Language of document : ECLI:EU:C:2020:745

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Settembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 20 – Kura ppjanata – Awtorizzazzjoni minn qabel – Għoti obbligatorju – Kundizzjonijiet – Persuna assigurata prekluża milli titlob awtorizzazzjoni minn qabel – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 26 – Ħlas tal-ispejjeż tal-kura ppjanata mitluba mill-persuna assigurata – Modalitajiet ta’ rimbors – Direttiva 2011/24/UE – Kura tas-saħħa transkonfinali – Artikolu 8(1) – Kura tas-saħħa li tista’ tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Artikolu 9(3) – Trattament tat-talbiet għal kura tas-saħħa transkonfinali – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Terminu raġonevoli – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE”

Fil-Kawża C‑777/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

WO

vs

Vas Megyei Kormányhivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Vas Megyei Kormányhivatal, minn Gy. Szele, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas, B.‑R. Killmann, L. Malferrari u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), tal-Artikolu 26(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU 2011, L 88, p. 45).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn WO u l-Vas Megyei Kormányhivatal (is-Servizzi Amministrattivi tad-Dipartiment ta’ Vas, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem is-“Servizzi Amministrattivi”), dwar ir-rifjut, minn dawn is-servizzi, li jirrimborsaw lil WO l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa transkonfinali li ngħatatlu fil-Ġermanja.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 883/2004

3        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

l)      ‘leġislazzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet statutorji oħra u kull miżuri ta’ implimentazzjoni oħra kollha marbutin mal-fergħat tas-sigurtà soċjali koperti mill-Artikolu 3(1);

Dan it-terminu ma jinkludix disposizzjonijiet kuntrattwali ħlief dawk li jservu biex jimplimentaw obbligu ta’ assigurazzjoni li joħroġ mil-liġijiet u mir-regolamenti msemmija fis-subparagrafu preċedenti jew li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet pubbliċi li għamlithom obbligatorji jew li wessgħat l-ambitu tagħhom, sakemm l-Istat Membru konċernat jagħmel dikjarazzjoni dwar dan. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun innotifikata lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun ippubblikata wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

m)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, il-Ministru, il-Ministri jew awtorità ekwivalenti oħra responsabbli għal skemi ta’ sigurtà soċjali fl-Istat Membru konċernat kollu jew f’xi parti minnu;

[…]

p)      ‘istituzzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, l-organu jew l-awtorità responsabbli mill-applikazzjoni tal-leġislazzjoni kollha jew ta’ parti minnha;

q)      ‘istituzzjoni kompetenti’ tfisser:

i)      l-istituzzjoni li l-persuna konċernat jkun assigurat magħha meta ssir l-applikazzjoni għal benefiċċju; jew

ii)      l-istituzzjoni li minnha l-persuna konċernata hija jew tkun intitolata għal benefiċċji jekk hija jew membru jew membri tal-familja tagħha jkollha jew ikollhom ir-residenza fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni; jew

iii)      l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat; […]

[…]

r)      ‘istituzzjoni tal-post ta’ residenza’ u ‘istituzzjoni tal-post taż-żjara’ jfissru, rispettivament, l-istituzzjoni li hija kompetenti biex tagħti benefiċċji fil-post fejn il-persuna konċernata għandha r-residenza tagħha u l-istituzzjoni li hija kompetenti biex tagħti benefiċċji fil-post fejn il-persuna konċernata qiegħda toqgħod waqt iż-żjara, skond il-leġislazzjoni amministrata minn dik l-istituzzjoni jew, fejn ma teżistix istituzzjoni ta’ dan it-tip, l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat;

[…]”

4        Konformement mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

a)      benefiċċji marbutin mal-mard;

[…]”

5        L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Żjara barra l-Istat Membru kompetenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sakemm il-paragrafu 2 ma jgħidx mod ieħor, persuna assigurata u l-membri tal-familja tagħha li joqogħdu fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti għandhom ikunu intitolati għall-benefiċċji mogħtija in natura li jkunu meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi matul iż-żjara tagħhom. It-tip ta’ benefiċċji u t-tul maħsub taż-żjara għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni li din l-istituzzjoni tapplika, bħallikieku il-persuni konċernati kienu assigurati taħt din il-leġislazzjoni.

2.      Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistabbilixxi lista ta’ benefiċċji mogħtija in natura li, sabiex jingħataw matul żjara fi Stat Membru ieħor u minħabba raġunijiet prattiċi, jeħtieġu ftehim minn qabel bejn il-persuna konċernata u l-istituzzjoni li tagħti l-għajnuna.”

6        L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Vjaġġar bl-iskop li jingħataw benefiċċji mogħtija in natura – awtorizzazzjoni biex jingħata trattament xieraq barra l-Istat Membru ta’ residenza”, jipprevedi:

“1.      Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuna assigurata li tivjaġġa lejn Stat Membru ieħor bl-iskop li tirċievi benefiċċji mogħtija in natura waqt iż-żjara tagħha, għandha tikseb awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti.

2.      Persuna assigurata litkun awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fi Stat Membru ieħor bil-għan li tirċievi t-trattament xieraq għall-kondizzjoni tagħha, għandha tirċievi l-benefiċċji mogħtija in natura mogħtija, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, skond id-disposizzjonijiet li dina tapplika, bħallikieku kienet assigurata taħt din il-leġislazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata fejn it-trattament konċernat huwa fost il-benefiċċji mogħtija mil-leġislazzjoni fl-Istat Membru fejn il-persuna konċernata jkollha l-post tar-residenza tagħha u fejn din il-persuna ma tistax tingħata dan it-trattament fi żmien li jista’ jkun ġustifikat fuq raġunijiet mediċi. L-istat preżenti tas-saħħa tal-persuna u l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha għandha jittieħdu in konsiderazzjoni.

[…]”

2.      Ir-Regolament Nru 987/2009

7        Il-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 987/2009 jistipulaw:

“(16)      Fil-qafas speċifiku tar-Regolament [Nru 883/2004], iridu jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet ta’ adempiment fir-rigward tal-ispejjeż marbutin mal-benefiċċji ta’ mard in natura fil-qafas ta’ ‘kura ppjanata’, jiġifieri kura li persuna assigurata se tieħu fi Stat Membru divers minn dak li fih tkun assigurata jew residenti. L-obbligi tal-persuna assigurata relatati mat-talba għal awtorizzazzjoni preliminari għandhom jiġu ppreċiżati, kif ukoll għandhom jiġu ppreċiżati l-obbligi tal-istituzzjoni lejn il-pazjent dwar il-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni. Għandhom jiġu wkoll iċċarati l-konsegwenzi fir-rigward tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ kura riċevuta fi Stat Membru ieħor fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni.

(17)      Dan ir-Regolament implimentattiv, u b’mod speċjali d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw iż-żjara barra l-Istat Membru kompetenti u li jikkonċernaw il-kura ppjanata m’għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli b’mod partikolari fir-rigward tal-ħlas lura ta’ spejjeż fi Stat Membru ieħor.”

8        L-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Żjara fi Stat Membru divers mill-Istat Membru kompetenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.      Jekk il-persuna assigurata fil-fatt tkun ġarrbet l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż tal-benefiċċji in natura mogħtija fil-qafas tal-Artikolu 19 tar-Regolament [Nru 883/2004] u jekk il-leġislazzjoni applikata mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara tippermetti l-ħlas lura ta’ dawk l-ispejjeż lill-persuna assigurata, hija tista’ tindirizza talba sabiex titħallas lura lill-istituzzjoni tal-post taż-żjara. F’dak il-każ, dik l-istituzzjoni għandha tħallas lura direttament lil dik il-persuna l-ammont tal-ispejjeż li jikkorrispondu għal dawn il-benefiċċji fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet tar-rati ta’ ħlas lura fil-leġislazzjoni tagħha.

5.      Jekk il-ħlas lura ta’ dawn l-ispejjeż ma ntalabx direttament mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, l-ispejjeż għandhom jiġu mħallsa lura lill-persuna kkonċernata mill-istituzzjoni kompetenti abbażi tar-rati ta’ ħlas lura amministrati mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara […]

L-istituzzjoni tal-post taż-żjara għandha l-obbligu li tipprovdi lill-istituzzjoni kompetenti, fuq talba, l-informazzjoni meħtieġa kolla dwar dawn ir-rati jew ammonti.”

9        L-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kura ppjanata”, jipprevedi:

“1.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament [Nru 883/2004], il-persuna assigurata għandha tippreżenta dokument maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti lill-istituzzjoni tal-post taż-żjara. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-istituzzjoni kompetenti għandha tfisser l-istituzzjoni li tħallas l-ispejjeż tal-kura ppjanata; […]

2.      Jekk persuna assigurata ma tirrisjedix fl-Istat Membru kompetenti, hi għandha titlob l-awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza, li għandha tgħaddiha lill-istituzzjoni kompetenti mingħajr dewmien.

