Language of document : ECLI:EU:F:2011:120

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

14 ta’ Lulju 2011

Kawża F-81/10

Vidas Praskevicius

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Punti ta’ mertu — Eżami komparattiv tal-merti — Motivazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu V. Praskevicius jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament li ma tinkludihx fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad AD 6 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009 u li l-Parlament jiġi kkundannat iħallas EUR 500 bħala kumpens għad-dannu morali allegatament subit.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kundizzjonijiet — Uffiċjali li laħqu l-livell ta’ referenza — Dritt għall-promozzjoni awtomatika — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Motivazzjoni — Obbligu fir-rigward tal-Kumitat konsultattiv tal-promozzjoni fil-każ ta’ deċiżjoni li ma timxix mar-rakkomandazzjoni tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment ta’ kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25, Artikoli 45 u 90(2))

1.      Mill-punti I.3.2 u I.3.3 tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika ta’ promozzjoni u ta’ ppjanar tal-karrieri, emendata l-aħħar bid-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-21 ta’ April 2008, ma jistax jiġi dedott li lil hinn mill-każijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet l-uffiċjali li jilħqu l-livell ta’ referenza jkunu awtomatikament promossi fil-kuntest tal-proċedura attwali.

Tali interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra l-obbligu li twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi fid-dawl tal-kriterji li jipprovdi. Issa, miżura ta’ applikazzjoni ta’ portata ġenerali għandha tkun is-suġġett, jekk ikun possibbli, ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tal-att bażiku. Barra minn hekk, il-punt I.3.3 tal-imsemmija deċiżjoni għandu jiġi interpretat biss fis-sens li l-uffiċjali li jkunu koperti minn wieħed mill-każijiet li jipprovdi ma jistgħux, f’kull każ, jiġu promossi, minkejja li huma jkunu laħqu l-livell ta’ referenza.

Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika prassi li tmur kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 51 u 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Ġunju 1993, Dr Tretter, C‑90/92, punt 11

Il-Qorti Ġenerali: 13 ta’ April 2011, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑576/08, punt 103

2.      Fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl ta’ eventwali promozzjoni, abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-mezzi u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar ma marritx lil hinn mil-limiti permissibbli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat, għalhekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu tal-kwalifiki u tal-merti tal-uffiċjali għal dik tal-Awtorità tal-Ħatra. Din tal-aħħar għandha wkoll is-setgħa li twettaq eżami komparattiv tal-merti skont il-proċedura jew il-metodu li hija tqis l-iktar xieraq. Hija ma hijiex marbuta li tirreferi biss għar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali kkonċernati, iżda tista’ wkoll tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq aspetti oħrajn tal-merti tagħhom.

(ara l-punt 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Lulju 1976, Wind vs Il‑Kummissjoni, 62/75, punt 17

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑557/93, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punti 55 u 152

3.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-direttivi interni adottati mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fid-19 ta’ Ottubru 2005, il-membri tal-Kumitat konsultattiv tal-promozzjoni għandhom jiġu informati bid-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra, li hija obbligata timmotiva bil-miktub kull differenza mal-opinjoni tal-Kumitat.

Meta l-Awtorità tal-Ħatra tibgħat nota lill-President tal-Kumitat tal-promozzjoni li minnha jirriżulta li l-iżvilupp tal-merti tal-uffiċjali mhux promossi ma jiġġustifikax promozzjoni, din in-nota hija suffiċjenti sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-direttivi interni.

F’kull każ, anki jekk jitqies li ġie stabbilit li teżisti irregolarità proċedurali fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), iċċitat iktar ’il fuq, li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Kumitati konsultattivi tal-promozzjoni, din l-irregolarità ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni li uffiċjal ma jiġix promoss ikkontestata peress li n-nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-direttivi interni ma setax jaffettwa l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 60 sa 62)

4.      L-Awtorità tal-Ħatra ma hija obbligata li timmotiva deċiżjoni ta’ promozzjoni la fir-rigward tad-destinatarju tagħha u lanqas fir-rigward tal-kandidati mhux promossi. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija meqjusa li hija l-istess bħad-deċiżjoni li sar l-ilment kontriha. Għalhekk, meta t-tilwima tkun tirrigwarda l-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad il-promozzjoni ta’ uffiċjal, il-motivi ta’ tali deċiżjoni, li bħala prinċipju ma hijiex motivata, jiġu żvelati bid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, u dan jippermetti li l-uffiċjal isir jaf bl-argumenti tal-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 75 u 77)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il‑Kummissjoni, T‑117/01, punt 25

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punt 55