Language of document : ECLI:EU:C:2010:532

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis‑16 ta’ Settembru 2010 1(1)

Kawża C‑356/09

Pensionsversicherungsanstalt

vs

Dr. Christine Kleist

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Oberster Gerichtshof (l‑Awstrija)]

“Politika soċjali – Trattament ugwali bejn l‑irġiel u n‑nisa –Età legali normali tal‑irtirar differenti għall‑irġiel u għan‑nisa – Tneħħija tal‑protezzjoni speċjali kontra t‑tkeċċija stabbilita fil‑ftehim kollettiv kif tintlaħaq l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi – Tkeċċija ta’ impjegata kif tilħaq l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi għan‑nisa – Diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess fir‑rigward tal‑kundizzjonijiet ta’ tkeċċija – Direttiva 76/207/KEE – Direttiva 2002/73/KE”





I –    Introduzzjoni

1.        Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ġiet involuta b’mod ripetut fir‑rigward tal‑irtirar obbligatorju ta’ impjegati li laħqu l‑età tal‑irtirar stabbilita għalihom. Mill‑perspettiva tad‑dritt Komunitarju, fl‑aħħar snin din il‑problema ġiet analizzata b’mod prevalenti mill‑angolu tad‑diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età (2). Minflok, fil‑każ preżenti, l‑interess huwa bbażat fuq il‑kwistjoni tad‑diskriminazzjoni bejn l‑impjegati rġiel u l‑impjegati nisa, kif diġà kien il‑każ madwar 25 sena ilu fis‑sentenzi Marshall (3) u Beets‑Proper (4).

2.        C. Kleist, li kienet teżerċita attività ta’ xogħol bħala persuna impjegata mal‑Pensionsversicherungsanstalt (korp tal‑assigurazzjoni tax‑xjuħija) Awtrijak fil‑funzjoni ta’ tabib prinċipal, ġiet suġġetta għall‑irtirar obbligatorju minn min iħaddimha kif għalqet is‑60 sena. Il‑bażi ta’ dan l‑att hija kkostitwita mid‑dispożizzjonijiet tal‑ftehim kollettiv, li kienu jsostnu li t‑tobba jistgħu jiġu mġiegħla jirtiraw kif jilħqu l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi. Skont il‑liġi Awtrijaka, dan il‑limitu ta’ età, huwa attwalment ta’ 65 sena għall‑irġiel, filwaqt li għan‑nisa huwa ta’ 60 sena.

3.        Issa l‑Qorti tal‑Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi jekk għandux jitqies li teżisti diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess, meta, għan‑nisa l‑età normali tal‑irtirar hija assoċjata ma’ età li hija differenti fir‑rigward tal‑irġiel. Fis‑sentenza Marshall, f’każ simili ħafna, hija diġà sostniet li teżisti diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess (5). Fil‑każ preżenti, ser ikun hemm bżonn ta’ diskussjoni, b’mod ewlieni, dwar jekk għandhiex tiġi segwita din il‑ġurisprudenza anki fil‑każ fejn, permezz tal‑irtirar obbligatorju, qed jipprovaw jintlaħqu għanijiet ta’ politika tal‑impjieg.

4.        Fil‑każ preżenti, ma jqumux kwistjonijiet ta’ effett dirett orizzontali tad‑direttivi jew tal‑prinċipji legali ġenerali, li kienu s‑suġġetti ta’ diskussjonijiet kontroversjali fi żminijiet reċenti b’relazzjoni għas‑sentenzi Mangold (6) u Kücükdeveci (7). Dan huwa pjuttost il‑każ ta’ rapport legali vertikali klassiku fejn il‑korp ta’ sigurtà soċjali irregolat mid‑dritt pubbliku jidher bħala l-persuna li timpjega.

II – Il‑kuntest ġuridiku

A –    Id‑dritt tal‑Unjoni

5.        Il‑kawża preżenti tidħol fil‑kuntest ġuridiku tal‑Unjoni ddefinit mid‑Direttiva 76/207/KEE (8), li fil‑frattemp ġiet abrogata, fil‑verżjoni li tirriżulta mid‑Direttiva 2002/73/KE (9) (10).

6.        L‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 76/207, kien jistabbilixxi dan li ġej:

“1.      Għall‑iskopijiet tad‑dispożizzjonijiet li ġejjin, il‑prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l‑ebda diskriminazzjoni tkun xi tkun fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall‑i status konjugali jew tal‑familja.

2.      Għall‑iskopijiet ta’ din id‑Direttiva, it‑tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

–        diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,

–        diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma persuni tas‑sess l‑ieħor, kemm‑il darba dik id‑dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l‑mezzi biex jintlaħaq din il‑mira ma jkunux xierqa u meħtieġa,

[…]

8.      L‑Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri fis‑sens ta’ l‑Artikolu 141(4) tat‑Trattat bl‑iskop li jiżguraw ugwaljanza sħiħa fil‑prattika bejn l‑irġiel u nisa.”

7.        L‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 76/207 kien jipprovdi dan li ġej:

“L‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il‑bażi ta’ sess fis‑setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir‑rigward ta’:

[…]

(ċ)      impjieg u kondizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s‑sensji, kif ukoll paga kif previsti fid‑Direttiva 75/117/KEE […]

[…]”.

8.        Biex tingħata l‑istampa kollha, jeħtieġ li tiġi ċċitata d‑Direttiva 79/7/KEE (11), fejn l‑Artikoli 1, 3 u 4 jipprovdu li l‑prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l‑irġiel u n‑nisa għandu jiġi implementat b’mod gradwali fil‑qasam tas‑sistema legali tal‑pensjoni tal‑Istati Membri. Madankollu, l‑Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 79/7 jipprevedi, fost l‑oħrajn, id‑deroga li ġejja:

“Din id‑Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad‑dritt ta’ l‑Istati Membri li jeskludu mill‑għan tagħha:

(a)      l‑iffissar ta’ età tal‑pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta’ l‑anzjanità u rtirar u l‑konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall‑benefiċċji l‑oħra;

[…]”.

B –    Id‑dritt nazzjonali

1.      Id‑dispożizzjonijiet legali

9.        Fil‑kuntest tal‑liġi Awstrijaka, l‑ewwel nett għandu jiġi ċċitat l‑Artikolu 253(1) tal‑Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (Liġi ġenerali dwar is‑sigurtà soċjali; iktar ’il quddiem: l‑“ASVG”) li jipprovdi età normali tal‑irtirar differenti għall‑irġiel u għan‑nisa (12):

“Raġel assigurat għandu dritt għall‑pensjoni tax‑xjuħija kif jagħlaq il‑ħamsa u sittin sena (età normali tal‑irtirar) u mara assigurata kif tagħlaq is‑sittin sena (età normali tal‑irtirar) fil‑każ fejn ikun intemm il‑perijodu minimu ta’ kontribuzzjonijiet (Artikolu 236).”

