess arranġament.

221    Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

222    Barra minn hekk, hekk kif ġie spjegat fil-punt 95 iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq l-aġir fis-suq tal-impriżi inkwistjoni biex tikkonkludi li kien hemm il-ksur allegat, ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti jissostitwixxu spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti għal dik adottata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

223    Barra minn hekk, il-konklużjoni li tgħid li l-eżistenza tal-arranġament komuni ġiet stabbilita kif titlob il-liġi timplika li l-Kummissjoni ssodisfat l-oneru tal-prova li hija għandha u, għaldaqstant, osservat il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

224    Fl-aħħar nett, minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi l-eżistenza tal-arranġament komuni mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni, bħala elementi inkriminanti, l-osservazzjonijiet ta’ Fuji li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti u l-pożizzjoni allegatament newtrali ta’ Alstom u ta’ Areva. Konsegwentement, b’mod konformi ma’ dak li ġie espost fil-punt 51 iktar ’il fuq, l-erbatax-il motiv, ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, għandu jiġi miċħud b’mod definittiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ftehim li jikser l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

–       L-argumenti tal-partijiet

225    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma identifikat l-ebda ftehim li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skontha l-Kummissjoni ma indikatx il-mument li fih il-partijiet kienu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari u ma pproduċietx provi fir-rigward tal-kuntatti, tad-diskussjonijiet jew tal-ftehim bejniethom. Issa, fin-nuqqas ta’ prova, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jippermettux li diversi persuni jaslu għall-istess konklużjoni fuq ċerti suġġetti.

226    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

227    Skont il-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni li għandha tiġbor provi preċiżi u konsistenti biżżejjed sabiex tibbaża l-konvinzjoni stretta li l-ksur allegat jikkostitwixxi ftehim jew prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il‑Kummissjoni, T‑185/96, T‑189/96 u T‑190/96, Ġabra p. II‑93, punt 47). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

228    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha espliċitament dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-aġir ikkontestat lill-impriżi Ġappuniżi kienx jikkostitwixxi ftehim jew prattika miftiehma. Fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata, kulma għamlet kien li tosserva li l-ksur kien magħmul minn diversi azzjonijiet li setgħu jiġu kkwalifikati bħala ftehim jew prattiki miftiehma.

229    Għaldaqstant, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk l-arranġament komuni jikkostitwixxix ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

230    F’dan ir-rigward, sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 928 u l-ġurisprudenza ċċitata). It-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim ma huwiex meħtieġ, meta jkun jidher li dan għandu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 837 u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Issa, f’dan il-każ, mid-diversi elementi prodotti mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ Fuji kif ukoll mit-testimonjanzi ta’ M. u ta’ V.‑A. jirriżulta li, l-iktar tard fil-mument tal-konklużjoni tal-Ftehim GQ, il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi kienu daħlu għal impenn reċiproku li ma jippenetrawx is-swieq domestiċi tal-grupp l-ieħor. L-eżistenza ta’ impenn reċiproku jimplika bilfors l-eżistenza ta’ intenzjoni komuni, anki fin-nuqqas ta’ elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-mument meta din l-intenzjoni ġiet espressa jew meta l-espressjoni tagħha ġiet ifformalizzata. Barra minn hekk, mill-punt 116 iktar ’il fuq jirriżulta li M. kien jikkunsidra li ma kienx hemm għalfejn jissemma l-arranġament komuni waqt id-diskussjonijiet li huwa pparteċipa għalihom, għaliex il-kontenut tal-imsemmi arranġament kien mifhum, aċċettat u implementat mill-parteċipanti kollha fl-akkordju mingħajr ma kien hemm għalfejn ikun hemm diskussjoni espliċita. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punt 123 iktar ’il fuq, V.‑A. iddikjara li pparteċipa għal diskussjonijiet espliċiti bejn l-impriżi Ewropej u r-rappreżentant ta’ impriża Ġappuniża dwar l-osservanza tal-arranġament komuni.