F’dak il-każ, l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza għandha tiċċertifika f’dikjarazzjoni jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Nru 883/2004] humiex sodisfatti fl-Istat Membru ta’ residenza.

L-istituzzjoni kompetenti tista’ tiċħad li tagħti l-awtorizzazzjoni rikjesta biss jekk, abbażi tal-evalwazzjoni tal-istituzzjoni tal-post ta’ residenza, il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Nru 883/2004] ma jkunux sodisfatti fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata, jew jekk l-istess kura tista’ tiġi pprovduta fl-Istat Membru kompetenti stess, f’limitu ta’ żmien li huwa medikament ġustifikabbli, b’kont meħud tal-istat attwali tas-saħħa u l-kors probabbli tal-marda tal-persuna kkonċernata.

L-istituzzjoni kompetenti għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza bid-deċiżjoni tagħha.

Fl-assenza ta’ tweġiba sal-iskadenzi stabbiliti mil-leġislazzjoni nazzjonali tagħha, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li ngħatat mill-istituzzjoni kompetenti.

3.      Jekk persuna assigurata li ma tirrisjedix fl-Istat Membru kompetenti teħtieġ kura meħtieġa urġenti u vitali u l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi miċħuda, taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Nru 883/2004], l-awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza f’isem l-istituzzjoni kompetenti li għandha tiġi informata immedjatament mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.

L-istituzzjoni kompetenti għandha taċċetta l-konklużjonijiet u l-għażliet ta’ kura deċiżi mit-tobba approvati mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza li tagħti l-awtorizzazzjoni relatata mal-bżonn ta’ kura meħtieġa urġenti u vitali.

[…]

6.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7, l-Artikolu 25(4) u (5) [ta’ dan ir-regolament] għandu japplika mutatis mutandis.

7.      Jekk il-persuna assigurata fil-fatt ħallset l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż għall-kura medika awtorizzata, hi nnifisha u l-ammont tal-ispejjeż li l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata tħallas lura lill-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew lill-persuna assigurata taħt il-paragrafu 6 (spiża reali) huwa aktar baxx mill-ispejjeż li kien ikollha tħallas għall-istess kura fl-Istat Membru kompetenti (spiża nozzjonali), l-istituzzjoni kompetenti għandha tħallasha lura, fuq talba tagħha, l-ispiża tal-kura mħallsa mill-persuna assigurata sal-ammont tad-differenza li biha l-ispiża nozzjonali taqbeż l-ispiża reali. Is-somma mħallsa lura ma tistax, madankollu, taqbeż l-ispejjeż fil-fatt imħallsa mill-persuna assigurata u jista’ jieħu kont tal-ammont li l-persuna assigurata kien ikollha tħallas li kieku l-kura ngħatat fl-Istat Membru kompetenti.”

3.      Id-Direttiva 2011/24

10      Il-premessi 8 u 46 tad-Direttiva 2011/24 jistipulaw:

“(8)      Xi kwistjonijiet relatati mal-kura tas-saħħa transkonfinali, b’mod partikolari r-rimborż tal-kura tas-saħħa mogħtija fi Stat Membru għajr għal dak fejn ir-riċevitur tal-kura huwa residenti, diġà ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-direttiva hija maħsuba biex tilħaq applikazzjoni aktar ġenerali u anke effettiva tal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-każ.

[…]

(46)      Fi kwalunkwe każ, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ kura fl-isptar jew kura speċjalizzata pprovduta fi Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva, l-ispejjeż ta’ tali kura mogħtija fi Stat Membru ieħor għandhom ukoll jiġu rimborżati mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni sal-livell tal-ispejjeż li kienu jitħallsu kieku l-istess kura tas-saħħa ġiet ipprovduta fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni, mingħajr ma jinqabżu l-ispejjeż reali tal-kura tas-saħħa riċevuta. Madankollu, fejn il-kondizzjonijiet stipulati fir-[…] Regolament [Nru 883/2004] huma sodisfatti, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata u l-benefiċċji pprovduti f’konformità mar-Regolament [Nru 883/2004] ħlief jekk ma jkunx mitlub mod ieħor mill-pazjent. Dan għandu japplika b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorizzazzjoni tingħata wara reviżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja tat-talba u l-persuna kkonċernata tkun irċeviet it-trattament fi Stat Membru ieħor. F’dak il-każ, l-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw. Dan huwa f’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li speċifikat li pazjenti li ġew rifjutati awtorizzazzjoni minn qabel, għal raġunijiet li sussegwentement instabu li kienu mingħajr bażi, huma intitolati li jkollhom l-ispiża tat-trattament miksub fi Stat Membru ieħor rimborżata kollha skont id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Istat Membru tat-trattament.”

11      Konformement mal-Artikolu 2(m) tagħha, din id-direttiva tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009.

12      L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali għar-rimborż tal-ispejjeż [tal-kura tas-saħħa transkonfinali]” jipprovdi:

“1.      Mingħajr ħsara għar-Regolament [Nru 883/2004] u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni għandu jiżgura li l-ispejjeż magħmula mill-persuna assigurata li tirċievi kura tas-saħħa transkonfinali jiġu rimborżati, jekk il-kura tas-saħħa inkwistjoni tkun fost il-benefiċċji li l-persuna assigurata hija intitolata għalihom fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni.

[…]

3.      Huwa f’idejn l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni li jiddetermina […] il-kura tas-saħħa li fir-rigward tagħha l-persuna assigurata hija intitolata biex ma tħallasx hi l-ispejjeż u l-livell ta’ dan il-ħlas ta’ dawk l-ispejjeż, irrispettivament minn fejn tkun ipprovduta il-kura tas-saħħa.

4.      L-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali għandhom jiġu rimborżati jew imħallsa direttament mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni sal-livell tal-ispejjeż li kienu jitħallsu mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni kieku din il-kura tas-saħħa kienet ipprovduta fit-territorju tiegħu mingħajr ma jinqabżu l-ispejjeż reali tal-kura tas-saħħa riċevuta.

Fejn l-ispiża sħiħa tal-kura tas-saħħa transkonfinali taqbeż il-livell tal-ispejjeż li kienu jitħallsu li kieku l-kura tas-saħħa kienet ipprovduta fit-territorju tiegħu, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ xorta waħda jiddeċiedi li jirrimborża l-ispiża sħiħa.

L-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ jiddeċiedi li jirrimborża spejjeż oħra relatati, bħalma huma l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ivvjaġġar, […] bil-kundizzjoni li jkun hemm dokumentazzjoni suffiċjenti li tagħti spjegazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż.

[…]

7.      L-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ jimponi fuq persuna assigurata li tkun qed tipprova tikseb rimborż tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa transkonfinali, inkluż il-kura tas-saħħa meħuda permezz tal-mezzi tat-telemediċina, l-istess kondizzjonijiet, kriterji ta’ eliġibbiltà u formalitajiet regolatorji u amministrattivi […] li timponi kieku din il-kura tas-saħħa kienet ipprovduta fit-territorju tiegħu. Dan jista’ jinkludi valutazzjoni minn professjonist tas-saħħa jew amministratur tal-kura tas-saħħa li jipprovdu servizzi għas-sistema tas-sigurtà soċjali statutorja jew is-sistema tas-saħħa nazzjonali tal-Istat Membru ta’ affiljazzjoni, bħall-prattikant ġenerali jew il-prattikant tal-kura primarja ma’ min ikun reġistrat il-pazjent, jekk dan ikun neċessarju għad-determinazzjoni tad-dritt tal-pazjent individwali għall-kura tas-saħħa. Madankollu, l-ebda kondizzjoni, kriterju għall-eliġibbiltà u formalità regolatorja u amministrattiva imposti skont dan il-paragrafu ma jistgħu jkunu diskriminatorji jew jikkostitwixxu ostaklu għall-moviment liberu ta’ pazjenti, servizzi jew merkanzija, jekk kemm-il darba dan ma jkunx iġġustifikat oġġettivament mir-rekwiżiti tal-ippjanar marbuta mal-ħsieb li jiġi żgurat aċċess suffiċjenti u permanenti għal għażla bbilanċjata ta’ trattamenti ta’ kwalità għolja fl-Istat Membru kkonċernat jew max-xewqa li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u tiġi evitata, kemm jista’ jkun possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani.

8.      L-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ma għandux jagħmel ir-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel ħlief fil-każijiet imniżżla fl-Artikolu 8.

[…]”

13      L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Kura tas-saħħa li tista’ tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      L-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ jipprevedi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali, skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 9. Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, inklużi l-kriterji u l-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji, u d-deċiżjonijiet individwali ta’ tiċħid tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, għandhom ikunu ristretti għal dak li hu meħtieġ u proporzjonali għall-objettiv li jrid jintlaħaq, u ma jistgħux jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ostaklu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu tal-pazjenti.