10.      Fl‑Awstrija, din l‑età tal‑irtirar, li hija differenti għall‑irġiel u għan‑nisa, hija msemmija wkoll fil‑liġi kostituzzjonali (13). Għal dan il‑għan, l‑Artikoli 1 sa 3 tal‑Bundesverfassungsgesetz über unterschiedliche Altersgrenzen von männlichen und weiblichen Sozialversicherten (Liġi kostituzzjonali federali dwar l‑età differenti tal‑irtirar applikabbli għall‑persuni assigurati ta’ sess maskili u għal dawk ta’ sess femminili) (14) jistabbilixxu:

“Artikolu 1.      Id‑dispożizzjonijiet legali li jipprovdu etajiet differenti għall‑irtirar tal‑persuni assigurati ta’ sess maskili u femminili li jaqgħu taħt sistema legali ta’ sigurtà soċjali huma leġittimi.

[…]

Artikolu 3. Mill‑1 ta’ Jannar 2024, l‑età li tagħti d‑dritt għall‑pensjoni ta’ irtirar għall‑persuni assigurati ta’ sess femminili ser tiżdied b’sitt xhur mill‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena sal‑2033.”

2.      Id‑dispożizzjonijiet tal‑ftehim kollettiv

11.      Għall‑kawża preżenti, hija rilevanti bħala dispożizzjoni tal‑ftehim kollettiv, id‑Dienstordnung B (regolament B, iktar ’il quddiem: id‑“DO.B”) għat‑tobba u għad‑dentisti impjegati mal‑korpi ta’ sigurtà soċjali Awstrijaċi, fil‑verżjoni fis‑seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2005.

12.      Skont din id‑dispożizzjoni tal‑ftehim kollettiv, wara perijodu ta’ żmien impjegati mal‑korpi ta’ sigurtà soċjali Awstrijaċi, it‑tobba impjegati ma’ tali korpi, jiksbu protezzjoni speċjali kontra t‑tkeċċija, li hija kkaratterizzata mill‑fatt li d‑dritt ordinarju ta’ tkeċċija li għandha l-persuna li timpjega jiġi prattikament eskluż. F’dan ir‑rigward, isir wkoll riferiment għall‑kunċett ta’ “projbizzjoni tat‑tkeċċija”. Madankollu, l‑imsemmija protezzjoni speċjali kontra t‑tkeċċija topera biss sakemm tintlaħaq l‑età normali tal‑irtirar. Il-persuna li timpjega għandha d‑dritt iġġiegħel lill‑impjegat jirtira kif dan jilħaq l‑età normali tal‑irtirar.

13.      L‑imsemmi rtirar obbligatorju huwa rregolat mill‑Artikolu 134(2) u (4) tad‑DO.B (15) kif ġej:

“2.      It‑tobba, li ma jistgħux jitkeċċew, jistgħu jirtiraw meta:

[…]

(2) jeżisti dritt għall‑pensjoni ta’ irtirar skont l‑Artikolu 253 tal‑Liġi Awstrijaka ġenerali dwar is‑sigurtà soċjali.

[…]

4.      Il‑Bord tad‑Diretturi jista’ jġiegħel tabib, li ma jistax jitkeċċa, jirtira meta dan tal‑aħħar

(1) jissodisfa r‑rekwiżiti msemmija fil‑punti 1, 2 jew 4 tat‑tieni paragrafu, […].”

14.      Għall‑finijiet tal‑kawża preżenti huwa wkoll rilevanti l‑fatt li d‑DO.B jipprevedi sistema ta’ pensjoni stabbilita mill‑ftehim kollettiv, fejn il‑benefiċċji tagħha huma maħsuba bħala benefiċċji addizzjonali, kif jirriżulta mill‑Artikolu 89(1) tad‑DO.B:

“Il‑benefiċċji tal‑assigurazzjoni legali għall‑pensjoni għandhom jitnaqqsu […] mill‑benefiċċji korrispondenti li għandhom jitħallsu skont id‑dispożizzjonijiet tas‑sistema preżenti tal‑pensjoni.”

Madankollu, il‑benefiċċji addizzjonali previsti mid‑DO.B, xi drabi jeċċedu b’mod kunsiderevoli l‑benefiċċju tal‑pensjoni (legali) ikkalkolat skont is‑sistema ta’ sigurtà soċjali skont l‑ASVG.

III – Il‑fatti u l‑kawża prinċipali

15.      C. Kleist, imwielda fil‑11 ta’ Frar 1948, kienet impjegata mal‑Pensionsversicherungsanstalt, korp ta’ sigurtà soċjali Awstrijak, mis‑7 ta’ Jannar 1985, u fl‑aħħar kienet taħdem bħala tabib prinċipal.

16.      Fl‑2005, il‑Pensionsversicherungsanstalt iddeċieda li jkeċċi l‑kollaboraturi u l‑kollaboratriċi kollha li kienu jissodisfaw ir‑rekwiżiti sabiex jiġu mġiegħla jirtiraw skont il‑ftehim kollettiv rilevanti.

17.      C. Kleist ma kellhiex intenzjoni tirtira kif tagħlaq is‑sittin sena. Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Jannar 2007, hija kkomunikat dan lill‑Pensionsversicherungsanstalt u talbet ukoll li tibqa’ taħdem sakemm tagħlaq ħamsa u sittin sena. Minkejja dan, permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2007, il‑Pensionsversicherungsanstalt temm il‑kuntratt ta’ xogħol ta’ C. Kleist u ġegħelha tirtira mill‑1 ta’ Lulju 2008.

18.      Qabel l‑irtirar obbligatorju tagħha, C. Kleist kienet tirċievi remunerazzjoni netta ekwivalenti għal EUR 4 032.39 fix‑xahar. Skont id‑DO.B, fil‑mument tal‑irtirar obbligatorju, il‑pensjoni netta tagħha kienet tammonta għal EUR 3 890.62. Kieku ma kellhiex tirtira qabel l‑1 ta’ Marzu 2013, jiġifieri kif tagħlaq l‑età normali tal‑irtirar ta’ 65 sena applikabbli għall‑irġiel, skont l‑informazzjoni tal‑qorti tar‑rinviju, hija kienet tirċievi pensjoni netta ta’ EUR 4 829.85 fix‑xahar.

19.      L‑irtirar obbligatorju mill‑Pensionsversicherungsanstalt ma jwaqqafx lil C. Kleist milli tkompli twettaq attività professjonali u li tkompli taħdem bħala professjonista awtonoma jew bħala impjegata. Skont ma sostniet il‑qorti tar‑rinviju, anki fil‑każ li hija tkompli taħdem, xorta tista’ tibqa’ tirċievi l‑pensjoni legali tagħha skont l‑ASVG (16).

20.      Skont l‑indikazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju, fid‑distrett (“Sprengel”) fejn C. Kleist kienet taħdem bħala tabib prinċipal għall‑Pensionsversicherungsanstalt, hemm irreġistrati 23 tabib li qegħdin jistennew impjieg, iżda huwa stmat li n‑numru effettiv jista’ jkun ekwivalenti għat‑triplu.

