Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Lulju 2011 - Fuji Electric vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-132/07)1

"Kompetizzjoni - Akkordju - Suq tal-proġetti ta' switchgears insulati bil-gass - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE - Tqassim tas-suq - Prova tal-ksur - Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur - Dewmien tal-ksur - Multi - Ċirkustanzi attenwanti - Kooperazzjoni"

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fuji Electric Co. Ltd (li qabel kienet Fuji Electric Holdings Co. Ltd, aventi kawża ta' Fuji Electric Systems Co. Ltd) (Kawasaki, il-Ġappun) (rappreżentanti: P. Chappatte u P. Walter, solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment minn F. Arbault, sussegwentement minn X. Lewis, J. Bourke u F. Ronkes Agerbeek, u fl-aħħar minn N. Khan u F. Ronkes Agerbeek, aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister)

Suġġett

Talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali, tal-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 - Switchgear insulat bil-gass) u, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Fuji Electric Holdings u fuq Fuji Electric Systems.

Dispożittiv

L-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali, tal-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 - Switchgear insulat bil-gass), huma annullati, sa fejn jikkonstataw jew huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li Fuji Electric Systems Co. Ltd, li l-aventi kawża tagħha hija Fuji Electric Co. Ltd, tista' tinżamm personalment responsabbli għall-ksur fil-perijodu bejn ix-xahar ta' Settembru 2000 u t-30 ta' Ġunju 2001.

L-ammont tal-multa imposta fuq Fuji Electric, li qabel kienet Fuji Electric Holdings Co. Ltd, aventi kawża ta' Fuji Electric Systems Co. Ltd, fl-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni C(2006) 6762 finali huwa stabbilit għal EUR 2,200,000.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart tal-ispejjeż ta' Fuji Electric kif ukoll kwart tal-ispejjeż tagħha stess.

Fuji Electric għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha stess kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

____________

1 - ĠU C 140, 23.6.2007.