Language of document : ECLI:EU:T:2014:682

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

16 ta’ Lulju 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Adattament tat-talbiet — Tardività — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Dritt għall-proprjetà — Proporzjonalità — Talba għad-danni”

Fil-Kawża T‑572/11,

Samir Hassan, residenti f’Damas (is-Sirja), irrappreżentat minn É. Morgan de Rivery u E. Lagathu, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou u M. Vitsentzatos, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għal annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 218, p. 20), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis- Sirja (ĠU L 218, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, p. 56), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739 (ĠU L 111, p. 77), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent, u, min-naħa l-oħra, talba għall-ħlas tad-danni bħala kumpens għad-danni allegatament subiti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude, President, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Samir Hassan, huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana.

 Id-Deċiżjoni 2011/273 u r-Regolament Nru 442/2011

2        Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi f’diversi nħawi fis-Sirja u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fid-9 ta’ Mejju 2011, adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill adotta embargo fuq l-armi, projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għall-finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.

3        L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-imsemmi anness. L-isem tar-rikorrent ma kienx inkluż.

4        Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Trattat FUE, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1). Dan ir-regolament huwa, fil-parti l-kbira, identiku għad-Deċiżjoni 2011/273, iżda jipprovdi possibbiltajiet għar-rilaxx ta’ fondi ffriżati. Il-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi rikonoxxuti li kienu kemm responsabbli mir-repressjoni inkwistjoni, kif ukoll assoċjati mar-responsabbli, li tidher fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, hija identika għal dik li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. L-isem tar-rikorrent ma kienx inkluż. Skont l-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament Nru 442/2011, fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissuġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri previsti, huwa konsegwentement għandu jemenda l-Anness II u, min-naħa l-oħra, jeżamina l-lista li tidher fih b’intervalli regolari u għall-inqas kull tnax-il xahar.

5        Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 218, p. 20), il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni 2011/273 bil-għan, b’mod partikolari, li jiġu applikati l-miżuri restrittivi inkwistjoni lil persuni u entitajiet oħra. Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, l-ismijiet ta’ ħmistax-il persuna fiżika u ta’ ħames entitajiet, elenkati fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, ġew miżjuda fil-lista li tidher fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Fost dawn l-ismijiet jinsab dak tar-rikorrent, bir-referenza tad-data ta’ iskrizzjoni ta’ ismu fil-lista inkwistjoni, f’dan il-każ it-“23.8.2011”, u l-motivi segwenti:

“Soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Maher Al-Assad. Magħruf għall-appoġġ ekonomiku tar-reġim Sirjan”.

6        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/273, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 843/2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 218, p. 1). L-isem tar-rikorrent jidher flimkien mal-istess informazzjoni u motivi bħal dawk fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515.

7        Fl-24 ta’ Awwissu 2011, il-Kunsill ippubblika wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/273, kif implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515, u fir-Regolament Nru 442/2011, kif implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 843/2011 (ĠU C 245, p. 2).

8        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/522/PESK, tat-2 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 228, p. 16), il-Kunsill, filwaqt li emenda mill-ġdid id-Deċiżjoni 2011/273, ippreveda li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, anki fir-rigward tal-anness tagħha, għandu jinkludi wkoll il-“persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u ta’ persuni [li kienu] assoċjati magħhom, kif [kienu] elenkati fl-Anness […]”.

9        Bir-Regolament (UE) Nru 878/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU L 228, p. 1), il-Kunsill emenda r-Regolament Nru 442/2011 fis-sens li l-Anness II tiegħu japplika għal “persuni u entitajiet li jibbenefikaw mir-reġim jew jappoġġawh, jew persuni u entitajiet assoċjati magħhom”.

 Id-Deċiżjoni 2011/782 u r-Regolament Nru 36/2012

10      Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 319, p. 56), il-Kunsill qies li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi addizzjonali. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2011/273 u l-miżuri addizzjonali għandhom jiġu integrati fi strument legali wieħed. Id-Deċiżjoni 2011/782 tipprovdi, fl-Artikolu 18 tagħha, restrizzjonijiet fil-qasam ta’ impediment tad-dħul fit-territorji tal-Unjoni u, fl-Artikolu 19 tagħha, l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jidher fl-Anness I tagħha. L-isem tar-rikorrent jidher fil-linja 50 tat-tabella li tinkludi l-lista inkwistjoni, taħt it-titolu “A. Persuni”, bl-istess informazzjoni u l-motivi li dawn sostnew fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515.

11      Fit-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali, avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/782 u fir-Regolament Nru 442/2011, kif implimentati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1244/2011, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU C 351, p. 14).

12      Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 36/2012 tal-Kunsill, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru°442/2011 (ĠU L 16, p. 1). L-isem tar-rikorrent jidher fil-lista tal-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 bl-istess informazzjoni u motivi bħal dawk li ssemmew fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 843/2011.

13      Fl-24 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/782 u mir-Regolament Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU C 19, p. 5).

 Id-Deċiżjoni 2012/739

14      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21), il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew integrati fi strument legali wieħed. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 48 tat-tabella tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739 mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515.

15      Fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739 u fir-Regolament Nru 36/2012, kif implimentati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill(UE) Nru 1117/2012, tad-29 ta’ Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU C 370, p. 6). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 1117/2012, tad-29 ta’ Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 330, p. 9), ma jbiddilx ir-referenzi li jirrigwardaw lir-rikorrent.