21.      C. Kleist ikkontestat it‑tkeċċija tagħha quddiem il‑Landesgericht Innsbruck (Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck), fejn tilfet il‑kawża fl‑ewwel istanza (17). Wara l‑appell tagħha, il‑kawża pproċediet quddiem l‑Oberlandesgericht Innsbruck (Qorti tal‑Appell ta’ Innsbruck), li bidlet is‑sentenza tal‑ewwel istanza u laqgħet it‑talba ta’ C. Kleist (18). Is‑sentenza tinsab pendenti quddiem l‑Oberster Gerichtshof (Qorti suprema tal‑Awstrija), li hija l‑qorti tar‑rinviju, li quddiemha l‑Pensionsversicherungsanstalt ippreżenta rikors fuq punt ta’ liġi.

IV – It‑talba għal deċiżjoni preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

22.      Permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, tal‑4 ta’ Awwissu 2009, li waslet fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑4 ta’ Settembru 2009, il‑qorti tar‑rinviju għamlet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

1)      Fil‑kuntest ta’ sistema tal‑liġi tax‑xogħol li fiha l‑protezzjoni ġenerali kontra t‑tkeċċija abbużiva hija mogħtija abbażi tad‑dipendenza soċjali (finanzjarja) tal‑ħaddiem fuq il‑post tax‑xogħol tiegħu, l‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207/KEE, fil‑verżjoni li tirriżulta mid‑Direttiva 2002/73/KE, għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi li ftehim kollettiv jinkludi dispożizzjoni li tipprovdi protezzjoni partikolari li tmur lil hinn mis‑sistema legali ġenerali ta’ protezzjoni kontra t‑tkeċċija abbużiva, iżda li tapplika biss sakemm il‑ħaddiem ikun soċjalment (finanzjarjament) kopert, li normalment ikun il‑każ meta dan jirċievi pensjoni ta’ rtirar, meta din il‑pensjoni hija mħallsa f’mumenti differenti skont jekk ħaddiem huwiex raġel jew mara?

2)      L‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207/KEE fil‑verżjoni li tirriżulta mid‑Direttiva 2002/73/KE jipprekludi, fil‑kuntest ta’ sistema tal‑liġi tax‑xogħol imsemmija iktar ’il fuq, li min iħaddem fis‑settur pubbliku jkeċċi ħaddiema mara ftit xhur wara li din tkun kisbet id‑dritt għal pensjoni ta’ rtirar, sabiex jimpjega applikanti ġodda li jkunu diġà qed jirsistu sabiex jidħlu fis‑suq tax‑xogħol?

23.      Fil‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑Pensionsversicherungsanstalt, C. Kleist u l‑Kummissjoni Ewropea ippreżentaw osservazzjonijiet orali u bil‑miktub.

V –    Evalwazzjoni

24.      It‑talba għal deċiżjoni preliminari tal‑Oberster Gerichtshof tinkludi żewġ domandi, fejn l‑ewwel waħda tirreferi għat‑tnaqqis tal‑protezzjoni kontra t‑tkeċċija ggarantita mill‑ftehim kollettiv kif tintlaħaq l‑età normali tal‑irtirar, filwaqt li t‑tieni waħda tirrigwarda t‑tkeċċija ta’ impjegata bħala konsegwenza diretta tal‑kisba tal‑età normali tal‑irtirar ta’ din tal‑aħħar.

25.      Mill‑perspettiva tad‑dritt tal‑Unjoni, iż‑żewġ domandi preliminari jqajmu essenzjalment l‑istess problema legali: jeħtieġ jiġi aċċertat jekk impjegata tistax titkeċċa u tiġi mġiegħla tirtira mill-persuna li timpjegaha għal raġunijiet ta’ politika tal‑impjieg hekk kif din tilħaq l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi, fejn din tal‑aħħar tkun differenti għall‑irġiel u għan‑nisa. Għaldaqstant nissuġġerixxi li dawn iż‑żewġ domandi jiġu ttrattati flimkien, bħalma ġara fil‑fatt fid‑deċiżjoni tar‑rinviju u fil‑parti l‑kbira tal‑osservazzjonijiet ippreżentati mill‑partijiet.

26.      F’dan ir‑rigward, il‑verifika ma tirrigwardax ir‑regoli leġiżlattivi u kostituzzjonali dwar l‑età normali tal‑irtirar fl‑Awstrija bħala tali, iżda biss ir‑riferiment għal tali età normali tal‑irtirar fil‑politika tal‑irtirar tal-persuna li timpjega li hija l‑konvenuta fil‑kawża prinċipali.

27.      Fil‑każ preżenti, id‑Direttiva 76/207 fil‑verżjoni li tirriżulta mid‑Direttiva 2002/73 hija l‑uniku parametru ta’ verifika. Kif issuġġeriet C. Kleist, fil‑każ preżenti jista’ jsir riferiment għall‑projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età, fis‑sens tad‑Direttiva 2000/78 (19), iżda dan ir‑riferiment ma huwiex ser jgħin isolvi l‑kawża. Fil‑fatt, minn naħa, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ċċarat li l‑irtirar obbligatorju kif tintlaħaq l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi jista’ jkun iġġustifikat minn għanijiet ta’ politika tal‑impjieg (20). Konsegwenza ta’ dan huwa li ma hemmx diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età. Min‑naħa l‑oħra, abbażi tal‑informazzjoni mogħtija, C. Kleist ma tikkontestax l‑irtirar obbligatorju tagħha fih innifsu, iżda pjuttost il‑fatt li l‑irtirar tagħha jseħħ qabel ma jseħħ dak tal‑kollegi rġiel (21). Għaldaqstant, il‑problema legali tal‑kawża preżenti tinsab fid‑differenza fit‑trattament ibbażata fuq is‑sess.

A –    L‑applikabbiltà tad‑Direttiva 76/207

28.      Skont l‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207, il‑prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l‑irġiel u n‑nisa japplika, fis‑settur pubbliku jew privat, inklużi l‑korpi irregolati mid‑dritt pubbliku u b’mod partikolari għall‑impjiegi u għall‑kundizzjonijiet tax‑xogħol, inklużi l‑kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

29.      Bħala tabib prinċipal impjegata ma’ korp ta’ sigurtà soċjali Awstrijak, C. Kleist kienet impjegata “fis‑settur pubbliku”, jiġifieri ma’ “korp irregolat mid‑dritt pubbliku” u, għaldaqstant, skont l‑ewwel parti tas‑sentenza introduttorja tal‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 76/207, kienet tidħol fil‑kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali.