2.      Il-kura tas-saħħa li tista’ tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun limitata għal kura tas-saħħa li:

a)      hija soġġetta għar-rekwiżiti tal-ippjanar marbuta mal-ħsieb li jiġi żgurat aċċess suffiċjenti u permanenti għal għażla bbilanċjata ta’ trattamenti ta’ kwalità għolja fl-Istat Membru kkonċernat jew max-xewqa li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u tiġi evitata, kemm jista’ jkun possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani u:

i)      tinvolvi akkomodazzjoni fi sptar mal-lejl għall-pazjent ikkonċernat għal mill-anqas lejl wieħed; jew

ii)      teħtieġ l-użu ta’ infrastruttura medika jew tagħmir mediku speċjalizzati ħafna u għoljin ħafna;

[…]

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kategoriji tal-kura tas-saħħa msemmija fil-punt (a).

3.      Fir-rigward tat-talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel magħmula minn persuna assigurata bil-ħsieb li tirċievi kura tas-saħħa transkonfinali, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni għandu jaċċerta jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament [Nru 883/2004] jkunux ġew issodisfati. Fejn dawk il-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati, l-awtorizzazzjoni minn qabel għandha tingħata skont dak ir-Regolament sakemm il-pazjent ma jitlobx li jsir mod ieħor.”

14      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24 jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perijodi ta’ żmien raġonevoli li fihom iridu jiġu ttrattati t-talbiet għall-kura tas-saħħa transkonfinali u jgħarrfu lill-pubbliku minn qabel b’dawn il-limiti stabbiliti. Meta jkunu qed jikkunsidraw talba għall-kura tas-saħħa transkonfinali, l-Istati Membri għandhom iqisu:

a)      il-kundizzjoni medika speċifika,

b)      l-urġenza u ċ-ċirkostanzi individwali.”

B.      Id-dritt Ungeriż

15      L-Artikolu 27(6) tal‑1997. évi LXXXIII. törvény a kötelező egészségbiztosítás ellátásairól (il-Liġi LXXXIII tal‑1997 dwar is-Servizzi tas-Sistema Obbligatorja ta’ Assigurazzjoni għall-Mard, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Mard”), jipprevedi:

“Fil-kuntest tal-kura tas-saħħa transkonfinali, il-persuna assigurata – li ma tinkludix il-persuni li jistgħu jitolbu kura medika taħt assigurazzjoni fakultattiva – li jirrikorru għall-kura medika ddefinita fit-Taqsimiet 1 sa 3 tal-Kapitolu II, tgawdi mill-istess drittijiet daqslikieku kienet ibbenefikat minn servizzi tas-saħħa fl-Ungerija f’sitwazzjoni analoga.

L-assiguratur tal-kura tas-saħħa għandu jirrimborsa l-ispiża reali tas-servizz, debitament iċċertifikata, mingħajr madankollu s-somma tar-rimbors dovut ma tista’ teċċedi l-ammont tal-prezz tal-kura mogħtija minn fornitur iffinanzjat minn fondi pubbliċi fl-Ungerija fid-data tal-imsemmija kura.

Il-persuna assigurata – li ma tinkludix il-persuni li jistgħu jitolbu servizzi tas-saħħa taħt assigurazzjoni fakultattiva – ma tistax tibbenefika minn servizzi li huma ffissati fid-digriet governattiv dwar is-sistema tal-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

Jekk il-persuna assigurata tixtieq tibbenefika minn servizz li għalih id-dritt Ungeriż jeżiġi riċetta mingħand it-tabib li qiegħed jagħti l-kura, hija għandu jkollha wkoll, għall-finijiet tar-rimbors, riċetta relatata mas-servizz u stabbilita konformement mar-regoli tad-dritt.”

16      L-Artikolu 2(1) tal-a külföldön történő gyógykezelések részletes szabályairól szóló 340/2013. (IX. 25.) Korm. Rendelet (id-Digriet Governattiv 304/2013. (IX. 25) dwar il-modalitajiet tal-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż, iktar ’il quddiem id-“Digriet Governattiv”), jipprovdi:

“Il-persuna li tista’ titlob kura tas-saħħa barra mill-pajjiż tista’ tibbenefika minn din il-kura

a)      konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali u dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Unjoni”),

b)      fil-kuntest ta’ kura tas-saħħa transkonfinali msemmija fil-punt (sb) tal-Artikolu 5/B(s) tal-[Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Mard] (iktar ’il quddiem il-“kura tas-saħħa transkonfinali”), kif ukoll

c)      għal raġunijiet ta’ ekwità msemmija fl-Artikolu 28(1) u fl-Artikolu 9 tal-[Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Mard].”

17      Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan id-digriet:

“Il-persuna li tista’ titlob kura tas-saħħa barra mill-pajjiż tista’, fir-rigward tal-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (c), kif ukoll, fil-każ tal-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b), tas-servizzi li jinsabu fl-Anness 1, tibbenefika mill-kura ppjanata mħallsa min-Nemzeti Egészségbiztosítási Alapkezelő (il-Fond Nazzjonali għall-Assigurazzjoni għall-Mard, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem in-NEAK”) biss b’awtorizzazzjoni maħruġa minn qabel minnu.”

18      L-Artikolu 5(1) sa (3) tal-imsemmi digriet jistipula:

“1. Meta tiġi ppreżentata talba għal kura tas-saħħa barra mill-pajjiż, in-NEAK għandu jeżamina f’terminu ta’ tmint ijiem minn meta jirċeviha jekk din tirrigwardax servizz magħruf u mħallas mis-sigurtà soċjali fl-Ungerija.

2. Jekk is-servizz huwa magħruf u mħallas mis-sigurtà soċjali, in-NEAK għandu jeżamina, f’terminu addizzjonali ta’ 15‑il jum, jekk il-pazjent jistax jiġi kkurat f’terminu aċċettabbli fuq il-livell mediku, indikat fit-talba, minn fornitur ta’ kura tas-saħħa ffinanzjat minn fondi pubbliċi. Jekk meħtieġ, in-NEAK għandu jagħmel riferiment għal espert sabiex jivverifika l-informazzjoni li tinsab fit-talba.

3. Jekk fornitur ta’ kura tas-saħħa ffinanzjata minn fondi pubbliċi jista’, f’terminu aċċettabbli fuq il-livell mediku indikat fit-talba, jikkura fl-Ungerija lill-persuna li tista’ titlob kura tas-saħħa barra mill-pajjiż, in-NEAK għandu jiċħad it-talba u jipproponi fornitur ta’ kura tas-saħħa ffinanzjat minn fondi pubbliċi. In-NEAK għandu jindaga minn qabel fuq il-kapaċità ta’ akkomodazzjoni tal-fornitur nazzjonali ta’ kura tas-saħħa ffinanzjat minn fondi pubbliċi.”

19      Konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Digriet Governattiv:

“Jekk il-persuna li tista’ titlob kura tas-saħħa barra mill-pajjiż tixtieq tibbenefika minn kura tas-saħħa barra mill-pajjiż minn fornitur ta’ kura li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti tal-Unjoni, jew għal kwalunkwe raġuni oħra mhux prevista mir-regolamenti tal-Unjoni, jew titlob awtorizzazzjoni li tagħtiha biss id-dritt li tibbenefika minn kura, mingħajr ma tippreċiża l-fornitur tal-kura tas-saħħa, hija għandha tippreċiża dan fit-talba tagħha. In-NEAK għandu jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 5(1) sa (3), billi jieħu inkunsiderazzjoni l-urġenza u ċ-ċirkustanzi partikolari. […]”

20      Mill-Anness 1 ta’ dan id-digriet isegwi li, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienu suġġetti għal awtorizzazzjoni:

–        fil-każ ta’ kura fi sptar li tinsab fl-Anness 3 tal-az egészségügyi szakellátás társadalombiztosítási finanszírozásának egyes kérdéseiről szóló 9/1993. (IV. 2.) NM rendelet (id-Digriet NM 9/1993. (IV. 2.) dwar ċerti kwistjonijiet ta’ ffinanzjar tal-kura tas-saħħa speċjalizzata mis-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem id-“Digriet Settorjali”), is-servizzi kollha li jinkludu ospitalizzazzjoni, jew faċilitajiet u impjanti ta’ użu uniku relatati magħhom, irrimborsati bil-wieħed, li l-lista tagħhom tinsab fl-Anness 1 tad-Digriet Settorjali, kif ukoll is-sustanzi attivi rrimborsati bil-waħda, li l-lista tagħhom tinsab fl-Anness 1/A ta’ dan id-digriet;

–        il-kura ta’ ġurnata u l-kura amministrata fil-forma ta’ kura elenkata fl-Annessi 9, 10 u 10/A tal-imsemmi digriet;

–        il-proċeduri u interventi kirurġiċi elenkati fl-Anness 8 tal-istess digriet, ta’ valur għoli, mhux komuni fuq il-livell nazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-kura marbuta ma’ trapjant ta’ organu.

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Matul is-sena 1987, WO, ċittadin Ungeriż, inqalgħatlu r-retina ta’ għajnu l-leminija u tilef il-vista minn din l-għajn.