16      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/739 (ĠU L 111, p. 77), għandha l-għan li taġġorna l-lista ta’ persuni u entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi li tidher fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 48 tat-tabella tal-Anness I mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-anness tal-atti preċedenti.

17      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1), jinkludi l-istess informazzjoni u motivi bħal dawk inklużi fl-anness tal-atti preċedenti.

18      Fit-23 ta’ April 2013, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/739, kif implimentata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185, u bir-Regolament Nru 36/2012, kif implimentat bir-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 363/2013 (ĠU C 115, p. 5).

 Id-Deċiżjoni 2013/255

19      Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14). Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 48 tat-tabella tal-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-anness tal-atti preċedenti.

20      Fl-1 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill ippubblika l-avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2013/255 u mir-Regolament Nru 36/2012 (ĠU C 155, p. 1).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 843/2011, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, kif ukoll rikors għad-danni.

22      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent ippreżenta talba għal proċeduri għal miżuri provviżorji bil-għan li tinkiseb s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru°843/2011 sa fejn jikkonċernawh, sa fejn il-Qorti Ġenerali ppronunċat ruħha fuq ir-rikors għal kawża prinċipali. Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar u tat-23 ta’ April 2012, Hassan vs Il-Kunsill (T‑572/11 R u T‑572/11 RII), din it-talba ġiet miċħuda.

23      Fir-replika ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2012, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu fejn talab ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/782 u tar-Regolament Nru 36/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. Fil-kontroreplika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill ħa konjizzjoni tat-talba tar-rikorrent.

24      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu fejn talab ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/739, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u tad-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. Il-Kunsill irrinunċa milli jippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

25      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

26      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub u sabiex jipprovdu ċerti dokumenti. Il-Kunsill irrispetta din it-talba.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2014.

28      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 843/2011, id-Deċiżjoni 2011/782, ir-Regolament Nru 36/2012, id-Deċiżjoni 2012/739, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255;

–        tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kunsill mit-teħid ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu; tallokalu s-somma ta’ EUR 250 000 fix-xahar sa mill-1 ta’ Settembru 2011 sabiex jiġu kkumpensati d-danni materjali subiti u ta’ EUR 1 simboliku bħala danni morali subiti u tikkundanna lill-Kunsill tikkumpensa d-danni materjali futuri;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiċħad it-talba għad-danni bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal adattament tat-talbiet

30      Hekk kif jirriżulta mill-punti 23 u 24 iktar ’il fuq, l-atti li ntalbet l-annullament tagħhom, li jinkludu fl-annessi tagħhom il-lista ta’ persuni u entitajiet previsti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fejn jidher l-isem tar-rikorrent, ġew emendati jew abrogati mill-Kunsill f’bosta okkażjonijiet wara l-preżentata tar-rikors fil-kawża preżenti. Konsegwentement, ir-rikorrent ipproċeda bl-adattament tat-talbiet tiegħu.

31      Skont il-ġurisprudenza, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, mibdula minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tikkonfronta l-kritika inkluża f’rikors ippreżentat kontra att quddiem qorti tal-Unjoni, temenda l-att ikkontestat jew tissostitwih b’att ieħor u tinqeda, fil-mori tal-kawża, minn din l-emenda jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att li jsir wara jew mill-possibbiltà li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari kontra dan (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, Ġabra p. II‑3019, punt 46, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, T‑110/12, punt 16).

32      Madankollu, sabiex tkun ammissibbli, talba għall-adattament tat-talbiet għandha titressaq fit-terminu għall-preżentata tar-rikors previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ ordni pubbliku, u għandu jiġi applikat mill-qorti tal-Unjoni b’mod li tiżgura ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza tal-persuni legali quddiem il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 101). B’hekk, hija l-qorti li għandha tivverifika, jekk ikun meħtieġ ex officio, jekk dan it-terminu ġiex irrispettat (sentenza Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

33      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li t-terminu ta’ xahrejn, previst mis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jibda jiddekorri biss, f’dak li jirrigwarda l-atti li jimponu miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità, kemm mid-data tal-komunikazzjoni individwali ta’ dan l-att il-ġdid lill-persuna kkonċernata, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, kif ukoll mill-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, fil-każ kuntrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, punti 59 sa 62).

34      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, dan it-terminu jibda jiddekorri mit-tmiem tal-erbatax-il ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, barra minn dan, ma’ dan it-terminu għandu jiżdied terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

35      F’din il-kawża, fir-rigward l-ewwel nett, tal-adattament tat-talbiet f’dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 2011/782 u r-Regolament Nru 36/2012, hemm lok li jingħad li l-imsemmi adattament ġie ppreżentat mir-rikorrent fil-kuntest tar-replika, li ġiet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2012, b’mod li l-imsemmija atti ġew adottati rispettivament fl-1 ta’ Diċembru 2011 u fit-18 ta’ Jannar 2012.

36      Issa, ma jirriżultax la mill-fajl tal-kawża preżenti u lanqas mir-risposti mogħtija mill-Kunsill dwar dan is-suġġett fis-seduta li dawn l-atti kienu s-suġġett ta’ notifika individwali, b’mod li l-Kunsill kien jaf, mit-22 ta’ Novembru 2011, l-indirizz tar-rikorrent. Fil-fatt, f’din id-data, il-Kunsill ikkonferma li rċieva l-ittra li l-avukati tar-rikorrent kienu bagħtulu fis-17 ta’ Novembru 2011 u li fiha huma talbuh jagħtihom f’dan l-indirizz, l-informazzjoni kollha ta’ natura li tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent.