30.      Il‑kunċett ta’ kundizzjonijiet ta’ tkeċċija fis‑sens tad‑Direttiva 76/207 għandu jinftiehem f’sens wiesa’ (22). Il‑possibbiltà li impjegata bħal C. Kleist tiġi mġiegħla tirtira kif tilħaq l‑età normali tal‑irtirar, applikabbli għan‑nisa fil‑kuntest tal‑politika ġenerali ta’ rtirar ta’ min iħaddimha, hija kwistjoni relattiva għall‑kundizzjonijiet ta’ tkeċċija (23). Għaldaqstant, anki l‑kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali msemmi fl‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207 huwa rilevanti bl‑istess mod.

B –    Trattament mhux ugwali bbażat fuq is‑sess

31.      Fir‑rigward tal‑kundizzjonijiet ta’ tkeċċija l‑Artikolu 3(1)(ċ), moqri flimkien mal‑Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 76/207, jiggarantixxi l‑projbizzjoni ta’ kull tip ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess kemm direttament kif ukoll indirettament.

32.      Teżisti diskriminazzjoni diretta meta persuna waħda hija ttrattata inqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn kif persuna oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli (l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 76/207); it‑trattament mhux ugwali li fuqha hija bbażata huwa għalhekk marbut direttament mas‑sess. Bil‑kontra, ikun hemm biss diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed lil persuni ta’ sess fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma’ persuni tas‑sess l‑ieħor [it‑tieni inċiż tal‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 76/207].

33.      Id‑distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta hija importanti mill‑aspett ġuridiku speċjalment peress li l‑possibbiltà li d‑diskriminazzjoni tkun iġġustifikata tiddependi minn jekk it‑trattament differenti li fuqu hija tkun ibbażata jkunx marbut mas‑sess direttament jew indirettament. Il‑possibbiltajiet sabiex diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is‑sess tiġi ġġustifikata huma indikati b’mod ġenerali ħafna fit‑tieni inċiż tal‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 76/207 (“ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima”), filwaqt li t‑trattament mhux ugwali dirett ibbażat fuq is‑sess jista’ jkun iġġustifikat biss minħabba eżiġenzi partikolari, speċifiku għal sess wieħed – pereżempju għal dak li jirrigwarda t‑tqala u l‑maternità [Artikolu 2(7) tad‑Direttiva 76/207] – jew għall‑finijiet li wieħed jippromwovi s‑sess li huwa sottorappreżentat [Artikolu 2(8) tad‑Direttiva 76/207 moqri flimkien mal‑Artikolu 141(4) KE, li sar Artikolu 157(4), TFUE].

34.      Prima facie jidher li d‑dispożizzjoni kkontestata fil‑kawża preżenti hija newtrali fir‑rigward tas‑sessi: il‑punt 1 tal‑Artikolu 134(4) tad‑DO.B jippermetti lil korp tas‑sigurtà soċjali li jġiegħel lill‑ħaddiema tiegħu “li ma jistgħux jitkeċċew” jirtiraw hekk kif dawn jilħqu l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi. Madankollu, f’analiżi iktar dettaljata, jirriżulta li l‑kriterju tal‑età normali tal‑irtirar huwa marbut b’mod indissolubbli mas‑sess, minħabba li fl‑Artikolu 253(1) tal‑ASVG il‑leġiżlatur Awstrijak stabbilixxa limiti ta’ età differenti għall‑irġiel u għan‑nisa. L‑interazzjoni bejn l‑Artikolu 134(4)(1) tad‑DO.B u l‑Artikolu 253(1) tal‑ASVG tinvolvi liġi li abbażi tagħha n‑nisa jistgħu jiġu mġiegħla jirtiraw mas‑sittin sena u l‑irġiel mal‑ħamsa u sittin sena. Konsegwentement, il‑liġi dwar il‑pensjoni inkwistjoni hija marbuta direttament mas‑sess u tagħmel mod li n‑nisa jistgħu jitilfu l‑post tax‑xogħol tagħhom ħames snin qabel l‑irġiel (24).

35.      Ovvjament, huwa biss fil‑każ fejn nisa u rġiel ikunu jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi jew paragunabbli (25) li jista’ jeżisti trattament mhux ugwali dirett ibbażat fuq is-sess. Minflok, trattament mhux ugwali taż‑żewġ gruppi ta’ persuni huwa leċitu anzi pjuttost neċessarju fil‑każ fejn, minn aspett oġġettiv l‑impjegati ta’ sittin sena, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni differenti meta pparagunati mal‑kollegi tagħhom irġiel tal‑istess età.

36.      L‑elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in‑natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid‑dawl tal‑għan u tal‑iskop tal‑liġi li tistabbilixxi d‑distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑prinċipji u l‑għanijiet tal‑qasam li tifforma parti minnu l‑liġi inkwistjoni (26).

37.      Bħalma jirriżulta mid‑dokumenti fil‑proċess, l‑irtirar obbligatorju msemmi fl‑Artikolu 134(4) tad‑DO.B għandu, b’mod partikolari, l‑għan li jillibera postijiet għal impjegati iżgħar fl‑età li jkunu “qed jirsistu sabiex jidħlu” fis‑suq tax‑xogħol. Għaldaqstant, permezz tal‑irtirar obbligatorju jiġi mfittex ukoll għan ta’ politika tal‑impjieg.

38.      Fir‑rigward ta’ tali għan ta’ politika tal‑impjieg, il‑qorti tar‑rinviju u l‑Pensionsversicherungsanstalt jindikaw li s‑sitwazzjoni tal‑impjegati nisa bħal C. Kleist, li għalqet sittin sena, ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ kollegi rġiel tal‑istess età. Fil‑fatt, b’mod differenti mill‑impjegati rġiel, l‑impjegati nisa diġà jkunu laħqu l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi f’dan il‑mument u għaldaqstant, mal‑att tat‑telfien tal‑post tax‑xogħol tagħhom, jiddisponu minn garanzija soċjali minħabba li jiksbu d‑dritt normali għall‑pensjoni.

39.      Prima facie, l‑applikazzjoni ta’ dan l‑argument tidher attraenti u b’hekk fis‑sempliċi eżistenza ta’ dritt għall‑pensjoni wieħed isib id‑differenza oġġettiva deċiżiva li teskludi kwalunkwe paragun bejn l‑impjegati rġiel u l-impjegati nisa.

40.      Jistgħu wkoll jissemmew kawżi fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja tidher tesprimi proprju din l‑opinjoni. B’hekk, pereżempju fis‑sentenzi Burton (27), Birds Eye Walls (28) u Hlozek (29), ir‑rabta ta’ ċerti benefiċċji soċjali mħallsa mill-persuna li timpjega mal‑età tal‑irtirar, li hija differenti għall‑irġiel u n‑nisa, ġiet meqjusa legali.

