Language of document : ECLI:EU:T:2011:344

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear iżolat bil-gass – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Tqassim tas-suq – Prova tal-ksur – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Tul tal-ksur – Multi – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T-132/07,

Fuji Electric Co. Ltd, li qabel kien jisimha Fuji Electric Holdings Co. Ltd u aventi kawża ta’ Fuji Electric Systems Co. Ltd, stabbilita f’Kawasaki (il-Ġappun), irrappreżentata minn P. Chappatte u P. Walter, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Arbault, sussegwentement minn X. Lewis, J. Bourke u F. Ronkes Agerbeek, u finalment minn N. Khan u Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass) u, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Fuji Electric Holdings u fuq Fuji Electric Systems,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw essenzjalment mill-konstatazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), huma dawn li ġejjin.

1.     Il-prodott ikkonċernat

2        Is-switchgear iżolat bil-gass (iktar ’il quddiem “SIG”) jintuża sabiex jiġi kkontrollat il-fluss ta’ enerġija fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa tagħmir tqil tal-elettriku, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey).

3        Is-substations huma power stations awżiljarji li jaqilbu l-kurrent elettriku. Minbarra t-transformer, l-elementi kostituttivi ta’ substations huma s-sistemi ta’ kontroll, ir-relays, il-batteriji, l-istrumenti għall-iċċarġjar u s-switchgear. Il-funzjoni tas-switchgear hija li tipproteġi t-transformer minn surcharge u/jew li tiżola ċ-ċirkwit u t-transformer difettuż.

4        Is-switchgears jistgħu jkunu iżolati bil-gass, iżolati bl-arja jew iżolati ibridament, meta jkunu jinvolvu ż-żewġ tekniki preċedenti. Is-SIG jinbiegħu fid-dinja kollha bħala parti integrali minn substations tal-elettriku (turnkey) jew bħala partijiet individwali qabel ma jiġu integrati f’tali substations. Huma jirrappreżentaw madwar 30 sa 60 % tal-prezz totali ta’ dawn is-substations.

5        Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-proġetti ta’ SIG b’tensjoni elettrika ikbar minn jew ta’ 72.5 kV (iktar ’il quddiem il-“proġetti ta’ SIG”), li jinkludu s-SIG bħala prodotti individwali, inklużi s-servizzi kollha relatati (trasport, installazzjoni, testijiet, iżolazzjoni, eċċ.), u s-substations tal-elettriku (turnkey) li jinvolvu SIG, li għalhekk jinkludu s-SIG u l-komponenti l-oħra tas-substation, bħat-transformers u s-servizzi kollha relatati (trasport, mogħdija tal-kejbils, installazzjoni, iżolazzjoni, eċċ.).

2.     L-impriżi involuti

6        Fuji Electric Holdings Co. Ltd (iktar ’il quddiem “FEH”) hija l-kumpannija holding tal-grupp Fuji, li tmexxi erba’ sussidjarji operattivi, fosthom, b’mod partikolari, Fuji Electric Systems Co. Ltd (iktar ’il quddiem “FES”). Il-grupp Fuji jimmanifattura u jikkummerċjalizza firxa vasta ta’ prodotti, inklużi l-proġetti ta’ SIG. L-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji kienu jitwettqu, b’mod partikolari, minn FEH u minn FES.

7        Fl-1 ta’ Ottubru 2002, il-grupp Fuji ttrasferixxa l-attivitajiet tiegħu fil-qasam ta’ SIG lil Japan AE Power Systems Corp. (iktar ’il quddiem “JAEPS”), kumpannija bi sħab li fiha għandu 30 % mill-kapital azzjonarju, filwaqt li Hitachi Ltd u Meidensha Corp. għandhom l-ishma li jifdal, jiġifieri rispettivament 50 % u 20 %.

3.     Il-proċedura amministrattiva

8        Fit-3 ta’ Marzu 2004, il-kumpannija ABB Ltd indikat lill-Kummissjoni l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi fis-settur tal-proġetti ta’ SIG u ressqet talba orali għal immunità minn multi, skont l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).

9        Il-prattiki allegati minn ABB kienu jikkonsistu f’koordinazzjoni fuq livell dinji tal-bejgħ ta’ proġetti ta’ SIG, li timplika tqassim tas-swieq, l-allokazzjoni ta’ kwoti u ż-żamma ta’ ishma tas-suq rispettivi, l-allokazzjoni ta’ proġetti ta’ SIG lil produtturi indikati għal dan l-iskop u l-manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (bid rigging) bil-għan li l-kuntratti jiġu allokati lil dawn il-produtturi, l-iffissar tal-prezzijiet permezz ta’ arranġamenti kumplessi dwar il-proġetti ta’ SIG li ma ġewx allokati, ix-xoljiment ta’ kuntratti ta’ liċenzja ma’ kumpanniji li ma kinux membri tal-akkordju u skambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-suq.

10      It-talba orali għal immunità minn multi mressqa minn ABB ġiet ikkompletata, b’mod partikolari fis-7 ta’ Mejju 2004, permezz ta’ osservazzjonijiet orali u provi dokumentarji. Fil-25 ta’ April 2004, il-Kummissjoni tat immunità taħt kundizzjonijiet lil ABB.

11      Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni u wettqet, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, spezzjonjiet fil-bini ta’ numru ta’ kumpanniji attivi fis-settur tas-SIG.

12      Bejn l-14 u l-25 ta’ Mejju 2004, il-grupp Areva kkoopera mal-Kummissjoni u pproduċa, bis-saħħa tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, diversi provi dokumentarji kif ukoll informazzjoni.

13      Fit-30 ta’ Lulju 2004, il-grupp li tiegħu VA Technologie AG kienet il-kumpannija parent (iktar ’il quddiem il-“grupp VA Tech”) ikkoopera mal-Kummissjoni u pproduċa, bis-saħħa tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, diversi provi dokumentarji kif ukoll informazzjoni.

14      Mid-9 ta’ Settembru 2004, anki r-rappreżentanti tal-grupp Hitachi jew ta’ JAEPS ikkooperaw mal-Kummissjoni u pproduċew, bis-saħħa tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, provi dokumentarji kif ukoll informazzjoni.

15      Fl-4 ta’ Ottubru 2004, FEH u FES wieġbu għal talba għal informazzjoni li bagħtitilhom il-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (iktar ’il quddiem it-“tweġiba tal-4 ta’ Ottubru 2004 għat-talba għal informazzjoni”). Dakinhar stess, ABB wieġbet ukoll għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

16      Fl-4 ta’ Novembru 2004, Mitsubishi Electric System Corp. (iktar ’il quddiem “Melco”) ressqet quddiem il-Kummissjoni talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, dwar ir-“rendikont tal-parteċipazzjoni tagħha f’ċerti arranġamenti li jirrigwardaw is-suq ta’ [proġetti ta’] SIG”.

17      Fil-5 ta’ Novembru 2004, il-grupp Areva ta t-tweġiba tiegħu għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

18      Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li, minbarra lil FEH u lil FES kienet indirizzata wkoll lil ABB, lil Alstom, kumpannija b’responsabbiltà limitata, lil Areva, kumpannija b’responsabbiltà limitata, lil Areva T & D AG, lil Areva T & D Holding SA u lil Areva T & D SA (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp Areva”), lil Hitachi u lil Hitachi Europe Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp Hitachi”), lil JAEPS, lil Melco, lil Nuova Magrini Galileo SpA, lil Schneider Electric SA (iktar ’il quddiem “Schneider”), lil Siemens AG, lil Toshiba Corp. kif ukoll lil ħames kumpanniji tal-grupp VA Tech, fosthom VA Technologie.

19      Fit-30 ta’ Ġunju 2006, FEH u FES bagħtu lill-Kummissjoni, fit-terminu mogħti, l-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Mehmuża mat-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma pproduċew diversi dikjarazzjonijiet jew dokumenti li għalihom ġie mitlub trattament kunfidenzjali. Bl-istess mod, ABB, Alstom, il-kumpanniji tal-grupp Areva, il-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew JAEPS, Melco, Schneider, Siemens AG Österreich, Siemens u Toshiba wieġbu, bil-miktub, għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-termini mogħtija.

20      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Lulju 2006, FEH u FES ikkooperaw mal-Kummissjoni u pproduċew, skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni, diversi provi dokumentarji kif ukoll informazzjoni.

21      Fl-14 ta’ Lulju 2006, ABB bagħtet lill-Kummissjoni “tweġiba supplimentari għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”.

22      Il-Kummissjoni pproċediet għas-smigħ tal-kumpanniji li lilhom intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-18 u fid-19 ta’ Lulju 2006.

23      Fil-25 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-partijiet fil-kawża, għall-kummenti tagħhom, siltiet tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-talba ta’ FEH u ta’ FES skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni, tat-12 ta’ Lulju 2006, it-tweġiba supplimentari ta’ ABB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u xi dokumenti supplimentari.

24      Fil-11 ta’ Settembru 2006, FEH u FES issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġiba supplimentari ta’ ABB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

25      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2006, FEH u FES ipprovdew lill-Kummissjoni testimonjanza ġdida min-naħa ta’ wieħed mill-ex impjegati tagħhom, M. H..

26      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2006, FEH u FES ikkomunikaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti li l-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew JAEPS kienu bagħtu lil din tal-aħħar, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2006, dwar il-ġestjoni fi ħdan JAEPS.

27      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni stiednet lil FEH u FES sabiex jibagħtulha kummenti addizzjonali dwar diversi provi li huma jikkunsidraw rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni finali. FEH u FES wieġbu permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2006.

4.     Id-deċiżjoni kkontestata

28      Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li taqsira tagħha ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-10 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 5, p. 7). Din ġiet innotifikata lil FEH u lil FES fid-9 ta’ Frar 2007.

29      Minbarra lil FEH u lil FES, id-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata lil ABB, lil Alstom, lill-kumpanniji tal-grupp Areva, lill-kumpanniji tal-grupp Hitachi, lil JAEPS, lil Melco, lil Nuova Magrini Galileo, lil Schneider, lil Siemens, lil Siemens AG Österreich, lil Siemens Transmission & Distribution Ltd (iktar ’il quddiem “Reyrolle”), lil Siemens Transmission & Distribution SA, lil Toshiba u lil VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG.

30      Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li d-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira l-ishma storiċi stmati tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta “Ġappuniża” u ta’ kwota konġunta “Ewropea” li kellhom imbagħad jinqasmu bejniethom rispettivament mill-produtturi Ġappuniżi u mill-produtturi Ewropej. Ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim GQ”) kien jistabbilixxi regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u li l-valur tagħhom jiġi imputat fuq il-kwota korrispondenti. Barra minn dan, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-diversi impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub (iktar ’il quddiem l-“arranġament komuni”), li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi tal-membri tal-akkordju Ewropej, min-naħa l-oħra, indikati konġuntement bħala l-“pajjiżi kostrutturi” tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” ma kinux suġġetti għal skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux imputati fuq il-kwoti rispettivi.

31      Il-Ftehim GQ kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għall-funzjonament tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti kkonċernati u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għal proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-Anness 2 tiegħu, il-Ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa tal-arranġament komuni, il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew, il-produtturi Ġappuniżi kienu impenjaw irwieħhom li ma jressqux offerti għall-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

32      Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien irregolat minn ftehim ukoll iffirmat fi Vjenna, fil-15 ta’ April 1988, u intitolat “E-Group Operation Agreement for GQ Agreement” (Ftehim tal-grupp E għall-implementazzjoni tal-Ftehim GQ, iktar ’il quddiem il-“Ftehim EQ”). Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri bħal dawk li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, arranġati jew kellhom jingħataw limitu minimu ta’ prezz.

33      Fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fil-Ftehim GQ u fil-Ftehim EQ, kif ukoll għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tal-akkordju, id-diversi membri tal-akkordju kienu identifikati permezz ta’ kodiċi, kompost minn ċifri għall-membri Ewropej u minn ittri għall-membri Ġappuniżi. Sa minn Lulju tal-2002, il-kodiċi inizjali ġew sostitwiti b’numri.

34      Fl-Artikolu 1(g) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li FEH kienet kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) billi pparteċipat f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004 u, fl-Artikolu 1(h) tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li FES ipparteċipat fil-ksur matul l-istess perijodu. Barra minn hekk, fl-Artikolu 1(k) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li JAEPS kienet ipparteċipat fl-istess ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

35      Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta fuq FEH u FES, fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, multa li tammonta għal EUR 2 400 000 pagabbli in solidum, u, fl-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata, multa li tammonta għal EUR 1 350 000, pagabbli in solidum ma’ JAEPS u ma’ Hitachi.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) fid-19 ta’ April 2007, FEH u FES ressqu l-kawża preżenti. Fih huma, b’mod partikolari, indikaw li r-rikors, l-annessi tiegħu u d-dokumenti prodotti fir-Reġistru kienu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, li kellha tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ terzi.

37      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija għamlet ċerti mistoqsijiet lill-partijiet u talbithom jipproduċu xi dokumenti. Dawn tal-aħħar ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

38      Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Jannar 2010, FEH u FES għamlu ċerti osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta li kien ġie kkomunikat lilhom fil-11 ta’ Jannar 2010, dwar il-mument meta huma kienu ttrasferew l-attivitajiet tagħhom fil-qasam ta’ SIG lil JAEPS u dwar il-mument meta huma kisbu holding f’JAEPS.

39      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tad-9 ta’ Frar 2010. FEH u FES ippreċiżaw, b’mod partikolari, li bl-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rapport għas-seduta huma ma kellhomx l-intenzjoni li inċidentalment iressqu quddiem il-Qorti Ġenerali motiv ibbażat fuq żbalji ta’ fatt li vvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din timputa lil FES, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ JAEPS, il-parteċipazzjoni tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG ta’ din tal-aħħar fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sat-30 ta’ Settembru 2003. Matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali adottat miżura ġdida ta’ organizzazzjoni tal-proċedura billi stiednet lil FEH u lil FES sabiex jippreċiżaw l-għan tat-talba għal kunfidenzjalità mressqa fir-rikors (ara l-punt 36 iktar ’il fuq). L-osservazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES u l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija iktar ’il fuq ngħataw fil-minuti tas-seduta. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2010, FEH u FES ippreċiżaw l-għan tat-talba tagħhom għal kunfidenzjalità fit-terminu mogħti.

40      Il-proċedura orali ngħalqet fit-3 ta’ Marzu 2010.

41      B’digriet tal-25 ta’ Novembru 2010, il-Qorti Ġenerali reġgħet fetħet il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet ġodda lill-partijiet. Dawn tal-aħħar, b’mod partikolari, ġew mistiedna jindikaw il-konsegwenzi li seta’ jkollhom fuq din il-kawża l-punti 87 sa 92 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni (C‑407/08 P, Ġabra p. II‑2781). Il-partijiet wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-termini mogħtija.

42      Il-proċedura orali ngħalqet fl-10 ta’ Jannar 2011.

43      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2011, ir-rappreżentant ta’ FEH u ta’ FES informa lill-Qorti Ġenerali, sostnut minn dokumenti, li, mill-1 ta’ April 2011, FES waqfet teżisti wara li ġiet assorbita minn FEH, li kienet hija stess biddlet isimha, li sar Fuji Electric Co. Ltd (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”). Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2011, din l-ittra ġiet inkluża fil-proċess, u l-Kummissjoni nżammet informata b’dan kollu.

44      Ir-rikorrenti, li qabel kien jisimha FEH u aventi kawża ta’ FES, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(g) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jipprovi li l-ksur imputat lil FEH baqa’ għaddej wara Settembru 2000;

–        tannulla l-Artikolu 1(h) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn iżomm lil FES responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta;

–        tannulla l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn iżomm lil FEH u lil FES responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq FEH u fuq FES;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

46      Minkejja li FEH u FES kienu ppreżentaw dan ir-rikors flimkien, l-interessi tagħhom, fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar, ma kinux l-istess u kienu jikkoinċidu biss parzjalment, kif jirriżulta mill-punti tar-rikors li jiġbru fil-qosor is-suġġett ta’ din il-kawża. Madankollu, mill-1 ta’ April 2011, l-interessi ta’ FEH u ta’ FES ikkonverġew fil-persuna tar-rikorrenti.

47      F’din il-kawża, ir-rikorrenti essenzjalment qed titlob l-annullament tal-Artikolu 1(g) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni żżomm lil FEH personalment responsabbli għall-ksur għall-perijodu minn Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002, u tal-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tikkundanna lil FEH, għal din ir-raġuni, għall-ħlas ta’ multa li tammonta għal EUR 2 400 000 in solidum ma’ FES. Insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet, hija tinvoka l-ewwel tliet motivi, ibbażati rispettivament fuq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, fuq allegat ksur tar-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova u fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikolu 1(h) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni żżomm lil FES personalment responsabbli għall-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, u tal-Artikolu 2(d) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tikkundanna lil FES, għal din ir-raġuni, għall-ħlas ta’ multa li tammonta għal EUR 2 400 000, in solidum ma’ FEH, u għall-ħlas ta’ multa li tammonta għal EUR 1 350 000, in solidum ma’ FEH, ma’ JAEPS u ma’ Hitachi. Insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet ir-rikorrenti tinvoka allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tar-raba’ motiv.

49      Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li FEH u FES setgħu jinżammu personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ JAEPS fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004, u sa fejn il-Kummissjoni imponiet fuqhom, għal din ir-raġuni, multa li tammonta għal EUR 1 350 000, li għandha titħallas in solidum ma’ JAEPS u ma’ Hitachi. Insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet ir-rikorrenti tinvoka allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tar-raba’ u tal-ħames motiv.

50      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti titlob it-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuq FEH u fuq FES fl-Artikolu 2(d) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet ir-rikorrenti tiżviluppa argument fil-kuntest tas-sitt motiv.

1.     Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

51      Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi.

52      Fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 1(g) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat jew ibbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li FES kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-perijodu minn Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002, data meta l-grupp Fuji ttrasferixxa l-attivitajiet tiegħu fil-qasam ta’ SIG lil JAEPS. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l‑allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret id-dritt għal smigħ xieraq, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u l-prinċipju in dubio pro reo, meta fid-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li FEH kompliet tipparteċipa fl-akkordju li rriżulta mill-Ftehim GQ wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret ir-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

53      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikkorrenti tallega li l-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 2(d) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni żżomm lil FES responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti, għandhom jiġu annullati, peress li huma msejsa fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti tal-każ, li abbażi tagħha FES tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004.

54      Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, sa fejn huwa msejjes fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti tal-każ, li abbażi tagħha FEH u FES jistgħu, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS, jinżammu responsabbli personalment u in solidum ma’ Hitachi u ma’ JAEPS, għall-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

 Osservazzjonijiet preliminari dwar l-impriżi kkonċernati mill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata u dwar ir-responsabbiltà inkorsa, għal din ir-raġuni, minn FEH u FES

55      Qabel ma jiġu eżaminati l-ewwel ħames motivi tar-rikorrenti, għandu jiġi ppreċiżat liema huma l-impriżi li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ġiet imputata lil FEH u lil FES fl-Artikolu 1(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata.

56      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni jikkonċerna “impriżi” u li, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ impriża għandu jinftiehem li jindika unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il‑Kummissjoni, T‑234/95, Ġabra p. II‑2603, punt 124, u tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85). Billi jipprojbixxi lill-impriżi, b’mod partikolari, milli jikkonkludu ftehim jew milli jipparteċipaw fi prattiki miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollhom bħala għan jew bħala effett li jostakolaw, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, l-Artikolu 81(1) KE, jikkonċerna entitajiet ekonomiċi li kull waħda minnhom tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, li jfittxu għan ekonomiku speċifiku fuq medda ta’ żmien, organizzazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ ksur tat-tip imsemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il‑Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 235, u tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il‑Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 311).

57      Għall-finijiet tal-applikazzjoni u tal-eżekuzzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet adottati taħt l-Artikolu 81 KE għandhom madankollu jkunu indirizzati lil entitajiet li għandhom personalità ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 978, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 59). B’hekk, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 81(1) KE, hija għandha tidentifika l-persuna jew il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li jistgħu jitqiesu responsabbli għall-aġir tal-impriża inkwistjoni u li jistgħu jiġu ssanzjonati f’dan ir-rigward, u li lilhom tiġi indirizzata d-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hydrotherm Gerätebau, punt 56 iktar ’il fuq, punt 11).

58      Skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 131 sa 141; tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 78, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 39; ara, wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑10896, punti 71 et seq), li jgħid li persuna għandha titqies responsabbli biss għall-atti li hija tikkommetti (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas ippreżentati fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑4130, punt 74), bħala prinċipju, hija l-persuna li kienet tmexxi l-impriża fil-mument meta jkun twettaq il-ksur li għandha tinżamm responsabbli għal dan il-ksur, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqiegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 27, u Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 79).

59      Skont il-ġurisprudenza, meta diversi persuni jistgħu jinżammu personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni fi ksur minn waħda u l-istess impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 41, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä‑Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punti 33 u 34; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 54, 524 u 525; tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 62, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punti 57 sa 62). Barra minn hekk, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li jistgħu jinżammu responsabbli personalment u in solidum għall-parteċipazzjoni tal-istess impriża fi ksur, kemm il-persuna li taħtha tqiegħdet direttament l-impriża fil-mument ta’ meta twettaq il-ksur kif ukoll il-persuna li, peress li kienet teżerċita effettivament setgħa ta’ kontroll fuq din l-impriża u kienet tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq, kienet tmexxi indirettament lil din l-istess impriża fil-mument ta’ meta twettaq il-ksur (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 40, 43 u 44). B’hekk il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq għandha tinqara fis-sens li tirrigwarda kemm ir-responsabbiltà personali tal-persuna li kienet tmexxi direttament l-impriża fil-mument tal-ksur kif ukoll ir-responsabbiltà personali tal-persuna li, fl-istess żmien, kienet tmexxi lil din l-impriża indirettament.

60      Il-ġurisprudenza esposta fil-punti 56 sa 59 iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġew adottati skont dan l-artikolu.

61      Mid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mid-deskrizzjoni li saret fil-premessi 5 sa 87 tas-“settur ikkonċernat mill-proċedura” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, fil-premessi 28 sa 44 u 482, ta’ “impriżi kkonċernati mill-proċedura” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew ta’ “trattament differenzjat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] irriżervat għal dawn l-impriżi tal-aħħar jirriżulta li l-Kummissjoni, b’mod partikolari, identifikat fost l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, li kienet topera l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002 (iktar ’il quddiem l-“ewwel impriża kkonċernata”), minn naħa u, l-organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, li kienet topera l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji, ta’ Hitachi u ta’ Meidensha li ġew ittrasferiti lil JAEPS għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem it-“tieni impriża kkonċernata”), min-naħa l-oħra.

62      Barra minn hekk, mill-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li FEH u FES inżammu responsabbli personalment u in solidum għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002. Mill-premessi 32, 33 u 373 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi dedott li r-responsabbiltà inkorsa, għal din ir-raġuni, minn FEH u minn FES tirriżulta mill-fatt li dawn kienu “jiġġestixxu” jew imexxu, “fost l-oħrajn”, l-ewwel impriża kkonċernata waqt dan l-istess perijodu u li, konsegwentement, kienu direttament implikati fil-parteċipazzjoni ta’ dan l-impriża fil-ksur.