37      F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li l-Kunsill ma huwiex ħieles li jagħżel arbitrarjament il-metodu ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu lill-persuni kkonċernati. Fil-fatt jirriżulta mill-punt 61 tas-sentenza Gbagbo et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tippermetti komunikazzjoni indiretta tal-atti li kienet intalbet l-annullament tagħhom mill-pubblikazzjoni ta’ Avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fil-każijiet biss fejn huwa impossibbli għall-Kunsill li jipproċedi b’notifika. Li jiġi konkluż mod ieħor jippermetti de facto lill-Kunsill li faċilment jaħrab mill-obbligu tiegħu ta’ notifika.

38      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li jekk it-talba ta’ adattament tat-talbiet tikkonċerna att li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità li ma ġewx ikkomunikati individwalment lir-rikorrent, minkejja li l-istituzzjoni kienet taf l-indirizz tiegħu, it-terminu għall-adattament tal-kapi tat-talbiet tar-rikorrent f’dak li jirrigwarda dan l-att ma bediex jiddekorri, b’mod li t-talba tar-rikorrent ma titqiesx bħala tardiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, punt 59, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Bank Kargoshaei et vs Il-Kunsill, T‑8/11, punt 44). Għalhekk, f’din il-kawża, peress li d-Deċiżjoni 2011/782 u r-Regolament Nru 36/2011 ma ġewx ikkomunikati individwalment lir-rikorrent b’mod li l-Kunsill kien jaf l-indirizz tiegħu, it-talba għal adattament tat-talbiet li kienet tikkonċerna dawn l-atti għandha tkun ikkunsidrata bħala ammissibbli.

39      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-adattament tat-talbiet tiegħu f’dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 2012/739, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255, hemm lok li jingħad li l-imsemmi adattament ġie ppreżentat mir-rikorrent fil-kuntest tan-nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2013.

40      F’dan ir-rigward, mid-dokumenti mogħtija mill-Kunsill jirriżulta li, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, d-Deċiżjoni 2012/739 ġiet innotifikata lir-rikorrent fit-30 ta’ Novembru 2012. Sa fejn it-terminu għat-talba tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni tiskadi fil-11 ta’ Frar 2013, għandu jiġi miċħud dan l-adattament bħala inammissibbli għat-tardività.

41      F’dak li jirrigwarda n-nota dwar l-adattament tat-talbiet bil-għan tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjon 2013/185, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255, għandu jingħad li, sussegwentement għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti, dawn tal-aħħar kienu s-suġġett ta’ notifika individwali lir-rikorrent fit-13 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju 2013. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nota dwar l-adattament tat-talbiet tar-rikorrent ġiet ippreżentata fix-xahrejn u għaxart-ijiem sa minn meta ġew riċevuti notifiki individwali fis-sens tas-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura. B’hekk, hemm lok li tiġi ammessa l-ammissibbiltà tal-adattament tat-talbiet tar-rikorrent sa fejn dawn huma diretti kontra dawn l-atti.

42      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, it-talbiet għall-annullament fil-kawża preżenti għandhom ikunu kkunsidrati bħala ammissibbli sa fejn huma għandhom bħala għan l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 843/2011, tad-Deċiżjoni 2011/782, tar-Regolament Nru 36/2012, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u tad-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti kkontestati”).

 Fuq it-talba għall-annullament

43      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-linji gwida tat-2 ta’ Diċembru 2005 tal-Kunsill dwar l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-kuntest tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni tal-Unjoni Ewropea u, s-sitt wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter.

44      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, it-tieni motiv u, imbagħad, l-ewwel wieħed.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

45      It-tieni motiv huwa diviż, essenzjalment, f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, min-naħa l-oħra, fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Fuq il-parti bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

46      Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li ma ġiex infurmat kmieni biżżejjed dwar l-adozzjoni tal-miżuri meħuda fir-rigward tiegħu mill-Kunsill u li dan ma indirizzalu l-ebda notifika formali li ppermettietlu jkun jaf il-motivi tal-iskrizzjoni tiegħu fil-listi kontenuti fl-atti kkontestati. Skont dan, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva timplika b’mod partikolari li l-Kunsill ikun obbligat jikkomunika lill-persuna jew lill-entità kkonċernata minn dawn il-miżuri restrittivi l-motivi li wasslu għall-iskrizzjoni tiegħu fl-imsemmija listi. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-affermazzjoni li skont din l-indirizz tiegħu ma kienx magħruf mill-Kunsill huwa fi kontradizzjoni ma’ dik li skont din huwa personalità magħrufa ħafna mill-elite ekonomiku Sirjan. Fl-aħħar nett, il-Kunsill kien ċaħad lir-rikorrent mill-possibbiltà li jeżiġi b’mod effettiv id-drittijiet tiegħu tad-difiża fl-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi.

47      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa trattat fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl bl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi II”, punt 99).

49      Fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dan jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha kemm mill-qari tad-deċiżjoni nfisha, kif ukoll permezz tal-komunikazzjoni tal-motivi magħmula fuq talba tagħha, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’konoxxenza sħiħa tal-fatti inkwistjoni, jekk huwiex utli li tressaq kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali madankollu jipprovdi għal limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet pprovduti minnha, sa fejn il-limitazzjoni kkonċernata tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u li, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija neċessarja u tirrispondi effettivament għall-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni (ara s-sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ preżenti, b’mod partikolari, n-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102).

