Language of document : ECLI:EU:C:2020:795

Kawżi magħquda C245/19 u C246/19

État luxembourgeois

vs

B et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/16/UE – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Artikoli 1 u 5 – Ordni għall-għoti ta’ informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li taġixxi fuq talba għal skambju ta’ informazzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor – Persuna fil-pussess ta’ informazzjoni li tagħha l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tordna l-għoti – Persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba tal-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru – Terzi persuni li magħhom din il-persuna taxxabbli għandha relazzjonijiet ġuridiċi, bankarji, finanzjarji jew, b’mod iktar wiesa’, ekonomiċi – Protezzjoni ġudizzjarja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 52(1) – Limitazzjoni – Bażi legali – Osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv – Eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti lill-partijiet f’kawża inkwistjoni jiksbu stħarriġ effettiv tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha kif ukoll protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilhom – Għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali – Proporzjonalità – Natura ‘prevedibbilment rilevanti’ tal-informazzjoni kkonċernata mill-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Elementi ratione personae, ratione temporis u ratione materiae li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”

1.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreċiża l-modalitajiet tal-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita bid-Direttiva 2011/16 – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1); Direttiva tal-Kunsill 2011/16)

(ara l-punti 45, 46)

2.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal rimedju effettiv – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali – Limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-Karta – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 47)

(ara l-punti 47-51)

3.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal rimedju effettiv – Invokabbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 54, 55)

4.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata – Persuni ġuridiċi – Deċiżjoni ta’ ordni intiża sabiex jingħata segwitu għal talba għal informazzjoni abbażi tad-Direttiva 2011/16 u miżura li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali deċiżjoni – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(1))

(ara l-punti 57-59)

5.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal rimedju effettiv – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv mid-dritt nazzjonali – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt – Kunċett ta’ kontenut essenzjali tad-dritt – Aċċess għal qorti li tiżgura r-rispett tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni – Assenza ta’ ħtieġa għad-detentur tad-dritt li jikser id-dritt nazzjonali u li jesponi ruħu għas-sanzjoni marbuta ma’ dan il-ksur – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 60, 66)

6.        Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Informazzjoni li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli – Informazzjoni li tirrigwarda l-kontijiet bankarji tagħha u l-assi finanzjarji tagħha u li tirrigwarda r-relazzjonijiet ġuridiċi jew ekonomiċi tagħha ma’ terzi persuni – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)

(ara l-punti 73, 74)

7.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal rimedju effettiv – Kamp ta’ applikazzjoni – Terzi persuni ġuridiċi – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 96, 97)

8.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni –Direttiva 2011/16 – Skambju ta’ informazzjoni fuq talba – Talba ta’ Stat Membru magħmula lil Stat Membru ieħor intiża li timplimenta l-proċedura ta’ skambju – Deċiżjoni tal-awtorità kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru li tagħti segwitu għat-talba għal informazzjoni – Ordni li tobbliga lill-persuna ġuridika li għandha informazzjoni tipprovdiha lill-awtorità kompetenti taħt piena ta’ sanzjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix azzjoni ġudizzjarja diretta kontra d-deċiżjoni ta’ ordni – Persuna ġuridika li għandha informazzjoni – Inammissibbiltà – Persuna fiżika kkonċernata, bħala persuna taxxabbli, mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba kif ukoll persuni ġuridiċi terzi kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 47; Direttiva tal-Kunsill 2011/16)

(ara l-punti 69, 76, 78-85, 87-93, 98, 101, 104, 105, u d-dispożittiv 1)

9.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni –Direttiva 2011/16 – Skambju ta’ informazzjoni fuq talba – Talba għal informazzjoni magħmula lill-persuna li għandha din l-informazzjoni – Legalità ta’ deċiżjoni ta’ ordni magħmula minn dan l-Istat Membru lil persuna suġġetta għal miżuri amministrattivi – Kundizzjoni – Rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba – Evalwazzjoni li għandha ssir mill-awtorità rikjesta – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2011/16, Artikoli 1(1) u 5)

(ara l-punti 110-116, 124, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jimponi li l-persuni li jkollhom informazzjoni li l-amministrazzjoni nazzjonali titlob l-għoti tagħha, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni bejn Stati Membri, jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja diretta kontra din it-talba. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jistgħu jċaħħdu minn tali rimedju ġudizzjarju dirett lill-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni fiskali u lit-terzi kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni, meta jkunu jeżistu rimedji ġudizzjarji oħra li jippermettu lil dawn tal-aħħar jiksbu stħarriġ inċidentali tal-imsemmija talba