22      Matul is-sena 2015, ġiet iddijanjostikata glawkoma fl-għajn tax-xellug ta’ WO. Il-kura li ngħatatlu f’diversi stabbilimenti mediċi Ungeriżi baqgħet mingħajr effett, u l-viżjoni tal-persuna kkonċernata baqgħet tmur lura u l-pressjoni intraokulari bdiet turi valuri għoljin.

23      Mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, fid‑29 ta’ Settembru 2016, WO għamel kuntatt ma’ tabib li jipprattika f’Recklinghausen (il-Ġermanja) u kiseb mingħandu appuntament għal eżami mediku fis‑17 ta’ Ottubru 2016. It-tabib informah li huwa kellu jtawwal iż-żjara tiegħu sat‑18 ta’ Ottubru 2016, data li fiha kien ikollu, jekk ikun il-każ, intervent oftalmoloġiku.

24      Sadanittant, eżami mediku li sar l-Ungerija fil‑15 ta’ Ottubru 2016 kien ivvaluta l-pressjoni intraokulari ta’ WO f’37 mmHG, jiġifieri rata tassew ogħla minn dik ta’ 21 mmHg li minnha pressjoni intraokulari titqies anormali. Wara l-eżami li WO kien għamel fis‑17 ta’ Ottubru 2016 fil-Ġermanja, it-tabib li jipprattika f’dan l-Istat Membru qies li l-intervent oftalmoloġiku kellu jsir b’urġenza sabiex tiġi ssalvagwardata l-vista ta’ WO. Huwa ġie operat fit‑18 ta’ Ottubru 2016 b’suċċess.

25      It-talba għar-rimbors tal-kura tas-saħħa transkonfinali ppreżentata minn WO ġiet miċħuda mis-Servizzi Amministrattivi u sussegwentement, wara rikors amministrattiv, mill-Budapest Főváros Kormányhivatala (is-Servizzi Amministrattivi tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija). Dawn is-servizzi tal-aħħar argumentaw li l-intervent oftalmoloġiku kien kura ppjanata li għaliha WO ma kienx kiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel li jista’ jsir rimbors abbażi tagħha. Insostenn tad-deċiżjoni tagħhom, l-imsemmija servizzi invokaw l-Artikoli 4, 19, 20, u 27 tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Governattiv.

26      WO ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-rimbors ta’ din il-kura tas-saħħa.

27      Dik il-qorti tirrileva, fl-ewwel lok, li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza Elchinov”, EU:C:2010:581, punt 51), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 49 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE) u l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 392, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru interpretata fis-sens li hija teskludi, fil-każijiet kollha, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas ta’ kura fl-isptar mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel fi Stat Membru ieħor.

28      Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tax-xebh tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, li ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elchinov, ma’ dawk tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 inkwistjoni f’din il-kawża, is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza tista’ tkun trasposta għal din il-kawża.

29      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta, mingħajr kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi li jirriżultaw mill-kundizzjoni medika tal-pazjent, ir-rimbors tal-kura tas-saħħa mogħtija lill-persuna assigurata fi Stat Membru ieħor għal talba għal awtorizzazzjoni minn qabel u tikkostitwixxi għalhekk ostakolu mhux iġġustifikat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

30      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna assigurata tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tagħmel eżami mediku minn fornitur ta’ kura tas-saħħa stabbilit f’dan l-Istat Membru u fejn tiġi operata minn dan il-fornitur l-għada ta’ dan l-eżami, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “kura ppjanata” rregolata bl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009, u li teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel.

31      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa transkonfinali, teskludi l-possibbiltà li tiġi awtorizzata a posteriori l-kura tas-saħħa mogħtija fi Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni preliminari, inkluż meta, fil-każ li kieku kellha tiġi mistennija l-awtorizzazzjoni preliminari, kien jeżisti riskju reali li l-istat ta’ saħħa tal-pazjent jiddeterjora b’mod irreversibbli, tikkostitwixxi restrizzjoni kuntrarja għall-Artikolu 56 [TFUE]?

2)      Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ Stat Membru li, fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa transkonfinali, teskludi l-possibbiltà ta’ awtorizzazzjoni a posteriori, inkluż meta fil-każ li kieku kellha tiġi mistennija l-awtorizzazzjoni preliminari, kien jeżisti riskju reali li l-istat ta’ saħħa tal-pazjent jiddeterjora b’mod irreversibbli, hija konformi mal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [2011/24], kif ukoll mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-pazjenti?

3)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li, indipendentement mill-istat ta’ saħħa tal-pazjent li jagħmel it-talba, tistabbilixxi terminu ta’ proċedura ta’ 31 ġurnata sabiex l-awtorità kompetenti tagħti l-awtorizzazzjoni preliminari u 23 ġurnata sabiex tiċħadha, hija konformi mar-rekwiżit ta’ terminu ta’ proċedura raġonevoli li jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni speċifika u l-urġenza kif ukoll iċ-ċirkustanzi individwali, stabbilit fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva [2011/24]? L-awtorità tista’ teżamina, fir-rigward tat-talba, jekk l-għoti tal-kura huwiex kopert mis-sigurtà soċjali u, fl-affermattiv, jekk jistax jipprovdiha f’terminu ġustifikabbli mill-perspettiva medika fornitur ta’ assistenza finanzjarja ffinanzjat minn fondi pubbliċi, filwaqt li, fin-negattiv, teżamina l-kwalità, is-sigurtà u r-relazzjoni bejn il-prezz u l-effikaċja tal-kura li jipprovdi l-fornitur indikat mill-pazjent?

4)      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament [Nru 883/2004], għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimbors tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa transkonfinali jista’ jintalab biss jekk il-pazjent jitlob awtorizzazzjoni preliminari mingħand l-istituzzjoni kompetenti jew inkella [din id-dispożizzjoni] ma [t]eskludix minn[ha] nnif[isha], f’każ bħal dan, il-possibbiltà li ssir talba għal awtorizzazzjoni a posteriori għar-rimbors tal-ispejjeż?

5)      Jaqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament [Nru 883/2004], il-każ fejn il-pazjent jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor wara li jkun kiseb appuntament konkret għal viżta medika u appuntament provviżorju għal eventwali operazzjoni jew intervent mediku l-għada tal-viżta medika, u, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tal-pazjent, l-operazzjoni jew intervent mediku effettivament isiru? Huwa possibbli, f’dan il-każ, abbażi [ta’ din id-dispożizzjoni] li ssir talba ta’ awtorizzazzjoni a posteriori għar-rimbors tal-ispejjeż?

6)      Jaqa’ taħt il-kunċett ta’ trattament ipprogrammat, fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolament [Nru 987/2009], il-każ fejn il-pazjent jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor wara li jkun kiseb appuntament konkret għal viżta medika u appuntament provviżorju għal eventwali operazzjoni jew intervent mediku l-għada tal-viżta medika, u, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tal-pazjent, l-operazzjoni jew intervent mediku effettivament isiru? F’dan il-każ, huwa possibbli, abbażi [ta’ dan l-artikolu], li ssir talba ta’ awtorizzazzjoni a posteriori għar-rimbors tal-ispejjeż? Fil-każ tal-kura urġenti u tan-natura vitali li jirreferi għalihom l-Artikolu 26(3) [tar-Regolament Nru 987/2009], hija meħtieġa wkoll abbażi tal-leġiżlazzjoni awtoritazzazzjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 26(1) [ta’ dan ir-regolament]?”

III. Fuq id-domandi preliminari

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

32      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni kemm tal-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009 kif ukoll l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-applikabbiltà tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009 għal sitwazzjoni ddeterminata ma teskludix li din tista’ taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE u li l-persuna kkonċernata jkun jista’ jkollha b’mod parallel, taħt dan l-artikolu tal-aħħar, id-dritt li taċċedi għal kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor f’kundizzjonijiet ta’ ħlas u ta’ rimbors differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et, C‑368/98, EU:C:2001:400, punti 36 sa 53, kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, EU:C:2006:325, punti 46 sa 48).

34      Huwa f’dan il-kuntest ġuridiku li għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari.

B.      Fuq ir-raba’, il-ħames, u s-sitt domanda

35      Permezz tar-raba’, il-ħames u s-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 u/jew l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009, li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-applikazzjoni tal-ewwel regolament, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kura ppjanata”, kura medika rċevuta fi Stat Membru differenti minn dak ta’ residenza tal-persuna assigurata, fuq id-deċiżjoni tagħha biss, meħuda wara l-ineffettività pprovata tal-kura kollha li ngħatatilha f’diversi stabbilimenti mediċi tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha, u jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-persuna assigurata tista’ titlob ir-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, tal-ispejjeż li hija sostniet għall-kura ppjanata rċevuta matul iż-żjara tagħha fl-Istat Membru l-ieħor, anki jekk hija ma talbitx minn qabel awtorizzazzjoni għal dan l-għan mill-imsemmija istituzzjoni, għall-inqas meta ċirkustanzi partikolari, relatati b’mod partikolari mal-istat tas-saħħa tagħha u mal-evoluzzjoni probabbli tal-marda tagħha, jistgħu jiġġustifikaw l-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni u, għalhekk, jippermettu r-rimbors mitlub.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li r-Regolament Nru 883/2004 japplika, konformement mad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(l) tiegħu u tal-Artikolu 3(1) tiegħu, għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet legali oħrajn kif ukoll għall-miżuri l-oħrajn kollha ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li jirrigwardaw is-sezzjonijiet ta’ sigurtà soċjali msemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, bl-eċċezzjoni tal-arranġamenti kuntrattwali minbarra dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(l) tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1984, Tiel-Utrecht Schadeverzekering, 313/82, EU:C:1984:107, punt 16).