52      Fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni tiddistingwi, minn naħa, l-iskrizzjoni inizjali tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li timponi miżuri restrittivi u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-isem ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità fl-imsemmija lista minn deċiżjonijiet ulterjuri.

53      Fil-fatt, ma jkunx meħtieġ mill-awtoritajiet tal-Unjoni li huma jikkomunikaw il-motivi tal-iskrizzjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista inkwistjoni qabel l-iskrizzjoni inizjali, peress li tali komunikazzjoni tkun ta’ natura li tikkomprometti l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li jimponu dawn id-deċiżjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, punti 38 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonsisti f’li jinżamm l-isem tal-persuna kkonċernata fil-lista inkwistjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni hija obbligata tikkomunika lil din il-persuna, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-elementi li għandha din l-awtorità fir-rigward tagħha sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u dan sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punti 111 u 112).

55      F’din il-kawża, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/273 u l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament Nru 442/2011, li l-kontenut tagħhom, huwa fil-parti l-kbira inkluż fl-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni 2011/782, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 36/2012 u fl-Artikolu 30(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, jipprovdu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew l-entità kkonċernata, inklużi l-motivi għall-inklużjoni ta’ isimha fil-lista, kemm b’mod dirett, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, kemm permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, fejn tingħata l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

56      F’dan ir-rigward, għandu jingħad mill-bidu li, hekk kif jirriżulta mill-punt 36 iktar ’il fuq, l-indirizz tar-rikorrent kien magħruf mill-Kunsill biss mit-22 ta’ Novembru 2011. B’hekk, ma setax jipproċedi b’notifika individwali tal-atti li seħħew qabel din id-data.

57      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-atti kkontestati fil-kuntest tar-rikors, jiġifieri d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 843/2011, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ġustament sostna li r-rikorrent seta’ jkun jaf dwar l-adozzjoni tal-imsemmija atti permezz tal-avviż tal-24 ta’ Awwissu 2011, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/273 u mir-Regolament Nru 442/2011 hekk kif implementati miż-żewġ atti msemmija iktar ’il fuq (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Fil-fatt, sa fejn il-Kunsill ma ppreżentax l-indirizz tar-rikorrent fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija atti, ma huwiex attribwiet li nkisru d-drittijiet tiegħu tad-difiża minħabba nuqqas ta’ notifika individwali.

58      Min-naħa l-oħra, ma jkunx ikkunsidrat kontradittorju li jingħad, minn naħa, li r-rikorrent kien soċju mill-qrib ta’ Maher Al-Assad u li jiġi injorat, min-naħa l-oħra, l-indirizz tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif sostna l-Kunsill, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jkollhom biss, fis-Sirja, riżorsi limitati għall-finijiet li jfittxu l-indirizzi privati tal-persuni kollha fiżiċi kkonċernati mis-sistema tal-miżuri restrittivi, speċjalment fil-perijodu ta’ rvelli. Min-naħa l-oħra, il-prattika tal-Kunsill li tibgħat in-notifika lill-persuna fiżika tikkonċerna biss indirizz konkret, jekk dan huwa magħruf, u mhux għal indirizz approssimattiv fis-Sirja, hekk kif ir-rikorrent jidher li jsostni, huwa ġustifikat, peress li, f’nuqqas ta’ dan, hemm ir-riskju li n-notifika tkun miftuħa u moqrija minn terzi, b’mod li l-miżuri restrittivi jammontaw għal qasam sensittiv. Fl-aħħar nett, il-konoxxenza tar-rabta tar-rikorrent ma’ Maher Al-Assad hija ċirkustanza li tista’ tiġi dedotta minn indizji oħra milli mill-indirizz tiegħu.

59      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-atti li l-annullament tagħhom huwa mitlub fil-kuntest tar-replika tal-11 ta’ April 2012 u tan-nota ta’ adattament tat-talbiet tat-8 ta’ Lulju 2013, jiġifieri d-Deċiżjoni 2011/782, ir-Regolament Nru 36/2012, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255, għandu jiġi kkonstatat li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq u hekk kif jirriżulta mill-fatt li l-Kunsill kellu l-indirizz tar-rikorrent sa mit-22 ta’ Novembru 2011, dan kien obbligat li jikkomunika lir-rikorrent l-adozzjoni ta’ dawn l-atti permezz ta’ notifika individwali. Issa, peress li pproċeda b’dan il-mod f’dak li jirrigwarda l-aħħar tlett atti msemmija iktar ’il fuq, huwa ma indirizzax notifika individwali f’dak li jirrigwarda l-ewwel tnejn minn dawn l-atti. F’dan ir-rigward, kellu jikkomunika individwalment lir-rikorrent il-motivi taż-żamma ta’ ismu fil-lista li jinkludu dawk l-atti.