232    Bl-istess mod, il-fatt, muri mid-dikjarazzjonijiet u mit-testimonjanzi ta’ ABB u mid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi, li l-produtturi Ġappuniżi aċċettaw, matul għadd ta’ snin, in-notifika tar-riżultati tal-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE u li segwew l-attribuzzjoni tagħhom fuq il-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-Ftehim GQ, ma huwiex kompatibbli ma sempliċi aġir parallel ta’ kompetituri mingħajr kwalunkwe qbil tal-intenzjonijiet.

233    Barra minn hekk, l-arranġament komuni kellu l-għan li jiddetermina l-aġir tal-impriżi Ġappuniżi fir-rigward tas-suq taż-ŻEE, peress li huma kienu impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx dan is-suq. B’hekk, l-imsemmi arranġament kien tabilħaqq jikkostitwixxi riżervazzjoni tas-suq taż-ŻEE għall-produtturi Ewropej.

234    Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-arranġament komuni kien jikkostitwixxi ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

235    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx għalfejn jiġi eżaminat ukoll jekk l-arranġament komuni kienx jikkostitwixxi prattika miftiehma abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

236    Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tlettax-il motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball fil-kalkolu tat-tul tal-akkordju

–       L-argumenti tal-partijiet

237    Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li wara li Siemens interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’Settembru 1999, il-grupp żgħir li kien jiġbor fi ħdanu l-impriżi l-oħra ttrasforma ruħu f’forum ta’ diskussjoni iktar flessibbli mingħajr għan jew effett antikompetittiv f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea.

238    Min-naħa l-oħra, il-fatt li fl-2002 Siemens reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju ma wassalx sabiex jiġu konklużi ftehim li kellhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-Ewropa, peress li Hitachi ċaħdet il-proposta ta’ Alstom intiża sabiex is-swieq Ewropej u Ġappuniżi jkunu rriżervati, rispettivament, għall-produtturi Ewropej u Ġappuniżi.

239    Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis li ma kienx iġġustifikat li fuqha tiġi imposta multa għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 1999 sal-11 ta’ Mejju 2004 jew, minn tal-inqas, mill-10 ta’ Lulju 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

240    Il-Kummissjoni tikkonstata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

241    Skont il-ġurisprudenza, meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-eżistenza tal-ksur, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li minnu għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi, jimplika li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova tal-ksur li hija tikkonstata, għandha tressaq provi li jistgħu jistabbilixxu, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tul allegat ta’ ksur, l-istess prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, minn tal-inqas, provi li jirreferu għall-fatti li huma suffiċjentement qrib ta’ xulxin fiż-żmien, b’tali mod li jista’ raġjonevolment jiġi aċċettat li dan il-ksur seħħ b’mod mhux interrott bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79; tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 188, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 114 u 153).

242    Barra minn hekk, il-fatt li l-prova tal-eżistenza ta’ ksur kontinwat ma ġietx prodotta għal ċerti perijodi speċifiċi ma jipprekludix li l-ksur jitqies li seħħ matul perijodu globali iktar estiż minn dawn il-perijodi speċifiċi ladarba tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indikazzjonijiet oġġettivi u konsistenti. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ tali ftehim, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 169).

243    Fil-kawża preżenti, għandu preliminarjament jiġi osservat li, sa fejn l-impenn tal-impriżi Ġappuniżi skont l-arranġament komuni ma kienx jikkonsisti f’azzjoni pożittiva, iżda f’ommissjoni, huwa intrinsikament diffiċli li jiġi pprovat li dan l-arranġament ġie rrispettat b’mod kontinwat.

244    Madankollu, l-ewwel nett, mit-testimonjanza ta’ M. jirriżulta li, sa meta huwa temm l-involviment tiegħu fil-kartell f’Ġunju 2002, kemm il-Ftehim GQ kif ukoll l-arranġament komuni komplew jiġu implementati bil-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi għajr Hitachi, minkejja l-fatt li n-nuqqas ta’ din tal-aħħar u ta’ Siemens kien jagħmel l-operazzjoni inqas effikaċi. It-testimonjanzi l-oħra tal-impjegati ta’ ABB jikkonfermaw li l-arranġament komuni kompla jiġi osservat bejn Lulju 2002 u Mejju 2004. Il-kontenut tat-testimonjanzi kkonċernati huwa rifless ukoll fid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB.