41.      Madankollu f’dan ir‑rigward jidhirli li huma każijiet iżolati. Tali sentenzi ma jistgħux jiġu assolutament ġeneralizzati. B’hekk pereżempju, il‑pensjonijiet ta’ tranżizzjoni fil‑kawżi Burton u Birds Eye Walls kellhom ir‑rwol li jikkompensaw it‑telf tad‑dħul tal‑impjegati li kienu bbenefikaw minn antiċipazzjoni tad‑data tal‑irtirar għal raġunijiet marbuta mal‑impriża jew mas‑saħħa (30). Fil‑każ Hlozek, il‑pensjonijiet ta’ tranżizzjoni kellhom, b’mod partikolari, l‑għan li jnaqqsu finanzjarjament ir‑riskju speċifiku tal‑qgħad għal żmien twil, li kif kienu juru l‑istatistiċi, kien jolqot irġiel u nisa ta’ etajiet differenti u kien partikolarment għoli meta l‑impjegati kienu joqorbu lejn l‑età legali tal‑irtirar (31). Madankollu minn dak li jirriżulta mid‑dokumenti fil‑proċess tal‑kawża preżenti ma jeżistux elementi li jindikaw l‑eżistenza ta’ tali riskji speċifiċi.

42.      Madankollu, minkejja l‑pekuljaritajiet ta’ kull kawża rispettiva, nikkunsidra li jkun żball, ukoll għal raġunijiet ta’ prinċipju, li l-persuna li timpjega titħalla tagħmel differenza bejn impjegati rġiel u impjegati nisa skont l‑età normali tal‑irtirar applikabbli għalihom rispettivament. Fil‑fatt, il‑konsegwenza ta’ tali modus operandi hija li d‑differenzi li għadhom jeżistu bejn raġel u mara fir‑rigward tal‑età normali tal‑irtirar testendi għal oqsma oħra, f’dan il‑każ għall‑kundizzjonijiet ta’ tkeċċija. Madankollu, il‑ġeneralizzazzjoni tad‑differenzi fil‑qasam tas‑sistemi legali ta’ sigurtà soċjali tmur kontra ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li ssostni li l‑eċċezzjoni li għadha preżenti għall‑prinċipju ta’ trattament ugwali relattiva għall‑età tal‑irtirar fis‑sistemi legali ta’ sigurtà soċjali (Artikolu 7(1)(a) tad‑Direttiva 79/7) għandha tiġi interpretata b’mod ristrett (32).

43.      F’sistema li tipprovdi età normali tal‑irtirar li hija differenti għall‑irġiel u għan‑nisa (33), is‑sempliċi eżistenza ta’ dritt għall‑pensjoni mas‑sittin sena ma tistax tikkostitwixxi għan oġġettiv ta’ trattament differenti bejn l‑impjegati nisa u dawk irġiel. Pjuttost, l‑eżistenza jew in‑nuqqas ta’ dritt għall‑pensjoni f’età inkluża bejn is‑sittin u l‑erbgħa u sittin sena hija marbuta b’mod indissolubbli mas‑sess tal‑impjegat ikkonċernat: skont il‑liġi fis‑seħħ, sempliċiment minħabba li huma ta’ sess femminili, l‑impjegati nisa fl‑Awstrija jilħqu l‑età normali tal‑irtirar kif jagħlqu sittin sena, u għandhom id‑dritt għall‑pensjoni. Għalhekk, tali dritt ma huwiex element oġġettiv, indipendenti mis‑sess, li abbażi tiegħu wieħed jista’ jiddistingwi l‑grupp tal‑impjegati nisa minn dak tal‑kollegi tagħhom irġiel.

44.      Għaldaqstant, b’mod globali, ikun hemm trattament mhux ugwali ibbażat direttament fuq is‑sess meta, għal raġunijiet ta’ politika tal‑impjieg, impjegati nisa jistgħu jiġu mġiegħla jirtiraw ħames snin qabel il‑kollegi tagħhom irġiel.

C –    Nuqqas ta’ ġustifikazzjoni għal trattament mhux ugwali

45.      Għaldaqstant, għad irid jiġi vverifikat jekk tali trattament mhux ugwali, ibbażat direttament fuq is‑sess, jistax jiġi ġġustifikat.

1.      Il‑politika tal‑impjieg

46.      Kif diġà ġie affermat, l‑irtirar obbligatorju msemmi fl‑Artikolu 134(4) tad‑DO. B għandu, b’mod partikolari, l‑għan li jillibera postijiet għall‑impjegati iżgħar fl‑età li jkunu “qed jirsistu sabiex jidħlu” fis‑suq tax‑xogħol u għaldaqstant, ifittex li jilħaq l‑għan tal‑politika tal‑impjieg.

47.      Tali kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal‑impjieg marbuta ma’ trattament mhux ugwali indirett ibbażat fuq is‑sess jistgħu jirrappreżentaw ġustifikazzjoni oġġettiva u jeskludu l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Fil‑fatt, skont it‑tieni inċiż tal‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 76/207, il‑possibbiltajiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ trattament mhux ugwali huma fformulati f’termini estremament ġenerali (“ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima”).

48.      Madankollu, kif diġà ġie diskuss (34), fil‑kawża prinċipali hemm trattament mhux ugwali dirett ibbażat fuq is‑sess. Għal dan il‑każ, id‑Direttiva 76/207 ma tipprovdi l‑ebda ġustifikazzjoni ta’ politika tal‑impjieg. Dwar dan il‑punt hemm differenza fundamentali bejn l‑ewwel inċiż u t‑tieni inċiż tal‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 76/207(35).

49.      Minn din il‑perspettiva, is‑sitwazzjoni legali hija wkoll sostanzjalment differenti minn dik relattiva għall‑projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età, fejn skont l‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78, differenzi fit‑trattament diretti bbażati fuq l‑età jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ politika tal‑impjieg (36). Fir‑rigward tad‑Direttiva 2000/78 din id‑differenza hija ħafna iktar evidenti minħabba li waqt li kien qiegħed jimmodernizza d‑Direttiva 76/207, il‑leġiżlatur tal‑Unjoni min‑naħa l‑oħra żamm strettament mad‑dispożizzjonijiet elaborati ftit qabel fil‑qasam ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età, b’mod partikolari, fir‑rigward tad‑definizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta (37).

50.      L‑imsemmija differenzi fil‑ġustifikazzjonijiet bejn trattament mhux ugwali dirett u indirett ibbażat fuq is‑sess, minn naħa, u trattament mhux ugwali bbażat fuq is‑sess u l‑età, min‑naħa l‑oħra, ma humiex każwali. Għalkemm l‑irtirar obbligatorju ta’ impjegati iktar anzjani li diġà laħqu l‑età normali tal‑irtirar prevista għalihom u li huma protetti soċjalment minn dritt adegwat għall‑pensjoni (38) jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika tal‑impjieg, madankollu tali għan ma jistax jinkiseb bi preġudizzju ta’ impjegati ta’ sess speċifiku.