37      Minn dan isegwi li, sabiex il-kawża prinċipali tkun tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament Nru 987/2009, il-kura medika inkwistjoni fil-kawża prinċipali trid tkun ingħatat lil WO mill-fornitur privat tal-Istat Membru li mar fih sabiex jirċeviha, skont il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika. Jekk dan ma jkunx il-każ, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jkollhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE u tad-Direttiva 2011/24.

1.      Fuq il-kunċett ta’ “kura ppjanata” u fuq il-kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ tali kura

38      Fir-rigward dwar jekk kura medika transkonfinali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “kura ppjanata”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li dan il-kunċett ma jinsabx b’mod letterali fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, mit-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, espressament intitolata “Kura ppjanata”, moqrija fid-dawl tal-premessa 16 tar-Regolament Nru 987/2009, isegwi li tali kunċett ikopri l-kura tas-saħħa li persuna assigurata ser tingħata fi Stat Membru differenti minn dak li fih hija assigurata jew residenti, u li tikkonsisti f’servizzi in natura msemmija fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004, li, barra minn hekk, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009 jagħmel riferiment għalih espressament.

39      Għandu jiġi ppreċiżat li l-“kura ppjanata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija distinta minn dik imsemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 987/2009, li hija kura mhux mistennija mogħtija lill-persuna assigurata fl-Istat Membru li din il-persuna marret fih għal raġunijiet, pereżempju, turistiċi jew edukattivi, u li rriżultaw neċessarji, mill-perspettiva medika, sabiex ma tkunx obbligata tmur lura, qabel it-tmiem taż-żmien previst taż-żjara tagħha, fl-Istat Membru kompetenti sabiex hemmhekk tirċievi t-trattament neċessarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, EU:C:2010:340, punti 59 sa 61).

40      Konformement mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004, persuna assigurata li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk tibbenefika minn kura ppjanata, skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-regolament, għandha titlob awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti.

41      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament, min-naħa tagħha, tagħti lill-persuna assigurata li taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandha awtorizzazzjoni mitluba konformement mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, dritt għall-kura ppjanata mogħtija, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih tingħata din il-kura, daqslikieku l-persuna interessata kienet taqa’ taħt din l-istituzzjoni tal-aħħar (ara, b’analoġija, dwar l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, li ġie ssostitwit bl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, is-sentenza Elchinov, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fir-rigward tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, din tistipula żewġ kundizzjonijiet li l-issodisfar tagħhom jagħmel obbligatorju l-ħruġ, mill-istituzzjoni kompetenti, tal-awtorizzazzjoni mitluba abbażi tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, dwar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza Elchinov, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Sabiex tiġi ssodisfatta l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-kura inkwistjoni għandha tkun fost is-servizzi previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li l-persuna assigurata tirrisjedi fit-territorju tiegħu. It-tieni kundizzjoni hija ssodisfatta biss jekk il-kura ppjanata li l-persuna assigurata biħsiebha tirċievi fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha ma tistax tingħatalha f’terminu aċċettabbli fuq il-livell mediku, fid-dawl tal-istat attwali tas-saħħa tagħha u tal-evoluzzjoni probabbli tal-marda tagħha, fl-Istat Membru ta’ residenza.

44      Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-kura medika rċevuta fi Stat Membru differenti minn dak li fih tirrisjedi l-persuna assigurata, fuq ir-rieda tagħha biss, għar-raġuni li, skont hi, din il-kura jew kura li għandha l-istess livell ta’ effettività kienet indisponibbli fl-Istat Membru ta’ residenza f’terminu medikament aċċettabbli, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kura ppjanata”, fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 moqri flimkien mal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-benefiċċju ta’ tali kura huwa suġġett, konformement mal-Artikolu 20(1) tal-ewwel regolament, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni mill-Istat Membru ta’ residenza.

2.      Fuq id-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż tal-kura ppjanata fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

45      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 u/jew l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-ispejjeż li l-persuna assigurata sostniet għall-kura ppjanata rċevuta fi Stat Membru differenti minn dak li hija tirrisjedi fih jistgħu jiġu rrimborsati lilha, mill-istituzzjoni kompetenti, għall-inqas meta hemm ċirkustanzi partikolari, relatati b’mod partikolari mal-istat tas-saħħa tagħha u mal-evoluzzjoni probabbli tal-marda tagħha, jistgħu jiġġustifikaw l-assenza ta’ din l-awtorizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009, sa fejn dan sempliċement jipprevedi r-regoli dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u ta’ ħlas għall-kura ppjanata mogħtija lill-persuna assigurata, ma jirregolax il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-imsemmija awtorizzazzjoni. Huwa għalhekk fir-rigward tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE, li għandha tingħata risposta għal din id-domanda.

46      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà identifikat żewġ sitwazzjonijiet li fihom il-persuna assigurata, anki fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni maħruġa debitament qabel tibda tingħata l-kura ppjanata fl-Istat Membru taż-żjara, tista’ tikseb direttament ir-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, ta’ ammont ekwivalenti għal dak li normalment kienet tħallas din l-istituzzjoni li kieku l-persuna assigurata kellha tali awtorizzazzjoni.

47      Fl-ewwel każ, il-persuna assigurata tista’ tikseb tali rimbors meta, wara li tkun ingħatat rifjut min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti wara talba għal awtorizzazzjoni, in-natura mhux fondata ta’ tali rifjut tkun sussegwentement stabbilita, jew mill-istituzzjoni kompetenti nnifisha, jew b’deċiżjoni ġudizzjarja (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et, C‑368/98, EU:C:2001:400, punt 34).

48      Fit-tieni każ, il-persuna assigurata għandha d-dritt tikseb direttament ir-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, ta’ ammont ekwivalenti għal dak li normalment jitħallas minn din tal-aħħar kieku din il-persuna kellha tali awtorizzazzjoni, meta, għal raġunijiet relatati mal-istat tas-saħħa tagħha jew man-neċessità li tirċievi kura b’urġenza fi sptar, hija kienet prekluża milli titlob tali awtorizzazzjoni jew ma setgħetx tistenna d-deċiżjoni tal-istituzzjoni kompetenti fuq it-talba għal awtorizzazzjoni ppreżentata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan ir-rigward li leġiżlazzjoni li teskludi, fil-każijiet kollha, il-ħlas tal-kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, iċċaħħad lill-persuna assigurata mill-ħlas ta’ tali kura, għalkemm il-kundizzjonijiet għal tali ħlas ikunu ssodisfatti. Tali leġiżlazzjoni, li ma tistax tiġi ġġustifikata b’kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, fi kwalunkwe każ, ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, tikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni mhux iġġustifikata fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 49 KE u r-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza Elchinov, punti 45 sa 47, 51 u 75).

49      F’dan il-każ, peress li ma huwiex ikkontestat li WO ma talabx awtorizzazzjoni minn qabel, taħt l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004, għall-kura ppjanata li ngħatatlu fil-Ġermanja u li r-rifjut mill-istituzzjoni kompetenti li tirrimborsa l-ispejjeż relatati magħha huwa bbażat fuq is-sempliċi fatt li huwa ma talabx awtorizzazzjoni qabel ingħata din il-kura, għandu jiġi ddeterminat jekk huwa madankollu għandux dritt, konformement mal-ġurisprudenza li ssegwi mis-sentenza Elchinov, għar-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, tal-ispejjeż li huwa sostna għall-imsemmija kura. Għal dan l-għan, hija l-istituzzjoni kompetenti, taħt l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali, li għandha teżamina jekk iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti minn dik is-sentenza humiex issodisfatti.

50      Minn naħa, għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari relatati mal-istat tas-saħħa jew in-neċessità li tirċievi kura b’urġenza fi sptar, il-persuna assigurata kinitx prekluża milli titlob awtorizzazzjoni għall-ħlas ta’ tali kura fi Stat Membru ieħor jew, jekk hija ppreżentat tali talba għal awtorizzazzjoni qabel il-bidu tal-kura, ma setgħetx tistenna d-deċiżjoni tal-istituzzjoni kompetenti fuq din it-talba (ara, b’analoġija, is-sentenza Elchinov, punti 45 sa 47 u 75 sa 77, kif ukoll id-digriet tal‑11 ta’ Lulju 2013, Luca, C‑430/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:467, punti 28 u 33).