245    It-tieni nett, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Fuji tikkonferma li l-impriżi Ġappuniżi pparteċipaw fil-ksur, inkluż fl-arranġament komuni, sa Settembru 2000, data li fiha hija tallega li ħarġet mill-akkordju.

246    It-tielet nett, fil-punt 144 iktar ’il fuq ġie konkluż li, matul il-laqgħa tal-10 ta’ Lulju 2002, Alstom ipproponiet l-estensjoni tal-arranġament komuni għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Dan il-fatt jimplika, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, li l-imsemmi arranġament kien jeżisti, kemm fid-data tal-laqgħa kif ukoll għal ċertu perijodu qabel u wara din il-laqgħa.

247    Ir-raba’ nett, anki l-assenza fit-tul tal-produtturi Ġappuniżi mis-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG matul il-perijodu kkonċernat tikkostitwixxi indikazzjoni li tagħti ’l wieħed x’jifhem li l-arranġament komuni kompla jiġi implementat.

248    Il-ħames nett, sa fejn, minn naħa, ir-rikorrenti ma tikkritikax b’mod espliċitu l-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ksur uniku li kien b’mod partikolari jinkludi l-arranġament komuni u l-Ftehim GQ, u min-naħa l-oħra, l-eżami tal-ewwel erba’ motivi ma ppermettiex li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet żbalji f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li prova tal-funzjonament kontinwat tal-Ftehim GQ tikkostitwixxi indikazzjoni rilevanti li anki l-arranġament komuni kien implementat matul l-imsemmi perijodu. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura unika tal-ksur, huwa plawżibbli li l-għajbien tal-arranġament komuni kien jikkomprometti l-funzjonament tal-Ftehim GQ.

249    Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessi 191 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar skambju ta’ serje ta’ faksijiet dwar l-allokazzjoni tal-proġetti skont il-Ftehim GQ f’Diċembru 2000, u f’Jannar 2001, dwar laqgħat tal-Ftehim GQ li kellhom jinżammu fl-2000 u fl-2001, kif ukoll dwar ftehim dwar ċerti proġetti ta’ SIG, konklużi fl-1998 u fl-1999 u li baqgħu fis-seħħ sa Ottubru 2001.

250    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tinvokax argumenti li jikkonfutaw speċifikatament il-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fil-premessi 199 sa 216 tad-deċiżjoni kkontestata u li jirriġwardaw it-tkomplija, min-naħa ta’ Hitachi, Siemens u VA TECH, tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju u t-tkomplija ta’ dan tal-aħħar bejn Lulju 2002 u l-2004.

251    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, matul il-perijodu kkonċernat, il-laqgħat tal-Ftehim GQ saru forum ta’ diskussjoni mingħajr għan jew effett antikompetittiv, ma tistax tiġi milqugħa. Dan jgħodd iktar u iktar peress li din l-argumentazzjoni hija kkorroborata biss mid-dikjarazzjonijiet mhux sostnuti ta’ Toshiba.

252    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-provi invokati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tal-arranġament komuni u tal-Ftehim GQ bejn Settembru 1999 u Mejju 2004 jirreferu għal fatti li huma suffiċjentement qrib fiż-żmien, u dan jimplika li l-prova ta’ ksur kontinwat ġiet prodotta f’dak li jikkonċerna l-perijodu kkonċernat.

253    Konsegwentement, it-tlettax-il motiv għandu jiġi miċħud.

254    Billi l-ebda motiv invokat insostenn tat-talba prinċipali ma jista’ jintlaqa’, din għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-talba sussidjarja, intiża għall-annullament tal-Artikolu 2(g) u tal-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika għar-rikorrenti

255    Għandu l-ewwel nett jiġi trattat il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità meta kkalkolat l-ammont inizjali tal-multa tagħha abbażi tad-dħul mill-bejgħ għas-sena 2001.

 L-argumenti tal-partijiet

256    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità meta kkalkolat l-ammonti inizjali tal-multa tal-produtturi Ġappuniżi abbażi tal-bejgħ dinji tagħhom ta’ SIG għas-sena 2001, filwaqt li hija bbażat ruħha fuq is-sena 2003 f’dak li jirrigwarda l-produtturi Ewropej.