63      Barra minn hekk, mill-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li FEH u FES inżammu responsabbli personalment u in solidum, ma’ Hitachi u ma’ JAEPS, għall-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-premessi 380, 385 u 402 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-responsabbiltà inkorsa minn FEH u FES, għal din ir-raġuni, tirriżulta biss mill-fatt li huma, flimkien ma’ Hitachi, kienu ddeterminaw l-aġir fis-suq ta’ JAEPS, is-sussidjarja bi sħab tagħhom li kienet direttament responsabbli għat-tieni impriża kkonċernata u li konsegwentement huma kienu indirettament implikati fil-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS.

64      Huwa fid-dawl tal-konstazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel ħames motivi tar-rikorrenti. Għal raġunijiet ta’ adegwatezza u ta’ ekonomija tal-ġudizzju, hemm lok li l-ewwel żewġ motivi, ibbażati fuq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipju in dubio pro reo u fuq allegat ksur tar-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova, jiġu trattati flimkien.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipju in dubio pro reo kif ukoll fuq allegat ksur tar-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova

 L-argumenti tal-partijiet

65      Bl-ewwel u bit-tieni motivi tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret ir-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova, sa fejn fl-Artikolu 1(g) tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar żammet lil FEH personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mil-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002, id-data ta’ meta l-grupp Fuji ttrasferixxa l-attivitajiet tiegħu fil-qasam ta’ SIG lil JAEPS, u sa fejn fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkundannat lil FEH, għal din ir-raġuni, għall-ħlas ta’ multa li tammonta għal EUR 2 400 000 in solidum ma’ FES. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma pproduċietx, kif titlob il-liġi, il-prova li hija kellha l-oneru li tipproduċi, jiġifieri li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fl-“akkordju li rriżulta mill-Ftehim GQ”, akkordju li min-naħa tiegħu kompla wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li r-raġunament tal-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, huwa vvizzjat minn diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-provi.

66      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-ewwel u t-tieni motivi jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

67      Qabel ma ssir analiżi tal-mertu tal-ewwel u tat-tieni motiv, għandu jiġi identifikat l-għan eżatt tal-kontestazzjoni li fuqha huma bbażati dawn il-motivi kif ukoll il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati minn din il-kontestazzjoni u għandhom jitfakkru r-regoli applikabbli għall-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għall-prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ksur.

–       Fuq l-għan eżatt tal-kontestazzjoni li fuqha huma bbażati l-ewwel u t-tieni motiv

68      F’dan il-każ, ir-rikorrenti la tikkontesta l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sa Settembru 2000 u lanqas ir-responsabbiltà inkorsa personalment minn FEH minħabba din il-parteċipazzjoni. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li FEH, flimkien ma’ kumpanniji oħra, kellha t-tmexxija tal-ewwel impriża kkonċernata matul il-perijodu minn Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002.

69      Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti tieħu ħsieb li tagħmel distinzjoni bejn l-“akkordju li rriżulta mill-Ftehim GQ”, li ġie fi tmiemu wara l-irtirar ta’ Siemens u ta’ Hitachi, u l-“akkordju li rriżulta mill-pjan il-ġdid”, li beda f’nofs l-2002, hija ma tiżviluppax, madankollu, motivi jew argumenti speċifiċi kontra l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, inklużi fil-premessi 2, 3, 248, 270 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li d-diversi ftehim u prattiki miftiehma, li kien hemm suċċessivament mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, kienu biss diversi manifestazzjonijiet ta’ pjan uniku u komuni. Konsegwentement, ma jistax jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi, hija qiegħdet validament f’dubju l-imsemmija evalwazzjonijiet u b’hekk ikkontestat in-natura unika u kontinwata tal-ksur.

70      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax li t-tieni impriża kkonċernata pparteċipat fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004. Hija tikkontesta biss il-fatt li FEH setgħet inkorriet xi responsabbiltà u għalhekk il-fatt li ġiet imposta fuqha multa, għal din ir-raġuni, peress li hija ma kinitx iddeterminat l-aġir fis-suq ta’ JAEPS u, konsegwentement, ma kinitx implikata, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ JAEPS, fil-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur (ara l-punti 173 et seq iktar ’il quddiem).

71      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-provi li ġew prodotti lilha kif ukoll li kisret id-dritt għal smigħ xieraq, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u l-prinċiju in dubio pro reo, kif ukoll li kisret ir-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova, billi kkunsidrat li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kompla matul il-perijodu minn Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002 u li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fih, u li FEH setgħet tinżamm personalment responsabbli minħabba t-tmexxija tagħha ta’ din l-impriża fil-mument meta twettaq il-ksur. Fil‑fehma tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma pproduċietx, kif titlob il-liġi u mingħajr ma wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-provi, il-prova li kellha tipproduċi, jiġifieri li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa, taħt it-tmexxija ta’ FEH, fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ksur li min-naħa tiegħu kompla matul il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

72      Il-Kummissjoni ssostni li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, huma l-kumpanniji tal-grupp Fuji li għandhom jistabbilixxu li l-ewwel impriża kkonċernata kienet waqfet milli tipparteċipa fil-ksur matul il-perijodu inkwistjoni.

73      Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, stabbilietx kif titlob il-liġi li l-ksur kompla, bil-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata, matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002.

–       Fuq il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati mill-kontestazzjoni li fuqha huma bbażati l-ewwel u t-tieni motiv

74      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar, minn naħa, it-tkomplija tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002 u, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fl-imsemmi ksur matul dan l-istess perijodu huma dawn li ġejjin.

75      Fil-premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ftehim u/jew il-prattiki miftiehma bejn il-produtturi tal-proġetti ta’ SIG kienu damu mill-inqas mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt, meta fl-imsemmija premessa tissemma s-sena “1998” minflok is-sena “1988”, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, dan huwa manifestament ir-riżultat ta’ żball purament materjali, li għandu jiġi korrett.

76      Fil-premessi 324, 326 u 373 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li FEH u FES kienu pparteċipaw fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988, id-data meta ġew adottati u daħlu fis-seħħ il-Ftehim GQ u EQ – sal-11 ta’ Mejju 2004, id-data meta saret l-aħħar laqgħa ta’ ħidma tal-membri tal-akkordju, li ġiet brutalment interrotta mill-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-fatt li fil-premessa 324 tad-deċiżjoni kkontestata tissemma s-sena “1998”, minflok is-sena “1988”, huwa manifestament ir-riżultat ta’ żball purament materjali li għandu jiġi korrett.

77      Fil-premessi 177 sa 216 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat “espożizzjoni kronoloġika sħiħa tal-iżvilupp tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan il-kuntest hija kkonstatat, fil-premessi 178 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“(178) Siemens temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-akkordju f’Settembru 1999, segwita minn Hitachi u Schneider-VA Tech fl-2000. L-assenza ta’ Siemens kienet partikolarment distabbilizzanti mill-perspettiva Ewropea, peress li din il-kumpannija serviet bħala segretarja tal-grupp ‘Ewropa’ sa mill-1988 u kienet attriċi prinċipali tas-suq kemm barra kif ukoll ġewwa l-Ewropa. Madankollu, l-attivitajiet tal-akkordju komplew u Alstom serviet fil-post ta’ segretarja tal-grupp Ewropa. B’numru mnaqqas ta’ membri meta mqabbel mal-1988, il-loġistika ġiet issemplifikata, b’tali mod li struttura kumplessa ma kinitx iktar iġġustifikata.

(179) Fl-2002, Siemens, Hitachi u VA Tech reġgħu daħlu fl-akkordju. […][traduzzjoni mhux uffiċjali]”

78      Fil-premessi 270 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li r-raġunijiet għaliex hija kienet tikkunsidra li “l-arranġamenti kollha f’dan il-każ kell[hom] il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwat [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Fil-premessa 279 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat b’mod partikolari li “[ċ]erti membri tal-akkordju sostnew li, bl-evoluzzjoni tiegħu, mill-2002 l-akkordju biddel in-natura tiegħu, u li konsegwentement [kellhom] jiġu identifikati żewġ ksur distinti iktar milli ksur uniku u kontinwat [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Madankollu, fil-premessi 279 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet l-elementi li, fil-fehma tagħha, kienu juru li d-diversi ftehim u prattiki miftiehma li kien hemm suċċessivament mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004 kienu biss diversi manifestazzjonijiet ta’ pjan uniku u komuni u hija ppreċiżat li kien ikun artifiċjali li aġir daqstant kontinwat, ikkaratterizzat minn għan uniku, jiġi diviż f’diversi ksur distinti.

79      Fil-premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“ABB tat spjegazzjoni tal-prattiki deskritti li hija koerenti mal-fatti u mad-dokumenti tal-fajl, inklużi l-ftehim bil-miktub. Id-dikjarazzjonijiet li għamlu dawn l-impriżi, li jgħidu li kien hemm żewġ ksur suċċessivi, ma jaqblux b’mod sostanzjali fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-ewwel wieħed [ara l-premessa 290 iktar ’il quddiem]. Dawn id-dikjarazzjonijiet kontradittorji ma jaqblux ukoll mal-provi dokumentarji miksuba waqt l-ispezzjonijiet. Analiżi iktar fil-fond tiżvela li dawn id-dikjarazzjonijiet kontradittorji jikkorrispondu fil-fatt għal sempliċi affermazzjonijiet (li l-ebda waħda minnhom ma hija kontemporanja għall-fatti) li ma huma sostnuti mill-ebda prova kontemporanja għall-fatti jew mill-ebda prova determinanti li turi li l-akkordju dwar il-[proġetti ta’] SIG ġie fi tmiemu f’waħda mid-dati indikati. Dawn ma humiex provi fattwali, imma evalwazzjonijiet ta’ fatti ssuġġeriti mill-partijiet jew deduzzjonijiet ta’ xhieda inklużi f’dokumenti li nkitbu fuq it-talba ta’ avukati difensuri tal-kumpanniji kkonċernati minn din il-proċedura. Il-partijiet għandhom it-tendenza li jippreżentaw id-dati meta huma jikkunsidraw li l-akkordju ħadem b’mod inqas effikaċi bħad-dati meta qed jiġi allegat li l-akkordju de facto ġie fi tmiemu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

80      Fil-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi indikat ukoll dan li ġej:

“Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet [tal-kumpanniji tal-grupp] Areva, [ta’] Melco, [tal-kumpanniji tal-grupp] Hitachi [jew ta’] JAEPS u [ta’] Toshiba fir-rigward tal-affermazzjonijiet rispettivi tagħhom li jgħidu li l-akkordju ntemm għall-ewwel darba jew matul l-1997 ([il-kumpanniji tal-grupp] Areva [fit-talba tagħhom abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, ara l-punt 12 iktar ’il fuq]), jew f’Settembru 1999 (Melco [fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] u Toshiba [fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet]) jew matul l-1999 wara t-tluq ta’ Siemens ([il-kumpanniji tal-grupp] Hitachi [jew] JAEPS fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet]) jew saħansitra għall-ħabta ta’ Settembru 2000 ([FEH u FES fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet]). Fuq dan il-punt, id-dikjarazzjonijiet tagħhom ma humiex affidabbli, peress li jikkontradixxu ruħhom reċiprokament u kif diġà ġie indikat, jinsabu f’kontradizzjoni mal-provi li jinsabu fil-fajl. Melco, Toshiba, Fuji, ABB, Alstom, Reyrolle/VA Tech, u Magrini/Schneider (li sussegwentement saru VAS u għaldaqstant VA Tech), komplew jipparteċipaw f’laqgħat multilaterali fl-2000 u/jew fl-2001 (ara l-premessi 191 sa 198 [tad-deċiżjoni kkontestata]). Barra minn hekk, huma ambigwi u ma jwasslux għal wisq konklużjonijiet [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

81      Fil-premessi 191 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-provi, prodotti minn ABB jew mill-kumpanniji tal-grupp Fuji, li juru, fil-fehma tagħha, li l-akkordju kompla wara l-irtirar ta’ Siemens, f’Settembru 1999, segwita minn Hitachi u minn “Schneider-VA Tech” fl-2000, u qabel ir-ritorn gradwali tagħhom, minn Marzu 2002. Qabelxejn, il-Kummissjoni semmiet, fil-premessi 191 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti kkomunikati minn ABB fit-talba għal immunità tagħha (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), jiġifieri sensiela ta’ faksijiet skambjati, bejn it-18 ta’ Diċembru 2000 u t-22 ta’ Jannar 2001, bejn ABB, Melco u Alstom dwar laqgħat u allokazzjonijiet ta’ proġetti ta’ SIG. Sussegwentement, fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet dokument ikkomunikat minn ABB fit-talba għal immunità tagħha, li kien jinkludi lista ta’ “laqgħat tal-kumitat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li kienet tkopri parti mill-perijodu 2000-2001 u li kellha fuqha d-data tat-12 ta’ Mejju 2000. Hija osservat li minn din il-lista rriżulta li l-parteċipanti f’dawn il-laqgħat kienu Reyrolle, Alstom, Schneider, ABB, Melco u Toshiba, imma mhux Siemens u “JAEPS (Hitachi)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jaqbel mad-dikjarazzjoni ta’ ABB fit-tweġiba tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2004 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), “li tgħid li dawn l-aħħar żewġ kumpanniji ma kinux jagħmlu parti mill-akkordju f’dak il-mument partikolari [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Fl-aħħar nett, fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat għadd ta’ dokumenti, prodotti minn FEH u minn FES, fit-talba tagħhom abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, u minn ABB, f’suppliment, tas-7 ta’ Mejju 2004, għat-talba għal immunità tagħha (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), fejn kien hemm referenza għal ftehim konklużi bejn il-membri tal‑akkordju dwar tmien proġetti ta’ SIG li, fi ħdan l-akkordju, kellhom in-numri ta’ referenza [kunfidenzjali] (1), li juri li l-akkordju kien attiv matul dan il-perijodu.

82      Fil-premessi 372 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fl-akkordju wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000. Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, f’dan ir-rigward, dan li ġej:

“(372) Biex ir-responsabbiltà tkun imputata lill-entitajiet ġuridiċi adegwati fi ħdan [il-grupp] Fuji, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ perijodi: qabel u wara t-trasferiment tal-attivitajiet [fil-qasam] ta’ SIG [tal-grupp] Fuji lil JAEPS fl-1 ta’ Ottubru 2002.

(373) [FEH] u [FES] ipparteċipaw fl-aġir kollużiv deskritt f’din id-deċiżjoni għall-inqas mill-15 ta’ April 1988 (id-data meta Fuji ssieħbet fil-Ftehim GQ) sat-30 ta’ Settembru 2002 (l-attivitajiet [fil-qasam] ta’ SIG [tal-grupp] Fuji ġew ittrasferiti lil JAEPS fl-1 ta’ Ottubru 2002). [FEH] għandha 100 % mill-kapital ta’ [FES].

L-argumenti ta’ Fuji

(374) Fuji tammetti li pparteċipat fl-akkordju li ġie deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bejn l-1988 u Settembru 2000, imma mhux lil hinn minn hekk. Il-parteċipazzjoni fl-akkordju ta’ Fuji ġiet fi tmiemha ‘mhux iktar tard minn jew għall-ħabta ta’ Settembru 2000. Fuji qatt ma ħadet sehem fil-pjan il-ġdid’ għaliex Fuji ma pparteċipatx sussegwentement fil-laqgħat konġunti mal-fornituri Ewropej u hija lanqas ma kompliet tiskambja l-informazzjoni.

(375) Fuji ssostni li, anki jekk ċerti proġetti ta’ ftehim ipprovduti minn[ha] (ara l-premessa 198) ‘huma, skont id-diċitura tagħhom, validi lil hinn minn dik id-data (Settembru 2000), Fuji ma setgħetx taġixxi fuq il-bażi tagħhom wara Settembru 2000, peress li d-‛dati ta’ skadenza tas-sejħiet għal offerti [kollha] kienu skadew diversi xhur qabel’. Barra minn hekk, Fuji kienet fehmet li l-ftehim preċedenti meta pparagunati mal-Ftehim GQ ma kinux iktar vinkolanti bejn il-membri tal-akkordju; Fuji ma ħadet l-ebda waħda mis-sejħiet għal offerti elenkati u b’hekk ma kisbet l-ebda benefiċċju mill-arranġamenti.’

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni

(376) Billi Fuji ma kinitx membru tal-kumitat ‘Ewropa/Ġappun’, preżumibbilment ma kinitx tiltaqa’ mal-manifatturi Ewropej la fuq il-livell maniġerjali u lanqas fuq il-livell tal-gruppi ta’ ħidma, imma biss waqt il-laqgħat annwali. Barra minn hekk, il-laqgħat annwali ma kinux essenzjali għall-implementazzjoni prattika tal-akkordju, kif ikkonfermat b’mod impliċitu Fuji meta rrikonoxxiet li hija pparteċipat ukoll fl-akkordju fl-2000 (sena li matulha ma saret l-ebda laqgħa annwali).

(377) Id-dikjarazzjoni ta’ Fuji li tgħid li hija rtirat mill-akkordju għall-ħabta ta’ Settembru 2000 ma ġiet ikkonfermata mill-ebda waħda mill-partijiet l-oħra kkonċernati mill-proċedura, anki jekk huma ngħataw din l-informazzjoni sabiex jikkummentaw dwarha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Fuji ma hijiex ċara wisq, sa fejn hija xi drabi tallega li dan l-irtirar mill-akkordju seħħ ‘fi jew għall-ħabta ta’ Settembru 2000’ u bnadi oħra fl-istess dokument ‘mhux iktar tard minn Settembru 2000’. Fuji ddikjarat ukoll li ‘l-aħħar skeda tal-arranġament li rċieva [Oz.] kienet iġġib id-data tat-28 ta’ Settembru 2000’ u li ‘Fuji ma komplietx tikkomunika mal-akkordju tal-Ftehim GQ wara dik id-data’. Dan ifisser li Fuji allegatament ressqet offerta ‘irranġata’ lil klijent biex toħloq l-impressjoni ta’ ċerta kompetizzjoni madwar il-proġett, imma hija ma pproduċiet l-ebda prova li turi li hija abbandunat il-proġett jew ressqet offerta f’kundizzjonijiet kompetittivi. Barra minn hekk, skont [I. H.], Fuji abbandunat l-akkordju ‘ftit wara Siemens’, imma ġie stabbilit inċidentalment li Siemens irtirat f’Settembru 1999. Din id-dikjarazzjoni lanqas ma ġiet ikkonfermata minn xi indikazzjoni jew prova tal-fajl li permezz tagħha jista’ jiġi affermat li f’Settembru 2000 hija ddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-akkordju.

(378) Fl-aħħar nett, anki li kieku l-Kummissjoni kellha tammetti n-nuqqas ta’ kull skambju ġdid tal-akkordju ma’ Fuji sakemm inħolqot JAEPS, hija għandha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li Fuji ma setgħetx ma kinitx taf bl-informazzjoni li diġà kienet ġiet skambjata fl-attivitajiet kummerċjali tagħha u li l-arranġamenti li diġà kienu ġew konklużi kienu għadhom fis-seħħ. Skont il-provi inklużi fil-fajl, u b’mod partikolari l-informazzjoni mogħtija minn Fuji, din kienet parti għal ċerti arranġamenti indikati fil-premessa 198, li baqgħu validi wara Settembru 2000 u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom kien issanzjonat. Minkejja li l-Kummissjoni tat lil Fuji l-possibbiltà li tikkummenta u tipproduċi provi supplimentari biex tikkontesta dawn il-konklużjonijiet, Fuji ma pproduċiet l-ebda prova li turi li hija rtirat mill-arranġamenti, li hija kienet effettivament ikkontestathom, jew li hija ma osservathomx. Bil-kontra ta’ dan, il-fatt li d-‘dati ta’ skadenza tas-sejħiet għal offerti [kollha] kienu skadew diversi xhur qabel’, kif issostni Fuji, ikompli jsaħħaħ il-konklużjoni li l-arranġamenti diġà kienu ġew adottati u diġà kienu daħlu fis-seħħ. Barra minn hekk, il-fatt li Fuji fl-aħħar mill-aħħar ma ħadet l-ebda offerta (element li tqajjem ukoll bla ma kien sostnut minn provi) ma jaffettwax il-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. L-ewwel nett, għaliex Fuji pparteċipat fl-arranġamenti kollha elenkati, imma ma kinitx l-organizzatrici u lanqas, neċessarjament, il-benefiċjarja tagħhom. Il-fatt li hija ssemmiet fil-lista jfisser li hija kellha tressaq l-offerti, imma mhux bilfors li hija kellha tkun il-kandidata magħżula. It-tieni nett, għaliex anki li kieku hija kienet il-kandidat magħżul mill-membri tal-akkordju (xi ħaġa li Fuji la sostniet u lanqas ma pprovat), xorta ma kienx ikun kompletament iggarantit li fl-aħħar mill-aħħar kienet se tieħu l-offerta peress li offerenti oħra li ma kinux parti għall-akkordju seta’ jkollhom suċċess iktar minnha.

(379) Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi 334 u 373, [FEH] u [FES] għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ Fuji fil-ksur bejn il-15 ta’ April 1988 u t-30 ta’ Settembru 2002. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

–       Fuq ir-regoli applikabbli għall-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għall-prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ksur

83      Sa fejn il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni tat-tqassim, bejniethom, tal-oneru tal-prova, u b’mod iktar ġenerali, dwar il-kwistjoni tal-osservanza jew tan-nuqqas ta’ osservanza, f’dan il-każ, tar-regoli applikabbli għall-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għall-prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ksur, qabelxejn, għandu jitfakkar id-dritt applikabbli f’dan il-qasam.

84      Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-oneru tal-prova, minn naħa, hija l-parti jew l-awtorità li tallega ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi prova li tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fatti li jikkostitwixxu ksur u, min-naħa l-oħra, hija l-impriża li tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni huma sodisfatti, b’tali mod li l-imsemmija awtorità għaldaqstant ikollha tirrikorri għal provi oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 78). Barra minn hekk, it-tul tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li l-oneru tal-prova tiegħu huwa, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

85      Dan it-tqassim tal-oneru tal-prova madankollu jista’ jvarja sa fejn il-punti ta’ fatt li waħda mill-partijiet tinvoka jistgħu jkunu tali li jobbligaw lill-parti l-oħra sabiex tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema jista jiġi konkluż li l-prova tkun ġiet prodotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 79, u s-sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 53).

86      Fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-kompetizzjoni huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 63; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II-2501, punt 273). Billi l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa effettivament komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehim iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar ta’ spiss f’pajjiżi terzi, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn normalment ikunu frammentarji u skarsi, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li ċerti dettalji jiġu kkostitwiti mill-ġdid permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indikazzjonijiet li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57). Tali indikazzjonijiet u koinċidenzi jippermettu li tiġi żvelata mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwat u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I-8831, punt 166).

87      Ikun xi jkun il-każ, jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II-2707, punti 43 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata; JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 179, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II-4407, punt 217). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (sentenzi JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 180, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 218; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza “PVC II”, punt 57 iktar ’il fuq, punti 768 sa 778 u, b’mod partikolari, punt 777). Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (sentenza Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 169; sentenzi Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 51).