51      Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-ħlas, mill-istituzzjoni kompetenti, tal-kura ppjanata inkwistjoni, taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, kif imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, humiex barra minn hekk issodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza Elchinov, punt 45, u d-digriet tal‑11 ta’ Lulju 2013, Luca, C‑430/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:467, punt 23).

52      F’dan il-każ, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkollu d-dritt li jikseb direttament ir-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, tal-ammont imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

53      Bla ħsara għall-evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ser ikollha tagħmel f’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rispettivi kollha tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, li, bejn id‑29 ta’ Settembru 2016, data li fiha WO għamel kuntatt mat-tabib li jipprattika fil-Ġermanja, għall-finijiet ta’ eżami u ta’ eventwali trattament, u d-data tal-intervent oftalmoloġiku li sarlu b’suċċess f’dan l-Istat Membru, fit‑18 ta’ Ottubru 2016, minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu, l-għada tal-appuntament li huwa kien għamel għal eżami mediku, għaddew 20 jum.

54      Ċertament ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li, matul dan il-perijodu, WO kien jinsab f’sitwazzjoni li tipprekludih milli jintroduċi, mal-istituzzjoni kompetenti, talba għal awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004 għall-kura ppjanata li kienet ser issirlu fil-Ġermanja. Madankollu, l-eżami mwettaq fl-Ungerija fil‑15 ta’ Ottubru 2016, li r-riżultat tiegħu kkonferma l-urġenza tal-intervent oftalmoloġiku li effettivament sar lil WO fil-Ġermanja fit‑18 ta’ Ottubru 2016, jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni fis-sens li, anki jekk jitqies li ma kienx prekluż milli jippreżenta talba għal awtorizzazzjoni minn qabel, huwa ma setax jistenna d-deċiżjoni tal-istituzzjoni kompetenti fuq din it-talba.

55      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għar-raba’, il-ħames u s-sitt domanda preliminari għandha tkun li d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-kura medika rċevuta fi Stat Membru differenti minn dak li fih tirrisjedi l-persuna assigurata, fuq ir-rieda tagħha biss, għar-raġuni li, skont hi, din il-kura jew kura li għandha l-istess livell ta’ effettività kienet indisponibbli fl-Istat Membru ta’ residenza f’terminu medikament aċċettabbli, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kura ppjanata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li l-benefiċċju ta’ tali kura, skont il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 883/2004, huwa, bħala prinċipju, suġġett għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza;

il-persuna assigurata li rċeviet kura ppjanata fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha, mingħajr madankollu ma tkun talbet awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti, konformement mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, għandha dritt għal rimbors, fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament, tal-ispejjeż ta’ din il-kura, jekk

–        minn naħa, bejn id-data ta’ meta sar l-appuntament, għall-finijiet ta’ eżami mediku u ta’ eventwali trattament fi Stat Membru ieħor, u d-data meta ngħatatilha l-kura kkonċernata f’dan l-Istat Membru, li hija kellha żżur, din il-persuna kienet tinsab, għal raġunijiet relatati b’mod partikolari mal-istat tas-saħħa tagħha jew man-neċessità li tirċievi kura b’urġenza hemmhekk, f’sitwazzjoni li kienet tipprekludiha milli titlob mill-istituzzjoni kompetenti tali awtorizzazzjoni jew li tistenna d-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni fuq tali talba, u

–        min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-ħlas tas-servizzi in natura, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) ta’ dan l-istess regolament, huma, barra minn hekk, issodisfatti.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

C.      Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

56      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta, fil-każijiet kollha, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-kura medika mogħtija lill-persuna assigurata fi Stat Membru ieħor għal awtorizzazzjoni minn qabel, inkluż meta jkun jeżisti, fl-istennija tal-ħruġ ta’ din l-awtorizzazzjoni, riskju reali li l-istat tas-saħħa ta’ din il-persuna jmur lura b’mod irriversibbli.

57      Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn iż-żewġ domandi hija rilevanti biss għall-kawża prinċipali fl-ipoteżi li WO ma għandux id-dritt li jikseb rimbors tal-ispejjeż tal-kura li saritlu fil-Ġermanja abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, fin-nuqqas li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

1.      Fuq l-awtorizzazzjoni minn qabel fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE

58      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel il-ħlas jew ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-persuna assigurata fi Stat Membru differenti minn dak tal-affiljazzjoni tagħha, minkejja li l-ħlas jew ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minn din il-persuna f’dan l-Istat Membru tal-aħħar ma huwiex suġġett għall-imsemmija awtorizzazzjoni, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 35, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑255/09, EU:C:2011:695, punt 60).

59      Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li fost l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hemm dawk li jipprevjenu riskju li jiġi ppreġudikat serjament il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, li jinżamm servizz mediku u ta’ sptar ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd, li tinżamm kapaċità ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali, kif ukoll li jkun hemm ippjanar intiż, minn naħa, li jiżgura li fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ikun hemm aċċess suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ kura ta’ kwalità fl-isptar u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat kontroll tal-ispejjeż u sabiex jiġi evitat, sa fejn possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani (ara, b’analoġija, is-sentenza Elchinov, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu stabbilixxiet, f’dan il-kuntest, distinzjoni bejn, minn naħa, is-servizzi mediċi pprovduti mill-prattikanti fl-uffiċċju tagħhom jew fid-dar tal-pazjent u, min-naħa l-oħra, il-kura fl-isptar jew il-kura li tinvolvi l-użu ta’ tagħmir mediku speċjalizzat ħafna u li jqum ħafna flus (iktar ’il quddiem il-“kura mhux fl-isptar ta’ importanza ewlenija”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 1998, Decker, C‑120/95, EU:C:1998:167, punti 39 sa 45; tat‑28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, EU:C:1998:171, punti 41 sa 52; tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 76; kif ukoll tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑512/08, EU:C:2010:579, punti 33 sa 36).

61      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar kura fl-isptar u kura mhux fl-isptar ta’ importanza ewlenija, li jidħlu f’qafas li għandu partikolaritajiet inkontestabbli, li l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix, bħala prinċipju, li d-dritt ta’ pazjent li jirċievi tali servizzi fi Stat Membru ieħor, iffinanzjati mis-sistema li jagħmel parti minnha, ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑512/08, EU:C:2010:579, punti 33 sa 36, kif ukoll is-sentenza Elchinov, punti 40 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni jkunu ġġustifikati fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi kif imfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li ma jeċċedux dak li huwa oġġettivament neċessarju għal dan l-għan u li l-istess riżultat ma jistax jinkiseb permezz ta’ regoli inqas restrittivi tal-libertajiet ikkonċernati. Barra minn hekk, tali sistema għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’tali mod li jiġi kkontrollat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal‑awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tkunx eżerċitata b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elchinov, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-persuni assigurati li jmorru mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel fi Stat Membru differenti minn dak tal-affiljazzjoni tagħhom sabiex jirċievu kura hemmhekk jistgħu jitolbu l-ħlas tal-kura rċevuta biss fil-limiti tal-kopertura ggarantita mis-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ta’ affiljazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Elchinov, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kura medika, sa fejn dawn la jkunu diskriminatorji u lanqas jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni, jibqgħu infurzabbli fil-każ ta’ kura pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak ta’ affiljazzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-eżiġenza ta’ konsultazzjoni minn qabel ta’ tabib tal-familja qabel wieħed jikkonsulta speċjalista (sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet, C‑385/99, EU:C:2003:270, punti 98 u 106).

64      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li xejn ma jipprekludi li Stat Membru jiffissa l-ammonti tar-rimbors li l-pazjenti li jkunu rċevew kura fi Stat Membru ieħor jistgħu jitolbu, sakemm dawn l-ammonti jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u trasparenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet, C‑385/99, EU:C:2003:270, punt 107).

2.      Fuq l-awtorizzazzjoni minn qabel fid-dawl tad-Direttiva 2011/24

65      Id-Direttiva 2011/24, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 8 tagħha, twettaq kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ċerti aspetti relatati mal-kura tas-saħħa mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak fejn jirrisjedi l-benefiċjarju, b’mod partikolari r-rimbors ta’ din il-kura, sabiex wieħed jasal għal applikazzjoni iktar ġenerali u dejjem iktar effikaċi tal-prinċipji stabbiliti każ b’każ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

66      Id-Direttiva 2011/24 tapplika, skont l-Artikolu 2(m) tagħha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009. Għaldaqstant, l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, “[f]ir-rigward tat-talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel magħmula minn persuna assigurata bil-ħsieb li tirċievi kura tas-saħħa transkonfinali, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni għandu jaċċerta jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament [Nru 883/2004] jkunux ġew issodisfatti” u jippreċiża li “[f]ejn dawk il-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati, l-awtorizzazzjoni minn qabel għandha tingħata skont dak ir-Regolament sakemm il-pazjent ma jitlobx li jsir mod ieħor”. Il-premessa 46 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li, meta l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-ħlas stipulati fir-Regolament Nru 883/2004 huma ssodisfatti, din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata u s-servizzi għandhom jiġu pprovduti konformement ma’ dan ir-regolament, għall-inqas sakemm il-pazjent ma jitlobx mod ieħor. L-istess japplika meta l-awtorizzazzjoni tingħata wara eżami mill-ġdid amministrattiv jew ġudizzjarju tat-talba u li l-persuna kkonċernata tkun ibbenefikat minnha sa mit-trattament fi Stat Membru ieħor.