51.      Dan huwa eżattament dak li jseħħ meta, għal raġunijiet ta’ politika tal‑impjieg, jiġi impost fuq l‑impjegati nisa l‑obbligu li jħallu l‑post tax‑xogħol tagħhom ħames snin qabel ma jagħmlu dan il‑kollegi tagħhom irġiel. Fil‑fatt, f’dan il‑każ, minħabba li l‑liġi tistabbilixxi għan‑nisa età normali tal‑irtirar inferjuri, huma jinsabu iktar involuti fit‑twettiq tal‑għanijiet ta’ politika tal‑impjieg meta pparagunati mal‑irġiel. Huma jsofru limitazzjoni ikbar, meta pparagunati mal‑kollegi rġiel, fid‑dritt li jaħdmu u jeżerċitaw professjoni (Artikolu 15(1) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (39)).

52.      Huwa possibbli li impjegata tista’ tibbenefika għal iktar żmien mill‑pensjoni tal‑irtirar meta pparagunata ma’ kollega raġel minħabba irtirar antiċipat u forsi wkoll minħabba l‑medja għolja tal‑għomor. Waqt is‑seduta, il‑Pensionversicherungsanstalt irrefera għal tali kunsiderazzjonijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja filwaqt li pproduċa eżempji numerużi. Madankollu, kif irrilevat korrettament il‑Kummissjoni, is‑sempliċi konstatazzjoni ta’ pensjoni iktar fit‑tul fil‑futur ma tidhirx li hija biżżejjed. Pjuttost, għandhom jiġu kkunsidrati l‑effetti tal‑mumenti differenti tal‑irtirar għall‑impjegati rġiel u għall-impjegati nisa fuq id‑dħul rispettiv tagħhom: l‑irġiel jistgħu jibqgħu jirċievu r‑remunerazzjoni marbuta mal‑attività tagħhom għal 5 snin iktar meta pparagunati man‑nisa u ser jirċievu pensjoni fix‑xahar ikbar minħabba perijodu itwal ta’ attività.

53.      Mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta wkoll li għall‑impjegati bħal C. Kleist, hemm telf finanzjarju kbir relatat mal‑irtirar obbligatorju mas‑sittin sena. Fil‑fatt, kieku C. Kleist kompliet ix‑xogħol tagħha sal‑ħamsa u sittin sena, kieku tkompli tirċievi r‑remunerazzjoni għas‑servizz attiv għal ħames snin oħra. Abbażi ta’ dan, fl‑età ta’ ħamsa u sittin sena kienet tkun tista’ titlob pensjoni netta fix‑xahar ogħla b’24.1 %, skont id‑DO.B, meta pparagunata mal‑irtirar tagħha mas‑sittin sena (40); b’mod nominali, id‑differenza fir‑rigward tal‑pensjoni attwali tagħha kieku tammonta għal iktar minn EUR 900 netti fix‑xahar.

54.      Dispożizzjoni li tinvolvi konsegwenzi professjonali (41) u finanzjarji (42) daqshekk sinjifikattivi speċjalment għall‑individwi ta’ wieħed miż‑żewġ sessi ma hijiex konformi mal‑importanza fundamentali tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l‑irġiel u n‑nisa (43) (ara wkoll it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 3(3) TUE (44), Artikolu 10 TFUE (45), kif ukoll l‑Artikoli 21(1) u 23(2) tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali).

55.      F’dan il‑kuntest, politika tal‑irtirar obbligatorju bħal dik ikkontestata fil‑kawża preżenti, li abbażi tagħha mara, bħala regola, titlef il‑post tax‑xogħol tagħha ħames snin qabel raġel, ma tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet ta’ politika tal‑impjieg.

2.      Kwistjonijiet oħrajn

56.      Issa ser neżamina fil‑qosor xi wħud mill‑argumenti l‑oħra mqajma b’mod partikolari mill‑Pensionsversicherungsanstalt.

a)      Il‑promozzjoni tal‑kundizzjonijiet tal‑mara

57.      Il‑Pensionsversicherungsanstalt jalludi għall‑fatt li l‑politika tal‑irtirar obbligatorju tiegħu kif tintlaħaq l‑età tal‑irtirar hija ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall‑promozzjoni tal‑professjonisti nisa żgħażagħ. Huwa jidher li qiegħed jalludi għall‑ġustifikazzjoni speċjali msemmija fl‑Artikolu 2(8) tad‑Direttiva 76/207, flimkien mal‑Artikolu 141(4) KE (li sar l‑Artikolu 157(4) TFUE) applikabbli għad‑differenzi diretti fit‑trattament ibbażati fuq is‑sess.

58.      Madankollu, ir‑rekwiżiti msemmija fl‑Artikolu 2(8) tad‑Direttiva 76/207 ma humiex sodisfatti. Li mara tiġi obbligata tħalli l‑post tax‑xogħol tagħha għal nisa oħra ma jistax jiġi kkunsidrat bħala miżura xierqa li għandha l‑għan li tiffaċilita l‑eżerċizzju ta’ attività professjonali minn sess li huwa sottorappreżentat. Dan huwa iktar veru meta, f’każ bħal dak fil‑kawża prinċipali, impjegata li għandha pożizzjoni fil‑maniġment titlef il‑post tax‑xogħol tagħha għall‑benefiċċju ta’ professjonisti nisa li jinsabu fil‑bidu tal‑karriera tagħhom, li, minħabba ċ‑ċirkustanzi ma jistgħux ikunu impjegati fl‑istess livell fil‑ġerarkija interna tal‑impriża. Barra minn hekk, dan mhux qed jeskludi li, fost il‑professjonisti żgħażagħ disponibbli, tintgħażel verament mara u li l‑post li jsir disponibbli jittieħed verament minn mara.

b)      Projbizzjoni tal‑applikazzjoni simultanja ta’ benefiċċji legali tal‑pensjoni u ta’ dħul mix‑xogħol

59.      Il‑Pensionsversicherungsanstalt isostni wkoll li l‑irtirar tan‑nisa li għalqu s‑sittin sena huwa neċessarju biex wieħed jipprevjeni li minbarra d‑dħul mix‑xogħol huma jaqilgħu pensjoni legali skont l‑ASVG. L‑impjegati għandhom dritt għal din il‑pensjoni immedjatament kif dawn jilħqu l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi, indipendentement mill‑fatt li dawn effettivament jirtiraw jew jibqgħu jaħdmu.

60.      Madankollu, anki dan l‑argument għandu jiġi miċħud. Skont ġurisprudenza stabbilita, differenza fit‑trattament ibbażata fuq is‑sess ma tistax tiġi ġġustifikata b’riferiment għal kunsiderazzjonijiet ta’ finanzi (46).

61.      Huwa biss għall‑benefiċċju tal‑kompletezza li qed jiġi osservat li permezz tal‑irtirar obbligatorju ta’ mara, ma tistax tiġi effettivament prevenuta l‑applikazzjoni simultanja ta’ benefiċċji tal‑pensjoni u ta’ dħul attiv mix‑xogħol. Fil‑fatt, bħalma jirriżulta mid‑dokumenti fil‑proċess, anki wara li tintlaħaq l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi, l‑impjegata mkeċċija hija libera li tibda xogħol ġdid jew li teżerċita attività professjonali awtonoma u, barra minn hekk, tirċievi l‑pensjoni ta’ rtirar tagħha.

