Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Awwissu 2011 - Riche vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-458/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Philippe Riche (Meursac, Franza) (rappreżentant: C.-E. Gudin, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkumpensa d-dannu kollu subit permezz ta' sanzjonijiet pekunjarji, jiġifieri s-somma ta' EUR 136 000;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u l-ħlasijiet kollha:

li jikkonċernaw il-proċedura fis-seħħ quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

li jikkonċernaw ukoll il-proċeduri kollha mibdija quddiem il-qrati nazzjonali kollha;

tistabbilixxi fil-forma ta' somma f'daqqa l-ammont tad-dannu morali għas-somma ta' EUR 100 000.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħdax-il motiv.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kunsill u/jew il-Kummissjoni tad-deċiżjoni tal-Istati Membri li jeskludu mil-lista ta' prodotti agrikoli l-ispirti tal-inbid bħal dawk prodotti mir-rikorrent.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni stabbilita mill-Artikolu 40 TFUE fir-rigward tal-produtturi tal-inbid ikkonċernati li għandhom apparat ta' distillazzjoni li jippermetti li jiġu pproċessati f'alkoħol l-ammonti li normalment jibqa' mill-kwantitajiet li normalment jiġu prodotti.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, li jikkonsisti, minn naħa, fil-ksur tad-drittijiet miksuba mill-produtturi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fil-ksur tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-fatt li jistgħu jipproċessaw fi spirti huma stess l-ammonti li jibqa' mill-kwantitajiet li normalment jiġu prodotti.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Is-sitt motiv bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-estoppel li jirreferi għall-projbizzjoni għal awtorità pubblika li tikkontradiċi lilha nfisha għad-detriment ta' terzi.

Is-seba' motiv ibbażat fuq il-ksur abbużiv tal-libertà ta' produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott industrijali.

It-tmien motiv ibbażat fuq l-estensjoni abbużiva tal-applikazzjoni tar-regolament ikkontestat għal każijiet fejn ma teżistix talba għal finanzjament.

Id-disa' motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-preżunzjoni ta' innoċenza.

L-għaxar motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u ta' premura.

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta' proprjetà.

____________