67      L-Artikolu 7, li jinsab fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/24, li jirregola r-rimbors tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali, huwa intitolat “Prinċipji ġenerali għar-rimborż tal-ispejjeż”, u jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-prinċipju skont liema “[m]ingħajr ħsara għar-Regolament [Nru 883/2004] u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni għandu jiżgura li l-ispejjeż magħmula mill-persuna assigurata li tirċievi kura tas-saħħa transkonfinali jiġu rimborżati, jekk il-kura tas-saħħa inkwistjoni tkun fost il-benefiċċji li l-persuna assigurata hija intitolata għalihom fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni”.

68      Sussegwentement, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2011/24 jipprovdi li l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali għandhom jiġu rrimborsati jew imħallsa direttament mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni sal-livell tal-ispejjeż li kienu jitħallsu kieku din il-kura tas-saħħa kienet ipprovduta fit-territorju tiegħu mingħajr ma jinqabżu l-ispejjeż reali tal-kura tas-saħħa rċevuta.

69      Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(7) ta’ din id-direttiva jsegwi li l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ jimponi fuq persuna assigurata, li tixtieq tibbenefika mir-rimbors tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali, l-istess kundizzjonijiet, kriterji ta’ eliġibbiltà u formalitajiet regolatorji u amministrattivi – kemm jekk stabbiliti fuq il-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali – li jimponi kieku din il-kura tas-saħħa kienet ipprovduta fit-territorju tiegħu, inkluża valutazzjoni minn professjonist tas-saħħa, sakemm dawn il-kundizzjonijiet, kriterji għall-eliġibbiltà u formalitajiet regolatorji u amministrattivi ma jkunux diskriminatorji jew ma jikkostitwixxux ostakolu għall-moviment liberu ta’ pazjenti, servizzi jew merkanzija, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat oġġettivament mir-rekwiżiti imperattivi tal-ippjanar.

70      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 7(8) tad-Direttiva 2011/24 isegwi li l-Istat Membru ma għandux jagħmel ir-rimbors tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel, ħlief fil-każijiet imniżżla fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

71      Fir-rigward tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/24, dwar il-“[k]ura tas-saħħa li tista’ tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel”, filwaqt li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ jipprevedi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimbors tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu u l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, dan l-istess Artikolu 8(1) jippreċiża li din is-sistema, inklużi l-kriterji u l-applikazzjoni tagħhom, u d-deċiżjonijiet individwali ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, għandha tkun ristretta għal dak li hu neċessarju u proporzjonali għall-għan imfittex u ma tistax tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ostakolu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu tal-pazjenti.

72      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/24, li jistabbilixxi lista eżawrjenti tal-kura tas-saħħa li tista’ tiġi suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel, isemmi, fil-punt (a) tiegħu, il-kura li “hija soġġetta għar-rekwiżiti tal-ippjanar marbuta mal-ħsieb li jiġi żgurat aċċess suffiċjenti u permanenti għal għażla bbilanċjata ta’ trattamenti ta’ kwalità għolja fl-Istat Membru kkonċernat jew max-xewqa li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u tiġi evitata, kemm jista’ jkun possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani” u li “tinvolvi akkomodazzjoni fi sptar mal-lejl għall-pazjent ikkonċernat għal mill-anqas lejl wieħed” (punt (i)) jew “teħtieġ l-użu ta’ infrastruttura medika jew tagħmir mediku speċjalizzati ħafna u għoljin ħafna” (punt (ii)).

3.      Fuq l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 56 TFUE u tad-Direttiva 2011/24

a)      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

73      Mill-punti għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, minn naħa, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari tal-Artikolu 27(6) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Mard, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet Governattiv u tad-digriet settorjali, il-ħlas u r-rimbors mill-istituzzjoni kompetenti tal-kura fl-isptar kif ukoll l-interventi outpatient ta’ ġurnata, meta dawn kienu saru fi Stat Membru ieħor, kienu jiddependu minn awtorizzazzjoni minn qabel. Min-naħa l-oħra, il-benefiċċju tas-servizzi in natura disponibbli fil-kuntest tas-sigurtà soċjali Ungeriża li WO kien affiljat magħha ma kienx suġġett għal tali awtorizzazzjoni.

74      Min-naħa l-oħra, it-talba ta’ WO intiża għar-rimbors tal-ispejjeż tal-kura medika li kienet ingħatatlu fil-Ġermanja ġiet miċħuda fit-totalità tagħha mill-istituzzjoni kompetenti, minħabba l-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Din iċ-ċaħda kienet tirrigwarda, bla ħsara għal verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel, kemm l-ispejjeż tal-intervent oftalmoloġiku li sar fit‑18 ta’ Ottubru 2016 kif ukoll dawk tal-konsultazzjoni medika li saret fis‑17 ta’ Ottubru 2016. Madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jsegwix li r-rimbors, għall-benefiċċju tal-persuna affiljata mas-sistema obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-mard Ungeriża, tal-ispejjeż relatati ma’ konsultazzjoni medika fl-Ungerija, kien suġġett għal tali awtorizzazzjoni.

75      Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel bħal dik implimentata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

b)      Fuq il-ġustifikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

76      Il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar in-natura proporzjonata tar-restrizzjoni li għandha s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel implimentata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn ir-rimbors tal-ispejjeż tal-kura transkonfinali huwa suġġett, fil-każijiet kollha, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, inkluż meta l-persuna assigurata, fid-dawl tal-kundizzjoni medika tagħha li teħtieġ kura b’urġenza ta’ natura vitali u tal-importanza ewlenija tal-proċedura applikabbli, ma tkunx talbet mill-istituzzjoni kompetenti awtorizzazzjoni qabel il-bidu tal-kura. Barra minn hekk, dik il-qorti tindika li, peress li l-introduzzjoni ta’ talba għal awtorizzazzjoni a posteriori ma hijiex prevista, ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat, f’talba għal rimbors tal-ispejjeż ta’ kura transkonfinali, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan humiex issodisfatti.

77      Il-Gvern Ungeriż jispjega, min-naħa tiegħu, li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-ħlas u għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali, implimentata mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, hija intiża li tippermetti lis-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali taffaċċja l-isfidi eċċezzjonali, fis-sens ta’ ppjanar, li jqumu f’soċjetà li qiegħda tixjieħ. Dan il-gvern jargumenta li, kieku kienet miftuħa l-possibbiltà li tintalab awtorizzazzjoni a posteriori, din ma kinitx tħajjar iktar lill-pazjenti li jitolbu awtorizzazzjoni minn qabel u kienet tkun ta’ benefiċċju għal dawk informati aħjar u li għandhom il-mezzi sabiex jieħdu kura barra mill-pajjiż, bil-konsegwenza ta’ eżawriment tar-riżorsi finanzjarji tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali. Din is-sistema, li huma affiljati magħha diversi miljuni ta’ persuni, maż-żmien tispiċċa tiddgħajjef, kemm finanzjarjament kif ukoll fuq il-livell tar-riżorsi umani.

1)      Fuq l-ammissibbiltà tal-ġustifikazzjoni invokata

78      Il-ġustifikazzjoni mqajma mill-Gvern Ungeriż taqa’, essenzjalment, taħt il-ħtieġa li jiġi żgurat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat aċċess suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ kura ta’ kwalità fl-isptar u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat kontroll tal-ispejjeż u sabiex jiġi evitat, sa fejn possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani. Issa, bħalma jirriżulta mill-punti 59 u 72 ta’ din is-sentenza, tali għanijiet, bħala prinċipju, jistgħu jiġġustifikaw, fid-dawl kemm tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/24, l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimbors tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa rċevuti fi Stat Membru ieħor.

79      Madankollu, bħalma jsegwi mill-punti 60, 61 u 72 ta’ din is-sentenza, din iċ-ċirkustanza imperattiva tista’ tiġi invokata biss, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 56 TFUE, fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/24, f’ċerti sitwazzjonijiet biss li huma elenkati b’mod eżawrjenti f’din il-ġurisprudenza u fil-punti (i) u (ii) ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, u l-konsultazzjoni medika ma hijiex fost is-sitwazzjonijiet imsemmija. Minn dan isegwi li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li timponi l-awtorizzazzjoni minn qabel fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ tali konsultazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma tistax tiġi ġġustifikata b’riferiment għall-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u ma tosservax il-kundizzjonijiet previsti fl-inċiżi (i) u (ii) tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/24.