88      Fir-rigward tal-valur probatorju li għandu jingħata lid-diversi provi, għandu jiġi enfasizzat li l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi liberament prodotti huwa l-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 63; ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II-2223, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 273). Skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà, u għalhekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1053; konklużjonijiet tal-Imħallef B. Vesterdorf li aġixxa bħala Avukat Ġenerali fil-kawża tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône‑Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, II‑869, II‑956). B’mod partikolari, għandha tingħata importanza kbira lill-fatt li dokument ġie redatt b’rabta mill-qrib mal-fatti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 312), jew permezz ta’ xhud dirett ta’ dawn il-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 207). Id-dokumenti li minnhom jirriżulta li kien hemm xi kuntatti bejn diversi impriżi u li dawn kellhom eżattament l-għan li jeliminaw minn qabel l-inċertezza relatata mal-aġir futur tal-kompetituri tagħhom juru, kif titlob il-liġi, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 175 u 179). Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 207, 211 u 212).

89      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li r-rwol tal-qorti li jkollha quddiemha rikors għal annullament, imressqa abbażi tal-Artikolu 230 KE (li sar l-Artikolu 263 TFUE) ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji tagħha, jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-provi u l-elementi l-oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur (sentenza JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 174 u 175; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza “PVC II”, punt 57 iktar ’il fuq, punt 891). F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lid-destinatarja tad-deċiżjoni, b’tali mod li l-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni jekk il-qorti jkun għad fadlilha dubju dwar din il-kwistjoni (sentenzi JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 177, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 215). Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”), li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk ikkonfermata mill-preambolu għall-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p 1), huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet li huma marbuta miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176; sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 216).

90      L-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-provi miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur u l-unika kwistjoni rilevanti għalhekk hija dik li jsir magħruf, fuq il-mertu, jekk il-prova tal-ksur ġietx prodotta jew le fid-dawl ta’ dawn il-provi (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 726).

91      Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont dak l-artikolu.

92      Huwa fid-dawl tar-regoli esposti fil-punti 84 sa 91 iktar ’il fuq li għandu jiġi vverifikat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmietx elementi suffiċjentement kredibbli, preċiżi u konsistenti biex ikollha, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali u wara eżami tal-ispjegazzjonijiet jew tal-ġustifikazzjonijiet alternattivi mogħtija mir-rikorrenti, il-konvinzjoni ferma li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kompla, bil-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata, matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, li għalih FEH setgħet tinżamm personalment responsabbli minħabba li kienet hija li kienet qed tmexxi lil din l-impriża fil-mument ta’ meta twettaq il-ksur.

–       Fuq l-analiżi tal-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata

93      Qabelxejn, għandhom jitfakkru l-punti ta’ fatt essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kompla, bil-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata, matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002.

94      Fil-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx qed tikkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES, tal-kumpanniji tal‑grupp Areva, ta’ Melco, tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew ta’ JAEPS u ta’ Toshiba, li jgħidu li l-akkordju ntemm għall-ewwel darba jew matul l-1997, jew f’Settembru 1999 jew matul l-1999, wara l-irtirar ta’ Siemens, jew anki għall-ħabta ta’ Settembru 2000, minħabba li dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux affidabbli jew inkella kienu ambigwi u ma jwasslux għal wisq konklużjonijiet, għaliex huma kienu reċiprokament kontradittorji u kienu jinsabu f’kontradizzjoni mal-provi li jinsabu fl-atti (ara l-punt 80 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni rreferiet, f’din l-istess premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 191 sa 198, għall-fatt li l-ewwel impriża kkonċernata kif ukoll impriżi oħra kienu komplew jipparteċipaw f’laqgħat multilaterali fl-2000 u/jew fl-2001. L-elementi li fuqhom qed tibbaża ruħha l-Kummissjoni sabiex turi li l-akkordju baqa’ jiffunzjona – bil-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata – wara l-irtirar ta’ “Schneider-VA Tech”, fit-13 ta’ Diċembru 2000, huma dawk imsemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq.

95      Qabelxejn, fir-rigward tal-faksijiet li kienu skambjati minn ċerti membri tal-akkordju bejn it-18 ta’ Diċembru 2000 u t-22 ta’ Jannar 2001, li kienu jirrigwardaw il-laqgħat u l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG, għandu jiġi osservat li, kif tammetti l-Kummissjoni, l-impriżi kkonċernati minn dawn l-iskambji huma biss Alstom (sussegwentement Areva), Melco u ABB. B’hekk, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, minkejja li dan l-iskambju, li jmur lura għaż-żmien meta seħħew il-fatti, juri b’mod kredibbli u preċiż l-attivitajiet tal-akkordju għall-ħabta ta’ Diċembru 2000 u ta’ Jannar 2001, min-naħa l-oħra, huwa ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni fis-sens li l-ewwel impriża kkonċernata kienet, hija nnifisha, pparteċipat fih.

96      It-tieni nett, fir-rigward tal-lista tat-12 ta’ Mejju 2000, din tirreferi tabilħaqq għal 13-il “laqgħa tal-kumitat” skedati bejn it-18 ta’ Mejju 2000 u s-17 ta’ Mejju 2001. L-għan antikompetittiv ta’ dawn il-“laqgħat tal-kumitat” jista’ jiġi dedott mill-fatt li l-lista tindika lil kull impriża kkonċernata permezz ta’ kodiċi li kien tagħha fil-kuntest tal-akkordju, kif ġie riprodott fil-premessi 142 u 197 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif, u dan ġie kkonfermat minn diversi membri tal-akkordju, ċerti laqgħat tal-korpi deċiżjonali – il-kumitat konġunt Ewropa/Ġappun u l-kumitat Ewropa – li kienu jipparteċipaw fil-funzjonament operattiv tal-akkordju kienu ppjanati, kif jirriżulta wkoll mill-premessi 150 u 151 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, peress li ż-żamma effettiva ta’ sitta minn dawn il-laqgħat tal-kumitat ġiet ikkonfermata minn ċerti membri tal-akkordju jew ġiet ikkorroborata minn elementi oħra tal-fajl, bħan-noti tal-ispejjeż tal-ivjaġġar jew annotazzjonijiet fi djarji personali, l-attivitajiet tal-akkordju matul il-perijodu mit-18 ta’ Mejju 2000 sat-18 ta’ Jannar 2001 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li seħħew. Madankollu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, l-impriżi li pparteċipaw f’dawn il-laqgħat kienu biss Reyrolle, Alstom, Schneider, ABB, Melco u Toshiba. Minn dan isegwi li, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, minkejja li din il-lista turi b’mod kredibbli u preċiż l-attivitajiet tal-akkordju ta’ bejn it-18 ta’ Mejju 2000 u s-17 ta’ Mejju 2001, min-naħa l-oħra, hija ma tagħti l-ebda indikazzjoni fis-sens li l-ewwel impriża kkonċernata nnifisha kienet ipparteċipat fih.

97      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokumenti relatati ma’ fatti li kienu kontemporanji għar-redazzjoni tagħhom, dwar tmien proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali], dawn jirreferu għal ftehim konklużi bejn il-membri tal-akkordju sabiex ikunu allokati l-proġetti ta’ SIG iċċitati iktar ’il fuq, u li t-termini ta’ validità tagħhom kienu varjabbli. B’hekk, dawn id-dokumenti jindikaw li l-ewwel impriża kkonċernata pparteċipat, flimkien ma’ membri oħra tal-akkordju, f’arranġamenti sabiex ikunu allokati t-tmien proġetti ta’ SIG, li kienu organizzati minn impriżi oħra parteċipanti fl-akkordju, li ġew konklużi jew li daħlu fis-seħħ bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], u li kienu validi bejn wieħed u ieħor matul [kunfidenzjali] mid-data ta’ meta ġew konklużi, jiġifieri għall-aħħar proġett bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], sa [kunfidenzjali].

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, biex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Ottubru 1991, Petrofina vs Il‑Kummissjoni, T‑2/89, Ġabra p. II‑1087, punt 211, u tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑13/89, Ġabra p. II‑1021, punt 253; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112). Barra minn hekk, l-Artikolu 81 KE huwa applikabbli meta l-effetti ta’ akkordju jkunu baqgħu fis-seħħ, mingħajr ma jkun formalment intemm dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 254, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, T‑48/98, Ġabra p. II‑3859, punt 63). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

99      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kkontestatx li FEH kienet ikkonkludiet, skont ir-regoli tal-akkordju, ftehim għall-allokazzjoni, fi ħdan l-akkordju, ta’ tmien proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, hija ma kkontestatx li, fid-dawl ta’ dak li kien hemm stipulat fihom, dawn il-ftehim kienu intiżi sabiex jipproduċu l-effetti tagħhom bejn [kunfidenzjali], id-data meta daħal fis-seħħ il-ftehim dwar il-proġett bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], u [kunfidenzjali], id-data meta ġiet fi tmiemha l-validità tal-ftehim dwar il-proġett bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali].

100    Barra minn hekk, l-ebda element tal-fajl ma jippermetti li jiġi kkonstatat li l-ewwel impriża kkonċernata ddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-akkordju u mill-ftehim li ġew konklużi fil-kuntest tiegħu. Issa, impriża li ma tiddiżassoċjax ruħha pubblikament mir-riżultati ta’ laqgħa li tkun attendiet għaliha jew minn ftehim li tkun parti għalih, bħala prinċipju, tibqa’ kompletament responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, filwaqt li l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 278 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li l-ewwel impriża kkonċernata ma osservatx il-ftehim kollha li ġew konklużi fil-kuntest tal-akkordju, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed, fin-nuqqas ta’ prova ta’ diżassoċjazzjoni pubblika min-naħa tagħha fir-rigward tal-membri l-oħra tal-akkordju, biex jeżoneraha mir-responsabbiltà li inkorriet minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-ftehim u, permezz ta’ dawn tal-aħħar, fil-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

101    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-faksijiet skambjati minn ċerti membri tal-akkordju bejn it-18 ta’ Diċembru 2000 u t-22 ta’ Jannar 2001, il-lista tal-“laqgħat tal-kumitat” tat-12 ta’ Mejju 2000 kif ukoll id-dokumenti relatati ma tmien proġetti ta’ SIG, imsemmija fil-premessi 191 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għalihom il-premessa 290 tagħha, juru b’mod kredibbli, preċiż u konsistenti li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata baqa’ fis-seħħ matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tul partikolarment twil tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza tiegħu għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sa Settembru 2000, u fid-dawl tal-miżuri ta’ prekawzjoni kumplessi li ħadu l-membri tal-akkordju sabiex jgħattu jew jaħbu l-eżistenza tiegħu, kif imsemmija fil-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi huma relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq, b’mod li jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament matul l-imsemmi perijodu.

102    Barra minn hekk, il-provi li fuqhom hija bbażata f’dan ir-rigward id-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjentement kredibbli, preċiżi u konsistenti. Dawn ma setgħux jiġu invalidati mid-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES, fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2006 u fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punti 19 u 27 iktar ’il fuq), kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ Melco, tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew ta’ JAEPS u tal-grupp VA Tech, fit-talbiet tagħhom abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni (ara l-punti 13, 14 u 16 iktar ’il fuq), li jgħidu li l-akkordju kien diġà ġie fi tmiemu, għall-ewwel darba, qabel il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002. Fil-fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet, li jgħidu li l-akkordju ġie fi tmiemu qabel, ma humiex sostnuti minn provi kredibbli u preċiżi. Iktar minn hekk, l-imsemmija dikjarazzjonijiet huma kontradittorji, billi l-awturi tagħhom jallegaw li l-akkordju ġie fi tmiemu jew matul l-1997 (Melco), jew matul l-1999 (il-kumpanniji tal-gruppp Hitachi jew JAEPS u l-grupp VA Tech), jew anki “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000 (FEH u FES). Għalhekk, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-premessi 284, 285 u 290 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jippermettux li provi dokumentarji relatati ma’ fatti kontemporanji għar-redazzjoni tagħhom u prodotti mill-istess impriżi li pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, minn fejn jirriżulta li l-imsemmi ksur kompla matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, jitqiegħdu f’dubju.

103    Għalkemm huwa ċertament minnu li r-rikorrenti ssostni li għandu jiġi rikonoxxut li d-dikjarazzjonijiet inklużi fl-ittra ta’ FEH u ta’ FES lill-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2006 u fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom valur probatorju jew kredibbiltà partikolari minħabba n-natura “awtoinkriminanti” tagħhom (ara l-punt 88 iktar ’il fuq u l-punt 107 iktar ’l isfel). Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet, fejn FEH u FES jispjegaw li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet milli tipparteċipa fl-akkordju wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jmorru kontra l-interessi tagħhom. Fil-fatt, l-imsemmija dikjarazzjonijiet iktar għandhom it-tendenza li jimminimizzaw l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur u, għaldaqstant, li jillimitaw ir-responsabbiltà personali li inkorriet FEH minħabba t-tmexxija tagħha ta’ din l-impriża fil-mument meta twettaq il-ksur. Konsegwentement, tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jinvalidaw il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

104    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun li tilmenta li l-Kummissjoni injorat il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet inklużi fl-ittra ta’ FEH u ta’ FES lill-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2006 u fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tikkonkludi li l-ewwel impriża kkonċernata kienet ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, li għalih FEH setgħet tinżamm personalment responsabbli minħabba li kienet hija li kienet qed tmexxi lil din l-impriża fil-mument ta’ meta twettaq il-ksur.

105    Barra minn hekk, id-dokumenti relatati mal-ftehim li ġew konklużi fil-kuntest tal-akkordju, li jissemmew fil-premessi 191 u 198 tad-deċiżjoni kkontestata, isostnu b’mod kredibbli u preċiż l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, sa fejn f’dawn id-dokumenti huwa indikat li “Fuji” kienet parti għal ftehim, li ġew konklużi fil-kuntest tal-akkordju, li kienu intiżi biex jipproduċu l-effetti tagħhom bejn is-27 ta’ Awwissu 1998 u t-28 ta’ Ottubru 2001.

106    B’hekk għad irid jiġi vverifikat jekk l-ispjegazzjonijiet jew il-ġustifikazzjonijiet alternattivi mogħtija mir-rikorrenti jistgħux jinvalidaw il-provi kredibbli u preċiżi li fuqhom hija msejsa d-deċiżjoni kkontestata. Fin-nuqqas ta’ dan, ikun jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni pproduċiet il-prova, kif kellha tagħmel, tal-fatt li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 79, u s-sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 63 u 71), li għalih FEH setgħet tinżamm personalment responsabbli minħabba li kienet hija li kienet qed tmexxi lil din l-impriża fil-mument ta’ meta twettaq il-ksur.

–       Fuq l-analiżi tal-provi alternattivi prodotti mir-rikorrenti

107    Qabelxejn, ir-rikorrenti qed tilmenta li l-Kummissjoni injorat ċerti argumenti jew punti ta’ fatt li kienu jikkonfermaw il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet inklużi fit-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jgħidu li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet tipparteċipa fl-akkordju “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000. L-ewwel nett, hija ssostni li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet tipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju minn Settembru 2000, filwaqt li qabel hija kienet tattendi għal-laqgħat tal-membri Ġappuniżi, li kienu jsiru qabel il-laqgħat tal-membri tal-kumitat Ewropa u tal-kumitat Ġappun, skont il-Ftehim GQ. It-tieni nett, hija ssostni li d-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES huma sostnuti minn ċerti dikjarazzjonijiet ta’ ABB, ta’ Melco, tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew ta’ JAEPS u tal-grupp VA Tech. It-tielet nett, hija tinvoka l-fatt li l-ewwel impriża kkonċernata ma ssemmietx f’dokumenti sussegwenti għal Settembru 2000. Ir-raba’ nett, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra n-natura “awtoinkriminanti” tad-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES, li jgħidu li l-ksur u l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata f’dan il-ksur waqfu f’Settembru 2000. Il-ħames nett, hija tosserva li d-dokumenti dwar iż-żewġ proċeduri ta’ sejħa għal offerti fi [kunfidenzjali], li ġew redatti fi [kunfidenzjali] u fi [kunfidenzjali], li FEH u FES ipproduċew mehmuża mar-rikors u bi tweġiba għall-mistoqsijiet u għat-talba biex jiġu prodotti dokumenti min-naħa tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), juru li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet milli tikkonforma ruħha mal-arranġamenti li kienu konklużi fi ħdan l-akkordju, u, fl-aħħar mill-aħħar, waqfet tipparteċipa fl-attivitajiet ta’ dan tal-aħħar, wara Settembru 2000, peress li fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, hija baxxiet ferm il-prezzijiet tagħha meta pparagunati mal-“livelli ta’ prezzijiet” iffissati fl-arranġamenti li ġew konklużi fi ħdan l-akkordju. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li, fir-rigward tal-proġett ta’ SIG għas-suq [kunfidenzjali], fi [kunfidenzjali], l-istimi tal-prezzijiet ippreżentati mill-ewwel impriża kkonċernata lill-imsieħba tagħha kienu bejn [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] % iktar baxxi mil-“livell ta’ prezzijiet” iffissat fil-iskeda tal-arranġamenti u li, fir-rigward taż-żewġ proġetti ta’ SIG għall-kuntratt ta’ [kunfidenzjali], fi [kunfidenzjali], il-prezz mitlub lill-imsieħba tagħha kien [kunfidenzjali] % iktar baxx mil-“livell ta’ prezzijiet” iffissat fl-iskeda tal-arranġament.

108    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi li ġew prodotti lilha u li kisret id-dritt għal smigħ xieraq, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u l-prinċipju in dubio pro reo, meta ċaħdet id-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES li l-ewwel impriża kkonċernata kienet waqfet tipparteċipa fil-ksur “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000, minħabba li fihom ma ġietx indikata b’mod ċar id-data meta din l-impriża rtirat mill-akkordju u li l-imsemmija impriża ma ddiżassoċjatx ruħha pubblikament minn dan l-akkordju.

109    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li, biex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ ABB, fit-tweġiba tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2004 għal talba għal informazzjoni (ara l-punti 15 u 81 iktar ’il fuq), li tgħid li “[m]atul il-perijodu meta Siemens u Hitachi ma kinux jagħmlu parti mill-akkordju, l-akkordju dwar [il-proġetti ta’] SIG kompla jeżisti bi […] ABB, Alstom, Areva, VA Tech, Schneider […], [Melco], Toshiba u Fuji”. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk, kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni setgħetx issostni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002.

110    Fir-rigward tal-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li, kif ġustament issostni din tal-aħħar, l-ebda wieħed mill-elementi insostenn tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-ewwel impriża kkonċernata ħadet sehem f’laqgħa tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u, b’mod partikolari, f’laqgħa tal-membri Ġappuniżi matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002. Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed biex jinvalida l-provi, kredibbli u preċiżi, li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur matul dan il-perijodu tal-aħħar.

111    Il-fatt li mil-lista tal-“laqgħat tal-kumitat” tat-12 ta’ Mejju 2000 (ara l-punt 96 iktar ’il fuq) ma jirriżultax li l-ewwel impriża kkonċernata pparteċipat jew kellha tattendi għal dawn il-laqgħat ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-imsemmija lista tirrigwarda biss laqgħat tal-kumitat konġunt Ewropa/Ġappun u l-laqgħat preparatorji tal-kumitat Ewropa relatati magħhom. Issa, mill-premessi 150, 151, u 376 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll min-nota ta’ qiegħ il-paġna 320, taħt il-premessa 255 tagħha, jirriżulta li l-ewwel impriża kkonċernata la kienet membru tal-kumitat Ġappun u, għaldaqstant, lanqas tal-kumitat konġunt Ewropa/Ġappun. Hija la kienet tieħu sehem direttament fil-laqgħat ta’ ħidma u lanqas fil-laqgħat hekk imsejħa “maniġerjali”, dwar il-ġestjoni tal-akkordju, li kienu jlaqqgħu flimkien lill-impriżi Ġappuniżi u Ewropej.

112    Fir-rigward tal-fatt li la mill-faksijiet skambjati minn ċerti membri tal-akkordju bejn it-18 ta’ Diċembru 2000 u t-22 ta’ Jannar 2001 u lanqas mil-lista tal-“laqgħat tal-kumitat” tat-12 ta’ Mejju 2000 ma jirriżulta li l-ewwel impriża kkonċernata kienet parti, matul Diċembru 2000 u Jannar 2001, għal-laqgħat u għad-dikussjonijiet tal-akkordju u, b’mod partikolari, għal dawk li kienu jirrigwardaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG imsemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq, dan ma jippermettix li jiġi stabbilit li din l-impriża waqfet tipparteċipa fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002. Fil-fatt, mill-provi dokumentarji msemmija fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul dan il-perijodu tal-aħħar, l-ewwel impriża kkonċernata kienet parti fl-applikazzjoni tal-ftehim konklużi bejn il-membri tal-akkordju dwar tmien proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali], li abbażi tagħhom hija kellha, taħt piena li tiġi suġġetta għas-sanzjonijiet tas-soltu, tipproteġi l-offerti magħmula minn impriżi oħra, membri tal-akkordju, u fl-aħħar nett, l-allokazzjoni stess tal-proġetti ta’ SIG ikkonċernati lil dawn l-impriżi u dan għal matul it-terminu ta’ validità kollu ta’ dawn l-arranġamenti. Fid-dawl tat-tul ta’ validità ta’ dawn il-ftehim, hekk kif stipulat fihom (ara l-punti 99 u 105 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma għandhiex raġun li ssostni li l-imsemmija arranġamenti saru nulli u mingħajr effett minn Jannar 2000, meta skadew is-sejħiet għal offerti tal-proġetti ta’ SIG li kienu jikkorrispondu għal dawn il-ftehim, kif ingħad f’dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), wara li rċeviet skeda ta’ arranġament fit-28 ta’ Settembru 2000, l-ewwel impriża kkonċernata kellha tressaq offerta “irranġata” lil klijent sabiex toħloq l-impressjoni li kien hemm ċertu kompetizzjoni madwar il-proġett ta’ SIG ikkonċernat.

113    It-tieni nett, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma huwiex stabbilit li l-ewwel impriża kkonċernata rrinunzjat għall-applikazzjoni tal-arranġamenti dwar it-tmien proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali], matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, u li hija ma ħadet l-ebda azzjoni abbażi tal-iskeda ta’ arranġament li rċeviet fit-28 ta’ Settembru 2000, kif jirriżulta mit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minħabba li dawn saru nulli u mingħajr effett wara li waqfet milli tipparteċipa fl-akkordju, wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000.