60      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-assenza ta’ notifika individwali ma timplikax neċessarjament l-annullament ta’ att jekk id-drittijiet tar-rikorrent huma mħarsa. Fil-fatt, meta l-Kunsill naqas mill-obbligu tiegħu li jinnotifika individwalment att, iżda li r-rikorrent kien jaf dwar l-att inkwistjoni u ppreżenta rikors fir-rigward tiegħu fit-termini, id-drittijiet tad-difiża tiegħu ma humiex affettwati, dment li kellu l-opportunità jiddefendi ruħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-assenza ta’ notifika individwali ma ppreġudikat la d-dritt tad-difiża tiegħu u lanqas id-dritt tiegħu għal azzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn, l-ewwel nett, dan ma pprekludihx milli jkun jaf il-motivi individwali u speċifiċi tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, u lanqas li konsegwentement jirreaġixxi. Barra minn hekk, hemm lok li jingħad li r-rikorrent ma ressaq l-ebda argument bil-għan li juri li dan in-nuqqas kien għamel iktar diffiċli d-difiża tiegħu fir-rigward tal-Kunsill, fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi jew quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill, T‑439/10 u T‑440/10, punt 68). Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kapijiet tat-talbiet kontenuti fl-adattament tat-talbiet tiegħu f’dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 2011/782 u r-Regolament Nru 36/2012 ġew f’kull każ iddikjarati ammissibbli (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) u li għalhekk kien hemm il-possibbiltà li tiġi mressqa kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE moqri flimkien mar-raba’ u s-sitt subparagrafi tal-Artikolu 263 TFUE.

62      Konsegwentement, l-assenza ta’ notifika lir-rikorrent ta’ ċerti atti kkontestati ma tistax, f’din il-kawża, tiġġustifika l-annullament tagħhom.

63      Għandu jiġi konkluż li d-drittijiet tad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew debitament imħarsa.

64      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-parti bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

65      Ir-rikorrent isostni, f’din il-kawża, li l-Kunsill illimita ruħu li jesponi kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali sabiex jiġġustifika l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-lista li tinkludi l-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, huwa jfakkar li, skont il-ġurisprudenza, hekk kif jirriżulta mill-fatt li l-persuni u l-entitajiet previsti minn miżuri restrittivi ma għandhomx dritt ta’ smigħ qabel, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija iktar importanti. Din il-motivazzjoni għandha tirrigwarda mhux biss il-bażijiet ġuridiċi ta’ applikazzjoni tal-att ikkonċernat, iżda wkoll il-motivi speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi.

66      Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

67      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lil persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għandu jitfakkar ukoll li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dak li jirrigwarda l-miżuri restrittivi adottati fil-qafas tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, hemm lok li jingħad li, sa fejn il-persuna kkonċernata ma għandhiex dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti, għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi għandu jidentifika l-motivi speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom dan jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal tali miżura (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Madankollu, il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’din il-kawża, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-motivi ġenerali tal-adozzjoni mill-Unjoni tal-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, għandu jingħad li, l-ewwel nett, li l-ewwel tliet premessi tad-Deċiżjoni 2011/273, li jidhru wkoll fl-atti kkontestati ulterjuri, jesponu l-imsemmija motivi hekk kif ġej:

“(1)               Fid-29 ta’ April 2011, l-Unjoni Ewropea esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar is-sitwazzjoni li qed tiżvolġi fis-Sirja u l-iskjerament ta’ forzi militari u ta’ sigurtà f’għadd ta’ bliet Sirjani.

(2)               L-Unjoni kkundannat bil-qawwa r-repressjoni vjolenti, inkluż permezz tal-użu ta’ munizzjon attiv, ta’ protesti paċifiċi f’lokalitajiet differenti madwar is-Sirja li wasslet għall-mewt ta’ diversi dimostranti, il-feriment ta’ persuni u detenzjonijiet arbitrarji, u appellat lill-forzi tas-sigurtà tas-Sirja biex jeżerċitaw trażżin minflok repressjoni.

(3)               Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra s-Sirja u kontra l-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.”

75      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273 jindika li “[l]-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti fuq il-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u l-entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati”.

76      F’dak li jirrigwarda l-atti ulterjuri għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515 u għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru°843/2011, għandu jingħad, l-ewwel nett, li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2011/273 ġie emendat bid-Deċiżjoni 2011/522 hekk kif ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn, persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

77      Il-ġustifikazzjoni ta’ din l-emenda tinstab, b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/522, li taqra hekk:

“Ir-restizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu applikati għal persuni u entitajiet addizzjonali li jibbenefikaw minn jew jappoġġaw lir-reġim, partikolarment persuni u entitajiet li jiffinanzjaw lir-reġim, jew jipprovdu appoġġ loġistiku lir-reġim, partikolarment l-apparat tas-sigurtà, jew li jimminaw l-isforzi lejn tranżizzjoni paċifika għad-demokrazija fis-Sirja.”

78      Mill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li seta’ jiġi preżunt li l-kuntest ġenerali li għalih tirreferi d-Deċiżjoni 2011/273 kien magħruf mill-personalitajiet importanti tas-soċjetà Sirjana. Issa, f’din il-kawża, Samir Hassan huwa, hekk kif jirriżulta mill-fajl, negozjant magħruf, stabbilit sew fis-Sirja li, permezz tal-attivitajiet professjonali tiegħu, kien f’pożizzjoni li jkun infurmat bid-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda fir-rigward tiegħu.