80      Fir-rigward tal-intervent oftalmoloġiku li sar lil WO matul iż-żjara tiegħu fil-Ġermanja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li dan huwa kura fl-isptar jew kura mhux fl-isptar ta’ importanza ewlenija, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza u fl-inċiżi (i) u (ii) tal-punt (a) tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/24. Huwa biss f’tali ipoteżi li ċ-ċirkustanza imperattiva invokata mill-Gvern Ungeriż tkun, bħala prinċipju, ammissibbli.

2)      Fuq il-proporzjonalità tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

81      Fil-każ li l-kura kkonċernata tkun tikkostitwixxi kura fl-isptar jew mhux fl-isptar ta’ importanza ewlenija, ikun irid ukoll jiġi vverifikat jekk is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel implimentata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ tali kura, irċevuta fi Stat Membru ieħor, tosservax il-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza u fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24.

82      Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fil-każijiet kollha, il-ħlas ta’ kura fl-isptar mogħtija mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel iċċaħħad lill-persuna assigurata, li, għal raġunijiet marbuta mal-istat tas-saħħa tagħha jew man-neċessità li tirċievi kura urġenti fi sptar, ġiet ostakolata milli titlob tali awtorizzazzjoni jew ma setgħetx tistenna t-tweġiba mill-istituzzjoni kompetenti, mill-ħlas, minn din l-istituzzjoni, ta’ tali kura, għalkemm il-kundizzjonijiet għal tali ħlas ikunu barra minn hekk issodisfatti (sentenza Elchinov, punt 45).

83      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk deskritti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-ħlas ta’ tali kura ma huwiex tali li jipperikola l-kisba ta’ għanijiet ta’ ppjanar ta’ sptar u lanqas ma jippreġudika serjament il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, peress li tali ħlas ma jaffettwax iż-żamma ta’ servizz ta’ sptar ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd, u lanqas il-kapaċità ta’ kura u ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali (sentenza Elchinov, punt 46).

84      Il-kunsiderazzjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għall-ħlas, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, tal-kura fl-isptar fi Stat Membru ieħor, fil-kuntest tal-Artikolu 49 KE u tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jistgħu jiġu trasposti għall-kuntest tal-Artikolu 56 TFUE u tad-Direttiva 2011/24, dwar id-dritt għal rimbors, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, tal-kura fl-isptar jew mhux fl-isptar ta’ importanza ewlenija fi Stat Membru ieħor.

85      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi r-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, tal-ispejjeż relatati mal-kura fl-isptar jew mhux fl-isptar ta’ importanza ewlenija rċevuti fi Stat Membru ieħor, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, inkluż fis-sitwazzjonijiet partikolari li fihom il-persuna assigurata kienet prekluża milli titlob tali awtorizzazzjoni jew ma setgħetx tistenna d-deċiżjoni tal-istituzzjoni kompetenti fuq it-talba għal awtorizzazzjoni ppreżentata, għal raġunijiet marbuta mal-istat tas-saħħa tagħha jew man-neċessità li tirċievi tali kura b’urġenza, anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali ħlas ikunu barra minn hekk issodisfatti, ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità mfakkar fil-punti 62 u 71 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tinkludi restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE u tikser l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24.

86      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li:

–        l-Artikolu 56 TFUE u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-rimbors, fil-limiti tal-kopertura żgurata mis-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat ta’ affiljazzjoni, spejjeż ta’ konsultazzjoni medika sostnuti fi Stat Membru ieħor;

–        l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ li l-persuna assigurata kienet prekluża milli titlob awtorizzazzjoni jew ma setgħetx tistenna d-deċiżjoni tal-istituzzjoni kompetenti fuq it-talba ppreżentata, għal raġunijiet marbuta mal-istat tas-saħħa tagħha jew man-neċessità li tirċievi kura b’urġenza fl-isptar jew mhux fl-isptar ta’ importanza ewlenija, anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali ħlas ikunu barra minn hekk issodisfatti, teskludi, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-rimbors, fil-limiti tal-kopertura żgurata mis-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat ta’ affiljazzjoni, spejjeż ta’ tali kura li ngħatatilha fi Stat Membru ieħor.

D.      Fuq it-tielet domanda

87      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiffissaw termini raġonevoli għat-trattament tat-talbiet għal kura tas-saħħa transkonfinali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, indipendentement mill-kundizzjoni medika tal-pazjent li jkun talab awtorizzazzjoni minn qabel għall-ħlas tal-kura transkonfinali, jipprevedi terminu ta’ 31 jum għall-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni u ta’ 23 jum għar-rifjut tagħha.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiffissaw termini raġonevoli li t-talbiet għal kura tas-saħħa transkonfinali għandhom jiġu ttrattati fihom, kif ukoll li jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-eżami ta’ dawn it-talbiet, konformement mal-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni, “il-kundizzjoni medika speċifika” kif ukoll “l-urġenza u ċ-ċirkostanzi individwali”.

89      Filwaqt li l-qorti tar-rinviju tindika li t-terminu għat-trattament tat-talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel għall-ħlas tal-kura tas-saħħa transkonfinali huwa ffissat mil-leġiżlazzjoni Ungeriża indipendentement mill-kundizzjoni medika tal-pazjent li jkun talab tali awtorizzazzjoni, mill-osservazzjonijiet bil-miktub kemm tal-Gvern Ungeriż kif ukoll tal-Kummissjoni jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Digriet Governattiv, li ttraspona l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24 fl-ordinament ġuridiku Ungeriż, jippermetti lill-istituzzjoni kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari u l-urġenza tal-każ inkwistjoni fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ dan id-digriet.

90      Barra minn hekk, minn ebda dokument fil-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsegwi li, matul it-trattament tat-talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel għall-kura tas-saħħa transkonfinali, l-istituzzjonijiet kompetenti ma jiħdux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari u l-urġenza tal-każ konkret.

91      Għalhekk ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ 31 jum għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-ħlas ta’ kura transkonfinali u ta’ 23 jum għar-rifjut tagħha, filwaqt li tippermetti lill-istituzzjoni kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari u l-urġenza tal-każ inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

92      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, u tal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-kura medika rċevuta fi Stat Membru differenti minn dak li fih tirrisjedi l-persuna assigurata, fuq ir-rieda tagħha biss, għar-raġuni li, skont hi, din il-kura jew kura li għandha l-istess livell ta’ effettività kienet indisponibbli fl-Istat Membru ta’ residenza f’terminu medikament aċċettabbli, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kura ppjanata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li l-benefiċċju ta’ tali kura, skont il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 883/2004, huwa, bħala prinċipju, suġġett għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza;

il-persuna assigurata li rċeviet kura ppjanata fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha, mingħajr madankollu ma tkun talbet awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti, konformement mal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, għandha dritt għal rimbors, fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament, tal-ispejjeż ta’ din il-kura, jekk:

–        minn naħa, bejn id-data ta’ meta sar l-appuntament, għall-finijiet ta’ eżami mediku u ta’ eventwali trattament fi Stat Membru ieħor, u d-data meta ngħatatilha l-kura kkonċernata f’dan l-Istat Membru, li hija kellha żżur, din il-persuna kienet tinsab, għal raġunijiet relatati b’mod partikolari mal-istat tas-saħħa tagħha jew man-neċessità li tirċievi kura b’urġenza hemmhekk, f’sitwazzjoni li kienet tipprekludiha milli titlob mill-istituzzjoni kompetenti tali awtorizzazzjoni jew li tistenna d-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni fuq tali talba, u

–        min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-ħlas tas-servizzi in natura, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) ta’ dan l-istess regolament, huma, barra minn hekk, issodisfatti.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

2)      L-Artikolu 56 TFUE u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-rimbors, fil-limiti tal-kopertura żgurata mis-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat ta’ affiljazzjoni, spejjeż tal-konsultazzjoni medika sostnuti fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ li l-persuna assigurata kienet prekluża milli titlob awtorizzazzjoni jew ma setgħetx tistenna d-deċiżjoni tal-istituzzjoni kompetenti fuq it-talba ppreżentata, għal raġunijiet marbuta mal-istat tas-saħħa tagħha jew man-neċessità li tirċievi kura b’urġenza fl-isptar jew kura b’urġenza li tinvolvi l-użu ta’ tagħmir mediku speċjalizzat ħafna u li jqum ħafna flus, anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali ħlas ikunu barra minn hekk issodisfatti, teskludi, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-rimbors, fil-limiti tal-kopertura żgurata mis-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat ta’ affiljazzjoni, spejjeż ta’ tali kura li ngħatatilha fi Stat Membru ieħor.

3)      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ 31 jum għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-ħlas ta’ kura transkonfinali u ta’ 23 jum għar-rifjut tagħha, filwaqt li tippermetti lill-istituzzjoni kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari u l-urġenza tal-każ inkwistjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.