Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 2008 - Portela vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-137/07)1

("Responsabbiltà mhux kuntrattwali - Kummerċjalizzazzjoni ta' termometri diġitali difettużi bil-marka 'CE' - Nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni - Rabta kawżali - Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt")

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Portela - Comércio de artigos ortopédicos e hospitalares, Lda, (Queluz, il-Portugall) (rappreżentant: C. Mourato, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: P. Guerra e Andrade u B. Schima, aġenti)

Suġġett

Prinċipalment, talba intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi obbligata taġixxi skont l-Artikolu 14b tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta' Ġunju 1993, dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, p 1) kif emendata bid-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 1998, dwar il-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro (ĠU L 331, p. 1), billi tordna lill-kumpannija ta' ċertifikazzjoni TÜV Rheinland Product Safety GmbH, permezz tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tinvoka, favur ir-rikorrenti, l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbilta ċivili li din il-kumpannija talbet taħt il-punt 6 tal-Anness XI tad-Direttiva 93/42, u, jekk l-allegata ħsara subita ma tistax tiġi rimedjata permezz tat-talba prinċipali, sussidjarjament, talba għal-kumpens tal-ħsara li r-rikorrenti subiet minħabba d-diversi ommissjonijiet tal-Kummissjoni.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Portela - Comércio de artigos ortopédicos e hospitalares, Lda, hija kkundannata għall-ispejjeż

____________

1 - ĠU C 155, 07.07.2007