79      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-kriterji ġenerali inkwistjoni huma ċari u għandhom bħala għan biss il-persuni jew entitajiet konkreti. Fil-fatt, anki jekk dawn il-kriterji jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom, huma ma humiex arbitrarji, sa fejn huma jistabbilixxu ċerti limiti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija kriterji japplikaw biss għall-persuni responsabbli tar-repressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja kif ukoll għall-persuni u għall-entitajiet konnessi magħhom u, sussegwentement għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/522, għall-persuni u għall-entitajiet li jibbenefikaw mill-politika mħaddna mir-reġim Sirjan kif ukoll għall-persuni u għall-entitajiet li jsostnu finanzjarjament jew loġistikament l-imsemmi reġim. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jkun ikkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-kriterji ġenerali inkwistjoni jippermettu li ssir distinzjoni tal-persuni u l-entitajiet immirati permezz tal-atti kkontestati.

80      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motiv tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista inkluża fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/515 u fl-atti sussegwenti, għandu jingħad li dawn jirreferu, minn naħa, għall-fatt li r-rikorrent huwa soċju mill-qrib ta’ Maher Al‑Assad u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li huwa magħruf għall-appoġġ ekonomiku li huwa jagħti lir-reġim Sirjan.

81      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-motiv li skont dan ir-rikorrent huwa soċju mill-qrib ta’ Maher Al-Assad, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan il-motiv huwa wkoll ċar u preċiż fis-sens tal-ġurisprudenza, sa fejn ir-rikorrent kellu l-possibbiltà jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta bejnu u Maher Al-Assad. Barra minn hekk, hemm lok li tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni stabbilita fir-rigward ta’ Maher Al-Assad sabiex tanalizza jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni huwiex issodisfatt. Issa, jirriżulta b’mod ċar minn din il-motivazzjoni li, skont il-Kunsill, Maher Al-Assad kien wieħed mir-responsabbli tar-repressjoni ċivili fis-Sirja. B’mod partikolari, fid-Deċiżjoni 2011/273, kien deskritt bħala “[k]ap tar-4 diviżjoni tal-armata, membru tal-kmand ċentrali ta’ Baath, direttur spiritwali tal-Gwardja repubblikana; implimentatur prinċipali tar-ripressjoni kontra d-dimostranti”.

82      F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, il-motiv li skont dan ir-rikorrent huwa magħruf għall-appoġġ ekonomiku li huwa jagħti lir-reġim Sirjan, il-fatt li r-rikorrent ipprovda ħafna dokumenti sabiex juri li huwa ma pparteċipa fl-ebda attività ekonomika li għandha bħala għan l-appoġġ tar-reġim, jikkonferma li l-motivazzjoni elaborata mill-Kunsill tippermettilu li jifhem l-atti attribwibbli għalih u li jikkontesta kemm ir-realtà ta’ dawn l-atti u anki r-rilevanza tagħhom.

83      B’hekk jirriżulta li l-motivazzjoni tissodisfa r-regoli msemmija fil-punti 67 sa 73 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din ippermettiet lir-rikorrent jifhem ir-raġunijiet li għalihom ismu ġie inkluż fil-lista inkwistjoni, jiġifieri minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ persuna responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. Barra minn hekk, din ippermettietlu jikkontesta r-realtà, hekk kif jirriżulta mill-argumenti tiegħu u mill-provi mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv.

84      Konsegwentement, il-motivazzjoni sostnuta mill-Kunsill hija suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuqu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

85      It-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll dan il-motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

86      Ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ma weriex b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-motivi li jiġġustifikaw l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi u jikkritika lill-Kunsill li ma ppreċiża la s-sors tal-informazzjoni tiegħu u lanqas il-provi li juru l-appoġġ ekonomiku tiegħu għar-reġim Sirjan. B’mod partikolari, l-ewwel nett, huwa sostna li l-ħmistax-il kumpannija li huwa jamministra fis-Sirja għandhom għan soċjali u attivitajiet strettament kummerċjali u finanzjarji u li ż-żewġ banek li fihom huwa għandu sehem ma għandhom l-ebda konnessjoni mar-reġim Sirjan. Barra minn hekk, huwa qatt ma okkupa kariga politika, u lanqas waħda uffiċjali, li turi konnessjoni mal-awtorità fis-Sirja, u ma kienx membru tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-kumpannija Cham Holding f’Awwissu 2011. Huwa jsostni li, fir-realtà, huwa biss azzjonist minoritarju fi ħdan l-imsemmija kumpannija, peress li sehemu kien biss ta’ 1.714 %. It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-fatt li l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi ġiet adottata fuq proposta ta’ Stat Membru ma jiġġustifikax il-fondatezza ta’ din l-iskrizzjoni fl-imsemmija listi li jinkludu l-atti kkontestati. It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li l-kontenut tal-atti kkontestati jinjora l-prinċipji ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, peress li l-isem ta’ azzjonist ieħor li għandu l-istess sehem fil-kumpannija Cham Holding tneħħa mil-listi kontenzjużi mill-Kunsill.

87      Il-Kunsill jallega, mill-bidu, li l-Qorti Ġenerali hija obbligata teżerċita biss stħarriġ limitat f’dak li jirrigwarda l-miżuri restrittivi bil-għan li ssir pressjoni fuq ir-reġim ta’ pajjiż terz li ma jirrispettax la l-istat tad-dritt u lanqas id-drittijiet tal-bniedem. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi hija ġġustifikata sa fejn, b’mod partikolari, dan jappartjeni għall-klassi ekonomika diriġenti fis-Sirja. F’dan ir-rigward, huwa jikkunsidra bħala suffiċjenti li r-rikorrent ikun membru tal-kunsill ta’ amministrazzjoni u azzjonist ta’ Cham Holding, kumpannija kkontrollata minn Rami Makhlouf, li huwa wkoll kopert mill-miżuri restrittivi. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ikkunsidra li l-argument li skont dan huwa allegatament kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma huwiex validu, sa fejn huwa evalwa ċ-ċirkustanzi skont il-każ, abbażi ta’ evalwazzjonijiet politiċi kumplessi u fatturi multipli, kull tant anki mhux magħrufa mill-pubbliku.