Barra minn hekk, talba għal informazzjoni tista’ validament tirrigwarda kategoriji ta’ informazzjoni iktar milli tirrigwarda informazzjoni preċiża, jekk dawn il-kategoriji jkunu delimitati permezz ta’ kriterji li jistabbilixxu n-natura “prevedibbilment rilevanti” tagħhom

Sabiex jagħti segwitu għal żewġ talbiet għal skambju ta’ informazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tikkonċerna lil F. C., li huwa persuna fiżika li tirrisjedi fi Spanja, id-directeur de l’administration des contributions directes (id-Direttur tal-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti, il-Lussemburgu) bagħat lill-kumpannija B kif ukoll lill-bank A deċiżjonijiet li jordnawlhom jagħtu informazzjoni li tirrigwarda kontijiet bankarji u assi finanzjarji li F. C. huwa propjetarju tagħhom jew jibbenefika minnhom kif ukoll li tirrigwarda diversi tranżazzjonijiet ġuridiċi, bankarji, finanzjarji jew ekonomiċi li setgħu twettqu minn F. C. jew minn terzi persuni li jaġixxu f’ismu jew fl-interess tiegħu.

Skont il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża dwar il-proċedura applikabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba fil-qasam tat-tassazzjoni, fiż-żmien meta seħħew il-fatti ma setgħux jiġu ppreżentati azzjonijiet ġudizzjarji kontra tali deċiżjonijiet ta’ ordni. Madankollu, il-kumpanniji B, C u D kif ukoll F. C. ippreżentaw azzjonijiet ġudizzjarji quddiem it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu) intiżi sabiex, prinċipalment, tinkiseb il-bidla ta’ dawn id-deċiżjonijiet u, sussidjarjament, jinkiseb l-annullament tagħhom. It-Tribunal Amministrattiv iddikjara li għandu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet ġudizzjarji, filwaqt li qies li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża ma kinitx konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv favur kwalunkwe persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura, u li għaldaqstant din il-leġiżlazzjoni ma kellhiex tiġi applikata. Fir-rigward tal-mertu, l-imsemmi tribunal annulla parzjalment id-deċiżjonijiet ta’ ordni billi qies li xi informazzjoni mitluba ma kinitx tidher prevedibbilment rilevanti.

L-État luxembourgeois (l-Istat Lussemburgiż) appella minn dawn is-sentenzi quddiem il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), li ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tistaqsi jekk dan l-artikolu jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad lil persuna li jkollha informazzjoni (bħall-kumpannija B), lil persuna taxxabbli kkonċernata minn investigazzjoni fiskali (bħal F. C.) u lil terzi persuni kkonċernati minn din l-informazzjoni (bħall-kumpanniji C u D) mill-possibbiltà li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja diretta kontra deċiżjoni ta’ ordni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-possibbiltà offruta mid-Direttiva 2011/16 (1) lill-Istati Membri sabiex jiskambjaw informazzjoni bil-kundizzjoni li din tkun “prevedibbilment rilevanti” għall-amministrazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali.

Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2020, fil-Kawżi C‑245/19 u C‑246/19, il-Qorti tal-Ġusitzzja (Awla Manja) qatgħet u ddeċidiet, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 tagħha (li jistabbilixxu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rispettivament), kif ukoll mal-Artikoli 52(1) tagħha (li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet fundamentali jiġi limitat):

–      jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita bid-Direttiva 2011/16 tkun ixxekkel lill-persuna li jkollha informazzjoni milli tippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbliga lil din il-persuna tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, iżda

–      ma jipprekludix li tali leġiżlazzjoni tkun ixxekkel lill-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għall-imsemmija talba għal informazzjoni, kif ukoll terzi kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni, milli jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-imsemmija deċiżjoni.