62.      Minkejja dan, metodu li huwa inqas inċisiv u fl‑istess ħin iktar effettiv biex tiġi evitata l‑applikazzjoni simultanja ta’ benefiċċji legali tal‑pensjoni u ta’ dħul mix‑xogħol jikkonsisti fis‑sospensjoni tal‑pagament tal‑pensjoni tax‑xjuħija stabbilita mil‑liġi sakemm il‑persuna assigurata – indipendentement mis‑sess – tkompli taħdem. Sussidjarjament, jista’ wkoll jitnaqqas mill‑pensjoni stabbilita mil‑liġi, id‑dħul mix‑xogħol ta’ persuna assigurata li tkompli teżerċita professjoni.

63.      Għal din ir‑raġuni, politika tal‑irtirar li abbażi tagħha l‑impjegati ta’ sess speċifiku jitilfu l‑post tax‑xogħol tagħhom ħames snin qabel dawk tas‑sess l‑ieħor la hija mezz xieraq u lanqas meħtieġ biex tiġi affrontata l‑problema tal‑applikazzjoni simultanja ta’ benefiċċji legali tal‑pensjoni u ta’ dħul mix‑xogħol. Fl‑aħħar nett, din il‑problema, għandha tissolva fil‑kuntest tas‑sistema legali tal‑pensjoni.

VI – Konklużjoni

64.      Abbażi tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproproni lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għaż‑żewġ domandi preliminari mressqa mill‑Oberster Gerichtshofs Awstrijak, bil‑mod li ġej:

“L‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad 9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, fil‑verżjoni li tirriżulta mid‑Direttiva 2002/73/KE, jipprekludi li, għal għanijiet ta’ politika tal‑impjieg, impjegati nisa jiġu mġiegħla jirtiraw kif jilħqu l‑età normali tal‑irtirar stabbilita mil‑liġi, fil‑każ fejn tali età tal‑irtirar tkun ħames snin inqas minn dik stabbilita għall‑impjegati rġiel.”


1 – Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2 – Sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p.  I-8531); tal‑5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, Ġabra p. I‑1569); ara wkoll il‑konklużjonijiet ippreżentati mill‑Avukat Ġenerali Trstenjak, fil‑kawża Rosenbladt (C‑45/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


3 – Sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723).


4 – Sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Beets‑Proper (262/84, Ġabra p. 773).


5 – Sentenza Marshall (iċċitata ikar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 38).


6 – Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I-9981).


7 – Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, Ġabra p. I-365).


8 – Direttiva tal‑Kunsill 76/207/KEE, tad‑9 ta’ Frar 1976, dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali għall‑irġiel u n‑nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal‑aċċess għall‑impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).


9 – Direttiva 2002/73/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002, li temenda d‑Direttiva tal‑Kunsill 76/207/KEE dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l‑irġiel u n‑nisa fir‑rigward ta’ aċċess għall‑impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255).


10 – Għalkemm id‑Direttiva 2006/54/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑5 ta’ Lulju 2006, dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal‑irġiel u n‑nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill‑ġdid) (ĠU L 204, p. 23), kienet diġà daħlet fis‑seħħ fil‑15 ta’ Awwissu 2006, din madankollu abrogat id‑Direttiva 76/207 biss b’effett mill‑15 ta’ Awwissu 2009. Il‑fatti msemmija fil‑kawża prinċipali għadhom jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad‑Direttiva 76/207, fil‑verżjoni li tirriżulta mid‑Direttiva 2002/73.


11 – Direttiva tal‑Kunsill 79/7/KEE, tad‑19 ta’ Diċembru 1978, dwar l‑implimentazzjoni progressiva tal‑prinċipju tat‑trattament ugwali tal‑irġiel u n‑nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).


12 – Skont l‑Artikolu 270 tal‑ASVG, din ir‑regola tapplika kemm għall‑ħaddiema kif ukoll għall‑impjegati.


13 – Din id‑dispożizzjoni kostituzzjonali ġiet introdotta wara sentenza tal‑Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka) li kienet imminat il‑limiti ta’ età differenti għall‑irġiel u għan‑nisa minħabba li dawn kienu jmorru kontra l‑prinċipju ta’ ugwaljanza (Verfassungsgerichtshof, sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1990, VfSlg. 12.568/1990).


14 – BGBl. I 1982/832.


15 – Skont l‑Artikolu 134(1) tad‑DO.B, id‑dispożizzjonijiet iċċitati japplikaw wara t‑30 ta’ Settembru 2000 għal‑“aħħar tobba li ġew reġistrati ma’ korp ta’ sigurtà soċjali Awstrijaku qabel l‑1996.”


16 – F’dan il‑kuntest, il‑qorti nazzjonali tirreferi għal sentenza tal‑Verfassungsgerichtshof (VfSlg. 12.592/1990).


17 – Sentenza tal‑Landesgerichts Innsbruck, bħala qorti tax‑xogħol u tas‑sigurtà soċjali, 14 ta’ Marzu 2008.


18 – Sentenza tat‑22 ta’ Awwissu 2008, tal‑Oberlandesgericht Innsbruck, bħala qorti tal‑appell fil‑qasam tal‑liġi tax‑xogħol u tas‑sigurtà soċjali.


19 – Direttiva tal‑Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit‑trattament fl‑impjieg u fix‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


20 – Sentenza Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 2, b’mod partikolari, punt 77).


21 – C. Kleist kienet talbet lill-persuna li timpjegaha sabiex tibqa’ attiva fis‑servizz sakemm tagħlaq il‑ħamsa u sittin sena, jiġifieri sakemm tilħaq l‑età normali tal‑irtirar applikabbli għall‑irġiel (ara l‑punt 17 tal‑konklużjonijiet preżenti).


22 – Sentenza tas‑16 ta’ Frar 1982, Burton (19/81, Ġabra p. 555, punt 9).


23 – Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet dan fis‑sentenzi Marshall (iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punti 32‑34) u Beets‑Proper (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 4, punt 36) b’relazzjoni għall‑Artikolu 5 tad‑Direttiva 76/207, fil‑verżjoni oriġinali tagħha. L‑imsemmija regola kien fiha dispożizzjoni li ppreċediet id‑dispożizzjoni msemmija fl‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207, fil‑verżjoni li tirriżulta mid‑Direttiva 2002/73, li hija ta’ importanza għall‑każ preżenti.