114    Ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES huma kkonfermati, f’dan ir-rigward, mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, fit-tweġiba supplimentari tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), u dawk ta’ Melco, fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

115    Qabelxejn, fir-rigward, tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB inklużi fit-tweġiba supplimentari tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet milli tipparteċipa fl-akkordju u li tagħti effett lill-arranġamenti konklużi fil-kuntest ta’ dak l-akkordju “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000. Ċertament, dawn id-dikjarazzjonijiet jikkonfermaw li ABB, Alstom, Melco u Toshiba kkomunikaw pubblikament lill-membri l-oħra tal-akkordju, waqt laqgħa li saret f’Settembru jew f’Ottubru 2000, l-intenzjoni tagħhom li jtemmu l-attivitajiet tal-akkordju. Barra minn hekk, l-ewwel impriża kkonċernata ma ssemmietx fost l-impriżi li kienu jipparteċipaw fl-akkordju meta saret din id-dikjarazzjoni. Madankollu, huwa indikat li l-informazzjoni li tgħid li l-attivitajiet tal-akkordju kellhom jintemmu kienet falza u li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fi ħdan l-akkordju kellha bħala l-uniku għan tagħha li jinkiseb il-waqfien tal-parteċipazzjoni ta’ “Schneider-VA Tech” fl-imsemmija attivitajiet. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat li l-membri tal-akkordju reġgħu ltaqgħu darba jew darbtejn qabel ma ġiet organizzata l-laqgħa li apparentement ġabet fi tmiemhom l-attivitajiet tal-akkordju, f’Diċembru 2000. Barra minn hekk, ġie osservat, minn naħa, li l-membri tal-akkordju preżenti waqt din l-aħħar laqgħa kienu “ABB, Alstom, Schneider/VA Tech, Melco u Toshiba” u, min-naħa l-oħra, li Hitachi u Siemens ma kinux preżenti, għaliex lanqas huma ma kienu qed jipparteċipaw, f’dik id-data, fl-attivitajiet tal-akkordju. Dawn id-dikjarazzjonijiet b’hekk ma jikkonferixxu l-ebda kredibbiltà partikolari lid-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES, li jgħidu li l-ewwel impriża kkonċernata setgħet leġittimament temmen li l-akkordju ntemm “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000 u, b’hekk, waqfet tipparteċipa fih u, b’mod partikolari, li tagħti effett lill-arranġamenti konklużi fil-kuntest ta’ dak l-akkordju. L-ewwel nett, minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-informazzjoni falza kkomunikata minn ABB, minn Alstom, minn Melco u minn Toshiba ma kinitx intiża sabiex jinkiseb l-irtirar tal-ewwel impriża kkonċernata mill-akkordju. Għaldaqstant, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, ma tantx huwa kredibbli li din il-manuvra setgħet twassal għal riżultat mhux mixtieq mill-awturi tagħha mingħajr ma dawn jirreaġixxu. It-tieni nett, minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-laqgħa li apparentement ġabet fi tmiemhom l-attivitajiet tal-akkordju saret biss f’Diċembru 2000, b’tali mod li l-manuvra eżegwita minn ABB, minn Alstom, minn Melco u minn Toshiba ma hijiex tali li tispjega li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet, minn jedda, tipparteċipa fl-akkordju minn Settembru 2000. It-tielet nett, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ma jsemmux lil “Fuji” fost l-impriżi li kienu jipparteċipaw fl-akkordju meta ġiet eżegwita l-manuvra msemmija iktar ’il fuq ma huwiex partikolarment probatorju peress li, minn naħa, din il-manuvra ġiet eżegwita fi ħdan il-kumitat konġunt Ewropa/Ġappun, li l-ewwel impriża kkonċernata ma kinitx tagħmel parti minnu u li, min-naħa l-oħra, “Fuji” lanqas ma tissemma fost l-impriżi li ma kinux jagħmlu parti mill-akkordju fiż-żmien meta ġiet eżegwita l-imsemmija manuvra. Kien x’kien il-każ, il-fatt li l-ewwel impriża kkonċernata ma pparteċipatx fil-laqgħat jew fid-diskussjonijiet il-ġodda li saru fi ħdan l-akkordju, matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, ma jimplikax li hija waqfet milli tagħti effett lill-arranġamenti li kienu ġew konklużi fil-kuntest tal-akkordju u, għaldaqstant, li hija ma kinitx parti għall-akkordju matul dan il-perijodu. Minn dan isegwi li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB fit-tweġiba supplimentari tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma jinvalidawx il-provi dokumentarji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li minnha jirriżulta li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002.

116    Bl-istess mod, il-fatt li, fid-dikjarazzjoni tagħha abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, Melco ma ssemmix lil “Fuji” fost l-impriżi li komplew ikollhom diskussjonijiet limitati fil-kuntest tal-akkordju, bejn il-mument meta Siemens u Hitachi interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom u l-mument meta Siemens reġgħet bdiet tipparteċipa, ma huwiex determinanti mill-perspettiva tal-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur, matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, peress li Melco lanqas ma ssemmi li l-ewwel impriża kkonċernata rtirat mill-akkordju wara li Siemens interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, f’Settembru 1999, u qabel ma din tal-aħħar reġgħet bdiet tipparteċipa fl-imsemmi ksur, f’Lulju 2002, u li, għaldaqstant, din l-impriża waqfet taġixxi b’mod konformi mal-arranġamenti li kienu konklużi fil-kuntest tal-akkordju.

117    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ġusta tad-dikjarazzjonijiet inklużi fit-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jgħidu li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet tipparteċipa fl-akkordju wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000, billi kkunsidrat li dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux partikolarment affidabbli u li, għaldaqstant, l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma kinux tali li jinvalidaw il-provi dokumentarji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002.

118    L-ewwel nett, għar-raġunijiet esposti fil-punt 103 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet inklużi fit-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sa fejn jispjegaw li l-impriża kkonċernata waqfet tipparteċipa fl-akkordju wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000, huma kuntrarji għall-interessi tad-dikjaranti, f’dan il-każ ta’ FEH, u li għaldaqstant dawn id-dikjarazzjonijiet misshom ġew ikkunsidrati bħala partikolarment affidabbli.

119    It-tieni nett, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ġusta tad-dikjarazzjonijiet inklużi fit-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, meta kkonstatat li l-affidabbiltà tagħhom kienet affettwata minn ċerti inkoerenzi, b’mod partikolari fir-rigward tad-data meta l-ewwel impriża kkonċernata waqfet tipparteċipa fil-ksur. FEH u FES, kemm fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2006 (ara l-punti 19 u 27 iktar ’il fuq), u wieħed mill-impjegati tal-grupp Fuji, jiġifieri Oz., f’dikjarazzjoni mehmuża mat-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, affermaw li l-ewwel impriża kkonċernata kienet waqfet tipparteċipa fl-akkordju wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li kienet inżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000, filwaqt li impjegat ieħor tal-grupp Fuji, I. H., f’dikjarazzjoni mehmuża mal-istess tweġiba, spjega li l-laqgħat bejn il-membri Ġappuniżi kienu waqfu ftit taż-żmien wara l-irtirar ta’ Siemens, fl-1999. Fin-noti tagħhom, FEH u FES ammettew ukoll li d-dikjarazzjoni ta’ I. H. dwar l-eventwali parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur, wara l-1999, kellha tintlaqa’ b’ċerta kawtela sa fejn, f’dak iż-żmien, I. H. kien waqaf jirrappreżentaha waqt il-laqgħat tal-membri Ġappuniżi u, għaldaqstant, huwa ma baqax xhud dirett tal-fatti.

120    It-tielet nett, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni (ara l-punti 115 u 116 iktar ’il fuq), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ebda waħda mill-partijiet l-oħra kkonċernati mill-proċedura, li lilhom ġew trażmessi d-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES biex jikkummentaw dwarhom, ma kkonfermat li l-ewwel impriża kkonċernata kienet effettivament waqfet milli tipparteċipa fil-ksur u milli tagħti effett lill-arranġamenti konklużi fil-kuntest tiegħu wara li Siemens interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999, jew “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000.

121    Ir-raba’ nett, peress li fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li l-ewwel impriża kkonċernata leġittimament emmnet li l-akkordju ntemm f’Settembru 2000 ma tantx huma kredibbli u li, għaldaqstant, ma jidhirx li huma biżżejjed biex jinvalidaw il-provi dokumentarji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 115 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva l-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li ssemmi jew li tipproduċi dikjarazzjoni ta’ terz jew prova dokumentarja li minnhom jirriżulta li l-ewwel impriża kkonċernata ddiżassoċjat ruħha pubblikament, f’Settembru 2000, mill-akkordju u mill-arranġamenti, li kienu għadhom validi, li kienu ġew konklużi fil-kuntest tal-akkordju.

122    Fir-rigward tad-dokumenti li jirrigwardaw żewġ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti fi [kunfidenzjali], li ġew redatti fi [kunfidenzjali] u fi [kunfidenzjali], essenzjalment, il-Kummissjoni tallega li dawn ma setgħux jiġu invokati validament kontra tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, peress li FEH u FES ma pproduċewhomx waqt il-proċedura amministrattiva.

123    Għaldaqstant, l-ewwel nett għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk id-dokumenti inkwistjoni għandhomx jiġu injorati, għaliex ma jistgħux jiġu invokati kontra l-Kummissjoni, minħabba li ma ġewx prodotti quddiemha matul il-proċedura amministrattiva u ġew prodotti għall-ewwel darba biss quddiem il-qorti.

124    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-persuna kkonċernata, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li twieġeb għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tkun intbagħtitilha mill-Kummissjoni. Fil-fatt, la r-regoli li jelenkaw id-drittijiet u d-dmirijiet tal-impriżi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva prevista mid-dritt tal-kompetizzjoni u lanqas l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt ma jobbliga lill-imsemmija impriżi jagħmlu xi ħaġa iktar milli jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li tkun talbithom abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ bażi legali, ikun diffiċli li tali obbligu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, peress li jagħmilha diffiċli li persuna li, għal kwalunkwe raġuni ma tkunx wieġbet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tippreżenta rikors quddiem il-qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il‑Kummissjoni, T‑30/89, Ġabra p. II‑1439, punti 37 u 38). B’hekk, jekk il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li persuna kisret id-dritt tal-kompetizzjoni u li timponilha, fuq din il-bażi, multa, tista’ tiġi evalwata biss abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data ta’ meta l-att ikun ġie adottat (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 225), ma jirriżultax li l-persuna kkonċernata hija obbligata li tipprovdi lill-Kummissjoni, sa mill-fażi tal-proċedura amministrattiva, l-elementi kollha li hija tkun tixtieq li jkollha l-possibbiltà li tinvoka insostenn ta’ rikors għal annullament, ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva.

125    Minn dan isegwi, li bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, FEH u FES ma kinux obbligati jipproduċu, sa mill-fażi tal-proċedura amministrattiva, id-dokumenti inkwistjoni biex ikunu jistgħu jinvokawhom fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

126    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, fuq il-mertu, jekk, kif tallega r-rikorrenti, id-dokumenti relatati maż-żewġ proċeduri ta’ sejħa għal offerti fi [kunfidenzjali], li ġew redatti fi [kunfidenzjali] u fi [kunfidenzjali], jurux li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet milli tipparteċipa fl-akkordju “fi jew għall-ħabta ta’ Settembru 2000”, sa fejn huma jistabbilixxu li, wara din id-data, din l-impriża applikat prezzijiet direttament iddeterminati mill-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u li kienu sostanzjalment iktar baxxi minn dawk li jirriżultaw mill-arranġamenti konklużi fil-kuntest tal-akkordju.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dokumenti prodotti minn FEH u minn FES quddiem il-Qorti Ġenerali, l-istess bħall-ispjegazzjonijiet supplimentari mogħtija minnhom bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali jibqgħu frammentarji, inkompluti u relattivament diffiċli li jiġu interpretati. Kien x’kien il-każ, huma ma jippermettux li wieħed ikollu idea eżatta, minn naħa, tal-kundizzjonijiet li fihom il-proġetti ta’ SIG, u b’mod iktar ġenerali, il-kuntratti inkwistjoni ġew innegozjati jew allokati u, min-naħa l-oħra, tar-raġunijiet eżatti għaliex saru l-aġġustamenti fir-rigward tal-istimi tal-prezzijiet jew tal-prezzijiet ta’ ċerti proġetti ta’ SIG, fi [kunfidenzjali], wara Settembru 2000. Xejn f’dawn id-dokumenti, anki meta huma għalkollox interni, ma jindika li dawn l-aġġustamenti tabilħaqq setgħu jsiru minħabba li l-ewwel impriża kkonċernata kienet ikkunsidrat li ma kienx hemm iktar raġuni biex hija tapplika r-regoli tal-akkordju u li tkun konformi mal-arranġamenti tal-prezzijiet li ġew konklużi fil-kuntest tiegħu.

128    Bil-kontra, fil-kuntest tal-proġett ta’ SIG għall-kuntratt [kunfidenzjali], fi [kunfidenzjali], fejn l-ewwel impriża kkonċernata intervjeniet biss bħala sottokuntrattur ta’ diversi impriżi offerenti, li wħud minnhom, bħal [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], kienu membri tal-akkordju, il-faksijiet ta’ [kunfidenzjali], skambjati bejn FEH u waħda mill-imsieħba tagħha fuq il-post jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-istima l-ġdida tal-prezzijiet segwiet “kjarifiki tekniċi” u diskussjonijiet ġodda mal-klijent, li seħħew fi [kunfidenzjali]. Sabiex l-osservanza tar-rekwiżiti l-ġodda fformulati mill-klijenti ma twassalx għal żieda fil-prezz tal-offerta qabel ma titressaq, b’mod partikolari, minn [kunfidenzjali], l-impriża assoċjata tal-ewwel impriża kkonċernata tindika li naqqset l-ispejjeż sabiex tbaxxi, kemm jista’ jkun, il-prezz tal-proġett ta’ SIG. Dan it-tnaqqis jista’ jkun marbut mal-modifikazzjoni tal-komponenti tal-proġett ta’ SIG inkwistjoni, bħall-busbars iżolati bil-gass. Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-busbars iżolati bil-gass huma tagħmir li jiswa ħafna flus biex jiġi prodott u li għandu effett fuq il-prezz finali. L-użu tagħhom kif ukoll kemm jintużaw, ġeneralment, jiġi ddeterminat mill-klijent u mhux mill-fornitur. Issa, f’faks intern tal-grupp Fuji, ta’ [kunfidenzjali], hemm miktub bl-idejn dan li ġej dwar il-proġett ta’ SIG inkwistjoni:

“Jidher li t-tnaqqis kien wieħed sostanzjali. Ir-raġuni għal dan hija għaliex aħna ma għandniex GIB [gas insulated busbars jew busbars iżolati bil-gass]? […]”

129    Huwa ċertament minnu li r-rikorrenti tallega li l-użu kif ukoll kemm intużaw il-busbars iżolati bil-gass f’dan il-proġett ta’ SIG ma ġewx immodifikati bejn l-istima tal-prezz ipprovduta fi [kunfidenzjali] u dik ipprovduta fi [kunfidenzjali]. Madankollu, il-provi li hija tinvoka f’dan ir-rigward, b’mod partikolari d-disinn tekniku redatt fi [kunfidenzjali], jiġifieri qabel in-negozjati tekniċi mal-klijent ta’ [kunfidenzjali], ma jippermettux li dan jiġi vverifikat.

130    Kien x’kien il-każ, sakemm ma tiġix ammessa l-eżistenza ta’ konfoffa bejn ċerti membri tal-akkordju kontra membri oħra tal-akkordju, ma tantx huwa kredibbli li l-ewwel impriża kkonċernata setgħet tippreżenta lill-imsieħba tagħha, li, skont id-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx membru tal-akkordju, stima ta’ prezzijiet li jiksru manifestament arranġament ta’ prezzijiet konkluż fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar u li kien għadu fis-seħħ, mingħajr ma l-impriżi l-oħra li kienu membri tal-akkordju, li huwa stabbilit li kienu ġew informati b’din l-istima, jiġifieri [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], ma rreaġixxewx, sabiex jindikaw lill-ewwel impriża kkonċernata li l-akkordju kien għadu fis-seħħ u li kellhom jiġu osservati r-regoli tiegħu.

131    Jidher li huwa iktar probabbli, minn din il-perspettiva, li, fil-kuntest tal-proġett ta’ SIG għall-kuntratt [kunfidenzjali], fi [kunfidenzjali], il-“livell ta’ prezzijiet” iffissat fl-arranġament, ġie mmodifikat ’l isfel sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni jew il-modifikazzjonijiet tekniċi li ried il-klijent, jew sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata, skont il-każ, mill-impriżi li ma kinux membri tal-akkordju.

132    Mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li l-arranġamenti tal-prezzijiet setgħu jiġu riveduti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modifikazzjonijiet tekniċi li saru sussegwentement fuq talba tal-klijent, kif kien il-każ, fi [kunfidenzjali], fir-rigward tal-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, l-azzjoni konġunta tal-membri tal-akkordju kontra l-kompetizzjoni esterna kienet tasal anki sabiex tipprevedi li, jekk proġett ta’ SIG li xi membri tal-akkordju kienu wrew interess fih u li kien is-suġġett ta’ arranġament fuq il-“livell ta’ prezzijiet” kien mhedded minn kompetizzjoni qawwija mill-prezzijiet barra mill-akkordju, il-membri tal-akkordju kellhom jiġġieldu flimkien kontra l-kompetitur estern u jiddeċiedu b’mod eċċezzjonali li jnaqqsu l-prezzijiet sabiex jeliminaw il-kompetizzjoni. Mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li b’hekk ġie permess tnaqqis sostanzjali meta pparagunat mal-“livell ta’ prezzijiet”, fi [kunfidenzjali], fil-kuntest tal-proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali] u, fi [kunfidenzjali], fil-kuntest tal-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], li jirrigwarda wkoll kuntratti fi [kunfidenzjali]. Bl-istess mod, mill-elementi tal-fajl jirriżulta li l-arranġament tal-prezzijiet donnu li reġa’ ġie diskuss fid-dawl tal-pressjoni eżerċitata mill-kompetizzjoni, fi [kunfidenzjali], fil-kuntest tal-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], li kien jirrigwarda, għal darba oħra, kuntratt fi [kunfidenzjali]. Fl-aħħar nett, mill-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-fajl tal-Kummissjoni kien jinkludi provi li jgħidu li, meta Siemens interrompiet b’mod temporanju l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, jiġifieri matul il-perijodu inkwistjoni, “[i]l-membri l-oħra tal-akkordju pprovaw, għal ċertu żmien, jikkastigawha talli rtirat billi jikkompetu magħha għal proġetti [ta’ SIG] speċifiċi fid-dinja kollha”.

133    B’hekk, tali mekkaniżmu ta’ difiża tal-akkordju fil-konfront tal-kompetizzjoni esterna seta’ tabilħaqq ġie implementat kemm fil-kuntest tal-proġett ta’ SIG għall-kuntratt [kunfidenzjali], fi [kunfidenzjali], fejn barra minn hekk, l-ewwel impriża kkonċernata u, għalhekk, [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] jidher li kisbu suċċess biss fil-kuntest tal-kuntratt [kunfidenzjali], fi [kunfidenzjali], fejn ir-rikorrenti tindika li l-ewwel impriża kkonċernata offriet iż-żewġ proġetti ta’ SIG bi prezz li jikkorrispondi għal [kunfidenzjali] % tal-“livell ta’ prezzijiet” li rriżulta mill-arranġament konkluż, fi [kunfidenzjali], fil-kuntest tal-akkordju u li fl-aħħar nett hija ħadet il-kuntratt.

134    Huwa wkoll possibbli, kif issuġġeriet il-Kummissjoni, li fil-kuntest ta’ ċerti proġetti ta’ SIG, xi membri tal-akkordju, u f’dan il-każ, l-ewwel impriża kkonċernata aġixxew minn taħt biex jiffavorixxu l-interessi personali tagħhom, kontra l-interessi ta’ membri oħra tal-akkordju u tal-interess komuni.

135    Kien x’kien il-każ, id-dokumenti prodotti minn FEH u minn FES ma jinkludu l-ebda indikazzjoni u ma huma akkumpanjati minn ebda element ieħor li jippermetti li jiġi dedott li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-proġetti ta’ SIG li l-ewwel impriża kkonċernata tat il-kunsens tagħha għalihom, fi [kunfidenzjali] u fi [kunfidenzjali], fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri ta’ sejħa għal offerti fi [kunfidenzjali], kienu s-sinjal jew il-konsegwenza ta’ diżassoċjazzjoni pubblika, f’Settembru 2000, ta’ din l-impriża mill-akkordju u mill-arranġamenti li kienu konklużi fil-kuntest tiegħu. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li dawn id-dokumenti jistgħu jinqraw fis-sens li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet, diversi drabi, wara Settembru 2000, milli tipparteċipa f’sejħiet għal offerti f’konformità mal-arranġamenti konklużi fil-kuntest tal-akkordju, dan ma jippermettix li jiġi konkluż li, f’dak l-istess perijodu, hija waqfet tipparteċipa fl-imsemmi akkordju.

136    Minn dan isegwi li d-dokumenti relatati ma’ żewġ proċeduri ta’ sejħa għal offerti fi [kunfidenzjali], li ġew redatti fi [kunfidenzjali] u fi [kunfidenzjali], ma humiex, fihom infushom, biżżejjed probatorji biex jistabbilixxu li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet kull parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-akkordju wara Settembru 2000.

137    Mill-analiżijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċietx elementi biżżejjed probatorji jew spjegazzjoni alternattiva konvinċenti biex tinvalida l-provi dokumentarji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002.

138    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wriet, f’konformità mar-regoli applikabbli għall-prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, kif imfakkra fil-punti 84 sa 91 iktar ’il fuq, u mingħajr ma wettqet l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li ġew ikkontestati lilha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur, li kompla matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun li ssostni li l-Kummissjoni kisret prinċipji ġenerali tad-dritt, bħad-dritt għal smigħ xieraq, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u l-prinċipju in dubio pro reo, meta ddeċidiet li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002.

139    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jivvizzja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li FEH kompliet tipparteċipa fil-ksur wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000

 L-argumenti tal-partijiet

140    Bit-tielet motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kisret, f’diversi aspetti, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta kkonkludiet li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ttrattat lill-ewwel impriża kkonċernata b’mod differenti minn Siemens, minn Hitachi, minn VA Tech jew minn Schneider meta ppreżumiet, għaliex hija ma kinitx f’pożizzjoni li tindika b’mod definittiv id-data meta din l-impriża kienet waqfet milli tipparteċipa fil-ksur, li l-imsemmija impriża kompliet tipparteċipa f’dan il-ksur, u dan minkejja li għadd konvinċenti ta’ provi indiretti, li jinsabu fil-fajl, kienu jsostnu d-dikjarazzjonijiet tagħhom. It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ttrattat lill-ewwel impriża kkonċernata b’mod differenti minn Siemens, minn Hitachi, minn VA Tech jew minn Schneider meta ppreżumiet, fil-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, li għaliex din l-impriża kienet parti għall-ftehim li kienu jirrigwardaw il-proġetti ta’ SIG li komplew wara Settembru 2000, l-imsemmija impriża kienet kompliet tipparteċipa fil-ksur. It-tielet nett, il-Kummissjoni ttrattat lill-ewwel impriża kkonċernata b’mod differenti minn VA Tech u minn Schneider meta ppreżumiet, fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, li peress li din l-impriża ma kinitx iddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-akkordju wara Settembru 2000, l-imsemmija impriża kienet kompliet tipparteċipa fil-ksur.

141    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament allegat u titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

142    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 40, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309).

143    Skont il-Kummissjoni hemm differenza bejn is-sitwazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata u dik ta’ Siemens, ta’ Hitachi, ta’ VA Tech jew ta’ Schneider sa fejn, b’differenza għad-diversi dikjarazzjonijiet ta’ Siemens, tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi, tal-grupp VA Tech jew ta’ Schneider, li jgħidu li huma rtiraw mill-akkordju matul perijodu partikolari, id-dikjarazzjoni ta’ FEH u ta’ FES li jgħidu li l-ewwel impriża kkonċernata waqfet tipparteċipa fl-akkordju “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000 ma kinitx sostnuta minn provi kredibbli bħal dikjarazzjonijiet konsistenti ta’ membri oħra tal-akkordju jew provi dokumentarji.

