Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' April 2007 - Paul Mohr & Sohn vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-131/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Paul Mohr & Sohn Baggerei und Schiffahrt (Niederwalluf (Rgh), (Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) (rappreżentant: F. von Waldstein, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

tannulla d-Deċiżjoni tal-konvenuta tat-28 ta' Frar 2007 u tordna lill-Kummissjoni Ewropea tagħti lir-rikorrenti eżenjoni għall-bastiment bi krejn għall-irfigħ ta' oġġetti tqal "Niclas" skond l-Artikolu 4(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999, tad-29 ta' Marzu 1999, dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG-Greffe (2007) D/200972, tat-28 ta' Frar 2007, dwar it-talba tar-rikorrenti, skond l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 718/19991, għal eżenzjoni għall-bastiment bi krejn għall-irfigħ ta' oġġetti tqal "Niclas". Ir-rikorrenti talbet sabiex il-bastiment speċjalizzat in kwistjoni jiġi eżentat mill-applikazjoni tar-regola "qadim għall-ġdid". Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-konvenuta ddeċidiet li ma tagħtix l-imsemmija eżenzjoni għall-bastiment "Niclas".

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tgħid li l-bastiment bi krejn għall-irfigħ ta' oġġetti tqal "Niclas" mhuwiex bastiment suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 718/1999. F'dan ir-rigward hija tgħid li l-bastiment in kwistjoni m'għandux ċertifikat li jawtorizzah jopera fuq ix-xmara Rhine, li madankollu huwa rekwiżit sabiex ikun legali t-trasport tal-merkanzija fuq passaġġi fuq l-ilma Ewropej. Skond ir-rikorrenti, il-bastiment bi krejn għall-irfigħ ta' oġġetti tqal "Niclas" mhuwiex differenti mill-bastimenti għall-ħażna tal-merkanzija skond l-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament Nru 718/1999 jew mill-bastimenti hopper u pontuni u impjanti tal-kostruzzjoni fuq wiċċ l-ilma skond l-Artikolu 2(2)(g) ta' l-istess Regolament.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999, tad-29 ta' Marzu 1999, dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni.