Language of document : ECLI:EU:T:2011:345

Kawża T-133/07

Mitsubishi Electric Corp.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear iżolat bil-gass — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Tqassim tas-suq — Drittijiet tad-difiża — Prova tal-ksur — Tul tal-ksur — Multi — Ammont inizjali — Sena ta’ referenza — Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kundizzjonijiet — Limiti

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur — Testimonjanzi bil-miktub tal-impjegati ta’ kumpannija involuta fil-ksur — Valur probatorju — Evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Natura provviżorja — Kontenut neċessarju — Limiti

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni

(Artikolu 6(2) UE; Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ serje ta’ indizji

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur — Evalwazzjoni tal-valur probatorju tad-diversi provi — Kriterji

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

9.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu — Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 (A))

1.      Korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw, ħlief għas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi l-oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra.

In-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tinkrimina impriża jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument li ma ġiex ikkomunikat ma kellux jiġi kkunsidrat bħala prova inkriminanti.

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmi dokument li jiskaġuna għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku hija setgħet tagħmel użu minn tali dokument matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet li għamlet din tal-aħħar fid-deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u t-tul tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa.

(ara l-punti 40, 45, 46)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura mibdija għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontradittorja li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, it-tweġiba tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex, bħala prinċipju, inkluża fid-dokumenti kollha tal-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jiġu kkonsultati mill-partijiet.

Madankollu, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-argumenti tagħhom fuq din il-prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-silta inkwistjoni minn tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew id-dokument anness ma’ din it-tweġiba, fil-fatt tikkostitwixxi element inkriminanti kontra d‑diversi impriżi li ħadu sehem fil-ksur.

B’analoġija, jekk silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet, jew dokument anness ma’ tali tweġiba, tista’ tkun rilevanti għad-difiża ta’ impriża billi tippermetti lil din tal-aħħar tinvoka elementi li jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni, din tkun prova li tiskaġuna. F’dan il-każ, l-impriża kkonċernata għandha titqiegħed f’pożizzjoni li twettaq eżami tas-silta jew tad-dokument inkwistjoni u li tressaq l-argumenti tagħha dwarhom.

(ara l-punti 41-43)


3.      It-testimonjanzi bil-miktub tal-impjegati ta’ kumpannija, redatti taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar u ppreżentati minnha għad-difiża tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala elementi differenti u indipendenti mid-dikjarazzjonijiet ta’ din l-istess kumpannija. Fil-fatt, ġeneralment, il-pożizzjoni ta’ kumpannija fir-rigward tar-realtà tal-fatti li qed tiġi akkużata bihom mill-Kummissjoni hija bbażata, l-ewwel nett, fuq dak li jkunu jafu u fuq l-opinjonijiet tal-impjegati u tad-diriġenti tagħha.

(ara l-punt 59)

4.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tindika, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni mhux neċessarjament għandha tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għaliex din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju fejn l-evalwazzjonijiet tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi huma ta’ natura purament provviżorja. Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax timputa fuq il-persuni kkonċernati ksur differenti minn dawk indikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għalkemm tista’ tuża biss fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom il-possibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom, hija għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva jew biex tirrinunzja għal ilmenti li rriżulta li ma kinux fondati, jew sabiex tbiddel jew tikkompleta, kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi, l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija żżomm.

(ara l-punt 66)

5.      L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni kif titlob il-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa.

Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità.

(ara l-punti 73, 74)

6.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa neċessarju li l-Kummissjoni ssemmi provi preċiżi u li jaqblu sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur fl-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti kif stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni plawsibbli tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Din ir-regola tapplika wkoll meta l-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni huma insuffiċjenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-imsemmija provi ma jippermettux li l-eżistenza tal-ksur tiġi stabbilita mingħajr ekwivoċi u mingħajr ma tkun meħtieġa interpretazzjoni.

Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur fl-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti kif stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni plawsibbli tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Din ir-regola ma hijiex applikabbli għall-każijiet kollha fejn il-ksur ġie stabbilit biss permezz ta’ provi mhux dokumentarji. Fil-fatt, fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati biex ikun stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju dominanti fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi.

Konsegwentement, għalkemm in-nuqqas ta’ provi dokumentarji jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, ikkunsidrat waħdu, dan in-nuqqas ma għandux bħala konsegwenza li jippermetti li l-impriża kkonċernata tqiegħed f’dubju l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tagħti spjegazzjoni alternattiva tal-fatti. Dan huwa biss il-każ meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li l-eżistenza tal-ksur tiġi stabbilita b’mod ċar u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni.