144    F’dan il-każ, kif diġà ġie osservat fil-punti 113 sa 137 iktar ’il fuq, ma huwiex stabbilit li l-ewwel impriża kkonċernata rrinunzjat milli tapplika l-ftehim relatati mat-tmien proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali], li kienu għadhom validi, wara Settembru 2000 u li FEH u FES ma ħadu l-ebda azzjoni abbażi tal-iskeda tal-arranġament li huma stess iddikjaraw li rċevew fit-28 ta’ Settembru 2000, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minħabba li dawn saru nulli u mingħajr effett fir-rigward tal-ewwel impriża kkonċernata wara li din waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000. Dan ma jgħoddx għad-dikjarazzjonijiet ta’ Siemens, tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi, tal-kumpanniji tal-grupp VA Tech jew ta’ Schneider, li kienu kollha sostnuti minn provi kredibbli, kif jirriżulta mill-premessi 186 sa 189 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, fil-każ ta’ dawn l-impriżi, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li, f’data partikolari, dawn kienu rtiraw mill-akkordju, li jfisser li sussegwentement huma waqfu japplikaw l-arranġamenti, li kienu għadhom validi, jew li jieħdu azzjoni abbażi tal-iskedi tal-arranġament li kienu rċevew. Mill-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta Siemens interrompiet b’mod temporanju l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, il-membri l-oħra tal-akkordju bdew jikkompetu magħha għal proġetti ta’ SIG speċifiċi fid-dinja kollha (ara l-punt 132 iktar ’il fuq).

145    Barra minn hekk, filwaqt li mid-dikjarazzjonijiet tal-membri l-oħra tal-akkordju jirriżulta li dawn kienu jafu li Siemens, Hitachi, VA Tech jew Schneider kienu rtiraw mill-akkordju f’data u f’perijodu partikolari, minn dawn l-istess dikjarazzjonijiet imkien ma jirriżulta li l-membri l-oħra tal-akkordju emmnu wkoll li l-ewwel impriża kkonċernata kienet waqfet milli tipparteċipa fil-ksur wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000.

146    Id-differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ Siemens, ta’ Hitachi, ta’ VA Tech jew ta’ Schneider, minn naħa, u s-sitwazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata, min-naħa l-oħra, kif enfasizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tippermetti li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament osservata bejn dawn l-impriżi, fir-rigward tad-data meta possibbilment waqfu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur.

147    Minn dan isegwi li anki t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li FES kienet ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004

 L-argumenti tal-partijiet

148    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tosserva li l-Artikolu 1(h) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-Artikolu 2(d) u (f) tagħha, inkwantu jżomm lil FES bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti, għandhom jiġu annullati, sa fejn huma bbażati fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti ta’ dan il-każ, li tgħid li FES ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004. Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel impriża kkonċernata ma pparteċipatx fil-ksur għall-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002 u li FES kellha t-tmexxija ta’ dik l-impriża biss bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u t-30 ta’ Settembru 2002, jiġifieri perijodu li matulu l-imsemmija impriża ma kinitx qed tipparteċipa fil-ksur. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta li FES kellha t-tmexxija indiretta, permezz ta’ JAEPS, tat-tieni impriża kkonċernata bejn l-1 ta’ Ottubru 2002 u l-11 ta’ Mejju 2004. Fl-aħħar mill-aħħar, huma biss FEH jew JAEPS, li kellhom it-tmexxija tal-ewwel impriża kkonċernata u/jew tat-tieni impriża kkonċernata matul il-perijodu kollu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004 jew matul parti minnu, li jistgħu jinkorru responsabbiltà minħabba l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-impriżi fil-ksur.

149    Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud għaliex inammissibbli, sa fejn huwa bbażat fuq ilment li ma ġiex ippreżentat minn FEH u minn FES matul il‑proċedura amministrattiva, u li jgħid li FES ma kinitx implikata, qabel l-1 ta’ Lulju 2001, fl-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji. Barra minn hekk, sa fejn FEH u FES irrikonoxxew b’mod espliċitu, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-responsabbiltà personali inkorsa minn FES minħabba l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sa Settembru 2000, huma ma jistgħux jerġa’ jibdilhom fir-rigward tal-imsemmi rikonoxximent fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. F’kull każ, il-motiv huwa infondat fil-liġi u fil-fatt.

150    Ir-rikorrenti titlob sabiex l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tiġi miċħuda, sa fejn FEH u FES stabbilew b’mod ċar li FES ma kinitx implikata, qabel l-1 ta’ Lulju 2001, fl-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji, jekk mhux fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minn tal-inqas fit-tweġiba tagħhom tal-4 ta’ Ottubru 2004 għat-talba għal informazzjoni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), u b’mod partikolari f’ċerti provi mehmuża ma’ dik it-tweġiba.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

151    Mill-Artikolu 1(h) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li FES inżammet personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-impriżi kkonċernati fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004. Għal din ir-raġuni, fl-Artikolu 2(d) u (f) tal-imsemmija deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuqha in solidum ma’ FEH multa li tammonta għal EUR 2 400 000 u, in solidum ma’ FEH, ma’ JAEPS u ma’ Hitachi, multa li tammonta għal EUR 1 350 000.

152    Mill-premessi 379 u 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għall-premessi 334, 373 u 385 sa 402 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni żammet lil FES u lil FEH responsabbli in solidum għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur bejn il-15 ta’ April 1988 u t-30 ta’ Settembru 2002 u li hija żammet lil FES, lil FEH, lil JAEPS u lil Hitachi responsabbli in solidum għall-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur bejn l-1 ta’ Ottubru 2002 u l-11 ta’ Mejju 2004.

153    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, meta diversi persuni jinżammu personalment responsabbli mill-Kummissjoni għall-parteċipazzjoni fi ksur minn waħda u l-istess impriża, huma għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-imsemmi ksur għaliex fil-mument li twettaq il-ksur huma, jew kellhom it-tmexxija diretta ta’ din l-impriża jew inkella għaliex huma kienu jeżerċitaw effettivament setgħa ta’ kontroll fuq il-persuni li kienu jmexxu l-imsemmija impriża u b’hekk kienu jiddeterminaw l-aġir tagħha fis-suq.

154    Mill-premessi 334, 373 u 385 sa 402 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 32 u 33 tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li, minn naħa, l-ewwel impriża kkonċernata, li kienet ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu kollu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004, kienet, bejn il-15 ta’ April 1988 u t‑30 ta’ Settembru 2002, immexxija direttament minn FES u minn FEH u li, min-naħa l-oħra, it-tieni impriża kkonċernata, li kienet ipparteċipat fil-ksur bejn l-1 ta’ Ottubru 2002 u l-11 ta’ Mejju 2004, kienet, matul dan l-istess perijodu, immexxija direttament minn JAEPS u indirettament, permezz ta’ din l-aħħar kumpannija bi sħab, minn FES, minn FEH u minn Hitachi.

155    Sa fejn it-tieni lment imqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv jikkoinċidi mal-ħames motiv, ibbażat essenzjalment fuq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew allegati żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li FEH u FES għandhom jinżammu responsabbli personalment u in solidum, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS, għall-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien u għalhekk l-eżami tal-imsemmi tieni lment se jiġi pospost għal meta jiġi eżaminat il-ħames motiv (ara l-punti 175 et seq iktar ’il quddiem).

156    Fir-rigward tal-ewwel ilment imqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu jiġi mistħarreġ jekk l-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata humiex ibbażati fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti ta’ dan il-każ, li tgħid li FES tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002 – id-data meta, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji ġew ittrasferiti lil JAEPS (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) –, billi FES kellha t-tmexxija tal-imsemmija impriża matul dan il-perijodu.

157    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, huwiex inammissibbli għar-rikorrenti li tikkontesta għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali r-responsabbiltà personali inkorsa minn FES fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002 u li kienet ġiet ikkonstatata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ntbagħtet lil FEH u lil FES, jew saħansitra li jerġa’ jibdielha f’dan ir-rigward, quddiem il-Qorti Ġenerali, dwar l-elementi li FEH u FES irrikonoxxew espressament matul il-proċedura amministrattiva.

158    Kif diġà tfakkar fil-punt 124 iktar ’il fuq, ir-regoli li jelenkaw id-drittijiet u d-dmirijiet tal-impriżi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva prevista mid-dritt tal-kompetizzjoni ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li huma jobbligaw lil persuna fiżika jew ġuridika, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, li tikkoopera u, bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tkun intbagħtitilha mill-Kummissjoni, li tifformola, fil-fażi tal-proċedura amministrattiva, l-ilmenti kollha li hija tkun tixtieq li jkollha l-possibbiltà li tinvoka insostenn ta’ rikors għal annullament, ippreżentat quddiem il-qorti, kontra d-deċiżjoni adottata wara li tintemm din il-proċedura. Din is-soluzzjoni bl-ebda mod ma titqiegħed f’dubju mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, ġie aċċettat li tiġi mistħarrġa l-fondatezza, fid-deċiżjoni inkwistjoni, tal-imputazzjoni ta’ ksur lil kumpannija li ma kinitx ikkontestat din l-imputazzjoni fil-fażi amministrattiva, peress li din iċ-ċirkustanza tal-aħħar tittieħed inkunsiderazzjoni biss sabiex tkun evalwata l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li, f’dak il-każ, kien tal-Kummissjoni (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 346 sa 361, u Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 1335 u 1336).

159    Meta l-persuna kkonċernata tiddeċiedi volontarjament li tikkoopera u meta, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, hija tirrikonoxxi b’mod espliċitu jew impliċitu l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw li l-ksur jiġi imputat lilha, hija xorta waħda ma tkunx limitata fl-eżerċizzju stess tad-dritt li tressaq kawża li hija għandha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 89 u 90). Fin-nuqqas ta’ bażi legali prevista espliċitament għal dan il-għan, tali limitazzjoni tikser il-prinċipji fundamentali ta’ legalità u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 91). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li, skont l-Artikolu 52(1) ta’ din il-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi (ara s-sentenza Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 91).

160    Għaldaqstant, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali esposti fil-punti 158 u 159 iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

161    Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sa Settembru 2000. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 138 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet ġustament tiddeċiedi fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ewwel impriża kkonċernata kienet ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu kollu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun, fil-kuntest tal-ewwel ilment imqajjem fil-kuntest tar-raba’ motiv, li tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata, dwar dan il-punt, minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

162    Sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li FES tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001, billi hija kellha t-tmexxija tal-imsemmija impriża waqt dan l-istess perijodu, għandu jitfakkar, qabelxejn, minn naħa, li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha tippermetti l-eżerċizzju effettiv tal-istħarriġ tal-legalità tagħha u tipprovdi lill-parti kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji biex ikun skopert jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li n-natura suffiċjenti ta’ tali motivazzjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-fatti tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jista’ jkollhom biex jingħataw spjegazzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il‑Kummissjoni, T‑38/92, Ġabra p. II‑211, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Biex tissodisfa l-funzjonijiet iċċitati iktar fuq, motivazzjoni suffiċjenti għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament tal-awtorità tal-Unjoni, awtriċi tal-att inkriminat (sentenza AWS Benelux vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, meta bħal f’dan il-każ, deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE tirrigwarda bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur (sentenza AWS Benelux vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

163    Il-fatt li r-rikorrenti invokat, f’dan il-każ, motiv sostantiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, u mhux nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, jiġifieri motiv relatat mal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 230 KE (li issa sar l-Artikolu 363 TFUE), ma jċaħħadx lill-qorti mill-possibbiltà li tqajjem tali motiv ex officio, peress li dan ikun motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li saħansitra għandu, jitqajjem ex officio (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra p. I-11245, punt 54), bla ħsara li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju (is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

164    F’dan il-każ, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, kulma għamlet il-Kummissjoni kien li tindika, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, li l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji kienu jitwettqu, fost l-oħrajn, minn FES, li hija r-raġuni għaliex, kif jirriżulta mill-premessi 373 u 379 ta’ din l-istess deċiżjoni, din il-kumpannija tal-aħħar ġiet imputata bil-ksur, b’mod partikolari għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002, fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmija deċiżjoni. Id-deċiżjoni kkontestata la tippermetti lir-rikorrenti u lanqas lill-Qorti Ġenerali li jsiru jafu l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li FES, fost l-oħrajn, kienet wettqet attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji bejn il-15 ta’ April 1988 u t-30 ta’ Ġunju 2001 u li minħabba f’hekk, hija setgħet tiġi imputata bil-ksur għal dan l-istess perijodu.

165    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali (punt 41 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni spjegat in-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward bil-fatt li FEH u FES espressament irrikonoxxew ir-responsabbiltà tal-ksur li kellha FES, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din l-ispjegazzjoni madankollu ma tistax tintlaqa’. Għalkemm huwa ċertament minnu li fil-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni semmiet, meta spjegat l-“argumenti mressqa minn Fuji”, li “Fuji ammettiet li pparteċipat fl-akkordju li ġie deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bejn l-1988 u Settembru 2000, imma mhux lil hinn minn hekk”. Madankollu, il-fatt biss li dan jissemma ma jistax jippermetti li jiġi konkluż b’mod ċar u mhux ekwivoku li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tibbaża l-kunsiderazzjonijiet tagħha li jgħidu li FES kellha t-tmexxija tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji bejn l-1988 u t-30 ta’ Ġunju 2001 u, għal din ir-raġuni, setgħet tinżamm responsabbli għall-ksur abbażi biss tal-argumenti mressqa minn FEH u minn FES matul il-proċedura amministrattiva. B’mod partikolari, il-premessi 32, 373 u 379 tad-deċiżjoni kkontestata ma jinkludu l-ebda referenza għall-argumenti ta’ FEH u ta’ FES imsemmija fil-premessa 374 ta’ din l-istess deċiżjoni. A fortiori, huma ma jinkludu l-ebda indikazzjoni li tippermetti lir-rikorrenti u lill-Qorti Ġenerali jifhmu r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex tinterpreta l-argumenti ta’ FEH u ta’ FES fis-sens li FES ammettiet li wettqet attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji bejn il-15 ta’ April 1988 u t-30 ta’ Ġunju 2001 u għal din ir-raġuni, setgħet tinżamm responsabbli għall-ksur għal dan l-istess perijodu. Tali indikazzjoni kienet iktar u iktar neċessarja, f’dan il-każ, peress li l-interpretazzjoni kkunsidrata mill-Kummissjoni kienet tikkontradixxi l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha minn FEH u minn FES fit-tweġiba tagħhom tal-4 ta’ Ottubru 2004 għat-talba tagħha għal informazzjoni (punt 15 iktar ’il fuq). Fil-fatt, minn qari attent ta’ din tal-aħħar u, b’mod partikolari, tal-Anness D tagħha, li huwa intiż speċifikatament biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar l-entitajiet ġuridiċi li kellhom it-tmexxija tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji, jirriżulta li, qabel l-1 ta’ Lulju 2001, l-uniċi entitajiet ġuridiċi li kienu jwettqu tali attivitajiet kienu FEH u ż-żewġ sussidjarji li din tal-aħħar kienet 100 % proprjetarja tagħhom, jiġifieri Fuji Electric Corp. of America (FECOA) u Fuji Electric International Corp. (FEIC).

166    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata kienu meħtieġa spjegazzjonijiet iktar estiżi, sa fejn l-interpretazzjoni tal-argumenti ta’ FEH u ta’ FES li ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni ma kinitx tali li tispjega l-imputazzjoni tal-ksur lil FES għall-perijodu kollu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001. Fil-fatt, ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà allegata mill-Kummissjoni ma jkoprix il-perijodu li jmur “lil hinn” minn Settembru 2000.

167    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestaat hija, f’kull każ, iġġustifikata fid-dawl tal-fatt, rikonoxxut mir-rikorrenti, li lil FES kienu ġew ittrasferiti ċerti attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji fl-1 ta’ Lulju 2001 u li, sa fejn hija kienet is-suċċessura ekonomika ta’ FEH jew tas-sussidjarji tagħha li hija kienet 100 % proprjetarja tagħhom, lilha ġiet ittrasferita wkoll, skont il-ġurisprudenza f’dan il-qasam (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 346 sa 360), ir-responsabbiltà li dawn inkorrew minħabba l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur, b’mod partikolari, għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 263 TFUE (ex Artikolu 230 KE), il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-motivi inklużi fiha (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Marzu 2001, IPK‑München vs Il‑Kummissjoni, T‑331/94, Ġabra p. II‑779, punt 91). F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-motivi mqajma mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma inklużi fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni, la f’din tal-aħħar u lanqas fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma indikat li hija kien biħsiebha żżomm lil FES responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu inkwistjoni, fil-kwalità tagħha ta’ suċċessura ekonomika ta’ FEH jew tas-sussidjarji tagħha li hija kienet 100 % proprjetarja tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija dejjem sostniet, biex timputa l-ksur lil FES, li din tal-aħħar, “fost l-oħrajn”, kienet mexxiet l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji u, għaldaqstant, li hija kellha t-tmexxija diretta tal-ewwel impriża kkonċernata matul dak il-perijodu. Issa, dawn iż-żewġ tipi ta’ responsabbiltà huma sostanzjalment differenti, peress li persuna li kienet tmexxi impriża fil-mument tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, għandha, bħala prinċipju, twieġeb għal dan il-ksur skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq), filwaqt li t-trasferiment tar-responsabbiltà li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” jidher bħala deroga minn dan l-istess prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETI et, punt 58 iktar ’il fuq, punti 39, 40 u 46).

168    Minn dan isegwi li l-motivi l-ġodda, ibbażati fuq applikazzjoni tal-prinċipju msejjaħ tal-“kontinwità ekonomika”, invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u li l-argumenti tal-Kummissjoni li huma msejsa fuqhom għandhom jiġu miċħuda.

169    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq u tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet, għandu jitqajjem ex officio li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija timputa lil FES il-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001, hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti li ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża u għal rimedju effettiv tar-rikorrenti u li tostakola lill-Qorti Ġenerali fl-istħarriġ tagħha tal-fondatezza tal-punti tad-deċiżjoni kkontestata kkontestati minn dan l-ilment.

170    B’hekk, l-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn huma msejsa fuq il-konstatazzjoni, mhux motivata, li FES “fost l-oħrajn” kellha t-tmexxija tal-ewwel impriża kkonċernata matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001, għandhom jiġu miċħuda.

171    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta li FES tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Settembru 2002, għandu jiġi ppreċiżat li hija ma tikkontestax li, mill-1 ta’ Lulju 2001, FES wettqet ċerti attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji, b’mod partikolari minħabba l-assorbiment ta’ FEIC, waħda mis-sussidjarji li FEH kienet 100 % proprjetarja tagħha, imma biss li dawn l-attivitajiet, b’mod partikolari dawk li qabel kienu eżerċitati minn FEIC, kienu jiffurmaw parti mill-attivitajiet tal-ewwel impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti u kif jirriżulta wkoll mill-Anness D tat-tweġiba tal-4 ta’ Ottubru 2004 għat-talba għal informazzjoni, FEIC kienet teżerċita, b’mod partikolari matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001, l-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-proġetti ta’ SIG lill-klijenti internazzjonali, barra mis-servizzi pubbliċi u mill-Amerka ta’ Fuq – peress li s-suq tal-Amerka ta’ Fuq, li ma huwiex ikkonċernat mill-ksur, kien irriżervat għal FECOA –, u li b’hekk, bħala prinċipju, hija kienet direttament responsabbli għall-implementazzjoni tal-arranġament komuni u għan-nuqqas ta’ tiftix għal klijenti ġodda fis-suq intern kollu u, lil hinn minnu, fit-territorju taż-ŻEE. Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG eżerċitati minn FEIC huma neċessarjament inklużi fl-“attivitajiet ta’ Fuji [ta’ proġetti] ta’ SIG [li] kienu qed jitwettqu, fost l-oħrajn, minn [FEH] u minn [FES]”, kif ġie stabbilit fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk dawn kienu jiffurmaw parti mill-attivitajiet tal-ewwel impriża kkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, kif ġie deskritt fil-punt 61 iktar ’il fuq. Konsegwentement il-Kummissjoni ma wettqitx l-iżball li ġie lmentat kontriha meta żammet, fid-deċiżjoni kkontestata, lil FES personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Settembru 2002.

172    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel ilment tar-raba’ motiv għandu jintlaqa’ parzjalment u l-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tikkonstata jew tibbaża ruħha fuq il-konstazzjoni li FES, dante causa tar-rikorrenti, tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001, peress li hija kellha t-tmexxija diretta “fost l-oħrajn” tal-imsemmija impriża matul dan l-istess perijodu, għandhom jiġu annullati. Mill-bqija, l-ewwel ilment tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew allegati żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li FEH u FES għandhom jinżammu responsabbli personalment u in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ JAEPS fil-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

173    Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn huwa msejjes fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti, li tgħid li FEH u FES jistgħu jinżammu responsabbli personalment u in solidum għall-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ JAEPS jew f’termini iktar preċiżi, tat-tieni impriża kkonċernata, dak iż-żmien imqiegħda taħt it-tmexxija ta’ JAEPS, għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova, li kellha l-oneru li tipproduċi, li FEH u FES kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq JAEPS, li jiġġustifika li huma jinżammu responsabbli personalment u in solidum, flimkien ma’ JAEPS u ma’ Hitachi għall-ħlas tal-multa imposta minħabba l-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

174    Il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżistu għadd ta’ indikazzjonijiet li, ikkunsidrati kollha flimkien, isostnu l-konstatazzjoni, esposta fid-deċiżjoni kkontestata, li FEH u FES eżerċitaw influwenza determinanti fuq JAEPS, biex b’hekk il-ksur seta’ jkompli wara t-trasferiment lil JAEPS, fl-1 ta’ Ottubru 2002, tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji. Konsegwentement, hija titlob li l-ħames motiv jiġi miċħud għaliex infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

175    Qabel ma ssir l-analiżi, fuq il-mertu, ta’ dan il-motiv kif ukoll, għar-raġunijiet spjegati fil-punt 155 iktar ’il fuq, tat-tieni lment tar-raba’ motiv, għandhom jiġu identifikati l-għan eżatt tal-kontestazzjoni li fuqha huwa bbażat dan il-motiv kif ukoll il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati minn din il-kontestazzjoni, u għandhom jitfakkru r-regoli applikabbli għall-imputazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fir-relazzjonijiet bejn sussidjarja u l-kumpannija parent tagħha.

–       Fuq l-għan tal-kontestazzjoni li fuqha huwa bbażat il-ħames motiv

176    Ir-rikorrenti ma tikkontestax li t-tieni impriża kkonċernata pparteċipat fil-ksur bejn l-1 ta’ Ottubru 2002 u l-11 ta’ Mejju 2004. Hija lanqas ma tikkontesta li, matul dan il-perijodu, l-imsemmija impriża tqiegħdet direttament taħt ir-responsabbiltà jew it-tmexxija ta’ JAEPS. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta li FEH u FES, permezz ta’ holding, diretta jew indiretta ta’ 30 % tal-kapital azzjonarju ta’ JAEPS, eżerċitaw effettivament setgħa ta’ tmexxija fuq it-tieni impriża kkonċernata u, għaldaqstant, li kellhom huma t-tmexxija indiretta tagħha bejn l-1 ta’ Ottubru 2002 u l-11 ta’ Mejju 2004.