24 – B’mod simili, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li teżisti diskriminazzjoni diretta – u mhux biss indiretta – ibbażata fuq is‑sess, meta l‑miżuri adottati mill-persuna li timpjega huma marbuta mal‑eżistenza jew in‑nuqqas ta’ eżistenza ta’ tqala. Fil‑fatt, it‑tqala hija marbuta b’mod indissolubbli mas‑sess ta’ impjegata. Ara s‑sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1990, Dekker, (C‑177/88, Ġabra p. I‑3941, punti 12 u 17), u tat‑8 ta’ Novembru 1990, Handels‑ og Kontorfunktionærernes Forbund (C‑179/88, Ġabra p. I‑3979, punt 13), kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2003, Busch (C‑320/01, Ġabra p. I‑2041, punt 39), u tal‑20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 55). Fir‑rigward ta’ problema simili fil‑kuntest tad‑diskriminazzjoni abbażi tal‑età ara l‑konklużjonijiet ippreżentati minni fil‑kawża Andersen (C‑499/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punti 32 sa 38).


25 – Ara., f’dan is‑sens, is‑sentenzi tad‑9  ta’ Novembru 1993, Roberts (“Birds Eye Walls”, C‑132/92, Ġabra p. I‑5579, punt 17), tal‑14 ta’ Settembru 1999, Gruber (C‑249/97, Ġabra p. I‑5295, punt 27), tat‑8 ta’ Ġunju 2004, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑220/02, Ġabra p. I‑5907, punt 59), u tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek (C‑19/02, Ġabra p. I‑11491, punt 44).


26 – Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, imsejħa “Arcelor”, (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 26).


27 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 22.


28 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 25.


29 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 25.


30 – Sentenzi Burton, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 22, b’mod partikolari, punti 3, 12 u 15 u Birds Eye Walls (iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 25, b’mod partikolari, punti 3 u 4 kif ukoll 18 sa 23).


31 – Sentenza Hlozek (iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 25, b’mod partikolari, punti 28 u 29, kif ukoll 45 sa 48).


32 – Sentenzi Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 36; Beets‑Proper, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 4, punt 38, tat‑30 ta’ Marzu 1993, Thomas et (C‑328/91, Ġabra p. I‑1247, punt 8), tal‑4 ta’ Marzu 2004, Haackert (C‑303/02, Ġabra p. I‑2195, punt 26), kif ukoll tas‑27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, Ġabra p. I‑3585, punt 36).


33 – Skont l‑Artikolu 253(1) tal‑ASVG fl‑Awstrija l‑età normali tal‑irtirar għan‑nisa hija ekwivalenti għal sittin sena, filwaqt li għall‑irġiel hija ekwivalenti għal ħamsa u sittin sena.


34 – Ara, f’dan ir‑rigward, punti 31 sa 44 tal‑konklużjonijiet preżenti.


35 – Anki fil‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑Artikolu 141 KE (li kien l‑Artikolu 119 tat‑Trattat KEE, li sar l‑Artikolu 157 TFUE) u dwar id‑Direttiva 76/207 sa fejn jista’ jinftiehem, s’issa ġew rikonoxxuti biss, bħala leġittimi, kunsiderazzjonijiet marbuta mal‑politika tal‑impjieg jew mal‑politika soċjali, fir‑rigward ta’ trattament mhux ugwali indirett, iżda mhux fir‑rigward tat‑trattament mhux ugwali dirett ibbażat fuq is‑sess; ara s‑sentenzi tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour‑Smith u Perez (C‑167/97, Ġabra p. I‑623, punt 71), tas‑6 ta’ April 2000, Jørgensen (C‑226/98, Ġabra p. I‑2447, punt 41), tas‑26 ta’ Settembru 2000, Kachelmann (C‑322/98, Ġabra p. I‑7505, punt 30), kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2003, Kutz‑Bauer (C‑187/00, Ġabra p. I‑2741, punti 55 u 56).


36 – Sentenzi Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 2, punti 46, l‑ewwel sentenza u punti 49 u 52; tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, Ġabra p. I‑5325, punt 41), u Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 7, punt 33; ara wkoll il‑konklużjonijiet ippreżentati minni fil‑kawża Andersen, iċċitata itkar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 24, b’mod partikolari, punti 31 u 41.


37 – Ara l‑premessa 6 tad‑Direttiva 2002/73.


38 – Ara, f’dan is‑sens, b’relazzjoni għad‑diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età, is‑sentenza Palacios de la Villa, iċċitata itkar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 2, b’mod partikolari, punt 73; ara wkoll il‑konklużjonijiet ippreżentati minni fil‑kawża Andersen, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 24, punt 71.


39 – Il‑Karta tad‑Drittijiet Fondamentali tal‑Unjoni Ewropea ġiet proklamata solennement l‑ewwel darba fis‑7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000,C 364, p. 1) u suċċessivament, fit‑12 ta’ Diċembru 2007 ġewwa Strasbourg (ĠU 2007 C 303, p. 1). Fil‑mument meta C. Kleist ġiet imġiegħla tirtira, il‑Karta fiha nnifisha ma kinitx għadha tipproduċi effetti legali vinkolanti simili għal dawk tad‑dritt primarju, iżda bħala fonti ta’ rikonoxximent legali, dak iż‑żmien diġà kienet titfa’ xaqq dawl fuq id‑drittijiet fundamentali ggarantiti mill‑Unjoni; ara s‑sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, “Riunifikazzjoni tal‑familja”, (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 38, u punt 108 tal‑konklużjonijiet ippreżentati minni fit‑8 ta’ Settembru 2005 f’din il‑kawża; ara wkoll is‑sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37).


40 – Kif tafferma l‑qorti tar‑rinviju, li kieku C. Kleist kellha tirtira biss fl‑1 ta’ Marzu 2013, jiġifieri kif tagħlaq l‑età normali tal‑irtirar għall‑irġiel ekwivalenti għal 65 sena, hija kienet tirċievi pensjoni netta ekwivalenti għal EUR 4 829.85 fix‑xahar. Fil‑mument tal‑irtirar effettiv tagħha mas‑60 sena, il‑pensjoni tagħha kienet tammonta għal EUR 3 890.62 netti fix‑xahar.


41 – Ara, f’dan ir‑rigward, iktar ’il fuq, punt 51 tal‑konklużjonijiet preżenti.


42 – Ara, f’dan ir‑rigward, iktar ’il fuq, punt 52 u 53 tal‑konklużjonijiet preżenti.


43 – Ara s‑sentenzi Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 36, Beets‑Proper, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 4, punt 38, tal‑24 ta’ Frar 1994, Roks et (C‑343/92, Ġabra p. I‑571, punt 36), Jørgensen, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna  35, punt 39, Kutz‑Bauer, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 35, punt 60), u tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, Ġabra p. I‑12575, punt 85).


44 – Ex Artikolu 2 KE.


45 – Ex Artikolu 3(2) KE.


46 – Sentenzi Roks et, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 43, punt 35, Jørgensen, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 35, punt 39, Kutz‑Bauer, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 35, punti 59 u 60), Schönheit u Becker, iċċitata iktar ’il fuq, fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 43, punt 85), u tal‑10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi (C‑196/02, Ġabra p. I-1789, punt 53); ara fl‑istess sens – b’riferiment għad‑diskriminazzjoni bejn ħaddiema għal perijodu determinat u ħaddiema part‑time – is‑sentenza tat‑22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, Ġabra p. I-3527, punt 46).