Wara li kkonstatat li l-Karta kienet applikabbli peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda d-dritt għal rimedju effettiv, li l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika fl-isfera ta’ attività privata tagħhom tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tista’ tiġi invokata minn persuna ġuridika destinatarja ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali, bil-għan li tikkontestaha permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv jista’ jiġi limitat permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta jkunu ssodisfatti. Din id-dispożizzjoni teħtieġ b’mod partikolari li l-kontenut essenzjali tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-Karta jiġi osservat.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi, fost elementi oħra, dak li jikkonsisti, għall-persuna li għandha dan id-dritt, f’li tkun tista’ jkollha aċċess għal qorti kompetenti sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, għal dan il-għan, sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi l-kawża li tkun tinsab adita biha. Barra minn hekk, sabiex ikollha aċċess għal tali qorti, din il-persuna ma tistax tiġi mġiegħla tikser regola jew obbligu legali u tesponi ruħha għas-sanzjoni marbuta ma’ dan il-ksur. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża ineżami, huwa biss meta d-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ordni ma josservax din id-deċiżjoni u sussegwentement tiġi imposta fuqu sanzjoni għal din ir-raġuni li huwa jkollu possibbiltà li jikkontesta b’mod inċidentali l-imsemmija deċiżjoni, fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja miftuħa kontra tali sanzjoni. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tosservax l-Artikolu 47 u 52(1) tal-Karta, moqrija flimkien.

F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni ta’ ordni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, bħala persuna fiżika, tali persuna taxxabbli hija d-detentur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data privata ggarantit mill-Artikolu 8 tagħha, u li l-għoti ta’ informazzjoni li tikkonċernaha lil awtorità pubblika jista’ jikser dawn id-drittijiet, sitwazzjoni din li tiġġustifika r-rikonoxximent, lill-parti kkonċernata, tal-benefiċċju tad-dritt għal rimedju effettiv.

Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li r-rekwiżit relatat mal-osservanza tal-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt ma jimplikax li l-persuna taxxabbli jkollha rimedju ġudizzjarju dirett li għandu bħala għan, prinċipalment, li jikkontesta miżura partikolari, jekk kemm-il darba jkun hemm, quddiem id-diversi qrati nazzjonali kompetenti, rimedju jew diversi rimedji ġudizzjarji li jippermettulha tikseb, b’mod inċidentali, stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ din il-miżura mingħajr il-ħtieġa li għal dan il-għan wieħed jesponi ruħu għal riskju ta’ sanzjoni. Fl-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju dirett kontra deċiżjoni ta’ ordni, din il-persuna taxxabbli għaldaqstant għandu jkollha dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ rettifika jew ta’ aġġustament adottata fi tmiem l-investigazzjoni u, f’dan il-kuntest, għandu jkollha l-possibbiltà li b’mod inċidentali tikkontesta l-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-kisba u l-użu tal-provi miġbura bis-saħħa tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni li xxekkel lil tali persuna taxxabbli milli tippreżenta azzjoni ġudizzjarja diretta kontra deċiżjoni ta’ ordni ma tippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li tali leġiżlazzjoni tissodisfa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam, u li hija tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dak li jikkonċerna, it-tielet nett, is-sitwazzjoni tat-terzi kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod analogu qieset li l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv li għandu jkollhom dawn it-terzi, fil-preżenza ta’ deċiżjoni ta’ ordni li tista’ tikser id-dritt tagħhom għall-protezzjoni kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika fl-isfera ta’ attività privata tagħhom, jista’ jiġi limitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra tali deċiżjoni, bil-kundizzjoni li l-imsemmija terzi barra minn hekk għandu jkollhom rimedju ġudizzjarju li jippermettilhom jiksbu r-rispett effettiv tad-drittijiet fundamentali tagħhom, bħal dak tar-rikors għad-danni.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni sabiex tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li tagħti segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni, għandha titqies bħala li tirrigwarda informazzjoni “prevedibbilment rilevanti”, fis-sens tad-Direttiva 2011/16, meta hija tkun tindika l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni inkwistjoni, dik tal-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba għal skambju ta’ informazzjoni u l-perijodu kopert minn din tal-aħħar, u meta hija tkun tirrigwarda kuntratti, fatturazzjonijiet u ħlasijiet li, għalkemm ma jkunux identifikati b’mod preċiż ikunu delimitati permezz ta’ kriterji ratione personae, ratione temporis u ratione materiae li juru r-rabtiet tagħhom mal-investigazzjoni u l-persuna taxxabbli kkonċernata minnha. Fil-fatt, dan is-sett ta’ kriterji huwa biżżejjed sabiex jitqies li l-informazzjoni mitluba ma tidhirx b’mod manifest nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli, b’tali mod li delimitazzjoni iktar preċiża tagħha ma hijiex neċessarja.


1      Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 359, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 279, p. 24).