–       Fuq il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati mill-ħames motiv

177    Fil-premessi 383 sa 403 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tittratta r-responsabbiltà personali inkorsa minn FEH u minn FES, bħala kumpannija parent ta’ JAEPS, li t-tieni impriża kkonċernata tqiegħdet taħt ir-responsabbiltà diretta tagħha, minħabba l-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004. Il-Kummissjoni b’mod partikolari osservat dan li ġej:

“(383) [JAEPS] ġiet ikkostitwita f’Lulju 2001 u pparteċipat fl-aġir kollużiv deskritt f’din id-deċiżjoni bejn l-1 ta’ Ottubru 2002 (meta l-attivitajiet [fil-qasam] ta’ SIG ta’ Hitachi u [ta’] Fuji ġew ittrasferiti lil JAEPS) u l-11 ta’ Mejju 2004 (id-data meta saret l-aħħar laqgħa tal-akkordju, minħabba n-notifika tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni).

(384) JAEPS ġiet ikkostitwita biex tgħaqqad l-attivitajiet ta’ [trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku] tal-kumpanniji parent għall-provvista tal-klijenti ta’ dan is-settur [nota ta’ qiegħ il-paġna 399: p. 23134 (Tweġiba [tal-kumpanniji tal-grupp] Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet)]. [Hitachi] u [FES] (sussidjarja li kienet 100 % proprjetarja ta’ [FEH] ) għandhom rispettivament 50 % u 30 % mill-kapital tal-impriża bi sħab JAEPS (fejn it-tielet proprjetarja hija [Meidensha]).

[…]

(389) Il-holdings rispettivi tal-kumpanniji parenti f’JAEPS biss ma jippermettux li l-Kummissjoni tippreżumi li dawn il-kumpanniji eżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ JAEPS fis-suq, b’mod ġenerali, jew fuq l-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-akkordju, b’mod speċifiku. Madankollu, id-data fattwali turi b’mod ċar li Hitachi u Fuji setgħu eżerċitaw, u effettivament eżerċitaw, influwenza determinanti fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ JAEPS fl-attivitajiet tal-akkordju li ġew deskritti f’din id-deċiżjoni, mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004. Il-Kummissjoni tikkunsidra li JAEPS ma ddeterminatx b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, imma segwiet il-prattiki u l-aġir kummerċjali ffissati minn Hitachi u minn Fuji.

(390) Billi ttrasferew l-attivitjiaet tagħhom [fil-qasam] ta’ SIG lil JAEPS (mingħajr madankollu ma ttrasferew is-sussidjarji rispettivi tagħhom li fl-imgħoddi kienu attivi f’dan il-qasam), Hitachi u Fuji tabilħaqq użaw lil JAEPS bħala mezz sabiex ikomplu l-parteċipazzjoni twila tagħhom fl-akkordju [nota ta’ qiegħ il-paġna 400: il-fajl tal-Kummissjoni ma jinkludi l-ebda prova kontra Meidensha] bħala manifatturi [ta’ proġetti] ta’ SIG (Hitachi u Fuji komplew it-tnejn li huma jbigħu [is-SIG] taħt il-marka tagħhom, imma kienu qed jissottokuntrattaw il-produzzjoni lil JAEPS).

(391) Dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq fatturi oġġettivi bħal […] ir-rwol ta’ sorveljanza u ta’ tmexxija tal-attivitajiet ta’ JAEPS li kellhom Hitachi u Fuji[,] il-parteċipazzjoni preċedenti ta’ Hitachi u ta’ Fuji fl-attivitajiet tal-akkordju qabel il-kostituzzjoni ta’ JAEPS[,] il-fatt li s-sussidjarji ta’ Hitachi u ta’ Fuji, li fl-imgħoddi kienu implikati fl-attivitajiet [fil-qasam] ta’ SIG, irtiraw sabiex iħallu lil JAEPS bħala suċċessura tagħhom, filwaqt li sussegwentement taw assistenza lil din tal-aħħar, u żammew l-interess tagħhom għall-prodotti bħala distributuri ta’ dawn tal-aħħar[,] il-preżenza fil-laqgħat tal-akkordju ta’ rappreżentanti ta’ JAEPS simultanjament jew konsekuttivament impjegati minn Hitachi u/jew minn Fuji u […] il-fatt li għadd kbir ta’ diriġenti eżekuttivi ta’ JAEPS kienu simultanjament jew konsekuttivament diriġenti eżekuttivi ta’ Hitachi u ta’ Fuji.

[…]

(402) Id-deċiżjoni ta’ Hitachi u ta’ Fuji li jkomplu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju permezz ta’ impriża bi sħab ma tippermettilhomx jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward ta’ din il-parteċipazzjoni.

(403) Konsegwentement, [JAEPS], [Hitachi], [FEH] u [FES] għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ JAEPS fil-ksur mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

178    B’hekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, mill-1 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni żammet lil FEH u lil FES personalment responsabbli mhux minħabba l-kwalità tagħhom ta’ diriġenti diretti tal-ewwel impriża kkonċernata, imma minħabba l-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS, li taħt ir-responsabbiltà diretta tagħha tqiegħdet it-tieni impriża kkonċernata.

–       Fuq ir-regoli applikabbli għall-imputazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fir-relazzjonijiet bejn sussidjarja u l-kumpannija parent tagħha

179    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn iż-żewġ kumpanniji li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti; dak li huwa deċiżiv huwa l-unità jew le tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jifformawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li għandha aġir uniku fis-suq (sentenza DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 85; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 140).

180    B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed biex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi imputat fuq il-kumpannija parent, b’mod partikolari ladarba s-sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 132 u 133, u sentenza PVC II, punt 57 iktar ’il fuq, punt 960). Meta s-sussidjarja ma tgawdix minn awtonomija reali fid-determinazzjoni tal-inizjattiva tagħha fis-suq, il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 81(1) KE jistgħu jiġu kkunsidrati bħala mhux applikabbli fir-relazzjonijiet bejnha u bejn il-kumpannija parent, li magħha hija tifforma unità ekonomika (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 134; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 51). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

181    F’dan il-kuntest, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kumpannija jew il-kumpanniji parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħhom fis-suq, u dan abbażi ta’ numru ta’ punti ta’ fatt fosthom, b’mod partikolari, is-setgħa ta’ tmexxija eżerċitata mill-kumpannija jew mill-kumpanniji parent fuq is-sussidjarja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    Huwa ġeneralment il-pussess ta’ maġġoranza tal-kapital azzjonarju tas-sussidjarja li jista’ jippermetti li l-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha u, b’mod partikolari, fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq. B’hekk ġie deċiż li, meta l-kontroll effettivament eżerċitat minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, li hija jkollha 25.001 % tal-kapital azzjonarju tagħha, ikun jikkorrispondi għal holding minoritarju, ferm ’il bogħod mill-maġġoranza, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jappartjenu għall-istess grupp, li fi ħdanu huma jikkostitwixxu unità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ April 1995, Tréfileurope vs Il‑Kummissjoni, T‑141/89, Ġabra p. II-791, punt 129).

183    Madankollu, holding minoritarju jista’ jippermetti li kumpannija parent teżerċita tabilħaqq influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, jekk dan ikun akkompanjat bi drittijiet li jmorru lil hinn minn dawk li normalment jiġu permessi lil azzjonisti minoritarji sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u li, jekk jiġu eżaminati skont il-metodu tas-serje ta’ indizji konverġenti, ta’ natura ġuridika jew ekonomika, huma tali li jipprovaw li influwenza determinanti hija eżerċitata fuq l-aġir tas-sussidjarja fis-suq. Il-prova tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti b’hekk tista’ tiġi prodotta mill-Kummissjoni abbażi ta’ serje ta’ indizji, anki jekk kull wieħed minn dawn l-indizji meqjus waħdu ma għandux natura suffiċjentement probatorja.

184    L-eżerċizzju effettiv ta’ setgħa ta’ tmexxija mill-kumpannija jew mill-kumpanniji parent fuq is-sussidjarja tagħha jew tagħhom jista’ jirriżulta direttament mill-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli jew minn ftehim bejn il-kumpanniji parent li ġie konkluż, skont dawn l-istess dispożizzjonijiet legali, fir-rigward tal-ġestjoni tas-sussidjarja bi sħab tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, punti 137 sa 139). L-importanza tal-involviment tal-kumpannija parent fil-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha jista’ wkoll jintwera mill-preżenza, fit-tmexxija tas-sussidjarja, ta’ għadd ta’ persuni li jkollhom karigi ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpannija parent. Tali akkumulazzjoni ta’ karigi tqiegħed bilfors lill-kumpannija parent f’sitwazzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq sa fejn tippermetti lil dawk inkarigati mit-tmexxija tal-kumpannija parent li jissorveljaw, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-karigi ta’ tmexxija tagħhom fi ħdan is-sussidjarja, sabiex il-linja ta’ azzjoni fis-suq ta’ din tal-aħħar tkun konformi mal-linji gwida mogħtija mill-korpi ta’ tmexxija tal-kumpannija parent. Tali għan jista’ jintlaħaq saħansitra mingħajr ma l-membru jew il-membri tal-kumpannija parent li jassumu karigi ta’ tmexxija fi ħdan is-sussidjarja ma jkollhom il-kwalità ta’ rappreżentanti tal-kumpannija parent. Fl-aħħar nett l-involviment tal-kumpannija jew tal-kumpanniji parent fil-ġestjoni tas-sussidjarja jista’ jirriżulta mir-relazzjonijiet kummerċjali li tal-ewwel ikollhom ma’ tat-tieni. B’hekk, meta kumpannija parent tkun anki fornitriċi jew klijenta tas-sussidjarja tagħha, hija jkollha interess ferm speċifiku li tmexxi l-attivitajiet tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni ta’ din tal-aħħar, u dan sabiex tibbenefika b’mod sħiħ mill-qligħ li jirriżulta mill-integrazzjoni vertikali li titwettaq b’dan il-mod (ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo ppreżentati fil-kawża Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑9928, punti 50 u 51).

185    Fid-dawl tal-fatt li, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE (ex Artikolu 230 KE), il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-motivi inklużi f’dan l-att (sentenza IPK‑München vs Il‑Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 91), l-eżerċizzju effettiv ta’ setgħa ta’ tmexxija tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha għandu jiġi evalwat biss abbażi tal-provi miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li timputa r-responsabbiltà tal-ksur lill-kumpannija parent. Fuq il-mertu, l-unika kwistjoni rilevanti b’hekk hija dik ta’ jekk il-prova tal-ksur ġietx jew le prodotta fid-dawl tal-imsemmija provi (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 726).

–       Fuq il-provi tal-eżerċizzju effettiv minn FEH u minn FES ta’ setgħa ta’ tmexxija fuq JAEPS, miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

186    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 179 sa 185 iktar ’il fuq, l-ewwel nett għandhom jiġu eżaminati l-indikazzjonijiet, miġbura fid-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas dwar il-ħolqien tas-sussidjarja bi sħab, JAEPS (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”) li ġie konkluż fi [kunfidenzjali] bejn Hitachi, FEH u Meidensha (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji fundaturi”).

187    Sabiex issostni r-rwol ta’ sorveljanza u ta’ tmexxija li kellhom FEH u FES fi ħdan JAEPS, il-Kummissjoni ssemmi, fil-premessa 395 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari dan li ġej:

“[kunfidenzjali]”.

188    Fir-rigward ta’ dawn l-evalwazzjonijiet fattwali, FEH u FES sostnew biss, fin-noti tagħhom jew fit-tweġiba bil-miktub tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, li minn dawn l-evalwazzjonijiet ma jistax jiġi dedott li huma eżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ JAEPS fis-suq, peress li [kunfidenzjali].

189    L-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas, kif ġie prodott minn FEH u minn FES bħala anness mat-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jipprovdi li [kunfidenzjali].

190    L-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas jipprevedi [kunfidenzjali]. Skont l-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas, [kunfidenzjali]. L-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas f’dan ir-rigward jipprovdi li [kunfidenzjali]. Fl-aħħar nett, l-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas jipprovdi li [kunfidenzjali].

191    L-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas jipprevedi wkoll li [kunfidenzjali].

192    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas, [kunfidenzjali].

193    B’hekk mill-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas, moqri fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-istess ftehim, jirriżulta li kull waħda mill-kumpanniji fundaturi kellha s-setgħa, [kunfidenzjali], li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir fis-suq ta’ JAEPS. Fil-fatt, [kunfidenzjali]. Minn dan isegwi li l-kumpanniji fundaturi bilfors kellhom jaqblu dwar id-deċiżjonijiet importanti li kienu jirrigwardaw l-aġir fis-suq tas-sussidjarja bi sħab tagħhom.

194    Ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha [kunfidenzjali]. F’dan il-kuntest, il-fatt, mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li [kunfidenzjali] juri li [kunfidenzjali] il-kumpanniji fundaturi kellhom, fil-prattika, jaqblu dwar id-deċiżjonijiet importanti li kienu jirrigwardaw it-tmexxija u l-attivitajiet ekonomiċi ta’ JAEPS.

195    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li [kunfidenzjali], anki fl-ipoteżi li hija fondata, dan il-fatt, minnu nnifsu, ma huwiex determinanti peress li [kunfidenzjali]. Fil-punt 4.3 tat-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, FEH u FES tabilħaqq irrikonoxxew li “[kunfidenzjali]” u li “[kunfidenzjali]”. F’kull każ, kif tosserva l-Kummissjoni, mill-punti 5.7 u 5.8 tat-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li [kunfidenzjali]. Fl-aħħar nett, fl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2006, FEH u FES jammettu li “[kunfidenzjali]”. [kunfidenzjali] Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas, jidher li huwa, f’kull każ, żbaljat li jiġi allegat, kif tagħmel ir-rikorrenti, li “[kunfidenzjali]”.

196    Fir-rigward tal-fatt li l-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata, li dak iż-żmien kienet taħt it-tmexxija diretta ta’ JAEPS, ma ġietx diskussa waqt il-laqgħat bejn il-presidenti u/jew id-diriġenti eżekuttivi tal-kumpanniji fundaturi, dan ma huwiex rilevanti, peress li sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli għall-atti mwettqa mis-sussidjarja tagħha, b’ebda mod ma huwa meħtieġ li jiġi pprovat li l-imsemmija kumpannija parent kienet direttament involuta fl-aġir illegali jew kellha għarfien tiegħu. Fil-fatt, din ma hijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li fil-mument meta twettaq il-ksur, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha kellhom aġir uniku fis-suq li ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 58, u tat-30 ta’ April 2009, Itochu vs Il‑Kummissjoni, T‑12/03, Ġabra p. II‑883, punt 58). B’hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tipprova li FEH u FES kienu direttament implikati fi jew kienu jafu bil-parteċipazzjoni fil-ksur tat-tieni impriża kkonċernata, li dak iż-żmien tqiegħdet taħt it-tmexxija diretta ta’ JAEPS, imma biss tistabbilixxi li, fil-mument ta’ din il-parteċipazzjoni, l-imsemmija kumpanniji kienu effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħhom fis-suq, b’mod partikolari, bħala membri tal-konferenza operattiva (ara l-punti 180 u 181 iktar ’il fuq).

197    It-tieni nett, għandhom jiġu eżaminati l-indikazzjonijiet, miġbura fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-fatt li għadd kbir ta’ diriġenti eżekuttivi ta’ JAEPS kienu simultanjament jew konsekuttivament diriġenti eżekuttivi ta’ FEH jew FES.

198    Fil-premessa 400 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li:

“F’dan ir-rigward, l-eżempji li ġejjin dwar is-sovrappożizzjonijiet tal-karigi ta’ tmexxija fi ħdan Fuji […] jiżvelaw li:

a)      [Os.] kien [kunfidenzjali] ta’ JAEPS minn [kunfidenzjali] sa [kunfidenzjali] u simultanjament [kunfidenzjali] ta’ [FES]. Sussegwentement, huwa sar [kunfidenzjali] ta’ din il-kumpannija tal-aħħar fil-[kunfidenzjali].

b)      [H. H.], [kunfidenzjali] ta’ JAEPS minn [kunfidenzjali] sa [kunfidenzjali], kien ukoll [kunfidenzjali] ta’ [FEH]. Sussegwentement, huwa sar [kunfidenzjali] ta’ [FES].

c)      [Ok.] kien is-suċċessur ta’ [I.] bħala [kunfidenzjali] ta’ JAEPS sa [kunfidenzjali]. Simultanjament, huwa kien [kunfidenzjali] ta’ [FES].

d)      [Y.], [kunfidenzjali] ta’ JAEPS minn [kunfidenzjali], kien simultanjament [kunfidenzjali] u sussegwentement [kunfidenzjali] ta’ [FES].

e)      [A.], [kunfidenzjali] ta’ JAEPS sa [kunfidenzjali], kien ukoll [kunfidenzjali] ta’ [FEH].

f)      [K.] kien is-suċċessur ta’ [A.] bħala [kunfidenzjali] ta’ JAEPS minn [kunfidenzjali]. Huwa kien ukoll [kunfidenzjali] ta’ [FES].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

199    L-akkumulazzjoni ta’ karigi ta’ tmexxija fi ħdan FEH jew FES u ta’ karigi ta’ [kunfidenzjali] ta’ JAEPS bilfors qiegħed lil FEH u lil FES f’sitwazzjoni li effettivament jinfluwenzaw b’mod determinanti l-aġir fis-suq ta’ JAEPS, sa fejn dan kien jippermetti lill-membri tat-tmexxija tal-imsemmija kumpanniji li jikkontrollaw li l-linja ta’ azzjoni fis-suq ta’ din tal-aħħar tkun konformi ma’ dik li tirriżulta minn [kunfidenzjali], skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas. Mill-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonfermata dwar dan il-punt mill-parti H tat-tweġiba tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-punti 5.10 u 5.11 tat-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jirriżulta li [kunfidenzjali]. Issa, FEH u FES la kkontestaw u lanqas ma sostnew li d-diriġenti eżekuttivi tagħhom li kienu wkoll [kunfidenzjali] ta’ JAEPS, fil-kwalità ta’ [kunfidenzjali], ma rċevewx l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom. Anki jekk jitqies li dawn tal-aħħar ma kinux irċevew l-informazzjoni dwar [kunfidenzjali], mill-punt 5.10 tat-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li huma kienu, għall-kumpanniji fundaturi, mezz kif jiksbu informazzjoni dwar il-kwistjonijiet diskussi waqt [kunfidenzjali] ta’ JAEPS, jiġifieri dawk dwar [kunfidenzjali] ta’ JAEPS.

200    It-tielet nett, għandhom jiġu eżaminati l-indikazzjonijiet, miġbura fid-deċiżjoni kkontestata, relatati mal-fatt li FES u FEH żammew l-interess tagħhom għall-proġetti ta’ SIG prodotti minn JAEPS bħala distributuri ta’ dawn tal-aħħar.

201    Il-fatt li, meta nħolqot JAEPS, FEH u FES, kif ġie osservat fil-premessa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, komplew ibigħu proġetti ta’ SIG prodotti minn JAEPS “lill-klijenti stabbiliti tagħhom, ħlief lis-servizzi pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li kien jirrappreżenta, skont il-Kummissjoni, minn [kunfidenzjali] sa [kunfidenzjali] % tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp Fuji qabel il-ħolqien ta’ JAEPS, u li huma b’hekk saru klijenti importanti ta’ JAEPS, huwa xhieda tal-fatt li huma żammew interess kummerċjali speċifiku biex effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħhom fis-suq, [kunfidenzjali], skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Ftehim qafas.

202    B’hekk, saħansitra mingħajr ma huwa neċessarju, fid-dawl tal-konstazzjonijiet preċedenti, li jiġu eżaminati l-indikazzjonijiet l-oħra miġbura f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rilevanza tagħhom ukoll tqiegħdet f’dubju mir-rikorrenti, għandu jiġi konkluż li l-prova tal-eżerċizzju effettiv minn FEH u minn FES ta’ influwenza determinanti fuq il-linja ta’ azzjoni fis-suq segwita minn JAEPS ġiet prodotta kif titlob il-liġi mill-Kummissjoni anki jekk biss fid-dawl tas-serje ta’ indizji, miġbura fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq id-dispożizzjonjiet tal-Ftehim qafas, tal-akkumulazzjonijiet ta’ karigi ta’ tmexxija fi ħdan FEH u FES u fi ħdan JAEPS kif ukoll tal-interess li FEH u FES żammew għall-proġetti ta’ SIG prodotti minn JAEPS, bħala distributuri ta’ dawn tal-aħħar.

203    Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament żammet lil FEH u lil FES responsabbli personalment u in solidum, flimkien ma’ Hitachi u ma’ JAEPS, għall-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

204    Għaldaqstant, il-ħames motiv kif ukoll it-tieni lment tar-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Fuq it-talbiet għal tibdil parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

205    Ir-rikorrenti essenzjalment tistieden lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha skont l-Artikolu 261 TFUE (ex Artikolu 229 KE), biex tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multi li ġew imposti fuq FEH u fuq FES fl-Artikolu 2(d) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata, u dan b’teħid inkunsiderazzjoni tal-impossibbiltà li FEH tiġi legalment imputata bil-ksur, ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002, tal-impossibbiltà li FES tiġi legalment imputata b’dan l-istess ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002, tal-impossibbiltà li FEH u FES, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS, jiġu legalment imputati bil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004 u, fl-aħħar nett, in-neċessità li jitnaqqsu l-multi imposti fuq FEH u fuq FES fid-dawl tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-informazzjoni pprovduta minnhom matul il-proċedura amministrattiva, fis-sens tal-paragrafu 23(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, fid-dawl taċ-ċirkustanza attenwanti relatata mal-fatt li din l-informazzjoni ppermettiet li l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza tal-ksur b’inqas diffikultà, fis-sens tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”).

 Osservazzjonijiet preliminari dwar il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni

206    Abbażi tal-Artikolu 261 TFUE (ex Artikolu 229 KE), diversi regolamenti attribwew lill-qrati tal-Unjoni ġurisdizzjoni sħiħa fil-qasam tas-sanzjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedu li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa fuq rikorsi mressqa kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tiffissa jew tkun iffissat multa.

207    Din il-ġurisdizzjoni sħiħa madankollu tista’ tiġi eżerċita mill-qrati tal-Unjoni biss fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet u, b’mod iktar speċifiku, tar-rikors għal annullament. Fil-fatt l-Artikolu 261 TFUE (ex Artikolu 229 KE) ma jikkostitwixxix rimedju legali awtonomu, imma għandu biss l-effett li jestendi l-portata tas-setgħat tal-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors imsemmi fl-Artikolu 263 TFUE (ex Artikolu 230 KE). Għaldaqstant, rikors li għandu l-għan li jikseb mingħand il-qorti tal-Unjoni l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha kontra deċiżjoni ta’ sanzjoni jinkludi jew ikopri neċessarjament talba għal annullament, totali jew parzjali, ta’ din id-deċiżjoni (digriet tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Novembru 2004, FNICGV vs Il‑Kummissjoni, T‑252/03, Ġabra p. II‑3795, punt 25).