257    Minn naħa, il-Kummissjoni ma invokatx ġustifikazzjoni oġġettiva tat-trattament mhux ugwali rriżervat għal-produtturi Ġappuniżi. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li hija għażlet, fil-kuntest ta’ strateġija kummerċjali legali, li teżerċita l-attivitajiet kummerċjali tagħha fil-qasam tas-SIG permezz ta’ TM T & D, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-varjazzjonijiet li kien hemm fis-suq sa mill-2003 kienu jaffettwaw is-sitwazzjoni tagħha anki li kieku l-għażla tagħha kienet differenti. Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kellha tagħżel, bħala ammont inizjali, il-parti tad-dħul mill-bejgħ ta’ TM T & D li tikkorrispondi għall-parti tal-kapital tagħha miżmum mir-rikorrenti. Barra minn hekk, dan l-istess metodu ġie applikat għal Schneider f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fis-soċjetà komuni ma’ VA TECH.

258    Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni kellha bħala konsegwenza li l-ammont inizjali li ġie applikat fil-konfront tagħha ġie kkalkolat fir-rigward ta’ sena li matula s-sitwazzjoni fis-suq kienet sostanzjalment differenti minn dik tas-sena magħżula għall-impriżi Ewropej, bir-riżultat li l-portata tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ġiet issopravalutata. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li, bejn l-2001 u l-2003, kemm is-swieq Ewropej u Ġappuniżi tas-SIG b’mod ġenerali, kif ukoll id-dħul mill-bejgħ tagħha f’dan il-qasam, kienu raw tnaqqis sinjifikattiv.

259    Il-Kummissjoni tfakkar is-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa, peress li dan il-fatt jinfluwenza l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-qasam. Minn dan hija tiddeduċi li argumenti bbażati fuq prinċipji ġenerali tal-liġi jistgħu jillimitaw l-imsemmija setgħa diskrezzjonali biss meta din tal-aħħar tkun ġiet eżerċitata bi ksur flagranti tal-fatti tal-kawża.

260    Il-Kummissjoni tkompli tgħid li meta, bħal fil-kawża preżenti, il-ksur għandu jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna, hija għandha d-dritt li tapplika trattament differenzjat sabiex tirrifletti l-kapaċità effettiva tal-impriżi li jikkawżaw dannu serju għall-kompetizzjoni u sabiex tiżgura effett dissważiv suffiċjenti.

261    Issa, fil-kawża preżenti, l-ammont inizjali tar-rikorrenti ġie ddeterminat skont il-fatturi msemmija iktar ’il fuq. Is-sena 2001 intgħażlet peress li din kienet l-aħħar sena qabel it-trasferiment tal-attività fil-qasam tas-SIG tar-rikorrenti lill-TM T & D. Din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata, skont il-Kummissjoni, mill-fatt li matul il-parti l-kbira tat-tul tal-akkordju, ir-rikorrenti pparteċipat għalih inkwantu impriża individwali, u dan jimplika li l-bejgħ tal-2003 ma jirriflettix b’mod fidil il-kapaċità effettiva tar-rikorrenti li tikkawża dannu għall-kompetizzjoni.

262    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li għar-rikorrenti s-sena 2001 kienet aħjar mis-sena 2003 ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi sostnut li l-ammont inizjali huwa sproporzjonat.

263    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li hija ma ffissatx ammont inizjali separat għal TM T & D sabiex ma timponix piż indebitu fuq ir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

264    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderiġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II-1181, punt 216, u l-ġurisprudenza ċċitata).

265    L-ammont tal-multa huwa ffissat mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, tat-tul tiegħu. Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont kriterji bħalma huma l-fatti partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi. Elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġiri antikompetittivi, in-numru u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorament subit mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidivi (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punti 89 sa 91).

266    Madankollu, kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tal-liġi, li fosthom hemm il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif interpretati mill-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 315).

267    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġu li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata).

