Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Fapricela - Indústria de Trefilaria vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-398/10)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Fapricela - Indústria de Trefilaria, SA (Ançã, il-Portugall) (rappreżentanti: M. Gorjão-Henriques u S. Roux, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta' Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 - Azzar użat għall-prestressing), sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti;

tnaqqas il-multa b'mod sostanzjali;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata mir-rikorrenti hija l-istess deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-385/10, ArcelorMittal Wire France et vs Il-Kummissjoni.

Ir-rikorrenti ssostni quddiem il-Qorti Ġenerali:

(i) L-eżistenza ta' nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li taffettwa d-drittijiet tad-difiża ta' Fapricela, dovuti għal rettifika tal-imsemmija deċiżjoni. Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li din ir-rettifika għandha titqies li hija nulla, billi r-rikonoxximent ta' żbalji materjali mill-Kummissjoni jippreġudika l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta' Fapricela u jmur kontra l-għan ta' dan ir-rikors, fejn barra minn hekk il-Kummissjoni Ewropea tingħata l-possibbiltà ulterjuri li tagħti d-deċiżjoni emendatorja l-ġdida billi tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti legali u fattwali tal-impriżi f'dan ir-rikors.

(ii) Il-Kummissjoni Ewropea ma pprovatx li Fapricela kienet taf jew kellha raġonevolment tkun taf dwar l-eżistenza ta' kartelli mhux iberiċi, fejn għaldaqstant ma setgħetx timputa responsabbiltà lil Fapricela għall-ksur uniku u kontinwu identifikat fid-deċiżjoni kkontestata;

Sussidjarjament,

(iii) Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità u l-prinċipju ta' trattament ugwali billi ffissat il-multa imposta fuq din l-impriża fid-dawl ta' dak li wettqet, fejn għaldaqstant il-multa għandha titnaqqas b'mod konformi;

(iv) Il-Kummissjoni kkalkolat b'mod żbaljat it-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni ta' Fapricela fil-ksur, fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni perijodu fejn din l-impriża ma kinitx involuta; u

(v) Il-Kummissjoni wettqet żbalji fattwali u kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi naqset milli tirrikonoxxi li Fapricela ma kinitx f'pożizzjoni li tħallas il-multa.

____________