208    Lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità mwettaq fil-kuntest ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE (ex Artikolu 230 KE), li jippermetti biss iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament jew l-annullament tal-att ikkontestat, kif inhu previst fl-Artikolu 264 TFUE (ex Artikolu 231 KE), il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħti s-setgħa lill-qorti tal-Unjoni tibdel l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex tbiddel, pereżempju, l-ammont tal-multa imposta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692). Minn dan isegwi li, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, bħall-iffissar tar-rata ta’ żieda tal‑ammont tal-multa abbażi tat-tul tal-ksur jew tan-neċessità li tagħti portata dissważiva lis-sanzjoni jew bħall-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari meta pparagunata mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra, il-fatt li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fil-kuntest tar-rikors għal annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE (ex Artikolu 230 KE), huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jippreġudikax, bħala prinċipju, l-eżerċizzju mill-qorti tal-Unjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punti 32, 33 u 124).

209    Fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha l-kompetenza biex tevalwa n-natura xierqa tal-ammonti tal-multi fid-dawl tal-kriterji stabbiliti, skont il-każ, fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17 jew fl-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il‑Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 40; Weig vs Il‑Kummissjoni, C‑280/98 P, Ġabra p. I‑9757, punt 41, u Cascades vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 41). Din l-evalwazzjoni tal-aħħar tista’ tiġġustifika li tiġi prodotta u kkunsidrata informazzjoni addizzjonali li ma tkunx imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-multa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punti 164 u 190).

210    F’dan il-każ, skont it-talbiet kollha għal tibdil parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, jekk l-Artikolu 2(d) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata għandux jinbidel, anki fin-nuqqas ta’ annullament, sabiex ikun immodifikat l-ammont tal-multi imposti fuq FEH u fuq FES. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra d-difetti allegati insostenn tat-talbiet għal annullament tal-Artikolu 1(g) u (h) u tal-Artikolu 2(d) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata, li diġà tqajmu fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, id-difetti li ġew allegati biss insostenn tat-talbiet għal tibdil tal-Artikolu 2(d) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata u tal-informazzjoni kollha, prodotta mill-partijiet fil-kuntest ta’ din il-kawża, li tidher li hija rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-multi inkwistjoni.

 Fuq l-impossibbiltà li FEH tiġi legalment imputata bil-ksur għall-perijodu minn tmiem Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002

 L-argumenti tal-partijiet

211    Fid-dawl tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motivi, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-Artikolu 261 TFUE (ex Artikolu 229 KE) u tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq FEH, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà li hija tiġi legalment imputata bil-ksur għall-perijodu minn tmiem Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002.

212    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda u li, għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha titlef fir-rigward tat-talbiet preżenti tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

213    Sa fejn il-Kummissjoni setgħet legalment timputa lil FEH, fid-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur, li saħansitra kompla mingħajr interruzzjonijiet, għall-perijodu minn tmiem Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002 u li, għaldaqstant, l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda (ara l-punti 139 u 147 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tbiddel f’dan ir-rigward l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata.

214    Għaldaqstant, dawn it-talbiet għal tibdil parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-impossibbiltà li FES tiġi legalment imputata bil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002

 L-argumenti tal-partijiet

215    Fid-dawl tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-Artikolu 261 TFUE (ex Artikolu 229 KE) u tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq FES, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà li hija tiġi legalment imputata bil-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002.

216    Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u li, għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha titlef fir-rigward tat-talbiet preżenti tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

217    Sa fejn il-Kummissjoni setgħet legalment, fid-deċiżjoni kkontestata, timputa lil FES il-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill‑1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Settembru 2002 (ara l-punt 171 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tibdel l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt. Għaldaqstant, dawn it-talbiet għal tibdil parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

218    Min-naħa l-oħra, hemm lok li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tibdel parzjalment id-deċiżjoni kkontestata wara l-annullament tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija deċiżjoni kkontestata, sa fejn huwa msejjes fuq il-konstatazzjoni, mhux motivata, li FES tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001 (ara l-punti 170 u 172 iktar ’il fuq).

219    Fir-rigward tal-portata eżatta tat-tibdil tal-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, qabelxejn, fil-każ ta’ FES, l-imputazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur, għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001, ittieħdet inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ multi li kellhom jiġu imposti fuqha u li dan kellu bħala effett li jżid l-ammont ta’ dawn il-multi, kif jirriżulta mill-premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata.

220    Sussegwentement, biex tiġi deċiża ż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa li għandha tiġi imposta fuq FES abbażi tat-tul tal-ksur imputabbli lilha, il-metodu segwit mill-Kummissjoni, fil-premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li għall-ksur ta’ iktar minn sena, l-ammonti inizjali tal-multi għandhom jiżdiedu b’10 % għal kull sena sħiħa ta’ ksur u b’5 % għal kull perijodu supplimentari ta’ sitt xhur jew iktar, imma ta’ inqas minn sena, ma għandux jitwarrab. Għalkemm huwa minnu li dan il-metodu huwa xi ftit differenti minn dak deskritt fil-Linji gwida, li jipprevedu, għall-ksur ta’ tul medju (b’mod ġenerali minn sena sa ħames snin), ammont li jista’ jitla’ sa 50 % tal-ammont ikkunsidrat għall-gravità tal-ksur, madankollu dan huwa konformi mal-prattika abitwali tal-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-imsemmija Linji gwida. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni applikat l-imsemmi metodu fir-rigward tal-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u li dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

221    Fl-aħħar nett, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-annullament tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija deċiżjoni kkontestata, sa fejn huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni żbaljata li FES tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Ġunju 2001, ma jistax jiġi kkunsidrat iktar fir-rigward tagħha, bħal fil-premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata, ksur ta’ tul twil ta’ 14-il sena u erba’ xhur, li jiġġustifika, skont il-prinċipji stabbiliti fil-premessa 492 ta’ din l-istess deċiżjoni kkontestata, żieda ta’ 140 % tal-ammont inizjali tal-multa tagħha, imma biss ksur ta’ tul medju ta’ sena u tliet xhur, li jiġġustifika żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali tal-multa tagħha ffissat għal EUR 1 000 000, kif jirriżulta mill-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, u għaldaqstant, l-iffissar ta’ ammont bażiku ta’ EUR 1 100 000 tal-multa dovuta minn FES, in solidum ma’ FEH, minħabba l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Settembru 2002, bla ħsara għat-tnaqqis li jista’ jiġi applikat fuq dan l-ammont sabiex jittieħdu adegwatament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mir-rikorrenti (ara l-punti 226 sa 268 iktar ’l isfel).

 Fuq l-impossibbiltà li FEH u FES, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS, jiġu legalment imputati bil-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fl-akkordju għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004

 L-argumenti tal-partijiet

222    Fid-dawl tal-ħames motiv u tat-tieni lment tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-Artikolu 261 TFUE (ex Artikolu 229 KE) u tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq FEH u fuq FES, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà li, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS, jiġu legalment imputati bil-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

223    Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raba’ motiv u t-tieni lment tar-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda u li, għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha titlef fir-rigward tat-talbiet preżenti tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

224    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet legalment timputa lil FEH u lil FES, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS, il-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004 (ara l-punti 203 u 204 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u tbiddel l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata.

225    Għaldaqstant, dawn it-talbiet għal tibdil parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq in-neċessità li FEH u FES jingħataw tnaqqis fl-ammont tal-multi tagħhom fid-dawl tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-informazzjoni mogħtija matul il-proċedura amministrattiva, abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni jew, sussidjarjament, abbażi ta’ ċirkustanza attenwanti, skont il-Linji gwida

 L-argumenti tal-partijiet

226    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-Artikou 261 TFUE (ex Artikolu 229 KE) u tagħti lil FEH u lil FES tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom, fid-dawl tal-paragrafi 21 u 22 kif ukoll tal-paragrafu 23(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur miżjud sinjifikattiv tal-informazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva, fid-dikjarazzjoni tagħhom abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fl-ittra tagħhom tad-29 ta’ Settembru 2006 (ara l-punti 19, 20 u 25 iktar ’il fuq), informazzjoni li ppermettiet lil din tal-aħħar tipprova l-ksur issuspettat. Il-fatt li din l-informazzjoni ġiet ipprovduta wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jeskludix li l-kriterju tal-valur miżjud sinjifikattiv, fis-sens tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, seta’ ġie sodisfatt.

227    Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq FEH u fuq FES, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, sa fejn il-kooperazzjoni effettiva tagħhom fil-proċedura amministrattiva ppermettiet li l-Kummissjoni tikkonstata iktar faċilment l-eżistenza tal-ksur, din b’hekk tista’ tiġi ttrattata, fid-dawl tal-ġurisprudenza, bħala ċirkustanza attenwanti abbażi tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida.

228    Il-Kummissjoni titlob li dawn it-talbiet jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

229    Qabel ma ssir l-analiżi fuq il-mertu ta’ dawn it-talbiet, għandhom jiġu identifikati l-premessi tad-deċiżjoni kkontestata msemmija f’dawn it-talbiet u għandhom jitfakkru r-regoli applikabbli għat-tnaqqis tal-multi fid-dawl tal-provi prodotti mill-impriża li pparteċipat fil-ksur u tal-kooperazzjoni effettiva tagħha fil-proċedura amministrattiva.

–       Fuq il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati minn dawn it-talbiet għal tibdil

230    Fil-premessi 548 sa 550 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat dan li ġej, fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ FEH u ta’ FES matul il-proċedura amministrattiva:

“(548) Wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-partijiet, Fuji talbet tnaqqis fil-multi abbażi tal-avviż dwar il-[kooperazzjoni] (fit-12 ta’ Lulju 2006), filwaqt li talbet li t-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. Fit-28 ta’ Settembru 2006, mad-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha hija żiedet testimonjanza ulterjuri ta’ ex impjegat.

(549) Fid-dikjarazzjonijiet tagħha, Fuji ddeskriviet l-akkordju u rrikonoxxiet li huwa kien jeżisti fil-forma deskritta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija rrikonoxxiet li pparteċipat fih minn April 1988 ‘sal-ħabta ta’ Settembru 2000’. Fuji ddeskriviet il-proċeduri interni tal-akkordju, b’mod partikolari fir-rigward tal-kuntatti bejn l-impriżi Ġappuniżi u pproduċiet ċerti provi, b’mod partikolari lista ta’ dokumenti li kienet tinkludi proġetti li kien miftiehem, skont ir-regoli tal-akkordju, li kellhom jiġu implementati wara Settembru 2000 [ara l-premessa 198]. Madankollu, Fuji kkontestat il-parteċipazzjoni tagħha wara Settembru 2000 kif ukoll ir-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq minn JAEPS.

(550) Billi t-talba ta’ Fuji saret wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji ma saħħewx sinjifikattivament il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni, peress li Fuji kkonfermat punti ta’ fatt li diġà kienu ġew stabbiliti kif titlob il-liġi mill-Kummissjoni abbażi ta’ provi oħra u ma pproduċiet l-ebda element ieħor li fuqu setgħu jiġu bbażati lmenti ġodda. Għaldaqstant, il-kontribuzzjoni tagħha ma ġabitx valur miżjud sinjifikattiv b’rispett għall-provi li diġà kienu jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data meta l-provi ġew prodotti u ma tiġġustifikax li jingħata tnaqqis fil-multa skont l-avviż dwar il-[kooperazzjoni]. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

–       Fuq ir-regoli applikabbli għat-tnaqqis tal-multi fid-dawl tal-provi prodotti mill-impriża li pparteċipat fil-ksur u tal-kooperazzjoni effettiva tagħha fil-proċedura amministrattiva

231    Skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, f’każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi li pparteċipaw fil-ksur, huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li tali kooperazzjoni tkun ippermettiet li l-Kummissjoni tikkonstata dan il-ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li ttemm dan il-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 399; sentenzi tal-Qorti Ġenerali BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 325, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363).

232    Il-paragrafi 20 sa 23 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdu dan li ġej:

“20.      Impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [previsti fil-punt A ‘Immunità minn multi’] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

21.      Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

22.      Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.

23.      Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

a)      jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

b)      il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu […].

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis […], il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew imressqin il-provi li jissodisfaw il-[paragrafu] 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

233    Il-Linji gwida jipprevedu li l-metodu l-ġdid applikabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-multa jkun ibbażat fuq skema li tibda minn ammont bażiku li fuqu jiġu applikati żidiet biex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew li fuqu jiġi applikat tnaqqis biex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti.

234    Is-sitt inċiż, tal-punt 3, tal-Linji gwida jipprevedi li kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedura, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tista’, pereżempju, tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.

235    Għalkemm l-avviż dwar il-kooperazzjoni u l-Linji gwida, li jirriżultaw minn awtolimitazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara l-punt 208 iktar ’il fuq), ma jikkostitwixxux dispożizzjoni legali li għandhom, ikun xi jkun il-każ, jiġu osservati mill-istituzzjoni, huma madankollu jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li minnha l-amministrazzjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li timponi multa abbażi ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ma tistax titbiegħed, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Itochu vs Il‑Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq l-analiżi tal-informazzjoni u tal-elementi prodotti minn FEH u minn FES li allegatament kienu jirrappreżentaw “valur miżjud sinnifikattiv” meta mqabbla mal-elementi li l-Kummissjoni diġà kellha u li kienu jikkorrispondu għal “kooperazzjoni effettiva” fil-proċedura amministrattiva

236    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tirreferi għal ċerta informazzjoni li FEH u FES taw lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni mill-1988 u n-natura reċiproka tiegħu, li tissemma fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll selezzjoni ta’ dokumenti, b’mod partikolari ftehim li kienu konklużi fil-kuntest tal-akkordju u dwar 13-il proġett ta’ SIG differenti, li jissemmew fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata.

237    Il-Kummissjoni ssostni, b’mod ġenerali, li din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti ma tantx seta’ jkollhom “valur miżjud sinnifikattiv” u jikkorrispondu għal “kooperazzjoni effettiva” min-naħa ta’ FEH u ta’ FES fl-investigazzjoni, peress li dawn kienu ġew ikkomunikati wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, għaldaqstant, f’fażi meta l-Kummissjoni diġà kienet stabbiliet b’mod ċar il-fatti li fuqhom hija kienet se tibbaża ruħha f’dan il-każ kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, kif jirriżulta anki mill-paragrafu 26 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

238    Ċertament, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni. Dan ir-rekwiżit huwa sodisfatt meta d-deċiżjoni finali ma tallegax li l-persuni kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 138, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 209 iktar ’il fuq, punt 47; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punt 94). Madankollu, għalkemm il-ksur allegat kontra impriża f’deċiżjoni ma jistax ikun differenti minn dak sostnut fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dan ma japplikax ukoll għall-fatti kkonstatati, peress li huwa biżżejjed, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, li l-impriżi kkonċernati kellhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar il-fatti kollha li ġew allegati fil-konfront tagħhom. Dan ġie espressament ikkonstatat mill-qrati tal-Unjoni li kkunsidraw li l-ebda dispożizzjoni ma tipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkomunika lill-partijiet, wara li tkun intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dokumenti ġodda li hija tqis li jsostnu l-argument tagħha, bir-riżerva li l-impriżi jingħataw iż-żmien neċessarju sabiex jippreżentaw il-fehma tagħhom dwar dan is-suġġett (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 190; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 29).

239    Għalkemm huwa minnu li d-data meta l-provi jiġu prodotti quddiem il-Kummissjoni taffettwa l-klassifikazzjoni tagħhom ta’ jekk għandhomx valur miżjud sinjifikattiv, sa fejn din il-klassifikazzjoni tiddependi fuq provi diġà inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni fid-data meta ġew prodotti, is-sempliċi fatt li dawn il-provi ġew prodotti wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jeskludix li huma jista’ jkollhom, minkejja l-istadju avvanzat tal-proċedura amministrattiva, valur miżjud sinjifikattiv. B’mod partikolari, f’talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni mressqa wara li tkun intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tista’ tiffoka fuq fatti li, fil-fehma tagħha, ma ġewx stabbiliti kif titlob il-liġi sabiex tagħti valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbel mal-provi li l-Kummissjoni diġà kellha.

240    Barra minn hekk, il-paragrafu 26 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni jillimita ruħu li jimponi obbligu proċedurali fuq il-Kummissjoni. Dan ma jipprevedix li kull kooperazzjoni ta’ impriża sabiex tiġi stabbilita l-prova tal-ksur bilfors hija nieqsa minn kull valur jekk din tiġi prodotta biss wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li tali kooperazzjoni tista’ tkun ferm utli meta l-Kummissjoni, preċedentement, ma kinitx taf bil-provi prodotti u meta dawn ikollhom effett dirett fuq il-gravità jew fuq it-tul tal-akkordju ssuspettat.

–       Fuq l-analiżi tal-informazzjoni pprovduta minn FEH u minn FES dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni mill-1988 u dwar in-natura reċiproka tiegħu

241    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-“arranġament komuni” kien ftehim mhux bil-miktub li ġie konkluż bejn l-impriżi Ġappuniżi u Ewropej, li jgħid li “l-Ġappuniżi ma kellhomx iressqu offerti għall-proġetti [ta’ SIG] Ewropej u viċi versa, l-Ewropej ma kellhomx iressqu offerti għall-proġetti [ta’ SIG] Ġappuniżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “il-Ġappun u l-pajjiżi Ewropej fejn il-membri Ewropej tal-akkordju kienu jibbenefikaw minn pożizzjonijiet privileġġjati kienu rriżervati għall-membri kkonċernati tal-akkordju u ma kellhom ikunu suġġetti għall-ebda intervent min-naħa tal-membri l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat ukoll li “[s]kont il-loġika tal-akkordju […], ġie stabbilit, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-[membri tal-akkordju] u ta’ provi dokumentarji oħra, li l-akkordju antikompettiv eżista u kien jinvolvi l-osservanza reċiproka tal-ikbar sehem tas-suq taż-ŻEE mill-Ġappuniżi u tas-suq Ġappuniż mill-Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li “[kien] ukoll stabbilit li, fil-kuntest tas-sorveljanza tal-kwoti globali, il-bejgħ li kien isir fiż-ŻEE barra mill-pajjiżi kostrutturi kien attribwit fil-kwoti globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[d]an il-mekkaniżmu, sempliċement bid-definizzjoni u bl-implementazzjoni tiegħu, żvela l-eżistenza ta’ għan restrittiv […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

242    L-arranġament komuni huwa l-uniku element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-impriżi Ġappuniżi, skont l-espressjoni msemmija fil-premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata, “tabilħaqq ħadu sehem fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-premessi 119, 126, 244 u 246 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Ftehim GQ, li kienu partijiet għalih l-impriżi Ġappuniżi, ma kienx applikabbli għall-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta, pereżempju, mill-premessa 247 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi Ġappuniżi kienu partijiet għal arranġamenti, bħall-Ftehim EQ, li kellhom riperkussjonijiet diretti fuq is-suq Ewropew. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għalhekk l-arranġament komuni, kif ġie deskritt fil-premessi 125 u 261 tad-deċiżjoni kkontestata, li jippermetti li tinħoloq rabta bejn l-impriżi Ġappuniżi u s-suq taż-ŻEE u li huwa, għaldaqstant, il-bażi eventwali tal-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

243    Mill-premessi 125 sa 132 u 255 sa 264 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-arranġament komuni, kif ġie deskritt fil-premessi 125 u 261 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss, kif tallega b’mod żbaljat ir-rikorrenti, fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq, imma fuq “serje koerenti ta’ provi inkriminanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ikkostitwita mill-elementi li ġejjin:

–        id-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji tal-grupp Areva (ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata) u d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 72 tad-deċiżjoni kkontestata) li minnhom jirriżulta li l-akkordju nħoloq biex jinżamm l-istatus quo, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ishma tas-suq storiċi u l-pożizzjonijiet privileġġjati tradizzjonali tal-partijiet (ara l-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u, b’mod partikolari, dawk ta’ wieħed mill-ex impjegati tagħha, M., xhud dirett tal-fatti (ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 73 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 76 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn jingħad li t-tqassim fuq livell dinji tal-proġetti kien imsejjes fuq l-arranġament komuni (ara l-premessi 125, 255, 262 u 263 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-fatt li la Alstom, la l-kumpanniji tal-grupp Areva u lanqas il-grupp VA Tech ma kkontestaw b’mod miftuħ l-eżistenza tal-arranġament komuni (ara l-premessi 124, 127 u 253 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-Ftehim GQ u l-Anness 2 tiegħu, ikkomunikati minn ABB, sa fejn kienu jipprevedu inizjalment lista ta’ pajjiżi esklużi, magħmula b’mod partikolari, mill-Ġappun u mill-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, li sussegwentement ġiet estiża għas-suq tal-“Ewropa”, li kienet tippermetti li l-imsemmija reġjuni jkunu ttrattati skont regoli ta’ allokazzjoni speċifiċi, skont l-ispirtu tal-arranġament komuni (premessa 126 u nota ta’ qiegħ il-paġna 62 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-provi dokumentarji li jmorru lura għaż-żmien tal-ksur, ikkomunikati minn ABB jew mill-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew JAEPS, li jixhdu li (i) l-allokazzjoni lill-impriżi Ġappuniżi tal-proġetti ta’ SIG fl-Islanda, fil-Lichtenstein u, tul perijodu twil, fl-Ewropa tal-Lvant ma kinitx eskluża; (ii) li meta sar l-aġġustament tal-akkordju tal-2002, kienu saru diskussjonijiet bejn l-impriżi Ġappuniżi u Ewropej dwar jekk l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kinitx suq tal-Ewropej; u (iii) li l-impriżi Ewropej kienu fil-fatt qassmu l-proġetti korrispondenti ta’ SIG fl-Ewropa, fosthom, mill-2002, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa tal-Lvant (premessi 127, 128 u 256 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew ta’ JAEPS [noti ta’ qiegħ il-paġna 85 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata] kif ukoll diversi provi dokumentarji li jmorru lura għaż-żmien meta twettaq il-ksur, ikkomunikati minn ABB, li jixhdu li l-impriżi Ġappuniżi kienu jafu wkoll bl-eżistenza tal-arranġamenti fuq il-livell Ewropew (mingħajr neċessarjament ma kienu jafu d-dettalji jew il-modalitajiet tagħhom) li kienu jirrigwardaw il-proġetti ta’ SIG u li kienu jafu wkoll bil-proġetti ta’ SIG, b’mod partikolari b’ċerti proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, imqassma bejn l-impriżi Ewropej; huma kienu wkoll informati minn qabel, b’ċerti proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, mhux biss fl-Islanda, imma anki f’ċerti pajjiżi esklużi mill-Anness 2 tal-Ftehim GQ, u dan f’konformità mal-possibbiltà ta’ notifika prevista fl-Anness 2 tal-Ftehim EQ, ikkomunikata minn ABB (premessi 119 u 129 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

244    Ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni mill-1988 u dwar in-natura reċiproka tiegħu, kif imsemmija fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom valur miżjud sinjifikattiv għall-Kummissjoni, peress li dawn id-dikjarazzjonijiet ippermettewlha tipprova l-eżistenza u l-portata tal-arranġament komuni kif titlob il-liġi, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwżiti tal-ġurisprudenza u l-ispjegazzjoni alternattiva kredibbli, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ barrieri b’saħħithom għad-dħul fis-suq Ewropew tal-proġetti ta’ SIG li jiddisswadu lill-fornituri Ġappuniżi ta’ dawn il-prodotti, li ngħatat jew ġiet ikkorroborata mill-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew minn JAEPS, minn Toshiba, minn Melco, minnhom stess, mill-kumpanniji tal-grupp Areva u mill-grupp VA Tech.