268    Sa fejn wieħed għandu jibbaża ruħu fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi implikati fl-istess ksur sabiex jiġu ddeterminati r-relazzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, għandu jiġi identifikat il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex iċ-ċifri miksuba jkunu kemm jista’ jkun paragunabbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 122).

269    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, min-naħa tiegħu, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96).

270    Fil-kawża preżenti mill-premessi 480 sa 490 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta kienet qed tiddetermina l-ammont iniżjali, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod konformi mal-punt 1 A tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li tapplika trattament differenzjat lill-parteċipanti għall-akkordju skont il-kapaċità tagħhom li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, hija kklassifikat lid-diversi impriżi f’ħames gruppi skont l-importanza relattiva tad-dħul mill-bejgħ dinji li huma għamlu mill-bejgħ tas-SIG. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset li d-dħul mill-bejgħ li jirrigwarda biss is-suq taż-ŻEE ma jikkostitwixxix kriterju ta’ evalwazzjoni affidabbli sa fejn l-għan tal-arranġament komuni kien li jiżgura l-assenza tal-produtturi Ġappuniżi minn dan l-istess suq.

271    Fir-rigward tal-għażla tas-sena ta’ referenza, mill-premessi 481, 482 u 484 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, waqt id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ dinji, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sena 2001 f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, lill-Fuji, lill-Hitachi u lill-Toshiba, filwaqt li hija bbażat ruħha fuq is-sena 2003, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, f’dak li jirrigwarda l-produtturi Ewropej. Barra minn hekk, il-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multi tar-rikorrenti, ta’ Fuji, ta’ Hitachi u ta’ Toshiba għall-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju inkwantu impriżi individwali sar abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-2001, filwaqt li l-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multi tal-produtturi Ewropej sar abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-2003.

272    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma trattatx lill-produtturi Ġappuniżi, fosthom ir-rikorrenti, u l-produtturi Ewropej bl-istess mod f’dak li jirrigwarda l-għażla tas-sena ta’ referenza. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 267 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk dan it-trattament differenzjat huwiex oġġettivament iġġustifikat.

273    F’dan ir-rigward, fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-għażla tas-sena 2001 f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti kienet iġġustifikata mill-fatt li, matul il-parti l-kbira tal-perijodu li matulu twettaq il-ksur, din ipparteċipat fl-akkordju inkwantu impriża individwali, u mhux permezz tal-kumpannija bi sħab TM T & D li fl-2002 kienet ħadet l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG tar-rikorrenti u ta’ Toshiba.

274    Matul is-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li l-għan tagħha kien li tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni kompetittiva mhux ugwali taż-żewġ azzjonisti ta’ TM T & D, meta din tal-aħħar inħolqot, dovuta għall-fatt li s-sehem ir-rikorrenti tas-suq dinji tas-SIG kien kunsiderevolment ikbar minn dak ta’ Toshiba. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li ssir referenza għall-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti u ta’ Toshiba fl-akkordju inkwantu impriżi individwali, jiġifieri s-sena 2001, kien jippermetti li din id-differenza tiġi riflessa waqt id-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, b’kuntrast mal-metodu li jikkonsisti f’li d-dħul mill-bejgħ li TM T & D għamlet fl-2003 jinqasam bejn iż-żewġ azzjonisti skont l-ishma rispettivi tagħhom fil-kumpannija bi sħab.

275    L-għan invokat mill-Kummissjoni huwa leġittimu, peress li dan jippermetti li l-kapaċità tal-azzjonisti ta’ kumpannija bi sħab li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni tiġi pparagunata fir-rigward ta’ perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ din il-kumpannija bi sħab. Barra minn hekk, mill-premessa 489 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan l-istess għan ġie mfittex fil-każ ta’ Schneider, fejn madankollu n-nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ rilevanti magħmul minn din tal-aħħar fl-2001 jew fl-2003 wassal lill-Kummissjoni sabiex tagħżel bħala ammont inizjali s-sehem li Schneider kellha fil-kapital tal-kumpannija bi sħab. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rikorrenti, data dwar id-dħul mill-bejgħ rilevanti hija disponibbli kemm fir-rigward tal-2001 kif ukoll fir-rigward tal-2003.