(ara l-punti 75, 76, 79-82)

7.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u, b’hekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li ġie redatt fihom, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu.

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-impriżi, valur probatorju partikolarment għoli jista’ barra minn hekk jiġi rikonoxxut lil dawk li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, li jsiru f’isem impriża, it-tielet nett, ikunu ġejjin minn persuna li hija marbuta bl-obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ din l-impriża, ir-raba’ nett, li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, li ġejjin minn xhud dirett tal-fatti msemmija u, is-sitt nett, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni fil-fond.

Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni.

(ara l-punti 84-87)

8.      Għalkemm huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak tal-parteċipanti l-oħra, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell bil-għan li tikseb immunità jew tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni.

Fir-rigward tal-motivazzjoni individwali tax-xhieda, huwa ċertament possibbli li l-impjegati ta’ tali impriża li talbet li tibbenefika minn immunità mill-multi, li huma obbligati jaġixxu fl-interess tagħha, jikkondividu l-intenzjoni li jipproduċu l-iktar elementi inkriminanti possibbli, anki peress li l-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tista’ tinfluwenza b’mod pożittiv il-ġejjieni professjonali tagħhom. Madankollu, jekk dan huwa l-każ, l-impjegati inkwistjoni jafu wkoll bil-konsegwenzi negattivi potenzjali jekk jipproduċu elementi ineżatti, li jsiru iktar sinjifikattivi minħabba r-rekwiżit tal-korroborazzjoni bi provi oħra.

(ara l-punti 88, 107)

9.      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim ma huwiex meħtieġ, meta jkun jidher li dan għandu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ impenn reċiproku jimplika bilfors l-eżistenza ta’ intenzjoni komuni, anki fin-nuqqas ta’ elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-mument meta din l-intenzjoni ġiet espressa jew meta l-espressjoni tagħha ġiet ifformalizzata.

(ara l-punti 230, 231)

10.    Ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li minnu għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi, jimplika li meta jkun hemm kontestazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova tal-ksur li hija tikkonstata, għandha tipproduċi provi li jistgħu jistabbilixxu, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Fir-rigward tat-tul allegat ta’ ksur, l-istess prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, minn tal-inqas, provi li jirreferu għall-fatti li huma suffiċjentement qrib ta’ xulxin fiż-żmien, b’tali mod li jista’ raġjonevolment jiġi aċċettat li dan il-ksur seħħ b’mod mhux interrott bejn żewġ dati preċiżi.

Barra minn hekk, il-fatt li l-prova tal-eżistenza ta’ ksur kontinwat ma ġietx prodotta għal ċerti perijodi speċifiċi ma jipprekludix li l-ksur jitqies li seħħ matul perijodu globali iktar estiż minn dawn il-perijodi speċifiċi ladarba tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u konsistenti. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwata.

(ara l-punti 241, 242)

11.    Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderiġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni.

L-ammont tal-multa huwa ffissat mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, tat-tul tiegħu. Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont kriterji bħalma huma l-fatti partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi. Elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġiri antikompetittivi, in-numru u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorament subit mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva.

(ara l-punti 264, 265)

12.    Kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tal-liġi, li fosthom hemm il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, kif interpretati mill-qrati Komunitarji.

Il-prinċipji ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġu li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

Għalhekk, sa fejn wieħed għandu jibbaża ruħu fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi implikati fl-istess ksur sabiex jiġu ddeterminati r-relazzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, għandu jiġi identifikat il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex iċ-ċifri miksuba jkunu kemm jista’ jkun paragunabbli.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, min-naħa tiegħu, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi

Għalhekk, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq snin differenti sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ dinji ta’ ċerti impriżi u twettaq il-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multi li għandhom jiġu imposti fuqhom għall-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju inkwantu impriżi individwali abbażi tad-dħul mill-bejgħ magħmul minnhom matul snin differenti, hija ma titrattax lil dawn l-impriżi b’mod ugwali. Għalkemm l-għan invokat mill-Kummissjoni, li jippermetti li tiġi pparagunata l-kapaċità tal-azzjonisti ta’ kumpannija bi sħab li jikkawżaw effett ħażin fuq il-kompetizzjoni matul il-perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ din tal-aħħar, huwa leġittimu, madankollu dan ma jistax jiġġustifika tali trattament mhux ugwali meta jkun jidher li l-Kummissjoni setgħet tuża metodi oħra sabiex tilħaq l-għan imfittex minnha mingħajr ma titratta lill-impriżi b’mod mhux ugwali f’dak li jirrigwarda l-għażla tas-sena ta’ referenza.

(ara l-punti 266-269, 271, 272, 275, 276)