245    Huwa stabbilit li, matul il-proċedura amministrattiva u, għall-ewwel darba, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, FEH u FES irrikonoxxew l-eżistenza tal-arranġament komuni meta indikaw dan li ġej:

“Minkejja li Fuji kienet taf bl-arranġament komuni, li abbażi tiegħu l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jipprovaw jippenetraw is-suq Ewropew, din ma kinitx ir-raġuni prinċipali għan-nuqqas ta’ bejgħ tagħha ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE. Fuji ma kinitx fornitriċi ta’ proġetti ta’ SIG importanti u kredibbli għall-Ewropa għar-raġunijiet li ġejjin […]”.

246    Mingħajr ma lanqas biss ma hemm għalfejn jissemmew id-dikjarazzjonijiet ulterjuri ta’ FEH u ta’ FES, jista’ jiġi kkonstatat li, kif ġie osservat fil-premessi 125 u 255 tad-deċiżjoni kkontestata, FEH u FES b’hekk tabilħaqq ikkorroboraw, anki jekk f’termini relattivament vagi, l-eżistenza tal-arranġament komuni u parti essenzjali mill-kontenut tiegħu, jiġifieri li l-produtturi Ġappuniżi impenjaw irwieħhom li ma jippenetrawx is-suq Ewropew. Barra minn hekk, f’din l-istess tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, FEH u FES indikaw, f’nota ta’ qiegħ il-paġna, li “il-produtturi Ġappuniżi ma kinux partijiet għall-[Ftehim EQ]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li “[b]ħala tali, ir-rappreżentanti ta’ Fuji ma kinux jafu jekk il-[Ftehim EQ] kienx ġie konkluż jew le fi Vjenna” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li “[h]uma lanqas ma kienu jafu x’kien il-kontenut tal-[Ftehim EQ]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[b]arra minn hekk, […] l-informazzjoni dwar l-allokazzjoni tal-proġetti [ta’ SIG] fil-pajjiżi Ewropej esklużi mill-Anness 2 għall-Ftehim GQ ma kinitx tiġi kkomunikata b’mod sistematiku lill-produtturi Ġappuniżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala konferma tal-fatt li l-impriżi Ġappuniżi kienu jafu bil-proġetti ta’ SIG imqassma bejn l-impriżi Ewropej, anki f’ċerti pajjiżi esklużi tal-Anness 2 għall-Ftehim GQ. Madankollu, bil-kontra ta’ dak li indikat il-Kummissjoni fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl ta’ dawn il-provi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-impriżi Ġappuniżi kienu jafu wkoll bl-eżistenza ta’ arranġamenti fuq il-livell Ewropew.

247    Madankollu, mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati fil-punt 243 iktar ’il fuq, moqrija flimkien mal-premessi 88, 91 u 95, jirriżulta li, meta l-Kummissjoni saret taf b’dawn id-dikjarazzjonijiet, ifformulati għall-ewwel darba fit-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-30 ta’ Ġunju 2006, hija kellha fil-pussess tagħha l-provi msemmija fil-punt 243 iktar ’il fuq, jiġifieri provi dokumentarji, ikkomunikati minn ABB u mill-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew minn JAEPS, kif ukoll dikjarazzjonijiet espliċiti tal-kumpanniji tal-grupp Areva, ta’ ABB u tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew ta’ JAEPs li minnhom, skont il-Kummissjoni, setgħet tiġi loġikament dedotta l-eżistenza ta’ “arranġament komuni” kif deskritt fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata.

248    Fil-fatt, fil-premessi 258 u 261 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment sostniet li l-eżistenza ta’ “arranġament komuni”, kif deskritt fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tiġi dedotta mid-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-akkordju u minn provi dokumentarji oħra inklużi fil-fajl sa fejn, fid-dawl ta’ dawn il-provi, din kienet tidher bħala spjegazzjoni koerenti u konformi mal-loġika tal-akkordju. B’hekk, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessi 258 sa 260, l-eżistenza ta’ “arranġament komuni”, kif deskritt fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tispjega b’mod koerenti:

–        ir-raġunijiet għaliex il-bejgħ f’ċerti pajjiżi taż-ŻEE (dawk li ma kinux ikkunsidrati bħala “pajjiżi kostrutturi”) kien attribwit fil-kwoti tal-akkordju u kkontrollat mill-partijiet għal dawn il-ftehim filwaqt li, bil-kontra, il-bejgħ fil-Ġappun u fil-pajjiżi l-oħra taż-ŻEE (il-“pajjiżi kostrutturi) ma kienx “attribwit” (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ir-raġunijiet għaliex, minn naħa, il-kwoti dinjija kienu jinkludu bejgħ fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa u, min-naħa l-oħra, id-differenza fit-trattament tal-bejgħ fi ħdan iż-ŻEE ma kinitx tidher fit-testi bħala tali, billi l-pajjiżi kollha taż-ŻEE kienu sempliċement elenkati bħala territorji esklużi fil-Ftehim GQ (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata), u

–        ir-raġunijiet għaliex l-impriżi Ġappuniżi ma kinux qed iressqu offerti iktar ta’ spiss fl-Ewropa u apparantement matul 16-il sena lanqas biss ma kienu pprevedew li jippenetraw is-suq Ewropew b’mezzi simili għal dawk użati għal swieq oħra fil-bqija tad-dinja (premessi 259 u 260 tad-deċiżjoni kkontestata).

249    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-akkordju u l-provi dokumentarji l-oħra insostenn tal-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni għall-eżistenza ta’ “arranġament komuni” ma kinux rilevanti, sa fejn dawn kienu redatti b’mod ambigwu u ma kinux biżżejjed sabiex tiġi injorata l-ispjegazzjoni alternattiva kredibbli invokata, mogħtija minn diversi mill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, li tgħid li l-eżistenza ta’ barrieri b’saħħithom għad-dħul kienu jagħmlu d-dħul fis-suq Ewropew ta’ dawn il-prodotti kummerċjalment mhux attraenti għall-fornituri Ġappuniżi ta’ proġetti ta’ SIG.

250    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-ispjegazzjoni alternattiva li ssemmi r-rikorrenti ma hijiex kompatibbli mad-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-akkordju u mal-provi dokumentarji l-oħra, b’mod partikolari msemmija fil-punt 243, li minnhom jirriżulta, li meta sar l-aġġustament tal-akkordju fl-2002, kienu saru xi diskussjonijiet bejn l-impriżi Ġappuniżi u Ewropej dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-swieq tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kinux irriżervati għall-impriżi Ewropej, li l-impriżi Ġappuniżi kienu wkoll informati, fil-kuntest tal-akkordju, bl-allokazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, u dan anki jekk il-pajjiżi kollha taż-ŻEE kienu, bħala prinċipju, elenkati fil-Ftehim GQ bħala territorji esklużi, b’tali mod li ma kellhomx, a priori, jiġu attribwiti fil-kwota konġunta Ewropea u li l-impriżi Ġappuniżi kienu wkoll informati minn qabel b’ċerti proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, mhux biss fl-Islanda, imma anki f’ċerti pajjiżi esklużi mill-Anness 2 tal-Ftehim GQ. Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-premessi 256 u 257 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ tali diskussjonijiet, min-naħa l-oħra, hija kompatibbli (i) mal-fatt li l-impriżi Ġappuniżi kienu pperċepiti mill-kontropartijiet Ewropej tagħhom bħala kompetituri potenzjali kredibbli fis-swieq Ewropej, (ii) mal-fatt li, b’mod partikolari, qabel l-2002, huma wieġbu għal sejħiet għal offerti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jew biegħu proġetti ta’ SIG maħsuba biex jintużaw f’din iż-żona u (iii) mal-fatt li l-impriżi Ewropej kienu aċċettaw, fil-kuntest ta’ akkordju li kellu l-għan li jżomm l-ishma tas-suq storiċi tal-membri tiegħu, li “jissagrifikaw” proġetti ta’ SIG barra mill-Ewropa, billi l-proġetti ta’ SIG Ewropej (minbarra l-“pajjiżi kostrutturi”) jiġu attribwiti fil-kwota globali tagħhom prevista fil-Ftehim GQ, inkambju għall-possibbiltà li jikkontrollaw il-livell ta’ prezzijiet tagħhom fl-Ewropa.

251    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni diġà kellha fil-pussess tagħha d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, imsemmija fil-punt 243 iktar ’il fuq, li kienu jikkonfermaw il-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza u l-kontenut tal-arranġament komuni, kif “dawn [setgħu] oġġettivament jinġibdu abbażi tal-mekkaniżmu globali tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], skont l-espressjoni użata mill-Kummissjoni fil-premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata, u dan skont id-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-akkordju u l-provi dokumentarji l-oħra msemmija fil-punt 243 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni, fuq it-talba tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), jirriżulta li fit-30 ta’ Ġunju 2006 u simultanjament għat-tweġiba ta’ FEH u ta’ FES għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha t-tweġiba tal-kumpanniji tal-grupp Hitachi jew ta’ JAEPS għal din l-istess dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet tikkonferma l-attribuzzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ SIG fl-Ewropa (minbarra l-“pajjiżi kostrutturi”) fil-kwota globali Ewropea prevista mill-Ftehim GQ.

252    B’hekk, minkejja li fil-kuntest tas-“serje koerenti ta’ provi inkriminanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES kienu ta’ ċerta utilità, dawn ma għamlu xejn ħlief ikkonfermaw, b’mod inqas preċiż u espliċitu mid-dikjarazzjonijiet preċedenti ta’ ABB, l-eżistenza u l-kontenut ta’ arranġament komuni, li diġà setgħu jiġu dedotti mid-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-akkordju u minn provi dokumentarji oħra prodotti lill-Kummissjoni u msemmija fil-punt 243, iktar ’il fuq.

253    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet relattivament vagi ta’ FEH u ta’ FES, minkejja li kellhom ċertu valur probatorju, ma kellhomx valur probatorju sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni u li dawn ma jiġġustifikawx li l-Kummissjoni tagħtihom tnaqqis fil-multa abbażi tal-paragrafi 21, 22 u 23 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

254    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kooperazzjoni ta’ FEH u ta’ FES tiġġustifika minkejja kollox tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, għandu jitfakkar li, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi, bħala ċirkustanza attenwanti l-“kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedura, barra l-kamp ta’ applikazzjoni [tal-avviż dwar il-kooperazzjoni]”, din bilfors qed tirreferi, għall-inqas fir-rigward tal-akkordji orizzontali msemmija minn dan l-avviż, għal kooperazzjoni li tkun insuffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 307).

255    Madankollu, hemm lok li jitfakkar ukoll li, sabiex jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, l-aġir ta’ impriża għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u r-repressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 308, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ipoteżi kkunsidrata fis-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida hija sitwazzjoni eċċezzjonali f’dak li jikkonċerna l-akkordji orizzontali kkunsidrati mil-Linji gwida, u dan peress li jrid ikun hemm kooperazzjoni “effettiva” li tkun iffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni iżda li ma tkunx koperta mill-avviż dwar il-kooperazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 308).

256    F’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni li kien jikkonsisti fil-konstatazzjoni u fir-repressjoni tal-ksur, peress li, kif ġie osservat fil-punt 252 iktar ’il fuq, dawn ma għamlu xejn ħlief ikkonfermaw, b’mod sekondarju u inqas preċiż u espliċitu mid-dikjarazzjonijiet preċedenti ta’ ABB, l-eżistenza u l-kontenut ta’ arranġament komuni, li diġà setgħu jiġu dedotti mid-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-akkordju u minn provi dokumentarji oħra prodotti lill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, minn uħud imsemmija fil-punt 243 iktar ’il fuq.

257    B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet ta’ FEH u ta’ FES ma jiġġustifikawx li huma jingħataw tnaqqis fl-ammont tal-multi imposti fuqhom minħabba li huma kkooperaw effettivament fil-proċedura, fis-sens tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida. Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tbiddel f’dan ir-rigward l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata.

258    Konsegwentement, dawn it-talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

–       Fuq l-analiżi tas-selezzjoni ta’ dokumenti, b’mod partikolari l-iskedi tal-arranġament, redatti fil-mument meta seħħew il-fatti u li jirrigwardaw 13-il proġett ta’ SIG differenti suġġetti għall-arranġamenti tal-akkordju

259    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li s-selezzjoni ta’ dokumenti, b’mod partikolari l-iskedi tal-arranġament, redatti fil-mument meta seħħew il-fatti u li jirrigwardaw 13-il proġett ta’ SIG differenti suġġetti għall-arranġamenti tal-akkordju, li FEH u FES ipprovdew lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kellhom valur miżjud sinjifikattiv għal din tal-aħħar billi saħħew il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi li l-akkordju kompla jeżisti wara l-laqgħa li nżammet biex [kunfidenzjali] fi [kunfidenzjali].

260    Għandu jiġi osservat li d-dokumenti ċċitati mir-rikorrenti ma ġewx iċċitati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li huma ssemmew għall-ewwel darba fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata.

261    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-provi tal-fajl jirriżulta li d-data li tirrigwarda l-proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali] ġejja mill-iskedi tal-arranġament u minn dokumenti oħra speċifiċi inklużi fl-Anness 2 għad-dikjarazzjoni ta’ FEH u ta’ FES abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. Minkejja li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx minn fejn kienet ġejja d-data li kienet tirrigwarda l-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], mill-fajl jirriżulta li FEH u FES ipproduċew ukoll l-iskeda tal-arranġament li tirrigwarda dan il-proġett fl-Anness 2 għad-dikjarazzjoni tagħhom abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

262    Ċertament, fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li ċerta data li tirrigwarda l-proġetti ta’ SIG imsemmija iktar ’il fuq ġiet ikkomunikata minn ABB u mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet u għat-talba biex ikunu prodotti dokumenti tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) jirriżulta li din il-komunikazzjoni saret fis-7 ta’ Mejju 2004 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) fil-forma ta’ lista ta’ proġetti ta’ SIG. Madankollu, il-lista li ġiet prodotta mill-Kummissjoni, fuq it-talba tal-Qorti Ġenerali, tinkludi biss parti mid-data dwar il-proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] u din bl-ebda mod ma tikkorrispondi għal dik irrepetuta fil-premessa 198 fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-data rilevanti li tirrigwarda l-imsemmija proġetti ta’ SIG hija biss dik li ġiet ikkomunikata minn FEH u minn FES, fl-Anness 2 għad-dikjarazzjoni tagħhom abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

263    Għandu jiġi osservat li d-data li tirrigwarda l-proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali], li kienet trażmessa minn FEH u minn FES, u b’mod partikolari dik li tirrigwarda l-ftehim dwar il-proġett ta’ SIG bin-numru ta’ referenza [kunfidenzjali], fejn kienet implikata l-ewwel impriża kkonċernata u li t-terminu ta’ validità tiegħu kien minn [kunfidenzjali] sa [kunfidenzjali], kellha effett dirett fuq it-tul tal-akkordju ssuspettat fir-rigward ta’ FEH u ta’ FES, billi ppermetta li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-ewwel impriża kkonċernata kompliet tipparteċipa fil-ksur bejn Settembru 2000 u l-1 ta’ Ottubru 2002.

264    Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 80, 94 u 97 sa 101 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-ftehim li ġew konklużi bejn il-membri tal-akkordju dwar it-tmien proġetti ta’ SIG bin-numri ta’ referenza [kunfidenzjali] kienu utli biex il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li l-ewwel impriża kkonċernata u impriżi oħra komplew jipparteċipaw fl-akkordju matul il-perijodu 2000-2001. Issa, fost id-dokumenti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-Kummissjoni, huma biss il-ftehim li ġew konklużi bejn il-membri tal-akkordju dwar it-tmien proġetti ċċitati iktar ’il fuq li jippermettu li jiġi stabbilit, għall-inqas sa Settembru jew sa Ottubru 2001, li l-membri tal-akkordju ċċitati iktar ’il fuq kienu għadhom marbuta bi ftehim li kienu ġew konklużi fil-kuntest tal-akkordju, li saħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kontinwazzjoni tal-akkordju matul dan il-perijodu.

265    Peress li jirriżulta li FEH u FES ipprovdew id-data essenzjali kollha dwar dawn il-ftehim, data li qabel il-Kummissjoni ma kinitx taf biha, l-ammont bażiku tal-multa tagħhom kellu jitnaqqas, skont il-paragrafu 23 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, sabiex dawn il-fatti ma jiġux ikkunsidrati meta ġie ffissat l-ammont tal-multi li kellhom jiġu imposti fuqhom fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata.

266    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni missha naqqset l-ammont tal-multa li hija kienet imponiet fuq FEH u FES sabiex ma tittiħidx inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Settembru 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx għalfejn jiġi mistħarreġ jekk, kif issostni r-rikorrenti, FEH u FES għandhomx jingħataw tnaqqis fl-ammont tal-multi tagħhom, minħabba li meta pprovdew il-lista tal-ftehim, huma effettivament kkooperaw fil-proċedura, fis-sens tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida.

267    Skont il-metodu adottat fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 220 iktar ’il fuq), il-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq FEH u FES għandu jiġi rivedut sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li la fuq FEH u lanqas fuq FES ma għandha tiġi imposta żieda fuq l-ammont inizjali tal-multa tagħhom minħabba l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu kollu minn tmiem Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002. Skont il-prinċipji stipulati fil-premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq FES ma tistax tiġi imposta żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali tal-multa tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Settembru 2002, kif ġie previst fil-punt 221 iktar ’il fuq, u fil-każ ta’ FEH jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss ksur ta’ 12-il sena u tliet xhur, li jiġġustifika żieda ta’ 120 % tal-ammont inizjali tal-multa, u għaldaqstant, l-ammont ta’ multa dovuta minn din tal-aħħar minħabba l-parteċipazzjoni tal-ewwel impriża kkonċernata fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002 għandu jiġi ffissat għal EUR 2 200 000.

268    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, l-ammont tal-multa ta’ EUR 2 400 000, kif ġie kkalkolat fil-premessi 522 u 552 tad-deċiżjoni kkontestata (noti ta’ qiegħ il-paġna 457 u 465 tad-deċiżjoni kkontestata), dovuta minn FEH fl-aħħar mill-aħħar għandha titnaqqas għal ammont ta’ EUR 2 200 000, fejn EUR 1 000 000 mill-ammont dovut minn FEH għandu jitħallas, in solidum, minn din tal-aħħar u minn FES.

269    Madankollu, fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, kif imsemmi fil-punt 43 iktar ’il fuq li, mill-1 ta’ April 2011, Fuji Electric Co. Ltd, li huwa l-isem il-ġdid ta’ FEH, hija s-suċċessura ġuridika ta’ FES u billi hija aventi kawża ta’ din tal-aħħar, l-interessi ta’ FEH u ta’ FES issa kkonverġew fil-persuna tagħha. Konsegwentement, l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jinbidel fis-sens li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, li qabel kienet iġġib l-isem ta’ FEH u li hija aventi kawża ta’ FES, huwa ffissat għal EUR 2 200 000.

 Fuq l-ispejjeż

270    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

271    Billi r-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti kif ukoll kwart tal-ispejjeż tagħha. Ir-rikorrenti għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear iżolat bil-gass) huma annullati, sa fejn jikkonstataw jew huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li Fuji Electric Systems Co. Ltd, li l-aventi kawża tagħha hija Fuji Electric Co. Ltd, tista’ tinżamm personalment responsabbli għall-ksur għall-perijodu ta’ bejn Settembru 2000 u t-30 ta’ Ġunju 2001.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Fuji Electric, li qabel kienet Fuji Electric Holdings Co. Ltd, aventi kawża ta’ Fuji Electric Systems, fl-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali huwa stabbilit għal EUR 2 200 000.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart tal-ispejjeż ta’ Fuji Electric kif ukoll kwart tal-ispejjeż tagħha stess.

4)      Fuji Electric għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha stess kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2011

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-prodott ikkonċernat

2.  L-impriżi involuti

3.  Il-proċedura amministrattiva

4.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Osservazzjonijiet preliminari dwar l-impriżi kkonċernati mill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata u dwar ir-responsabbiltŕ inkorsa, għal din ir-raġuni, minn FEH u FES

Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipju in dubio pro reo kif ukoll fuq allegat ksur tar-regoli fil-qasam tat-tqassim tal-oneru tal-prova

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-għan eżatt tal-kontestazzjoni li fuqha huma bbażati l-ewwel u t-tieni motiv

–  Fuq il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati mill-kontestazzjoni li fuqha huma bbażati l-ewwel u t-tieni motiv

–  Fuq ir-regoli applikabbli għall-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għall-prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ksur

–  Fuq l-analiżi tal-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq l-analiżi tal-provi alternattivi prodotti mir-rikorrenti

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jivvizzja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li FEH kompliet tipparteċipa fil-ksur wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li nżammet “fi jew għall-ħabta” ta’ Settembru 2000

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li FES kienet ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew allegati żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li FEH u FES għandhom jinżammu responsabbli personalment u in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ JAEPS fil-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-għan tal-kontestazzjoni li fuqha huwa bbażat il-ħames motiv

–  Fuq il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati mill-ħames motiv

–  Fuq ir-regoli applikabbli għall-imputazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fir-relazzjonijiet bejn sussidjarja u l-kumpannija parent tagħha

–  Fuq il-provi tal-eżerċizzju effettiv minn FEH u minn FES ta’ setgħa ta’ tmexxija fuq JAEPS, miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq it-talbiet għal tibdil parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Osservazzjonijiet preliminari dwar il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni

Fuq l-impossibbiltà li FEH tiġi legalment imputata bil-ksur għall-perijodu minn tmiem Settembru 2000 sat-30 ta’ Settembru 2002

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-impossibbiltà li FES tiġi legalment imputata bil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sat-30 ta’ Settembru 2002

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-impossibbiltà li FEH u FES, fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent ta’ JAEPS, jiġu legalment imputati bil-parteċipazzjoni tat-tieni impriża kkonċernata fl-akkordju għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq in-neċessità li FEH u FES jingħataw tnaqqis fl-ammont tal-multi tagħhom fid-dawl tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-informazzjoni mogħtija matul il-proċedura amministrattiva, abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni jew, sussidjarjament, abbażi ta’ ċirkustanza attenwanti, skont il-Linji gwida

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata kkonċernati minn dawn it-talbiet għal tibdil

–  Fuq ir-regoli applikabbli għat-tnaqqis tal-multi fid-dawl tal-provi prodotti mill-impriża li pparteċipat fil-ksur u tal-kooperazzjoni effettiva tagħha fil-proċedura amministrattiva

–  Fuq l-analiżi tal-informazzjoni u tal-elementi prodotti minn FEH u minn FES li allegatament kienu jirrappreżentaw “valur miżjud sinjifikattiv” meta mqabbla mal-elementi li l-Kummissjoni diġŕ kellha u li kienu jikkorrispondu għal “kooperazzjoni effettiva” fil-proċedura amministrattiva

–  Fuq l-analiżi tal-informazzjoni pprovduta minn FEH u minn FES dwar l-eżistenza tal-arranġament komuni mill-1988 u dwar in-natura reċiproka tiegħu

–  Fuq l-analiżi tas-selezzjoni ta’ dokumenti, b’mod partikolari l-iskedi tal-arranġament, redatti fil-mument meta seħħew il-fatt u li jirrigwardaw 13-il proġett ta’ SIG differenti suġġetti għall-arranġamenti tal-akkordju

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali mħollija barra.