276    Madankollu, jidher li fil-kawża preżenti l-Kummissjoni setgħet tuża metodi oħra sabiex tilħaq l-għan mixtieq mingħajr ma titratta lill-produtturi Ġappuniżi, minn naħa, u l-produtturi Ewropej, min-naħa l-oħra, b’mod mhux ugwali f’dak li jikkonċerna l-għażla tas-sena ta’ referenza. Bħala eżempju, waqt id-determinazzjoni tal-multi tar-rikorrenti u ta’ Toshiba għall-perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ TM T & D, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ din tal-aħħar, ikkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ korrispondenti għas-sena 2003 u maqsum bejn ir-rikorrenti u Toshiba skont il-proporzjon ta’ bejgħ ta’ SIG li huma għamlu matul l-aħħar sena preċedenti għall-ħolqien tal-kumpannia bi sħab, jiġifieri fl-2001.

277    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirriproduċi b’mod fidil, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi, il-pożizzjoni relattiva tar-rikorrenti u ta’ Toshiba ma tiġġustifikax it-trattament mhux ugwali li kienet suġġetta għalih ir-rikorrenti.

278    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, billi għażlet is-sena 2001 bħala sena ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ dinji tal-produtturi Ġappuniżi u għall-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni individwali tagħha fl-akkordju, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

279    Dan il-ksur jivvizzja direttament il-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(g) tad-deċiżjoni kkontestata għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju inkwantu impriża individwali. Huwa jaffettwa indirettament, permezz tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ dinji u tal-ishma tas-suq, il-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-perijodu li matulu kienet teżisti TM T & D.

280    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi milqugħ u b’konsegwenza ta’ dan l-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat.

281    Barra minn hekk, ma hemmx lok li s-seba’ sat-tnax-il motiv imqajma mir- rikorrenti jiġu eżaminati. Fil-fatt, anki li kieku dawn il-motivi kellhom jintlaqgħu, dan ma jistax iwassal għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata li jkun usa minn dak li ġie deċiż fil-punt preċedenti.

282    Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li t-talba sussidjarja tar-rikorrenti ġiet milqugħa, la għad fadal lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba iktar sussidjarja u lanqas fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentati minnha.

 Fuq l-ispejjeż

283    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

284    Sa fejn it-talba intiża għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet miċħuda, ir-rikorrenti tilfet f’parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħha, anki jekk hija rebħet fir-rigward ta’ parti oħra ta’ dawn it-talbiet.

285    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-Kummissjoni għandha tbati kwart ta’ dawn l-istess spejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(g) u (h), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81[KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass), huwa annullat sa fejn dan jikkonċerna lill-Mitsubishi Electric Corp..

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Mitsubishi Electric għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart tal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2011.

Firem





















Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Ir-rikorrenti

2.  Il-prodotti

3.  Il-proċedura amministrattiva

4.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika għar-rikorrenti u għal TM T & D

Fuq l-erbatax-il motiv, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti billi ma tathiex aċċess għall-elementi inkriminanti u għal dawk li jiskaġunaw

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħmistax-il motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ma kkomunikathilhiex il-konklużjonijiet tagħha dwar it-teorija tal-kumpens inerenti tal-arranġament komuni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv, ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju allegat, fuq l-allegazzjoni li hija wettqet żball meta warrbet l-elementi li jispjegaw l-assenza tar-rikorrneti mis-suq Ewropew u l-impossibbiltŕ li hija tippenetra dan is-suq u fuq l-allegazzjoni li hija kisret ir-regoli li jirregolaw il-prova billi invertiet l-oneru tal-prova u għalhekk kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza

Fuq l-elementi prodotti minn ABB

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-korroborazzjoni tal-elementi prodotti minn ABB

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ attribuzzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-elementi li allegatament jikkontradixxu l-eżistenza tal-arranġament komuni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Evalwazzjoni globali

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ftehim li jikser l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tlettax-il motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball fil-kalkolu tat-tul tal-akkordju

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-talba sussidjarja, intiża għall-annullament tal-Artikolu 2(g) u tal-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika għar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.