88      Skont il-ġurisprudenza, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali teħtieġ b’mod partikolari li, taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew li jinżamm l-isem ta’ persuna partikolari fil-listi ta’ persuni previsti mis-sanzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni tiżgura li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119).

89      Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti mill-awtorità inkwistjoni jsostnu l-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata. Jekk dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni tiċħdu inkwantu bħala li jsostni d-deċiżjoni dwar iskrizzjoni jew ta’ żamma tal-iskrizzjoni inkwistjoni (sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punti 121 sa 123).

90      F’din il-kawża, il-Kunsill isostni li r-rikorrent huwa negozjant li jifforma parti mill-klassi ekonomika diriġenti fis-Sirja. Madankollu, jekk huwa minnu li l-kwalità ta’ negozjant tar-rikorrent huwa fatt li ma jistax jiġi nnegat li huwa stess irrikonoxxa, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jammontax għal motiv li fuqu l-atti kkontestati huma fondati. Għalhekk, sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Kunsill, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rabta tar-rikorrent ma’ Maher Al-Assad u l-appoġġ ekonomiku tiegħu (finanzjarju u loġistiku) għar-reġim Sirjan responsabbli mir-repressjoni huma murija b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

91      Issa, għandu jingħad l-ewwel nett, li l-unika ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kunsill għal dan il-għan huma estratti tad-dokumenti datati s-16 ta’ Awwissu 2011 u li għandhom ir-referenza “Coreu PESC/0060/11” (dokumenti tal-Kunsill 5048/12 u 5710/14) u tal-21 ta’ Jannar 2012 (dokument tal-Kunsill 5711/14), li jinkludu l-istess motivazzjoni fil-qosor bħal dik li ġiet inkluża fl-atti kkontestati, jiġifieri, b’mod partikolari, il-fatt li r-rikorrent kien soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Maher Al‑Assad. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma ressaq l-ebda prova li tista’ ssostni, saħansitra tissuġġerixxi, l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-rikorrent u Maher Al-Assad.

92      Barra minn hekk, il-Kunsill ta lill-Qorti Ġenerali artikli tal-istampa dwar l-elite Sirjan, dispaċċ tal-US Department of the Treasury (It-Teżor tal-Istati Uniti) li jindikaw lill-Rami Makhlouf bħala benefiċjarju tal-korruzzjoni Sirjana, kif ukoll estratt tad-dokument bir-referenza “Coreu PESC/0060/11”, tal-21 ta’ Jannar 2012, (dokument tal-Kunsill 5711/14) li jinkludu motivazzjoni li skont din “Samir Hassan huwa wieħed mill-azzjonisti prinċipali taċ-Cham Holding u jmexxi xi uħud mis-sussidjarji tagħha”, li “[v]arji proprjetajiet ta’ Rami Maklouf […] huma rreġistrati f’ismu” u li “[h]uwa għandu mħażen ttrasformati f’kampijiet ta’ detenzjoni”. Madankollu, il-Kunsill, bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali fis-seduta, ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi ebda prova li tista’ ssostni dawn l-allegazzjonijiet.

93      Konsegwentement, l-provi mressqa mill-Kunsill ma jikkontjenu l-ebda indikazzjoni li tista’ tissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu li skont dawn ir-rikorrent għandu rabta ma’ Maher Al-Assad jew li jappoġġa ekonomikament ir-reġim Sirjan.

94      B’hekk jirriżulta li l-Kunsill ma ssodisfax l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqu skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq.

95      B’hekk għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv u jiġu annullati l-atti kkontestati sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mressqa insostenn tar-rikors preżenti.

 Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati

96      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi d-data li fihom jidħlu fis-seħħ is-sentenzi tagħha ta’ annullament (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il-Kunsill, T‑58/12, punti 250 u 251, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, għall-motivi spjegati iktar ’il quddiem, li huwa neċessarju li jinżammu l-effetti tal-atti kkontestati fiż-żmien sad-data ta’ skadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk ġie introdott appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda tal-appell.

98      Għalhekk, l-interess tar-rikorrent li jikseb dħul fis-seħħ immedjat tas-sentenza għall-annullament preżenti għandu jiġi bbilanċjat mal-għan tal-interess ġenerali mħaddan mill-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-miżuri restrittivi fir-rigward tas-Sirja. Il-modulazzjoni tal-effetti ratione temporis tal-annullament ta’ miżura restrittiva tista’ b’hekk tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri restrittivi u, b’mod definittiv, minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (ara, b’analoġija, bl-assenza ta’ obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-parti kkonċernata tal-motivi ta’ iskrizzjoni inizjali ta’ isimha fil-listi, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, punt 67).

