Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2024 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fil-31 ta’ Jannar 2024 fil-Kawża T-56/22, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-237/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: S. Fuller, aġent, u T. Buley, KC)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Ċeka

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (EU) 2021/2019 1 inkwantu din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċerta nefqa mġarrba mill-aġenziji tal-pagamenti tar-Renju Unit fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għar-raġuni msemmija ta’ dgħufija fid-definizzjoni ta’ impriżi marbuta ma’ bidwi attiv;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mir-Renju Unit fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u fl-appell.

Aggravju u argumenti prinċipali

L-appell huwa bbażat fuq aggravju wieħed, fis-sens li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 1307/2013 1 kienet żbaljata. L-appellant isostni li l-Artikolu 9(2) jikkonċerna biss il-pagamenti diretti lil bdiewa li huma stess jħaddmu l-infrastruttura jew jipprovdu s-servizzi rilevanti.

Fil-qosor, dan għaliex:

(i) kliem l-Artikolu 9(2), moqri b’mod letterali u skont it-tifsira naturali tiegħu, ma għandux l-effett li jipprojbixxi pagamenti lil bidwi sempliċement għaliex xi impriża marbuta tkun teżerċita attività msemmija fil-lista negattiva tal-Artikolu 9(2);

(ii) din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) hija kkorroborata b’mod b’saħħtu mill-fatt li l-frażi ewlenija tal-Artikolu 9(2) li fuqha tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali, jiġifieri “persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew lil gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi”, sempliċement tirriproduċi d-definizzjoni ta’ “bidwi” fl-Artikolu 4(1);

(iii) ma hemm ebda bażi teleoloġika għall-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 9(2), ħaġa li tmur kontra l-għanijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 1307/2013.

____________

1 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2019 tas-17 ta’ Novembru 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mir-Renju Unit fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2021) 8164) (ĠU 2021, L 413, p. 3).

1 Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608).