99      L-annullament b’effett immedjat tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent jippermetti lil dan tal-aħħar jittrasferixxi l-assi kollha tiegħu jew parti minnhom barra mill-Unjoni, mingħajr mal-Kunsill ikun jista’, fejn xieraq, japplika fi żmien xieraq l-Artikolu 266 TFUE sabiex jiġu korretti l-irregolaritajiet ikkonstatati f’din is-sentenza, b’tali mod li jkun hemm il-probabbiltà li jsir preġudizzju serju u irreversibbli għall-effettività ta’ kull iffriżar ta’ assi li jista’, fil-ġejjieni, jiġi deċiż mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent.

100    Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-annullament permezz ta’ din is-sentenza tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi jirriżulta mill-fatt li l-motivi għal din l-inklużjoni ma humiex sostnuti bi provi suffiċjenti (ara l-punt 94 hawn fuq). Minkejja li huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, inklużjoni ġdida tar-rikorrent ma tistax tiġi eskluża awtomatikament. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġdid, il-Kunsill għandu l-possibbiltà li jinkludi mill-ġdid l-isem tar-rikorrent abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt.

101    B’hekk jirriżulta li l-effetti tad-deċiżjonijiet u r-regolamenti annullati għandhom ikunu miżmuma fir-rigward tar-rikorrent, sad-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ appell jew, jekk isir appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tal-appell.

 Fuq it-talba għad-danni

102    Ir-rikorrent isostni li huwa subixxa dannu gravi minħabba l-miżuri meħuda fir-rigward tiegħu. Huwa semma l-eżistenza ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi li jippermettu li jkun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u jitlob kumpens sa EUR 250 000 għal kull xahar sa mill-1 ta’ Settembru 2011, bħala kumpens għad-danni materjali subiti, ta’ Euro simboliku bħala kumpens għad-danni morali subiti kif ukoll għall-kumpens għad-danni futuri.

103    Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent u jikkunsidra li dan ma weriex li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali domanda kienu ssodisfatti.

104    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

105    Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha hija suġġetta għall-fatt li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-aġir attribwit lill-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ ness ta’ kawżalità bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et, T‑383/00, Ġabra p. II‑5459, punt 95, u tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, Ġabra p. II‑7915, punt 28).

106    Peress li wieħed mit-tliet rekwiżiti għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma ġiex issodisfatt, it-talbiet għad-danni għandhom ikunu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ rekwiżiti l-oħra humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 81, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Sison vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 13).

107    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull talba għal kumpens, kemm jekk hija għal danni materjali jew għal danni morali, bħala kumpens simboliku jew għal kumpens ġenwin, għandha tippreċiża n-natura tad-dannu allegat fir-rigward tal-aġir akkużat u, għandha tikkwantifika d-dannu kollu, imqar b’mod approssimattiv (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, punt 250, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    F’din il-kawża, it-talba għad-danni tar-rikorrent għandha tiġi miċħuda sa fejn l-eżistenza ta’ dannu min-naħa tagħha ma ġietx murija. Fil-fatt, ir-rikorrent kien kuntent li jressaq iċ-ċifri li jirrigwardaw it-telf tad-dħul ekonomiku mingħajr ma ressaq ebda prova fir-rigward tal-ammont ta’ dan qabel u wara l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni u b’hekk ma weriex id-dannu li jirriżulta mill-indisponibbiltà tal-fondi tiegħu. F’dan ir-rigward, la l-ittri tal-banek li jinformaw lir-rikorrent dwar l-iffriżar tal-assi tiegħu (annessi 5 u 9 tar-rikors) u lanqas l-annullament tal-karti bankarji tiegħu (annessi 17 u 18 tar-rikors) ma jkunu kkunsidrati bħala suffiċjenti għall-finijiet li jiġi ġġustifikat l-ammont mitlub fit-talba tiegħu għall-kumpens tad-danni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent lanqas ma spjega kif l-iżvelar tas-sospensjoni tar-rapporti kuntrattwali mal-fornituri allegati tiegħu jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont mitlub bħala kumpens (annessi 19 sa 21 tar-rikors). Barra minn hekk, fis-seduta, ir-rikorrent ġie mistoqsi dwar is-suġġett tal-provi li jistgħu jiġġustifikaw l-ammont mitlub bħall-kumpens, mingħajr ma seta’ jressaq ebda provi. Barra minn hekk, l-allegat telf tad-dħul tar-rikorrent jista’ jkun ikkunsidrat bħala li huwa l-konsegwenza diretta tad-deterjorazzjoni ekonomika fis-Sirja mill-bidu tal-avvenimenti li affettwaw dan il-pajjiż.

109    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda t-talba għad-danni tar-rikorrent bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

111    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef fuq il-kapijiet tat-talbiet għal annullament u r-rikorrent tilef il-kap tat-talbiet għad-danni, issir applikazzjoni ġusta tad-dispożittiv iċċitat iktar ’il fuq jekk jiġi deċiż li l-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent fl-istanza preżenti. Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782, hija miċħuda bħala inammissibbli.

2)      Huma annullati, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Samir Hassan:

–        id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011, tat-23 ta’ Awwissu 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK;

–        ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011;

–        id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012;

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja.

3)      L-effetti tad-deċiżjonijiet u tar-regolamenti annullati huma miżmuma fir-rigward ta’ S. Hassan, sad-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ appell jew, jekk isir appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tal-appell.

4)      It-talba għad-danni hija miċħuda.

5)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti minn S. Hassan fil-kuntest tal-istanza preżenti.

6)      S. Hassan għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu fil-kuntest tal-istanza preżenti. Huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-Kunsill fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Lulju 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.